Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

19 ta’ Novembru 2026 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Logħob tal-ażżard online – Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi l-inammissibbiltà ta’ kull azzjoni ġudizzjarja dwar il-legalità tal-provvista ta’ servizzi ta’ logħob tal-ażżard minn dan l-Istat Membru, awtorizzata mil-leġiżlazzjoni tiegħu, u l-obbligu, għall-qrati tal-imsemmi Stat Membru, li jirrifjutaw ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ kull deċiżjoni ġudizzjarja barranija mogħtija wara tali azzjoni – Parir legali li jikkonstata li din il-leġiżlazzjoni nazzjonali hija inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni – Azzjoni għad-danni mressqa kontra l-awtur tal-parir legali – Eżattezza tal-parir legali – Interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba sabiex tiġi evalwata l-eżattezza ta’ dan il-parir legali fil-kuntest tal-azzjoni għad-danni mressqa kontra l-awtur tiegħu – Inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari”

Fil-Kawża C‑683/24,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Handelsgericht Wien (il-Qorti Kummerċjali ta’ Vjenna, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tas‑16 ta’ Ottubru 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑16 ta’ Ottubru 2024, fil-proċedura

Spielerschutz Sigma Prozessfinanzierungs GmbH

vs

Geissler Heilbock Hopf Ferox Legal Partnerschaft von Rechtsanwälten mbB,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn I. Jarukaitis, President tal-Awla, R. Frendo, N. Jääskinen (Relatur), M. Condinanzi u A. Kornezov, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Emiliou,

Reġistratur: V. Di Bucci,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Spielerschutz Sigma Prozessfinanzierungs GmbH, minn K. Weber, Rechtsanwalt,

–        għal Geissler Heilbock Hopf Ferox Legal Partnerschaft von Rechtsanwälten mbB, minn U. Salburg, Rechtsanwalt,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn A. Posch, J. Schmoll u F. Koppensteiner, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Belġjan, minn L. Jans u M. Van Regemorter, bħala aġenti, assistiti minn V. Ramognino, avocat, u minn R. Verbeke u P. Vlaemminck, advocaten,

–        għall-Gvern Ċek, minn A. Pagáčová, M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller, M. Hellmann u A. Sahner, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Elleniku, minn I. Kotsoni, T. Papadopoulou u S. Papaioannou, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Malti, minn A. Buhagiar, bħala aġent, assistita minn D. Sarmiento Ramírez-Escudero, abogado,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn B. Ernst u S. Noë, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑23 ta’ April 2026,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1, tal-Artikolu 45(1)(a), tal-Artikolu 46, tal-Artikolu 48 u tal-Artikolu 52 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Spielerschutz Sigma Prozessfinanzierungs GmbH (iktar ’il quddiem “Spielerschutz Sigma”) u Geissler Heilbock Hopf Ferox Legal Partnerschaft von Rechtsanwälten mbB (iktar ’il quddiem il-“konsulent legali”) dwar ir-rimbors tal-onorarji li Spielerschutz Sigma ħallset għal parir legali pprovdut minn dan tal-aħħar u dwar il-kumpens għad-danni li din il-kumpannija allegatament ġarrbet minħabba dan il-parir.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        It-Taqsima 2, intitolata “Eżekuzzjoni”, tal-Kapitolu III tar-Regolament Nru 1215/2012, intitolat “Rikonoxximent u Eżekuzzjoni”, tinkludi l-Artikolu 39 ta’ dan ir-regolament, li jipprovdi:

“Sentenza mogħtija fi Stat Membru li hija eżegwibbli f’dak l-Istat Membru għandha tkun eżegwibbli fl-Istati Membri l-oħra mingħajr ma tkun meħtieġa l-ebda dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà.”

4        Is-Subtaqsima 2, intitolata “Rifjut tal-eżekuzzjoni”, tat-Taqsima 3, intitolata “Rifjut tar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni” tal-istess Kapitolu III, tinkludi l-Artikolu 48 tal-imsemmi regolament, li jipprevedi:

“Il-qorti għandha tiddeċiedi dwar it-talba għar-rifjut ta’ eżekuzzjoni mingħajr dewmien.”

