Edizzjoni Provviżorja
KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI
SPIELMANN
ippreżentati fit‑8 ta’ Settembru 2026 (1)
Kawża C‑671/24 P
BAWAG P.S.K. Bank für Arbeit und Wirtschaft und Österreichische Postsparkasse AG
vs
Il‑Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB)
“Appell – Unjoni Ekonomika u Monetarja – Unjoni bankarja – Mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ta’ ċerti impriżi ta’ investiment – Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni – Deċiżjoni dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2023 – It-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE – Limitazzjoni ratione temporis tal-effetti ta’ annullament”
Introduzzjoni
1. Dawn il-konklużjonijiet jirrigwardaw l-appell ippreżentat minn BAWAG P.S.K. Bank für Arbeit und Wirtschaft und Österreichische Postsparkasse AG (iktar ’il quddiem “BAWAG”) intiż għall-annullament tad-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas‑6 ta’ Awwissu 2024, BAWAG PSK vs SRB (T‑410/23, iktar ’il quddiem id-“digriet appellat”, EU:T:2024:534).
2. Permezz ta’ dan id-digriet, il-Qorti Ġenerali annullat id-Deċiżjoni tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) SRB/ES/2023/23 tat‑2 ta’ Mejju 2023 dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall‑2023 għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRF) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni tas-SRB 2023”), sa fejn din tikkonċerna lil BAWAG, u żammet l-effetti ta’ din id-deċiżjoni sakemm is-SRB jadotta l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni ta’ dan id-digriet, u dan f’terminu raġonevoli li ma jistax jaqbeż sitt xhur mill-jum li fih l-imsemmi digriet isir definittiv.
3. Din il-kawża tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddetermina jekk il-Qorti Ġenerali setgħetx tissospendi, b’mod validu, ratione temporis l-effetti tad-digriet appellat.
Il-fatti li wasslu għall-kawża
4. Il-fatti li wasslu għall-kawża jinsabu fil-punti 2 sa 4 tad-digriet appellat u huma esposti kif ġej.
5. BAWAG hija istituzzjoni ta’ kreditu Awstrijaka. Permezz tad-Deċiżjoni tas-SRB 2023, dan stabbilixxa, billi ħa inkunsiderazzjoni l-Artikolu 70(2) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 (2), il-kontribuzzjonijiet ex ante għas-SRF (iktar ’il quddiem il-“kontribuzzjonijiet ex ante”) għas-sena 2023 (iktar ’il quddiem il-“perijodu ta’ kontribuzzjoni 2023”) tal-istituzzjonijiet li jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 67(4) ta’ dan ir-regolament, fosthom BAWAG.
6. Permezz ta’ avviż għall-ħlas, l-awtorità nazzjonali ta’ riżoluzzjoni kompetenti fis-sens tal-punt 3 tal-Artikolu 3(1) tal-imsemmi Regolament SRM, ordnat lil BAWAG tħallas l-ammont tal-kontribuzzjoni ex ante tagħha għall-perijodu ta’ kontribuzzjoni 2023, kif kien ġie stabbilit mis-SRB.
Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u d-digriet appellat
7. Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑18 ta’ Lulju 2023, BAWAG ippreżentat rikors intiż sabiex il-Qorti Ġenerali, abbażi tal-Artikolu 263(4) TFUE, tannulla d-Deċiżjoni tas-SRB 2023 sa fejn din tikkonċernaha. Insostenn tar-rikors tagħha, BAWAG invokat tmien motivi.
8. Permezz tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali laqgħet ir-rikors ta’ BAWAG, billi kkunsidrat, fid-dawl tad-deċiżjoni tagħha fis-sentenza Dexia vs SRB (Kontribuzzjonijiet ex ante tal-2022) (3), li dan kien manifestament fondat, u annullat id-Deċiżjoni tas-SRB 2023, peress li kienet tikser l-Artikolu 70(2) tar-Regolament SRM, għar-raġuni li l-ammont tal-kontribuzzjonijiet ex ante għas-sena ta’ kontribuzzjoni 2023 kien jaqbeż it-12.5 % tal-livell fil-mira (4).
9. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali laqgħet it-talba tas-SRB li żżomm l-effetti tad-deċiżjoni 2023 tiegħu, sa fejn tikkonċerna lil BAWAG, sakemm is-SRB jadotta l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tad-digriet appellat, u dan f’terminu raġonevoli li ma jistax jaqbeż sitt xhur mill-jum li fih dan id-digriet isir definittiv (5).
Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet
10. Permezz tal-appell tagħha ppreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, BAWAG titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
– tannulla parzjalment id-digriet appellat, sa fejn, minkejja l-annullament tad-Deċiżjoni tas-SRB 2023, l-effetti ta’ din id-deċiżjoni ġew miżmuma temporanjament, sakemm is-SRB jadotta l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni ta’ dan id-digriet, u dan f’terminu raġonevoli li ma jistax jaqbeż sitt xhur mill-jum li fih l-imsemmi digriet isir definittiv;
– tiddeċiedi l-kawża fuq il-mertu u ma żżommx l-effetti tad-Deċiżjoni tas-SRB 2023, sa fejn tikkonċerna lil BAWAG;
– sussidjarjament, iżżomm l-effetti tad-Deċiżjoni tas-SRB 2023 biss sa fejn BAWAG tkun obbligata tħallas kontribuzzjonijiet skont il-limitu massimu ta’ 12.5 % previst fl-Artikolu 70(2) tar-Regolament SRM;
– tikkundanna lis-SRB għall-ispejjeż.
11. Is-SRB, sostnut fit-talbiet tiegħu mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u mill-Parlament Ewropew, jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
– tiċħad l-appell;
– tikkundanna lil BAWAG għall-ispejjeż.
12. Il-partijiet għamlu s-sottomissjonijiet orali tagħhom waqt is-seduta tas‑17 ta’ Marzu 2026, komuni għall-Kawżi C‑454/24 P, C‑529/24 P, C‑536/24 P, C‑537/24 P, C‑585/24 P, C‑671/24 P u C‑705/24 P.
Fuq l-appell
L-argumenti tal-partijiet
13. Insostenn tal-appell tagħha, BAWAG invokat aggravju uniku, ibbażat fuq il-fatt li, billi żammet, temporanjament, l-effetti tad-Deċiżjoni tas-SRB 2023, il-Qorti Ġenerali kisret it-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE.
14. F’dan ir-rigward, BAWAG targumenta li, b’konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (6), skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE, l-effetti ta’ att jistgħu jinżammu biss meta l-effetti immedjati tal-annullament tiegħu jwasslu għal konsegwenzi negattivi serji u meta l-legalità tal-att ikkontestat ma tkunx qiegħda tiġi kkontestata minħabba l-għan jew il-kontenut tiegħu iżda minħabba motivi ta’ nuqqas ta’ kompetenza tal-awtur tiegħu jew minħabba ksur ta’ rekwiżiti formali essenzjali.
15. Madankollu, qabel xejn, il-ksur allegat tal-limitu massimu ta’ 12.5 % previst fl-Artikolu 70(2) tar-Regolament SRM huwa motiv dwar il-mertu indirizzat kontra l-kontenut tad-Deċiżjoni tas-SRB 2023, b’tali mod li ż-żamma ta’ din id-deċiżjoni ma hijiex iġġustifikata fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.
16. Imbagħad, għall-kuntrarju ta’ dak li kkunsidrat il-Qorti Ġenerali fil-punti 42 u 43 tad-digriet appellat, ir-rimbors dovut lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu, fil-każ ta’ annullament tad-Deċiżjoni tas-SRB 2023 b’effett immedjat, ma għandux l-effett li jċaħħad lis-SRF mill-mezzi finanzjarji neċessarji għat-twettiq tal-għanijiet tiegħu, u ma jippreġudikax l-għanijiet ta’ stabbiltà finanzjarja u ta’ ħolqien ta’ Unjoni Ekonomika u Monetarja. Barra minn hekk, ir-rimborsi jkunu limitati għal dawk l-istituzzjonijiet li jkunu ppreżentaw rikors kontra d-Deċiżjoni tas-SRB 2023.
