|
18.8.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 293/133 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-liċenzji tas-sewqan, li temenda d-Direttiva (UE) 2022/2561 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolament (UE) 2018/1724 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2006/126/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 383/2012
(COM(2023) 127 final — 2023/0053 (COD))
u dwar “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-effett fl-Unjoni kollha ta’ ċerti skwalifiki tas-sewqan”
(COM(2023) 128 final — 2023/0055 (COD))
(2023/C 293/19)
|
Relatur: |
Philippe CHARRY |
|
Konsultazzjoni |
Parlament Ewropew, 17.4.2023 Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 20.4.2023 u 26.4.2023 |
|
Bażi legali |
Artikolu 91(1) u Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea |
|
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni għat-Trasport, Enerġija, Infrastruttura u Soċjetà tal-Informazzjoni |
|
Adozzjoni fis-sezzjoni |
16.5.2023 |
|
Adozzjoni fil-plenarja |
14.6.2023 |
|
Sessjoni plenarja Nru |
579 |
|
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
210/1/2 |
1. Konklużjonjiet u rakkomandazzjonijiet
|
1.1. |
Il-pakkett leġiżlattiv propost mill-Kummissjoni Ewropea għandu l-għan li jikseb żero fatalitajiet fit-toroq tal-Unjoni Ewropea (UE) sal-2050. Din l-Opinjoni tindirizza żewġ aspetti tar-riforma li jinkludu, minn naħa, l-introduzzjoni ta’ liċenzja tas-sewqan diġitali u, min-naħa l-oħra, l-infurzar effiċjenti ta’ reati relatati mas-sikurezza fit-toroq madwar l-UE. |
|
1.2. |
L-għan li s-sewwieqa tal-Unjoni Ewropea jingħataw liċenzja tas-sewqan diġitali huwa wkoll intiż li jtemm id-differenzi u d-dewmien amministrattivi bejn l-Istati Membri fl-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-iskambju ta’ liċenzji minn sewwieqa barranin, li jostakolaw il-moviment liberu. Din il-liċenzja tas-sewqan se tinżamm fuq il-mowbajl jew fuq kwalunkwe mezz diġitali ieħor. Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jappoġġja dan l-objettiv, iżda jixtieq li l-liċenzji tas-sewqan stampati jibqgħu disponibbli għas-sewwieqa li jixtiquhom. Barra minn hekk, sabiex tiġi garantita l-inklużjoni diġitali tal-gruppi kollha ta’ età, il-KESE jirrakkomanda taħriġ u akkumpanjament personalizzati u mingħajr ħlas biex jintużaw il-liċenzji tas-sewqan diġitali ġodda. |
|
1.3. |
Bl-istess mod, il-KESE jirrakkomanda li jitneħħa t-tnaqqis tal-validità tal-liċenzji tas-sewqan abbażi tal-età, kif previst fl-Artikolu 10 tal-Proposta għal Direttiva dwar il-liċenzji tas-sewqan għal dawk li għandhom 70 sena jew aktar. Huwa jappella għal approċċ mhux diskriminatorju, flimkien ma’ valutazzjoni medika konkreta, applikabbli għas-sewwieqa kollha b’nuqqasijiet identifikati li jaffettwaw il-kapaċità li jsuqu. |
|
1.4. |