 Id-dritt Awstrijak

5        L-Artikolu 1299 tal-Allgemeines bürgerliches Gesetzbuch (il-Kodiċi Ċivili Ġenerali), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Ċivili Ġenerali”), jipprovdi:

“Kull min jimpenja ruħu pubblikament fl-eżerċizzju ta’ funzjoni, ta’ arti, ta’ negozju jew ta’ sengħa, jew jassumi volontarjament kompitu li jeħtieġ għarfien artistiku jew livell ta’ sforz mhux tas-soltu, juri b’dan il-fatt li huwa jqis ruħu kapaċi li jagħmel l-isforz neċessarju u li għandu l-għarfien mhux tas-soltu meħtieġ; għalhekk, jeħtieġlu jwieġeb għal għemilu meta dan l-isforz jew għarfien ma jkunx biżżejjed. [...]”

6        Skont l-Artikolu 1300 tal-Kodiċi Ċivili Ġenerali:

“Espert għandu jkun responsabbli wkoll meta b’mod mhux intenzjonat jagħti, bi ħlas, pariri detrimentali f’oqsma relatati mas-sengħa jew max-xjenza tiegħu. Fi kwalunkwe sitwazzjoni oħra, konsulent ikun responsabbli biss għad-danni li kkawża konxjament lill-persuna l-oħra billi ta pariri lil dik il-persuna.”

7        Mit-tweġiba tal-qorti tar-rinviju għal talba għal informazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta, b’mod partikolari, li d-dritt Awstrijak ma jipprevedix sistema ta’ responsabbiltà speċifika għall-avukati. Din it-tweġiba tippreċiża li, skont il-ġurisprudenza nazzjonali, l-avukati huma esperti, fis-sens tal-Artikoli 1299 u 1300 tal-Kodiċi Ċivili Ġenerali, b’tali mod li r-responsabbiltà tagħhom hija rregolata minn dawn id-dispożizzjonijiet.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

8        Spielerschutz Sigma hija kumpannija ta’ finanzjament ta’ proċeduri ġudizzjarji stabbilita fi Vjenna (l-Awstrija). Hija tiffinanzja, b’mod partikolari, proċeduri mressqa minn konsumaturi ta’ servizzi ta’ logħob tal-ażżard u ta’ mħatri online (iktar ’il quddiem il-“ġugaturi”) ddomiċiljati fl-Awstrija kontra operaturi, detenturi ta’ liċenzji Maltin, li jipprovdu servizzi ta’ logħob tal-ażżard u ta’ mħatri online aċċessibbli, b’mod partikolari, mill-Awstrija, mingħajr ma jkollhom liċenzja valida maħruġa skont id-dritt ta’ dan l-Istat Membru.

9        Il-qorti tar-rinviju tindika li, f’tali sitwazzjoni, il-ġugaturi jistgħu jitolbu quddiem il-qrati Awstrijaċi r-rimbors tat-telf tagħhom abbażi tad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-arrikkiment indebitu u r-responsabbiltà ċivili, minħabba li dawn is-servizzi ġew offruti mingħajr tali liċenzja. Dik il-qorti tenfasizza wkoll li Spielerschutz Sigma kisbet, permezz tal-klijenti tagħha, diversi sentenzi li kkundannaw lil operaturi detenturi ta’ liċenzji Maltin għar-rimbors tat-telf imġarrab minn dawn il-klijenti u li hija qiegħda tipprova teżegwixxi dawn is-sentenzi f’Malta, konformement mal-Artikolu 39 tar-Regolament Nru 1215/2012.

10      Fit‑12 ta’ Ġunju 2023, il-leġiżlatur Malti introduċa l-Artikolu 56A fl-Att dwar il-Logħob (Suppliment tal-Gazzetta tal-Gvern ta’ Malta, Nru 19,991 tal‑15 ta’ Mejju 2018 – Taqsima A, p. 509) (iktar ’il quddiem l-“Att Malti dwar il-Logħob”), li jipprovdi, minn naħa, li kull azzjoni kontra operaturi tal-logħob tal-ażżard li għandhom liċenzja Maltija hija pprojbita bħala li tmur kontra l-ordni pubbliku u, min-naħa l-oħra, il-qrati Maltin għandhom jirrifjutaw kull rikonoxximent u/jew eżekuzzjoni f’dan l-Istat Membru ta’ sentenza barranija u/jew ta’ deċiżjoni barranija li ngħataw wara tali azzjoni.