17. Kull deċiżjoni minbarra l-annullament tad-Deċiżjoni tas-SRB 2023 b’effett immedjat tmur kontra l-ispirtu tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament SRM, li huwa intiż sabiex jipproteġi l-istituzzjonijiet minn piż finanzjarju eċċessiv kull sena tal-perijodu inizjali, u ċċaħħad lil dawn l-istituzzjonijiet minn protezzjoni ġudizzjarja effettiva.
18. Fl-aħħar nett, peress li l-ġbir ta’ kontribuzzjonijiet f’ammont li jaqbeż il-limitu massimu ta’ 12.5 % tal-livell fil-mira finali stmat fl‑2023 huwa nieqes minn bażi legali, ikun żbaljat li jitqies, kif għamlet il-Qorti Ġenerali fil-punt 42 tad-digriet appellat, li d-Deċiżjoni tas-SRB 2023 ma hijiex ivvizzjata bi żball fir-rigward tal-obbligu nnifsu li jitħallsu l-kontribuzzjonijiet inkwistjoni. Għall-istess raġuni, il-Qorti Ġenerali allegatament estendiet il-portata taż-żamma tal-effetti tad-Deċiżjoni tas-SRB 2023 lil hinn minn dak li jippermetti l-prinċipju ta’ proporzjonalità. Barra minn hekk, iż-żamma ratione temporis tal-effetti tad-Deċiżjoni tas-SRB 2023 kellha tirrigwarda biss il-parti tal-kontribuzzjonijiet li ma teċċedix l-imsemmi limitu massimu.
19. Wara li rrileva li jekk, wara l-appell tiegħu fil-Kawża C‑705/24 P, SRB vs BAWAG P.S.K., is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tiġi annullata, l-appell ta’ BAWAG jitlef is-suġġett tiegħu, is-SRB, sostnut mill-Parlament u mill-Kunsill, jargumenta li ż-żamma ratione temporis tal-effetti tad-Deċiżjoni tas-SRB 2023 hija ġġustifikata u konformi mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE. F’dan ir-rigward, qabel xejn, huwa jirrileva li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tillimitax il-każijiet li fihom l-effetti ta’ att annullat jistgħu jinżammu għal każijiet li fihom l-annullament ikun bbażat fuq nuqqas ta’ kompetenza jew fuq ksur ta’ rekwiżiti formali essenzjali, iżda tippermetti dan ukoll fil-każ ta’ konsegwenzi negattivi serji għall-persuni kkonċernati, li jinkludi l-annullamenti bbażati fuq illegalitajiet sostantivi.
20. Barra minn hekk ikun żbaljat li jitqies li r-rimborsi li jirriżultaw minn annullament tad-Deċiżjoni tas-SRB 2023 b’effett immedjat ma jkollhomx effett fuq l-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni bankarja, li, barra minn hekk, l-importanza tagħha diġà ġiet irrikonoxxuta mill-Qorti tal-Ġustizzja (7). Fl-aħħar nett, iż-żamma ratione temporis tal-effetti ta’ din id-deċiżjoni ma tikkontestax l-obbligu tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jħallsu l-kontribuzzjonijiet għas-sena ta’ kontribuzzjoni 2023 u lanqas l-obbligu tas-SRB li jilħaq il-livell fil-mira fi tmiem il-perijodu inizjali, u hija neċessarja sabiex tippermetti lis-SRB jadotta pożizzjoni komuni għaċ-ċikli ta’ kontribuzzjoni 2022 u 2023.
21. Barra minn hekk, il-Parlament jargumenta li peress li BAWAG kienet rebħet fir-rigward tal-ilmenti prinċipali tagħha fl-ewwel istanza, hija ma għandhiex bażi sabiex tippreżenta appell kontra d-digriet appellat, b’tali mod li dan huwa inammissibbli.
Evalwazzjoni
22. Preliminarjament, nirrileva li, peress li BAWAG tilfet parzjalment fit-talbiet tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, hija tista’ tippreżenta appell intiż għall-annullament parzjali tad-digriet appellat, sa fejn dan id-digriet iżomm temporanjament l-effetti tad-Deċiżjoni tas-SRB 2023, b’tali mod li l-argumenti tal-Parlament ibbażati fuq l-inammissibbiltà tal-appell għandhom jiġu miċħuda.
