Brussell, 13.5.2015

COM(2015) 273 final

Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

fuq il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tas-Slovenja għall-2015

u l-għoti ta' opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tas-Slovenja tal-2015


Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

fuq il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tas-Slovenja għall-2015

u l-għoti ta' opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tas-Slovenja tal-2015

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika 1 , u partikolarment l-Artikolu 5(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi 2 , u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea 3 ,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew 4 ,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)Fis-26 ta’ Marzu 2010, il-Kunsill Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni li tiġi mnedija strateġija ġdida għall-impjiegi u t-tkabbir, Ewropa 2020, imsejsa fuq koordinazzjoni msaħħa ta’ politiki ekonomiċi, li se tiffoka fuq l-oqsma ewlenin fejn hija meħtieġa azzjoni biex tingħata spinta lill-potenzjal tal-Ewropa għat-tkabbir sostenibbli u l-kompetittività.

(2)Fit-13 ta’ Lulju 2010, il-Kunsill, fuq il-bażi tal-proposti tal-Kummissjoni, adotta rakkomandazzjoni dwar il-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u l-Unjoni (mill-2010 sal-2014) u fil-21 ta’ Ottubru 2010, huwa adotta deċiżjoni dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi, li flimkien jagħmlu "il-linji gwida integrati". L-Istati Membri kienu mistiedna sabiex jikkunsidraw il-linji gwida integrati fil-politiki ekonomiċi u tal-impjiegi nazzjonali tagħhom.

(3)Fit-8 ta’ Lulju 2014, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tas-Slovenja għall-2014 u ta l-opinjoni tiegħu dwar il-Programm ta’ Stabbiltà aġġornat tas-Slovenja għall-perjodu 2014. Fit-28 ta' Novembru 2014, skont ir-Regolament (UE) Nru 473/2013 5 , il-Kummissjoni ppreżentat l-opinjoni tagħha dwar l-abbozz ta' pjan baġitarju tas-Slovenja għall-2015 6 .

(4)Fit-28 ta' Novembru 2014, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 7 , li ta bidu għas-Semestru Ewropew ta' koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-2015. Fl-istess ġurnata, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija 8 , li fih identifikat lis-Slovenja bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru kellu jitwettaq rieżami fil-fond.

(5)Fit-18 ta’ Diċembru 2014, il-Kunsill Ewropew endorsja l-prijoritajiet sabiex tingħata spinta lill-investiment, biex b'hekk kienu aċċellerati r-riformi strutturali u tkompliet it-triq lejn konsolidazzjoni fiskali responsabbli li tiffavorixxi t-tkabbir.

(6)Fis-26 ta’ Frar 2015, il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tagħha tal-pajjiż tal-2015 għas-Slovenja 9 . Ir-rapport tal-pajjiż ivvaluta l-progress fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż li ġew adottati fit-8 ta’ Lulju 2014. Għas-Slovenja, ir-rapport tal-pajjiż jinkludi wkoll ir-riżultati tar-rieżami fil-fond skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011. L-analiżi tal-Kummissjoni twassalha biex tikkonkludi li s-Slovenja qed tesperjenza żbilanċi makroekonomiċi, li jirrikjedu azzjoni politika deċiżiva u monitoraġġ speċifiku. B'mod partikolari, ir-riekwilibrar għadu għaddej u l-azzjonijiet politiki deċiżivi, il-prestazzjoni tal-esportazzjonijiet u l-kundizzjonijiet tat-tkabbir imtejba naqqsu r-riskji meta mqabbla mas-sena l-oħra, b'mod partikolari dawk marbuta mas-sostenibbiltà esterna. Madankollu, governanza korporattiva dgħajfa, livell għoli ta' pussess mill-Istat, ingranaġġ korporattiv għoli, u dejn pubbliku li qed jiżdied jippreżentaw riskji għall-istabbiltà u t-tkabbir finanzjarju u jistħoqqilhom attenzjoni mill-qrib. L-iżbilanċi għalhekk ma għadhomx meqjusa bħala eċċessivi imma xorta jibqgħu jeħtieġu l-attenzjoni mill-qrib.

(7)Fit-30 ta' April 2015, is-Slovenja ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tagħha għall-2015 kif ukoll il-Programm ta' Stabbiltà għall-2015. Biex jiġu kkunsidrati l-konnessjonijiet ta' bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess żmien.

