SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

19 ta’ Ġunju 2025 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 93/13/KEE – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Artikolu 7(1) – Kuntratt ta’ self ipotekarju ddenominat f’munita barranija li jinkludi klawżoli inġusti – Effetti tal-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola – Nullità ta’ dan il-kuntratt – Ħlas lura mill-konsumatur tal-ammont tas-self miksub bis-saħħa ta’ kuntratt null indipendentement mir-rimborsi mwettqa – Effett dissważiv tal-projbizzjoni ta’ klawżoli inġusti – Kunsens tal-konsumatur għat-talba għal ħlas lura – Obbligu tal-qorti nazzjonali li tagħti lis-sentenza ta’ kundanna s-saħħa eżekuttiva immedjata”

Fil-Kawża C‑396/24 [Lubreczlik] ( i ),

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Okręgowy w Krakowie (il‑Qorti Reġjonali ta’ Kraków, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ April 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑6 ta’ Ġunju 2024, fil-proċedura

mBank S.A.,

vs

BL,

CY,

u

PU,

QS,

vs

mBank S.A.,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

komposta minn N. Jääskinen, President tal-Awla, A. Arabadjiev u R. Frendo (Relatriċi), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: R. Norkus,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għal PU u QS, minn P. Dagiel, radca prawny,

–

għal mBank S.A., minn A. Cudna-Wagner, radca prawny, u B. Miąskiewicz, adwokat,

–

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Kienapfel u M. Owsiany-Hornung, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal‑Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288, rettifika fil-ĠU 2023, L 17, p. 100).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ żewġ tilwimiet bejn, rispettivament, mBank S.A., minn naħa, u BL u CY, min-naħa l-oħra, u PU u QS, minn naħa, u mBank S.A., min-naħa l-oħra, dwar talbiet għall-ħlas lura tas-somom imħallsa b’eżekuzzjoni ta’ kuntratti ta’ self reżi invalidi minħabba l-preżenza ta’ klawżoli inġusti.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.”

4

Skont l-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.”

Id‑dritt Pollakk

Il-Kodiċi Ċivili

5

L-Artikolu 58(1) tal-Ustawa – Kodeks cywilny (il-Liġi dwar il-Kodiċi Ċivili), tat‑23 ta’ April 1964 (Dz. U. tal‑1964, Nru 16, intestatura 93), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Ċivili”), jipprevedi li att ġuridiku li jmur kontra l-liġi jew li huwa maħsub sabiex jevita l-liġi huwa null u bla effett, sakemm dispożizzjoni rilevanti ma tipprovdix mod ieħor, b’mod partikolari ma tipprovdix li d-dispożizzjonijiet invalidi tal-att ġuridiku jiġu ssostitwiti bid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi.

6

Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 3851, tal-Kodiċi Ċivili, il-klawżoli ta’ kuntratt konkluż ma’ konsumatur li ma jkunux ġew innegozjati b’mod individwali ma jorbtux lill-konsumatur meta dawn jiddefinixxu d-drittijiet u l-obbligi tiegħu b’mod li jmur kontra l-prattika tajba, billi jiksru manifestament l-interessi tiegħu.

7

L-Artikolu 405 ta’ dan il-kodiċi jipprovdi:

“Kull persuna li, mingħajr bażi legali, tikseb vantaġġ finanzjarju bi spejjeż għal persuna oħra hija meħtieġa li tagħti lura dan il-vantaġġ in natura u, fejn dan ma jkunx possibbli, li tħallas lura l-valur tiegħu.”

8

L-Artikolu 410 tal-imsemmi kodiċi jipprevedi:

“1.   Id-dispożizzjonijiet tal-artikoli preċedenti japplikaw b’mod partikolari fil-każ tal-indebitu.

“2.   Prestazzjoni tkun indebita jekk il-persuna li pprovditha ma kellha l-ebda obbligu li tipprovdiha jew ma kellha l-ebda obbligu li tipprovdiha lill-persuna pprovduta, jekk il-bażi għal din il-prestazzjoni tkun sparixxiet, jekk l-iskop previst mill-imsemmija prestazzjoni ma jkunx intlaħaq jew jekk l-att ġuridiku li din il-prestazzjoni tirrikjedi jkun null u ma jkunx sar validu wara li din tal-aħħar tkun ġiet ipprovduta.”

9

L-Artikolu 498 ta’ dan il-kodiċi jipprovdi:

“1.   Meta żewġ persuni jkunu simultanjament u reċiprokament debituri u kredituri, kull waħda minnhom tista’ twettaq tpaċija bejn il-kreditu tagħha u dak tal-parti l-oħra jekk iż-żewġ krediti jkunu relatati ma’ flus jew oġġetti tal-istess natura indikati biss mill-ġeneru tagħhom, jekk iż-żewġ krediti jkunu dovuti u jistgħu jiġu invokati quddiem qorti jew awtorità oħra tal-Istat.