23. Infakkar li skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, jekk tqis li huwa neċessarju, tindika dawk l-effetti ta’ att annullat li għandhom jiġu kkunsidrati bħala definittivi. Sabiex teżerċita s-setgħa li jagħtiha dan l-artikolu, il-qorti tal-Unjoni tieħu inkunsiderazzjoni l-osservanza tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u r-rispett ta’ interessi pubbliċi jew privati oħra (8).
24. Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra f’ġurisprudenza stabbilita li, fid-dawl ta’ raġunijiet marbuta maċ-ċertezza legali, l-effetti ta’ att tal-Unjoni li ġie annullat jistgħu jinżammu, b’mod partikolari meta l-effetti immedjati tal-annullament tiegħu jikkawżaw konsegwenzi negattivi serji u meta l-legalità ta’ dan l-att ma tkunx qiegħda tiġi kkontestata minħabba l-għan jew il-kontenut tiegħu iżda minħabba raġunijiet ta’ nuqqas ta’ kompetenza tal-awtur tiegħu jew ta’ ksur ta’ rekwiżiti formali essenzjali, li jinkludu, b’mod partikolari, l-iżball imwettaq fir-rigward tal-bażi legali tal-att ikkontestat (9). Madankollu, nirrileva, kif indika ferm ġustament l-Avukat Ġenerali Tanchev fil-konklużjonijiet tiegħu għall-kawża Il‑Kummissjoni vs L‑Iżvezja (10), li qari bir-reqqa tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja juri li, filwaqt li dan l-element seta’ ġie kkunsidrat, b’mod partikolari, fis-sentenzi Il‑Parlament u Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill u Il‑Ġermanja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, bħala ostakolu li jipprevjeni lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tordna ż-żamma tal-effetti ta’ att tal-Unjoni (11), f’każijiet oħra, bħas-sentenzi Spanja vs Il‑Kunsill kif ukoll Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja żammet l-effetti ta’ att tal-Unjoni li kien ġie annullat għal raġunijiet relatati mal-legalità sostantiva tiegħu (12). Għalhekk, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni BAWAG, dan l-element ma jikkostitwixxix kundizzjoni li għandha tiġi ssodisfatta f’kull każ, iżda pjuttost jiddependi minn kull sitwazzjoni partikolari (13).
25. F’dan il-każ, nikkunsidra li jekk jiġi deċiż l-annullament tad-Deċiżjoni tas-SRB 2023 mingħajr ma tiġi prevista ż-żamma tal-effetti tagħha sakemm din tiġi ssostitwita minn att ġdid, dan ikun ta’ natura li jippreġudika l-implimentazzjoni tar-Regolament SRM, li jikkostitwixxi parti essenzjali mill-Unjoni bankarja, li tikkontribwixxi għall-istabbiltà finanzjarja taż-żona tal-euro (14).
26. Fil-fatt, minn naħa, la huwa kkontestat l-obbligu nnifsu tas-SRB, previst fl-Artikolu 69(1) ta’ dan ir-regolament, li jiżgura li l-mezzi finanzjarji disponibbli tas-SRF jilħqu mill-inqas 1 % tal-ammont tad-depożiti koperti tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha fl-Istati Membri parteċipanti kollha, u lanqas l-obbligu sussegwenti tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu kkonċernati, fosthom l-appellanti, li jħallsu l-kontribuzzjonijiet ex ante konformement mal-Artikolu 70 tal-imsemmi regolament SRM.
27. Min-naħa l-oħra, naqbel mat-tħassib tal-Qorti Ġenerali meta tirrileva, fil-punti 42 u 43 tad-digriet appellat, li hemm ir-riskju li r-rimbors immedjat tal-kontribuzzjonijiet ikkonċernati jċaħħad lis-SRF minn mezzi finanzjarji li jistgħu jirriżultaw neċessarji għat-twettiq tal-għanijiet tiegħu ta’ stabbiltà finanzjarja u ta’ ħolqien ta’ Unjoni Ekonomika u Monetarja. Fil-fatt, l-assenza taż-żamma tal-effetti tad-Deċiżjoni tas-SRB 2023 tista’ tippreġudika l-integrità tal-mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni, tfixkel il-funzjonament tiegħu fil-każ ta’ intervent finanzjarju tas-SRF u tipperikola l-interess pubbliku ġenerali li s-SRF ikollu kapaċitajiet finanzjarji suffiċjenti. Fl-opinjoni tiegħi, dan jikkostitwixxi raġuni suffiċjenti sabiex l-effett ta’ din id-deċiżjoni jinżamm sas-sostituzzjoni tagħha b’att ġdid.