Il-KESE jixtieq li l-Proposta għal Direttiva dwar l-iskwalifiki tas-sewqan toffri salvagwardji aħjar kontra r-riskju ta’ sovrapożizzjoni mal-kamp ta’ applikazzjoni tal-kooperazzjoni f’materji kriminali. Fil-fatt, l-iskambju ta’ informazzjoni previst dwar ir-reati mwettqa mis-sewwieqa huwa bbażat fuq l-Artikolu 91(1)(c) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) dwar il-politika komuni tat-trasport, mentri l-iskambju ta’ informazzjoni ppjanat bejn l-awtoritajiet nazzjonali, li jidher li jiffoka aktar fuq ir-reati kriminali, huwa bbażat fuq il-prinċipji tal-kooperazzjoni tal-pulizija, kif stabbilit fl-Artikolu 87 tat-TFUE, u fuq dawk relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarji f’materji kriminali, kif stabbilit fl-Artikolu 82 tat-TFUE. |
|
1.5. |
Huwa josserva li l-pakkett leġiżlattiv jiffoka fuq il-fattur uman, minkejja li ħafna inċidenti fit-toroq huma kkawżati minn nuqqas ta’ manutenzjoni tat-toroq, u ma jgħid xejn dwar ir-responsabbiltà tal-maniġers tal-infrastruttura tat-toroq. Skont il-KESE, l-interazzjoni mad-Direttiva (UE) 2019/1936 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) tat-23 ta’ Ottubru 2019 dwar il-ġestjoni tas-sikurezza fl-infrastruttura tat-toroq, li t-traspożizzjoni tagħha bħalissa hija mmonitorjata mill-Kummissjoni, flimkien mas-sovrapożizzjoni ta’ miżuri, tirriskja li tikkomprometti l-effettività prevista, billi toħloq frammentazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli. |
|
1.6. |
Il-Proposta għal Direttiva dwar l-iskwalifiki tas-sewqan tipprevedi li, fejn meħtieġ, in-numru ta’ identifikazzjoni nazzjonali msemmi fuq il-karta tal-identità isir jagħmel parti mid-data elettronika skambjata bejn l-awtoritajiet nazzjonali. Madankollu, in-numru ta’ identifikazzjoni nazzjonali jippermetti wkoll, f’ħafna Stati Membri, aċċess għall-fajl mediku tal-persuna kkonċernata. Il-KESE jinnota li r-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data jipprojbixxi fil-prinċipju l-ipproċessar ta’ data personali relatata mas-saħħa minħabba li hija data “sensittiva”. Huwa jitlob li l-Proposta għal Direttiva dwar dan is-suġġett tiġi ċċarata. |
|
1.7. |
Il-KESE jixtieq li d-dispożizzjoni li tippermetti l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni għad-Direttiva dwar l-iskwalifiki tas-sewqan anke qabel ma din tkun ġiet trasposta fl-Istati Membri titneħħa mill-proposta leġiżlattiva, peress li tikser il-prinċipju taċ-ċertezza legali, dak tal-ġerarkija tal-istandards u dak tal-applikazzjoni tagħhom matul iż-żmien. |
|
1.8. |
Il-KESE jieħu nota tal-opportunità li ż-żgħażagħ jitgħallmu jsuqu vetturi tqal tal-merkanzija, waqt li jkunu akkumpanjati minn sewwieqa bl-esperjenza, sa mill-età ta’ 17-il sena. Jenfasizza wkoll li hemm bżonn li t-taħriġ vokazzjonali tas-sewwieqa ta’ vetturi tqal tal-merkanzija jiġi adattat u li jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-pagi sabiex ix-xogħol isir aktar attraenti. Huwa jappella lill-Kummissjoni biex tħeġġeġ lill-impjegaturi jtejbu s-sitwazzjoni bil-mezzi kollha possibbli, billi jissaħħaħ it-taħriġ jew jitfasslu miżuri għas-sensibilizzazzjoni fl-Istati Membri. |
|
1.9. |
