IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 16.7.2020
COM(2020) 321 final
ANNESS
tad-
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
li temenda d-Deċiżjoni 2003/77/KE li tistabbilixxi linji gwida finanzjarji multiannwali għall-amministrazzjoni tal-assi tal-KEFA f’likwidazzjoni u, mat-twettiq tal-likwidazzjoni, l-Assi tal-Fond ta’ Riċerka għall-Faħam u l-Azzar
ANNESS
Linji gwida finanzjarji multiannwali għall-amministrazzjoni tal-assi tal-KEFA f’likwidazzjoni u, mat-twettiq tal-likwidazzjoni, l-Assi tal-Fond ta’ Riċerka għall-Faħam u l-Azzar
1.UŻU TAL-FONDI
L-assi tal-KEFA f’likwidazzjoni, inklużi kemm il-portafoll ta’ self tagħha u l-investimenti tagħha, għandhom jintużaw kif meħtieġ biex jiġu ssodisfati l-obbligazzjonijiet li jifdal tal-KEFA, f’termini ta’ self pendenti, tal-impenji tagħha li jirriżultaw mill-baġits operattivi preċedenti, u kull obbligazzjoni li ma hijiex prevista.
Sal-limitu li l-assi tal-KEFA f’likwidazzjoni u, mat-twettiq tal-likwidazzjoni, l-assi tal-Fond ta’ Riċerka għall-Faħam u l-Azzar ma jkunux meħtieġa sabiex jiġu ssodisfati l-obbligazzjonijiet kif deskritti fl-ewwel subparagrafu, dawk l-assi għandhom jiġu investiti b’mod prudenti f’konformità mal-orizzont tal-investiment magħżul biex jinkisbu redditi li jistgħu jintużaw biex tkompli tiġi ffinanzjata r-riċerka fis-setturi relatati mal-industrija tal-faħam u tal-azzar.
L-assi tal-KEFA f’likwidazzjoni u, mat-twettiq tal-likwidazzjoni, l-assi tal-Fond ta’ Riċerka għall-Faħam u l-Azzar għandhom jintużaw biex jipprovdu pagamenti annwali fil-limiti tal-allokazzjoni annwali ta’ EUR [111-il miljun] għar-riċerka fis-setturi relatati mal-industrija tal-faħam u tal-azzar. Dawk il-pagamenti għandhom jiġu ġġenerati mid-dħul nett mill-investimenti. Fejn dak id-dħul nett ikun insuffiċjenti biex tiġi onorata l-allokazzjoni annwali, dan għandu jiġu ssupplimentat bir-rikavati ġġenerati mill-bejgħ ta’ parti mill-assi tal-KEFA f’likwidazzjoni u, mat-twettiq tal-likwidazzjoni, l-assi tal-Fond ta’ Riċerka għall-Faħam u l-Azzar. Wara l-2027, l-Assi tal-Fond ta’ Riċerka għall-Faħam u l-Azzar għandhom jiġu investiti b’tali mod li jipprovdu dħul li jista’ jintuża biex tiġi ffinanzjata l-kontinwazzjoni tar-riċerka fis-setturi relatati mal-industrija tal-faħam u tal-azzar.
2.ORIZZONT TAL-INVESTIMENT, OBJETTIV U TOLLERANZA TAR-RISKJU
L-assi tal-KEFA f’likwidazzjoni u, mat-twettiq tal-likwidazzjoni, l-assi tal-Fond ta’ Riċerka għall-Faħam u l-Azzar, għandhom jiġu investiti bl-objettiv li jiġi ppreservat u, fejn possibbli, jittejjeb il-valur ta’ dawk l-assi (l-“objettiv tal-investiment”). L-objettiv tal-investiment għandu jiġi segwit matul l-orizzont tal-investiment, u jitwassal b’livell ta’ affidabbiltà għoli.
L-assi għandhom jiġu amministrati f’konformità mar-regoli prudenzjali u mal-prinċipju tal-ġestjoni finanzjarja tajba u f’konformità mar-regoli u mal-proċeduri stabbiliti mill-Uffiċjal tal-Kontabbiltà tal-Kummissjoni.
L-objettiv tal-investiment għandu jkun moqdi permezz tal-implimentazzjoni ta’ strateġija tal-investiment prudenti fuq il-bażi ta’ grad għoli ta’ diversifikazzjoni fost il-klassijiet tal-assi eliġibbli, żoni ġeografiċi, emittenti u maturitajiet (l-“istrateġija tal-investiment”). L-istrateġija tal-investiment għandha tiġi stipulata billi jitqies l-orizzont tal-investiment u b’mod li jiġi żgurat li l-fondi neċessarji jkunu disponibbli f’forma likwida biżżejjed kif u meta meħtieġ.
