|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/1042 |
28.5.2025 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/1042
tas-27 ta’ Mejju 2025
li jimponi dazju anti-dumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ prodotti rrumblati ċatti tal-ħadid jew tal-azzar mhux illigat jew stanjati li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(4) tiegħu,
Billi:
1. PROĊEDURA
1.1. Bidu
|
(1) |
Fis-16 ta’ Mejju 2024, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) bdiet investigazzjoni anti-dumping fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ prodotti rrumblati ċatti tal-ħadid jew tal-azzar mhux illigat jew stanjati (“prodotti stanjati”) li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“il-pajjiż ikkonċernat”, “iċ-Ċina” jew “ir-RPĊ”) abbażi tal-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku. Hija ppubblikat Notifika tal-Bidu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2)(“in-Notifika tal-Bidu”). |
|
(2) |
Il-Kummissjoni bdiet l-investigazzjoni wara lment ippreżentat fit-2 ta’ April 2024 mill-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Azzar (“EUROFER” jew “l-ilmentatur”). L-ilment sar f’isem l-industrija tal-Unjoni ta’ prodotti stanjati fis-sens tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku. L-ilment kien fih evidenza ta’ dumping u tad-dannu materjali li jirriżulta li kienet biżżejjed sabiex tiġġustifika l-bidu tal-investigazzjoni. |
1.2. Reġistrazzjoni
|
(3) |
Il-Kummissjoni għamlet l-importazzjonijiet ta’ prodotti stanjati soġġetti għar-reġistrazzjoni permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2731 (3). |
1.3. Miżuri proviżorji
|
(4) |
F’konformità mal-Artikolu 19a tar-Regolament bażiku, fis-17 ta’ Diċembru 2024, il-Kummissjoni pprovdiet lill-partijiet b’sommarju tad-dazji proposti u dettalji dwar il-kalkolu tal-marġnijiet tad-dumping u l-marġnijiet adegwati biex jitneħħa d-dannu lill-industrija tal-Unjoni. Il-partijiet interessati ġew mistiedna jikkummentaw dwar il-preċiżjoni tal-kalkoli fi żmien 3 ijiem tax-xogħol. |
|
(5) |
Il-Kummissjoni rċeviet kummenti kemm mingħand Baoshan Iron & Steel Co., Ltd. kif ukoll mingħand WISCO-Nippon Steel Tinplate Co., Ltd. (“Baosteel Group”) u mingħand Shougang Jingtang United Iron & Steel Co., Ltd. (“Shougang Jingtang”) iżda l-ebda kumpanija ma għamlet kummenti dwar l-akkuratezza tal-kalkoli. |
|
(6) |
Fl-14 ta’ Jannar 2025, il-Kummissjoni imponiet dazji anti-dumping proviżorji fuq l-importazzjonijiet ta’ prodotti stanjati li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/81 (4) (“ir-Regolament proviżorju”). |
1.4. Proċedura sussegwenti
|
(7) |
Wara d-divulgazzjoni tal-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom ġie impost dazju anti-dumping proviżorju (“divulgazzjoni proviżorja”), Baosteel Group, l-ilmentatur, Shougang Jingtang, Trivium Packaging B.V. (“Trivium”), China Iron and Steel Association (“CISA”), Metal Packaging Europe (“MPE”) u Steelforce Packaging BV (“Steelforce”) ippreżentaw sottomissjonijiet bil-miktub biex jesprimu l-fehmiet tagħhom dwar is-sejbiet proviżorji sal-iskadenza prevista fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament proviżorju. |
|
(8) |
Il-partijiet li għamlu t-talba ngħataw l-opportunità li jinstemgħu. Saret seduta ta’ smigħ mal-ilmentatur. Ma saret l-ebda talba għal seduti ta’ smigħ mal-Uffiċjal tas-Smigħ fl-istadju proviżorju. |
|
(9) |
Il-Kummissjoni kompliet tfittex u tivverifika l-informazzjoni kollha li qieset meħtieġa għas-sejbiet definittivi tagħha. Meta waslet għas-sejbiet definittivi tagħha, il-Kummissjoni kkunsidrat il-kummenti ppreżentati mill-partijiet interessati u rrevediet il-konklużjonijiet proviżorji tagħha meta kien xieraq. |
|
(10) |
Il-Kummissjoni infurmat lill-partijiet interessati kollha dwar il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom kien beħsiebha timponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ prodotti stanjati li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“divulgazzjoni finali”). Il-partijiet kollha ngħataw perjodu li fih setgħu jikkummentaw dwar id-divulgazzjoni finali. |
|
(11) |
Waslu sottomissjonijiet bil-miktub dwar id-divulgazzjoni finali mingħand Baosteel Group, l-ilmentatur, Shougang Jingtang, CISA, MPE u Steelforce. |
|
(12) |
L-ebda parti ma talbet seduta ta’ smigħ wara d-divulgazzjoni. Barra minn hekk, l-ebda parti ma talbet l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta. |
1.5. Asserzjonijiet dwar il-bidu
|
(13) |
Fil-kummenti tagħha dwar ir-Regolament proviżorju, is-CISA ma qablitx mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni mit-Taqsima 1.4 tar-Regolament proviżorju, fejn il-Kummissjoni ċaħdet l-asserzjonijiet tas-CISA li l-ilment ma kienx fih biżżejjed evidenza biex jiġi ġġustifikat il-bidu ta’ din l-investigazzjoni. |
|
(14) |
Is-CISA sostniet ukoll l-asserzjonijiet tagħha li s-sommarji mhux kunfidenzjali tal-informazzjoni użati fl-ilment ma kinux dettaljati biżżejjed, u b’hekk kisret id-dritt tad-difiża tagħha. Is-CISA qalet li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta kkunsidrat l-informazzjoni bħala dettaljata biżżejjed u li kellha tiġi sottomessa mill-ġdid verżjoni mhux kunfidenzjali tal-ilment imqassra b’mod xieraq. |
|
(15) |
Il-EUROFER opponiet dawn l-argumenti, billi sostniet li s-CISA ma saħħitx l-asserzjonijiet preċedenti tagħha b’argumenti ġodda, iżda sempliċement tenniethom. |
|
(16) |
Fir-rigward tal-pożizzjoni tas-CISA miġbura fil-qosor fil-premessa (14) ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni nnotat, f’konformità mal-argument tal-EUROFER, li s-CISA ma pprovdiet l-ebda argument jew evidenza ġdida biex turi għaliex il-Kummissjoni żbaljat fil-konklużjoni proviżorja tagħha dwar dan il-punt. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet din l-asserzjoni u sostniet il-konklużjonijiet tagħha mill-premessa (19) tar-Regolament proviżorju, li d-data li tinsab fil-verżjoni mhux kunfidenzjali tal-ilment ippermettiet fehim raġonevoli tas-sustanza tal-informazzjoni sottomessa b’mod kunfidenzjali u li ma nkiser l-ebda dritt tad-difiża f’dan ir-rigward. |
|
(17) |
Fir-rigward tal-asserzjoni tagħha dwar evidenza insuffiċjenti fl-ilment, is-CISA tabilħaqq tenniet il-pożizzjoni tagħha li, meta eżaminat is-suffiċjenza tal-evidenza biex tibda din l-investigazzjoni, il-Kummissjoni kellha tagħti aktar kunsiderazzjoni lil fatturi oħra li potenzjalment jikkawżaw dannu — speċifikament l-impatt taż-żieda fil-prezzijiet tal-materja prima u tal-enerġija. Is-CISA sostniet li dan il-fattur waħdu rribatta r-rilevanza ta’ fatturi oħra bħala l-kawża tad-dannu lill-industrija tal-Unjoni. |
|
(18) |
Il-Kummissjoni indikat li l-eżistenza ta’ fatturi oħra li jista’ jkollhom impatt fuq is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni mhux neċessarjament timplika li l-effett tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping fuq din l-industrija mhuwiex materjali, u lanqas ma tnaqqas ir-rabta kawżali bejniethom. Taqbilħaqq, il-korrelazzjoni bejn id-deterjorament tas-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni u ż-żieda fil-penetrazzjoni tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mibjugħa bi prezzijiet li waqqgħu b’mod sinifikanti dawk tal-industrija tal-Unjoni indikaw b’mod qawwi l-eżistenza ta’ rabta kawżali. |
|
(19) |
Barra minn hekk, ir-realtà taż-żieda fil-kost tal-produzzjoni ġiet rikonoxxuta b’mod espliċitu fl-ilment innifsu, fil-paragrafi 159 sa 161, u fil-paragrafu 205 bħala parti mill-analiżi tal-kawżalità. Għalhekk, dan il-fattur kien tabilħaqq ikkunsidrat fil-valutazzjoni ġenerali tas-suffiċjenza tal-evidenza, kif meħtieġ skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament bażiku. |
|
(20) |
Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet l-asserzjonijiet tas-CISA u affermat mill-ġdid il-konklużjonijiet tagħha mill-premessi (6) sa (26) tar-Regolament proviżorju. |
|
(21) |
Wara d-divulgazzjoni finali, is-CISA reġgħet tenniet l-istess affermazzjonijiet li jallegaw sommarju mhux dettaljat biżżejjed tal-verżjoni miftuħa tal-ilment, evidenza insuffiċjenti għall-bidu tal-investigazzjoni, u nuqqas ta’ valutazzjoni ta’ fatturi oħra li potenzjalment jikkawżaw dannu. |
|
(22) |
Is-CISA sostniet li d-drittijiet tad-difiża tagħha għalhekk ġew miksura matul l-investigazzjoni. Peress li dan il-ksur proċedurali issa ma jistax jiġi rimedjat fi stadju daqshekk tard tal-investigazzjoni, is-CISA sostniet li l-investigazzjoni għandha tintemm. |
|
(23) |
Fin-nuqqas ta’ argumenti ġodda, il-Kummissjoni żammet il-pożizzjoni tagħha stabbilita fil-premessa (20) hawn fuq. Meta jitqies li l-Kummissjoni għalhekk ma sabet l-ebda ksur proċedurali rigward din l-investigazzjoni u s-CISA ma ressqet l-ebda evidenza sostanzjali li turi tali ksur, il-Kummissjoni ċaħdet it-talba tas-CISA biex tintemm l-investigazzjoni għal dawk ir-raġunijiet. |
1.6. Kampjunar
|
(24) |
Ma wasal l-ebda kumment dwar il-kampjunar tal-produtturi esportaturi, tal-produtturi tal-Unjoni jew tal-importaturi mhux relatati. |
|
(25) |
Fl-14 ta’ Jannar 2025, il-Kummissjoni rċeviet talba mill-kumpanija Ċiniża Jiangsu Kemao New Materials Technology Co., Ltd biex tiġi inkluża fl-investigazzjoni bħala produttur esportatur li kkoopera. |
|
(26) |
Kif stabbilit fit-Taqsima 5.3.1 tan-Notifika tal-Bidu, huma biss il-produtturi esportaturi li qablu li jiġu inklużi fil-kampjun iżda li ma ntgħażlux bħala parti mill-kampjun li se jitqiesu li kkooperaw (produtturi esportaturi li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun). Għalhekk, din it-talba ġiet miċħuda peress li l-kumpanija ma identifikatx ruħha sal-iskadenza stabbilita fit-taqsima 5.3.1.(a) tan-Notifika tal-Bidu f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku, kif meħtieġ mill-Artikolu 9(6) ta’ dak ir-Regolament. |
|
(27) |
Il-kampjuni huma għalhekk ikkonfermati. |
1.7. Eżami individwali
|
(28) |
Ma waslet l-ebda talba għal eżami individwali. |
1.8. Tweġibiet għall-kwestjonarju u żjarat ta’ verifika
|
(29) |
Saru aktar żjarat ta’ verifika fit-tliet kumpaniji tal-bejgħ relatati ta’ Baosteel Group kif ġej:
|
|
(30) |
Saret ukoll żjara ta’ verifika fl-istabbiliment tal-utent Massilly Holding S.A.S (“Massilly”). |
2. PRODOTT IKKONĊERNAT U PRODOTT SIMILI
|
(31) |
Il-premessa (41) tar-Regolament proviżorju tistabbilixxi d-definizzjoni tal-prodott taħt investigazzjoni. Il-prodott taħt investigazzjoni jikkonsisti fi prodotti rrumblati ċatti tal-landa, tal-ħadid jew tal-azzar mhux illigat, stanjati, kemm jekk miksija b’materjal tal-plastik u/jew mogħtija l-verniċ (“prodotti stanjati”) kif ukoll jekk le, li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM 7210 11 00 , 7210 12 , ex 7210 70 , 7210 90 40 , ex 7210 90 80 , 7212 10 , u ex 7212 40 (il-kodiċijiet TARIC 7210 70 10 15, 7210 70 80 20, 7210 70 80 92, 7210 90 80 20, 7212 40 20 10, 7212 40 80 12, 7212 40 80 30, 7212 40 80 80, u 7212 40 80 85). |
|
(32) |
Il-premessa (43) tar-Regolament proviżorju stabbilixxiet id-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat, li huwa l-prodott taħt investigazzjoni u li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. |
|
(33) |
Fin-nuqqas ta’ kummenti dwar il-prodott taħt investigazzjoni, il-prodott ikkonċernat u l-prodott simili, il-premessi (41) sa (50) tar-Regolament proviżorju huma kkonfermati. |
3. DUMPING
3.1. Proċedura għad-determinazzjoni tal-valur normali skont l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku
|
(34) |
Wara d-divulgazzjoni proviżorja, l-assoċjazzjoni tal-esportaturi Ċiniżi CISA reġgħet ikkummentat dwar l-użu tal-metodu stabbilit fl-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku f’din l-investigazzjoni. Baosteel Group tenna wkoll l-asserzjoni tiegħu li l-Kummissjoni jenħtieġ li tirrifjuta l-asserzjoni tal-ilmentatur dwar l-allegati distorsjonijiet sinifikanti. |
|
(35) |
L-ewwel nett, is-CISA tenniet l-asserzjoni tagħha li d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar Distorsjonijiet Sinifikanti fl-Ekonomija tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għall-Finijiet tal-Investigazzjonijiet għad-Difiża tal-Kummerċ (“ir-Rapport”) naqas milli jissodisfa l-istandard ta’ evidenza imparzjali u oġġettiva. Hija ddikjarat li r-Rapport la kien imparzjali u lanqas oġġettiv peress li kien inkiteb bl-għan li jgħin lill-produtturi tal-Unjoni jabbozzaw ilmenti kontra r-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. |
|
(36) |
It-tieni, is-CISA tenniet il-kumment tagħha li l-ilment ibbaża fuq investigazzjonijiet anti-dumping preċedenti biex jipprovdi evidenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti fiċ-Ċina, filwaqt li l-Kummissjoni jenħtieġ li tistabbilixxi b’mod pożittiv l-eżistenza ta’ dumping f’kull investigazzjoni. Is-CISA nnotat li l-Korp tal-Appell tad-WTO ddikjara li “li sempliċiment jiġi inkorporat b’sejbiet ta’ referenza minn determinazzjoni waħda f’determinazzjoni oħra normalment ma jkunx biżżejjed bħala spjegazzjoni motivata u adegwata. (5)” |
|
(37) |
Is-CISA fl-aħħar nett iddikjarat li fil-fehma tagħha l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku ma kienx konsistenti mal-prinċipji tal-Artikolu 2.2 tal-Ftehim dwar l-Anti-Dumping fir-rigward tal-użu ta’ pajjiż rappreżentattiv biex jinstabu kostijiet biex jinħadem il-valur normali. |
|
(38) |
Il-Kummissjoni nnotat li l-premessi (72) sa (117) tar-Regolament proviżorju jistabbilixxu fid-dettall is-sejbiet tal-Kummissjoni stess rigward l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti fil-produzzjoni ta’ prodotti stanjati fiċ-Ċina, bl-użu ta’ diversi sorsi faċilment disponibbli. |
|
(39) |
Fil-kummenti tagħhom, is-CISA u Baosteel Group ma kkontestawx l-evidenza ppreżentata mill-Kummissjoni f’dawn il-premessi tar-Regolament proviżorju. |
|
(40) |
Il-kummenti tas-CISA dwar ir-Rapport u l-ilment diġà ġew indirizzati fil-premessi (120) sa (127) tar-Regolament proviżorju. |
|
(41) |
Wara d-divulgazzjoni finali, is-CISA tenniet l-argumenti tagħha mid-divulgazzjoni provviżorja, kif stabbilit fil-premessi (34) sa (39) hawn fuq. |
|
(42) |
Is-CISA reġgħet iddikjarat li l-użu mill-Kummissjoni tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku ma kienx appoġġat minn evidenza oġġettiva jew iġġustifikat minn raġunament legali sod u rreferiet lill-Kummissjoni għall-kummenti tagħha dwar id-divulgazzjoni proviżorja. |
|
(43) |
Ma ġiet ipprovduta l-ebda evidenza ġdida mis-CISA biex turi li l-Kummissjoni ma kellhiex tuża l-Artikolu 2(6a) f’din l-investigazzjoni. |
|
(44) |
Minħabba li la s-CISA u lanqas Baosteel Group ma pprovdew evidenza ġdida fis-sottomissjoni tagħhom, il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni fil-premessi (118) sa (135) tar-Regolament proviżorju huma kkonfermati. |
3.2. Valur normali
3.2.1. Eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti
|
(45) |
Il-premessa (203) tar-Regolament proviżorju stabbiliet li għal dawk il-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun li importaw mineral tal-ħadid minn pajjiżi mingħajr allegazzjonijiet ta’ distorsjonijiet skont l-Artikolu 2(6a), il-Kummissjoni ħadet il-prezz mingħajr distorsjoni mħallas mill-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun minflok il-parametru referenzjarju stabbilit hawn fuq mill-prezzijiet tal-importazzjoni Malażjani. |
|
(46) |
Wara d-divulgazzjoni proviżorja, l-ilmentatur għamel kummenti dwar l-influwenza taċ-China Minerals Resources Group (6) (“CMRG”) fuq ix-xiri ta’ mineral tal-ħadid importat fiċ-Ċina. Dan sostna li s-CMRG kien klabb immexxi mill-Istat għax-xiri konġunt ta’ materja prima, u li ħafna mtieħen tal-azzar tal-Istat kienu “ddelegaw l-akkwist urġenti kollu lis-CMRG […] sabiex jikkonsolidaw ix-xiri tal-mineral tal-ħadid”. |
|
(47) |
Il-EUROFER ippreżentat rapport għall-istampa (7) tas-6 ta’ Ottubru 2023 li jiddikjara li s-CMRG kien “f’taħditiet mal-erba’ fornituri ewlenin tal-mineral tal-ħadid fid-dinja – Rio Tinto, BHP, Vale u Fortescue Metals – [u] li qed tfittex termini preferenzjali dwar it-trasport, il-gradi, eċċ.” |
|
(48) |
Abbażi ta’ dawn ir-rapporti tal-istampa, il-EUROFER talbet lill-Kummissjoni tiskrutinizza bir-reqqa l-affermazzjonijiet tal-produtturi esportaturi Ċiniżi li qed jixtru mineral tal-ħadid importat bi prezzijiet mingħajr distorsjoni. |
|
(49) |
