20.12.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 346/65


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-18 ta’ Diċembru 2013

dwar l-għoti ta’ deroga mitluba mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq fir-rigward tal-Ingilterra, l-Iskozja u Wales skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli

(notifikata bid-dokument C(2013) 9167)

(Il-verżjoni bl-Ingliż biss hija awtentika)

(2013/781/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE tat-12 ta’ Diċembru 1991 dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (1) u, b’mod partikolari, it-tielet subparagrafu tal-paragrafu 2 tal-Anness III tagħha,

Billi:

(1)

Jekk l-ammont ta’ demel li Stat Membru beħsiebu japplika għal kull ettaru fis-sena jkun differenti minn dak speċifikat fl-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 tal-Anness III tad-Direttiva 91/676/KEE u fil-punt (a) ta’ dak is-subparagrafu, dak l-ammont għandu jiġi ffissat b’mod li ma jippreġudikax il-kisba tal-għanijiet speċifikati fl-Artikolu 1 ta’ dik id-Direttiva u għandu jkun iġġustifikat abbażi ta’ kriterji oġġettivi, bħal staġuni twal ta’ kultivazzjoni u wċuħ b’rata għolja ta’ assorbiment tan-nitroġenu.

(2)

Fid-29 ta’ Mejju 2009, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2009/431/KE (2) li tagħti deroga mitluba mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq fir-rigward tal-Ingilterra, l-Iskozja u Wales skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli, li tippermetti l-applikazzjoni tad-demel sa limitu ta’ 250 kg ta’ nitroġenu għal kull ettaru fis-sena, skont ċerti kundizzjonijiet, fi ħdan il-qafas tal-Programmi ta’ Azzjoni fl-Ingilterra (Ir-Regolament 2008 Nru 2349), l-Iskozja (Ir-Regolament 2008 Nru 298) u Wales (Ir-Regolament 2008 Nru 3143) li jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2012.

(3)

Id-deroga mogħtija bid-Deċiżjoni 2009/431/KE kienet tikkonċerna 433 farm fl-2010 (425 fl-Ingilterra, 6 fl-Iskozja u 2 f’Wales), 404 farms fl-2011 (396 fl-Ingilterra, 7 fl-Iskozja u 1 f’Wales), u 390 farm fl-2012 (385 fl-Ingilterra, 4 fl-Iskozja u 1 f’Wales). Id-deroga mogħtija bid-Deċiżjoni 2009/431/KE, fis-snin 2009-2012 kienet tikkonċerna madwar 110 000 unità ta’ bhejjem (li jikkorrispondu għal 0,9 % tat-total), 45 000 ettaru ta’ bwar (li jikkorrispondu għal 0,4 % tat-total) u 5 000 ettaru ta’ raba’ (li jikkorrispondu għal 0,1 % tat-total), fil-Gran Brittanja.

(4)

Fl-20 ta’ Diċembru 2012, ir-Renju Unit issottometta talba lill-Kummissjoni għat-tiġdid tad-deroga skont it-tielet subparagrafu tal-paragrafu 2 tal-Anness III tad-Direttiva 91/676/KEE, soġġetta għall-istess kundizzjonijiet bħal dawk stipulati fid-Deċiżjoni 2009/431/KE.

(5)

Ir-Renju Unit stabbilixxa Programmi ta’ Azzjoni għall-perjodu 2013-2016, skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 91/676/KEE, permezz tar-Regolamenti li ġejjin: ir-Regolamenti tal-2008 dwar il-Prevenzjoni tat-Tniġġis Ikkawżat min-Nitrati (SI 2008/2349) u li jemendaw ir-Regolamenti SI 2009/3160, SI 2012/1849, SI 2013/1001 u SI 2013/2619 fl-Ingilterra; il-Programm ta’ Azzjoni għar-Regolamenti tal-2008 dwar Żoni Vulnerabbli għat-Tniġġis tan-Nitrati (SI 2008/298 Skoċċiż) u li jemendaw ir-Regolamenti SI 2013/123 Skoċċiż fl-Iskozja; ir-Regolamenti tal-2013 dwar il-Prevenzjoni tat-Tniġġis Ikkawżat min-Nitrati (Wales) (SI 2013/2506 (W. 245)) f’Wales.