2.   Bl-effett tat-tpaċija, iż-żewġ krediti jiġu paċuti sal-ammont tal-kreditu l-inqas għoli.”

10

L-Artikolu 499 tal-Kodiċi Ċivili jipprevedi:

“It-tpaċija għandha ssir permezz ta’ dikjarazzjoni lill-parti l-oħra. Id-dikjarazzjoni jkollha effett retroattiv mill-mument li fih it-tpaċija tkun saret possibbli.”

Il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili

11

L-Artikolu 98 tal-Ustawa Kodeks postępowania cywilnego (il-Liġi dwar il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili), tas‑17 ta’ Novembru 1964 (Dz. U. tal‑2023, intestatura 1550), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili”), jipprevedi:

“Il-parti telliefa għandha tirrimborsa lill-parti avversarja, fuq talba tagħha, l-ispejjeż neċessarji sabiex tinvoka b’mod utli d-drittijiet tagħha jew sabiex tiddefendi ruħha b’mod utli (spejjeż).”

12

Skont l-Artikolu 102 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili:

“F’każijiet partikolarment iġġustifikati, il-qorti tista’ tordna li l-parti li titlef tħallas biss parti mill-ispejjeż jew li ma tħallas ebda spejjeż.”

13

L-Artikolu 2031 ta’ dan il-kodiċi jipprovdi, fil-paragrafi 2 u 3 tiegħu:

“2.   Il-konvenut jista’ jitlob tpaċija mhux iktar tard mill-preżentata ta’ tilwima fil-mertu jew fi żmien ġimagħtejn mid-data li fiha l-kreditu tiegħu jkun sar dovut.

3.   Tpaċija tista’ tiġi invokata biss f’att proċedurali. Ir-regoli dwar it-tressiq ta’ kawżi għandhom japplikaw mutatis mutandis għal dan l-att, ħlief għar-regoli dwar l-ispejjeż.”

14

L-Artikolu 320 tal-imsemmi kodiċi jipprevedi:

“F’każijiet partikolarment iġġustifikati, il-qorti tista’ tqassam il-prestazzjoni li l-konvenut ikun ġie ordnat iwettaq f’diversi pagamenti mensili u, f’każijiet ta’ kunsinna ta’ proprjetà immobbli jew evakwazzjoni ta’ bini, tistabbilixxi data xierqa għat-twettiq ta’ din il-prestazzjoni.”

15

L-Artikolu 333 tal-istess kodiċi jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-qorti għandha tikkonstata ex officio li s-sentenza tkun immedjatament eżekuttiva fil-każ li:

[…]

2)

tawtorizza prestazzjoni li għaliha l-konvenut ikun ta l-kunsens tiegħu;

[…]”

16

Skont l-Artikolu 334(1) u (2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili:

“1.   Il-qorti tista’ tissuġġetta n-natura immedjatament eżekuttiva ta’ sentenza għall-kundizzjoni li r-rikorrent jikkostitwixxi garanzija xierqa.

2.   Il-garanzija tista’ tikkonsisti wkoll f’li wieħed jastjeni milli jagħti lir-rikorrent oġġetti maqbuda mingħand il-konvenut jew somom ta’ flus wara l-eżekuzzjoni tagħhom, jew li wieħed jastjeni milli jbigħ proprjetà mobbli maqbuda.”

17

L-Artikolu 335(1) ta’ dan il-kodiċi jipprovdi:

“Il-qorti ma għandhiex tiddikjara n-natura eżekuttiva tas-sentenza tagħha, anki jekk tinkludi garanzija, fil-każ li l-eżekuzzjoni tas-sentenza tista’ twassal għal dannu irreparabbli għall-konvenut. […]”

Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

18

Iż-żewġ kawżi prinċipali, magħquda flimkien mis-Sąd Okręgowy w Krakowie (il-Qorti Reġjonali ta’ Kraków, il-Polonja), li hija l-qorti tar-rinviju, għandhom bħala oriġini tagħhom żewġ kuntratti ta’ self ipotekarju konklużi minn konsumaturi, tal-ewwel, minn BL u CY u, tat-tieni, minn PU u QS.

19

Fir-rigward tal-ewwel kawża, dik il-qorti tindika li BRE Bank S.A., li s-suċċessur tagħha hija mBank, kienet ikkonkludiet matul is-sena 2007 ma’ BL u CY kuntratt ta’ self ipotekarju ddenominat fuq ir-rata ta’ kambju tal-frank Svizzeru, li jirrigwarda ammont ta’ 493 770.02 zlote Polokki (PLN) (madwar EUR 115500). BL u CY ħallsu lura ammont totali ta’ PLN 1052 843.95 (madwar EUR 247054), b’mod li ħallsu, matul is-sena 2016, rimbors antiċipat tas-self. Matul ix-xahar ta’ Novembru 2020, huma adixxew lill-imsemmija qorti b’talba għal ħlas diretta kontra mBank għal ammont ta’ PLN 571 740.41 (madwar EUR 133700), flimkien mal-interessi moratorji legali mid-data tal-preżentata tal-kawża sad-data tal-ħlas, billi sostnew, b’mod partikolari, in-natura illegali tal-klawżoli dwar il-pagamenti essenzjali elenkati fil-kuntratt.