L-istrateġija tal-investiment għandha tiġi espressa fil-forma ta’ allokazzjoni strateġika tal-assi, li għandha tistabbilixxi l-allokazzjonijiet indikattivi fil-mira għal kategoriji differenti ta’ assi finanzjarji eliġibbli.
Il-Kummissjoni għandha tirrifletti l-allokazzjoni strateġika tal-assi f’parametru referenzjarju strateġiku (il-“parametru referenzjarju”), li miegħu għandha titqabbel il-prestazzjoni tal-assi tal-KEFA f’likwidazzjoni u, mat-twettiq tal-likwidazzjoni, tal-assi tal-Fond ta’ Riċerka għall-Faħam u l-Azzar.
L-istrateġija tal-investiment u l-parametru referenzjarju għandhom jiġu proposti mill-Kummissjoni u maqbula mal-Uffiċjal tal-Kontabbiltà tal-Kummissjoni, wara konsultazzjoni mal-uffiċjali awtorizzanti b’delega tal-Kummissjoni.
L-istrateġija tal-investiment u l-parametru referenzjarju jistgħu jiġu mmodifikati mill-Kummissjoni f’każ ta’ bidla debitament ddokumentata u motivata fil-kundizzjonijiet ekonomiċi, bidla sostanzjali fil-ħtiġijiet u fis-sitwazzjoni tal-istrumenti ta’ kontribuzzjoni jew ta’ bidla sinifikanti fl-istimi tal-flussi tad-dħul / tal-ħruġ. Il-proċedura għal modifika tal-istrateġija ta’ investiment għandha tkun l-istess bħal dik għall-adozzjoni inizjali tagħha.
L-istrateġija tal-investiment għandha tiġi stabbilita filwaqt li jitqies l-orizzont tal-investiment u t-tolleranza tar-riskju tal-assi tal-KEFA f’likwidazzjoni u, mat-twettiq tal-likwidazzjoni, tal-assi tal-Fond ta’ Riċerka għall-Faħam u l-Azzar.
3.PRINĊIPJI TAL-ALLOKAZZJONI TAL-ASSI U INVESTIMENTI ELIĠIBBLI
Għandha tiġi żgurata diversifikazzjoni suffiċjenti fost il-klassijiet tal-assi kollha biex jonqsu r-riskji ta’ investiment. Fil-prinċipju, aktar ma assi jkun riskjuż u / jew inqas ma jkun likwidu, jenħtieġ li inqas tkun ikkonċentrata l-iskopertura.
L-iskopertura għall-klassijiet tal-assi differenti tista’ tinkiseb ukoll permezz ta’ investimenti f’impriżi ta’ investiment kollettiv jew fi prodotti negozjati fil-borża.
L-assi tal-KEFA f’likwidazzjoni u, mat-twettiq tal-likwidazzjoni, l-assi tal-Fond ta’ Riċerka għall-Faħam u l-Azzar għandhom ikunu investiti biss fil-prodotti li ġejjin:
(a)
assi tas-suq monetarju ddenominati f’euro;
(b)
titoli b’introjtu fiss, u;
(c)
investimenti kollettivi regolati f’dejn u ekwità.
L-assi tal-KEFA f’likwidazzjoni u, mat-twettiq tal-likwidazzjoni, l-assi tal-Fond ta’ Riċerka għall-Faħam u l-Azzar għandhom jiksbu skopertura għall-klassijiet tal-assi msemmija fis-subparagrafu preċedenti permezz ta’ investiment fl-istrumenti li ġejjin jew b’involviment fl-operazzjonijiet li ġejjin:
(a)
depożiti;
(b)
strumenti tas-suq monetarju u fondi tas-suq monetarju li joffru likwidità ta’ kuljum, regolati bir-Regolament (UE) 2017/1131 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;
(c)
strumenti ta’ dejn, bħal bonds, kambjali tat-teżor u obbligazzjonijiet, u strumenti titolizzati skont il-kriterji Sempliċi, Trasparenti u Standardizzati (STS) stabbiliti fir-Regolament (UE) 2017/2402 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;
(d)
impriżi ta’ investiment kollettiv koperti mid-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jinkludu fondi negozjati fil-borża li jinvestu f’ekwità jew fi strumenti ta’ dejn fejn it-telf massimu ma jistax jaqbeż l-ammonti investiti;
(e)
ftehimiet ta’ riakkwist f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 212(2) tar-Regolament Finanzjarju;
(f)
ftehimiet ta’ riakkwist invers;
(g)
operazzjonijiet ta’ self ta’ titoli b’sistemi tal-ikklirjar rikonoxxuti bħal Clearstream u Euroclear, jew ma’ istituzzjonijiet finanzjarji ewlenin li jispeċjalizzaw f’dawn it-tip ta’ operazzjonijiet.
