2.6.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 171/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/721

tad-19 ta’ Mejju 2020

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea waqt il-75 sessjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar, tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali, u waqt il-102 sessjoni tal-Kumitat tas-Sikurezza Marittima, tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali, fir-rigward tal-adozzjoni ta' emendi għar-regolamenti 2, 14 u 18 u l-appendiċi I u VI tal-Anness VI tal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis minn Vapuri, għall-Partijiet A-1, B, B-1, B-2 sa B-4 tal-Kapitolu II-1 tal-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar, għall-Partijiet A-1 u B-1 tal-Kodiċi Internazzjonali tas-Sikurezza għall-Vapuri li jużaw Gassijiet jew Karburanti Oħrajn b'Punt ta' Fjammabbiltà Baxx u għar-riżoluzzjoni A.658(16) dwar l-użu u t-twaħħil ta' materjali retroriflettivi fuq apparat tas-salvataġġ

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 100(2) flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Jenħtieġ li l-għan tal-azzjoni tal-Unjoni fis-settur tat-trasport marittimu jkun li tipproteġi l-ambjent tal-baħar u saħħet il-bniedem u li ttejjeb is-sikurezza marittima.

(2)

Il-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali ("OMI"), waqt il-75 sessjoni tiegħu ("MEPC 75"), huwa mistenni jadotta emendi għar-regolamenti 2, 14 u 18 u l-appendiċi I u VI tal-Anness tal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis minn Vapuri ("Anness VI tal-Konvenzjoni MARPOL"), kif stipulat fl-Anness tad-dokument MEPC 75/3 tal-OMI.

(3)

Il-Kumitat tas-Sikurezza Marittima, tal-OMI, waqt il-102 sessjoni tiegħu ("MSC 102"), huwa mistenni jadotta emendi għall-Partijiet A-1, B, B-1, B-2 sa B-4 tal-Kapitolu II-1 tal-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar ("Kapitolu II-I tal-Konvenzjoni SOLAS"), kif stipulat fl-Anness 1 tad-dokument MSC 102/3 tal-OMI, emendi għall-Partijiet A-1 u B-1 tal-Kodiċi Internazzjonali tas-Sikurezza għall-Vapuri li jużaw Gassijiet jew Karburanti Oħrajn b'Punt ta' Fjammabbiltà Baxx ("Kodiċi IGF"), kif stipulat fl-Anness 2 tad-dokument MSC 102/3 tal-OMI, u emendi għar-riżoluzzjoni A.658(16) dwar l-użu u t-twaħħil ta' materjali retroriflettivi fuq apparat tas-salvataġġ ("Riżoluzzjoni A.658(16)").

(4)

Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li trid tittieħed f'isem l-Unjoni waqt l-MEPC 75, peress li l-emendi fir-regolamenti 2, 14 u 18 u fl-appendiċi I u VI tal-Anness VI tal-Konvenzjoni MARPOL jistgħu jinfluwenzaw b'mod deċiżiv il-kontenut tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri d-Direttiva (UE) 2016/802 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) u d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/253 (2).

(5)

Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li trid tittieħed f'isem l-Unjoni waqt l-MSC 102, peress li l-emendi fil-Partijiet A-1, B, B-1, B-2 sa B-4 tal-Kapitolu II-1 tal-Konvenzjoni SOLAS, fil-Partijiet A-1 u B-1 tal-Kodiċi IGF u fir-Riżoluzzjoni A.658(16) jistgħu jinfluwenzaw b'mod deċiżiv il-kontenut tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri d-Direttivi 2009/45/KE (3) u 2014/90/UE (4) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1397 (5).

(6)

L-emendi għar-regolamenti 2, 14 u 18 u l-appendiċi I u VI tal-Anness VI tal-Konvenzjoni MARPOL jiżguraw l-implimentazzjoni konsistenti tal-limitu ta' 0,50 % ta' kubrit fil-fjuwil marin stipulat fir-regolament 14. Jenħtieġ għalhekk li l-Unjoni tappoġġa dawk l-emendi sabiex tikseb il-benefiċċji previsti għas-saħħa u għall-ambjent li jirriżultaw minn tnaqqis ta' emissjonijiet tad-diossidu tal-kubrit mill-kombustjoni abbord il-bastimenti.

(7)

L-emendi tal-Parti A-1 tal-Kapitolu II-1 tal-Konvenzjoni SOLAS jipprovdu iktar sigurtà fl-irmiġġ tal-bastimenti. Jenħtieġ għalhekk li l-Unjoni tappoġġa dawk l-emendi għaliex huma jipprovdu aġġornament tekniku komprensiv fl-arranġamenti attwali tal-irmiġġ.

(8)

L-emendi għall-Partijiet B, B-1, B-2 sa B-4 tal-Kapitolu II-1 tal-Konvenzjoni SOLAS jiżguraw il-konsistenza tad-dispożizzjonijiet dwar l-integrità tal-impermeabbiltà tal-bastimenti. Jenħtieġ għalhekk li l-Unjoni tappoġġa dawk l-emendi għaliex huma jintroduċu koerenza, fil-Parti B kollha, fid-dispożizzjonijiet dwar l-integrità tal-impermeabbiltà, inkluż fil-kwistjoni ewlenija tal-kalkoli tal-istabbiltà tal-bastiment f'każ ta' ħsara.