20

Il-qorti tar-rinviju kkundannat, b’sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2022, lil mBank tħallas lil BL u lil CY is-somma mitluba, flimkien mal-interessi moratorji legali.

21

Sussegwentement, mBank ressqet azzjoni quddiem dik il-qorti intiża, skontha, li ssolvi l-kwistjonijiet kontenzjużi mqajma fil-kuntest tal-ilment ibbażat fuq in-nullità tal-kuntratt u li ma setgħux jiġu solvuti fil-kuntest tal-proċedura mibdija minn BL u CY. Hija talbet li BL u CY jiġu kkundannati jħallsuha s-somma ta’ PLN 493 770.02 (madwar EUR 115500), flimkien mal-interessi moratorji legali.

22

Fit-tieni kawża, PU u QS ressqu, matul ix-xahar ta’ Diċembru 2023, azzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju kontra mBank maħsuba sabiex tiġi kkonstatata n-natura inġusta ta’ ċerti klawżoli tal-kuntratt ta’ self ipotekarju ddenominat fuq ir-rata ta’ kambju tal-frank Svizzeru kif ukoll in-nullità ta’ dan il-kuntratt u sabiex jitolbu, konsegwentement, ir-rimbors tal-ammonti mħallsa abbażi tal-imsemmi kuntratt, jiġifieri PLN 362 801.12 (madwar EUR 84880) u 65.91 frank Svizzeru (CHF) (madwar EUR 70), flimkien mal-interessi legali. mBank talbet li din l-azzjoni tiġi miċħuda minħabba li l-kuntratt huwa validu u ressqet kontrotalba sabiex ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jiġu kkundannati jħallsuha s-somma ta’ PLN 360 000.03 (madwar EUR 84270), jiġifieri l-ammont tas-self mogħti, flimkien mal-interessi moratorji legali.

23

PU u QS talbu li l-kontrotalba tiġi miċħuda billi invokaw eċċezzjoni bbażata fuq il-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni ta’ tpaċija lil mBank, eċċezzjoni finalment irtirata mill-mandatarju tagħhom.

24

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fl-ewwel lok, dwar il-mod kif għandu jsir il-ħlas lura tal-prestazzjonijiet ipprovduti mill-partijiet fil-każ ta’ nullità ta’ kuntratt ta’ self minħabba l-preżenza ta’ klawżoli inġusti.

25

F’dan ir-rigward, hija tindika li, minn naħa, fid-dritt Pollakk, meta kuntratt ta’ kreditu jiġi ddikjarat null, il-pagamenti magħmula fl‑eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt, kemm jekk mill-mutwatarji kif ukoll mill-istituzzjoni finanzjarja, jikkostitwixxu pagamenti indebiti fis-sens tal-Artikolu 410(2) tal-Kodiċi Ċivili, li għandhom jitħallsu lura skont id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 410(1) u tal-Artikolu 405 tal-Kodiċi Ċivili.

26

Min-naħa l-oħra, jirriżulta mill-ġurisprudenza tas-Sąd Najwyższy (il‑Qorti Suprema, il-Polonja), ibbażata sa mill‑2021 fuq it-teorija msejħa “taż-żewġ pretensjonijiet”, li l-konsumatur u l-mutwant jibbenefikaw, kull wieħed minnhom, minn dritt, distint u indipendenti minn xulxin, għall-ħlas lura tal-prestazzjonijiet monetarji mwettqa fl‑eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt. Kull waħda mill-partijiet tista’ għalhekk titlob ir-rimbors sħiħ tas-somom imħallsa, irrispettivament minn jekk tkunx għadha debitriċi tal-parti l-oħra u jkun xi jkun l-ammont tad-dejn tagħha stess.

27

Dan l-approċċ jimplika għall-konsumatur obbligu ta’ ħlas lura tal-ammont kollu tal-kreditu, ikun xi jkun l-ammont tar-rimborsi li jkunu diġà saru, inkluż meta huwa jkun irrimborsa l-ammont nominali kollu tal-kreditu jew saħansitra jkun għamel pagamenti li jeċċedu dan l-ammont. Minn dan isegwi li l-applikazzjoni tat-teorija msejħa “taż-żewġ pretensjonijiet” twassal, fil-prattika, għal sitwazzjoni fejn il-konsumatur li jixtieq jinvoka l-protezzjoni ggarantita mid-Direttiva 93/13 għandu jistenna li l-fornitur jitolbu l-ħlas lura tas-somom kollha mħallsa fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt null. Barra minn hekk, jekk il-konsumatur ma jeżegwixxix volontarjament, il-fornitur jista’ jressaq azzjoni ġudizzjarja sabiex il-konsumatur jiġi obbligat iħallas dawn is-somom, flimkien mal-interessi, u kif ukoll l-ispejjeż legali, li jkunu kunsiderevoli u jirrappreżentaw piż sinjifikattiv għall-konsumatur medju.