11      Wara din l-emenda tal-leġiżlazzjoni Maltija u sabiex tkun tista’ tevalwa r-riskji li għalihom setgħet tesponi l-mudell kummerċjali tagħha, b’mod partikolari fir-rigward tar-rikonoxximent u tal-eżekuzzjoni f’Malta tas-sentenzi miksuba fl-Awstrija fil-proċeduri ffinanzjati minnha, Spielerschutz Sigma inkarigat lill-konsulent legali sabiex jagħti parir legali dwar il-kompatibbiltà tal-Artikolu 56A tal-Att Malti dwar il-Logħob mad-dritt tal-Unjoni u dwar il-possibbiltà li din id-dispożizzjoni tiġi applikata mill-qrati Maltin.

12      Il-konsulent legali ta l-parir tiegħu fil‑5 ta’ Lulju 2023 (iktar ’il quddiem il-“parir legali”). Mill-informazzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jsegwi li, f’dan il-parir, il-konsulent legali għamel żewġ konstatazzjonijiet, jiġifieri, minn naħa, li l-Artikolu 56A tal-Att Malti dwar il-Logħob huwa b’mod ċar u mingħajr dubju kuntrarju għad-dritt tal-Unjoni, b’tali mod li jkun inkonċepibbli li dan l-Artikolu 56A japplika fil-proċeduri ta’ eżekuzzjoni f’Malta u, min-naħa l-oħra, li, konformement mal-Artikolu 48 tar-Regolament Nru 1215/2012, il-proċeduri ta’ eżekuzzjoni quddiem il-qrati Maltin fl-ewwel istanza għandhom jingħalqu f’terminu ta’ sitt xhur.

13      Il-qorti tar-rinviju tirrileva li, billi fdat l-imsemmi parir, Spielerschutz Sigma kompliet tiffinanzja azzjonijiet ġudizzjarji fl-Awstrija f’isem ġugaturi, u dan għal ammonti sinjifikattivi.

14      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jsegwi li, fid‑19 ta’ Lulju 2023, il-Prim’ Awla tal-Qorti Ċivili (Malta), permezz ta’ deċiżjoni nnotifikata lil Spielerschutz Sigma fl‑1 ta’ Awwissu 2023, ċaħdet talba għal rikonoxximent u għal eżekuzzjoni mressqa abbażi tar-Regolament Nru 1215/2012, fi proċedura ffinanzjata minn Spielerschutz Sigma, billi bbażat ruħha preċiżament fuq l-Artikolu 56A tal-Att Malti dwar il-Logħob.

15      Wara dik id-deċiżjoni, Spielerschutz Sigma ppreżentat rikors quddiem il-Handelsgericht Wien (il-Qorti Kummerċjali ta’ Vjenna, l-Awstrija), li hija l-qorti tar-rinviju, intiż, minn naħa, għar-rimbors tal-onorarji, fl-ammont ta’ EUR 5 000, imħallsa lill-konsulent legali għall-parir legali, minħabba li ma kienx korrett. Min-naħa l-oħra, dan ir-rikors kien intiż għall-konstatazzjoni tar-responsabbiltà tal-konsulent legali għad-danni futuri kollha li jirriżultaw għal Spielerschutz Sigma mill-finanzjament, bejn il‑5 ta’ Lulju 2023, id-data tar-redazzjoni ta’ dan il-parir, u l‑1 ta’ Awwissu 2023, data li fiha hija saret taf bid-deċiżjoni tal-Prim’ Awla tal-Qorti Ċivili msemmija fil-punt preċedenti, ta’ proċeduri ġudizzjarji mmexxija fl-Awstrija minn ġugaturi Awstrijaċi kontra operaturi Maltin ta’ logħob tal-ażżard online li operaw mingħajr liċenzja valida fl-Awstrija.

16      Min-naħa tiegħu, il-konsulent legali jsostni li l-konstatazzjonijiet adottati fil-parir legali kienu korretti u li kien leġittimu li wieħed jistenna li l-qrati Maltin jirrispettaw id-dritt tal-Unjoni fis-seħħ u s-supremazija tiegħu, b’tali mod li r-responsabbiltà tiegħu ma tistax tiġi stabbilita minħabba ġurisprudenza nazzjonali kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni li l-iżvilupp tagħha ma kienx prevedibbli fil-mument meta ngħata dan il-parir.

