European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/1718

14.7.2026

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2026/1718

tat-13 ta’ Lulju 2026

li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-Qarn tal-Afrika u li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2021/1012

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 33, flimkien mal-Artikolu 31(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-8 ta' Diċembru 2011, il-Kunsill qabel li jaħtar Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) għall-Qarn tal-Afrika.

(2)

Fil-21 ta' Ġunju 2021, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2021/1012 (1), li taħtar lis-Sa Annette WEBER bħala r-RSUE għall-Qarn tal-Afrika.

(3)

Fit-18 ta' Lulju 2022, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2022/1238 (2), li testendi l-mandat tas-Sa Annette WEBER bħala r-RSUE għall-Qarn tal-Afrika sal-31 ta' Awwissu 2024.

(4)

Fis-26 ta' Lulju 2024, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2024/2082 (3), li testendi l-mandat tas-Sa Annette WEBER bħala r-RSUE għall-Qarn tal-Afrika. Il-mandat tar-RSUE jiskadi fil-31 ta' Awwissu 2026.

(5)

Jenħtieġ li l-mandat tar-RSUE jiġi estiż għal perjodu ulterjuri ta' 12-il xahar u li jiġi stabbilit ammont ta' referenza finanzjarja ġdid għall-perjodu mill-1 ta' Settembru 2026 sal-31 ta' Awwissu 2027.

(6)

Ir-RSUE ser timplimenta l-mandat fil-kuntest ta' sitwazzjoni li tista' tiddeterjora u li tista' timpedixxi l-ksib tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-Trattat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni (PESK) 2021/1012 hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 1, paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   Is-Sa Annette WEBER hija b'dan maħtura bħala r-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) għall-Qarn tal-Afrika mill-1 ta' Lulju 2021 sal-31 ta' Awwissu 2022.

Il-mandat tas-Sa Annette WEBER bħala r-RSUE għall-Qarn tal-Afrika huwa estiż sal-31 ta' Awwissu 2024.

Il-mandat tas-Sa Annette WEBER bħala r-RSUE għall-Qarn tal-Afrika huwa estiż sal-31 ta' Awwissu 2026.

Il-mandat tas-Sa Annette WEBER bħala r-RSUE għall-Qarn tal-Afrika huwa estiż sal-31 ta' Awwissu 2027.

Il-Kunsill jista' jiddeċiedi li l-mandat tar-RSUE jintemm qabel, abbażi ta' valutazzjoni mill-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS) u proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (ir-‘RGħ’).”

;

(2)

fl-Artikolu 2, paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej

“3.   Ir-RSUE għandu jikkontribwixxi għall-involviment tal-Unjoni li tapprofondixxi r-relazzjoni strateġika u s-sħubija tagħha mar-reġjun tal-Qarn tal-Afrika u l-pajjiżi tiegħu, b’rispett sħiħ tal-prinċipji ta’ sovranita’ u integrita’ territorjali, bl-objettiv li tappoġġa l-paċi u s-sigurtà, id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, il-prinċipji umanitarji u d-Dritt Umanitarju Internazzjonali (IHL), l-iżvilupp sostenibbli, it-tkabbir ekonomiku, l-azzjoni klimatika u l-kooperazzjoni reġjonali.”

;

(3)

fl-Artikolu 5(1), jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-mandat tar-RSUE għall-perjodu mill-1 ta' Settembru 2026 sal-31 ta' Awwissu 2027 għandu jkun ta' EUR 2 701 444,65”

;

(4)

L-Artikolu 13 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 13

Surroga tad-drittijiet

Għall-finijiet li jiġi żgurat ir-rispett tal-impenji legali assunti minn RSUE preċedenti għall-Qarn tal-Afrika fir-rigward tal-membri tat-tim tagħhom, tal-akkwist ta' xogħlijiet, provvisti jew servizzi u tal-kiri ta' art, bini jew proprjetà immobbli oħra, ir-RSUE għandu jieħu post, u jassumi d-drittijiet u l-obbligi ta' tali RSUE preċedenti, bl-eċċezzjoni tal-obbligi li jirriżultaw minn kondotta ħażina serja li għaliha tali RSUE preċedenti għandhom jibqgħu unikament responsabbli.”

;

(5)

fl-Artikolu 14, it-tieni sentenza hija sostitwita b'dan li ġej:

“Ir-RSUE għandu jippreżenta lill-Kunsill, lir-RGħ u lill-Kummissjoni rapporti ta' progress regolari u rapport komprensiv finali dwar l-implementazzjoni tal-mandat sal-31 ta' Mejju 2027.”.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Lulju 2026.

Għall-Kunsill

Il-President

K. KALLAS


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/1012 tal-21 ta' Ġunju 2021 li taħtar ir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-Qarn tal-Afrika (ĠU L 222, 22.6.2021, p. 27, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2021/1012/oj).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/1238 tat-18 ta' Lulju 2022 li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-Qarn tal-Afrika u li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2021/1012 (ĠU L 190, 19.7.2022, p. 127, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/1238/oj).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2024/2082 tas-26 ta' Lulju 2024 li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-Qarn tal-Afrika u li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2021/1012 (ĠU L, 2024/2082, 29.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/2082/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/1718/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)