(6)

Iż-żoni vulnerabbli ddeżinjati li għalihom japplikaw il-programmi ta’ azzjoni, skont ir-Regolament SI 2013/2619 għall-Ingilterra, l-SI 2002 Skoċċiż Nru 276 u l-SI 2002 Skoċċiż Nru 546 għall-Iskozja u r-Regolament SI 2013/2506 (W. 245) għal Wales, ikopru 58 % tal-erja totali tal-Ingilterra, 14 % tal-erja totali tal-Iskozja u 2,3 % tal-erja totali ta’ Wales.

(7)

Id-dejta dwar il-kwalità tal-ilma sottomessa turi li għall-ilma ta’ taħt l-art fl-Ingilterra, 85 % mill-korpi tal-ilma ta’ taħt l-art għandhom konċentrazzjonijiet medji tan-nitrati taħt il-50 mg/l ta’ nitrati u 60 % tal-konċentrazzjonijiet taħt il-25 mg/l ta’ nitrati. Għal Wales, 95 % tal-korpi tal-ilma ta’ taħt l-art għandhom konċentrazzjonijiet medji ta’ nitrati taħt il-50 mg/l ta’ nitrati, u 87 % għandhom konċentrazzjonijiet taħt il-25 mg/l. Għall-Iskozja iktar minn 87 % tal-korpi tal-ilma ta’ taħt l-art għandhom konċentrazzjonijiet medji tan-nitrati taħt il-50 mg/l ta’ nitrati, u 62 % għandhom konċentrazzjonijiet taħt il-25 mg/l. Għall-ilmijiet tal-wiċċ fl-Ingilterra 59 % tas-siti ta’ monitoraġġ għandhom konċentrazzjonijiet medji tan-nitrati taħt il-25 mg/l u 8 % għandhom konċentrazzjonijiet ogħla minn 50 mg/l ta’ nitrati. Għall-Iskozja u għal Wales iktar minn 95 % tas-siti ta’ monitoraġġ għandhom konċentrazzjonijiet medji tan-nitrati taħt il-25 mg/l. Għall-Iskozja l-ebda sit ta’ monitoraġġ ma għandu konċentrazzjonijiet medji tan-nitrati ogħla minn 50 mg/l ta’ nitrati u għal Wales 1 % tas-siti ta’ monitoraġġ għandhom konċentrazzjonijiet ogħla minn 50 mg/l ta’ nitrati.

(8)

Il-Kummissjoni, wara li eżaminat it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq u fid-dawl tal-esperjenza li kisbet mid-deroga prevista fid-Deċiżjoni 2009/431/KE tqis li l-ammont ta’ demel propost mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, 250 kg ta’ nitroġenu għal kull ettaru fis-sena, mhux se jippreġudika l-kisba tal-għanijiet tad-Direttiva 91/676/KEE, soġġett għal ċerti kundizzjonijiet stretti li qed jintlaħqu.

(9)

Id-dokumenti ta’ sostenn li tressqu mir-Renju Unit juru li l-ammont propost ta’ 250 kg ta’ nitroġenu għal kull ettaru fis-sena minn demel ta’ bhejjem li jirgħu f’farms tal-bwar hija ġġustifikata fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi bħalma huma ammont nett ta’ nżul ta’ xita għoli, staġuni twal ta’ tkabbir, u produttività għolja ta’ ħaxix b’assorbiment għoli ta’ nitroġenu.

(10)

Id-Deċiżjoni 2009/431/KE tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2012. Sabiex jiġi żgurat li l-bdiewa kkonċernati jkunu jistgħu jibqgħu jibbenefikaw mid-deroga, huwa xieraq li l-validità tad-Deċiżjoni 2009/431/KE tiġi estiża.

(11)

Il-miżuri pprovduti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar in-Nitrati stabbilit skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 91/676/KEE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-deroga mitluba mir-Renju Unit fir-rigward tal-Ingilterra, l-Iskozja u Wales permezz tal-ittra tal-20 ta’ Diċembru 2012, bil-għan li jiġi permess ammont ta’ demel tal-bhejjem ogħla minn dak previst fl-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 tal-Anness III tad-Direttiva 91/676/KEE u fil-punt (a) tiegħu, soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-fini ta’ din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“farms tal-bwar” tfisser azjendi fejn 80 % jew aktar tal-erja agrikola disponibbli għall-applikazzjoni tad-demel tkun miksija bil-ħaxix;

(b)

“bhejjem li jirgħu” tfisser bhejjem (għajr għall-għoġġiela tal-vitella), nagħaġ, ċriev, mogħoż u żwiemel;

(c)

“ħaxix” tfisser bur permanenti jew bur temporanju (temporanju timplika art li tkun miżrugħa bil-ħaxix għal anqas minn erba’ snin);

(d)

“roqgħa art” tfisser għalqa individwali jew grupp ta’ għelieqi, omoġenji f’dak li għandu x’jaqsam mal-uċuħ, it-tip ta’ ħamrija u l-prattiki ta’ fertilizzazzjoni.

