DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)
24 ta’ Settembru 2019 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Preċedent ġuridiku – Qorti ta’ Arbitraġġ – Inammissibbiltà u inkompetenza manifesti tal-Qorti tal-Ġustizzja – Artikolu 53(2) u Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja”
Fil-Kawża C‑185/19,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunalul Arbitral de pe lângă Asociaţia de arbitraj de pe lângă Baroul Cluj (il-Qorti tal-Arbitraġġ fi ħdan l-Assoċjazzjoni ta’ Arbitraġġ tal-Kamra tal-Avukati ta’ Cluj, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Frar 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 ta’ Frar 2019, fil-proċedura
KE
vs
LF,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),
komposta minn C. Toader, President tal-Awla, A. Rosas u M. Safjan (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ permezz ta’ digriet motivat, konformement mal-Artikolu 53(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,
tagħti l-preżenti
Digriet
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) TUE u tal-Artikoli 20 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn KE u LF, żewġ avukati li jeżerċitaw il-professjoni tagħhom fir-Rumanija, dwar il-legalità ta’ kummenti li jikkonċernaw artiklu ppubblikat minn KE, li LF irriproduċa fuq il-paġna Facebook tiegħu. |
Id-dritt Rumen
|
3 |
L-Artikolu 30(6) tal-Kostituzzjoni Rumena jipprovdi: “Il-libertà tal-espressjoni ma tistax tippreġudika d-dinjità, l-unur, il-ħajja privata tal-persuna u lanqas id-dritt għall-immaġni tagħha.” |
|
4 |
L-Artikolu 58 tal-Kodiċi Ċivili, intitolat “Drittijiet relatati mal-personalità”, jipprovdi: “(1) Kull persuna għandha d-dritt għall-ħajja, għas-saħħa, għall-integrità fiżika u mentali, għad-dinjità, għall-immaġni tagħha, għar-rispett tal-ħajja privata kif ukoll għad-drittijiet l-oħra ta’ din in-natura rrikonoxxuti mil-liġi. (2) Dawn id-drittijiet ma humiex trażmissibbli.” |
|
5 |
L-Artikolu 72 tal-Kodiċi Ċivili, intitolat “Dritt għad-dinjità”, jipprovdi: “(1) Kull persuna għandha d-dritt għar-rispett tad-dinjità tagħha. (2) Kull dannu għall-unur u għar-reputazzjoni ta’ persuna fl-assenza tal-kunsens ta’ din tal-aħħar jew bi ksur tal-limiti previsti fl-Artikolu 75 huwa pprojbit.” |
|
6 |
Skont l-Artikolu 252 tal-Kodiċi Ċivili, intitolat “Protezzjoni tal-persuna umana”: “Kull persuna fiżika għandha d-dritt għall-protezzjoni tal-valuri intrinsiċi għall-persuna umana, bħalma huma l-ħajja, is-saħħa, l-integrità fiżika u mentali, id-dinjità, l-intimità tal-ħajja privata, il-libertà ta’ kuxjenza u ta’ kreazzjoni xjentifika, artistika, letterarja jew teknika.” |
|
7 |
L-Artikolu 253 tal-Kodiċi Ċivili, intitolat “Mezzi ta’ difiża”, jipprovdi: “(1) Il-persuna fiżika li d-drittijiet mhux patrimonjali tagħha ġew miksura jew mhedda tista’ titlob, ġudizzjarjament, fi kwalunkwe mument:
(2) Permezz ta’ deroga mid-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1, fil-każ ta’ ksur ta’ drittijiet mhux patrimonjali minħabba l-eżerċizzju tad-dritt għal-libertà ta’ espressjoni, il-qorti tista’ tieħu biss il-miżuri previsti fil-paragrafu 1(b) u (c). (3) Barra minn hekk, il-vittma ta’ ksur ta’ tali drittijiet tista’ titlob lill-qorti tobbliga lill-persuna li wettqet il-fatti tikkonforma ruħha ma’ kull miżura li l-qorti tqis neċessarja sabiex tippermetti l-istabbiliment mill-ġdid tad-dritt li jkun ġie ppreġudikat, kif ġej:
(4) Bl-istess mod, il-vittma tista’ titlob danni jew, skont il-każ, kumpens patrimonjali għad-dannu, inkluż mhux patrimonjali, li ġie kkawżat lilha jekk dan ikun imputabbli lill-persuna li wettqet il-fatt dannuż. F’dawn il-każijiet, id-dritt ta’ rikors huwa suġġett għal preskrizzjoni estintiva.” |
|
8 |
Skont l-Artikolu 6 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, intitolat “Dritt għal smigħ xieraq, mill-iktar fis possibbli u prevedibbli”: “(1) Kull persuna għandha d-dritt għal smigħ ġust, mill-iktar fis possibbli u prevedibbli, minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita bil-liġi. Għal dan il-għan, il-qorti għandha l-obbligu tieħu l-miżuri kollha awtorizzati mil-liġi u tiggarantixxi l-iżvolġiment mill-iktar fis possibbli tal-kawża. (2) Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata.” |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
