SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)
15 ta’ Novembru 2018 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Assigurazzjoni obbligatorja għar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu ta’ vetturi bil-mutur – Direttiva 72/166/KEE – Artikolu 3(1) – Kunċett ta’ ‘użu ta’ vetturi’ – Inċident li jinvolvi żewġ vetturi pparkjati f’parkeġġ – Dannu materjali kkawżat lil vettura minn passiġier tal-vettura viċina li fetaħ il-bieba tagħha”
Fil-Kawża C‑648/17,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Augstākā tiesa (il-Qorti Suprema, il-Latvja), permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Novembru 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑20 ta’ Novembru 2017, fil-proċedura
“BTA Baltic Insurance Company” AS, li kienet “Balcia Insurance” SE,
vs
“Baltijas apdrošināšanas Nams” AS,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),
komposta minn A. Arabadjiev (Relatur), President tat-Tieni Awla, li qed jaġixxi bħala l-President tas-Sitt Awla, C.G. Fernlund u S. Rodin, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: Y. Bot,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal “BTA Baltic Insurance Company” AS, li kienet Balcia Insurance SE, minn E. Matveja u W. Stockmeyer, |
|
– |
għal “Baltijas Apdrošināšanas Nams” AS, minn A. Pečerica, |
|
– |
għall-Gvern Latvjan, minn I. Kucina u V. Soņeca, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Garofoli, avvocato dello Stato, |
|
– |
għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn K.‑P. Wojcik u A. Sauka bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 72/166/KEE tal‑24 ta’ April 1972 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ l-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar ta’ l-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 10, iktar ’il quddiem l-“Ewwel Direttiva”). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn “BTA Baltic Insurance Company” AS, li kienet “Balcia Insurance” SE (iktar ’il quddiem “BTA”) u “Baltijas apdrošināšanas Nams” AS (iktar ’il quddiem “BAN”) dwar ir-rimbors ta’ kumpens ta’ assigurazzjoni mħallas minn BTA lil wieħed mill-klijenti tagħha. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
|
3 |
Id-Direttiva 2009/103/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Settembru 2009 dwar l-assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà (ĠU 2009, L 263, p. 11), ħassret b’mod partikolari l-Ewwel Direttiva u t-Tieni Direttiva tal-Kunsill 84/5/KEE tat‑30 ta’ Diċembru 1983 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ l-użu ta’ vetturi bil-mutur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 3, iktar ’il quddiem it-“Tieni Direttiva”). Madankollu, fid-dawl tad-data tal-fatti relatati mal-kawża prinċipali, din tal-aħħar tibqa’ rregolata mid-Direttivi mħassra. |
|
4 |
L-Artikolu 1 tal-Ewwel Direttiva kien jipprovdi: “Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva: […]
[…]” |
|
5 |
Skont l-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva: “Kull Stat Membru għandu, soġġett għall-Artikolu 4, jieħu l-miżuri kollha approprjati biex jassigura li r-responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ l-użu ta’ vetturi normalment ibbażati fit-territorju tiegħu ikun kopert minn assigurazzjoni. Il-limiti koperti tar-responsabbiltà u l-kondizzjonijiet tal-kopertura għandhom ikunu ddeterminati fuq il-bażi ta’ dawn il-miżuri.” |
|
6 |
L-Artikolu 2(1) tat-Tieni Direttiva kien jipprevedi: “Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri neċessarji biex jassigura li kull dispożizzjoni statutorja jew kull klawsola kontrattwali li tkun tinstab fil-polza ta’ l-assigurazzjoni maħruġa skond l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 72/166/KEE, li teskludi mill-assigurazzjoni l-użu jew is-sewqan ta’ vetturi minn:
għall-iskopijiet ta’ l-Artikolu 3(1) ta[l-Ewwel Direttiva], titqies nulla fir-rigward ta’ pretensjonijiet minn partijiet terzi li kienu vittmi ta’ inċident. […]” |
|
7 |
L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva kien jipprovdi: “Il-membri tal-familja tal-persuna assigurata, ix-xufier jew kull persuna oħra li hi responsabbli taħt il-liġi ċivili fil-każ ta’ inċident, u li r-responsabbilità tagħha hija koperta mill-assigurazzjoni msemmija fl-Artikolu 1(1) m’għandhiex tiġi eskluża mill-assigurazzjoni fir-rigward tal-korrimenti personali [tad-danni fiżiċi] tagħha minħabba dik ir-relazzjoni.” |
Id-dritt Latvjan
|
8 |
L-Artikolu 1 tas-Sauszemes transportlīdzekļu īpašnieku civiltiesiskās atbildības obligātās apdrošināšanas likums (il-Liġi dwar l-Assigurazzjoni Obbligatorja għar-Responsabbiltà Ċivili tal-Proprjetarji tal-Vetturi tal-Art li Tittrasponi l-Ewwel Direttiva u t-Tieni Direttiva, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-Assigurazzjoni Obbligatorja”) jipprovdi: “Għall-finijiet ta’ din il-liġi: […]
[…]” |
|
9 |
L-Artikolu 3 ta’ din il-liġi jipprovdi: “1. Is-suġġett tal-assigurazzjoni obbligatorja għandu jkun ir-responsabilità ċivili tal-proprjetarju jew tad-detentur tal-vettura (iktar ’il quddiem ir-‘responsabbiltà ċivili tal-proprjetarju’) għad-dannu kkawżat lil terz fil-kuntest ta’ inċident tat-traffiku. 2. Kull proprjetarju ta’ vettura għandu jassigura r-responsabbiltà ċivili tal-proprjetarju għal kull vettura mqiegħda fiċ-ċirkulazzjoni billi jikkonkludi kuntratt ta’ assigurazzjoni xieraq. […]” |
|
10 |
L-Artikolu 18 tal-imsemmija liġi jipprevedi: “Fil-każ li jimmaterjalizza ruħu riskju assigurat, l-assiguratur li assigura r-responsabbiltà ċivili tal-proprjetarju tal-vettura responsabbli għad-dannu […] għandu, fil-limiti tar-responsabbiltà tal-assiguratur, jikkumpensa d-dannu […] li ġie kkawżat lil terz fil-kuntest ta’ inċident tat-traffiku.” |
|
11 |
Skont l-Artikolu 25(1) ta’ din l-istess liġi: “Id-dannu kkawżat lill-proprjetà ta’ terz fil-kuntest ta’ inċident tat-traffiku huwa d-dannu li jirriżulta:
[…]” |
|
12 |
L-Artikolu 31(10) tal-Liġi dwar l-Assigurazzjoni Obbligatorja jipprovdi: “Jekk kumpanija tal-assigurazzjoni oħra tkun ikkumpensat id-dannu abbażi ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni volontarja, l-assiguratur li jkun assigura r-responsabbiltà ċivili tal-proprjetarju tal-vettura responsabbli għad-dannu kkawżat fil-kuntest ta’ inċident tat-traffiku […] għandu jħallas lura l-ammont tal-kumpens kkalkulat u mħallas skont il-modalitajiet previsti minn din il-liġi.” |
|
13 |
L-Artikolu 1 taċ-Ceļu satiksmes likums (il-Liġi dwar is-Sigurtà fit-Toroq) huwa fformulat kif ġej: “Il-liġi tuża t-termini sussegwenti: […]
[…]
|
|
14 |
L-Artikolu 44 ta’ din il-liġi jipprovdi: “1. Id-dannu li jirriżulta minn ksur ta’ din il-liġi jew ta’ atti leġiżlattivi oħra relatati mas-sigurtà fit-toroq għandu jiġi kkumpensat. 2. Il-proprjetarju jew id-detentur ta’ vettura għandu jkun responsabbli għad-dannu kkawżat mill-użu ta’ din il-vettura sakemm huwa ma jipproduċix prova li d-dannu huwa dovut għal każ ta’ forza maġġuri, għall-intenzjoni jew għal negliġenza serja tal-vittma stess jew għal raġuni oħra li, skont il-liġi, teżenta mir-responsabbiltà għad-dannu. […]” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
15 |