Artikolu 3

Kamp ta’ applikazzjoni

Din id-Deċiżjoni tapplika fuq bażi individwali għall-farms tal-bwar u soġġetta għall-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 4, 5 u 6.

Artikolu 4

Awtorizzazzjoni u impenn annwali

1.   Il-bdiewa li jridu jibbenefikaw minn deroga skont din id-Deċiżjoni għandhom iressqu applikazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti kull sena.

2.   Flimkien mal-applikazzjoni annwali msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jintrabtu bil-miktub li jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikoli 5 u 6.

Artikolu 5

L-għoti tad-demel u fertilizzanti oħra

1.   L-ammont ta’ demel tal-bhejjem li jirgħu li jingħata kull sena f’farms tal-bwar, inkluż dak mill-bhejjem stess, ma għandux jaqbeż l-ammont ta’ demel li jkun fih 250 kg ta’ nitroġenu għal kull ettaru, soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 7.

2.   L-ammonti totali ta’ nitroġenu mogħtija ma għandhomx jaqbżu d-domanda prevista ta’ nutrijenti tal-wiċċ meqjus, għandhom iqisu l-provvista mill-ħamrija, u ma għandhomx jaqbżu l-istandard massimu ta’ applikazzjoni għall-farm, stabbiliti fil-Programm ta’ Azzjoni dwar in-Nitrati.

3.   Għal kull farm, għandu jinżamm pjan ta’ fertilizzazzjoni b’deskrizzjoni tat-tinwib tal-uċuħ u l-applikazzjoni ppjanata ta’ demel u fertilizzanti oħra. Dan għandu jkun disponibbli fil-farm kull sena kalendarja sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Marzu. Il-pjan ta’ fertilizzazzjoni għandu jinkludi tal-anqas dan li ġej:

(a)

Il-pjan tat-tinwib tal-uċuħ, li jrid jispeċifika l-erja tal-irqajja’ ta’ art bil-ħaxix u tal-irqajja’ b’uċuħ oħra, inkluż mappa li tindika l-lok tal-irqajja’ tal-art individwali;

(b)

l-għadd ta’ bhejjem, deskrizzjoni tal-bini fejn jinżammu u tas-sistema tal-ħżin, inkluż il-volum ta’ ħżin ta’ demel disponibbli;

(c)

il-kalkolu tan-nitroġenu u tal-fosforu fid-demel prodott fil-farm;

(d)

l-ammont, it-tip u l-karatteristiki tad-demel imwassal barra l-farm jew lill-farm;

(e)

ir-rekwiżiti prevedibbli tan-nitroġenu u l-fosforu għal kull roqgħa art;

(f)

ir-riżultati tal-analiżi tal-ħamrija relatati mal-istatus tan-nitroġenu u tal-fosforu fil-ħamrija;

(g)

in-natura tal-fertilizzant li għandu jintuża;

(h)

il-kalkolu tal-applikazzjoni tan-nitroġenu u tal-fosforu mid-demel fuq kull roqgħa art;

(i)

il-kalkolu tal-applikazzjoni tan-nitroġenu u tal-fosforu minn fertilizzanti kimiċi u fertilizzanti oħrajn fuq kull roqgħa art.

Il-pjanijiet għandhom jiġu riveduti sa mhux aktar tard minn sebat ijiem wara kwalunkwe bidla fil-prattiki agrikoli sabiex tiġi żgurata l-konsistenza bejn il-pjanijiet u l-prattiki agrikoli reali.

4.   Kull bidwi għandu jżomm kontijiet tal-fertilizzazzjoni, fosthom informazzjoni relatata mal-ġestjoni tal-ammonti tan-nitroġenu u l-fosforu. Dawn għandhom jitressqu quddiem l-awtorità kompetenti għal kull sena kalendarja.

5.   Għal kull farm tal-bwar li jibbenefika minn deroga, il-bidwi għandu jaċċetta li l-applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 4(1), il-pjan ta’ fertilizzazzjoni u l-kontijiet tal-fertilizzazzjoni jistgħu jkunu soġġetti għal kontroll.