28

Il-qorti tar-rinviju żżid li l-kwistjoni tal-ħlas lura reċiproku tal-prestazzjonijiet ipprovduti mill-partijiet f’kuntratt ta’ kreditu ddikjarat null tista’ tiġi riżolta permezz tal-preżentata ta’ dikjarazzjoni ta’ tpaċija effettiva skont l-Artikolu 499 tal-Kodiċi Ċivili, li tippermetti annullament tal-krediti reċiproċi sal-ammont tal-kreditu l-inqas għoli u twassal, jekk ikun il-każ, għall-estinzjoni tal-obbligu. Madankollu, il-preżentazzjoni ta’ tali dikjarazzjoni jew il-fatt li tiġi invokata eċċezzjoni ta’ tpaċija matul proċedura ġudizzjarja huma suġġetti għal kundizzjonijiet proċedurali kumplessi, li, skont dik il-qorti, jistgħu jippenalizzaw lill-konsumatur.

29

Jekk il-konsumatur ma jirnexxilux jinvoka t-tpaċija fil-kuntest tar-risposta tiegħu, il-possibbiltà li jikseb ħlas lura tas-somom imħallsa lill-bank tista’ twassal, fil-prattika, għal multiplikazzjoni tal-proċeduri u għalhekk għal spejjeż addizzjonali għal dan il-konsumatur.

30

F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tqis li l-ġurisprudenza nazzjonali bbażata fuq it-teorija “taż-żewġ pretensjonijiet” tmur kontra l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 sa fejn din id-dispożizzjoni tipprekludi li l-konsumatur ikun obbligat jipproċedi għal ħlas lura mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni, sabiex tiġi ddeterminata l-portata tal-obbligu tiegħu ta’ ħlas lura, il-pagamenti li huwa wettaq fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt iddikjarat null u, b’mod partikolari, il-fatt li huwa seta’ jirrimborsa l-ammont tas-self. Skont dik il-qorti, din is-sitwazzjoni tippenalizza lill-konsumatur, iktar u iktar peress li n-nullità tal-kuntratt ta’ self jista’ jkollha l-konsegwenza li l-ammont tas-self li jkun għadu dovut isir dovut immedjatament fi proporzjonijiet li jistgħu jaqbżu l-kapaċitajiet finanzjarji tal-konsumatur. F’tali ċirkustanzi, il-fornitur ma jkunx skoraġġut milli jinkludi klawżoli inġusti fil-kuntratti tiegħu.

31

Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-punt 2 tal-Artikolu 333(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili jimponi fuq il-qrati l-obbligu li jagħtu lis-sentenzi tagħhom is-saħħa eżekuttiva immedjata fil-każ li jilqgħu talba li għaliha l-konvenut jkun ta l-kunsens tiegħu.

32

Issa, skont dik il-qorti, peress li t-talba tal-fornitur, fil-każ ta’ nullità tal-kuntratt, tkun ġeneralment fondata u l-konsumatur ikun kompletament konxju minn dan, dan tal-aħħar ikollu t-tendenza li jaċċettaha minħabba l-vantaġġi proċedurali li huwa jikseb minnha, jiġifieri l-fatt li l-kawża tista’ tiġi ttrattata bħala “każ partikolarment iġġustifikat” fis-sens tal-Artikolu 102 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, li jippermetti lill-qorti tikkundanna lill-konsumatur għall-ħlas ta’ parti biss mill-ispejjeż sostnuti mill-fornitur li jkun rebaħ il-kawża, jew saħansitra li ma tikkundannahx f’dan ir-rigward. Madankollu, dan il-kunsens iwassal għal obbligu għall-konsumatur li jħallas lura l-ammont kollu tas-self miksub u għall-possibbiltà għall-mutwant li jeżegwixxi d-deċiżjoni li tordna dan il-ħlas lura immedjatament. Tali sitwazzjoni ma tistax neċessarjament tiġi prekluża bl-applikazzjoni ta’ diversi dispożizzjonijiet tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili li jirrigwardaw il-possibbiltà li jiġi ordnat ħlas bin-nifs jew li n-natura immedjatament eżekuttiva tas-sentenza tiġi suġġetta għall-kostituzzjoni ta’ garanzija, sa fejn dawn il-possibbiltajiet jaqgħu taħt id-diskrezzjoni tal-qorti.