Fl‑24 ta’ Ottubru 2008, il-passiġġier ta’ vettura pparkjata f’parkeġġ ta’ supermarket (iktar ’il quddiem l-“ewwel vettura”) ikkawża ħsara, huwa hu jiftaħ il-bieba ta’ wara tan-naħa tal-lemin tal-istess vettura, lin-naħa ta’ wara tax-xellug tal-vettura viċina (iktar ’il quddiem it-“tieni vettura”). |
|
16 |
Il-proprjetarju tat-tieni vettura u s-sewwieq tal-ewwel vettura mlew fuq il-post tal-inċident rapport bonarju li jikkonstata s-seħħ ta’ inċident li fih is-sewwieq tal-ewwel vettura rrikonoxxa li huwa kellu tort u indika li kien il-passiġġier tal-ewwel vettura li laqgħat, bil-bieba ta’ wara tal-imsemmija vettura, it-tieni vettura. |
|
17 |
BTA kienet ikkonkludiet kuntratt ta’ assigurazzjoni fakultattiva mal-proprjetarju tat-tieni vettura. Ir-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu tal-ewwel vettura kienet assigurata ma’ BAN. |
|
18 |
BTA ħallset lill-klijent tagħha, il-proprjetarju tat-tieni vettura, abbażi tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni li hija kienet ikkonkludiet miegħu, is-somma ta’ LVL 47.42 (madwar EUR 67.47) li tikkorrispondi għall-ispejjeż tat-tiswija tad-dannu kkawżat lil din vettura, wara tnaqqis tal-eċċess. Din il-kumpannija sussegwentement talbet lil BAN tirrimborsalha l-ispejjeż hekk sostnuti. |
|
19 |
BAN irrifjutat li tirrimborsa dawn l-ispejjeż peress li inċident li jseħħ bejn żewġ vetturi li ma jkunux qegħdin jiċċaqalqu ma jistax jitqies bħala “riskju assigurat”, fis-sens tal-Liġi dwar l-Assigurazzjoni Obbligatorja. |
|
20 |
BTA għaldaqstant bdiet proċeduri legali kontra BAN, għall-finijiet tar-rimbors tal-kumpens li hija kienet ħallset lill-proprjetarju tat-tieni vettura. Il-qorti tal-ewwel istanza u dik tal-appell laqgħu r-rikors tagħha. |
|
21 |
Fuq appell ippreżentat minn BAN, l-Augstākā tiesa (il-Qorti Suprema, il-Latvja), permezz ta’ sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2014, annullat is-sentenza mogħtija fl-appell minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni. |
|
22 |
Hija u tiddeċiedi fuq rinviju, ir-Rīgas apgabaltiesas Civillietu tiesas kolēģija (il-Qorti Reġjonali ta’ Riga, Kulleġġ Ċivili, il-Latvja), permezz ta’ sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2014, ċaħdet ir-rikors ta’ BTA minħabba li jkun hemm inċident tat-traffiku biss meta mill-inqas waħda mill-vetturi involuti tkun miexja u, konsegwentement, ir-riskju assigurat ma’ BAN ma kienx twettaq f’dan il-każ. Din il-qorti kkonstatat, barra minn hekk, li ma kienx il-proprjetarju tal-ewwel vettura li kien ċivilment responsabbli għad-dannu kkawżat lit-tieni vettura, iżda l-passiġġier tal-ewwel vettura. |
|
23 |
BTA appellat fil-kassazzjoni minn din is-sentenza quddiem l-Augstākā tiesa (il-Qorti Suprema). Insostenn tal-appell tagħha, hija ssostni, b’mod partikolari, li l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “riskju assigurat” adottata mir-Rīgas apgabaltiesas Civillietu tiesas kolēģija (il-Qorti Reġjonali ta’ Riga, Kulleġġ Ċivili) tmur kontra l-għan ta’ protezzjoni tal-vittmi ta’ inċidenti kkawżati mill-vetturi bil-mutur, li trid tilħaq il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu tagħhom, li l-użu ta’ tali vettura jista’ jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi” anki jekk din tkun wieqfa u li, peress li l-proprjetarju ta’ vettura huwa responsabbli għad-danni kkawżati lil terzi mill-passiġġieri ta’ din il-vettura fil-kuntest tal-użu tagħha, dawn id-danni huma koperti mill-assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili relatata ma’ din il-vettura. |
|
24 |
Il-Qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-azzjoni ta’ ftuħ tal-bieba ta’ vettura pparkjata tikkostitwixxix “[użu ta’ vettura li] huwa konformi mal-funzjoni normali ta’ din il-vettura”, fis-sens tas-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2014, Vnuk (C‑162/13, EU:C:2014:2146), u jekk, konsegwentement, din taqax taħt il-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva. |