Il-KESE jirrakkomanda armonizzazzjoni sabiex wara t-taħriġ teoretiku fl-iskola tas-sewqan u l-lezzjonijiet prattiċi tas-sewqan, is-sewwieq apprendist ta’ vetturi tqal tal-merkanzija jikseb esperjenza prattika tas-sewqan ma’ għalliem imħarreġ apposta għal dan il-għan. Ir-riforma pjanata għandha tipprevedi li s-sewqan ta’ vetturi tqal tal-merkanzija minn sewwieq ta’ 17-il sena se jkun permess biss wara perjodu twil ta’ prattika li matulu jkunu akkumpanjati minn sewwieq bl-esperjenza u test tas-sewqan selettiv ħafna. Il-KESE jitlob li l-Proposta għal Direttiva timxi f’din id-direzzjoni. |
2. Kummenti ġenerali
|
2.1. |
Il-pakkett leġiżlattiv propost mill-Kummissjoni għandu l-għan li jikseb żero fatalitajiet fit-toroq tal-Unjoni Ewropea (UE) sal-2050, u li jnaqqas l-imwiet fit-toroq b’50 % sal-2030. Il-Kummissjoni tipproponi li tiġi introdotta liċenzja tas-sewqan diġitali valida fl-Istati Membri kollha u li jittejjeb l-infurzar transfruntier tal-iskwalifiki mis-sewqan. Il-Kummissjoni nnotat li t-trakkijiet u l-karozzi huma l-kawża tal-maġġoranza tal-inċidenti fatali, u li fiż-żoni urbani, 70 % tal-vittmi tal-inċidenti huma utenti tat-triq vulnerabbli. |
|
2.2. |
Din l-Opinjoni tiffoka fuq tnejn mill-proposti tal-pakkett leġiżlattiv, li jinkludu aspett preventiv u aspett relatat mal-infurzar tal-liġi:
|
|
2.3. |
L-attenzjoni partikolari li l-pakkett leġiżlattiv jagħti lill-vetturi elettriċi hija wkoll konformi mal-objettivi tat-tnaqqis tal-impronta tal-karbonju, tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u t-tniġġis akustiku. |
|
2.4. |
Dan iqis ukoll l-evoluzzjoni teknoloġika tal-vetturi, it-tranżizzjoni minn gearbox manwali għal gearbox awtomatika, il-bidliet fil-piż tal-vettura. |
Il-liċenzja tas-sewqan diġitali
|
2.5. |
Il-Proposta għal Direttiva COM(2023) 127 final tipprevedi l-introduzzjoni ta’ liċenzja tas-sewqan diġitali mill-2023. Din tinkludi wkoll dispożizzjonijiet li jiffaċilitaw it-tranżizzjoni lejn “vetturi b’emissjonijiet żero”. |
|
2.6. |
Din temenda d-Direttiva 2006/126/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), li l-għan tagħha kien li ttejjeb is-sikurezza fit-toroq u tiffaċilita l-libertà ta’ moviment, billi tintroduċi:
|
|
2.7. |
Hemm żewġ raġunijiet ewlenin għal din ir-raba’ reviżjoni tal-liċenzja tas-sewqan. Minn naħa, il-kapaċitajiet, l-imġiba u s-saħħa tas-sewwieq għandhom rwol konsiderevoli f’ħafna mill-inċidenti fatali fit-toroq, jew iwasslu għal konsegwenzi serji jew korrimenti mhux fatali. Fil-fatt, hemm wisq detenturi ta’ liċenzja tas-sewqan li jsuqu meta l-kapaċità tagħhom tas-sewqan tkun batuta. F’dan ir-rigward, il-kriterju tal-età ma għadux jidher deċiżiv, peress li l-istudji juru li ċerti kriterji mediċi speċifiċi relatati mal-użu tad-droga, is-saħħa mentali, l-epilessija, id-dijabete, il-kundizzjoni tal-qalb u l-apnea tal-irqad mhumiex speċifikament relatati mal-età, u huma aktar rilevanti mill-età biex tiġi ddeterminata l-kapaċità għas-sewqan. |
|
2.8. |
Min-naħa l-oħra, l-għarfien, il-prattika u s-sensibilizzazzjoni dwar ir-riskju huma partikolarment limitati fost is-sewwieqa żgħażagħ. L-għadd kbir ta’ inċidenti li jinvolvu sewwieqa żgħażagħ juri li r-rekwiżiti għall-kisba ta’ liċenzja tas-sewqan mhumiex kompletament adattati għall-għan tas-sikurezza fit-toroq. |