Intbagħat kwestjonarju lill-Gvern taċ-Ċina (“GTĊ”) dwar id-distorsjonijiet fis-settur tal-prodotti miksijin bil-landa fil-bidu tal-investigazzjoni, u ma weġibx. Konsegwentement, il-Kummissjoni infurmat lill-GTĊ li kienet se tuża d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku fir-rigward tad-distorsjonijiet fis-settur. |
|
(50) |
Il-Kummissjoni sabet li s-CMRG twaqqfet permezz ta’ digriet tal-Kummissjoni għas-Superviżjoni u l-Amministrazzjoni tal-Assi tal-Istat tal-Kunsill tal-Istat (“SASAC”) fit-22 ta’ Lulju 2022 (8). |
|
(51) |
Skont is-sit web tiegħu, l-għan tas-CMRG huwa li “jipprovdi servizzi siguri u sostenibbli ta’ provvista ta’ materja prima u soluzzjonijiet imfassla apposta għal industriji bħal dik tal-azzar. Billi nsawru sħubija strateġika ma’ fornituri globali tal-minerali, klijenti finali, u mexxejja fl-industriji tal-portijiet, tat-tbaħħir, tal-kummerċ u tal-finanzi, u billi navvanzaw l-intelliġenza diġitali, it-teknoloġija ekoloġika, u l-prattiki sostenibbli fir-riżorsi minerali, għandna l-għan li nrawmu ekosistemi industrijali reżiljenti u sostenibbli filwaqt li niżguraw l-istabbiltà u l-iżvilupp ta’ kwalità għolja tal-ktajjen industrijali u tal-provvista.” (9) |
|
(52) |
Il-produtturi esportaturi Ċiniżi Baosteel Group u Shougang Jingtang wieġbu għal dawn il-kummenti tal-EUROFER rigward l-influwenza tas-CMRG fuq ix-xiri tagħhom tal-mineral tal-ħadid u, wara talba mill-Kummissjoni, ipprovdew aktar informazzjoni dwar dan ix-xiri u t-termini kuntrattwali tagħhom. |
|
(53) |
L-ewwel nett, il-Kummissjoni osservat li l-asserzjoni saret tard fil-proċedimenti, li ma ppermettiex biżżejjed żmien biex jiġu investigati b’mod xieraq l-allegazzjonijiet magħmula. L-iskadenza fin-Notifika tal-Bidu għall-kummenti dwar distorsjonijiet sinifikanti kienet ta’ 37 jum mill-jum tal-pubblikazzjoni. |
|
(54) |
L-evidenza miġbura sussegwentement mill-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun uriet li s-CMRG kien tabilħaqq involut f’xi wħud mill-ftehimiet ta’ akkwist tal-mineral tal-ħadid iffirmati bejn il-produtturi esportaturi u l-fornituri minn pajjiżi terzi. |
|
(55) |
Madankollu, fid-dawl tal-fatt li s-CMRG ma kienx kompletament operattiv matul il-perjodu ta’ investigazzjoni, peress li beda l-operazzjonijiet biss fil-bidu tal-2023, u peress li l-Kummissjoni ma setgħetx tiġbor informazzjoni addizzjonali u ma setgħetx tivverifika l-informazzjoni sottomessa mill-partijiet f’dan l-istadju avvanzat tal-proċediment, ikkonkludiet li ma kienx hemm biżżejjed evidenza biex tikkorrobora l-asserzjoni tal-EUROFER. |
|
(56) |
Wara d-divulgazzjoni finali l-EUROFER reġgħet affermat li l-Kummissjoni kellha tinvestiga l-impatt tas-CMRG fuq il-prezzijiet tal-mineral tal-ħadid miksuba mill-produtturi esportaturi fil-kampjun u kellha tuża l-fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku biex tirrifjuta l-prezzijiet tal-importazzjoni tal-mineral tal-ħadid imħallsa mill-produtturi esportaturi Ċiniżi. |
|
(57) |
Il-Kummissjoni kienet sabet li r-rwol tas-CMRG fl-akkwist tal-mineral tal-ħadid importat kien limitat u ma setax jaffettwa b’mod sinifikanti l-prezz tax-xiri tal-mineral tal-ħadid importat mill-produtturi esportaturi fil-kampjun matul l-investigazzjoni. Il-EUROFER ma pprovdiet l-ebda informazzjoni ġdida li tikkontradixxi l-evidenza fil-fajl u l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni għalhekk baqgħu l-istess. |
3.2.2. Pajjiż rappreżentattiv
|
(58) |
Wara d-divulgazzjoni proviżorja, il-EUROFER għamlet aktar kummenti dwar l-għażla tal-Malażja bħala pajjiż rappreżentattiv, u ddikjarat li s-suq tal-azzar b’mod partikolari kien distort bl-importazzjonijiet miċ-Ċina, b’investigazzjoni anti-dumping li għaddejja bħalissa mmirata lejn prodotti tal-azzar ċatti llaminati bis-sħana Ċiniżi. Il-EUROFER reġgħet innotat li l-Malażja għandha rekwiżiti ta’ liċenzjar fuq l-esportazzjonijiet tal-mineral tal-ħadid, u li l-Malażja għandha sena finanzjarja differenti minn taċ-Ċina, jiġifieri minn April sa Marzu. |
|
(59) |
Baosteel Group argumenta li l-investigazzjoni anti-dumping Malażjana kienet tikkonċerna prodotti tal-azzar miksija aktar milli prodotti tal-azzar ċatti llaminati bis-sħana, li huma prodott tal-azzar downstream aktar milli materjal ta’ input ta’ prodotti stanjati. L-investigazzjoni Malażjana nbdiet ukoll wara t-tmiem tal-perjodu ta’ investigazzjoni. |
|
(60) |
Il-EUFOER ma għamlet l-ebda proposta għal pajjiż rappreżentattiv ieħor u talbet biss lill-Kummissjoni tiskrutinizza mill-qrib il-parametri referenzjarji mill-Malażja użati biex jinħadem il-valur normali. |
|
(61) |
Għalhekk, il-Kummissjoni kkonfermat lill-Malażja bħala pajjiż rappreżentattiv. L-iskrutinju tal-parametri referenzjarji bbażat fuq il-prezzijiet tal-importazzjoni tal-fatturi ta’ produzzjoni lejn il-Malażja huwa stabbilit fit-taqsima 3.2.3. |
|
(62) |
Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor dwar l-għażla tal-pajjiż rappreżentattiv, il-premessi (137) sa (156) tar-Regolament proviżorju huma kkonfermati. |
3.2.3. Sorsi użati biex jiġu stabbiliti l-kostijiet mingħajr distorsjoni
|
(63) |
Wara d-divulgazzjoni proviżorja, il-EUROFER għamlet kummenti dwar l-użu tal-parametru referenzjarju Malażjan tat-trab tal-mineral tal-ħadid, tal-faħam tal-kokk, u tal-azzar illaminat bis-sħana. |
|
(64) |
L-ewwel il-EUROFER għamlet kummenti dwar il-prezz tal-importazzjoni tat-trab tal-mineral tal-ħadid lejn il-Malażja, u ddikjarat li dan il-prezz kien aktar baxx mill-prezz f’indiċijiet oħra, inkluż indiċi Platts (IODEX CFR China 62 % FE). |
|
(65) |
Madankollu, il-EUROFER ma pprovdiet l-ebda evidenza li l-prezz tal-importazzjoni tal-mineral tal-ħadid lejn il-Malażja kien distort jew li l-prezz u l-kwantità importati fil-Malażja ma kinux rappreżentattivi, iżda sempliċiment li l-indiċi Platts kien ogħla. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet l-asserzjoni. |
|
(66) |
Barra minn hekk, il-EUROFER argumentat li fl-investigazzjoni anti-dumping dwar prodotti tal-azzar miksija bil-kromu elettrolitiku, il-Kummissjoni rrifjutat li tuża l-prezzijiet reali tax-xiri għall-mineral tal-ħadid minn Baosteel Group, peress li kienet sabet li l-prezzijiet tax-xiri ta’ Baosteel Group kienu affettwati mir-relazzjoni bejn il-kumpaniji relatati tiegħu u/jew mid-distorsjonijiet sinifikanti prevalenti eżistenti fiċ-Ċina (10). |
|
(67) |
Il-EUROFER semmiet ukoll is-sejbiet tal-Kummissjoni fl-investigazzjoni anti-dumping dwar ċerti prodotti b’vina parallela rrumblati ċatti ta’ azzar elettriku bis-siliċju, li fiha l-Kummissjoni kkonkludiet li l-mineral tal-ħadid kien affettwat mill-influwenza tal-gvern (11). |
|
(68) |
Fl-investigazzjoni dwar prodotti tal-azzar miksija bil-kromu elettrolitiku, il-Kummissjoni sabet li Baosteel Group ma importax direttament, iżda permezz ta’ kumpanija relatata stabbilita f’Hong Kong. Dan ma nstabx li kien il-każ fl-investigazzjoni kurrenti. |
|
(69) |
Is-sejbiet tal-investigazzjoni dwar prodotti b’vina parallela rrumblati ċatti ta’ azzar elettriku bis-siliċju ma kinux applikabbli hawnhekk, peress li l-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun akkwistaw il-mineral tal-ħadid tagħhom direttament minn sorsi barra miċ-Ċina. Għalhekk, l-asserzjoni ġiet miċħuda. |
|
(70) |
Il-EUROFER imbagħad ikkummentat li l-parametru referenzjarju Malażjan għall-faħam tal-kokk kien aktar baxx mill-indiċi Platts (“Prem Low Vol HCC FOB Aus”). |
|
(71) |
Ma ġiet ipprovduta l-ebda evidenza mod ieħor li turi li l-prezz tal-importazzjoni lejn il-pajjiż rappreżentattiv kien distort jew mhux rappreżentattiv, u għalhekk il-Kummissjoni ċaħdet l-asserzjoni, u dan il-parametru referenzjarju ma nbidilx. |
|
(72) |
Il-EUROFER ikkummentat ukoll dwar l-użu tal-indiċi “Steel hot-rolled coil (Japan, Korea, Taiwan-origin), import, CFR Vietnam” minn Fastmarkets bħala l-parametru referenzjarju għall-azzar illaminat bis-sħana, u ddikjarat li l-indiċi użat kien aktar baxx mill-medja ta’ indiċijiet oħra li l-EUROFER kienet ipprovdiet mill-MEPS u li l-prezzijiet tal-importazzjoni lejn il-Vjetnam potenzjalment ikunu distorti mill-importazzjonijiet Ċiniżi, kif muri mill-bidu ta’ investigazzjoni anti-dumping kontra l-importazzjonijiet Ċiniżi ta’ prodotti tal-azzar ċatti llaminati bis-sħana. |
|
(73) |
Il-EUROFER argumentat ukoll li l-investigazzjoni anti-dumping tal-Kummissjoni li għaddejja dwar prodotti tal-azzar ċatti llaminati bis-sħana mill-Vjetnam qed tinvestiga l-eżistenza ta’ distorsjonijiet tal-materja prima fil-Vjetnam relatati mal-faħam u l-mineral tal-ħadid. |
|
(74) |
Madankollu, peress li l-parametru referenzjarju minn Fastmarkets ma nkludiex importazzjonijiet miċ-Ċina lejn il-Vjetnam u l-EUROFER ma pprovdietx evidenza li turi li l-prezzijiet tal-importazzjoni mill-Ġappun, il-Korea u t-Tajwan kienu distorti, il-Kummissjoni ċaħdet l-asserzjoni. |
|
(75) |
Wara d-divulgazzjoni finali il-EUROFER reġgħet talbet lill-Kummissjoni tikkunsidra li tuża parametri referenzjarji ogħla differenti għat-trab tal-mineral tal-ħadid, għall-faħam tal-kokk, u għall-azzar ċatt illaminat bis-sħana (HRF). |
|
(76) |
Peress li l-EUROFER ma pprovdiet l-ebda informazzjoni ġdida li tissuġġerixxi li l-parametri referenzjarji użati kienu distorti, sempliċiment li kienu ferm aktar baxxi minn indiċijiet internazzjonali oħra li l-EUROFER kienet ippreżentat u għal dik ir-raġuni biss kienu allegatament distorti, dawn l-affermazzjonijiet ġew miċħuda. |
|
(77) |
Wara d-divulgazzjoni proviżorja, il-grupp ta’ produtturi esportaturi Baosteel Group għamel kummenti dwar il-parametru referenzjarju għall-pellets tal-mineral tal-ħadid u għall-faħam tal-gass. |
|
(78) |
Fir-rigward tal-parametru referenzjarju għall-pellets tal-mineral tal-ħadid, Baosteel Group iddikjara li dan il-parametru referenzjarju kien għoli b’mod anormali, u ma kienx possibbli li l-prezz tal-pellets tal-mineral tal-ħadid jista’ jkun ogħla mill-prezz għall-kojls illaminati bis-sħana, li huwa prodott downstream. |
|
(79) |
Il-Kummissjoni ma qablitx ma’ dan bħala raġuni biex tirrifjuta l-parametru referenzjarju, li huwa bbażat fuq il-prezz mingħajr distorsjoni tal-importazzjonijiet lejn il-Malażja fi kwantitajiet sinifikanti. Ma ġiet ipprovduta l-ebda evidenza mod ieħor li turi li l-prezz tal-importazzjoni lejn il-pajjiż rappreżentattiv kien distort jew mhux rappreżentattiv. |
|
(80) |
Il-Kummissjoni ma sabet ukoll l-ebda evidenza li tqabbil tal-parametru referenzjarju tal-pellets tal-mineral tal-ħadid bl-użu tal-prezzijiet tal-importazzjoni lejn il-Malażja mal-parametru referenzjarju tal-kojls illaminati bis-sħana bl-użu tal-indiċi minn Fastmarkets juri li kwalunkwe parametru referenzjarju kien distort. |
|
(81) |
Baosteel Group imbagħad talab lill-Kummissjoni tikkunsidra parametri referenzjarji alternattivi aktar milli l-prezz tal-importazzjoni mill-Malażja. Dawn kienu jinkludu tliet indiċijiet ippubblikati minn Platts għall-perjodu ta’ investigazzjoni, jiġifieri l-FOB Tubarão (Brazil); is-CFR North China u l-Atlantic Basin Iron Ore Pellets Contract Price Brazil Export FOB. It-tliet indiċijiet kollha wrew prezz aktar baxx mill-prezz tal-importazzjonijiet lejn il-Malażja. |
|
(82) |
Peress li ma ġiet ipprovduta l-ebda evidenza oħra li turi li l-prezz tal-importazzjoni lejn il-pajjiż rappreżentattiv kien distort jew mhux rappreżentattiv, l-asserzjoni ġiet miċħuda. |
|
(83) |
Wara d-divulgazzjoni finali, Baosteel Group reġa’ talab lill-Kummissjoni tbiddel il-parametru referenzjarju għall-pellets tal-mineral tal-ħadid peress li kkunsidrawh għoli wisq fir-rigward ta’ indiċijiet internazzjonali oħra li Baosteel Group kien issottometta wara d-divulgazzjoni provviżorja, kif ukoll fir-rigward tal-parametru referenzjarju għall-kojls illaminati bis-sħana li huwa prodott downstream mill-pellets tal-mineral tal-ħadid. |
|
(84) |
Bħala alternattiva, Baosteel Group talab lill-Kummissjoni tikkalkula l-parametru referenzjarju għall-pellets tal-mineral tal-ħadid bl-użu tal-metodu għall-kalkolu tal-parametru referenzjarju għall-prodotti sekondarji, jiġifieri bl-użu ta’ proporzjon bejn il-pellets tal-mineral tal-ħadid u l-kojls illaminati bis-sħana. |
|
(85) |
Il-Kummissjoni reġgħet ċaħdet l-ewwel argument, peress li l-Baosteel Group ma pprovda l-ebda evidenza li l-parametru referenzjarju użat kien distort. |
|
(86) |
Il-Kummissjoni nnotat li tabilħaqq fl-istadju provviżorju rrifjutat il-parametru referenzjarju Malasjan għall-kojls illaminati bis-sħana, abbażi tal-prezzijiet tal-importazzjoni, u ssostitwietha b’indiċi minn Fastmarkets. |
|
(87) |
Fil-premessa (171) tar-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni spjegat li t-tqabbil bejn il-prezz tal-importazzjoni tal-azzar illaminat bil-kesħa u tal-azzar illaminat bis-sħana fil-Malażja ssuġġerixxa li l-prezz tal-importazzjoni tal-azzar illaminat bis-sħana jista’ ma jkunx rappreżentattiv. |
|
(88) |
Madankollu, Baosteel Group ma pprovda l-ebda evidenza li tqabbil bejn il-prezz tal-importazzjoni fil-Malażja tal-pellets tal-mineral tal-ħadid u l-indiċi Fastmarket għall-kojls illaminati bis-sħana jagħmel il-prezz tal-importazzjoni tal-pellets tal-mineral tal-ħadid mhux rappreżentattiv. |
|
(89) |
It-tieni, il-Kummissjoni rrifjutat l-għażla li tibni l-parametru referenzjarju għall-pellets tal-mineral tal-ħadid bl-użu tal-metodu għall-prodotti sekondarji li ma humiex innegozjati jew importati fil-pajjiż rappreżentattiv, peress li l-pellets tal-mineral tal-ħadid tabilħaqq ġew innegozjati u importati fi kwantitajiet sinifikanti. |
|
(90) |
It-tieni, Baosteel Group ikkummenta dwar il-parametru referenzjarju għall-faħam tal-gass, u ddikjara li ma kienx possibbli li l-prezz għall-faħam tal-gass ikun ogħla mill-faħam tal-kokk u li l-prezz tal-importazzjoni fil-Malażja kien għoli b’mod anormali. Baosteel talab lill-Kummissjoni tikkunsidra parametri referenzjarji alternattivi bħall-prezzijiet fil-portijiet Awstraljani, fil-portijiet Ewropej jew fil-parametru referenzjarju minn Metal Bulletin, użat fl-investigazzjoni anti-dumping dwar prodotti tal-azzar miksija bil-kromu elettrolitiku (12). |
|
(91) |
Il-Kummissjoni sabet li l-importazzjonijiet tal-faħam tal-kokk lejn il-Malażja saru fi kwantitajiet sinifikanti. Peress li ma ġiet ipprovduta l-ebda evidenza mod ieħor li turi li l-prezz tal-importazzjoni lejn il-pajjiż rappreżentattiv kien distort jew mhux rappreżentattiv, jew il-parametru referenzjarju ma kienx jirrifletti l-faħam tal-kokk użat mill-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun, l-asserzjoni ġiet miċħuda. |
|
(92) |
Wara d-divulgazzjoni proviżorja, Shougang Jingtang għamlet kummenti dwar il-parametru referenzjarju tat-trab tal-mineral tal-ħadid, u r-ruttam tal-azzar. |
|
(93) |
Shougang Jingtang argumentat li l-Kummissjoni jenħtieġ li tuża l-parametru referenzjarju tat-trab tal-mineral tal-ħadid fil-Malażja biex tikkalkula l-kostijiet tal-mineral mixtri domestikament li kkunsmat, minflok ma tissostitwixxih bil-prezz imħallas għall-mineral tal-ħadid li importat il-kumpanija. |
|
(94) |
Il-Kummissjoni aċċettat l-asserzjoni u ssostitwiet il-kostijiet tat-trab tal-mineral tal-ħadid mixtri domestikament bil-parametru referenzjarju li jinsab fil-Malażja. |
|
(95) |
Fir-rigward tar-ruttam tal-azzar, Shougang Jingtang indikat li r-ruttam tal-azzar użat bħala fattur ta’ produzzjoni kien jinkludi r-ruttam tal-azzar riċiklat, li għalih il-Kummissjoni kellha tuża l-parametru referenzjarju li kkalkulat għall-prodott sekondarju tar-ruttam tal-azzar. |
|
(96) |
Peress li Shougang Jingtang ma kinitx tat l-użu ta’ ruttam tal-azzar riċiklat bħala fattur separat tal-produzzjoni fit-tweġiba tagħha għall-kwestjonarju jew matul iż-żjara ta’ verifika, il-Kummissjoni ma setgħetx tivverifika l-konsum tar-ruttam tal-azzar f’dan il-livell granulari. Konsegwentement, l-asserzjoni ma ġietx aċċettata. |
|
(97) |
Fid-divulgazzjoni finali, Shougang Jingtang reġgħet talbet li l-Kummissjoni tkun tista’ tikkondividi l-fattur tal-produzzjoni f’ruttam verġni u ruttam riċiklat, minkejja li din id-diviżjoni ma kienet sottomessa mill-kumpanija fl-ebda sottomissjoni tagħha, jew ivverifikata matul iż-żjara ta’ verifika, peress li d-data kienet skont il-kumpanija disponibbli bħala parti mit-tweġiba għall-kwestjonarju. |
|
(98) |