17      Il-qorti tar-rinviju tindika li, kuntrarjament għall-konklużjonijiet li jinsabu fil-parir legali, minn naħa, il-qrati Maltin, billi applikaw l-Artikolu 56A tal-Att Malti dwar il-Logħob, ċaħdu talbiet għar-rikonoxximent u għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet mogħtija minn qrati Awstrijaċi favur ġugaturi u għad-detriment ta’ operaturi detenturi ta’ liċenzji Maltin fil-proċeduri ffinanzjati mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u mressqa abbażi tar-Regolament Nru 1215/2012. Min-naħa l-oħra, il-proċeduri mibdija quddiem il-qrati Maltin tal-ewwel istanza abbażi ta’ dan ir-regolament ma jingħalqux f’terminu ta’ sitt xhur.

18      Il-qorti tar-rinviju tosserva wkoll li ma teżisti ebda deċiżjoni minn qorti Maltija li tqiegħed f’dubju l-validità tal-Artikolu 56A tal-Att Malti dwar il-Logħob jew il-konformità tiegħu mad-dritt tal-Unjoni.

19      Il-qorti tar-rinviju tesponi li l-eżitu tat-tilwima fil-kawża prinċipali jiddependi fuq jekk kienx b’mod żbaljat li l-konsulent legali evalwa, fil-parir legali, il-konformità tal-leġiżlazzjoni Maltija kkonċernata mad-dritt tal-Unjoni, billi interpreta r-Regolament Nru 1215/2012 b’mod żbaljat. Skont dik il-qorti, l-unika kwistjoni ta’ dritt li għad trid tiġi riżolta hija dik dwar jekk din l-evalwazzjoni hijiex korretta jew, tal-inqas, ġustifikabbli. Filwaqt li tindika li taqbel kompletament mal-kunsiderazzjonijiet esposti mill-konsulent legali fir-rigward ta’ din il-kwistjoni ta’ konformità, l-imsemmija qorti tqis li, fid-dawl tad-deċiżjonijiet meħuda mill-qrati Maltin b’applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni, li jistgħu juru evalwazzjoni manifestament differenti fir-rigward ta’ din il-kwistjoni tal-konformità magħmula minn dawn il-qrati, hija ma għandhiex acte clair quddiemha u tqis, filwaqt li taqbel mal-fehmiet konkordanti tal-partijiet fil-kawża prinċipali f’dan ir-rigward, li għandha tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’rinviju għal deċiżjoni preliminari.

20      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Handelsgericht Wien (il-Qorti Kummerċjali ta’ Vjenna) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 1(1) u (2) tar-[Regolament Nru 1215/2012], moqri flimkien mal-Artikolu 45(1)(a), l-Artikoli 46 u 52 ta’ dan l-istess regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li dawn id-dispożizzjonijiet jipprekludu dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li, abbażi tal-prinċipju ta’ ordni pubbliku fis-sens stabbilit f’dan id-dritt nazzjonali, teskludi r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi mogħtija mill-qrati ta’ Stati Membri oħra fir-rigward tal-proċeduri kollha kontra detentur ta’ liċenzja, ta’ uffiċjali attwali jew preċedenti ta’ detentur ta’ liċenzja jew ta’ persunal ewlieni attwali jew preċedenti ta’ detentur ta’ liċenzja rigward kwistjonijiet relatati mal-provvista ta’ servizzi ta’ logħob tal-azzard meta din l-azzjoni tkun kunfliġġenti jew tippreġudika l-legalità tal-provvista ta’ servizzi ta’ logħob tal-azzard f’Malta jew minn Malta abbażi ta’ liċenzja maħruġa mill-Awtorità [Maltija tal-Logħob] jew il-legalità ta’ kull obbligu legali jew naturali li jirriżulta mill-provvista ta’ tali servizzi ta’ logħob tal-azzard, u li hija relatata ma’ attività awtorizzata li tkun legali skont din il-liġi nazzjonali u skont strumenti leġiżlattivi nazzjonali applikabbli oħra?