|
2.9. |
Barra minn hekk, l-iżvilupp gradwali ta’ sewqan assistit, ibbrejkjar ta’ emerġenza awtomatiku u vetturi awtomatizzati se jkollu impatt fuq is-sewqan, u se jagħmel id-Direttiva attwali 2006/126/KE obsoleta. |
|
2.10. |
Jidher ukoll li l-moviment liberu taċ-ċittadini Ewropej huwa mxekkel mill-formalitajiet amministrattivi marbuta mal-kisba, ir-rikonoxximent, iż-żamma jew l-iskambju tal-liċenzja tas-sewqan fi Stat Membru differenti minn dak li fih tkun inħarġet. Ċerti kriterji tad-Direttiva 2006/126/KE, bħal dak ta’ “residenza abitwali”, jagħtu lok għal diversi problemi ta’ interpretazzjoni, sal-punt li ċerti detenturi ta’ liċenzja tas-sewqan ma jistgħux isuqu għal aktar minn sitt xhur fil-pajjiż ta’ residenza l-ġdid tagħhom. Barra minn hekk, iċ-ċittadini Ewropej li jgħixu fi Stat Membru ieħor xi drabi jsibuha diffiċli li jgħaddu mit-test tal-liċenzja tas-sewqan tagħhom b’lingwa li mhijiex tagħhom, speċjalment peress li ma tkunx prevista l-assistenza ta’ interpretu. |
|
2.11. |
Barra minn hekk, ma hemmx regoli komuni għar-rikonoxximent tal-liċenzji tas-sewqan maħruġa f’pajjiż terz lil persuna li tistabbilixxi r-residenza tagħha fl-UE, mingħajr ma ninsew li liċenzja maħruġa minn Stat Membru tista’ ma tiġix rikonoxxuta bħala valida fi Stat Membru ieħor. |
|
2.12. |
Fl-aħħar nett, ħafna Stati Membri jipprevedu, jew diġà introduċew, liċenzja tas-sewqan diġitali, li hija valida mingħajr ir-rekwiżit li tintwera l-karta tal-identità. Madankollu, id-Direttiva 2006/126/KE tipprevedi biss ir-rikonoxximent tal-liċenzji tas-sewqan f’forma stampata, u dan joħloq ostaklu ġdid għall-moviment liberu taċ-ċittadini Ewropej. |
|
2.13. |
Il-Proposta għal Direttiva hija konformi mal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti (3) li għandhom l-għan li jgħinu biex il-bliet u l-ambjenti tal-għajxien isiru aktar inklużivi, sikuri, reżiljenti u sostenibbli sal-2030, u li jipprovdu aċċess għal sistemi tat-trasport sikuri, affordabbli, aċċessibbli u sostenibbli għal kulħadd. Hija wkoll konformi mal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku billi tipprevedi regoli ġodda dwar il-gearboxes awtomatiċi u dwar il-piż massimu tal-maġġoranza/biċċa l-kbira tal-vetturi tal-kategorija B b’emissjonijiet żero. |
|
2.14. |
Jagħti wkoll attenzjoni partikolari lill-utenti vulnerabbli tat-triq, bħaċ-ċiklisti, il-persuni mexjin, dawk li jużaw l-isooters, u l-persuni b’diżabbiltà jew b’mobbiltà mnaqqsa, u ser jiffaċilita t-tiġdid tal-liċenzji tal-kategoriji C u D, li huwa favorevoli għall-intrapriżi tat-trasport, li fil-biċċa l-kbira huma SMEs. |
Is-sikurezza fit-toroq u t-tisħiħ tal-infurzar
|
2.15. |
Fl-2018, l-Unjoni Ewropea stabbiliet għaliha nnifisha l-mira li tnaqqas l-għadd ta’ mwiet fit-toroq b’50 % sal-2030. Sfortunatament, iċ-ċifri fl-aħħar rapport ippubblikat fi Frar 2023 huma allarmanti: 20 600 persuna nqatlu f’inċidenti tat-traffiku fl-Ewropa s-sena l-oħra. |
|
2.16. |