Il-Kummissjoni eżaminat l-evidenza bil-miktub għat-tweġiba oriġinali għall-kwestjonarju ta’ Shougang Jingtang li l-kumpanija rreferiet għaliha, u ma sabet l-ebda informazzjoni fiha li tippermetti li dan il-fattur ta’ produzzjoni jinqasam f’ruttam verġni u ruttam riċiklat. Din l-evidenza bil-miktub ġiet pprovduta bħala informazzjoni sottostanti għat-tabella dwar il-kost tal-manifattura, madankollu f’dik it-tabella ma saret l-ebda distinzjoni bejn ruttam verġni u ruttam riċiklat. |
|
(99) |
Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tirrifjuta din l-affermazzjoni, peress li l-kumpanija kellha tinnota l-ħtieġa li dan il-fattur ta’ produzzjoni jinqasam fit-tabella korretta matul is-sottomissjoni tat-tweġiba għall-kwestjonarju, il-proċess ta’ defiċjenza, jew matul il-verifika tat-tweġiba għall-kwestjonarju u kienet iddeċidiet li ma tagħmilx dan. |
3.2.4. Kostijiet SG&A u profitt
|
(100) |
Wara d-divulgazzjoni proviżorja, il-EUROFER issuġġeriet li s-sors tal-kostijiet SG&A u l-profitt jinbidel għal kumpanija li l-attivitajiet tagħha huma eqreb ta’ dawk tal-produtturi esportaturi u pproponiet lil Leader Steel Holdings Berhad (13). Shougang Jingtang argumentat ukoll li l-kumpanija li tinsab fil-pajjiż rappreżentattiv, Alliance Steel (M) Sdn Bhd, ma pproduċietx il-prodott li qed jiġi investigat. |
|
(101) |
Il-Kummissjoni analizzat il-kontijiet ta’ Leader Steel Holdings Berhad u sabet li l-profitt huwa kważi kompletament ibbażat fuq introjtu ieħor u mhux fuq introjtu mill-attività kummerċjali tal-kumpanija nnifisha. Id-data finanzjarja tal-kumpanija għalhekk ma kienx fiha ammont raġonevoli għall-profitt u ġiet miċħuda. |
|
(102) |
Fid-divulgazzjoni finali, l-EUROFER reġgħet talbet l-użu ta’ data minn Leader Steel Holdings Berhad, bl-argument li l-profitt fil-kontijiet għall-2023 kien derivat mill-attivitajiet kummerċjali tal-kumpanija. |
|
(103) |
Madankollu, il-kont tal-profitt u t-telf tal-2023 ta’ Leader Steel Holdings Berhad kif ippubblikat fuq is-sit web tagħhom wera li l-profitt tal-Grupp huwa fl-istess livell bħall-introjtu mhux kummerċjali tagħhom u għalhekk ma setax jitqies bħala ta’ livell raġonevoli. Għalhekk, l-affermazzjoni tal-EUROFER ġiet miċħuda. |
|
(104) |
Kif stabbilit fil-premessa (199) tar-Regolament proviżorju, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-kumpanija li tinsab fil-Malażja tabilħaqq ma kinitx tipproduċi l-prodott li qed jiġi investigat. Madankollu, il-Kummissjoni qieset li d-data finanzjarja tagħha pprevediet ammont raġonevoli u mingħajr distorsjoni ta’ kostijiet SG&A u profitt minn Alliance Steel (M) Sdn. Bhd kienet produttur tal-istess kategorija ġenerali ta’ prodotti bħall-prodott li qed jiġi investigat, jiġifieri l-prodotti tal-azzar. |
|
(105) |
Baosteel Group ikkummentat ukoll li s-sena finanzjarja tal-Malażja ma kinitx taqbel mal-perjodu ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. Madankollu, ma pprovdiet l-ebda evidenza li turi li d-data finanzjarja użata ma tkunx xierqa biex tintuża. |
3.2.5. Kalkolu
|
(106) |
Wara d-divulgazzjoni provviżorja, Shougang Jingtang talbet li l-Kummissjoni tirrieżamina l-proporzjonijiet tal-konsum tal-kumpanija użati għall-kalkolu tal-valur normali tagħhom, peress li bi żball dawn kienu għoljin b’mod mhux tas-soltu. Skont il-kumpanija, dan kien dovut għal kwistjoni teknika fil-worksheet tal-kostijiet ta’ wieħed mix-xhur fil-perjodu ta’ investigazzjoni. |
|
(107) |
Din it-talba ġiet miċħuda, peress li l-proporzjonijiet tal-konsum użati fil-kalkoli kienu dawk sottomessi mill-kumpanija fit-tweġiba oriġinali tagħha għall-kwestjonarju, matul il-proċess ta’ defiċjenza u ġew ivverifikati matul iż-żjara ta’ verifika fil-fabbrika tagħha. Il-proporzjonijiet riveduti sottomessi minn Shougang Jingtang ma setgħux jiġu vverifikati jew marbuta mad-dokumenti sottomessi mat-tweġiba għall-kwestjonarju jew għan-nuqqasijiet jew mal-evidenza bil-miktub meħuda matul iż-żjara ta’ verifika. |
|
(108) |
Wara d-divulgazzjoni finali, Shougang Jingtang iddikjarat mill-ġdid it-talba tagħha għal aġġustament fil-proporzjonijiet tal-konsum ivverifikati matul iż-żjara ta’ verifika. Shougang Jingtang affermat li l-Kummissjoni ma kellha l-ebda obbligu li tivverifika din l-informazzjoni u li l-Kummissjoni setgħet sabet dan mill-kontijiet tal-grupp ta’ produtturi esportaturi fil-kampjun l-ieħor li l-marġni tad-dumping ta’ Shougang kien għoli wisq. |
|
(109) |
Il-Kummissjoni reġgħet ċaħdet it-talba għall-istess raġunijiet iddikjarati fil-premessa (107). L-għan tal-proċess ta’ verifika kien li jiżgura li d-data sottomessa mill-kumpanija tkun taqbel mad-data fir-rekords tal-kontabbiltà tal-kostijiet tagħha, u li d-data tkun taqbel. Shougang ma offriet ebda evidenza ġdida wara d-divulgazzjoni finali. |
|
(110) |
Shougang Jingtang argumentat ukoll li ma għandu jiżdied l-ebda kost tat-trasport domestiku fuq il-prezzijiet tal-importazzjoni tiegħu tal-mineral tal-ħadid peress li dawn kienu jinkludu l-kostijiet tat-trasport domestiku. Tabilħaqq, fejn il-kumpanija setgħet tindika data vverifikata dwar kostijiet tat-trasport domestiku miżjuda b’mod mhux korrett mal-proporzjonijiet tal-konsum tagħha, dawn il-kostijiet tneħħew. |
3.3. Prezz tal-esportazzjoni
|
(111) |
Wara d-divulgazzjoni proviżorja, il-Kummissjoni rċeviet kummenti dwar il-kalkolu tal-prezz tal-esportazzjoni mill-produtturi esportaturi kollha inklużi fil-kampjun. |
|
(112) |
Shougang Jingtang innotat li kienet inkludiet 6 % VAT f’xi konċessjonijiet li kienu ġew mitluba fil-lista tal-bejgħ tal-kumpanija relatata tagħha Shougang International u talbet li din il-VAT titneħħa. Din it-talba ġiet aċċettata, u l-konċessjonijiet ġew riveduti skont dan. |
|
(113) |
Baosteel Group innota li l-Kummissjoni kienet għamlet tnaqqis doppju fil-kalkolu tal-prezz tal-esportazzjoni permezz ta’ Baosteel Italia skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku. Dan ġie vverifikat u saret korrezzjoni biex jitneħħa t-tnaqqis doppju. |
3.4. Tqabbil
|
(114) |
Shougang Jingtang sostniet li l-aġġustament li sar fl-istadju proviżorju tal-prezz tal-esportazzjoni skont l-Artikolu 2(10)(i) għall-kumpanija relatata tagħha f’Hong Kong (“Shougang Hong Kong”) ma kienx konsistenti mar-rekwiżiti tal-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku. |
|
(115) |
Shougang Jingtang argumentat li Shougang International, il-kumpanija omm ta’ Shougang Hong Kong, aġixxiet bħala aġent tal-fatturazzjoni tal-bejgħ għal Shougang Jingtang u li l-funzjoni ta’ Shougang Hong Kong kienet li tlesti t-tranżazzjonijiet ta’ esportazzjoni għal Shougang International u għalhekk Shougang Hong Kong iffunzjonat ukoll bħala aġent għal Shougang Jingtang. Għalhekk, it-tariffi ta’ kummissjoni mħallsa minn Shougang Jingtang lil Shougang International kienu pagament ta’ servizz kemm lil Shougang International kif ukoll lil Shougang Hong Kong, u l-Kummissjoni jenħtieġ li tnaqqas it-tariffi ta’ kummissjoni mħallsa minn Shougang Jingtang lil Shougang International mill-prezz tal-esportazzjoni u ma tagħmel l-ebda aġġustament ulterjuri. |
|
(116) |
Il-Kummissjoni osservat li fil-kummenti tagħha, Shougang Jingtang irrikonoxxiet li kemm Shougang International kif ukoll Shougang Hong Kong wettqu funzjonijiet simili għal dawk ta’ aġenti li jaħdmu fuq bażi ta’ kummissjoni u kkontestat biss l-ammont ta’ aġġustamenti li kellhom isiru. |
|
(117) |
Fir-rigward ta’ dan tal-aħħar, il-Kummissjoni qablet mal-produttur esportatur li l-funzjonijiet tal-entitajiet legali inkwistjoni kienu komplementari. Madankollu, ma kien hemm l-ebda evidenza fil-fajl li turi li t-tariffa ta’ kummissjoni li tinsab fil-kuntratt bejn Shougang Jingtang u Shougang International kopriet mingħajr ebda dubju l-pagamenti ta’ servizz kemm lil Shougang International kif ukoll lil Shougang Hong Kong u, fi kwalunkwe każ, dak l-ammont kien pagament bejn żewġ entitajiet relatati u r-relazzjoni bejn it-tnejn affettwat l-affidabbiltà tal-ammont li kellu jitnaqqas. |
|
(118) |
Konsegwentement, l-ammont għall-kummissjonijiet li jkopri l-funzjonijiet rilevanti mwettqa minn Shougang International u Shougang Hong Kong ġie kkwantifikat mill-Kummissjoni abbażi tal-kostijiet SG&A rispettivi tagħhom u profitt nominali li aġent li jwettaq dawn il-funzjonijiet ikun qed jistenna li jiġġenera. Ġie mnaqqas ammont stabbilit mill-prezz tal-esportazzjoni bbażat fuq l-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku. |
3.5. Marġnijiet tad-dumping
|
(119) |
Kif deskritt hawn fuq wara l-asserzjonijiet mill-partijiet interessati, il-Kummissjoni rrevediet il-marġnijiet tad-dumping għall-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun. Dawn ir-reviżjonijiet biddlu wkoll il-marġni għall-produtturi esportaturi li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun u l-livell ta’ dazju għall-pajjiż kollu. |
|
(120) |
Il-marġnijiet tad-dumping definittivi espressi bħala persentaġġ tal-kost, l-assigurazzjoni u n-nol (CIF) fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas, huma kif ġej:
|
4. DANNU
4.1. Definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni u tal-produzzjoni tal-Unjoni
|
(121) |
Fin-nuqqas ta’ kummenti, il-premessi (228) u (229) tar-Regolament proviżorju huma kkonfermati. |
4.2. Konsum tal-Unjoni
|
(122) |
Wara d-divulgazzjoni proviżorja, is-CISA ddikjarat li ma taqbilx mal-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-konsum tal-Unjoni mill-premessi (230) sa (236) tar-Regolament proviżorju. Madankollu, l-argumenti tagħha kienu relatati biss mad-deċiżjoni proviżorja li ma jiġux analizzati separatament is-suq ħieles u l-konsum ristrett, u għalhekk biss għall-premessi (232) sa (234). |
|
(123) |
F’dan ir-rigward, is-CISA enfasizzat il-ġurisprudenza tad-WTO (14) li stabbiliet il-ħtieġa li l-awtoritajiet investigattivi janalizzaw is-segmenti kollha ta’ industrija b’mod oġġettiv. Is-CISA għalhekk talbet lill-Kummissjoni tirrimedja dan id-difett u tissepara l-analiżi tas-swieq kaptivi u ħielsa. |
|
(124) |
Il-Kummissjoni nnotat li s-CISA lanqas biss ippruvat tispjega għaliex id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tanalizzax dawn iż-żewġ segmenti tas-swieq separatament kienet tkun żbaljata. Kif tindika b’mod ċar il-ġurisprudenza ċċitata mis-CIFS fl-istess paragrafi: “… alternattivament, l-awtoritajiet investigattivi għandhom jipprovdu spjegazzjoni sodisfaċenti dwar għaliex mhuwiex meħtieġ li jiġu eżaminati direttament jew speċifikament il-partijiet l-oħra tal-industrija domestika.” (15) |
|
(125) |
Fid-dawl ta’ dan, ġie stabbilit b’mod ċar fil-premessi (233) u (234) tar-Regolament proviżorju li l-Kummissjoni ma sabitx li kien meħtieġ li tagħmel distinzjoni bejn swieq kaptivi u ħielsa minħabba li, l-ewwel nett, ma kien hemm l-ebda differenza fl-imġiba taż-żewġ swieq, filwaqt li, it-tieni nett, is-suq kaptiv kien jirrappreżenta madwar 1 % tal-volum tas-suq ħieles matul il-perjodu kkunsidrat. Is-CISA injorat dan ir-raġunament kompletament. |
|
(126) |
Għalhekk, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe argument li jikkontesta din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni ċaħdet l-asserzjoni tas-CISA u sostniet is-sejbiet tagħha fil-premessi (230) sa (236) tar-Regolament proviżorju. |
4.3. Importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat
4.3.1. Kwantità u sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat
|
(127) |
Wara d-divulgazzjoni proviżorja, is-CISA kkontestat il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni rigward ir-rwol tal-importazzjonijiet Ċiniżi fl-ikkawżar ta’ dannu materjali lill-industrija tal-Unjoni, li jinsabu fil-premessi (237) sa (240) tar-Regolament proviżorju. Is-CISA essenzjalment tenniet is-sejbiet tal-Kummissjoni dwar kif il-pandemija tal-COVID-19 u t-tfixkil fil-kummerċ marittimu affettwaw l-evoluzzjoni kemm tad-domanda fl-Unjoni kif ukoll tal-volumi tal-importazzjonijiet miċ-Ċina. Madankollu, is-CISA argumentat li x-xejra mill-2022 sal-perjodu ta’ investigazzjoni wriet ritorn għal xejriet kummerċjali normali u riekwilibriju ta’ suq imfixkel minflok sitwazzjoni li kkawżat dannu lill-industrija tal-Unjoni. |
|
(128) |
Il-Kummissjoni enfasizzat li l-premessi (237) sa (240) tar-Regolament proviżorju vvalutaw il-kwantitajiet u l-ishma mis-suq tal-importazzjonijiet miċ-Ċina, mhux ir-rabta kawżali bejniethom u d-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, fis-sustanza, il-kummenti tas-CISA ma kkontestawx il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni f’dawn il-premessi. |
|
(129) |
Għalhekk, fin-nuqqas ta’ asserzjonijiet kuntrarji, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet mill-premessi (237) sa (240) tar-Regolament proviżorju. |
4.3.2. Prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati u twaqqigħ tal-prezz
|
(130) |
Is-CISA sostniet li l-Kummissjoni ma wettqitx valutazzjoni akkurata u oġġettiva tax-xejriet tal-ipprezzar fil-premessi (241) sa (250) tar-Regolament proviżorju. Is-CISA argumentat li l-prezzijiet tal-importazzjonijiet Ċiniżi żdiedu matul il-perjodu kkunsidrat u b’hekk naqqsu l-potenzjal għat-twaqqigħ tal-prezz. |
|
(131) |
Is-CISA affermat ukoll li l-Kummissjoni attribwiet b’mod simplistiku t-trażżin u t-tnaqqis tal-prezzijiet għall-importazzjonijiet Ċiniżi minflok ma qieset iż-żieda fil-kost tal-produzzjoni bħala kontributur ewlieni. |
|
(132) |
It-Tabella 4 tar-Regolament proviżorju tabilħaqq uriet li l-prezzijiet Ċiniżi żdiedu b’36 % matul il-perjodu kkunsidrat. Madankollu, kif stabbilit fit-Tabella 8 tar-Regolament proviżorju, il-kost tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni saħansitra żdied aktar matul dan il-perjodu, b’64 %. Għalhekk, il-konklużjoni tas-CISA li ż-żieda fil-prezz fl-importazzjonijiet Ċiniżi kellha potenzjal imnaqqas għat-trażżin jew għat-twaqqigħ tal-prezzijiet kienet fattwalment inkorretta. Is-CISA nnifisha rrikonoxxiet li nstab twaqqigħ tal-prezz fil-perjodu ta’ investigazzjoni, meta l-prezzijiet Ċiniżi kienu ogħla milli fl-2020 jew fl-2021, b’appoġġ għall-konklużjonijiet tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward. |
|
(133) |
Fil-premessa (277) tar-Regolament proviżorju, il-Kummissjoni spjegat li l-prezzijiet medji tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni baqgħu taħt il-kostijiet medji tal-produzzjoni fis-snin kollha tal-perjodu kkunsidrat ħlief fl-2022, li jista’ jiġi attribwit għat-trażżin tal-prezzijiet u għat-tnaqqis tal-prezzijiet f’diversi snin fil-perjodu kkunsidrat, inkluż il-perjodu ta’ investigazzjoni. |
|
(134) |
Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet din l-asserzjoni u kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha mill-premessi (241) u (250) tar-Regolament proviżorju. |
4.4. Sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni
4.4.1. Rimarki ġenerali
|
(135) |
Fin-nuqqas ta’ kummenti, il-premessi (251) sa (254) tar-Regolament proviżorju huma kkonfermati. |
4.4.2. Indikaturi makroekonomiċi
4.4.2.1. Il-produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni u l-użu tal-kapaċità
|
(136) |
Wara d-divulgazzjoni provviżorja, Trivium qajmet dubji dwar il-preċiżjoni tal-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-kapaċitajiet ta’ produzzjoni disponibbli fl-Unjoni. B’mod speċifiku, kienet tal-fehma li ċ-ċifri tal-kapaċità x’aktarx huma teoretiċi, peress li l-kisba ta’ dan l-output tal-produzzjoni tkun teħtieġ inputs addizzjonali min-negozju tal-azzar upstream u t-tħaddim ta’ linji mhux użati. |
|
(137) |
Trivium żiedet ukoll li wieħed mill-produtturi tal-Unjoni mhux inklużi fil-kampjun, Liberty Liege Dudelange (“Liberty”) waqqaf il-produzzjoni fl-impjant tagħha f’Liège, il-Belġju, filwaqt li ieħor, l-impjant ta’ Acciaierie d’Italia f’Ġenova, l-Italja (“Acciaierie”), ma kienx kompletament operattiv għal diversi snin minħabba diffikultajiet finanzjarji. |
|
(138) |
Fl-aħħar nett, Trivium enfasizzat li l-kapaċità tal-impjanti tar-Renju Unit (“ir-Renju Unit”) ma għandhiex tingħadd mal-kapaċità tal-Unjoni peress li r-Renju Unit ma kienx Stat Membru mill-2021 u indika li wieħed mill-produtturi tal-Unjoni ġarrab ħsara fil-linja tal-produzzjoni għall-azzar miksi bil-kromu elettrolitiku (“ECCS”). Peress li l-ECCS u l-prodotti stanjati spiss jintużaw fl-istess applikazzjonijiet (b’mod partikolari l-produzzjoni tal-laned tal-ikel), dan irriżulta f’domanda akbar għal prodotti stanjati fl-Unjoni. |
|
(139) |
