|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2025/945 |
10.2.2025 |
Sommarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni
tas-16 ta' Ottubru 2024
dwar deċiżjoni skont l-Artikolu 17(3) tar-Regolament (UE) 2022/1925
(KAWŻA DMA.100041 – X – SERVIZZ TA’ NETWORK SOĊJALI ONLINE)
(notifikata permezz tad-dokument numru c (2024) 6950)
(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)
(C/2025/945)
Fis-16/10/2024, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni skont l-Artikolu 17(3) tar-Regolament (UE) Nru 2022/1925. F’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 44 tar-Regolament (UE) Nru 2022/1925 (1) , il-Kummissjoni qiegħda hawnhekk tippubblika l-ismijiet tal-partijiet u l-kontenut ewlieni tad-Deċiżjoni, wara li qieset l-interess leġittimu tal-impriżi fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom.
1. INTRODUZZJONI
Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni (“id-Deċiżjoni”) tistabbilixxi r-raġunijiet għaliex, wara l-investigazzjoni tas-suq li għamlet skont l-Artikolu 17(3) tar-Regolament (UE) Nru 2022/1925 (l-Att dwar is-Swieq Diġitali, “Digital Markets Act”, “DMA”), il-Kummissjoni ma ddeżinjatx lil Musk Group bħala gwardjan skont l-Artikolu 3 tal-Att dwar is-Swieq Diġitali fir-rigward tas-servizz ta’ pjattaforma ewlenija (“core platform service”, “CPS”) tan-netwroking soċjali online tiegħu X, minkejja li jissodisfa l-limiti kwantitattivi stipulati fl-Artikolu 3(2) tad-DMA.
2. PROĊEDURA
Wara n-notifika ta’ X Holdings Corp. fl-1 ta’ Marzu 2024, il-Kummissjoni bagħtet ittra lis-Sur Elon Musk, fejn ikkonkludiet li hu u l-entitajiet kollha direttament jew indirettament ikkontrollati minnu ma għandhomx jiġu ddeżinjati bħala gwardjani skont l-Artikolu 3(4) tad-DMA fir-rigward tas-servizz ta’ reklamar online tagħha X Ads.
Permezz ta’ deċiżjoni separata tat-13 ta’ Mejju 2024, il-Kummissjoni fetħet investigazzjoni tas-suq skont l-Artikoli 16(1) u 17(3) tad-DMA biex tivvaluta jekk il-Grupp Musk għandux jiġi ddeżinjat bħala gwardjan fir-rigward tas-CPS X.
F’dik id-deċiżjoni, il-Kummissjoni qieset li X Holdings Corp. kienet ippreżentat ċerti argumenti li, ikkunsidrati flimkien, kienu ssostanzjati biżżejjed sabiex jikkontestaw b’mod manifest il-preżunzjonijiet previsti fl-Artikolu 3(2)(b) tad-DMA fir-rigward ta’ dan is-CPS.
Fid-9 ta’ Awwissu 2024, il-Kummissjoni addottat is-sejbiet preliminari tagħha fl-investigazzjoni tas-suq f’konformita mal-Artikolu 17(3) tad-DMA. Il-Kummissjoni kkomunikat is-sejbiet preliminari lis-Sur Elon Musk u tagħtu l-opportunità li jinstema’ skont l-Artikolu 34(1) ta’ dak ir-Regolament. X Holdings Corp. wieġbet fit-23 ta’ Awwissu 2024.
F’konformità mal-Artikoli 17 u 50(2) tad-DMA, il-Kumitat Konsultattiv għas-Swieq Diġitali ġie kkonsultat u ta l-opinjoni pożittiva tiegħu fl-4 ta’ Ottubru 2024.
3. QAFAS LEGALI
Id-DMA jistabbilixxi sett ta’ kriterji oġġettivi definiti b’mod strett biex pjattaforma online kbira tikkwalifika bħala gwardjan. Id-deżinjazzjoni trid issir b’rabta ma’ CPS wieħed jew aktar ipprovduti mill-impriża li jkunu gateway importanti biex l-utenti kummerċjali jilħqu lill-utenti finali skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1), il-punt (b) tad-DMA. Sabiex jiġi ddeterminat jekk servizz ipprovdut minn impriża ikunx CPS li jissodisfa r-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 3(1), il-punt (b) tad-DMA, huwa meħtieġ li, bħala pass preliminari, jiġi kkwalifikat u delineat is-servizz rispettiv. Kriterju rilevanti għall-kwalifikazzjoni u d-delinjazzjoni tas-CPSs huwa l-iskop tas-servizz għall-utenti finali jew għall-utenti kummerċjali jew għat-tnejn li huma.
F’konformità mal-Artikolu 3(1) tad-DMA, il-Kummissjoni trid tiddeżinja impriża bħala gwardjan jekk din tissodisfa tliet rekwiżiti kumulattivi, jiġifieri: (a) ikollha impatt sinifikanti fuq is-suq intern; (b) tipprovdi CPS li jkun gateway importanti biex l-utenti kummerċjali jilħqu lill-utenti finali; u (c) tkun tgawdi minn pożizzjoni stabbilita u dejjiema fl-operazzjonijiet tagħha, jew ikun prevedibbli li fil-futur qrib tkun se tgawdi din il-pożizzjoni. L-Artikolu 3(2) tad-DMA jistabbilixxi preżunzjoni li dawk ir-rekwiżiti jiġu ssodisfati meta jiġu ssodisfati ċerti limiti kwantitattivi, partikolarment dwar il-fatturat tal-kumpanija jew il-kapitalizzazzjoni tas-suq kif ukoll l-għadd ta’ utenti finali u utenti kummerċjali tas-CPS partikolari f’kull waħda mill-aħħar 3 snin finanzjarji.
