52005PC0109

Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill Li tawtorizza r-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Renju ta’ l-Olanda biex japplikaw miżura li tidderoga mill-Artikolu 3 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri marbuta mat-taxxi fuq il-bejgħ grossa /* KUMM/2005/0109 finali */


Brussel 4.4.2005

KUMM(2005) 109 finali

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

Li tawtorizza r-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Renju ta’ l-Olanda biex japplikaw miżura li tidderoga mill-Artikolu 3 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri marbuta mat-taxxi fuq il-bejgħ grossa

(preżentata mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

Skond l-Artikolu 27(1) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 1977 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar it-taxxa fuq il-bejgħ gross - Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (VAT): bażi uniformi ta' valutazzjoni [1]-, il-Kunsill, billi jaġixxi b'mod unanimu fuq proposta mill-Kummissjoni, jista' jawtorizza lil kull Stat Membru biex idaħħal miżuri speċjali għal deroga minn din id-Direttiva biex jissimplifika l-proċedura tal-ħlas tat-taxxa.

Permezz ta’ ittri rreġistrati mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni fl-14 ta’ Ottubru 2004 u fis-27 ta’ Ottubru 2004, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Renju ta’ l-Olanda talbu awtorizzazzjoni biex idaħħlu tali miżura speċjali. Skond l-Artikolu 27(2) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill, il-Kummissjoni għarrfet lill-Istati Membri l-oħra b’ittra fil-11 ta' Jannar 2005 bit-talba li saret, u b’ittri ddatati 14 ta’ Jannar 2005, il-Kummissjoni għarrfet lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u lir-Renju ta’ l-Olanda li hija kellha t-tagħrif kollu meħtieġ għal stima tat-talba.

Il-miżura speċjali mitluba għandha x’taqsam ma’ arranġamenti għall-intaxxar fuq xogħol ta’ kostruzzjoni, tiswija u restawr ta’ pont li jaqsam il-fruntieri fuq ir-Rodebach bejn Selfkant (fit-Tramuntana ta' Millen, fil-Ġermanja) u Echt Susteren (fit-Tramuntana ta’ Sittard, fl-Olanda).

F’dan ir-rigward, l-awtoritajiet Ġermaniżi u Olandiżi qablu, dwar il-VAT, li jikkunsidraw il-pont li jaqsam il-fruntieri u l-post tal-kostruzzjoni tiegħu bħala li qegħdin fuq it-territorju tal-Ġermanja.

Skond is-sistema komuni tal-VAT, transazzjonijiet taxxabbli huma suġġetti għall-VAT fil-Ġermanja meta effettwati fit-territorju tal-Ġermanja u suġġetti għall-VAT fl-Olanda meta effettwati fit-territorju ta’ l-Olanda. Dan ifisser li għal kull transazzjoni li għandha x'taqsam ma’ kostruzzjoni, tiswija jew restawr tal-pont , ikun irid jiġi stabbilit jekk din kinetx effettwata fil-Ġermanja jew fl-Olanda. Għal transazzjonijiet li jkopru ż-żewġ pajjiżi, ikun irid isir tqassim.

L-Istati li qed jagħmlu t-talba iqisu li l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli se jagħmlu l-proċedura tal-ħlas tat-taxxa aktar komplikata.

Il-Kummissjoni taqbel li t-tassazzjoni uniformi tax-xogħolijiet, minflok l-applikazzjoni tar-regoli normali, se tissemplifika l-affarijiet għall-kuntratturi nkarigati mix-xogħolijiet ikkonċernati.

Barra minn hekk, il-miżura proposta mhux se jkollha impatt negattiv fuq ir-riżorsi tal-VAT tal-Komunità innifisha.

Il-Kummissjoni għalhekk tqis li huwa xieraq għar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u għar-Renju ta’ l-Olanda li jkunu awtorizzati li japplikaw il-miżura speċjali maħsuba.