Il-EUROFER ikkontestat l-argumenti ppreżentati minn Trivium, billi pprovdiet eżempji tad-dikjarazzjonijiet pubbliċi ta’ Liberty mill-2024 (16), li jindikaw li Liberty qed twettaq rieżami tal-operazzjonijiet tagħha bl-għan ta’ ristrutturar jew diżinvestiment potenzjali fil-faċilitajiet tagħha, li juri li kapaċitajiet li qabel kienu wieqfa jistgħu jerġgħu jsiru disponibbli. Il-EUROFER żiedet li anke jekk dan ma jkunx il-każ u l-faċilitajiet jingħalqu kompletament, dan ma jkollux impatt sinifikanti fuq terminu qasir fuq id-disponibbiltà tal-provvista, peress li Liberty tikkostitwixxi biss sehem żgħir mill-kapaċità totali tal-Unjoni. |
|
(140) |
Il-EUROFER għamlet asserzjonijiet simili dwar l-impjant ta’ Acciaierie f’Ġenova, u indikat stqarrijiet għall-istampa li jindikaw li kienet għadha qed tipproduċi fl-2023. (17) |
|
(141) |
F’dak ir-rigward, il-Kummissjoni fakkret li l-investigazzjoni tikkonċerna biss lill-industrija tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku, u li r-Renju Unit huwa pajjiż terz. Bl-istess mod, din l-investigazzjoni tkopri biss il-prodott li qed jiġi investigat kif definit fit-Taqsima 2 tan-Notifika tal-Bidu. (18) Għalhekk, iċ-ċifri tal-kapaċità ma jinkludux il-kapaċitajiet misjuba fir-Renju Unit, u lanqas il-kapaċitajiet tal-Unjoni relatati mal-produzzjoni tal-ECCS. |
|
(142) |
Il-Kummissjoni fakkret ukoll li ċ-ċifri tal-kapaċità fit-Tabella 5 tar-Regolament proviżorju ġew ipprovduti mill-produtturi tal-Unjoni nfushom; b’mod speċifiku, it-tweġiba għall-kwestjonarju makro, li ġiet ivverifikata mill-Kummissjoni fl-istadju definittiv tal-investigazzjoni. |
|
(143) |
Iċ-ċifri tal-kapaċità għalhekk jiġu minn data vverifikata u ma tressqet l-ebda evidenza li tqajjem dubju dwar l-akkuratezza ta’ dawn iċ-ċifri. |
|
(144) |
Il-Kummissjoni kkonfermat li sehem adegwat tal-kapaċità ta’ Liberty u Acciaierie d’Italia ġie miżjud ukoll maċ-ċifri tal-kapaċità totali. Il-fatt li dawn il-kumpaniji naqqsu jew rażżnu l-produzzjoni matul il-perjodu kkonċernat ma jfissirx li din il-kapaċità ma teżistix. Sa fejn taf il-Kummissjoni, u kif indikat il-EUROFER, il-linji ta’ produzzjoni ma ġewx żarmati u jistgħu, fil-prinċipju, jerġgħu jibdew jaħdmu jekk il-kundizzjonijiet tas-suq jitjiebu. (19) Għalhekk, jenħtieġ li jingħaddu mal-kapaċità tal-produzzjoni totali fl-Unjoni. |
|
(145) |
Barra minn hekk, il-kapaċità tal-produzzjoni ta’ dawn iż-żewġ kumpaniji meħuda flimkien tammonta għal [250-350] elf tunnellata fis-sena. Għalhekk, anke jekk ma jingħaddux mal-kapaċità totali tal-Unjoni, dan ma jbiddilx b’mod sostantiv il-konklużjoni tal-Kummissjoni fil-premessa (383) tar-Regolament proviżorju li Trivium ikkontestat. Jiġifieri, anke b’dan it-tnaqqis, il-kapaċità tal-produzzjoni totali tal-Unjoni xorta taqbeż id-domanda totali tal-Unjoni b’[650-750] elf tunnellata anki fl-2020, is-sena bl-ogħla domanda, u ma turi l-ebda riskju ta’ nuqqas ta’ provvista. |
|
(146) |
Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni ċaħdet l-asserzjonijiet imqajma minn Trivium bħala infondati u kkonfermat il-konklużjonijiet mill-premessi (255) sa (257) tar-Regolament proviżorju. |
|
(147) |
Wara d-divulgazzjoni finali, is-CISA allegat li l-Kummissjoni naqset milli tiddistingwi bejn il-kapaċità nominali u l-użu reali tal-kapaċità jew it-tħejjija operazzjonali, u pprovdiet stampa qarrieqa fir-rigward tad-disponibbiltà tal-provvista fl-Unjoni. Is-CISA enfasizzat li Liberty irrikonoxxiet pubblikament il-ħtieġa għal ristrutturar jew żvestiment, filwaqt li l-operazzjonijiet ta’ Acciaierie ġew imxekkla minn diffikultajiet finanzjarji li ilhom jeżistu. Għalhekk, biex dawk il-faċilitajiet effettivament jibdew jipproduċu, ikun jeħtieġ kapital sostanzjali, żmien, proċessi regolatorji li jillimitaw id-disponibbiltà fid-dinja reali tal-kapaċità tal-produzzjoni fl-Unjoni. |
|
(148) |
Il-Kummissjoni qatt ma sostniet li dawk il-kapaċitajiet huma immedjatament disponibbli għall-produzzjoni. Minflok, kif diġà ġie spjegat fil-premessa (144) hawn fuq, filwaqt li dawk il-faċilitajiet bħalissa ma kinux qed jipproduċu prodotti stanjati, fil-prinċipju, dawn jistgħu jerġgħu jinbdew jekk il-kundizzjonijiet tas-suq jitjiebu, anki jekk dak il-proċess jista’ jieħu xi żmien. |
|
(149) |
Barra minn hekk, kif il-Kummissjoni diġà indikat fil-premessa (145) hawn fuq, anki mingħajr ma jitqiesu l-impjanti ta’ Liberty u ta’ Acciaierie, il-kapaċità tal-produzzjoni totali tal-Unjoni xorta taqbeż id-domanda totali tal-Unjoni b’ [650-750] elf tunnellata anki fl-2020, is-sena bl-ogħla domanda, u ma turi l-ebda riskju ta’ nuqqas ta’ provvista. |
|
(150) |
Għaldaqstant, il-Kummissjoni ċaħdet l-affermazzjoni tas-CISA. |
4.4.2.2. Kwantità tal-bejgħ u sehem mis-suq
|
(151) |
Wara d-divulgazzjoni proviżorja, Steelforce argumentat li s-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni wera żieda żgħira bejn l-2023 u l-perjodu ta’ investigazzjoni, li jindika li x-xejra stabbilizzat ruħha u ssuġġeriet li l-livell ta’ tnaqqis fis-sehem mis-suq li deher matul il-perjodu kkunsidrat mhuwiex mistenni li jkompli fil-futur. Steelforce sostniet li l-Kummissjoni naqset milli tispjega għaliex erożjoni minuri futura fis-suq tal-industrija tal-Unjoni jenħtieġ li tiġġustifika l-intervent. |
|
(152) |
Il-perjodu ta’ investigazzjoni fil-biċċa l-kbira kkoinċida mal-2023, jiġifieri l-perjodu bejn l-1 ta’ April 2023 u l-31 ta’ Marzu 2024. Għalhekk, l-argument li t-tnaqqis fis-sehem mis-suq stabbilizza ruħu huwa qarrieqi u ma jistax jiġi sempliċiment estrapolat għall-futur. Għall-analiżi tagħha, il-Kummissjoni ħadet il-perjodu sħiħ ikkunsidrat, li wera tnaqqis sinifikanti fis-sehem mis-suq ta’ 14 %, filwaqt li l-importazzjonijiet miċ-Ċina żdiedu b’125 % matul l-istess perjodu. Għalhekk, il-Kummissjoni rrifjutat din l-asserzjoni. |
|
(153) |
Fin-nuqqas ta’ kummenti ulterjuri, il-premessi (258) sa (260) tar-Regolament proviżorju huma kkonfermati. |
4.4.2.3. Tkabbir
|
(154) |
Fin-nuqqas ta’ kummenti, il-premessi (261) sa (267) tar-Regolament proviżorju huma kkonfermati. |
4.4.2.4. Impjiegi u produttività
|
(155) |
Fin-nuqqas ta’ kummenti, il-premessi (268) sa (271) tar-Regolament proviżorju huma kkonfermati. |
4.4.2.5. Daqs tal-marġni tad-dumping u rkupru minn dumping fil-passat
|
(156) |
Fin-nuqqas ta’ kummenti, il-premessi (272) u (273) tar-Regolament proviżorju huma kkonfermati. |
4.4.3. Indikaturi mikroekonomiċi
4.4.3.1. Prezzijiet u fatturi li jaffettwaw il-prezzijiet
|
(157) |
Fid-dawl tar-rifjut tal-affermazzjonijiet tas-CISA dwar is-soppressjoni u t-tnaqqis tagħhom fil-premessi (131) sa (134) hawn fuq, u fin-nuqqas ta’ kummenti oħra, il-premessi (274) sa (279) tar-Regolament provviżorju huma kkonfermati. |
4.4.3.2. Spejjeż lavorattivi
|
(158) |
Fin-nuqqas ta’ kummenti, il-premessi (280) u (281) tar-Regolament proviżorju huma kkonfermati. |
4.4.3.3. Inventarji
|
(159) |
Fin-nuqqas ta’ kummenti, il-premessi (282) sa (284) tar-Regolament proviżorju huma kkonfermati. |
4.4.3.4. Il-profittabilità, il-fluss tal-flus, l-investimenti, ir-redditu fuq l-investimenti u l-abbiltà li jiġi ġġenerat il-kapital
|
(160) |
Fin-nuqqas ta’ kummenti, il-premessi (285) sa (292) tar-Regolament proviżorju huma kkonfermati. |
4.5. Konklużjoni dwar id-dannu
|
(161) |
Steelforce kkontestat il-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-industrija tal-Unjoni ġarrbet dannu. Steelforce indikat il-fatt li s-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni baqa’ sinifikanti, madwar 70 %, li huwa aktar mid-doppju tas-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet Ċiniżi matul il-perjodu kkunsidrat. Steelforce sostniet li, fid-dawl ta’ dan, tnaqqis minn 78 % għal 67 % tas-sehem mis-suq (jiġifieri bi 11-il punt perċentwali) ma jistax jitqies bħala “materjali” peress li ma jwassalx għal deterjorament sinifikanti tal-forzi tas-suq eżistenti. |
|
(162) |
Steelforce elaborat ukoll li, skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament bażiku, mhuwiex biżżejjed li l-Kummissjoni tistabbilixxi kwalunkwe grad ta’ dannu għall-industrija tal-Unjoni, iżda pjuttost li tali dannu jrid ikun “materjali”. |
|
(163) |
F’dak ir-rigward, il-Kummissjoni fakkret li, filwaqt li l-Artikolu 3(1) tar-Regolament bażiku tabilħaqq jirrikjedi li l-Kummissjoni tistabbilixxi l-eżistenza ta’ dannu materjali, ma jispeċifikax meta u kif jenħtieġ li jitqies li l-istandard ta’ dannu “materjali” huwa ssodisfat, u jħalli dan għad-diskrezzjoni tal-Kummissjoni. |
|
(164) |
Fid-dawl ta’ dan, il-Kummissjoni fakkret li dannu materjali jista’ jiġi stabbilit anke jekk l-industrija tal-Unjoni jkollha l-maġġoranza tas-sehem mis-suq tal-Unjoni, filwaqt li, kif stabbilit b’mod espliċitu fl-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku, indikatur uniku tad-dannu mhux neċessarjament jagħti gwida deċiżiva. Il-Kummissjoni tabilħaqq qieset l-ishma mis-suq flimkien mal-indikaturi l-oħra kollha tad-dannu u l-iżviluppi tas-suq u kkonkludiet li l-industrija tal-Unjoni ġarrbet dannu materjali. Fl-aħħar nett, tnaqqis ta’ 11-il punt perċentwali fis-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni jitqies mill-Kummissjoni bħala sostanzjali. |
|
(165) |
Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet l-argument ta’ Steelforce u kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha mill-premessi (293) sa (305) li l-industrija tal-Unjoni ġarrbet dannu materjali skont it-tifsira tal-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku. |
|
(166) |
Wara d-divulgazzjoni finali, is-CISA sostniet li l-Kummissjoni ma analizzatx b’mod sostantiv jekk it-telf ta’ 11-il punt perċentwali fis-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni kienx jirrifletti t-tip ta’ deterjorament sinifikanti meħtieġ skont ir-Regolament bażiku. Is-CISA pproponiet li f’tali analiżi, kellha tiġi kkunsidrata l-proporzjonalità fis-suq tal-prodott stanjat, li hija allegat li qed tonqos u hija soġġetta għal bidliet strutturali. |
|
(167) |
Il-Kummissjoni sabet li l-affermazzjonijiet tas-CISA jidhru li injoraw il-maġġoranza tal-analiżi li l-Kummissjoni wettqet. Kif indikat fil-premessa (164) hawn fuq, il-Kummissjoni qieset tnaqqis ta’ 11-il punt perċentwali fis-sehem mis-suq bħala sostanzjali. L-evoluzzjoni tal-ishma mis-suq fil-kuntest tal-evoluzzjoni ta’ indikaturi oħra, bħad-domanda, u forzi oħra tas-suq, ġiet analizzata b’mod estensiv, b’mod partikolari fil-premessi (258)–(267), (295)–(297), (300), (303), (308)–(320), (330)–(336), u (350)–(355) tar-Regolament provviżorju, u elaborata aktar fid-dawl tal-kummenti tal-partijiet, fost l-oħrajn, fil-premessi (170), (176) sa (182) hawn taħt. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet l-affermazzjonijiet tas-CISA bħala infondati. |
5. KAWŻALITÀ
5.1. Effetti tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping
|
(168) |
Is-CISA sostniet li l-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping kienu l-kawża tad-dannu kienet żbaljata. B’mod speċifiku, is-CISA sostniet li ż-żieda fl-importazzjonijiet ma kinitx ikkuntestwalizzata kif xieraq fid-dawl ta’ perjodi ta’ kummerċ ristrett u domanda akbar matul il-pandemija tal-COVID-19. Is-CISA allegat li ż-żieda fil-volumi tal-importazzjonijiet diskussi fil-premessi minn (237) sa (239) tar-Regolament proviżorju kienet korrezzjoni prevedibbli wara perjodu ta’ kummerċ ristrett u domanda akbar. |
|
(169) |
Is-CISA tenniet ukoll il-kummenti tagħha dwar il-prezzijiet tal-importazzjonijiet Ċiniżi, u indikat li dawn żdiedu wkoll matul il-perjodu kkunsidrat, mingħajr ma ressqet argumenti jew evidenza addizzjonali dwar kif dan jinvalida l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar ir-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet Ċiniżi oġġett ta’ dumping u d-dannu materjali mġarrab mill-industrija tal-Unjoni. |
|
(170) |
Madankollu, l-affermazzjonijiet tas-CISA mill-premessa (168) hawn fuq manifestament mhumiex veri. Il-Kummissjoni qieset il-kundizzjonijiet prevalenti tas-suq matul il-perjodu kkunsidrat u kkontestwalizzat l-evoluzzjoni tal-volumi tal-importazzjoni u tal-ishma mis-suq f’tali kundizzjonijiet, b’mod partikolari, it-tfixkil tal-ktajjen tal-provvista (20) u l-effetti tal-pandemija tal-COVID-19 fuq l-evoluzzjoni tad-domanda. (21) Il-fehma tas-CISA dwar l-interazzjoni ta’ dawn il-fatturi ma kinitx materjalment differenti mill-konklużjonijiet li waslet għalihom il-Kummissjoni. |
|
(171) |
Bl-istess mod, il-Kummissjoni indikat li l-evoluzzjoni tal-prezzijiet tal-importazzjonijiet Ċiniżi u l-interazzjoni tagħha mad-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni, diġà ġew analizzati fil-premessi (241) sa (250) u minn (319) sa (320) tar-Regolament proviżorju. |
|
(172) |
Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet l-asserzjonijiet tas-CISA u affermat mill-ġdid il-konklużjonijiet tagħha mill-premessi (307) sa (320) tar-Regolament proviżorju. |
5.2. Effetti ta’ fatturi oħra
5.2.1. Konsum
|
(173) |
Steelforce argumentat li t-tnaqqis fil-produzzjoni li esperjenzat l-industrija tal-Unjoni huwa mill-inqas parzjalment konsegwenza tat-tnaqqis fid-domanda, kemm globalment, kif ukoll fl-Unjoni. Kif uriet il-Kummissjoni fit-Tabella 2 tar-regolament proviżorju, id-domanda fl-Unjoni naqset b’25 % bejn l-2020 u l-perjodu ta’ investigazzjoni. It-tnaqqis fid-domanda globali huwa evidenzjat aktar mill-fatt li l-volum tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni naqas ukoll b’24 % matul l-istess perjodu. Għalhekk, it-tnaqqis fil-produzzjoni ma jistax jiġi imputat lill-importazzjonijiet miċ-Ċina. |
|
(174) |
Is-CISA sostniet b’mod sommarju li l-analiżi tal-kawżalità jenħtieġ li tqis l-impatt tat-tnaqqis fid-domanda fuq il-volumi tal-bejgħ u l-aġġustamenti tal-prezzijiet. |
|
(175) |
Fir-rigward tal-argument ta’ Steelforce, il-Kummissjoni indikat li dan il-fattur, fil-fatt, ġie kkunsidrat. Il-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-industrija tal-Unjoni kienet mistennija titlef ċerti volumi ta’ bejgħ u tal-produzzjoni fis-suq li qed jiċkien. (22) Kif muri, fost oħrajn, fil-premessa (327) tar-Regolament proviżorju, it-tnaqqis ta’ 36 % fil-volum ta’ bejgħ lejn l-Unjoni esperjenzat mill-industrija tal-Unjoni kien kważi 50 % aktar mit-tnaqqis fil-konsum tal-Unjoni matul il-perjodu kkunsidrat. |
|
(176) |
Fl-istess ħin, anke hekk kif is-suq kien qed jiċkien, il-volumi tal-importazzjonijiet Ċiniżi baqgħu jiżdiedu. Ikun mistenni li, f’suq li qed jiċkien, il-volumi kollha jonqsu bejn wieħed u ieħor b’mod ugwali. Il-produtturi Ċiniżi mhux biss kienu qed iżidu l-volumi tal-esportazzjoni tagħhom iżda kienu qed jiksbu wkoll sehem mis-suq, għad-detriment tal-produtturi tal-Unjoni (ara l-premessi (263) u (264) tar-Regolament proviżorju). |
|
(177) |
Il-Kummissjoni fakkret li tali volumi li qed jiżdiedu kienu qed jidħlu wkoll fl-Unjoni bi prezzijiet oġġett ta’ dumping, li waqqgħu u rażżnu l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni fl-2023 u fil-perjodu ta’ investigazzjoni. |
|
(178) |
Kif il-Kummissjoni diġà indikat fil-premessa (320) tar-Regolament provviżorju, minħabba l-volum u s-sehem mis-suq tagħha meta mqabbla mal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra, l-importazzjonijiet Ċiniżi eżerċitaw b’mod ċar l-akbar influwenza fuq l-imġiba tal-prezzijiet fis-suq. |
|
(179) |
Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet l-argumenti ta’ Steelforce u tas-CISA u kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha mill-premessi (323) sa (329) tar-regolament provviżorju. |
5.2.2. Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi
|
(180) |
Is-CISA reġgħet sostniet li l-Kummissjoni naqset milli tivvaluta jekk l-importazzjonijiet ta’ pajjiżi terzi kkontribwewx għall-kompetizzjoni fil-prezzijiet u għaċ-ċaqliq fis-sehem mis-suq, speċjalment peress li l-Kummissjoni rrikonoxxiet fil-premessa (330) tar-Regolament provviżorju li l-importazzjonijiet minn sorsi oħra bħall-Korea u t-Turkija daħlu fl-Unjoni iżda naqset milli tivvaluta jekk dawn l-importazzjonijiet ikkontribwewx għall-kompetizzjoni fil-prezzijiet u għaċ-ċaqliq fis-sehem mis-suq. |
|
(181) |
Madankollu, kif stabbilit fil-premessa (333) tar-Regolament proviżorju, il-volum tal-importazzjonijiet u s-sehem mis-suq minn pajjiżi terzi oħra, inklużi l-Korea u t-Turkija, kien baxx u naqas b’mod sinifikanti fil-perjodu kkunsidrat u għalhekk ma setax jeżerċita impatt sinifikanti fuq l-industrija tal-Unjoni. Għalhekk, l-asserzjoni tas-CISA kienet infondata. |
|
(182) |