Il-Proposta għal Direttiva COM(2023) 128 final dwar l-effett fl-UE kollha ta’ ċerti deċiżjonijiet ta’ skwalifiki tas-sewqan tipprevedi min-naħa tagħha t-tnaqqis tal-impunità, billi tippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali jkollhom aċċess għar-reġistri nazzjonali tal-liċenzji tas-sewqan, u billi ttejjeb il-kooperazzjoni bejniethom fil-ġbir tal-multi. |
|
2.17. |
Hija tipproponi li din il-kooperazzjoni, li diġà teżisti fir-rigward tal-eċċess ta’ veloċità, tiġi estiża għal reati oħra, bħan-nuqqas ta’ rispett tad-distanzi ta’ sikurezza minn ma’ vetturi oħra, vetturi li jaqbżu lil xulxin b’mod perikoluż, b’mod partikolari meta jaqbżu linji bojod, u parkeġġ perikoluż. |
|
2.18. |
Ir-riforma proposta għandha l-għan li ttejjeb it-tagħlim tas-sewqan, peress li fl-Ewropa, tnejn minn kull ħames inċidenti fatali jinvolvu sewwieqa taħt it-30 sena. Dan jipprevedi infurzar aktar strett fil-każ ta’ sewqan taħt l-influwenza tal-alkoħol billi jiġi introdott perjodu ta’ prova ta’ mill-anqas sentejn għas-sewwieqa li għadhom kif ġabu l-liċenzja, flimkien ma’ “regola ta’ tolleranza żero” dwar is-sewqan taħt l-effett tal-alkoħol (4). |
|
2.19. |
Id-Direttiva proposta tkopri wkoll il-każ ta’ ksur imwettaq minn sewwieqa li ma jgħixux fl-Istat Membru li fih ikunu wettqu r-reat. Fil-fatt, fl-2019, aktar minn 40 % tas-sewwieqa li wettqu reat f’pajjiż tal-UE li mhuwiex il-pajjiż ta’ residenza tagħhom ma ġewx imħarrka jew ma ħallsux multa, u 50 % biss tal-awturi ġew identifikati. |
|
2.20. |
Il-Proposta tqis li r-residenti u dawk mhux residenti għandhom jiġu ttrattati b’mod ugwali f’każ ta’ ksur u li l-multi għandhom ikunu jistgħu jitħallsu permezz ta’ portal online. Madankollu, il-Proposta għal Direttiva tispeċifika li kull pajjiż se jżomm il-leġiżlazzjoni tiegħu relatata mat-testi tal-kriminalizzazzjoni u l-penali imposti. |
|
2.21. |
Ir-riforma tipprevedi li tippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali jkollhom aċċess għar-reġistri nazzjonali u ttejjeb il-kooperazzjoni bejniethom fil-ġbir tal-multi. Din il-kooperazzjoni, li diġà teżisti f’termini ta’ eċċess ta’ veloċità, se tiġi estiża għal reati oħra, bħan-nuqqas ta’ rispett tad-distanzi ta’ sikurezza minn ma’ vetturi oħra, vetturi li jaqbżu lil xulxin b’mod perikoluż, u parkeġġ perikoluż. |
|
2.22. |
Ir-riforma tipprevedi wkoll il-possibbiltà li jiġu rtirati l-liċenzji tas-sewqan fl-Istati kollha tal-UE u li jiġu armonizzati r-regoli dwar is-sospensjoni u l-kanċellazzjoni tal-liċenzji tas-sewqan permezz tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku, għan-nuqqas ta’ konformità mad-dwal tat-traffiku, il-qbiż perikoluż tal-limitu tal-veloċità awtorizzat u r-rifjut li wieħed jagħmel testijiet għall-alkoħol fid-demm jew għad-drogi. |
3. Kummenti speċifiċi
|
3.1. |
Il-KESE jqis li l-Proposta għal Direttiva dwar l-iskwalifiki tas-sewqan ibbażata fuq l-Artikolu 91(1)(c) tat-TFUE dwar l-implimentazzjoni tal-politika komuni tat-trasport ma tipprovdix biżżejjed salvagwardji kontra r-riskju ta’ sovrappożizzjoni mal-kamp ta’ applikazzjoni tal-kooperazzjoni f’materji kriminali. Tabilħaqq, l-iskambju ta’ informazzjoni ppjanat huwa relatat ma’ reati kriminali u jinvolvi kooperazzjoni tal-pulizija skont l-Artikolu 87 tat-TFUE u kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali skont l-Artikolu 82 tat-TFUE; madankollu l-Proposta għal Direttiva hija bbażata biss fuq l-Artikolu 91(1)(c) tat-TFUE. |