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

Li tawtorizza r-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Renju ta’ l-Olanda biex japplikaw miżura li tidderoga mill-Artikolu 3 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri marbuta mat-taxxi fuq il-bejgħ grossa

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta' Mejju 1977 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri konnessi mat-taxxa fuq il-bejgħ grossa - Sistema Komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (VAT): bażi uniformi ta' valutazzjoni [2], u b'mod partikolari l-Artikolu 27(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [3],

Billi:

(1) Taħt l-Artikolu 27(1) tas-Sitt Direttiva, il-Kunsill, billi jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta mill-Kummissjoni, jista’ jawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru biex idaħħal miżuri speċjali għal deroga mid-dispożizzjonijiet ta’ dik id-Direttiva, biex jissimplifika l-proċedura tal-ħlas tat-taxxa.

(2) Permezz ta' ittri rreġistrati mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni ta’ l-14 ta’ Ottubru 2004 u tas-27 ta’ Ottubru 2004, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Renju ta’ l-Olanda talbu l-awtorizzazzjoni biex idaħħlu miżura speċjali li għandha x’taqsam mal-kostruzzjoni, tiswija u restawr ta’ pont li jaqsam il-fruntieri fuq ir-Rodebach bejn Selfkant (fit-Tramuntana ta’ Millen, fil-Ġermanja) u Echt-Susteren (fit-Tramuntana ta’ Sittard, fl-Olanda).

(3) Skond l-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 77/388/KEE, il-Kummissjoni, b’ittra bid-data tal-11 ta’ Jannar 2005, għarrfet lill-Istati Membri l-oħra dwar it-talba magħmula mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u mir-Renju ta’ l-Olanda. Permezz ta’ ittri bid-data ta’ l-14 ta’ Jannar 2005, il-Kummissjoni għarrfet lir-Repubblika tal-Ġermanja u lir-Renju ta’ l-Olanda li hija kellha t-tagħrif kollu meħtieġ għal stima tat-talba.

(4) Għal provvisti ta’ oġġetti u servizzi, akkwisti intra-Komunitarji, u għall-importazzjoni ta’ oġġetti intenzjonati għall-kostruzzjoni, tiswija u restawr tal-pont, l-għan tal-miżura speċjali huwa li l-post kollu kemm hu tal-kostruzzjoni tal-pont li jaqsam il-fruntieri u, wara li jitlesta, il-pont innifsu, jitqiesu li qegħdin fuq it-territorju tal-Ġermanja.

(5) Fin-nuqqas ta' miżura speċjali għal kull provvista ta’ oġġetti u servizzi użati għal kostruzzjoni, tiswija u restawr tal-pont in kwistjoni, ikun meħtieġ li jiġi vverifikat jekk il-post ta’ tassazzjoni kienx ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja jew ir-Renju ta’ l-Olanda, li fil-prattika se jkun ikkumplikat ħafna għall-kuntratturi nkarigati mix-xogħolijiet ikkonċernati.

(6) L-għan ta’ din id-deroga huwa li jissimplifika l-proċedura għall-ħlas tat-taxxa fuq il-kostruzzjoni, t-tiswija jew ir-restawr tal-pont in kwistjoni.

(7) Din id-deroga mhux se jkollha impatt negattiv fuq ir-riżorsi tal-Komunità Ewropea nnifisha ipprovduti mit-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT).

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 3 tad-Direttiva 77/388/KEE, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Renju ta’ l-Olanda huma hawnhekk awtorizzati li f’dak li huma provvisti ta’ oġġetti jew servizzi, akkwisti intra-Komunitarji, u importazzjoni ta’ oġġetti maħsuba għall-kostruzzjoni, it-tiswija jew ir-restawr tal-pont li jaqsam il-fruntieri fuq ir-Rodebach bejn Selfkant (fit-Tramuntana ta’ Millen, fil-Ġermanja) u Echt-Susteren (fit-Tramuntana ta’ Sittard, fl-Olanda), huma jqisu l-kostruzzjoni tal-post kollu kemm hu tal-pont li jaqsam il-fruntieri, u wara li jitlesta, il-pont innifsu, bħala li qegħdin fuq it-territorju tal-Ġermanja.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u lir-Renju ta’ l-Olanda.

Magħmula fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

[1] ĠU L 145, 13.6.1977, p. 1. Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva 2004/66/KE (ĠU L 168, 1.5.2004, p. 35).

[2] ĠU L 145, 13.6.1977, p. 1. Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva 2004/66/KE (ĠU L 168, 1.5.2004, p. 35).

[3] ĠU C [...], [...], p. [...].