Għalhekk, fin-nuqqas ta’ kummenti sinifikanti kuntrarji, il-Kummissjoni sostniet il-konklużjonijiet tagħha mill-premessi (330) sa (336) tar-Regolament proviżorju. |
5.2.3. Prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni
|
(183) |
Is-CISA reġgħet sostniet li l-Kummissjoni naqset milli tivvaluta b’mod adegwat kif it-tnaqqis fl-esportazzjonijiet ikkontribwixxa għad-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni. |
|
(184) |
Is-CISA ma pprovdiet l-ebda argument jew spjegazzjoni dwar għaliex kellha din l-opinjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet din l-asserzjoni bħala mhux sostanzjata. |
|
(185) |
Għalhekk, fin-nuqqas ta’ kummenti sinifikanti kuntrarji, il-Kummissjoni sostniet il-konklużjonijiet tagħha mill-premessi (337) sa (342) tar-Regolament proviżorju. |
5.2.4. Il-kost tal-produzzjoni u l-investimenti
|
(186) |
Is-CISA reġgħet affermat li l-Kummissjoni naqset milli tivvaluta b’mod adegwat kif iż-żieda fil-kostijiet tal-produzzjoni kkontribwiet għad-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni. Is-CISA ma pprovdiet l-ebda argument jew spjegazzjoni dwar għaliex kellha din l-opinjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet l-asserzjoni tas-CISA bħala mhux sostanzjata. |
|
(187) |
B’mod simili, MPE ssuġġeriet li ż-żieda fil-kost tal-produzzjoni hija korrelatata mill-qrib mal-prestazzjoni tal-industrija tal-Unjoni kemm fis-swieq domestiċi kif ukoll f’dawk ta’ esportazzjoni. MPE ssuġġerixxiet li l-Kummissjoni kellha turi li ż-żieda fil-kostijiet tal-produzzjoni mhijiex ir-raġuni għad-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni. |
|
(188) |
Min-naħa l-oħra, Steelforce sostniet il-pożizzjoni tagħha li ż-żieda fl-investimenti kienet il-kawża ewlenija ta’ dannu għall-industrija tal-Unjoni, bl-argument speċifiku li l-analiżi tal-Kummissjoni mill-premessi (291), (346) u (347) tar-Regolament proviżorju mhijiex adegwata f’dan ir-rigward. |
|
(189) |
Steelforce sostniet li l-iskop li jservu l-investimenti huwa immaterjali sa fejn dawn b’mod ċar għandhom impatt fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tal-produtturi tal-Unjoni. |
|
(190) |
Il-EUROFER wieġbet għal dawn l-asserzjonijiet, u argumentat li l-investimenti għall-manutenzjoni huma pass meħtieġ għal kwalunkwe negozju u l-investimenti biex jintlaħqu l-għanijiet ambjentali huma meħtieġa mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. L-aktar, dawn tal-aħħar jispjegaw għaliex l-investimenti saru anke f’ambjent tas-suq diffiċli. Il-EUROFER argumentat ukoll li l-kostijiet assoċjati mal-investimenti ambjentali jenħtieġ li ma jitqisux bħala fattur li jiċħad il-kawżalità peress li l-Kummissjoni tqis ukoll il-kostijiet futuri tal-konformità ambjentali fil-kalkoli tal-marġni tad-dannu tagħha. |
|
(191) |
Fir-rigward tal-asserzjonijiet imqajma minn MPE, il-Kummissjoni indikat li, fil-fatt, hija qieset iż-żieda fil-kostijiet tal-produzzjoni, u l-interazzjoni tagħha ma’ fatturi oħra, fl-analiżi tad-dannu u tal-kawżalità tagħha. (23) MPE ma wrietx għaliex kwalunkwe parti mill-analiżi tagħha kienet tkun żbaljata u kif l-evoluzzjoni ta’ indikaturi oħra setgħet minflok tiġi attribwita għaż-żieda fil-kostijiet tal-produzzjoni. Bħala eżempju, jekk il-kostijiet tal-produzzjoni jkunu l-fattur ewlieni ta’ tbassir tal-prestazzjoni tal-industrija tal-Unjoni, kif issuġġerixxiet MPE, ma jkunx possibbli għall-industrija tal-Unjoni li tikseb profittabbiltà fl-2022, is-sena bit-tieni l-ogħla kostijiet tal-produzzjoni fil-perjodu kollu kkunsidrat, filwaqt li baqgħet tagħmel it-telf fis-snin l-oħra kollha. |
|
(192) |
Fir-rigward tal-asserzjonijiet dwar iż-żieda fl-investimenti, il-Kummissjoni fakkret li, kif spjegat fil-premessa (291) tar-Regolament proviżorju, kważi din iż-żieda kollha fl-investimenti tista’ tiġi attribwita lil produttur wieħed biss tal-Unjoni u din kienet dovuta għal manutenzjoni regolari li kellha ssir fuq wieħed mill-fran tal-blast tagħha, filwaqt li l-bqija tal-investimenti saru kważi esklużivament għall-konformità ambjentali. Investimenti oħra, u b’mod partikolari taż-żewġ produtturi l-oħra, baqgħu essenzjalment l-istess matul il-perjodu kkunsidrat. |
|
(193) |
Peress li ż-żamma tal-assi ewlenin kif deskritt hawn fuq hija kruċjali għal kwalunkwe kumpanija biex iżżomm kwalunkwe operazzjoni sinifikanti, filwaqt li l-kostijiet tal-konformità ambjentali huma xprunati mil-leġiżlazzjoni, il-Kummissjoni sostniet il-pożizzjoni tagħha li tali żieda fl-investimenti ma tistax titqies bħala dannu kkawżat lilha nnifisha. Din mhijiex deċiżjoni kummerċjali li tista’ tiġi posposta b’mod raġonevoli. Il-fatt li, kif indikat il-EUROFER, dawn l-investimenti saru f’ambjent tas-suq diffiċli jkompli jappoġġa dik il-konklużjoni. |
|
(194) |
Madankollu, il-Kummissjoni ssimulat iċ-ċifri tal-profittabbiltà billi neħħiet mill-kostijiet aggregati tal-industrija tal-Unjoni (a) l-investimenti magħmula minn produttur wieħed bl-ogħla sehem ta’ investimenti, u (b) l-investimenti kollha mit-tliet produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun. Fiż-żewġ xenarji, ix-xejriet tal-profittabbiltà jibqgħu l-istess u l-industrija tal-Unjoni baqgħet tagħmel it-telf fl-2020, fl-2021, fl-2023, u fil-perjodu ta’ investigazzjoni. |
|
(195) |
Dan wera li l-investimenti li saru ma kinux il-fattur ewlieni tad-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni — anke jekk ma sar l-ebda investiment matul il-perjodu kkunsidrat, is-sitwazzjoni ta’ profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni ma kinitx tinbidel materjalment. |
|
(196) |
Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq u wara l-analiżi addizzjonali tal-impatt tal-investimenti fuq il-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni deskritta hawn fuq, il-Kummissjoni sostniet il-konklużjoni tagħha li la ż-żieda fil-kostijiet tal-produzzjoni u lanqas l-investimenti ma kienu l-kawża ewlenija ta’ dannu għall-industrija tal-Unjoni. |
5.2.5. Kuntratti fit-tul bejn il-produtturi u l-utenti tal-Unjoni
|
(197) |
Steelforce tenniet l-argument tagħha li d-dannu lill-produtturi tal-Unjoni kien ikkawżat minnha stess minħabba d-deċiżjoni kummerċjali tagħhom li jibqgħu jiddependu fuq kuntratti fit-tul mal-klijenti tagħhom, l-utenti ta’ prodotti stanjati. Steelforce argumentat li l-Kummissjoni ma spjegatx fir-Regolament proviżorju għaliex din il-prattika ma setgħetx tinbidel peress li l-utenti mhumiex avversi għax-xiri ta’ pjanċi stanjati permezz ta’ tranżazzjonijiet ta’ bejgħ spot minn produtturi mhux tal-Unjoni. |
|
(198) |
Bi tweġiba, l-EUROFER tenniet li l-kuntratti fit-tul huma standard tas-suq li fl-aħħar mill-aħħar għollew il-ktajjen tal-valur mis-supermarkets, biex tiġi żgurata l-prevedibbiltà tal-ipprezzar, filwaqt li l-esportaturi Ċiniżi kienu qed jieħdu vantaġġ minn din ir-realtà billi jwaqqgħu il-prezzijiet tal-produtturi tal-Unjoni permezz ta’ tranżazzjonijiet ta’ bejgħ spot u b’hekk fl-aħħar mill-aħħar jieħdu sehem mis-suq. |
|
(199) |
Steelforce wieġbet għal dawk il-kontrotalbiet, filwaqt li tenniet l-argument tagħha li r-raġuni għaliex il-produtturi tal-Unjoni ma kinux se jaqilbu għall-tranżazzjonijiet ta’ bejgħ spot huma stess (peress li, b’mod ċar, il-produtturi mhux tal-Unjoni jistgħu jaħdmu mal-utenti fuq tali kuntratti) kienet id-deċiżjoni kummerċjali tagħhom stess. |
|
(200) |
Il-Kummissjoni fakkret li, fil-fatt, kienet spjegat għaliex l-istandard tal-kuntratti annwali fil-ktajjen tal-provvista tal-Unjoni ma jistax jinbidel b’mod unilaterali mill-produtturi tal-Unjoni. Kif spjegat fil-premessa (322) tar-Regolament proviżorju, u mtenni mill-EUROFER fil-kontrotalba tagħha, il-bejjiegħa bl-imnut ewlenin (is-supermarkets) fl-Unjoni jitolbu prezzijiet annwali mill-fornituri tal-ikel fil-laned tagħhom, li min-naħa tagħhom jitolbu l-istess mill-fornituri tal-laned tagħhom, li min-naħa tagħhom jitolbu l-istess mingħand il-produtturi tal-Unjoni ta’ prodotti stanjati. |
|
(201) |
Ma ġiet ippreżentata l-ebda evidenza ġdida li turi xi żball fil-konklużjonijiet tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward. Fid-dawl ta’ dan u meta jitqies li l-Kummissjoni għandha evidenza fil-fajl li turi li l-kuntratti annwali mal-produtturi tal-Unjoni huma standard tas-suq, filwaqt li l-esportaturi Ċiniżi normalment jirċievu ordnijiet fuq il-post, il-Kummissjoni sostniet il-konklużjonijiet tagħha mill-premessi (321), (322), (348), u (349) tar-Regolament proviżorju. |
|
(202) |
Wara d-divulgazzjoni finali, is-CISA u Steelforce ma qablux mal-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar ir-rilevanza tal-kuntratti annwali fl-analiżi tal-kawżalità. |
|
(203) |
Steelforce sostniet li, anki jekk l-użu ta’ kuntratti annwali mal-produtturi tal-Unjoni huwa standard tas-suq, la l-Kummissjoni u lanqas xi waħda mill-partijiet interessati ma rnexxielhom jispjegaw għaliex l-industrija tal-Unjoni titqies li hija marbuta li tuża kuntratti annwali, filwaqt li l-utenti jaċċettaw b’mod ċar li jagħmlu negozju mal-produtturi Ċiniżi fis-suq spot. |
|
(204) |
Is-CISA, min-naħa l-oħra, indikat il-fatt li ż-żieda fil-kost tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni ma setgħetx tiġi kkumpensata minn żieda fil-prezzijiet. Is-CISA sostniet li ma kinux l-importazzjonijiet Ċiniżi li kienu qed irażżnu l-prezzijiet li kkawżaw dannu lill-industrija tal-Unjoni, iżda pjuttost il-pożizzjonament strutturali tagħha fil-katina tal-provvista. Il-fatt li l-industriji downstream jimbuttaw lill-industrija tal-Unjoni biex tbigħ abbażi ta’ kuntratti annwali ftit li xejn ħalla lok għal aġġustamenti meħtieġa fl-ipprezzar. |
|
(205) |
Kif il-Kummissjoni diġà spjegat fil-premessa (322) tar-Regolament provviżorju u fil-premessa (200) ta’ hawn fuq, il-kuntratti annwali huma aspettattiva ġenerali tas-suq stimulati min-negozji downstream, li jibdew mis-supermarkets, u jkomplu fil-katina tal-valur. Il-bejjiegħa bl-imnut il-kbar iridu prevedibbiltà fl-ipprezzar tagħhom matul is-sena. Fl-istess ħin, l-operazzjonijiet tal-mili tal-ikel jiddependu ħafna fuq iż-żmien u l-volumi tal-ħsad annwali. Għalhekk, min-natura stess tan-negozju tagħhom, dawk li jippreżervaw l-ikel fil-laned jeħtieġu prevedibbiltà f’termini ta’ volum u ta’ żmien ta’ tħejjija ta’ laned vojta li jeħtieġu f’sena partikolari, biex ikunu jistgħu jippreżervaw l-ikel fi żmien wara l-ħsad. Dan ifisser ukoll li l-produtturi tal-laned jeħtieġu provvista ugwalment prevedibbli ta’ prodotti stanjati biex jipproduċu dawk il-laned fil-ħin. Tali speċifiċità tas-suq tiffavorixxi l-prevedibbiltà fil-konsenji u l-ankraġġ tal-parti l-kbira tal-ordnijiet fil-ktajjen tal-provvista lokali bi żminijiet ta’ tħejjija iqsar, inqas suxxettibbli għal interuzzjonijiet. Dan naturalment jirriżulta fi pressjoni ġenerali tas-suq għall-produtturi tal-Unjoni biex jaqblu ma’ kuntratti annwali mal-biċċa l-kbira tal-klijenti tagħhom li jipproduċu laned tal-ikel. |
|
(206) |
Bil-biċċa l-kbira tal-provvista b’hekk żgurata f’termini ta’ volumi u prezzijiet, il-produtturi tal-ikel jistgħu jagħżlu li jakkwistaw ukoll ċerti volumi ta’ prodotti stanjati bi prezzijiet aktar baxxi miċ-Ċina u minn pajjiżi terzi oħra fis-suq spot. Għalhekk, hija n-natura partikolari tal-ħtiġijiet tan-negozji downstream u l-imġiba ekonomika razzjonali tagħhom fi ħdan din il-katina tal-valur, li tispjega għaliex is-suq jippreferi kuntratti annwali mill-produtturi tal-Unjoni, iżda jittollera tranżazzjonijiet ta’ bejgħ spot miċ-Ċina. |
|
(207) |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni indikat li l-argument ta’ Steelforce kien jimplika wkoll li l-produtturi tal-Unjoni, għal xi raġuni, qed jagħżlu li jaċċettaw termini ta’ kummerċ li qed jikkawżawlhom joperaw b’telf. Il-Kummissjoni naqset milli tara, u Steelforce ma spjegatx, għaliex il-produtturi tal-Unjoni, bħala operaturi ekonomiċi razzjonali, jiddeċiedu li jwettqu negozju b’tali mod. |
|
(208) |
Fir-rigward tal-argument tas-CISA, anki jekk jiġi aċċettat, il-Kummissjoni indikat li n-nuqqas ta’ profittabbiltà huwa biss wieħed mill-elementi fl-analiżi tal-kawżalità. Kif indikat fil-premessi (350) sa (354) tar-Regolament provviżorju, il-konklużjoni dwar il-kawżalità hija bbażata fuq it-telf tas-sehem mis-suq, it-twaqqigħ tal-prezz, it-trażżin tal-prezzijiet, u t-tnaqqis fil-prezzijiet. |
|
(209) |
Tabilħaqq, kif intwera, il-produtturi tal-Unjoni kienu qed jitilfu s-sehem mis-suq għall-importazzjonijiet Ċiniżi li nbiegħu bi prezzijiet li waqqgħu l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni u kienu qed jikkawżaw soppressjoni u tnaqqis fil-prezzijiet, fi kważi s-snin kollha tal-perjodu kkunsidrat. |
|
(210) |
Fl-aħħar nett, il-pożizzjoni strutturali tal-industrija tal-Unjoni fil-katina tal-provvista ma tkunx problema fiha nnifisha. Jekk mhux għall-volumi dejjem jiżdiedu tal-importazzjonijiet Ċiniżi bi prezzijiet oġġett ta’ dumping, l-industrija tal-Unjoni tkun tista’ tinnegozja termini aħjar fil-kuntratti tagħha. Kif jidher mit-Tabelli 3 u 4 tar-Regolament provviżorju, l-importazzjonijiet miċ-Ċina kienu qed iżidu l-volum u s-sehem mis-suq tagħha fl-2022, fl-2023 u fil-perjodu ta’ investigazzjoni, filwaqt li naqsu fil-prezz fl-2023 u fil-perjodu ta’ investigazzjoni. Biex tikkompeti ma’ dawk l-importazzjonijiet bi prezz inġust u tibqa’ fis-suq, l-industrija tal-Unjoni kellha taċċetta termini inqas. |
|
(211) |
Kif spjegat, fost l-oħrajn, fil-premessi (274) sa (279) tar-Regolament provviżorju, dawn l-importazzjonijiet ikkawżaw soppressjoni tal-prezzijiet għall-industrija tal-Unjoni, u b’hekk ġegħluhom ibigħu b’telf. Dan huwa viżibbli b’mod ċar fil-fatt li l-industrija tal-Unjoni, wara li setgħet tbigħ bi prezz ogħla mill-kostijiet tal-produzzjoni tagħha fl-2022, naqqset il-prezzijiet tagħha fl-2023 u fil-perjodu ta’ investigazzjoni, anki hekk kif il-kostijiet tal-produzzjoni baqgħu jiżdiedu fl-2023 (it-Tabella 8 tar-Regolament provviżorju). |
|
(212) |
Għaldaqstant, l-argument tas-CISA ġie miċħud bħala bla bażi. |
5.3. Konklużjoni dwar il-kawżalità
|
(213) |
Kif spjegat fit-taqsimiet 5.1 u 5.2 hawn fuq, il-Kummissjoni analizzat il-kummenti kollha li għamlu l-partijiet interessati dwar l-analiżi tal-kawżalità tal-Kummissjoni mir-Regolament proviżorju. L-ebda prova jew argument ġdid ma tressaq li jiġġustifika treġġigħ lura tal-konklużjonijiet tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward. |
|
(214) |
Għalhekk, il-Kummissjoni kkonfermat is-sejbiet tagħha mill-premessi (350) sa (354) tar-Regolament proviżorju u sostniet il-konklużjoni tagħha li l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mill-pajjiż ikkonċernat ikkawżaw dannu materjali lill-industrija tal-Unjoni u li l-fatturi l-oħra, ikkunsidrati individwalment jew kollettivament, ma naqqsux ir-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping u d-dannu materjali. |
|
(215) |
Fil-kummenti tagħha dwar id-divulgazzjoni finali, is-CISA ma qablitx mas-sejbiet tal-Kummissjoni dwar il-kawżalità, speċifikament, mal-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar it-tnaqqis tal-volumi tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni u l-impatt taż-żieda fl-investimenti. Is-CISA argumentat li, filwaqt li l-importazzjonijiet miċ-Ċina setgħu eżerċitaw xi grad ta’ pressjoni kompetittiva, l-evidenza disponibbli ma tappoġġax il-konklużjoni li dawn kienu jikkostitwixxu l-kawża predominanti jew materjali tad-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni. |
|
(216) |
Peress li s-CISA ma pprovdietx evidenza jew argumenti ġodda b’appoġġ għal dik il-konklużjoni, il-Kummissjoni ċaħdet din l-affermazzjoni bħala mhux sostanzjata u żammet il-konklużjoni tagħha mill-premessa (214) hawn fuq. |
6. LIVELL TAL-MIŻURI
|
(217) |
Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha mill-premessa (355) tar-Regolament proviżorju. |
6.1. Marġni tad-dannu
|
(218) |
Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha mill-premessi (356) sa (361) tar-Regolament proviżorju. |
|
(219) |
Il-marġnijiet tad-dannu ġew ikkalkulati mill-ġdid filwaqt li tqiesu d-dazji li kellhom jitħallsu. Il-livell tat-tneħħija ta’ dannu għal “kumpaniji oħra li kkooperaw” u għall-“importazzjonijiet l-oħra kollha li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina” huwa ddefinit bl-istess mod bħall-marġni tad-dumping għal dawn il-kumpaniji (ara l-premessi (220) sa (227) tar-Regolament proviżorju).