33

Il-qorti tar-rinviju tindika li din is-sitwazzjoni tippenalizza lill-konsumatur li jinsab espost għal riskju finanzjarju għoli ħafna, inkluż dak li jitlef il-kontroll tal-beni tiegħu maqbuda fil-kuntest ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata, u dan anki jekk huwa jkun diġà ħallas lura l-kreditu kompletament jew fil-parti l-kbira tiegħu. Konsegwentement, il-konsumatur jista’ jiġi skoraġġut milli jinvoka n-natura inġusta ta’ klawżoli kuntrattwali u milli jinvoka d-drittijiet previsti mid-Direttiva 93/13.

34

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Okręgowy w Krakowie (il-Qorti Reġjonali ta’ Kraków) iddediċiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva [93/13] jipprekludi ġurisprudenza nazzjonali skont liema, meta klawżola ta’ kuntratt tiġi kklassifikata bħala inġusta (b’mod partikolari klawżola ta’ kuntratt ta’ kreditu konkluż ma’ konsumatur) b’tali mod li l-kuntratt ikun null (b’mod partikolari kuntratt ta’ kreditu), il-konsumatur ikun obbligat iħallas lura lill-bejjiegħ jew fornitur l-ammont nominali kollu tal-kreditu miksub mingħand dan tal-aħħar b’eżekuzzjoni tal-kuntratt null u l-bejjiegħ jew fornitur ikollu d-dritt li jeżiġi mill-konsumatur il-ħlas lura tal-ammont nominali kollu tal-kreditu maħruġ lill-konsumatur b’eżekuzzjoni tal-kuntratt null, [fiż-żewġ każijiet] irrispettivament mill-ammont tar-rimborsi magħmula mill-konsumatur b’eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt u rrispettivament mill-ammont reali li jkun għadu dovut?

2)

L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva [93/13] jipprekludi ġurisprudenza nazzjonali, skont liema qorti nazzjonali, adita b’azzjoni għal ħlas lura ta’ servizzi pprovduti minn bejjiegħ jew fornitur lil konsumatur b’eżekuzzjoni ta’ kuntratt ta’ kreditu null, għandha tagħti lill-bejjiegħ jew fornitur is-somom kollha mħallsa minnu lill-konsumatur b’eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ kreditu null, irrispettivament minn jekk il-konsumatur ikunx għadu debitur tal-bejjiegħ jew fornitur u irrispettivament mill-ammont tas-servizzi pprovduti mill-konsumatur lill-bejjiegħ jew fornitur b’eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ kreditu null?

3)

L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva [93/13] jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, skont liema, fil-każ ta’ kunsens għar-rikors minn konsumatur f’kawża ppreżentata minn bejjiegħ jew fornitur, qorti nazzjonali għandha tiddikjara ex officio li s-sentenza hija eżegwibbli immedjatament?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel u t-tieni domanda

35

Permezz tal-ewwel u t-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi ġurisprudenza nazzjonali li tipprovdi li, meta kuntratt ta’ self jiġi ddikjarat invalidu, minħabba li jkollu klawżola kklassifikata bħala inġusta, il-fornitur ikollu d-dritt li jeżiġi mill-konsumatur il-ħlas lura tal-ammont nominali kollu tas-self mogħti, ikun xi jkun l-ammont tar-rimborsi mwettqa mill-konsumatur fl-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt u jkun xi jkun l-ammont li jkun għadu dovut.

36

B’mod preliminari, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, l-Istati Membri għandhom jipprevedu li klawżoli inġusti li jinsabu f’kuntratt konkluż ma’ konsumatur minn fornitur ma jkunux jorbtu lill-konsumaturi, taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti mid-drittijiet nazzjonali tagħhom.

37

Issa, għalkemm id-Direttiva 93/13 hija intiża li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur, hija ma tirrakkomandax soluzzjonijiet uniformi f’dak li jirrigwarda l-konsegwenzi li għandhom jinsiltu mill-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2023, M. B. et (Effetti tal-invalidazzjoni ta’ kuntratt), C‑6/22, EU:C:2023:216, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata].

38

B’dan premess, il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu mill-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola inkluża f’kuntratt konkluż bejn fornitur u konsumatur għandhom jippermettu t-twettiq ta’ żewġ għanijiet. Minn naħa, il-qorti għandha tiżgura li tkun tista’ tiġi stabbilita mill-ġdid l-ugwaljanza bejn il-partijiet għall-kuntratt li l-applikazzjoni ta’ klawżola inġusta fil-konfront tal-konsumatur tkun ipperikolat. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi żgurat li l-fornitur jiġi skoraġġut milli jinkludi tali klawżoli fil-kuntratti li huwa joffri lill-konsumaturi (sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2020, Banca B.,C‑269/19, EU:C:2020:954, punt 38).