(8)Is-Slovenja bħalissa qiegħda fit-taqsima korrettiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Fil-Programm ta’ Stabbiltà tiegħu għall-2015, il-gvern qed jippjana li jikkoreġi d-defiċit eċċessiv sal-2015, f’konformità mad-data ta’ skadenza stabbilita mill-Kunsill, u li jilħaq l-objettiv għat-terminu medju – pożizzjoni baġitarja bilanċjata f’termini strutturali – sal-2020, jiġifieri sena wara l-perjodu tal-programm. Il-gvern qed jippjana li gradwalment itnaqqas id-defiċit nominali għal 2.9 % tal-PDG fl-2015 u għal 0.9 % tal-PDG fl-2019. Skont il-Programm ta’ Stabbiltà, il-proporzjon tad-dejn tal-gvern imqabbel mal-PDG huwa mistenni li jilħaq il-quċċata fl-2015 b'81.6 %, qabel ma jibda jonqos. Ix-xenarju makroekonomiku li jsostni l-projezzjonijiet baġitarji fil-programm huwa plawżibbli. Fuq il-bażi tat-tbassir tar-rebbiegħa tal-2015 tal-Kummissjoni, hija prevista korrezzjoni f’waqtha u fit-tul tad-defiċit eċċessiv sal-2015. Fl-istess ħin, l-isforz fiskali huwa inqas minn dak li huwa rrakkomandat mill-Kunsill, fuq il-bażi tal-bilanċ strutturali u l-miżuri diskrezzjonali li ttieħdu. Jekk wieħed jassumi korrezzjoni f’waqtha tad-defiċit eċċessiv kif ippjanat, is-Slovenja se tkun suġġetta għall-parti preventiva tal-Patt fl-2016. Miżuri li jappoġġjaw il-miri ppjanati tad-defiċit mill-2016 'il quddiem għadhom ma ġewx speċifikati biżżejjed. Għalhekk, fid-dawl ta’ dan it-tbassir tar-rebbiegħa tal-2015 tal-Kummissjoni, jidher li hemm riskju ta’ devjazzjoni sinifikanti mill-aġġustament meħtieġ lejn l-objettiv ta’ terminu medju fl-2016 u li aktar miżuri se jkunu meħtieġa. Abbażi tal-valutazzjoni tiegħu tal-Programm ta’ Stabbiltà u filwaqt li jqis it-tbassir tar-rebbiegħa tal-2015 tal-Kummissjoni, il-Kunsill huwa tal-opinjoni li hemm riskju li s-Slovenja mhux se tkun f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Fir-rigward tar-regoli fiskali, fl-2013 il-parlament approva bażi kostituzzjonali għall-istabbiliment ta' regola ta' bilanċ baġitarju/surplus tal-amministrazzjoni pubblika f'termini strutturali. Madankollu, il-leġiżlazzjoni meħtieġa ta’ implimentazzjoni, għad trid tiġi adottata. Ir-reviżjonijiet fl-Att dwar il-Finanzi Pubbliċi huma mistennija li jipprovdu l-bażi leġiżlattiva meħtieġa għall-kwistjonijiet proċedurali li jirfdu r-regoli fiskali.

(9)Is-Slovenja ħadet azzjoni biex tnaqqas il-pressjonijiet fuq is-sostenibbiltà fuq terminu medju tas-sistema tal-pensjonijiet iżda l-parametri ewlenin għad iridu jiġu aġġustati biex tiżgura s-sostenibbiltà tagħha wara l-2020. Ir-riforma tal-pensjonijiet tal-2013 kellha impatt pożittiv u l-att legali li jistabbilixxi fond demografiku huwa mistenni li jiġi adottat f’Ġunju 2015. Madankollu, jeħtieġ riforma ulterjuri biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà fit-tul tal-pensjonijiet. Ma sar l-ebda progress fir-rigward ta' riforma fit-tul għall-kura. Fi tmiem l-2013, il-gvern adotta pjan ta’ azzjoni għal riforma fit-tul tal-kura iżda l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni li timplimenta r-riforma ġiet posposta sal-aħħar tal-2015 sabiex tippermetti deċiżjonijiet minn qabel dwar riforma tal-assigurazzjoni tas-saħħa inkluża l-kwistjoni ta’ sorsi għall-finanzjament ġenerali tal-kura tas-saħħa u l-kura fit-tul. In-nefqa marbuta mal-età fuq il-kura fit-tul tista' tiġi llimitata bl-indirizzar tal-benefiċċji għal dawk l-aktar fil-bżonn u iffokar mill-ġdid tal-provvediment tal-kura minn kura f'istituzzjonijiet għal kura fid-dar.

(10)F’Jannar tal-2015 ġie konkluż Ftehim Soċjali li jipprovdi li t-tkabbir fil-paga fis-settur pubbliku se jibqa’ lura mit-tkabbir fil-pagi tas-settur privat. Il-kompożizzjoni u l-indiċjar tal-pagi minimi mhumiex koperti b’dan il-Ftehim. Filwaqt li għadu relattivament għoli meta mqabbel mal-medja tal-pagi, it-tkabbir riċenti tal-paga minima kien limitat. L-evalwazzjoni tar-riforma tas-suq tax-xogħol tal-2013 turi li qed jonqsu r-restrizzjonijiet tas-suq tax-xogħol, iżda għadhom jippersistu problemi strutturali fir-rigward tal-qgħad fit-tul u r-rati baxxi ta’ impjiegi ta’ ħaddiema b’ħiliet baxxi u ħaddiema aktar anzjani. Is-Slovenja ħadet xi azzjoni biex tindirizza n-nuqqas ta’ tlaqqigħ tal-ħiliet u hemm bosta miżuri oħrajn ippjanati sal-2020.