|
6.2. Eżami tal-marġni adegwat biex jitneħħa d-dannu lill-industrija tal-Unjoni
|
(220) |
Kif spjegat fin-Notifika tal-Bidu, l-ilmentatur ipprovda biżżejjed evidenza lill-Kummissjoni li fil-pajjiż ikkonċernat hemm distorsjonijiet fil-materja prima rigward il-prodott taħt investigazzjoni. Għaldaqstant, f’konformità mal-Artikolu 7(2a) tar-Regolament bażiku, din l-investigazzjoni eżaminat id-distorsjonijiet allegati biex tivvaluta, jekk rilevanti, jekk dazju inferjuri għall-marġni tad-dumping ikunx biżżejjed biex jelimina d-dannu. |
|
(221) |
Madankollu, anki bil-marġnijiet riveduti, il-marġnijiet adegwati biex titneħħa l-ħsara baqgħu ogħla mill-marġnijiet tad-dumping. Għalhekk, il-Kummissjoni qieset li ma kienx meħtieġ li jiġi indirizzat dan l-aspett. |
6.3. Konklużjoni dwar il-livell tal-miżuri
|
(222) |
Wara l-valutazzjoni ta’ hawn fuq, id-dazji anti-dumping definittivi jenħtieġ li jiġu stabbiliti kif ġej f’konformità mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament bażiku:
|
7. INTERESS TAL-UNJONI
|
(223) |
Fil-kummenti tagħhom dwar ir-Regolament proviżorju, diversi partijiet interessati kkontestaw il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-interess tal-Unjoni. |
7.1. Interess tal-industrija tal-Unjoni
|
(224) |
Fil-kummenti tagħha dwar ir-Regolament proviżorju, Steelforce affermat li d-dazji anti-dumping se jirriżultaw fl-għeluq faċilitajiet li jipproduċu l-laned fl-Unjoni. Dan jeqred is-suq ewlieni tal-produtturi tal-Unjoni, li jfisser li d-dazji anti-dumping imorru kontra l-interess tal-industrija tal-Unjoni nnifisha. |
|
(225) |
Dan l-argument huwa bbażat fuq is-suppożizzjoni li l-impatt tad-dazji fuq l-Utenti jkun ta’ detriment tant li jwassal għall-kollass tal-manifattura tal-laned fl-Unjoni. Madankollu, kif turi l-analiżi fit-taqsima 7.3 ta’ hawn taħt, ma ntweriex li dan ix-xenarju x’aktarx li jimmaterjalizza. |
|
(226) |
Fid-dawl ta’ dan, u fin-nuqqas ta’ kummenti oħra, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha mill-premessi (368) sa (370) tar-Regolament proviżorju. |
7.2. Interess ta’ importaturi u ta’ kummerċjanti mhux relatati
|
(227) |
Wara d-divulgazzjoni proviżorja, Steelforce affermat li l-Kummissjoni wettqet żball fil-valutazzjoni tal-interess tal-importaturi. Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-importazzjonijiet ta’ prodotti indurati ppreżentaw sehem żgħir mill-fatturat ta’ Steelforce Group filwaqt li l-entità li twieġeb għas-sottomissjoni hija Steelforce Packaging BV, entità distinta, li tkun affettwata ħafna aktar severament. |
|
(228) |
Il-Kummissjoni ċċarat li Steelforce Packaging BV hija tabilħaqq kumpanija waħda biss fi ħdan Steelforce Group, filwaqt li l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni mill-premessi (373) u (374) tar-Regolament proviżorju kienu relatati ma’ Steelforce Group kollu. |
|
(229) |
Madankollu, dan ma jinvalidax il-konklużjonijiet milħuqa f’dawk il-premessi. Il-kwestjonarji tal-Kummissjoni talbu data (b’mod partikolari dwar il-fatturat u l-profittabbiltà) fil-livell tal-operazzjonijiet totali tal-Unjoni, preċiżament biex tinkiseb stampa akkurata ta’ kif se tiġi affettwata l-pożizzjoni ġenerali ta’ importatur fl-Unjoni. |
|
(230) |
Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq u meta jitqies li l-ebda importatur jew negozjant ieħor ma ppreżenta ruħu biex jopponi d-dazji, il-Kummissjoni sostniet il-konklużjoni tagħha li d-dazji x’aktarx li ma jkollhomx effett negattiv sinifikanti fuq is-sitwazzjoni tal-importaturi u n-negozjanti fl-Unjoni. |
|
(231) |
Fil-kummenti tagħha dwar id-divulgazzjoni finali, Steelforce argumentat li jekk il-Kummissjoni kellha l-għan li tasal għal konklużjonijiet dwar kif id-dazji anti-dumping jistgħu jħallu impatt fuq l-importaturi abbażi tad-data miġbura minn Steelforce, jenħtieġ li jinsiltu dawn il-konklużjonijiet dwar l-operazzjonijiet totali tal-Unjoni ta’ Steelforce Packaging BV, l-entità fi ħdan Steelforce Group li timporta prodotti inklinati, u mhux il-Grupp Steelforce kollu. |
|
(232) |
Bl-istess mod, is-CISA sostniet li jenħtieġ li l-Kummissjoni ma tivvalutax l-impatt tad-dazji fil-livell tal-grupp, iżda pjuttost fil-livell tal-entità. |
|
(233) |
Madankollu, il-Kummissjoni ma siltet l-ebda konklużjoni dwar l-impatt tad-dazji fuq importaturi oħra mid-data miġbura minn Steelforce. Minflok, il-konklużjonijiet li saru fil-premessi minn (371) sa (374) tar-Regolament provviżorju u fil-premessi (227) sa (230) hawn fuq kienu jappartjenu għal Steelforce biss. Din l-analiżi, meta wieħed iħares tabilħaqq lejn il-prestazzjoni tat-totalità ta’ Steelforce kif ippreżentata fit-tweġiba tagħha għall-kwestjonarju, ma ssuġġerietx li se tiġi affettwata b’mod sinifikanti mid-dmirijiet. |
|
(234) |
Għal dak l-għan, il-Kummissjoni ma sabitx raġuni valida biex tivvaluta mill-ġdid l-approċċ tagħha u tħares lejn il-prestazzjoni ta’ Steelforce Packaging BV biss. Kif ġie ċċarat fit-tweġiba għall-kwestjonarju u l-evidenza miġbura matul il-verifika fuq il-post, diversi entitajiet fil-Grupp Steelforce fl-Unjoni kienu involuti sa ċertu punt fl-importazzjoni u l-bejgħ mill-ġdid ta’ prodotti stanjati, u d-data rilevanti ġiet ikkonsolidata fil-livell tal-grupp. L-iżolament ta’ kumpanija waħda biss mill-grupp biex jiġi vvalutat l-impatt fuqha biss imur kontra l-fatti kif stabbiliti mill-investigazzjoni. |
|
(235) |
Fir-rigward tal-importaturi b’mod ġenerali, kif spjegat fil-premessa (375) tar-Regolament provviżorju u fil-premessa (231) hawn fuq, il-Kummissjoni setgħet tikkonkludi biss li d-dazji ma jkollhomx impatt sinifikanti fuqhom minħabba li l-ebda importatur ieħor għajr Steelforce ma ppreżenta ruħu biex jopponi d-dazji, u lanqas ma ġie ppreżentat xi argument dwar kif il-pożizzjoni kompetittiva ta’ importatur tiġi affettwata b’mod negattiv billi jiġu restawrati l-kundizzjonijiet ekwi. |
7.3. Interess tal-utenti, tal-konsumaturi jew tal-fornituri
7.3.1. Asserzjonijiet dwar id-disponibbiltà u l-affidabbiltà tal-provvista
|
(236) |
Wara d-divulgazzjoni proviżorja, Steelforce u MPE tennew l-asserzjonijiet tagħhom li l-industrija tal-Unjoni mhijiex sors affidabbli ta’ provvista peress li l-utenti spiss jiffaċċjaw dewmien fil-konsenji mill-produtturi tal-Unjoni. Steelforce irreferiet għall-emails li pprovdiet għal sottomissjoni preċedenti li jindikaw każijiet ta’ dewmien sinifikanti fil-konsenji mill-produtturi tal-Unjoni u osservat li Massilly argumentat li l-produtturi ta’ prodotti stanjati tal-Unjoni għandhom kapaċità limitata u politika ta’ tbassir stretta ħafna li tipprojbixxi kwalunkwe devjazzjoni fil-volum u prezzijiet ogħla. MPE pprovdiet diversi emails mill-membri tagħha bħala evidenza. MPE tenniet ukoll li d-dazji se jirriżultaw fi provvista insuffiċjenti ta’ prodotti stanjati fl-Unjoni. Is-CISA appoġġat dawn il-kummenti. |
|
(237) |
Barra minn hekk, Steelforce argumentat li l-industrija downstream hija dipendenti fuq l-importazzjonijiet miċ-Ċina biex iżżomm l-iskeda tal-produzzjoni tagħha. MPE sostniet li ma jkunx fattibbli għall-industrija tal-imballaġġ downstream li terġa’ lura għall-provvista minn pajjiżi terzi oħra, peress li ċ-Ċina hija bil-bosta l-akbar sors ta’ provvista minbarra l-industrija tal-Unjoni. |
|
(238) |
Il-EUROFER wieġbet għal dawn l-asserzjonijiet billi sostniet li hemm [8-13]-il miljun tunnellata ta’ kapaċità operazzjonali globali bl-esklużjoni tal-kapaċità fl-Unjoni u fiċ-Ċina, li tista’ tiġi diretta lejn is-suq tal-Unjoni. |
|
(239) |
Steelforce argumentat li din il-kapaċità ma kinitx tqis id-domanda f’pajjiżi terzi jew is-sħab kummerċjali rispettivi tagħhom u għalhekk ma setgħetx tiġi ddevjata lejn l-Unjoni. |
|
(240) |
Barra minn hekk, MPE sostniet li l-effett ikkombinat tal-miżuri ta’ salvagwardja u anti-dumping se jikkawżaw problemi sinifikanti lill-industrija tal-imballaġġ tal-metall tal-Unjoni, kemm f’termini ta’ disponibbiltà tal-provvisti kif ukoll f’termini ta’ żieda fil-kostijiet tal-produzzjoni. |
|
(241) |
L-għan tal-miżuri anti-dumping mhuwiex li jwaqqfu l-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat, iżda li jiżguraw li jidħlu fis-suq tal-Unjoni bi prezzijiet ġusti. Huwa minn din il-priżma li għandu jiġi vvalutat l-impatt tad-dazji fuq l-utenti. |
|
(242) |
Għalhekk, il-Kummissjoni ma setgħetx taċċetta l-argumenti li l-impożizzjoni tad-dazji se tirriżulta f’nuqqas ta’ provvista fl-Unjoni. Barra minn hekk, kif diġà ġie deskritt fil-premessa (383) tar-Regolament provviżorju (u diskuss aktar fil-premessa (145) hawn fuq), anki fix-xenarju estremament improbabbli li l-importazzjonijiet kollha fl-Unjoni jisparixxu, hemm biżżejjed kapaċità fl-Unjoni biex tissodisfa d-domanda totali tal-Unjoni. Barra minn hekk, hemm diversi sorsi oħra ta’ provvista minn pajjiżi terzi. |
|
(243) |
Barra minn hekk, filwaqt li MPE wriet li wħud mill-membri tagħha jiffaċċjaw dewmien fil-konsenji mill-produtturi tal-Unjoni, il-Kummissjoni ma tistax taċċetta l-argument li dan jista’ jiġi rrimedjat biss mill-importazzjonijiet miċ-Ċina. F’din l-investigazzjoni, il-Kummissjoni sabet li l-ħinijiet tal-konsenja mill-Unjoni huma ħafna iqsar minn dawk miċ-Ċina, filwaqt li, min-naħa l-oħra, l-affidabbiltà għolja tal-produtturi tal-Unjoni ġiet enfasizzata minn xi wħud mill-utenti. |
|
(244) |
Fir-rigward tal-argument ta’ MPE fil-premessa (240) hawn fuq, il-Kummissjoni fakkret li l-miżuri ta’ salvagwardja (24) huma mekkaniżmu temporanju u, barra minn hekk, kwalunkwe dazju li għandu jitħallas skont il-mekkaniżmu ta’ salvagwardja mhux se jiġi akkumulat mad-dazji anti-dumping li jirriżultaw minn din l-investigazzjoni. Għalhekk, dan l-argument ma kienx rilevanti. |
|
(245) |
Fil-kummenti tagħha dwar id-divulgazzjoni finali, CISA estendiet l-argumenti tagħha dwar id-disponibbiltà tal-kapaċità tal-produzzjoni ta’ Liberty u Acciaierie, diġà analizzati fil-premessi (147) sa (150) hawn fuq, għall-analiżi tal-interess tal-Unjoni. CISA sostniet li mhuwiex realistiku li wieħed jistenna li dawn il-kapaċitajiet jistgħu jerġgħu jinbdew malajr u li għalhekk hemm riskju ta’ nuqqas ta’ provvista. |
|
(246) |
Steelforce u MPE tennew il-kummenti tagħhom dwar l-allegat nuqqas ta’ provvista f’waqtha u regolari fl-Unjoni. MPE fakkret fl-evidenza li ppreżentat minn diversi membri tagħha li wriet li huma ffaċċjaw dewmien fil-konsenji mill-produtturi tal-Unjoni u oġġezzjonat li l-Kummissjoni tidher li tat aktar importanza lill-opinjoni ta’ utenti oħra li enfasizzaw l-affidabbiltà tal-produtturi tal-Unjoni. Steelforce qajmet mistoqsija retorika dwar għaliex il-kapaċità żejda disponibbli tal-Unjoni ma tintużax biex isiru konsenji affidabbli lill-utenti tal-Unjoni, filwaqt li indikat l-evidenza tal-MPE dwar żminijiet meħtieġa dejjem aktar twal, li wrew li din ix-xejra marret għall-agħar mill-2022 ’il quddiem. |
|
(247) |
Kif diġà ġie indikat fil-premessi (149) u (145) hawn fuq, anki meta jitneħħew l-impjanti ta’ Liberty u Acciaierie miċ-ċifri tal-kapaċità tal-produzzjoni tal-Unjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni totali tal-Unjoni xorta qabżet id-domanda totali tal-Unjoni fis-snin kollha tal-perjodu kkunsidrat. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet l-argument tas-CISA bħala irrilevanti. |
|
(248) |
Fir-rigward tal-kummenti ta’ MPE, il-Kummissjoni ċċarat li hija ma ddeċidietx li tagħti aktar kredibbiltà lill-fehmiet ta’ ċerti utenti milli lil dawk tal-membri ta’ MPE. Minflok, il-Kummissjoni kkonkludiet fil-premessa (243) hawn fuq li diversi każijiet ta’ kwistjonijiet ta’ provvista evidenzjati minn xi wħud mill-membri ta’ MPE, b’mod partikolari meta xi utenti oħra faħħru l-affidabbiltà tal-industrija tal-Unjoni, ma indikawx il-konklużjoni li l-industrija tal-Unjoni, bħala regola, ma tkunx tista’ tforni prodotti stanjati fil-ħin u b’mod adegwat b’mod ġenerali. |
|
(249) |
Anki jekk dan ikun minnu, kif diġà ġie indikat fil-premessa (243) hawn fuq, il-Kummissjoni naqset milli tara kif in-nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ dazji anti-dumping fuq l-importazzjonijiet Ċiniżi, li għandhom ħinijiet ta’ konsenja saħansitra itwal, jista’ jgħin biex tiġi solvuta kwistjoni bħal din. |
|
(250) |
Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument ta’ Steelforce, il-Kummissjoni indikat li fl-2022 id-domanda fl-Unjoni, kif ukoll il-kwantitajiet tal-produzzjoni u tal-bejgħ tal-produtturi tal-Unjoni kienu kollha ogħla milli fl-2023 u fil-perjodu ta’ investigazzjoni. Madankollu, id-data ta’ MPE ikkwotata minn Steelforce wriet li fl-2022 kien ukoll l-aktar probabbli li l-industrija tal-Unjoni tagħmel konsenji puntwali u kompleti (konsenji on time and in full“OTIF”). L-inċidenza tal-konsenji tal-OTIF bdiet tonqos biss fl-2023 u fil-perjodu ta’ investigazzjoni, peress li s-suq tal-Unjoni kien ippenetrat minn volumi dejjem akbar ta’ importazzjonijiet oġġett ta’ dumping, it-tneħħija tas-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni u t-tqegħid tagħha f’pożizzjoni finanzjarja dejjem aktar prekarja. Dan ma jappoġġax l-allegazzjoni li l-industrija tal-Unjoni ma tkunx tista’ tforni lill-klijenti tagħha fil-ħin jekk jiffaċċjaw livelli standard (ogħla) ta’ domanda. |
7.3.2. Asserzjonijiet dwar l-impatt tad-dazji anti-dumping fuq l-industriji downstream
|
(251) |
Steelforce, Massilly, Trivium, MPE, u s-CISA ma qablux mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar kif id-dazji se jkollhom impatt fuq l-industriji downstream. |
|
(252) |
MPE sostniet li l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar kif id-dazji anti-dumping se jaffettwaw il-kostijiet tal-produzzjoni ta’ Trivium u Massily ma jistgħux jiġu estiżi għall-utenti kollha, peress li Trivium u Massilly kisbu sehem relattivament żgħir tat-total ta’ prodotti stanjati tagħhom miċ-Ċina. MPE nnotat li tingħata stampa ġenerali aktar preċiża jekk dawn il-kalkoli jsiru bis-suppożizzjoni li, bħala medja, il-produtturi tal-imballaġġ tal-metall kisbu 23,4 % tal-provvista tagħhom ta’ prodotti stanjati miċ-Ċina, f’konformità mas-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet Ċiniżi matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Jekk wieħed jassumi wkoll li l-prodotti inklinati jirrappreżentaw 50 % tal-kostijiet tal-produzzjoni tal-utent, tali kalkoli jirriżultaw f’żieda ta’ 5-6 % tal-kostijiet totali tal-produzzjoni. |
|
(253) |
Bl-istess mod, matul il-verifika fuq il-post, Massilly wriet li l-impatt tad-dazji se jaffettwa l-aktar biss uħud mill-faċilitajiet tagħha, iżda b’mod ħafna ogħla minn dak li kkonkludiet il-Kummissjoni fil-premessi minn (384) sa (387) tar-Regolament proviżorju. |
|
(254) |
Min-naħa l-oħra, Steelforce sostniet li anke ż-żieda ta’ 2 % fil-kostijiet tal-produtturi tal-laned hija sinifikanti għal industrija tant sensittiva għall-prezzijiet u se taffettwa l-kompetittività tagħhom. Steelforce tenniet ukoll l-asserzjonijiet magħmula minn Massily fl-istadju proviżorju, li d-dazji se jolqtu l-katina tal-valur downstream kollha, fosthom l-industrija tal-ikel. Steelforce innotat li filwaqt li l-industrija tal-Unjoni kienet timpjega bejn 5 000 u 6 000 ħaddiem ekwivalenti għall-full-time (“FTEs”), MPE waħedha rrapportat aktar minn 66 000 impjegat dirett fil-manifatturi tal-laned li huma membri tagħha u li jinsabu fl-Unjoni u għalhekk l-interess tal-Unjoni huwa affettwat b’mod sinifikanti. Jiġifieri, il-klijenti tal-produtturi tal-laned tal-ikel se jaqilbu minn bottijiet tal-landa għal tipi oħra ta’ imballaġġ (PET jew tal-plastik) saħansitra aktar malajr, filwaqt li l-importazzjonijiet ta’ laned diġà mimlija bl-ikel se jkomplu jżidu l-pressjoni fuq il-ktajjen tal-valur downstream. CISA appoġġat dawn l-asserzjonijiet. |
|
(255) |
Steelforce argumentat li l-investigazzjoni anti-dumping dwar l-ECCS hija każ speċifiku fejn, wara li l-Kummissjoni imponiet dazji anti-dumping definittivi, (25) il-katina tal-valur downstream (il-produtturi tal-landa) ma felħitx għall-pressjoni kompetittiva minn barra l-pajjiż, li rriżulta fi tnaqqis tad-domanda għall-ECCS innifsu. |
|
(256) |
Fl-aħħar nett, MPE ddikjarat li l-katina downstream kollha jenħtieġ li tiġi protetta, inkella d-dazji jipperikolaw il-kompetittività tal-industrija tal-imballaġġ, b’mod partikolari fid-dawl tal-importazzjonijiet dejjem akbar ta’ laned vojta u ta’ partijiet tal-laned fl-Unjoni. |
|
(257) |
Fir-rigward tal-affermazzjoni ta’ MPE fil-premessa (252) hawn fuq, il-Kummissjoni fakkret li meta waslet għall-konklużjonijiet tagħha hija bbażat fuq l-evidenza fil-fajl. F’dan ir-rigward, l-istimi u l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni mill-premessa (386) tar-Regolament proviżorju tabilħaqq huma bbażati fuq id-data komprensiva u granulari pprovduta fit-tweġibiet għall-kwestjonarju ta’ Trivium u Massilly, b’dawn tal-aħħar sussegwentement jiġu vverifikati. |
|
(258) |
Min-naħa l-oħra, anke jekk il-kalkoli ta’ MPE kienu preċiżi, MPE ma pprovdietx evidenza jew eżempji konkreti ta’ utenti li għandhom sehem daqshekk għoli ta’ prodotti stanjati fil-kost tal-produzzjoni tagħhom filwaqt li jimportaw ukoll sehem daqshekk kbir minnu miċ-Ċina. Lanqas ma ntwera li l-utenti ma jkollhomx prodotti għajr bottijiet tal-landa fil-portafoll tagħhom, f’liema każ l-impatt tad-dazji fuq in-negozju ġenerali tagħhom ikun inqas evidenti. Għall-kuntrarju, iż-żewġ utenti li pprovdew tweġibiet għall-kwestjonarju għandhom prodotti oħra fil-portafoll tagħhom. |
|
(259) |
Fl-aħħar nett, li kieku kien hemm utenti b’sehem ħafna ogħla ta’ prodotti stanjati fil-kost tal-produzzjoni tagħhom, li jakkwistaw ukoll sehem ħafna ogħla minnu miċ-Ċina u għalhekk ikunu affettwati b’mod aktar sinifikanti mid-dazji, huwa preżunt li kienu jippreżentaw ruħhom u jikkooperaw fl-investigazzjoni biex juru lill-Kummissjoni li d-dazji tabilħaqq se jkollhom impatt detrimentali bħal dan fuq in-negozju tagħhom. Madankollu, dan ma kienx il-każ. |
|
(260) |
Fir-rigward tal-affermazzjoni ta’ Massilly mill-premessa (253) hawn fuq, filwaqt li Massilly tabilħaqq uriet li ċerti partijiet tan-negozju tagħha se jiġu affettwati b’mod aktar sever mid-dazji minn oħrajn, dan ma jinvalidax il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni magħmula fir-rigward ta’ dak l-utent. Kif diġà ġie spjegat fil-premessa (229) hawn fuq, il-Kummissjoni vvalutat l-impatt tad-dazji fil-livell tal-operazzjonijiet totali tal-Unjoni, biex tikseb stampa ta’ kif il-pożizzjoni ġenerali ta’ utent fl-Unjoni tkun affettwata, aktar milli parti biss min-negozju tiegħu. |