28. Barra minn hekk, u sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li, kif qiegħed nipproponilha jien, tiċħad l-appelli fil-Kawżi C‑454/24 P, C‑529/24 P, C‑536/24 P, C‑537/24 P, C‑585/24 P u C‑705/24 P, id-Deċiżjoni tas-SRB 2023 tkun ivvizzjata, minbarra minn illegalità sostantiva li taffettwa l-ammont tal-kontribuzzjonijiet mitluba, minn motivi għal annullament li jirrigwardaw l-illegalità tal-Artikolu 70(7) tar-Regolament SRM u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/81 (15). Għalhekk, f’kull waħda minn dawn il-kawżi, is-SRB jista’ jipproċedi bl-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet ġodda biss wara li jkunu ġew adottati regolamenti ġodda. Peress li l-metodu ta’ kalkolu aġġustat tal-kontribuzzjonijiet ex ante huwa kkonċernat minn din l-illegalità, huwa s-SRB li ser ikollu japplika, jekk ikun il-każ, metodu ta’ kalkolu ġdid, b’tali mod li l-ammont eżatt tal-kontribuzzjonijiet li fl-aħħar jista’ jintalab lill-istituzzjonijiet ikkonċernati, fosthom l-appellanti, għas-snin ta’ kontribuzzjoni 2022 u 2023, ma jistax ikun stabbilit immedjatament.
29. F’dan ir-rigward, fil-Kawżi C‑529/24 P, C‑536/24 P, C‑537/24 P, C‑585/24 P u C‑705/24 P, is-SRB u l-Kunsill, sostnuti mill-Parlament u mill-Kummissjoni Ewropea, argumentaw li terminu ta’ 30 xahar kien neċessarju, sabiex jitwettqu tliet proċeduri, jiġifieri, l-ewwel nett, proċedura leġiżlattiva dwar il-motivazzjoni tal-Artikolu 70(7) tar-Regolament SRM, it-tieni nett, proċedura għall-adozzjoni ta’ regolament ta’ implimentazzjoni ġdid, u t-tielet nett, proċedura għall-adozzjoni mis-SRB ta’ deċiżjonijiet ġodda li jistabbilixxu l-kontribuzzjonijiet dovuti.
30. F’dawn iċ-ċirkustanzi, nipproponi li l-aggravju uniku invokat minn BAWAG għandu jiġi miċħud, u sabiex jiġi evitat kwalunkwe nuqqas ta’ kontinwità fis-sistema ta’ kontribuzzjonijiet għall-perijodi ta’ kontribuzzjoni 2022 u 2023, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja żżomm l-effetti tad-Deċiżjoni tas-SRB 2023, sa fejn tikkonċerna lil BAWAG, għal terminu raġonevoli li ma jaqbiżx it‑30 xahar mid-data tal-għoti tas-sentenzi fil-Kawżi C‑454/24 P, C‑529/24 P, C‑536/24 P, C‑537/24 P, C‑585/24 P, C‑671/24 P u C‑705/24 P, sad-dħul fis-seħħ ta’ deċiżjoni ġdida tas-SRB li tistabbilixxi l-kontribuzzjoni ex ante għas-SRF ta’ din l-istituzzjoni.
Fuq l-ispejjeż
31. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-appell għandu jiġi miċħud. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż konformement mal-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.
32. Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, kull parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż jekk dawn jintalbu. Peress li BAWAG tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata kemm għall-ispejjeż tagħha stess kif ukoll dawk sostnuti mis-SRB, kif mitluba minn dan tal-aħħar.
33. Konformement mal-Artikolu 140(1) u (3) tal-imsemmija regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, l-istituzzjonijiet li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess. Għaldaqstant, il-Parlament u l-Kunsill għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess.
Konklużjoni
34. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:
1) L-appell huwa miċħud.