39

Meta l-kuntratt ma jkunx jista’ jibqa’ fis-seħħ wara t-tneħħija tal-klawżoli inġusti kkonċernati, meta l-annullament tal-imsemmi kuntratt ikollu konsegwenzi partikolarment dannużi għall-konsumatur u meta ma tkun teżisti ebda dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali ta’ natura supplenti, il-qorti nazzjonali għandha tieħu, billi tieħu inkunsiderazzjoni d-dritt intern kollu tagħha, il-miżuri kollha neċessarji sabiex tipproteġi lill-konsumatur mill-konsegwenzi partikolarment dannużi li l-annullament tal-imsemmi kuntratt jista’ jikkawża (sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2020, Banca B.,C‑269/19, EU:C:2020:954, punt 45).

40

F’dan il-każ, il-konstatazzjoni ġudizzjarja tan-nullità ta’ kuntratt ta’ self minħabba klawżola inġusta li tinsab fih għandha l-konsegwenza, fid-dritt Pollakk, li l-pagamenti li jkunu saru fl-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt, kemm jekk mill-mutwatarji kif ukoll mill-istituzzjoni finanzjarja, jikkostitwixxu pagamenti indebiti fis-sens tal-Artikolu 410(2) tal-Kodiċi Ċivili, li għandhom jitħallsu lura skont id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 410(1) u tal-Artikolu 405 tal-Kodiċi Ċivili.

41

Skont il-qorti tar-rinviju, jirriżulta, essenzjalment, mill-ġurisprudenza tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), imsemmija fil-punti 26 u 27 ta’ din is-sentenza u li hija bbażata fuq it-teorija msejħa “taż-żewġ pretensjonijiet”, li kull parti għal tali kuntratt li, bħala konsegwenza ta’ din il-konstatazzjoni ta’ nullità ta’ dan tal-aħħar, tkun, fl-istess ħin, arrikkixxiet u tfaqqret mingħajr kawża tista’ titlob ir-rimbors sħiħ tas-somom imħallsa fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt iddikjarat null, ikun xi jkun l-ammont tar-rimborsi mwettqa u l-ammont li jkun għadu dovut abbażi tas-self. Issa, skont il-Gvern Pollakk, din il-ġurisprudenza ssostitwixxiet oħra applikata mill-parti l-kbira tal-qrati Pollakki, li, wara determinazzjoni tal-ftehimiet reċiproċi tal-partijiet għall-kuntratt ta’ self invalidat, kienet tippermetti li jinżamm kreditu wieħed favur il-parti li wettqet l-ikbar ħlas fl-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt.

42

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-qrati nazzjonali għandhom jagħmlu dak kollu li jaqa’ taħt il-kompetenza tagħhom, billi jieħdu inkunsiderazzjoni d-dritt intern kollu u billi japplikaw metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti minnu, sabiex tiġi ggarantita l-effettività sħiħa tad-Direttiva 93/13 u sabiex tinstab soluzzjoni konformi mal-għan imfittex minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2023, Getin Noble Bank (Sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ kuntratt ta’ kreditu), C‑287/22, EU:C:2023:491, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43

Ir-rekwiżit ta’ tali interpretazzjoni konformi jinkludi, b’mod partikolari, l-obbligu, għall-qrati nazzjonali, li jibdlu, jekk meħtieġ, ġurisprudenza stabbilita jekk din tkun ibbażata fuq interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali inkompatibbli mal-għanijiet ta’ direttiva. Għaldaqstant, qorti nazzjonali ma tistax validament tqis li huwa impossibbli għaliha li tinterpreta dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni minħabba s-sempliċi fatt li din id-dispożizzjoni ġiet, b’mod kostanti, interpretata f’sens li ma huwiex kompatibbli ma’ dan id-dritt tal-aħħar (sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2023, Getin Noble Bank (Sospensjoni tal‑eżekuzzjoni ta’ kuntratt ta’ kreditu), C‑287/22, EU:C:2023:491, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44

Fid-dawl tal-premess, ir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi ġurisprudenza nazzjonali li tipprovdi li, meta klawżola ta’ kuntratt ta’ self ikklassifikata bħala inġusta tirrendi dan il-kuntratt invalidu, il-fornitur għandu d-dritt li jeżiġi mingħand il‑konsumatur il-ħlas lura tal-ammont nominali kollu tas-self miksub, ikun xi jkun l-ammont tar-rimborsi mwettqa mill-konsumatur fl-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt u jkun xi jkun l-ammont li jkun għadu dovut.

Fuq it-tielet domanda

45

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha, fil-każ ta’ kunsens mill-konsumatur għat-talba mressqa minn fornitur għall-ħlas lura tal-ammonti mħallsa fl-eżekuzzjoni ta’ kuntratt ta’ self iddikjarat invalidu minħabba klawżola inġusta li tinsab fih, il‑qorti adita għandha tiddikjara ex officio s-sentenza li tilqa’ din it-talba immedjatament eżekuttiva.