(11)Is-settur bankarju kompla jsir stabbli permezz tar-rikapitalizzazzjoni ta’ Abanka u Banka Celje fl-2014. Pjan ta’ azzjoni komprensiv għall-banek ġie ffinalizzat u ppreżentat lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru f’Jannar tal-2015. Il-Bank tas-Slovenja żgura s-segwitu tad-dgħufijiet identifikati fir-Rieżami tal-Kwalità tal-Assi tal-2013 u se jerġa jibda bl-ispezzjonijiet fuq il-post fl-ewwel kwart tal-2015 biex jivverifika jekk ir-rakkomandazzjonijiet ikunux ġew implimentati mill-banek. Il-banek prinċipali wettqu riorganizzazzjoni u rrinfurzaw l-unitajiet tagħhom tal-ħidma u r-ristrutturar. Madankollu, hemm bżonn li tingħata spinta lill-profittabbiltà fit-tul u li jitnaqqas is-self mhux produttiv fis-settur korporattiv biex is-settur bankarju jkun aktar f'saħħtu. Ġew stabbiliti kemm pjan regolatorju għar-ristrutturar korporattiv u kemm task force korporattiva ċentralizzata ta’ ristrutturar. Aktar tnaqqis fl-ingranaġġ tas-settur korporattiv, inkluż permezz ta' Kumpanija Bankarja tal-Immaniġġjar tal-Assi u bl-applikazzjoni sħiħa tal-leġislazzjoni l-ġdida tal-insolvenza, se jgħin sabiex ikunu restawrati l-kundizzjonijiet għal rikorrenza ta’ investiment privat. L-attività ta’ self bankarju qed tkompli tonqos, prinċipalment b'effett fuq l-SMEs. Ir-rikapitalizzazzjoni tas-settur bankarju reċenti hi mistennija li turi r-riżultati kompleti biss fl-2016. Self imrażżan mill-banek u rati ta’ imgħax għoljin huma ta’ piż fuq il-kapaċità tal-finanzjament tal-SMEs. Filwaqt li naqas il-proporzjon ta’ applikazzjonijiet għal self miċħud matul l-aħħar sitt snin, in-numru tal-SMEs li rrappurtaw deterjorament fid-dispożizzjoni tal-banek li jipprovdulhom self, kiber b’mod sostanzjali u hu wieħed mill-ogħla fl-UE.

(12)Il-programm ta’ privatizzazzjoni qed jagħmel progress, għalkemm b’dewmien. Ir-ristrutturar ta’ ħames banek kbar tal-Istat u x-xoljiment ta’ żewġ banek domestiċi żgħar qegħdin fit-triq it-tajba. L-Impriża Sovrana Slovena (Slovenian Sovereign Holding) responsabbli mill-ġestjoni tal-assi tal-Istat, issa qed taħdem kompletament. Għad irid jiġi approvat abbozz ta’ strateġija tal-ġestjoni tal-assi mill-Parlament Sloven u dan huwa mistenni li jiġi segwit bir-rilaxx tal-iskeda ta’ ċessjoni għal għadd ta’ assi mmirati sew li huma proprjetà tal-Istat. Il-kodiċi ta’ governanza korporattiva l-ġdid ġie adottat mill-Impriża Sovrana Slovena f’Diċembru tal-2014 u f’Jannar tal-2015 ġie maħtur uffiċjal tal-konformità.

(13)L-effiċjenza tal-qrati ttejbet aktar fl-2014, minkejja li b’pass aktar bil-mod. Filwaqt li sar xi progress fit-tnaqqis tat-tul tal-proċedimenti ġudizzjarji fl-ewwel istanza f’każijiet ċivili u kummerċjali, inklużi kawżi skont il-leġiżlazzjoni dwar l-insolvenza, it-tul tal-proċedimenti u n-numru ta’ kawżi mhux solvuti ta’ kawżi pendenti għadu sinifikanti.

(14)Ambjent tan-negozju li ma joffrix appoġġ fis-Slovenja huwa fattur ewlieni għal livell baxx ta’ investiment fin-negozju fis-Slovenja u l-għadd kbir ta’ liġijiet u għadd ta’ bidliet fil-leġiżlazzjoni jagħmluha diffiċli biex wieħed ikollu negozju u jikkonforma mar-regolamentazzjoni lokali. L-għadd ta’ professjonijiet irregolati naqas minn 323 għal 242, iżda għadu għoli. Ġew implimentati madwar 25% tal-miżuri inklużi fid-Dokument Uniku biex jinqata' l-piż amministrattiv. Qed jiġu pprovduti awtonomija baġitarja suffiċjenti għall-Aġenzija għall-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni u indipendenza istituzzjonali.