|
3.2. |
Huwa josserva li din il-Proposta tiffoka fuq il-fattur uman, iżda ma tgħidx li ħafna inċidenti tat-traffiku huma kkawżati min-nuqqas ta’ manutenzjoni tat-toroq, u baqgħet siekta fuq ir-responsabbiltà tal-maniġers tal-infrastruttura tat-toroq. Il-KESE jqis li l-interazzjoni bejn il-Proposta għal Direttiva u d-Direttiva (UE) 2019/1936, li t-traspożizzjoni tagħha qed tiġi mmonitorjata bħalissa mill-Kummissjoni, flimkien mas-sovrapożizzjoni ta’ miżuri, tirriskja li tikkomprometti l-effettività tal-miżuri proposti billi toħloq frammentazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli. |
|
3.3. |
L-Artikolu 5(2)(c) tal-Proposta għal Direttiva dwar l-iskwalifiki tas-sewqan jipprevedi li, fejn meħtieġ, in-numru ta’ identifikazzjoni nazzjonali msemmi fuq il-karta tal-identità se jkun parti mid-data elettronika li għandhom aċċess għaliha l-awtoritajiet nazzjonali. L-Artikolu 6 tal-Anness I għall-Proposta għal Direttiva dwar il-liċenzji tas-sewqan diġitali jistipula b’mod espliċitu li n-numru tal-karta tal-identità nazzjonali se jkun parti mid-data li tinsab fil-mikroċippa tal-karta tal-identità u li tista’ tinqara minn tagħmir li jaqra l-karta tal-identità. Madankollu, in-numru ta’ identifikazzjoni nazzjonali jippermetti wkoll, f’ħafna Stati Membri, aċċess għall-fajl mediku tal-persuna kkonċernata. |
|
3.4. |
Il-KESE jinnota li r-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data jipprojbixxi fil-prinċipju l-ipproċessar ta’ data personali relatata mas-saħħa minħabba li hija data “sensittiva”. Huwa jitlob li l-Proposta għal Direttiva dwar dan is-suġġett tiġi ċċarata. |
|
3.5. |
L-implimentazzjoni tal-Artikolu 5(2)(c) tista’ tiġi stabbilita f’att ta’ implimentazzjoni adottat mill-Kummissjoni skont il-proċedura ta’ komitoloġija, anke qabel id-data tat-traspożizzjoni. Il-KESE jiddispjaċih li din id-dispożizzjoni tippermetti l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni għal Direttiva anke qabel ma tiġi trasposta fl-Istati Membri, peress li ddgħajjef iċ-ċertezza legali billi tinjora l-prinċipju tal-ġerarkija tal-istandards u l-applikazzjoni tagħhom maż-żmien. |
|
3.6. |
Il-KESE jqis li parti biss mill-problema tkun qed tiġi indirizzata meta ż-żgħażagħ jingħataw l-opportunità li jitgħallmu jsuqu, waqt li jkunu akkumpanjati minn sewwieqa bl-esperjenza, vetturi tqal tal-merkanzija mill-età ta’ 17-il sena, sabiex iħeġġuhom jagħżlu l-professjoni ta’ sewwieq meta ma hemmx biżżejjed. Hemm bżonn ukoll li t-taħriġ vokazzjonali tas-sewwieqa ta’ vetturi tqal tal-merkanzija jiġi adattat u li jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-pagi sabiex ix-xogħol isir aktar attraenti. Il-KESE jappella lill-Kummissjoni biex tħeġġeġ lill-impjegaturi jtejbu s-sitwazzjoni bil-mezzi kollha possibbli, billi jissaħħaħ it-taħriġ jew jitfasslu miżuri għas-sensibilizzazzjoni fl-Istati Membri. |