|
25 |
Il-qorti tar-rinviju tosserva, f’dan ir-rigward, li d-definizzjoni wiesgħa li l-Qorti tal-Ġustizzja tat lil dan il-kunċett fis-sentenza msemmija, timmilita favur risposta fl-affermattiv għal din id-domanda. Fil-fatt, skont din il-qorti, it-tlugħ u l-inżul tal-passiġġieri minn vettura huma indikazzjoni tal-użu tagħha, u din il-vettura ma tistax tiġi użata bis-sħiħ jekk il-passiġġieri jibqgħu abbord. |
|
26 |
Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għal din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi” imsemmi fl-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva jkoprix ukoll il-każijiet li fihom passiġġier juża l-vettura. |
|
27 |
F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, skont l-Artikolu 1(2) tal-l-Ewwel Direttiva, il-kunċett ta’ “parti inġurjata”, fis-sens ta’ din id-direttiva, jirreferi għal kull persuna li għandha dritt għal kumpens fir-rigward tad-dannu kkawżat minn vetturi. Hija żżid li l-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva jsemmi l-“użu” tal-vetturi u mhux ir-responsabbiltà biss tas-sewwieqa. |
|
28 |
Barra minn hekk, din il-qorti tosserva li l-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, fis-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2014, Vnuk (C‑162/13, EU:C:2014:2146), li jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi” imsemmi f’din id-dispożizzjoni kwalunkwe użu ta’ vettura li huwa konformi mal-funzjoni normali ta’ din il-vettura. Issa, l-azzjoni ta’ ftuħ tal-bibien ta’ vettura għat-tlugħ jew għall-inżul minnha tikkostitwixxi tali użu. |
|
29 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Augstākā tiesa (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
|
30 |
Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi”, imsemmi f’din id-dispożizzjoni, sitwazzjoni li fiha l-passiġġier ta’ vettura pparkjata f’parkeġġ, huwa u jiftaħ il-bieba ta’ din il-vettura, laqat u kkawża ħsara lill-vettura li kienet ipparkjata ħdejh. |
|
31 |
F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li l-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi”, previst fl-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva, ma jistax jitħalla fid-diskrezzjoni ta’ kull Stat Membru, iżda jikkostitwixxi kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni, li għandu jiġi interpretat, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni u tal-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni li din tagħmel parti minnha (sentenzi tal‑4 ta’ Settembru 2014, Vnuk, C‑162/13, EU:C:2014:2146, punti 41 u 42, kif ukoll tat‑28 ta’ Novembru 2017, Rodrigues de Andrade, C‑514/16, EU:C:2017:908, punt 31). |
|
32 |
Issa, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu tal-vetturi hija intiża, minn naħa, li tiżgura l-moviment liberu kemm tal-vetturi li normalment ikunu pparkjati fit-territorju tal-Unjoni Ewropea u kemm tal-persuni li jkunu abbord dawn il-vetturi u, min-naħa l-oħra, li tiggarantixxi li l-vittmi tal-inċidenti kkawżati minn dawn il-vetturi jibbenefikaw minn trattament komparabbli, irrispettivament minn fejn iseħħ l-inċident fit-territorju tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑23 ta’ Ottubru 2012, Marques Almeida, C‑300/10, EU:C:2012:656, punt 26; tal‑4 ta’ Settembru 2014, Vnuk, C‑162/13, EU:C:2014:2146, punt 50, u tat‑28 ta’ Novembru 2017, Rodrigues de Andrade, C‑514/16, EU:C:2017:908, punt 32). |
|
33 |