|
9 |
KE u LF huma avukati membri tal-Kamra tal-Avukati ta’ Cluj (ir-Rumanija). KE jindika li, fit-22 ta’ Frar 2018, il-Jurnalul Baroului Cluj (il-Ġurnal tal-Kamra tal-Avukati ta’ Cluj), li huwa l-ġurnal tal-assoċjazzjoni professjonali tal-avukati ta’ din il-kamra tal-avukati, ippubblika artiklu miktub minnu, intitolat “Exercitarea dreptului la apărare prin declarații conținând afirmații necorespunzătoare adevărului în fața organelor judiciare” (“Eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża quddiem il-qrati ġudizzjarji permezz ta’ dikjarazzjonijiet li fihom affermazzjonijiet mhux konformi mal-verità”). |
|
10 |
KE jirrileva li, minkejja li LF, li huwa l-editur prinċipali ta’ dan il-ġurnal, inizjalment ma kellu ebda oġġezzjoni għall-pubblikazzjoni ta’ dan l-artiklu xjentifiku, huwa esprima ċerti kritiki wara l-pubblikazzjoni tiegħu, li skont KE kienu inġustifikati, u li l-kulminazzjoni tagħhom kienet il-pubblikazzjoni ta’ avviż fuq il-paġna Facebook tiegħu, li l-kontenut tiegħu ma huwiex espost fid-deċiżjoni tar-rinviju. |
|
11 |
Skont KE, tali dikjarazzjonijiet b’ebda mod ma jaqgħu taħt il-kategorija ta’ kritiki koperti mid-dritt ta’ espressjoni libera. |
|
12 |
Fit-28 ta’ Jannar 2019, KE ppreżenta rikors quddiem it-Tribunalul Arbitral de pe lângă Asociația de arbitraj de pe lângă Baroul Cluj (il-Qorti tal-Arbitraġġ fi ħdan l-Assoċjazzjoni ta’ Arbitraġġ tal-Kamra tal-Avukati ta’ Cluj, ir-Rumanija) kontra LF. KE talab lill-Qorti tal-Arbitraġġ jogħġobha:
|
|
13 |
LF talab lit-Tribunalul Arbitral de pe lângă Asociația de Arbitraj de pe lângă Baroul Cluj (il-Qorti tal-Arbitraġġ fi ħdan l-Assoċjazzjoni ta’ Arbitraġġ tal-Kamra tal-Avukati ta’ Cluj) tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’domanda preliminari. |
|
14 |
Din il-Qorti tal-Arbitraġġ issostni li għandha quddiemha l-kwistjoni, minn naħa, dwar l-obbligu tal-qrati Rumeni li jirrispondu għat-talbiet kollha u għall-mezzi ta’ difiża kollha tal-partijiet, u għalhekk għal talba għal rinviju quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, u, min-naħa l-oħra, dwar in-natura vinkolanti tal-preċedent ġudizzjarju, sa fejn l-imsemmija qorti tqis li ma tistax tadotta soluzzjoni li hija differenti mill-preċedent ġudizzjarju rilevanti jekk ma tidentifikax applikazzjoni iktar konformi tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni. |
|
15 |
Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li t-Tribunalul Arbitral de pe lângă Asociația de Arbitraj de pe lângă Baroul Cluj (il-Qorti tal-Arbitraġġ fi ħdan l-Assoċjazzjoni ta’ Arbitraġġ tal-Kamra tal-Avukati ta’ Cluj) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “Id-dispożizzjonijiet tat-Trattat [UE], u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1), li bis-saħħa tagħhom l-Unjoni [Ewropea] tirrikonoxxi d-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji stabbiliti fil-Karta […], li għandha l-istess valur legali bħat-Trattati, u d-dispożizzjonijiet tal-Karta, b’mod partikolari l-Artikolu 20 tagħha, li jistabbilixxi li l-persuni kollha huma ugwali fid-dritt, u l-Artikolu 47 tagħha, li jistabbilixxi li kull persuna għandha d-dritt għal smigħ xieraq, għandhom jiġu interpretati fis-sens li qorti nazzjonali Rumena hija obbligata:
|
Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari u l-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
16 |
Skont l-Artikolu 53(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-Qorti tal-Ġustizzja manifestament ma jkollhiex ġurisdizzjoni li tieħu konjizzjoni ta’ kawża jew meta talba jew rikors ikunu manifestament inammissibbli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin u wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat, mingħajr ma tkompli l-proċedura. |
|
17 |
Hemm lok li din id-dispożizzjoni tiġi applikata fil-kuntest ta’ din il-kawża. |