|
3.7. |
Il-KESE jqis li l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jippermettu s-sewqan ta’ xarabanks u vetturi tal-kategorija D/DE fit-territorju tagħhom minn sewwieqa li għandhom 18-il sena jew aktar, mingħajr limitu ta’ distanza ta’ 50 km. |
|
3.8. |
Ir-riforma tal-liċenzja tas-sewqan tipprevedi li jiġi awtorizzat s-sewqan ta’ karozzi b’veloċità limitata minn sewwieqa żgħażagħ ta’ bejn is-16 u l-21 sena b’liċenzja B1. Din hija proposta interessanti biex jiġi limitat l-użu ta’ muturi ħfief jew ta’ scooters mhux sikuri ħafna u biex jingħeleb in-nuqqas ta’ trasport pubbliku f’xi reġjuni, speċjalment peress li l-karozzi b’veloċità limitata jistgħu jintużaw ukoll minn sewwieqa li ma għandhomx il-liċenzja B jew saħansitra jintużaw bħala tranżizzjoni għall-anzjani b’kapaċitajiet ta’ sewqan imnaqqsa. Il-KESE japprova dawn il-passi ’l quddiem. |
|
3.9. |
Għandu jkun possibbli wkoll li l-veloċità tal-karozzi tiġi limitata b’mezzi oħra apparti l-limitu tal-veloċità propost mill-Kummissjoni. Fil-fatt, it-tagħmir elettroniku li jillimita l-veloċità huwa alternattiva affidabbli u moderna. Min-naħa tagħhom, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu sanzjonijiet għall-modifika illegali tal-limiti tal-veloċità tal-magna. |
|
3.10. |
Il-KESE jappoġġja wkoll il-possibbiltà prevista li jinstaqu vetturi li jaħdmu bi fjuwils alternattivi li jiżnu sa 4 250 kg b’liċenzja B, peress li dan jista’ jħaffef l-elettrifikazzjoni tal-flotta tal-vetturi ħfief tal-merkanzija u jtaffi n-nuqqas ta’ sewwieqa. Barra minn hekk, il-manifatturi tal-vetturi diġà introduċew għadd kbir ta’ vannijiet elettriċi b’piż minn 3 500 kg sa 4 250 kg, li għandhom kapaċità ta’ ċċarġjar ekwivalenti għal dik tal-vannijiet diżil li bħalissa jinsabu fis-suq. |
|
3.11. |
Skont il-KESE, wara taħriġ teoretiku fl-iskola tas-sewqan u lezzjonijiet prattiċi tas-sewqan, is-sewwieq apprendist ta’ vetturi tqal tal-merkanzija għandu jikseb esperjenza prattika ta’ sewqan ma’ għalliem speċjalizzat. L-għalliema għandhom ikunu mħarrġa b’mod speċjali għal dan l-għan. |
|
3.12. |
Ir-riforma pjanata għandha tipprevedi li s-sewqan ta’ vetturi tqal tal-merkanzija minn sewwieq ta’ 17-il sena se jkun permess biss wara perjodu twil ta’ prattika li matulu jkunu akkumpanjati minn sewwieq bl-esperjenza u test tas-sewqan selettiv ħafna. Il-Proposta għal Direttiva għandha għalhekk tiġi kkomplementata skont dak li ntqal hawn fuq. |
Brussell, l-14 ta’ Ġunju 2023.
Oliver RÖPKE
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
(1) Id-Direttiva (UE) 2019/1936 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2019 dwar il-ġestjoni tas-sikurezza fl-infrastruttura tat-toroq (ĠU L 305, 26.11.2019, p. 1).
(2) Id-Direttiva 2006/126/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-20 ta’ Diċembru 2006 dwar il-Liċenzji tas-Sewqan (ĠU L 403, 30.12.2006, p. 18).
(3) https://sdgs.un.org/
(4) Wara skambju mal-Kummissjoni, ġie ċċarat li l-kunċett ta’ tolleranza żero huwa mifhum bħala dak li huwa teknikament raġonevoli.