Derivattivi, fil-forma ta’ kuntratti forward u tal-futuri u swaps, għandhom jintużaw biss għall-finijiet ta’ mmaniġġjar effiċjenti tal-portafoll u mhux għal skopijiet ta’ spekulazzjoni jew ingranaġġ ta’ pożizzjonijiet. Dawn id-derivattivi jistgħu jintużaw għall-aġġustament tad-durata, għall-mitigazzjoni tar-riskju ta’ kreditu jew ta’ riskji rilevanti oħra jew għal bidliet fl-allokazzjoni tal-assi b’mod konsistenti mal-politika ta’ investiment.
L-assi tal-KEFA f’likwidazzjoni u, mat-twettiq tal-likwidazzjoni, l-assi tal-Fond ta’ Riċerka għall-Faħam u l-Azzar jistgħu jiġu investiti f’bonds likwidi ħafna denominati f’dollari Amerikani maħruġa minn entitajiet sovrani u supranazzjonali unikament għall-finijiet ta’ diversifikazzjoni u skopertura għal kurva ta’ rata tal-imgħax oħra. Kwalunkwe riskju tal-kambju għandu jiġi ħħeġġjat billi jintużaw kif xieraq swaps jew strumenti oħra għal iħħeġġjar tas-suq tal-muniti barranin, kif speċifikat fis-subparagrafu preċedenti.
Il-Kummissjoni tista’, bil-qbil tal-Uffiċjal tal-Kontabbiltà, tkabbar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-investimenti eliġibbli biex tinkludi klassijiet tal-assi u operazzjonijiet tal-investiment oħra konsistenti mal-istrateġija u mal-objettivi tal-investiment, kif ukoll muniti ta’ ekonomiji avvanzati oħra, kif elenkati minn żmien għal żmien mill-Fond Monetarju Internazzjonali u soġġetti għall-iħħeġġjar tar-riskju tal-kambju. Kull deċiżjoni dwar l-inklużjoni ta’ klassijiet tal-assi, operazzjonijiet tal-investiment jew muniti ta’ ekonomiji avvanzati ġodda għandha tkun sostnuta minn ġustifikazzjoni sostanzjata għal kull klassi tal-assi, operazzjoni jew munita, dwar kif it-tkabbir tal-possibbiltajiet tal-investiment se jtejjeb il-prestazzjoni tar-riskju / redditu tal-assi tal-KEFA f’likwidazzjoni u, mat-twettiq tal-likwidazzjoni, l-assi tal-Fond ta’ Riċerka għall-Faħam u l-Azzar. Din il-ġustifikazzjoni għandha tinkludi valutazzjoni tal-kapaċitajiet operazzjonali meħtieġa biex jiġu appoġġati dawn il-possibbiltajiet ġodda ta’ investiment.
4.KUNSIDERAZZJONIJIET AMBJENTALI, SOĊJALI, TA’ GOVERNANZA U MORALI
Għandhom japplikaw il-kriterji ambjentali, soċjali u ta’ governanza li ġejjin:
(a)
l-investimenti tal-assi tal-KEFA f’likwidazzjoni u, mat-twettiq tal-likwidazzjoni, tal-assi tal-Fond ta’ Riċerka għall-Faħam u l-Azzar għandhom jiġu implimentati skont l-objettiv ta’ politika tal-Unjoni li trawwem il-finanzjament sostenibbli u l-ġustizzja soċjali sa fejn ikun konsistenti mal-preservazzjoni tal-kapital tal-assi;
(b)
l-implimentazzjoni tal-politika tal-investiment għandha tikkonforma mal-leġiżlazzjoni rilevanti kollha li tippromwovi l-istrumenti finanzjarji ambjentali, soċjali u ta’ governanza (ESG) u għandha tirrispetta l-istandards, is-sistemi, il-kriterji u l-proċessi rilevanti stabbiliti fil-qafas regolatorju tal-Unjoni;
(c)
il-Kummissjoni tista’ tikkonsulta lill-Grupp ta’ Esperti Tekniċi tal-UE dwar il-Finanzjament Sostenibbli, jew is-suċċessur tiegħu, dwar l-implimentazzjoni tal-fatturi ESG fl-istrateġija tal-investiment għall-assi tal-KEFA f’likwidazzjoni u, mat-twettiq tal-likwidazzjoni, l-assi tal-Fond ta’ Riċerka għall-Faħam u l-Azzar.
(d)
il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-profil ESG tal-assi tal-KEFA f’likwidazzjoni u, mat-twettiq tal-likwidazzjoni, l-assi tal-Fond ta’ Riċerka għall-Faħam u l-Azzar, u tirrapporta dwaru fir-rapport annwali msemmi fil-punt 7 (Proċeduri ta’ Ġestjoni).