6.   L-analiżi perjodika tan-nitroġenu u l-fosforu fil-ħamrija għandha ssir minn kull bidwi li jingħata d-deroga għal fertilizzazzjoni preċiża.

L-analiżi u t-teħid ta’ kampjuni, fir-rigward tat-tinwib tal-uċuħ u l-karatteristiki tal-ħamrija għandhom jitwettqu tal-anqas darba kull erba’ snin għal kull erja omoġenja tal-farm.

Għanda ssir tal-anqas analiżi waħda għal kull ħames ettari ta’ art agrikola.

Ir-riżultati tal-analiżi tan-nitroġenu u l-fosforu fil-ħamrija għandhom ikunu disponibbli minn kull farm li jibbenefika minn deroga.

7.   Id-demel tal-bhejjem ma għandux jitferrex fil-ħarifa, qabel il-kultivazzjoni tal-ħaxix.

Artikolu 6

Immaniġġjar tal-artijiet

1.   Tmenin fil-mija jew aktar tal-erja disponibbli għall-għoti tad-demel fuq farms għandha tkun ikkultivata bil-ħaxix.

2.   Il-bdiewa li jibbenefikaw minn deroga individwali għandhom iwettqu l-miżuri li ġejjin:

(a)

bwar temporanji fuq ħamrija ramlija għandhom jinħartu fir-rebbiegħa;

(b)

l-art miksija bil-ħaxix li tinħarat fuq it-tipi kollha ta’ ħamrija għandha tiġi segwita minnufih b’wiċċ b’domanda għolja ta’ nitroġenu;

(c)

it-tinwib tal-uċuħ ma għandux jinkludi pjanti leguminużi jew pjanti oħrajn li jiffissaw in-nitroġenu atmosferiku.

3.   Il-punt c tal-paragrafu 2, madanakollu, ma għandux japplika għas-silla fil-bwar b’anqas minn 50 % ta’ silla u għal pjanti leguminużi oħra li jinżergħu flimkien mal-ħaxix.

Artikolu 7

Monitoraġġ

1.   L-awtorità kompetenti għandha tiżgura li mapep li juru l-perċentwal ta’ farms tal-bwar, il-perċentwal ta’ bhejjem u l-perċentwal tal-art agrikola koperta b’deroga individwali għal kull distrett kif ukoll il-mapep dwar l-użu tal-art lokali jitħejjew u jiġu aġġornati kull sena.

2.   Il-monitoraġġ għandu jitwettaq fuq il-ħamrija, l-ilma tal-wiċċ u l-ilma ta’ taħt l-art sabiex jipprovdi dejta dwar il-konċentrazzjoni tan-nitroġenu u l-fosforu fl-ilma tal-ħamrija, dwar in-nitroġenu minerali fil-profil tal-ħamrija u l-konċentrazzjonijiet tan-nitrati fl-ilma ta’ taħt l-art u l-ilma tal-wiċċ, kemm jekk taħt kundizzjonijiet ta’ deroga kif ukoll jekk le. Il-monitoraġġ għandu jitwettaq fil-livell tal-farms u fl-ambitu tal-monitoraġġ taż-żoni ta’ qbid ta’ baċini agrikoli. Is-siti ta’ monitoraġġ għandhom jinkludu t-tipi ewlenin ta’ ħamrija, il-prattiki ta’ fertilizzazzjoni u l-uċuħ.

3.   Għandu jitwettaq monitoraġġ tal-ilma aktar intensiv għal żoni ta’ qbid ta’ baċini agrikoli li jinsabu qrib il-korpi tal-ilma l-aktar vulnerabbli.

4.   Stħarriġiet dwar l-użu tal-art lokali, it-tinwib tal-uċuħ u prattiki agrikoli għandhom jitwettqu fuq farms li jibbenefikaw minn derogi individwali. Informazzjoni u dejta miġbura mill-analiżi ta’ nutrijenti msemmija fl-Artikolu 5(6) u l-monitoraġġ kif imsemmi fil-Paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għandhom jintużaw għal kalkoli ibbażati fuq mudelli ta’ kemm hu kbir it-telf ta’ nitrati u fosforu minn farms li jibbenefikaw mid-deroga.

Artikolu 8

Kontrolli

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li l-applikazzjonijiet kollha għal deroga jitressqu għal kontroll amministrattiv. Meta l-kontroll juri li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikoli 5 u 6 ma ġewx issodisfati, l-applikant għandu jiġi mgħarraf b’dan. F’dan il-każ, l-applikazzjoni għandha titqies miċħuda.