2)      L-Artikolu 45(1) u l-Artikolu 46 tar-Regolament Nru 1215/2012 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li, indipendentement mit-tressiq ta’ talba f’dan is-sens quddiem il-qorti adita bit-talba għar-rikonoxximent u għall-eżekuzzjoni u mill-eżawriment ta’ rimedji ġudizzjarji fl-Istat Membru tal-qorti tal-ewwel istanza mid-debitur kif ukoll mingħajr eżami mill-qorti adita tat-talba għar-rikonoxximent jew għall-eżekuzzjoni, teskludi r-rikonoxximent (Artikolu 45 tar-Regolament Nru 1215/2012) u l-eżekuzzjoni (Artikolu 46 tar-Regolament Nru 1215/2012) tas-sentenzi mogħtija mill-qrati ta’ Stati Membri oħra fir-rigward tal-proċeduri kollha kontra detentur ta’ liċenzja, ta’ uffiċjali attwali jew preċedenti ta’ detentur ta’ liċenzja jew ta’ persunal ewlieni attwali jew preċedenti ta’ detentur ta’ liċenzja rigward kwistjonijiet relatati mal-provvista ta’ servizzi ta’ logħob tal-azzard, meta din l-azzjoni tkun kunfliġġenti jew tippreġudika l-legalità tal-provvista ta’ servizzi ta’ logħob tal-azzard f’Malta jew minn Malta abbażi ta’ liċenzja maħruġa mill-Awtorità [Maltija tal-Logħob] jew il-legalità ta’ kull obbligu legali jew naturali li jirriżulta mill-provvista ta’ tali servizzi ta’ logħob tal-azzard, u li hija relatata ma’ attività awtorizzata li tkun legali skont din il-liġi nazzjonali u skont strumenti leġiżlattivi nazzjonali applikabbli oħra?

3a)      L-Artikolu 45(1)(a) u l-Artikolu 46 tar-Regolament Nru 1215/2012 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tiddikjara bħala kontra l-ordni pubbliku r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi bl-uniku għan li jiġu protetti, fil-kuntest tas-sostenn li l-Istat iġib lill-ekonomija privata konformement mad-dritt kostituzzjonali nazzjonali, id-detenturi ta’ liċenzja tal-logħob tal-azzard online kontra r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi mogħtija kontrihom mill-qrati ta’ Stati Membri oħra?

3b)      L-Artikolu 45(1)(a) u l-Artikolu 46 tar-Regolament Nru 1215/2012 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li l-qorti adita fl-Istat ta’ eżekuzzjoni tirrifjuta r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni għal raġunijiet ta’ ordni pubblika meta dan ir-rifjut ikun ibbażat esklużivament fuq il-fatt li r-rikonoxximent ta’ tali sentenza jmur kontra interessi ekonomiċi u finanzjarji tal-Istat Membru indirizzat, peress li l-operaturi ta’ logħob tal-azzard jipprovdu kontribuzzjoni essenzjali għall-ekonomija nazzjonali u għad-dħul ta’ dan l-Istat Membru?

4)      L-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li teskludi r-rikonoxximent u/jew l-eżekuzzjoni tas-sentenzi mogħtija mill-qrati ta’ Stati Membri oħra fir-rigward ta’ kull azzjoni kontra detentur ta’ liċenzja, uffiċjali attwali jew preċedenti ta’ detentur ta’ liċenzja jew persunal ewlieni attwali jew preċedenti ta’ detentur ta’ liċenzja li għandha bħala suġġett talba marbuta mal-provvista ta’ servizzi ta’ logħob tal-azzard, minħabba li, evalwata fid-dawl tad-dritt Malti, l-attività tal-operatur tal-logħob tal-azzard tkun leċita?

5)      L-Artikolu 48 tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li jkun hemm ksur tal-obbligu li tingħata deċiżjoni mingħajr dewmien previst f’dan l-artikolu meta, sitt xhur wara l-introduzzjoni tat-talba għal rikonoxximent, ebda sentenza ma tkun ingħatat fl-ewwel istanza fuq din it-talba, mingħajr ma dan ikun dovut għal ċirkustanzi jew għal dewmien imputabbli lill-partijiet jew lil terzi fil-kuntest tal-proċedura ta’ rikonoxximent ikkonċernata?”