(15)Il-gvern il-ġdid saħaq fuq l-impenn tiegħu li jiġġieled il-korruzzjoni u jadotta programm ġdid ta’ sentejn ta’ 11-il miżura perenni f’Jannar tal-2015. Sar xi progress rigward it-trasparenza u r-responsabbiltà. Qed titħejja riforma komprensiva tas-settur pubbliku. Ma sar l-ebda progress rigward rapporti dwar l-evalwazzjoni tal-prestazzjoni u l-proċeduri tal-kontroll tal-kwalità.

(16)Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tas-Slovenja u ppublikatha fir-rapport tal-pajjiż tal-2015. Hija vvalutat ukoll il-Programm ta’ Stabbiltà u l-Programm ta’ Riforma Nazzjonali u s-segwitu mgħoti għar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lis-Slovenja fis-snin preċedenti. Mhux biss qieset ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fis-Slovenja imma qieset ukoll il-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-UE, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni Ewropea billi jingħata kontribut fil-livell tal-UE għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri. Ir-rakkomandazzjonijiet skont is-Semestru Ewropew huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet minn 1 sa 4 ta' hawn taħt.

(17)Fid-dawl tar-rieżami fil-fond tal-Kummissjoni u din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm Nazzjonali ta' Riforma u l-Programm ta' Stabbiltà. Ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet minn (1) sa (4) hawn taħt.

(18)Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni wettqet ukoll analiżi tal-politika ekonomika taż-Żona tal-Euro inġenerali. Fuq il-bażi ta' din l-analiżi, il-Kunsill ħareġ rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hi l-euro. Is-Slovenja għandha tiżgura wkoll l-implimentazzjoni sħiħa u f'waqtha ta' dawn ir-rakkomandazzjonijiet.

B’DAN JIRRAKKOMANDA li s-Slovenja tieħu azzjoni fil-perjodu 2015-2016 biex:

1.Tiżgura korrezzjoni fit-tul tad-defiċit eċċessiv fl-2015, u tikseb aġġustament fiskali ta’ 0.6% tal-PDG lejn l-objettiv ta’ terminu medju fl-2016. Tadotta l-Att tar-Regoli Fiskali u tirrevedi l-Att dwar il-finanzi pubbliċi. Tmexxi 'l quddiem ir-riforma fit-tul tas-sistema tal-pensjonijiet. Sa tmiem l-2015 tadotta r-riforma tal-kura tas-saħħa u tal-kura fit-tul.

2.Tirrieżamina, b'konsultazzjoni mal-isħab soċjali u bi qbil mal-prassi nazzjonali, il-mekkaniżmu għall-issettjar tal-pagi minimi, u b’mod partikolari r-rwol ta’ kwoti, fid-dawl tal-impatt tal-faqar fost dawk li jaħdmu, il-ħolqien tal-impjiegi u l-kompetittività. Iżżid l-impjegabbiltà ta’ dawk b’ħiliet baxxi u ħaddiema aktar anzjani. Tieħu miżuri biex tindirizza l-qgħad fit-tul u tipprovdi inċentivi adegwati biex tiġi estiża l-ħajja tax-xogħol.

3.Tnaqqas il-livell ta’ self improduttiv fil-banek permezz tal-introduzzjoni ta’ miri speċifiċi. Ittejjeb il-kapaċità ta’ monitoraġġ tar-riskju tal-kreditu fil-banek. Tkompli r-ristrutturar korporattiv u żżomm governanza korporattiva b’saħħitha fil-Kumpanija tal-Ġestjoni tal-Assi tal-Banek. Tieħu miżuri biex ittejjeb l-aċċess għall-finanzjament tal-SMEs u l-kumpaniji mikro. Tadotta strateġija għall-Impriża Sovrana Slovena bi klassifikazzjoni ċara tal-assi, fuq bażi annwali, timplementa pjan ta’ ġestjoni tal-assi u tapplika kriterji ta’ prestazzjoni.

4.Tiżgura li r-riformi adottati sabiex itejbu l-effiċjenza tal-ġustizzja ċivili jgħinu fit-tnaqqis tat-tul tal-proċedimenti.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1) ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.
(2) ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.
(3) COM(2015) 273
(4) P8_TA(2015)0067, P8_TA(2015)0068, P8_TA(2015)0069
(5) ĠU L 140, 27.5.2013, p.11.
(6) C(2014) 8813 final
(7) COM(2014) 902
(8) COM(2014) 904
(9) SWD(2015) 43 final/2