2.   Għandu jkun stabbilit programm ta’ spezzjonijiet fuq il-post ibbażat fuq l-analiżi tar-riskji, ir-riżultati tal-kontrolli tas-snin ta’ qabel u r-riżultati ta’ kontrolli aleatorji ġenerali tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni li timplimenta d-Direttiva 91/676/KEE. L-ispezzjonijiet fuq il-post għandhom ikopru mill-anqas 5 % tal-farms li jibbenefikaw minn deroga individwali fir-rigward tal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 5 u 6 ta’ din id-Deċiżjoni. Fejn il-verifika tindika nuqqas ta’ konformità, il-bidwi għandu jiġi mgħarraf b’dan. F’dan il-każ, it-talba għal deroga għas-sena ta’ wara għandha titqies li ma ġietx aċċettata.

3.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jingħataw is-setgħat u l-mezzi meħtieġa biex jivverifikaw il-konformità mad-deroga mogħtija skont din id-Deċiżjoni.

Artikolu 9

Rappurtar

L-awtoritajiet kompetenti, kull sena sa Ġunju, għandhom jissottomettu rapport li jkun fih l-informazzjoni li ġejja:

(a)

mapep li juru l-perċentwal tal-farms, il-perċentwal ta’ bhejjem, il-perċentwal tal-art agrikola koperta b’deroga individwali għal kull distrett, kif ukoll mapep dwar l-użu lokali tal-art, kif imsemmi fl-Artikolu 7(1);

(b)

ir-riżultati tal-monitoraġġ tal-ilma ta’ taħt l-art u tal-wiċċ, fir-rigward tan-nitrati u l-konċentrazzjonijiet tal-fosforu, inkluża informazzjoni dwar ix-xejriet fil-kwalità tal-ilma, kemm jekk taħt kundizzjonijiet ta’ deroga kif ukoll jekk le, flimkien mal-impatt tad-deroga fuq il-kwalità tal-ilma, kif imsemmi fl-Artikolu 7(2);

(c)

ir-riżultati tal-monitoraġġ tal-ħamrija fir-rigward tal-konċentrazzjonijiet tan-nitroġenu u tal-fosforu fl-ilma tal-ħamrija u dwar in-nitroġenu minerali fil-profil tal-ħamrija, kemm jekk taħt kundizzjonijiet ta’ deroga kif ukoll jekk le, kif imsemmi fl-Artikolu 7(2);

(d)

sommarju u evalwazzjoni tad-dejta miksuba mill-monitoraġġ tal-ilma intensifikat imsemmi fl-Artilolu 7(3);

(e)

ir-riżultati tal-istħarriġiet dwar l-użu lokali tal-art, it-tinwib tal-uċuħ u l-prattiki agrikoli, imsemmija fl-Artikolu 7(4);

(f)

ir-riżultati ta’ kalkoli bbażati fuq mudelli, ta’ kemm hu kbir it-telf tan-nitroġenu u tal-fosforu minn farms li jibbenefikaw minn deroga individwali, kif imsemmi fl-Artikolu 7(4);

(g)

evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-kundizzjonijiet tad-deroga, fuq il-bażi ta’ kontrolli fil-livell tal-farms u ta’ informazzjoni dwar il-farms li mhumiex konformi, abbażi tar-riżultati tal-kontrolli amministrattivi u fuq il-post, kif imsemmi fl-Artikolu 8(1) u (2).

Artikolu 10

Applikazzjoni

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika fil-kuntest tar-Regolamenti li jiddeżinjaw iż-żoni vulnerabbli fl-Ingilterra (SI 2013/2619), l-Iskozja (SI 2002 Skoċċiż Nru 276 u SI 2002 Skoċċiż Nru 546) u Wales (SI 2013/2506 (W. 245)) u fil-kuntest tar-Regolamenti li jimplimentaw il-programm ta’ azzjoni fl-Ingilterra (SI 2008/2349 u li jemenda r-Regolamenti SI 2009/3160, SI 2012/1849, SI 2013/1001 u SI 2013/2619), l-Iskozja (SI 2008/298 Skoċċiż u li jemenda r-Regolamenti SI 2013/123 Skoċċiż) u Wales (SI 2013/2506 (W. 245)).

Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2016.

Artikolu 11

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Diċembru 2013.

Għall-Kummissjoni

Janez POTOČNIK

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 375, 31.12.1991, p. 1.

(2)   ĠU L 141, 6.6.2009, p. 48.