 Fuq it-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura

21      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit‑8 ta’ Mejju 2026, il-Gvern Malti talab li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

22      Insostenn tat-talba tiegħu, dan il-gvern isostni, essenzjalment, li jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li tiddikjara din it-talba għal deċiżjoni preliminari ammissibbli u, konsegwentement, li tirrispondi għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, kif previst sussidjarjament mill-Avukat Ġenerali fil-konklużjonijiet tiegħu, huwa għandu jkun f’pożizzjoni li jkun jista’ jwieġeb għall-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati mill-partijiet l-oħra matul seduta għas-sottomissjonijiet orali quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. F’dan ir-rigward, huwa jinvoka, b’mod partikolari, id-dritt għal rimedju effettiv iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

23      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, minn naħa, li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 252 TFUE, l-Avukat Ġenerali għandu jippreżenta pubblikament, bl-ikbar imparzjalità u b’indipendenza sħiħa, konklużjonijiet motivati dwar il-kawżi li, skont l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jeħtieġu l-intervent tiegħu. Il-Qorti tal-Ġustizzja la hija marbuta b’dawn il-konklużjonijiet u lanqas bil-motivazzjoni li biha l-Avukat Ġenerali jkun wasal għalihom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Diċembru 2025, Storstock holms Lokaltrafik, C‑422/24, EU:C:2025:980, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tad‑29 ta’ Jannar 2026, Keladis I u Keladis II, C‑72/24 u C‑73/24, EU:C:2026:51, punt 63).

24      Konformement mal-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, b’mod partikolari jekk tqis li ma jkollhiex biżżejjed informazzjoni, jew meta parti tkun ippreżentat, wara l-għeluq ta’ din il-fażi tal-proċedura, fatt ġdid ta’ natura li jkollu influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, jew inkella meta l-kawża jkollha tiġi deċiża abbażi ta’ argument li ma jkunx ġie ttrattat.

25      Madankollu, f’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li hija għandha, wara l-fażi bil-miktub u dik orali tal-proċedura, l-elementi kollha neċessarji sabiex tagħti deċiżjoni dwar it-talba għal deċiżjoni preliminari. Barra minn hekk, insostenn tat-talba tiegħu għall-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, il-Gvern Malti ma invoka ebda fatt ġdid ta’ natura li jista’ jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tagħti f’din il-kawża.

26      Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ma jimponix obbligu assolut li tinżamm seduta pubblika u ma jeżiġix li tinżamm seduta fil-proċeduri kollha. Dan huwa partikolarment il-każ meta l-kawża ma tqajjimx kwistjonijiet ta’ fatt jew ta’ dritt li ma jistgħux jiġu solvuti b’mod adegwat abbażi tal-proċess u tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-partijiet. L-Artikolu 76(2) tar-Regoli tal-Proċedura jipprevedi preċiżament li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li ma żżommx seduta għas-sottomissjonijiet orali jekk hija tqis, minn qari tan-noti jew tal-osservazzjonijiet ippreżentati matul il-fażi bil-miktub tal-proċedura, li għandha biżżejjed informazzjoni sabiex tagħti deċiżjoni (sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2025, Duca di Salaparuta, C‑341/24, EU:C:2025:693, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27      Minn dan isegwi li ma hemmx lok li tintlaqa’ t-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

 Fuq l-ammissibbiltà

28      Il-Gvern Ġermaniż u dak Malti jeċċepixxu l-inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari minħabba li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex neċessarja sabiex il-qorti tar-rinviju tiddeċiedi fit-tilwima fil-kawża prinċipali.

29      Barra minn hekk, skont il-Gvern Malti, it-tilwima fil-kawża prinċipali hija fittizja, peress li l-partijiet fil-kawża prinċipali jidhru li fasslu “arranġament artifiċjali” għas-sempliċi għan li tinkiseb opinjoni konsultattiva mill-Qorti tal-Ġustizzja.