Barra minn hekk, mill-iżvilupp ta’ din il-leġiżlazzjoni jirriżulta li l-għan ta’ protezzjoni tal-vittmi ta’ inċidenti kkawżati minn dawn il-vetturi kien segwit u msaħħaħ b’mod kostanti mil-leġiżlatur tal-Unjoni (sentenzi tal‑4 ta’ Settembru 2014, Vnuk, C‑162/13, EU:C:2014:2146, punti 52 sa 55, kif ukoll tat‑28 ta’ Novembru 2017, Rodrigues de Andrade, C‑514/16, EU:C:2017:908, punt 33). |
|
34 |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi” li jinsab fl-imsemmi artikolu ma huwiex limitat għas-sitwazzjonijiet ta’ użu ta’ vetturi fit-triq, jiġifieri l-użu fit-toroq pubbliċi, u li dan il-kunċett ikopri kull użu ta’ vettura li jkun konformi mal-funzjoni normali tagħha (sentenzi tal‑4 ta’ Settembru 2014, Vnuk, C‑162/13, EU:C:2014:2146, punt 59, u tat‑28 ta’ Novembru 2017, Rodrigues de Andrade, C‑514/16, EU:C:2017:908, punt 34). |
|
35 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, sa fejn il-vetturi bil-mutur imsemmija fl-Artikolu 1(1) tal-Ewwel Direttiva, huma, irrispettivament mill-karatteristiċi tagħhom, intiżi li jservu normalment bħala mezzi ta’ trasport, dan il-kunċett ikopri kull użu ta’ vettura bħala mezz ta’ trasport (sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2017, Rodrigues de Andrade, C‑514/16, EU:C:2017:908, punti 37 u 38). |
|
36 |
F’dan il-każ, hemm lok li jitqies li l-azzjoni ta’ ftuħ tal-bieba ta’ vettura tikkostitwixxi użu tagħha li huwa konformi mal-funzjoni tagħha bħala mezz ta’ trasport, sa fejn din tippermetti b’mod partikolari t-tlugħ jew l-inżul tal-persuni jew it-tagħbija u l-ħatt ta’ oġġetti li għandhom jinġarru jew li jkunu għadhom kif ġew ittrasportati permezz ta’ din il-vettura. |
|
37 |
Din il-konklużjoni ma hijiex affettwata mill-fatt li l-vetturi inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu, fil-mument tal-inċident, weqfin u li dawn kienu jinsabu f’parkeġġ. |
|
38 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, minn naħa, li l-fatt li l-vettura involuta fl-inċident kienet wieqfa fil-mument meta seħħ dan l-inċident ma jeskludix, waħdu, li l-użu ta’ din il-vettura f’dak il-mument jista’ jaqa’ taħt il-funzjoni tagħha bħala mezz ta’ trasport u, għaldaqstant, taħt il-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva (sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2017, Rodrigues de Andrade, C‑514/16, EU:C:2017:908, punt 39). Issa, il-ftuħ tal-bibien ġeneralment isir biss meta l-vetturi jkunu wieqfa. |
|
39 |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li l-kwistjoni ta’ jekk il-magna tal-vettura kkonċernata kinitx mixgħula jew le fil-mument meta seħħ l-inċident ma hijiex determinanti (sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2017, Rodrigues de Andrade, C‑514/16, EU:C:2017:908, punt 39). |
|
40 |
F’dak li jirrigwarda, min-naħa l-oħra, il-fatt li l-vetturi inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu jinsabu f’parkeġġ, għandu jitfakkar li l-portata tal-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva, ma tiddependix mill-karatteristiċi tal-art li fuqha tintuża l-vettura (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑28 ta’ Novembru 2017, Rodrigues de Andrade, C‑514/16, EU:C:2017:908, punt 35, u tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Núñez Torreiro, C‑334/16, EU:C:2017:1007, punt 30). |
|
41 |
Fir-rigward tal-fatt li l-inċident inkwistjoni fil-kawża prinċipali jirriżulta minn azzjoni mhux tas-sewwieq tal-ewwel vettura, iżda ta’ passiġġier tagħha, għandu jiġi osservat, qabel kollox, li l-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva jipprovdi b’mod ġenerali li hija “r-responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ l-użu ta’ vetturi normalment ibbażati fit-territorju [ta’ kull Stat Membru]” li għandha tkun koperta b’assigurazzjoni. |