|
(261) |
Fir-rigward tal-argumenti dwar il-pressjonijiet kompetittivi fuq l-industriji downstream, il-Kummissjoni rċeviet preżentazzjoni b’data sensittiva u mhux ivverifikata bħala evidenza biex issostni dawk l-asserzjonijiet. Il-preżentazzjoni rreferiet għall-evoluzzjoni tad-differenza fil-prezz bejn l-imballaġġ ta’ materjali differenti (inklużi l-landa u l-plastik) u l-bidliet fis-sehem tas-suq tal-imballaġġ miżmum mill-imballaġġ ta’ materjali differenti (inklużi l-landa u l-plastik) mill-2020. Il-preżentazzjoni kien fiha wkoll data tal-Eurostat li turi l-evoluzzjoni tal-importazzjonijiet ta’ bottijiet tal-landa u komponenti tal-landa (uċuħ, tappijiet, u oħra simili). Fl-aħħar nett, il-preżentazzjoni kien fiha evidenza aneddotali li turi r-rilokazzjoni tal-operazzjonijiet ta’ mili tal-laned barra mill-pajjiż. |
|
(262) |
Ix-xejriet murija fil-preżentazzjoni ma ssuġġerewx li jkun hemm diżaggregazzjoni tal-ktajjen tal-valur downstream bħala riżultat tal-impożizzjoni tad-dazji. Barra minn hekk, kif muri fit-Tabelli 4, 8 u 12 tar-Regolament proviżorju, il-prezzijiet tal-pjanċi stanjati kienu l-ogħla fl-2022 mis-snin kollha tal-perjodu kkunsidrat. |
|
(263) |
Bl-istess mod, anke jekk Steelforce sostniet li huwa magħruf li s-swieq downstream sofrew minħabba pressjoni li ma setgħetx tingħeleb minn prodotti barranin kompetituri wara l-investigazzjoni tal-ECCS, ma ġiet ipprovduta l-ebda evidenza sinifikanti biex dan jintwera. Steelforce pprovdiet referenzi għal dikjarazzjonijiet pubbliċi ta’ manifattur tal-ikel Taljan, Del Monte, li fetaħ faċilità ġdida fl-Indja. (26) Dan l-eżempju, li lanqas biss wera r-raġunijiet għall-ftuħ ta’ din il-faċilità, ma setax jitqies bħala suffiċjenti biex jiġi konkluż li l-investigazzjoni tal-ECCS irriżultat fi pressjoni li ma tistax tingħeleb minn prodotti barranin kompetituri. |
|
(264) |
Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-affermazzjoni tal-MPE li l-katina tal-valur downstream kollha jenħtieġ li tiġi protetta, il-Kummissjoni nnotat li d-data tal-Eurostat tabilħaqq uriet li l-importazzjonijiet ta’ laned u komponenti tal-landa (uċuħ, tappijiet, u oħra simili) fl-Unjoni kienu qed jiżdiedu. |
|
(265) |
Għall-laned vojta, filwaqt li l-importazzjonijiet miċ-Ċina qed jiżdiedu, dawn huma biss terz f’termini ta’ volum (wara r-Renju Unit u t-Turkija). Barra minn hekk, it-total tal-volumi tal-importazzjoni baqa’ ġeneralment l-istess bejn l-2020 u l-2024 (peress li l-importazzjonijiet mir-Renju Unit kienu qed jonqsu bl-istess mod b’mod sinifikanti), u għalhekk ma jistax jiġi konkluż jekk dawn l-importazzjonijiet kellhomx impatt detrimentali fuq is-sehem mis-suq tal-utenti tal-Unjoni, jiġifieri l-produtturi tal-laned tal-landa. |
|
(266) |
L-importazzjonijiet ta’ komponenti tal-landa miċ-Ċina, min-naħa l-oħra, ilhom jiżdiedu b’mod sinifikanti u ħadu l-akbar sehem mill-importazzjonijiet mill-2020 (bit-Turkija u r-Renju Unit ikunu l-akbar żewġ sorsi ta’ importazzjonijiet wara ċ-Ċina). |
|
(267) |
Fi kwalunkwe każ, dawn ix-xejriet li qed jiżdiedu jidhru li diġà bdew xi snin ilu u għalhekk huma indipendenti mill-investigazzjoni li għaddejja. Ma hemm l-ebda indikazzjoni li n-nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ dazji anti-dumping fuq prodotti miksijin bil-landa se jwaqqafhom jew ireġġagħhom lura. Barra minn hekk, il-laned u l-komponenti tal-landa ma jaqgħux fl-ambitu tal-prodott tal-investigazzjoni kurrenti u għalhekk il-Kummissjoni ma tistax timponi dazji fuq prodotti downstream bħala parti minnha, kif issuġġerixxiet MPE. |
|
(268) |
Fil-kummenti tagħha dwar id-divulgazzjoni finali, CISA allegat li l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni meħuda abbażi ta’ informazzjoni minn żewġ kumpaniji biss, Trivium u Massilly, jistgħu ma jkunux rappreżentattivi tas-settur usa’, b’mod partikolari minħabba d-daqs ta’ dawn iż-żewġ utenti. CISA argumentat ukoll b’mod ġenerali li l-analiżi tal-Kummissjoni tal-impatt li d-dazji jkollhom fuq l-utenti ma kinitx adegwata f’termini ta’ impatt fuq il-kostijiet tal-produzzjoni u l-pressjonijiet kompetittivi fl-Unjoni u fis-swieq tal-esportazzjoni. |
|
(269) |
Min-naħa l-oħra, MPE tenniet l-affermazzjonijiet tagħha dwar il-pressjonijiet kompetittivi fuq l-utenti attivi fil-katina tal-valur tal-imballaġġ tal-ikel, eżerċitati minn (i) importazzjonijiet irħas ta’ prodotti tal-imballaġġ tal-metall nofshom lesti kif ukoll laned tal-ikel mimlija u aerosols, li joriġinaw l-aktar miċ-Ċina, u (ii) materjali alternattivi tal-imballaġġ (bħall-plastik). Dan jirriżulta fis-sensittività tal-prezzijiet tas-settur tal-imballaġġ tal-metall, li ma tħallihx jassorbi jew jgħaddi fuq il-konsumaturi kwalunkwe żieda fil-kostijiet tal-produzzjoni li tirriżulta mill-impożizzjoni ta’ dazji anti-dumping. |
|
(270) |
MPE sostniet ukoll li l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni mill-premessi (258) sa (259) kienu bbażati fuq argumenti spekulattivi; anki jekk xi wħud mill-utenti jista’ jkollhom prodotti oħra fil-portafolli tagħhom, MPE sabet li dan huwa irrilevanti għall-finijiet ta’ din l-investigazzjoni. Bl-istess mod, MPE allegat li l-parteċipazzjoni tal-utenti f’investigazzjonijiet anti-dumping u f’dan il-każ hija baxxa minħabba li l-Kummissjoni ma wrietx biżżejjed kunsiderazzjoni għat-tħassib tagħhom. |
|
(271) |
Madankollu, CISA ma pprovdiet l-ebda argument dwar kif xi metodi analitiċi oħra kienu jagħmlu l-analiżi tal-Kummissjoni aktar adegwata, u lanqas ma ppreżentat xi evidenza ġdida li tikkontesta l-konklużjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni. |
|
(272) |
Bl-istess mod, MPE lanqas ma pprovdiet provi ġodda b’appoġġ għall-pretensjonijiet preċedenti tagħha. Madankollu, il-Kummissjoni indikat li hija kkunsidrat bir-reqqa l-evidenza u l-argumenti kollha ppreżentati mill-partijiet interessati kollha, fosthom l-importaturi u l-utenti. |
|
(273) |
L-investigazzjoni stabbiliet l-eżistenza ta’ dumping, dannu, u r-rabta kawżali bejn it-tnejn. Huwa f’dan l-isfond li l-Kummissjoni analizzat l-informazzjoni u l-evidenza kollha pprovduti lilha minn partijiet interessati oħra, fosthom MPE, l-utenti, u l-importaturi, fir-rigward tal-interess tal-Unjoni. Dan kien jinkludi tweġibiet komprensivi għall-kwestjonarju minn żewġ utenti, Massily u Trivium. Abbażi tad-data komprensiva tagħhom u, fil-każ ta’ Massily, data vverifikata, il-Kummissjoni kkonkludiet li dawn l-utenti ma jkunux affettwati b’mod negattiv b’mod sinifikanti mid-dazji. |
|
(274) |
Filwaqt li l-Kummissjoni skrutinizzat l-informazzjoni kollha ppreżentata lilha, madankollu, ma rċeviet l-ebda evidenza verifikabbli minn ebda utent individwali li turi li huwa espost ħafna għall-importazzjonijiet miċ-Ċina u, konsegwentement, għal impatt sproporzjonat mill-impożizzjoni ta’ dazji anti-dumping. Inferenzi dwar ir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ tali kooperazzjoni ma jistgħux jintużaw bħala argument biex jintwera li l-utenti fil-fatt se jiġu affettwati b’mod negattiv ħafna, aħseb u ara jissostitwixxu evidenza komprensiva reali mill-utenti meħtieġa biex juru tali effetti. |
|
(275) |
Kif diġà ġie spjegat, l-evidenza li l-Kummissjoni kellha għad-dispożizzjoni tagħha (jew dwar il-konsegwenzi tal-każ ECCS jew is-sitwazzjoni fis-settur tal-imballaġġ matul il-perjodu kkunsidrat) ma indikatx li kien probabbli li l-industriji downstream ikunu affettwati b’mod negattiv ħafna mill-impożizzjoni tad-dazji, anki jekk dawn iżidu l-prezzijiet tal-prodotti stanjati fl-Unjoni. Tabilħaqq, kif diġà ssemma fil-premessa (262) hawn fuq, il-prezzijiet tal-prodotti stanjati kienu l-ogħla fl-2022. L-ebda waħda mill-evidenza ppreżentata lill-Kummissjoni ma wriet deterjorament sinifikanti fil-pożizzjonijiet fis-suq jew fil-prestazzjoni tal-industriji tal-utenti tal-prodotti stanjati f’dik is-sena. |
|
(276) |
Għalhekk, abbażi tal-evidenza kollha pprovduta mill-partijiet interessati kollha li kienu attivi fil-każ, il-Kummissjoni ma setgħetx tikkonkludi li l-miżuri jkollhom tali impatt negattiv fuq l-industriji downstream li jegħlbu l-ħtieġa li l-produtturi tal-Unjoni jiġu protetti minn dumping dannuż. |
7.3.3. Asserzjonijiet dwar l-impatt tad-dazji fuq il-politiki ambjentali tal-Unjoni
|
(277) |
Steelforce sostniet li l-Kummissjoni ma kkunsidratx biżżejjed l-impatt tad-dazji fuq il-politiki ambjentali tal-Unjoni. Steelforce ma qablitx mal-konklużjoni mill-premessa (389) tar-Regolament provviżorju, li l-Kummissjoni ma kellhiex biżżejjed evidenza biex tikkonkludi li l-impożizzjoni tad-dazji taffettwa b’mod negattiv il-politiki ambjentali tal-Unjoni. Steelforce sostniet li ġiet ipprovduta biżżejjed evidenza, u li l-Kummissjoni kienet obbligata tkompli tinvestiga dan. |
|
(278) |
Il-Kummissjoni ma qablitx ma’ din il-valutazzjoni, peress li l-partijiet interessati kollha sempliċiment allegaw li l-impożizzjoni tad-dazji se tirriżulta f’bidla drammatika mill-imballaġġ tal-laned għal tipi oħra ta’ imballaġġ (li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent), u b’hekk iddgħajjef l-objettivi ambjentali tal-Unjoni. |
|
(279) |
Madankollu, kif ivvalutat fit-taqsima 7.3.2 hawn fuq, ma ġiet ippreżentata l-ebda evidenza konvinċenti li turi li l-impożizzjoni ta’ dazji anti-dumping ikollha effett bħal dan. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet dawn l-asserzjonijiet. |
|
(280) |
Fil-kummenti tagħhom dwar id-divulgazzjoni finali, CISA, MPE, u Steelforce tennew l-affermazzjonijiet preċedenti tagħhom dwar l-inkompatibbiltà tad-dazji anti-dumping fuq l-importazzjonijiet ta’ prodotti stanjati miċ-Ċina mal-politiki ambjentali tal-Unjoni. |
|
(281) |
Dawn l-argumenti mtennija kienu bbażati, madankollu, fuq is-suppożizzjoni li l-Kummissjoni ssib li l-impożizzjoni ta’ dazji twassal għal sostituzzjoni sinifikanti ta’ prodotti stanjati b’materjali oħra fis-settur tal-imballaġġ. Peress li l-Kummissjoni ma reġġgħetx lura l-konklużjonijiet preċedenti tagħha dwar dan il-punt (ara s-subtaqsima 7.3.2 hawn fuq), il-Kummissjoni qieset dawn l-affermazzjonijiet imtennija bħala irrilevanti. |
7.4. Konklużjoni dwar l-interess tal-Unjoni
|
(282) |
Il-Kummissjoni fakkret, kif diġà indikat fil-premessa (391) tar-Regolament proviżorju, li l-industrija tal-prodotti stanjati tal-Unjoni tinsab fi stat prekarju. L-industrija tal-Unjoni kienet qed tagħmel telf għall-parti l-kbira tal-perjodu kkunsidrat, filwaqt li l-importatur li kkoopera u ż-żewġ utenti li ssottomettew tweġibiet għall-kwestjonarju kienu, min-naħa l-oħra, profittabbli. |
|
(283) |
Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni sostniet il-pożizzjoni tagħha li ma kien hemm l-ebda raġuni konvinċenti biex tikkonkludi li ma kienx fl-interess tal-Unjoni li timponi miżuri fuq l-importazzjonijiet ta’ prodotti stanjati li joriġinaw miċ-Ċina. |
8. MIŻURI ANTI-DUMPING DEFINITTIVI
8.1. Miżuri definittivi
|
(284) |
Fid-dawl tal-konklużjonijiet milħuqa fir-rigward tad-dumping, tad-dannu, tal-kawżalità, tal-livell tal-miżuri u tal-interess tal-Unjoni, u f’konformità mal-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, jenħtieġ li jiġu imposti miżuri anti-dumping definittivi sabiex jiġi evitat dannu ulterjuri lill-industrija tal-Unjoni mill-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping tal-prodott ikkonċernat. |
8.2. Forma tal-miżuri
|
(285) |
Fil-kummenti tagħha dwar ir-Regolament proviżorju, MPE talbet li tinbidel il-forma tad-dazji jew għal dazji fissi jew għal prezz minimu tal-importazzjoni biex jittaffa l-impatt tad-dazji fuq l-utenti. |
|
(286) |
Il-EUROFER opponiet dan is-suġġeriment, u sostniet li l-impożizzjoni ta’ miżuri bħal dazji fissi jew prezz minimu tal-importazzjoni tirriskja li tagħmel il-miżuri kompletament ineffettivi, meta titqies il-volatilità ġenerali tal-kostijiet tal-enerġija u tal-materja prima, amplifikati b’mod partikolari fiċ-ċirkostanzi politiċi kurrenti ta’ gwerra kummerċjali potenzjali mal-Istati Uniti tal-Amerka u kunflitti li għaddejjin fl-Ukrajna u fil-Lvant Nofsani. Min-naħa l-oħra, il-EUROFER sostniet li dazju fiss jew prezz minimu tal-importazzjoni jista’ jkun aktar dannuż għall-utenti, minħabba li l-prezzijiet fil-perjodu ta’ investigazzjoni kienu relattivament għoljin. |
|
(287) |
Il-Kummissjoni nnotat f’dan ir-rigward li MPE ma ssostanzjatx kif il-bidla fil-forma tad-dazji għal dazji fissi jew għal prezz minimu ta’ importazzjoni tnaqqas l-impatt tad-dazji fuq l-utenti. Il-Kummissjoni osservat li l-prezzijiet tal-importazzjoni, fil-fatt, kienu qed jonqsu wara l-perjodu ta’ investigazzjoni. Dan jissuġġerixxi li, għallinqas fuq terminu qasir, it-tibdil fil-forma tad-dazji minn ad valorem għal dazji fissi jew għal prezz minimu tal-importazzjoni, ikkalkulat abbażi tal-valuri prevalenti fil-perjodu ta’ investigazzjoni, fil-fatt jagħmel l-importazzjonijiet saħansitra aktar għaljin mid-dazji ad valorem. |
|
(288) |
Għalhekk, il-Kummissjoni qieset id-dazji ad valorem bħala l-aktar forma xierqa ta’ miżuri f’dan il-każ, li jsibu l-aktar bilanċ ottimali bejn l-interess tal-utenti u l-ħtieġa tal-industrija tal-Unjoni għall-protezzjoni mill-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping. |
|
(289) |
Abbażi ta’ dak li ntqal hawn fuq, ir-rati tad-dazju anti-dumping definittivi, espressi skont il-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju doganali mhux imħallas, jenħtieġ li jkunu kif ġej:
|
|
(290) |
Ir-rati tad-dazju anti-dumping tal-kumpaniji individwali speċifikati f’dan ir-Regolament ġew stabbiliti abbażi tas-sejbiet ta’ din l-investigazzjoni. Għalhekk, dawn jirriflettu s-sitwazzjoni li nstabet matul din l-investigazzjoni fir-rigward ta’ dawn il-kumpaniji. Għaldaqstant, dawn ir-rati tad-dazju huma applikabbli esklużivament għall-importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi investigat li joriġina mill-pajjiż ikkonċernat u mmanifatturat mill-entitajiet legali msemmija. L-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat immanifatturat minn kwalunkwe kumpanija oħra mhux imsemmija speċifikament fil-parti operattiva ta’ dan ir-Regolament, inklużi l-entitajiet relatati ma’ dawk imsemmija speċifikament, ma jistgħux jibbenefikaw minn dawn ir-rati u jenħtieġ li jkunu soġġetti għar-rata tad-dazju applikabbli għall-“importazzjonijiet l-oħra kollha li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina”. |
|
(291) |
Kumpanija tista’ titlob l-applikazzjoni ta’ dawn ir-rati tad-dazju anti-dumping individwali jekk sussegwentement tbiddel l-isem tal-entità tagħha. It-talba trid tkun indirizzata lill-Kummissjoni (27). It-talba jrid ikun fiha l-informazzjoni rilevanti kollha li turi li l-bidla ma taffettwax id-dritt tal-kumpanija li tibbenefika mir-rata tad-dazju li tapplika għaliha. Jekk il-bidla fl-isem tal-kumpanija ma taffettwax id-dritt tagħha li tibbenefika mir-rata tad-dazju li tapplika għaliha, jiġi ppubblikat regolament dwar il-bidla fl-isem f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. |
|
(292) |
Sabiex jiġu mminimizzati r-riskji ta’ ċirkomvenzjoni minħabba d-differenza fir-rati tad-dazju, hemm bżonn ta’ miżuri speċjali biex tiġi żgurata l-applikazzjoni xierqa tad-dazji anti-dumping individwali. L-applikazzjoni tad-dazji anti-dumping individwali hija applikabbli biss mal-preżentazzjoni ta’ fattura kummerċjali valida lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri. Il-fattura trid tikkonforma mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 1(3) ta’ dan ir-Regolament. Sakemm tiġi ppreżentata tali fattura, l-importazzjonijiet jenħtieġ li jkunu soġġetti għad-dazju anti-dumping applikabbli għall-“importazzjonijiet l-oħra kollha li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina”. |
|
(293) |
Filwaqt li l-preżentazzjoni ta’ din il-fattura hija meħtieġa biex l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri jkunu jistgħu japplikaw ir-rati tad-dazju anti-dumping individwali fuq l-importazzjonijiet, din mhijiex l-uniku element li għandu jitqies mill-awtoritajiet doganali. Tabilħaqq, anke jekk jiġu ppreżentati b’fattura li tissodisfa r-rekwiżiti kollha stabbiliti fl-Artikolu 1(3) ta’ dan ir-Regolament, l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri jenħtieġ li jwettqu l-kontrolli tas-soltu tagħhom u jistgħu, bħal fil-każijiet l-oħra kollha, jirrikjedu dokumenti addizzjonali (dokumenti dwar it-trasport fuq l-ilma, eċċ.) sabiex ikunu jistgħu jivverifikaw l-akkuratezza tad-dettalji li jkun hemm fid-dikjarazzjoni u biex jiżguraw li l-applikazzjoni sussegwenti tar-rata tad-dazju tkun ġustifikata, f’konformità mal-liġi doganali. |
|
(294) |
Jekk l-esportazzjonijiet minn waħda mill-kumpaniji li jibbenefikaw minn rati tad-dazju individwali aktar baxxi jiżdiedu b’mod sinifikanti fil-kwantità, b’mod partikolari wara l-impożizzjoni tal-miżuri kkonċernati, tali żieda fil-kwantità tista’ titqies li tikkostitwixxi fiha nnifisha bidla fix-xejra tal-kummerċ minħabba l-impożizzjoni ta’ miżuri skont it-tifsira tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku. F’ċirkostanzi bħal dawn, tista’ tinbeda investigazzjoni kontra ċ-ċirkomvenzjoni, dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet biex isir dan. Din l-investigazzjoni tista’ teżamina l-ħtieġa għat-tneħħija tar-rata/i tad-dazju individwali u l-impożizzjoni konsegwenti ta’ dazju għall-pajjiż kollu. |
|
(295) |
Sabiex jiġi żgurat infurzar xieraq tad-dazji anti-dumping, jenħtieġ li d-dazju anti-dumping għall-importazzjonijiet l-oħra kollha li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina ma japplikax biss għall-produtturi esportaturi li ma kkooperawx f’din l-investigazzjoni, iżda wkoll għall-produtturi li ma kellhomx esportazzjonijiet lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. |
|
(296) |