30      Barra minn hekk, kemm il-Gvern Ġermaniż kif ukoll il-Gvern Malti jenfasizzaw il-konsegwenzi li jkunu jirriżultaw mill-fatt li din it-talba għal deċiżjoni preliminari titqies ammissibbli u li huma iktar estiżi minn dawk li jirrigwardaw din il-kawża. Fil-fatt, dawn il-gvernijiet isostnu, essenzjalment, li, jekk individwu jkun jista’ jinkariga professjonist sabiex ifassal parir legali sabiex jitlob ir-rimbors tal-onorarji miftiehma minħabba li dan il-parir ikun żbaljat, dawn il-partijiet ikunu jistgħu għalhekk, permezz ta’ sempliċi ftehim bejniethom, jittrasformaw arbitrarjament kull kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, astratta min-natura tagħha, f’domanda preliminari rilevanti għall-finijiet tas-soluzzjoni tat-tilwima inkwistjoni.

31      Għandu jitfakkar li l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE tikkostitwixxi strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li permezz tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lill-qrati nazzjonali l-punti ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huma neċessarji għalihom għas-soluzzjoni tat-tilwim li jintalbu jiddeċiedu u li l-ġustifikazzjoni tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari ma tinsabx fil-formulazzjoni ta’ opinjonijiet konsultattivi dwar kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi, iżda fil-ħtieġa inerenti għas-soluzzjoni effettiva ta’ tilwima. Bħalma jsegwi mill-kliem stess tal-Artikolu 267, id-deċiżjoni preliminari mitluba għandha tkun “meħtieġa” sabiex tippermetti lill-qorti tar-rinviju “tagħti s-sentenza” fil-kawża li tkun adita biha (sentenzi tad‑9 ta’ Jannar 2024, G. et (Ħatra tal-imħallfin tal-qrati ordinarji fil-Polonja), C‑181/21 u C‑269/21, EU:C:2024:1, punti 62 u 63 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑2 ta’ Ottubru 2025, Nolgers, C‑391/24, EU:C:2025:748, punt 33 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

32      Fil-kuntest ta’ tali proċedura, għandu għalhekk ikun hemm rabta bejn it-tilwima u d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li l-interpretazzjoni tagħhom hija mitluba b’tali mod li din l-interpretazzjoni tissodisfa bżonn oġġettiv għad-deċiżjoni li l-qorti tar-rinviju għandha tieħu (sentenzi tas‑26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny, C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tad‑9 ta’ Jannar 2024, G. et (Ħatra tal-imħallfin tal-qrati ordinarji fil-Polonja), C‑181/21 u C‑269/21, EU:C:2024:1, punt 65 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), b’tali mod li l-imsemmija interpretazzjoni tkun neċessarja għas-soluzzjoni ta’ din it-tilwima, konformement mal-Artikolu 267 TFUE.

33      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, bħalma rrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 55 tal-konklużjonijiet tiegħu, domanda preliminari hija ammissibbli la darba l-qorti tar-rinviju tkun mitluba tislet konsegwenzi legalment vinkolanti, irrispettivament minn jekk ikunux ta’ natura materjali jew proċedurali, mill-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li hija tkun talbet mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi l-kawża li jkollha quddiemha. Ir-rabta bejn din l-interpretazzjoni u s-soluzzjoni tat-tilwima għandha għalhekk tkun reali u konkreta u mhux purament ipotetika, teoretika jew sempliċement ta’ natura spekulattiva. Konsegwentement, talba għal deċiżjoni preliminari li titlob punti ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma tissodisfax bżonn oġġettiv għas-soluzzjoni tat-tilwima għandha tiġi ddikjarata inammissibbli.

34      F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tindika li t-tilwima fil-kawża prinċipali tirrigwarda n-natura korretta jew tal-inqas ġustifikabbli tal-parir legali dwar il-kompatibbiltà tal-Artikolu 56A tal-Att Malti dwar il-Logħob mad-dritt tal-Unjoni. F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju titlob, permezz tad-domandi tagħha, interpretazzjoni ta’ diversi dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri l-Artikoli 1, 45, 46, 48 u 52 tar-Regolament Nru 1215/2012, sabiex, essenzjalment, tivverifika jekk din l-interpretazzjoni hijiex analoga għal dik esposta f’dan il-parir.

35      Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk teżistix rabta, fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, bejn dawn id-dispożizzjonijiet u t-tilwima pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju.