Fuq l-ammissibbiltà

46

Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, mBank u l-Gvern Pollakk jesprimu dubji dwar l-ammissibbiltà tat-tielet domanda sa fejn din hija ta’ natura ipotetika, fl-assenza ta’ kwalunkwe dikjarazzjoni ta’ kunsens min-naħa tal-mutwatarji fiż-żewġ kawżi prinċipali.

47

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li hija biss il-qorti nazzjonali li hija adita bil-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja, li jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Għaldaqstant, sa fejn id-domanda magħmula tirrigwarda l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja, bħala prinċipju, hija marbuta li tagħti deċiżjoni, ħlief meta ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba ma jkollha l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għall-imsemmija domanda (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Trapenza Peiraios,C‑243/20, EU:C:2021:1045, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta, minn naħa, li l-konvenut jista’ jagħti l-kunsens tiegħu għat-talba tal-parti avversarja f’kull stadju tal-proċedura. Min-naħa l-oħra, il-konsumatur ikollu t-tendenza li jagħti l-kunsens tiegħu għat-talba tal-fornitur għall-ħlas lura tal-fondi mħallsa fl-eżekuzzjoni ta’ kuntratt ta’ self li sar invalidu minħabba l-preżenza ta’ klawżola inġusta, sa fejn dan il-kunsens ikollu bħala konsegwenza tnaqqis tal-ammont tal-ispejjeż proċedurali li għandhom jiġu sostnuti mill-konvenut.

49

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jitqies li l-interpretazzjoni mitluba tad-Direttiva 93/13 ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali jew li l-problema mqajma hija ta’ natura ipotetika.

50

Għalhekk, għandu jitqies li t-tielet domanda hija ammissibbli.

Fuq il-mertu

51

Il-qorti tar-rinviju tirrileva, minn naħa, li l-kunsens tal-konsumatur għat-talba għall-ħlas lura tal-fornitur tal-ammonti mħallsa fl-eżekuzzjoni ta’ kuntratt ta’ self iddikjarat invalidu minħabba klawżola inġusta li tinsab fih jippermetti li l-kawża kkonċernata tiġi ttrattata bħala “każ partikolarment iġġustifikat” fis-sens tal-Artikolu 102 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, b’tali mod li l-konsumatur ikun jista’ jiġi kkundannat għal parti biss mill-ispejjeż sostnuti mill-fornitur, jew saħansitra ma jiġix ikkundannat f’dan ir-rigward. Min-naħa l-oħra, fil-każ ta’ kunsens, il-qorti nazzjonali hija obbligata li tagħti lis-sentenza tagħha s-saħħa eżekuttiva immedjata, li jeskludi l-applikazzjoni tal-Artikolu 320 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, li abbażi tiegħu l-qorti tista’, f’każijiet partikolarment iġġustifikati, tordna ħlas bin-nifs tal-ammont li l-konsumatur ikun ġie kkundannat iħallas. Skont dik il-qorti, tali sitwazzjoni tesponi lill-konsumatur għal riskju finanzjarju għoli ħafna u, konsegwentement, tista’ tiddisswadih milli jinvoka n-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali.

52

mBank u l-Gvern Pollakk josservaw li l-qorti nazzjonali tista’ ma tiddikjarax is-sentenza immedjatament eżekuttiva jekk il-konsumatur jagħti l-kunsens tiegħu għall-azzjoni għal ħlas lura tal-fornitur, filwaqt li jitlob ħlas bin-nifs tas-somom dovuti skont l-Artikolu 320 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, sakemm l-eżekuzzjoni tas-sentenza tista’ twassal, għall-persuna kkundannata, għal dannu irreparabbli konformement mal-Artikolu 335 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili.

53

F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li ma huwiex l-obbligu tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tas-sistema ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE, li tivverifika jew li tqiegħed inkwistjoni l-eżattezza tal-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali magħmula mill-qorti nazzjonali, peress li din l-interpretazzjoni taqa’ fil-kompetenza esklużiva ta’ din tal-aħħar. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja adita b’talba għal deċiżjoni preliminari minn qorti nazzjonali għandha żżomm mal-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali kif tkun ġiet esposta lilha mill-imsemmija qorti nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Trapeza Peiraios,C‑243/20, EU:C:2021:1045, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54

Għandu jitfakkar li, meta l-qorti nazzjonali tqis li l-kuntratt ta’ self inkwistjoni ma jkunx jista’, skont id-dritt tal-kuntratti, jibqa’ legalment fis-seħħ wara t-tneħħija tal-klawżoli inġusti kkonċernati u meta ma tkun teżisti ebda dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali ta’ natura supplenti jew dispożizzjoni applikabbli fil-każ ta’ ftehim tal-partijiet għall-kuntratt li tista’ tissostitwixxi l-imsemmija klawżoli, hemm lok li jitqies li l-livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur li għandu jiġi żgurat skont id-Direttiva 93/13 jeżiġi li, sabiex il-bilanċ reali bejn id-drittijiet u l-obbligi reċiproċi tal-partijiet kontraenti jiġi stabbilit mill-ġdid, il-qorti nazzjonali għandha tieħu, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni d-dritt intern tagħha fl-intier tiegħu, il-miżuri kollha neċessarji sabiex tipproteġi lill-konsumatur mill-konsegwenzi partikolarment dannużi li l-annullament tal-kuntratt ta’ self inkwistjoni jista’ jikkawżalu, b’mod partikolari minħabba l-eżiġibbiltà immedjata tal-kreditu tal-fornitur fil-konfront tiegħu (sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2023, M. B. et (Effetti tal-invalidazzjoni ta’ kuntratt), C‑6/22, EU:C:2023:216, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55