Minħabba raġunijiet etiċi jew morali huma esklużi l-investimenti fl-attivitajiet li jidhru fil-lista li ġejja:
(a)
investimenti f’titoli maħruġa minn entitajiet li, skont l-informazzjoni li jkollha l-Kummissjoni, ikunu nstabu, skont sentenza finali jew deċiżjoni amministrattiva finali, li huma involuti f’xi waħda mill-attivitajiet li ġejjin:
(i). attivitajiet meqjusa bħala illegali jew ipprojbiti minħabba raġunijiet etiċi jew morali fil-qafas regolatorju tal-Unjoni u skont il-konvenzjonijiet u l-ftehimiet internazzjonali;
(ii). attivitajiet relatati mal-iżvilupp, mal-produzzjoni u mal-kummerċ ta’ munizzjon jew armi li huma pprojbiti mil-liġi internazzjonali applikabbli.
(b)
investimenti f’titoli maħruġa minn impriżi li, skont l-informazzjoni li jkollha l-Kummissjoni, jiġġeneraw aktar minn 25 % tad-dħul annwali globali tagħhom mill-attivitajiet elenkati hawn taħt:
(i). attivitajiet ta’ logħob tal-azzard (produzzjoni, kostruzzjoni, distribuzzjoni, ipproċessar, kummerċ jew attivitajiet relatati mas-software);
(ii). prodotti u attivitajiet relatati mat-tabakk (produzzjoni, distribuzzjoni, ipproċessar u kummerċ);
(iii). kummerċ tas-sess u infrastrutturi, servizzi u midja relatati.
5.TRASFERIMENT GĦALL-BAĠIT TAL-UNJONI EWROPEA
Id-dħul nett mill-investimenti tal-assi tal-KEFA f’likwidazzjoni u, mat-twettiq tal-likwidazzjoni, tal-assi tal-Fond ta’ Riċerka għall-Faħam u l-Azzar, u r-rikavati ġġenerati mill-bejgħ ta’ parti mill-assi, se jiġu impenjati għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea bħala dħul iddedikat u se jiġu ttrasferiti mill-KEFA f’likwidazzjoni u, mat-twettiq tal-likwidazzjoni, mill-assi tal-Fond ta’ Riċerka għall-Faħam u l-Azzar meta meħtieġ biex jiġu ssodisfati l-obbligazzjonijiet mil-linja baġitarja diretta lejn il-programmi ta’ riċerka għas-setturi relatati mal-industrija tal-faħam u tal-azzar.
6.KONTABBILTÀ
L-amministrazzjoni tal-fondi għandha tkun spjegata fil-kontijiet annwali tal-KEFA f’likwidazzjoni u, mat-twettiq tal-likwidazzjoni, l-Assi tal-Fond ta’ Riċerka għall-Faħam u l-Azzar. Dawn għandhom ikunu bbażati fuq u ppreżentati skont ir-Regoli tal-Kontabbiltà tal-Kummissjoni kif adottati mill-Uffiċjal tal-Kontabbiltà tal-Kummissjoni, b’kont meħud tan-natura speċifika tal-KEFA f’likwidazzjoni u, mat-twettiq tal-likwidazzjoni, l-Assi tal-Fond ta’ Riċerka għall-Faħam u l-Azzar. Il-kontijiet ikunu approvati mill-Kummissjoni u eżaminati mill-Qorti tal-Awdituri. Il-Kummissjoni għandha tqabbad ditti esterni biex iwettqu verifika annwali tal-kontijiet tagħha.
7.PROĊEDURI TA’ ĠESTJONI
Il-Kummissjoni għandha twettaq, fir-rigward tal-KEFA f’likwidazzjoni u, mat-twettiq tal-likwidazzjoni, l-assi tal-Fond ta’ Riċerka għall-Faħam u l-Azzar, l-operazzjonijiet ta’ ġestjoni hawn fuq imsemmija skont dawn il-linji gwida u skont ir-regoli interni u l-proċeduri fis-seħħ għall-KEFA fil-mument tax-xoljiment tagħha jew kif modifikati wara.
Kull sena għandu jitfassal rapport dettaljat dwar l-operazzjonijiet ta’ ġestjoni mwettqa skont dawn il-linji gwida finanzjarji u jintbagħat lill-Istati Membri. Fir-rapport annwali, il-Kummissjoni għandha tinkludi informazzjoni dwar l-użu tal-klassijiet tal-assi differenti, dwar ir-raġunijiet għall-għażla tagħha li tinvesti fi klassijiet speċifiċi tal-assi u dwar il-prestazzjonijiet osservati f’kull klassi tal-assi.