36      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, bi tweġiba għat-talba għal informazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja għamlitilha, il-qorti tar-rinviju ppreċiżat li, konformement mad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jirregolaw il-kundizzjonijiet għall-istabbiliment tar-responsabbiltà ta’ espert, li japplikaw ukoll għall-avukati, jekk l-evalwazzjoni ppreżentata f’parir mogħti mill-espert tkun żbaljata, dan tal-aħħar għandu jwieġeb għad-danni li jirriżultaw minn dan biss fil-każ ta’ ħtija. Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza tal-qrati nazzjonali, ir-responsabbiltà tal-espert ma hijiex madankollu stabbilita fil-każ ta’ interpretazzjoni ġuridika żbaljata, peress li hija ġustifikabbli, u l-kwistjoni tal-applikazzjoni ta’ din l-interpretazzjoni mill-awtoritajiet u mill-qrati kkonċernati ma hijiex determinanti fir-rigward tal-evalwazzjoni ta’ din in-natura ġustifikabbli.  Il-qorti tar-rinviju ppreċiżat ukoll, f’dan il-kuntest, li parir legali ta’ espert jista’ jiġi ġġustifikat, b’mod partikolari, jekk ikun konformi ma’ mill-inqas parti mill-ġurisprudenza jew mid-duttrina eżistenti fil-mument meta ngħata dan il-parir.

37      Għalhekk, mill-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li, għall-finijiet tal-eżami tal-assenza ta’ diliġenza li allegatament wera l-konsulent legali fit-tfassil tal-parir legali dwar il-kompatibbiltà tal-Artikolu 56A tal-Att Malti dwar il-Logħob mad-dritt tal-Unjoni, għandu jsir magħruf, konformement mad-dritt nazzjonali applikabbli kif espost minn dik il-qorti, jekk dan il-parir huwiex tal-inqas raġonevolment ġustifikabbli fid-dawl tal-kuntest ġuridiku u tal-informazzjoni disponibbli fiż-żmien meta ngħata.

38      Issa, fil-kuntest tal-proċedura stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tat-Trattati u dwar il-validità u l-interpretazzjoni tal-atti adottati mill-istituzzjonijiet, mill-korpi jew mill-organi tal-Unjoni u mhux dwar l-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali.

39      Il-legalità u l-eżekuzzjoni tajba tal-obbligi reċiproċi tal-partijiet fil-konsultazzjoni legali inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma għalhekk indipendenti mill-kwistjoni tal-kompatibbiltà tal-Artikolu 56A tal-Att Malti dwar il-Logħob mad-dritt tal-Unjoni (ara, b’analoġija, id-digriet tal‑24 ta’ Lulju 2003, Horn, C‑44/03, EU:C:2003:419, punt 15).

40      Barra minn hekk, skont il-kriterji esposti mill-qorti tar-rinviju u mfakkra fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, in-natura ġustifikabbli ta’ parir espert għandha tiġi evalwata, fil-kuntest ta’ azzjoni għad-danni, fid-dawl tal-elementi eżistenti fiż-żmien meta ngħata dan il-parir. Issa, f’dan il-każ, id-deċiżjoni preliminari potenzjali dwar il-kompatibbiltà tal-Artikolu 56A tal-Att Malti dwar il-Logħob mad-dritt tal-Unjoni ser tingħata wara l-għoti tal-parir legali inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

41      Għalhekk, l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tadotta bħala risposta għad-domandi preliminari ma tissodisfax bżonn oġġettiv għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali u, għaldaqstant, ma hijiex neċessarja għal din is-soluzzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Jannar 2024, G. et (Ħatra tal-imħallfin tal-qrati ordinarji fil-Polonja) (C‑181/21 u C‑269/21, EU:C:2024:1, punt 72).

42      Għalhekk, ma teżistix, f’dan il-każ, rabta, fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, bejn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li l-interpretazzjoni tagħhom hija mitluba mill-qorti tar-rinviju u t-tilwima fil-kawża prinċipali.

43      Konsegwentement, it-talba għal deċiżjoni preliminari f’din il-kawża għandha titqies li tirrigwarda l-formulazzjoni ta’ opinjonijiet konsultattivi dwar kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 31 ta’ din is-sentenza. Minn dan isegwi li din it-talba hija inammissibbli.

 Fuq l-ispejjeż

44      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

It-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Handelsgericht Wien (il-Qorti Kummerċjali ta’ Vjenna, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tas‑16 ta’ Ottubru 2024, hija inammissibbli.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.