|
42 |
B’hekk, kuntrarjament għall-pożizzjoni esposta mill-Gvern Pollakk fir-rigward tar-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda, la din id-dispożizzjoni u lanqas id-dispożizzjonijiet l-oħra tad-direttivi dwar l-assigurazzjoni obbligatorja ma jillimitaw il-kopertura tal-assigurazzjoni obbligatorja għar-responsabbiltà ċivili ta’ kategorija partikolari ta’ persuni, bħas-sewwieq tal-vettura. |
|
43 |
Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 2(1) tat-Tieni Direttiva, li jsemmi “l-użu jew is-sewqan ta’ vetturi”, u l-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, li jirreferi għax-“xufier jew [għal] kull persuna oħra li hi responsabbli taħt il-liġi ċivili fil-każ ta’ inċident, u li r-responsabbilità tagħha hija koperta mill-assigurazzjoni [obbligatorja]” jissuġġerixxu li din l-assigurazzjoni tirrigwarda r-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mhux biss mis-sewqan tal-vetturi, iżda wkoll minn użi oħra tagħhom u minn użi tagħhom li jsiru minn persuni oħra minbarra s-sewwieq. |
|
44 |
Sussegwentement, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 34 u 35 ta’ din is-sentenza jirriżulta li jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva, “kwalunkwe” użu ta’ vettura li huwa konformi mal-funzjoni normali ta’ din tal-aħħar, jiġifieri mal-funzjoni ta’ mezz ta’ trasport. |
|
45 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li dan l-użu tal-vetturi ma huwiex limitat għas-sewqan ta’ dawn tal-aħħar, iżda jinkludi azzjonijiet li, bħal dik imsemmija fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, normalment isiru wkoll mill-passiġġieri. |
|
46 |
Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu tal-vetturi tipprekludi li l-obbligu għall-assiguratur li jikkumpensa vittma ta’ inċident tat-traffiku li jinvolvi vettura assigurata jkun eskluż meta dan l-inċident kien ikkawżat minn persuna li ma hijiex il-persuna koperta mill-polza tal-assigurazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Diċembru 2011, Churchill Insurance Company Limited u Evans, C‑442/10, EU:C:2011:799, punti 33 sa 44 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
47 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-fatt li l-inċident inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jirriżultax minn azzjoni tas-sewwieq tal-ewwel vettura, iżda minn azzjoni ta’ passiġġier tagħha ma jeskludix, waħdu, li l-użu ta’ din il-vettura f’dak il-mument jista’ jaqa’ taħt il-funzjoni tagħha ta’ mezz ta’ trasport u, għaldaqstant, taħt il-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva. |
|
48 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 3(1) tal-Ewwel Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi”, imsemmi f’din id-dispożizzjoni, sitwazzjoni li fiha l-passiġġier ta’ vettura pparkjata f’parkeġġ, huwa u jiftaħ il-bieba ta’ din il-vettura, laqat u kkawża ħsara lill-vettura li kienet ipparkjata ħdejh. |
Fuq l-ispejjeż
|
49 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 72/166/KEE tal‑24 ta’ April 1972 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ l-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar ta’ l-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà, għandu jiġi interpretat fis-sens li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi”, imsemmi f’din id-dispożizzjoni, sitwazzjoni li fiha l-passiġġier ta’ vettura pparkjata f’parkeġġ, huwa u jiftaħ il-bieba ta’ din il-vettura, laqat u kkawża ħsara lill-vettura li kienet ipparkjata ħdejh. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Latvjan.