2) L-effetti tad-Deċiżjoni tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni SRB/ES/2023/23 huma miżmuma, sa fejn din id-deċiżjoni tikkonċerna lil BAWAG P.S.K. Bank für Arbeit und Wirtschaft und Österreichische Postsparkasse AG, sad-dħul fis-seħħ ta’ att ġdid intiż sabiex jissostitwixxiha u sa mhux iktar tard minn 30 xahar mid-data li tal-għoti tas-sentenzi fil-Kawżi C‑454/24 P, C‑529/24 P, C‑536/24 P, C‑537/24 P, C‑585/24 P, C‑671/24 P u C‑705/24 P.
3) BAWAG P.S.K. Bank für Arbeit und Wirtschaft und Österreichische Postsparkasse AG hija kkundannata, minbarra għall-ispejjeż tagħha stess, għal dawk sostnuti mill-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni.
4) Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess.
1 Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
2 Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014, L 225, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament SRM”). “SRM” hija l-abbrevjazzjoni għall-“mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni”.
3 Sentenza tal‑10 ta’ April 2024 (T‑411/22, EU:T:2024:216).
4 Digriet appellat (punti 26 sa 37).
5 Digriet appellat (punti 38 sa 45).
6 F’dan ir-rigward, hija tirreferi għas-sentenzi tas‑26 ta’ Novembru 2014, Il‑Parlament u Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑103/12 u C‑165/12, EU:C:2014:2400, punt 92); tal‑1 ta’ Diċembru 2015, Il‑Parlament u Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑124/13 u C‑125/13, iktar ’il quddiem is-“sentenza Il‑Parlament u Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill”, EU:C:2015:790, punt 89); tas‑7 ta’ Settembru 2016, Il‑Ġermanja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑113/14, EU:C:2016:635, punt 84); kif ukoll tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden‑Württemberg u SRB (C‑584/20 P u C‑621/20 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden‑Württemberg u SRB”, EU:C:2021:601, punt 175).
7 Is-SRB jirreferi b’mod partikolari għas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden‑Württemberg u SRB (punt 177).
8 Ara, fost oħrajn, is-sentenzi tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Régie Networks (C‑333/07, EU:C:2008:764, punt 122); tal‑25 ta’ Frar 2021, Il‑Kummissjoni vs L‑Iżvezja (C‑389/19 P, EU:C:2021:131, punt 72 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata); u tal‑20 ta’ April 2023, Il‑Parlament vs Il‑Kummissjoni (Awtorizzazzjoni għal sustanza ta’ tħassib serju ħafna) (C‑144/21, EU:C:2023:302, punt 136 u l-ġurisprudenza ċċitata).
9 Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Novembru 2014, Il‑Parlament u Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (C‑103/12 u C‑165/12, EU:C:2014:2400, punt 90 u l-ġurisprudenza ċċitata); Il‑Parlament u Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (punt 86); u Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden‑Württemberg u SRB (punt 175 u l-ġurisprudenza ċċitata).
10 C‑389/19 P, EU:C:2020:874, punt 129.
11 Ara s-sentenzi Il‑Parlament u Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (punt 89), u tas‑7 ta’ Settembru 2016, Il‑Ġermanja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑113/14, EU:C:2016:635, punt 84).
12 Ara s-sentenzi tas‑7 ta’ Settembru 2006, Spanja vs Il‑Kunsill (C‑310/04, EU:C:2006:521, punti 138 sa 141, moqrija flimkien mal-punti 135 sa 137), u tat‑3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punti 373 sa 376, moqrija flimkien mal-punti 333 sa 372).
13 Għalhekk, fis-sentenza tal‑25 ta’ Frar 2021, Il‑Kummissjoni vs L‑Iżvezja (C‑389/19 P, EU:C:2021:131), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet iż-żamma tal-effett tad-deċiżjoni inkwistjoni, annullata minħabba raġunijiet marbuta mal-legalità sostantiva ta’ din id-deċiżjoni, fid-dawl tar-riskju li jseħħ dannu gravi u irreparabbli għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent.
14 Ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden‑Württemberg u SRB (punt 177).
15 Regolament tal-Kunsill tad‑19 ta’ Diċembru 2014 li jispeċifika kundizzjonijiet uniformi għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (ĠU 2015, L 15, p. 1).