Jenħtieġ li l-produtturi esportaturi li ma esportawx il-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni jkunu jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni sabiex tkun soġġetta għar-rata tad-dazju anti-dumping għall-kumpaniji li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tilqa’ talba bħal din dment li jiġu ssodisfati tliet kundizzjonijiet. Il-produttur esportatur il-ġdid ikollu juri li: (i) ma esportax il-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni matul il-PI; (ii) mhuwiex relatat ma’ produttur esportatur li għamel dan; u (iii) esporta l-prodott ikkonċernat wara dan jew daħal f’obbligu kuntrattwali irrevokabbli sabiex jagħmel dan fi kwantitajiet sostanzjali. |
|
(297) |
Wara d-divulgazzjoni finali, EUROFER talbet, fir-rigward tal-premessa (294) hawn fuq, lill-Kummissjoni tiddikjara li se tiftaħ każ ta’ ċirkomvenzjoni bħal dan ex officio, peress li l-Kummissjoni għandha aċċess għad-data rilevanti kollha deskritta fil-premessa msemmija. |
|
(298) |
Min-naħa l-oħra, MPE tenniet it-talba tagħha biex il-Kummissjoni timmodula l-forma tad-dazji biex jitnaqqas l-impatt fuq l-utenti. |
|
(299) |
Fir-rigward tat-talba tal-EUROFER, il-Kummissjoni nnotat li hija ma tistax tippreżumi bidu ta’ kwalunkwe tip ta’ investigazzjoni futura fi ħdan qafas ta’ investigazzjoni li tkun għaddejja. Kif spjegat fil-premessa (294) hawn fuq, investigazzjoni kontra ċ-ċirkomvenzjoni tista’ tinbeda biss jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha tal-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku. Għall-kuntrarju tal-affermazzjoni tal-EUROFER, il-Kummissjoni ma tiġbor l-ebda data jew evidenza dwar il-prattika, il-proċess jew il-ħidma li għalihom ma hemmx raġuni valida jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti għajr l-impożizzjoni tad-dazju, kif meħtieġ mill-Artikolu 13. Kwalunkwe investigazzjoni potenzjali se tinbeda fuq il-merti tagħha stess. Għalhekk, it-talba ta’ EUROFER ġiet miċħuda. |
|
(300) |
Fir-rigward tat-talba ripetuta ta’ MPE biex tiġi modulata l-forma tad-dazji, filwaqt li l-Kummissjoni fittxet li ssib bilanċ xieraq bejn l-interessi tal-industriji Ewropej, ma ntweriex li l-modulazzjoni tal-forma tad-dazji tgħin lill-utenti f’dan il-każ. Kif spjegat fil-premessa (287) hawn fuq, il-prezzijiet tal-importazzjoni qed jonqsu wara l-perjodu ta’ investigazzjoni. It-tibdil tal-forma tad-dazji minn ad valorem għal dazji fissi jew għal prezz minimu tal-importazzjoni fil-fatt jagħmel l-importazzjonijiet saħansitra aktar għaljin mid-dazji ad valorem, għall-inqas fuq medda qasira ta’ żmien. |
8.3. Ġbir definittiv tad-dazji proviżorji
|
(301) |
Fid-dawl tal-marġnijiet tad-dumping li nstabu u minħabba l-livell tad-dannu kkawżat lill-industrija tal-Unjoni, jenħtieġ li l-ammonti ggarantiti permezz tad-dazji anti-dumping proviżorji, imposti bir-Regolament proviżorju, jinġabru b’mod definittiv sal-livelli stabbiliti skont dan ir-Regolament. |
8.4. Retroattività
|
(302) |
Kif imsemmi fit-taqsima 1.2 hawn fuq, il-Kummissjoni għamlet l-importazzjonijiet tal-prodott investigat soġġetti għal reġistrazzjoni. |
|
(303) |
Matul l-istadju definittiv tal-investigazzjoni, il-Kummissjoni analizzat jekk il-kriterji skont l-Artikolu 10(4) tar-Regolament bażiku ġewx issodisfati għall-ġbir retroattiv tad-dazji definittivi. |
|
(304) |
Il-Kummissjoni analizzat, abbażi tad-data ta’ Sorveljanza, jekk kienx hemm xi żieda sostanzjali ulterjuri fl-importazzjonijiet minbarra l-livell ta’ importazzjonijiet li kkawżaw dannu matul il-perjodu ta’ investigazzjoni, kif preskritt mill-Artikolu 10(4)(d) tar-Regolament bażiku. Għal din l-analiżi, il-Kummissjoni qabblet:
|
|
(305) |
L-ebda wieħed mill-erba’ paraguni deskritti hawn fuq ma wera żieda sostanzjali ulterjuri fl-importazzjonijiet minbarra l-livell tal-importazzjonijiet li kkawżaw dannu matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. |
|
(306) |
Konsegwentement, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-kundizzjonijiet għall-ġbir retroattiv ma ġewx issodisfati. |
9. DISPOŻIZZJONI FINALI
|
(307) |
Permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/159 (28), il-Kummissjoni imponiet miżura ta’ salvagwardja fir-rigward ta’ ċerti prodotti tal-azzar għal perjodu ta’ 3 snin. Permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/1782 (29), il-miżura ta’ salvagwardja ġiet estiża sat-30 ta’ Ġunju 2026. Il-prodott ikkonċernat huwa waħda mill-kategoriji ta’ prodotti koperti mill-miżura ta’ salvagwardja. Konsegwentement, ladarba jinqabżu l-kwoti tariffarji stabbiliti taħt il-miżura ta’ salvagwardja, id-dazju tariffarju ’l fuq mill-kwota u d-dazju anti-dumping isiru pagabbli fuq l-istess importazzjonijiet. Billi tali akkumulazzjoni ta’ miżuri anti-dumping b’miżuri ta’ salvagwardja tista’ twassal għal effett fuq il-kummerċ akbar milli mixtieq, il-Kummissjoni ddeċidiet li tipprevjeni l-applikazzjoni simultanja tad-dazju anti-dumping mad-dazju tariffarju ’l fuq mill-kwota għall-prodott ikkonċernat għad-durata tal-impożizzjoni tad-dazju ta’ salvagwardja. |
|
(308) |
Dan ifisser li meta d-dazju tariffarju ’l fuq mill-kwota msemmi fl-Artikolu 1(6) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/159 isir applikabbli għall-prodott ikkonċernat u jaqbeż il-livell tad-dazju anti-dumping skont dan ir-Regolament, għandu jinġabar biss id-dazju tariffarju ’l fuq mill-kwota msemmi fl-Artikolu 1(6) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/159. Matul il-perjodu ta’ applikazzjoni simultanja tad-dazju anti-dumping u ta’ salvagwardja, il-ġbir tad-dazji imposti skont dan ir-Regolament għandu jiġi sospiż. Fejn id-dazju tariffarju ’l fuq mill-kwota msemmi fl-Artikolu 1(6) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/159 isir applikabbli għall-prodott ikkonċernat u jkun stabbilit f’livell aktar baxx mil-livell tad-dazju anti-dumping f’dan ir-Regolament, id-dazju tariffarju ’l fuq mill-kwota msemmi fl-Artikolu 1(6) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/159 għandu jinġabar flimkien mad-differenza bejn dak id-dazju u l-ogħla mil-livell tad-dazju anti-dumping skont dan ir-Regolament. Il-parti tal-ammont tad-dazju anti-dumping mhux miġbur għandha tiġi sospiża. |
|
(309) |
Fid-dawl tal-Artikolu 109 tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (30), meta ammont jiġi rrimborżat wara sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-imgħax li jrid jitħallas jenħtieġ li jkun ir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament ewlenin tiegħu, kif ippubblikata fis-serje C ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, fl-ewwel jum kalendarju ta’ kull xahar. |
|
(310) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku. |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
1. Dazju anti-dumping proviżorju huwa impost fuq l-importazzjonijiet ta’ prodotti rrumblati ċatti tal-landa, tal-ħadid jew tal-azzar mhux illigat, stanjati, kemm jekk miksija b’materjal tal-plastik u/jew mogħtija l-verniċ kif ukoll jekk le, li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM 7210 11 00 , 7210 12 , ex 7210 70 , 7210 90 40 , ex 7210 90 80 , 7212 10 , u ex 7212 40 (TARIC codes 7210 70 10 15, 7210 70 80 20, 7210 70 80 92, 7210 90 80 20, 7212 40 20 10, 7212 40 80 12, 7212 40 80 30, 7212 40 80 80, u 7212 40 80 85) u li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.
2. Ir-rata tad-dazju anti-dumping definittiv applikabbli għall-prezz nett, ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, tal-prodotti deskritti fil-paragrafu 1 u prodotti mill-kumpaniji elenkati hawn taħt għandha tkun kif ġej:
|
Kumpanija |
Dazju anti-dumping definittiv |
Kodiċi addizzjonali TARIC |
||||
|
Baosteel Group:
|
13,1 % |
89LB |
||||
|
Shougang Jingtang United Iron & Steel Co., Ltd. |
46,8 % |
89LC |
||||
|
Kumpaniji oħra li kkooperaw elenkati fl-Anness |
24,6 % |
|
||||
|
L-importazzjonijiet l-oħra kollha li joriġinaw miċ-Ċina |
62,3 % |
8999 |
3. L-applikazzjoni tar-rati tad-dazju individwali speċifikati għall-kumpaniji msemmija fil-paragrafu 2 għandha ssir bil-kundizzjoni li tiġi ppreżentata fattura kummerċjali valida lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, li fuqha għandha tidher dikjarazzjoni datata u ffirmata minn uffiċjal tal-entità li toħroġ din il-fattura, identifikat b’ismu u l-kariga tiegħu, abbozzata kif ġej: “Jien, is-sottoskritt, niċċertifika li t-tunnellati ta’ prodotti stanjati mibjugħa sabiex jiġu esportati lejn l-Unjoni Ewropea u koperti minn din il-fattura ġew immanifatturati minn (isem il-kumpanija u l-indirizz tagħha) (kodiċi addizzjonali TARIC) fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. Jiena niddikjara li l-informazzjoni pprovduta f’din il-fattura hija kompluta u korretta.” Sakemm tiġi ppreżentata fattura bħal din, għandu japplika d-dazju applikabbli għall-importazzjonijiet l-oħra kollha li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.
4. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji doganali.
Artikolu 2
L-ammonti garantiti permezz tad-dazju anti-dumping proviżorju skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/81 li jimponi dazju anti-dumping proviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ prodotti rrumblati ċatti tal-ħadid jew tal-azzar mhux illigat, stanjati, kemm jekk miksija b’materjal tal-plastik u/jew mogħtija l-verniċ li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għandhom jinġabru b’mod definittiv. L-ammonti garantiti ogħla mir-rati definittivi tad-dazju anti-dumping għandhom jiġu rilaxxati.
Artikolu 3
L-Artikolu 1(2) jista’ jiġi emendat biex iżid produtturi esportaturi ġodda mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u jagħmilhom soġġetti għar-rata medja ponderata xierqa ta’ dazju anti-dumping għall-kumpaniji li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun. Produttur esportatur ġdid għandu jipprovdi evidenza li:
|
(a) |
ma esportax l-oġġetti deskritti fl-Artikolu 1(1) matul il-perjodu ta’ investigazzjoni (mill-1 ta’ April 2023 sal-31 ta’ Marzu 2024); |
|
(b) |
mhuwiex relatat ma’ esportatur jew produttur soġġett għall-miżuri imposti minn dan ir-Regolament, u li seta’ kkoopera fl-investigazzjoni oriġinali; u |
|
(c) |
effettivament esporta l-prodott ikkonċernat jew daħal f’obbligu kuntrattwali irrevokabbli sabiex jesporta kwantità sinifikanti lejn l-Unjoni wara t-tmiem tal-perjodu ta’ investigazzjoni. |
Artikolu 4
1. Meta d-dazju tariffarju ’l fuq mill-kwota msemmi fl-Artikolu 1(6) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/159 isir applikabbli għall-prodotti rrumblati ċatti tal-landa, tal-ħadid jew tal-azzar mhux illigat, miksijin jew stanjati, kemm jekk miksija b’materjal tal-plastik u/jew bil-verniċ kif ukoll jekk le, imsemmija fl-Artikolu 1(1), u jaqbeż id-dazju anti-dumping stabbilit fl-Artikolu 1(2), għandu jinġabar biss id-dazju tariffarju ’l fuq mill-kwota msemmi fl-Artikolu 1(6) tar-Regolament (UE) 2019/159.
2. Matul il-perjodu ta’ applikazzjoni tal-paragrafu 1, il-ġbir tad-dazji imposti skont dan ir-Regolament għandu jiġi sospiż.
3. Meta d-dazju tariffarju ’l fuq mill-kwota msemmi fl-Artikolu 1(6) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/159 isir applikabbli għall-prodotti rrumblati ċatti tal-landa, tal-ħadid jew tal-azzar mhux illigat, miksijin jew mgħottijin bil-landa, kemm jekk miksija b’materjal tal-plastik u/jew bil-verniċ kif ukoll jekk le, imsemmija fl-Artikolu 1(1), u huwa stabbilit f’livell aktar baxx mid-dazju anti-dumping stabbilit fl-Artikolu 1(2), id-dazju tariffarju ’l fuq mill-kwota msemmi fl-Artikolu 1(6) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/159 għandu jinġabar flimkien mad-differenza bejn dak id-dazju u d-dazju anti-dumping ogħla stabbilit fl-Artikolu 1(2).
4. Il-parti tal-ammont ta’ dazji anti-dumping mhux miġbura skont il-paragrafu 3 għandha tiġi sospiża.
5. Is-sospensjonijiet imsemmija fil-paragrafi 2 u 4 għandhom ikunu limitati fiż-żmien għall-perjodu tal-applikazzjoni tad-dazju tariffarju ’l fuq mill-kwota msemmi fl-Artikolu 1(6) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/159.
Artikolu 5
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Mejju 2025.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.
(2) ĠU C, C/2024/3112, 16.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/3112/oj.
(3) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2731 tal-24 ta’ Ottubru 2024 li jagħmel l-importazzjonijiet ta’ prodotti rrumblati ċatti tal-landa, tal-ħadid jew tal-azzar mhux illigat indurati jew mgħottijin bil-landa li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina soġġetti għar-reġistrazzjoni (ĠU L, 2024/2731, 25.10.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/2731/oj).
(4) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/81 tat-13 ta’ Jannar 2025 li jimponi dazju anti-dumping proviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ prodotti rrumblati ċatti tal-ħadid jew tal-azzar mhux illigat, stanjati li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L, 2025/81, 14.1.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/81/oj).
(5) US — Anti-Dumping and Countervailing Duties (China), ir-Rapport tal-Korp tal-Appell, para. 354.
(6) http://www.cmr-co.com/ (aċċessat l-aħħar fit-28 ta’ Frar 2025).
(7) https://gmk.center/en/news/chinas-new-state-owned-company-has-begun-negotiations-with-major-iron-ore-suppliers/#:~:text=China%20Mineral%20Resources%20Group%20(CMRG,materials%20for%20the%20next%20year (aċċessat l-aħħar fit-28 ta’ Frar 2025).
(8) http://www.sasac.gov.cn/n2588030/n2588924/c25601477/content.html (aċċessat l-aħħar fit-28 ta’ Frar 2025).
(9) http://www.cmr-co.com/whoWeAre (aċċessat l-aħħar fit-28 ta’ Frar 2025).
(10) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/2247 tal-15 ta’ Novembru 2022 li jimponi dazju anti-dumping definittiv u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ prodotti tal-azzar miksija bil-kromu elettrolitiku li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Brażil (ĠU L 295, 16.11.2022, p. 7), il-premessi (61) sa (62).
(11) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/58 tal-14 ta’ Jannar 2022 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti b’vina parallela rrumblati ċatt ta’ azzar elettriku bis-siliċju li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, mill-Ġappun, mir-Repubblika tal-Korea, mill-Federazzjoni Russa u mill-Istati Uniti tal-Amerka wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 10, 17.1.2022, p. 17), il-premessi (138) sa (141).
(12) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/802 tal-20 ta’ Mejju 2022 li jimponi dazju anti-dumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ prodotti tal-azzar miksija bil-kromu elettrolitiku li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Brażil (ĠU L 143, 23.5.2022, p. 11), Tabella 2.
(13) https://leadersteel.my/wp-content/uploads/2024/05/LEAS02-Annual-Report-2023.pdf.
(14) Ir-Rapport tal-Korp tal-Appell, United States – Anti-Dumping Measures on Certain Hot-Rolled Steel Products from Japan, WT/DS184/AB/R, adottat fl-24 ta’ Lulju 2001, il-paragrafi 204–207.
(15) Ibid., il-paragrafu 204.
(16) Ara: https://libertysteelgroup.com/liberty-triggers-strategic-review-of-western-european-downstream-businesses/ (l-aħħar żjara saret: fl-10 ta’ Marzu 2025).
(17) Ara: https://www.steelradar.com/en/haber/acciaierie-ditalia-produced-3-million-steels-in-2023/ (l-aħħar żjara saret: fl-10 ta’ Marzu 2025).
(18) ĠU C, C/2024/3112, 16.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/3112/oj.
(19) Filwaqt li pubblikazzjonijiet aktar reċenti jissuġġerixxu li Acciaierie qed tippjana li żżid il-produzzjoni fl-2025, ara https://eurometal.net/acciaierie-ditalia-to-increase-taranto-production-this-year/ (l-aħħar żjara saret: fl-10 ta’ Marzu 2025).
(20) Ara, fost oħrajn, il-premessi (265), (266) u (311) tar-Regolament proviżorju.
(21) Ara, fost oħrajn, il-premessi (235), (300) u (323) tar-Regolament proviżorju.
(22) Ara l-premessa (329) tar-Regolament proviżorju.
(23) Ara, fost oħrajn, il-premessi (248), (249), (298), u (371), kif ukoll it-Taqsima 5.2.4. kollha tar-Regolament proviżorju.
(24) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/1782 tal-24 ta’ Ġunju 2024 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/159, inkluż l-estensjoni tad-data ta’ skadenza tas-salvagwardja kontra l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-azzar,C/2024/4200 (ĠU L, 2024/1782, 25.6.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/1782/oj).
(25) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/2247.
(26) https://www.delmontefoods.in/our-culture (aċċessat l-aħħar fil-11 ta’ Marzu 2025).
(27) Indirizz tal-posta elettronika: TRADE-TDI-NAME-CHANGE-REQUESTS@ec.europa.eu; European Commission, Directorate-General for Trade, Directorate G, Rue de la Loi/Wetstraat 170, 1040 Bruxelles/Brussel, BELGIQUE/BELGIË.
(28) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/159 tal-31 ta’ Jannar 2019 li jimponi miżuri definittivi ta’ salvagwardja kontra l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-azzar (ĠU L 31, 1.2.2019, p. 27).
(29) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/1782 tal-24 ta’ Ġunju 2024 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/159, inkluż l-estensjoni tad-data ta’ skadenza tas-salvagwardja kontra l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-azzar (ĠU L, 2024,/1782, 25.6.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/1782/oj).
(30) Ir-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2024 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L, 2024/2509, 26.9.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/2509/oj).
ANNESS
Produtturi esportaturi Ċiniżi li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun
|
Isem il-Kumpanija |
Kodiċi addizzjonali TARIC |
|
Jiangsu Youfu Sheet Technology Co., Ltd. |
89LD |
|
Hesteel Group Hengshui Strip Processing Co., Ltd. u Handan Steel Group Hengshui Cold Rolling Steel Co., Ltd. |
89LE |
|
Handan Jintai Packing Material Co., Ltd. |
89LF |
|
Jiangsu Suxun New Material Co., Ltd. |
89LG |
|
Jiangyin Comat Metal Products Co., Ltd. |
89LH |
|
GDH Zhongyue (Qinhuangdao) Tinplate Industrial Co., Ltd. u GDH Zhongyue (Zhongshan) Tinplate Industry Co., Ltd. |
89LI |
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/1042/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)