Skont l-Artikoli 3(5) u 17(3) tad-DMA, il-Kummissjoni tista’ twettaq investigazzjoni tas-suq sabiex teżamina jekk impriża li tipprovdi CPSs li jissodisfaw l-limiti stabbiliti fl-Artikolu 3(2) tad-DMA u li tkun ippreżentat argumenti sostanzjati biżżejjed f’konformità mal-Artikolu 3(5) tad-DMA u li manifestament jikkontestaw il-preżunzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(2) tad-DMA tissodisfax madankollu l-kriterji fl-Artikolu 3(1) tad-DMA jew le. F’konformità mar-riżultati tal-investigazzjoni tas-suq, il-Kummissjoni taċċetta jew tirrifjuta l-konfutazzjoni ta’ impriża u konsegwentement tiddeżinja jew ma tiddeżinjax l-impriża bħala gwardjan skont it-tifsira tad-DMA.
4. VALUTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
Wara li X Holdings Corp. bagħtet in-notifika u l-Kummissjoni għamlet investigazzjoni tas-suq skont l-Artikoli 17(3) u 3(5) tad-DMA, il-Kummissjoni mhijiex beħsiebha tiddeżinja lil Musk Group bħala gwardjan fir-rigward tas-servizz ta’ networking soċjali online tiegħu X, ladarba dan is-servizz mhuwiex gateway importanti biex l-utenti kummerċjali jilħqu lill-utent finali skont l-Artikolu 3(1)(b) tad-DMA. Il-Kummissjoni bbażat il-konklużjoni tagħha fuq ir-raġunijiet kollha li ġejjin meqjusin flimkien.
L-ewwel nett, l-investigazzjoni tas-suq tikkonferma l-iskala relattivament żgħira ta’ X f’termini tal-għadd ta’ utenti finali meta mqabbla ma’ servizzi kbar oħra ta’ networking soċjali online. F’diversi sorsi rieżaminati, X għandha inqas utenti finali mis-servizzi l-oħra kollha ta’ networking soċjali online ddeżinjati sa issa. Filwaqt li d-differenzi relattivi fl-għadd ta’ utenti finali jiddependu fuq is-sors tad-data u l-metodoloġija sottostanti, dawn huma sinifikanti fis-sorsi kollha. Id-data kkonfermat ukoll xejra ta’ deklin għal X.
It-tieni, l-investigazzjoni tas-suq tikkonferma li l-utenti finali ta’ X jinvolvu ruħhom inqas f’dan is-servizz ta’ networking soċjali online milli jagħmlu f’servizzi kbar oħra ta’ networking soċjali online li diġà ġew elenkati fid-deċiżjonijiet ta’ deżinjazzjoni tal-gwardjani. Il-Kummissjoni tqis l-involviment tal-utenti finali bħala bażi affidabbli għall-valutazzjoni tal-kapaċità tal-utenti kummerċjali li jużaw X bħala gateway importanti biex jintlaħqu l-utenti finali.
It-tielet, l-investigazzjoni tas-suq tikkonferma r-rilevanza limitata u dejjem tonqos ta’ X għall-utenti kummerċjali biex jilħqu lill-utenti finali.
Is-sejbiet tal-Kummissjoni dwar it-tliet punti ta’ hawn fuq, ikkunsidrati flimkien, wasslu għall-konklużjoni li X mhuwiex gateway importanti għall-utenti kummerċjali biex jilħqu lill-utenti finali kif imsemmi fl-Artikolu 3(1)(b) tad-DMA.
5. KONKLUŻJONI
Għar-raġunijiet stabbiliti hawn fuq, id-Deċiżjoni tagħlaq l-investigazzjoni tas-suq miftuħa bid-Deċiżjoni C (2024) 3117 tat-13 ta’ Mejju 2024 dwar is-servizz ta’ networking soċjali online X, billi tikkonkludi li Musk Group jenħtieġ li ma għandux jiġi ddeżinjat bħala gwardjan skont l-Artikolu 3(4) tar-Regolament (UE) 2022/1925 fir-rigward tas-servizz ta’ pjattaforma ewlenija tan-networking soċjali online X.
Dik il-konklużjoni hija mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-Kummissjoni tista’ tikkunsidra mill-ġdid jew temenda din id-Deċiżjoni, skont l-Artikolu 4(1) tad-DMA, jekk ikun hemm kwalunkwe bidla sostanzjali f’xi wieħed mill-fatti li fuqhom din hija ibbażata, jew jekk din id-Deċiżjoni kienet ibbażata fuq informazzjoni mhux kompluta, skorretta jew qarrieqa.
(1) Ir-Regolament (UE) 2022/1925 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2022 dwar swieq kontestabbli u ġusti fis-settur diġitali u li jemenda d-Direttivi (UE) 2019/1937 u (UE) 2020/1828 (l-Att dwar is-Swieq Diġitali), ĠU L 265, 12.10.2022, p. 1.
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/945/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)