(9)

L-emendi għall-Partijiet A-1 u B-1 tal-Kodiċi IGF jipprovdu titjib fir-rigward tal-konteniment tal-fjuwil, tas-sikurezza kontra n-nirien u tat-testijiet tat-tensjoni għall-iwweldjar ta' materjali metalliċi u tal-ittestjar mhux distruttiv għas-sistema tal-konteniment tal-fjuwil abbażi tal-esperjenza li nkisbet fl-applikazzjoni tal-Kodiċi IGF. Jenħtieġ għalhekk li l-Unjoni tappoġġa dawk l-emendi għaliex huma jipprovdu aktar ċarezza dwar l-ispazji fejn għandha tkun provduta sistema adatta ta' tnaqqis tal-pressjoni u jipprevedu miżuri addizzjonali ta' sikurezza għall-kmamar tat-tħejjija tal-fjuwil.

(10)

L-emendi għar-Riżoluzzjoni A.658(16) iħassru l-kliem "ark tal-karbonju" u jissostitwixxuhom b'arranġamenti aġġornati ta' ttestjar għal materjali retroriflettivi fuq apparat tas-salvataġġ. Jenħtieġ għalhekk li l-Unjoni tappoġġa dawk l-emendi għaliex huma jippermettu l-użu ta' teknoloġija l-aktar avvanzata.

(11)

L-Unjoni mhijiex membru tal-OMI, u lanqas ma hija Parti Kontraenti għall-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis minn Vapuri, għall-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar u għall-Kodiċi IGF. Għaldaqstant jenħtieġ li l-Kunsill jawtorizza lill-Istati Membri jesprimu l-pożizzjoni tal-Unjoni.

(12)

Il-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni għandu jiġi limitat għall-kontenut tal-emendi proposti, sa fejn dawk l-emendi jistgħu jaffettwaw regoli komuni tal-Unjoni u jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni. Din id-Deċiżjoni mhijiex mistennija taffettwa d-diviżjoni tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni waqt il-75 sessjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar, tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali, għandha tkun li tappoġġa l-adozzjoni tal-emendi għar-regolamenti 2, 14 u 18 u l-appendiċi I u VI tal-Anness VI tal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis minn Vapuri, kif stipulat fl-Anness tad-dokument MEPC 75/3 tal-OMI. Dik il-pożizzjoni tkopri l-emendi kkonċernati sal-punt fejn dawk l-emendi jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni u jistgħu jaffettwaw ir-regoli komuni tal-Unjoni.

Artikolu 2

1.   Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni waqt il-102 sessjoni tal-Kumitat tas-Sikurezza Marittima, tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali, għandha tkun li tappoġġa l-adozzjoni tal-emendi:

(a)

għall-Partijiet A-1, B, B-1, B-2 sa B-4 tal-Kapitolu II-1 tal-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar, kif stipulat fl-Anness 1 tad-dokument MSC 102/3 tal-OMI;

(b)

għall-Partijiet A-1 u B-1 tal-Kodiċi Internazzjonali tas-Sikurezza għall-Vapuri li jużaw Gassijiet jew Karburanti Oħrajn b'Punt ta' Fjammabbiltà Baxx, kif stipulat fl-Anness 2 tad-dokument MSC 102/3 tal-OMI;

(c)

għar-riżoluzzjoni A.658(16) dwar l-użu u t-twaħħil ta' materjali retroriflettivi fuq apparat tas-salvataġġ.

2.   Il-pożizzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tkopri l-emendi kkonċernati sal-punt fejn dawk l-emendi jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni u jistgħu jaffettwaw ir-regoli komuni tal-Unjoni.

Artikolu 3

1.   Il-pożizzjonijiet li għandhom jittieħdu f'isem l-Unjoni kif stipulati fl-Artikoli 1 u 2 għandhom jiġu espressi mill-Istati Membri, li huma kollha membri tal-OMI, billi jaġixxu b'mod konġunt fl-interessi tal-Unjoni.

2.   Jista' jintlaħaq qbil dwar bidliet minuri fil-pożizzjonijiet imsemmijin fl-Artikoli 1 u 2 mingħajr ma tittieħed deċiżjoni oħra min-naħa tal-Kunsill.

Artikolu 4

L-Istati Membri huma b'dan awtorizzati li jagħtu l-kunsens tagħhom li jintrabtu, fl-interessi tal-Unjoni, bl-emendi msemmija fl-Artikoli 1 u 2, sa fejn dawk l-emendi jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Mejju 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

G. GRLIĆ RADMAN


(1)  Direttiva (UE) 2016/802 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2016 dwar tnaqqis tal-kontenut tal-kubrit f'ċerti karburanti likwidi (ĠU L 132, 21.5.2016, p. 58).

(2)  Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/253 tas-16 ta' Frar 2015 li tistipula r-regoli rigward il-kampjunar u r-rappurtar skont id-Direttiva tal-Kunsill 1999/32/KE fir-rigward tal-kontenut tal-kubrit tal-fjuwils marittimi (ĠU L 41, 17.2.2015, p. 55).

(3)  Direttiva 2009/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Mejju 2009 dwar regoli u standards ta' sigurtà għal vapuri tal-passiġġieri (ĠU L 163, 25.6.2009, p. 1).

(4)  Direttiva 2014/90/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2014 dwar tagħmir tal-baħar u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 96/98/KE (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 146).

(5)  Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1397 tas-6 ta' Awwissu 2019 dwar ir-rekwiżiti ta' disinn, ta' kostruzzjoni u ta' prestazzjoni u l-istandards tal-ittestjar għat-tagħmir tal-baħar u li jħassar ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/773 (ĠU L 237, 13.9.2019, p. 1).