F’dan il-każ, l-obbligu għall-qorti nazzjonali li tagħti saħħa eżekuttiva immedjata lis-sentenza li tilqa’ t-talba għall-ħlas lura tal-fornitur fir-rigward tal-ammonti mħallsa fl-eżekuzzjoni ta’ kuntratt ta’ self invalidu jidher li jista’ jiskoraġġixxi lill-konsumatur milli jagħti l-kunsens tiegħu għal din it-talba. Tali sitwazzjoni tesponi, fil-fatt, lill-konsumatur għal riskju finanzjarju reali, sa fejn ir-rinunzja għall-kunsens iċċaħħdu, skont l-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, minn eventwali kundanna parzjali biss għall-ispejjeż sostnuti mill-fornitur, jew saħansitra minn eżenzjoni mill-kundanna, filwaqt li l-formulazzjoni ta’ tali kunsens torbtu, permezz tal-applikazzjoni tal-punt 2 tal-Artikolu 333(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili dwar in-natura immedjatament eżekuttiva tas-sentenza li tikkundannah, għal ħlas lura immedjat tal-fondi li tħallsu lilu minn dan il-fornitur.

56

F’dan il-kuntest, il-qorti adita għandha, sa fejn huwa possibbli, tapplika d-dritt nazzjonali b’mod li l-konsegwenzi li, skont dan id-dritt, jirriżultaw mill-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali ma jippreġudikawx l-għan tad-Direttiva 93/13 li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 54 ta’ din is-sentenza.

57

Konsegwentement, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tidentifika dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, bħal dawk dwar it-teħid inkunsiderazzjoni possibbli tad-dannu irreparabbli għall-konsumatur li jista’ jirriżulta min-natura immedjatament eżekuttiva tas-sentenza li tikkundannah u dwar il-ħlas bin-nifs possibbli tas-somom dovuti, sabiex tiżgura ruħha li l-obbligu tagħha li tagħti lil din is-sentenza tali saħħa eżekuttiva, fil-każ ta’ kunsens tal-konsumatur għat-talba għal ħlas lura tal-fornitur, ma jippreġudikax l-għan ta’ protezzjoni għolja tal-konsumatur imfittex mid-Direttiva 93/13.

58

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li, fil-każ ta’ kunsens mill-konsumatur għat-talba, imressqa minn fornitur, għall-ħlas lura tal-ammonti mħallsa fl-eżekuzzjoni ta’ kuntratt ta’ self iddikjarat invalidu minħabba klawżola inġusta li tinsab fih, il-qorti adita għandha tiddikjara ex officio s-sentenza li tilqa’ din it-talba immedjatament eżekuttiva, sa fejn id-dritt intern ma jkunx jippermetti lil din il-qorti tadotta l-miżuri kollha neċessarji sabiex tipproteġi lill-konsumatur mill-konsegwenzi partikolarment dannużi li din id-dikjarazzjoni tista’ tikkawżalu.

Fuq l-ispejjeż

59

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

jipprekludi ġurisprudenza nazzjonali li tipprovdi li, meta klawżola ta’ kuntratt ta’ self ikklassifikata bħala inġusta tirrendi dan il-kuntratt invalidu, il-fornitur għandu d-dritt li jeżiġi mingħand il-konsumatur il-ħlas lura tal-ammont nominali kollu tas-self, ikun xi jkun l-ammont tar-rimborsi mwettqa mill-konsumatur fl-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt u jkun xi jkun l-ammont li jkun għadu dovut.

 

2)

L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li, fil-każ ta’ kunsens mill-konsumatur għat-talba, imressqa minn fornitur, għall-ħlas lura tal-ammonti mħallsa fl-eżekuzzjoni ta’ kuntratt ta’ self iddikjarat invalidu minħabba klawżola inġusta li tinsab fih, il-qorti adita għandha tiddikjara ex officio s-sentenza li tilqa’ din it-talba immedjatament eżekuttiva, sa fejn id-dritt intern ma jkunx jippermetti lil din il-qorti tadotta l-miżuri kollha neċessarji sabiex tipproteġi lill-konsumatur mill-konsegwenzi partikolarment dannużi li din id-dikjarazzjoni tista’ tikkawżalu.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.

( i ) L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.