|
18 |
F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija manifestament inammissibbli fid-dawl tal-Artikolu 94(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura, peress li l-informazzjoni esposta f’din it-talba ma tippermettix li tiġi kkonstatata l-ammissibbiltà tagħha fid-dawl tal-kundizzjoni li t-talba għandha toriġina minn “qorti”, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE. Fil-fatt, it-Tribunalul Arbitral de pe lângă Asociația de Arbitraj de pe lângă Baroul Cluj (il-Qorti tal-Arbitraġġ fi ħdan l-Assoċjazzjoni ta’ Arbitraġġ tal-Kamra tal-Avukati ta’ Cluj) ma tippreżenta ebda informazzjoni ta’ natura li turi li hija għandha din il-kwalità. |
|
19 |
Sa fejn ma jidhirx li l-leġiżlazzjoni nazzjonali teżiġi r-rikors lil din il-qorti bħala l-uniku mezz li tiġi deċiża l-kawża prinċipali u teskludi l-possibbiltà għall-partijiet li jirrikorru għall-qrati ordinarji, l-imsemmija Qorti tal-Arbitraġġ kellha tistabbilixxi r-raġunijiet li għalihom ir-rinviju kien, f’dan il-każ, obbligatorju. Barra minn hekk, fid-deċiżjoni tar-rinviju, ma jsir ebda riferiment għad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili li jirregola l-arbitraġġ istituzzjonalizzat. Konsegwentement, għandu jitqies li din it-talba għal deċiżjoni preliminari hija manifestament inammissibbli. |
|
20 |
Fir-rigward, barra minn hekk, tal-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tinterpreta ċerti dispożizzjonijiet tal-Karta, għandu jingħad ukoll li, anki kieku jitqies li hija ammissibbli, id-deċiżjoni tar-rinviju ma tinkludi ebda informazzjoni konkreta li tippermetti li jitqies li s-suġġett tal-kawża prinċipali jikkonċerna l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ regola tal-Unjoni għajr dawk inklużi fil-Karta. |
|
21 |
Fil-fatt, id-domanda preliminari taqa’ fil-kuntest ta’ kawża bejn żewġ individwi dwar talba intiża li tiġi kkonstatata n-natura illegali ta’ pubblikazzjoni fuq paġna Facebook. F’dan il-kuntest, it-Tribunalul Arbitral de pe lângă Asociația de Arbitraj de pe lângă Baroul Cluj (il-Qorti tal-Arbitraġġ fi ħdan l-Assoċjazzjoni ta’ Arbitraġġ tal-Kamra tal-Avukati ta’ Cluj) tixtieq tapplika l-Artikolu 6(1) TUE u l-Artikoli 20 u 47 tal-Karta sabiex jiġu evalwati ċerti obbligi ta’ natura proċedurali. |
|
22 |
Madankollu, fid-dawl tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, id-dispożizzjonijiet tagħha huma intiżi għall-Istati Membri biss meta jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni għandhom japplikaw fis-sitwazzjonijiet kollha rregolati mid-dritt tal-Unjoni, iżda mhux barra minn tali sitwazzjonijiet (sentenza tas-26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson, C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 19, u digriet tal-11 ta’ Jannar 2017, Boudjellal, C‑508/16, mhux ippubblikat, EU:C:2017:6, punt 17). |
|
23 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat, abbażi tal-Artikolu 53(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, li t-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunalul Arbitral de pe lângă Asociația de Arbitraj de pe lângă Baroul Cluj (il-Qorti tal-Arbitraġġ fi ħdan l-Assoċjazzjoni ta’ Arbitraġġ tal-Kamra tal-Avukati ta’ Cluj), permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Frar 2019, hija manifestament inammissibbli u li, fi kwalunkwe każ, il-Qorti tal-Ġustizzja manifestament ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ din it-talba. |
Fuq l-ispejjeż
|
24 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tordna: |
|
It-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunalul Arbitral de pe lângă Asociația de arbitraj de pe lângă Baroul Cluj (il-Qorti tal-Arbitraġġ fi ħdan l-Assoċjazzjoni ta’ Arbitraġġ tal-Kamra tal-Avukati ta’ Cluj), permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Frar 2019, hija manifestament inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea manifestament ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ din it-talba. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: ir-Rumen