Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It‑Tielet Awla)

16 ta’ Lulju 2026 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi – Direttiva 2002/21/KE – Artikolu 9 – Ġestjoni tal-frekwenzi tar-radju għas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi – Prinċipju ta’ newtralità fir-rigward tas-servizzi – Artikolu 9a – Eżami mill-ġdid tar-restrizzjonijiet għad-drittijiet tal-użu tal-frekwenzi eżistenti tar-radju – Miżura nazzjonali li timponi lil detentur tad-drittijiet tal-użu tal-frekwenzi tar-radju juża dawn il-frekwenzi tar-radju skont id-dispożizzjonijiet tal-pjan nazzjonali ta’ allokazzjoni tal-frekwenzi u li ma tippermettix li jiġu eżerċitati attivitajiet differenti – Miżura nazzjonali li timponi li l-imsemmija frekwenzi tar-radju jintużaw esklużivament għal servizzi tax-xandir tat-televiżjoni diġitali terrestri”

Fil-Kawża C‑401/25,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑16 ta’ Ġunju 2025, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑17 ta’ Ġunju 2025, fil-proċedura

Elettronica Industriale SpA

vs

Ministero delle Imprese e del Made in Italy,

fil-preżenza ta’:

Autorità per le Garanzie nelle Comunicazioni (AGCOM),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It‑Tielet Awla),

komposta minn C. Lycourgos (Relatur), President tal-Awla, O. Spineanu‑Matei, S. Rodin, N. Piçarra u N. Fenger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez‑Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Elettronica Industriale SpA, minn M. Molino, C. Previti u G. Rossi, avvocati,

–        għall-Gvern Taljan, minn S. Fiorentino, bħala aġent, assistit minn G. Aiello u A. De Curtis, avvocati dello Stato,

–        għall-Gvern Ċek, minn L  Halajová, J. Očková u J. Vláčil, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Conte u O. Gariazzo, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 9 u 9a tad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑7 ta’ Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol 29, p. 349), kif emendata bid-Direttiva 2009/140/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2009 (ĠU 2009, L 337, p. 37, rettifika fil-ĠU 2013, L 241, p. 8) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva Qafas”), kif ukoll tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Elettronica Industriale SpA u l-Ministero delle Imprese e del Made in Italy (il-Ministeru għall-Impriżi u għall-Made in Italy, l-Italja) (iktar ’il quddiem il-“Ministeru”) dwar ir-rifjut ta’ dan tal-aħħar li jilqa’ t-talba ta’ din il-kumpannija sabiex tiġi eżaminata mill-ġdid ir-restrizzjoni għad-drittijiet tagħha tal-użu tal-frekwenzi tar-radju għas-servizzi tat-televiżjoni diġitali terrestri (TDT).

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva Qafas

3        Il-premessi 18 u 19 tad-Direttiva Qafas jipprovdu:

“(18)      Il-ħtiġiet li l-Istati Membri jiżguraw li l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji jagħtu l-akbar kont tax-xewqa li jsiru regolamenti teknoloġikament newtrali, jiġifieri li la jimponu u lanqas jiddiskriminaw favur l-użu ta’ tip partikolari ta’ teknoloġija, ma jipprekludux li jittieħdu passi proporzjonati biex jippromwovu ċerti servizzi speċifiċi fejn dan ikun ġustifikat, per eżempju t-televixin diġitali bħala mezz għaż-żieda ta’ l-effikaċja fl-Ispettru.

(19)      Il-frekwenzi tar-radju huma kontribizzjoni essenzjali għas-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi bbażati fuq ir-radju u, sal-limitu li jirrelataw ma’ dawk is-servizzi, għandhom għalhekk ikunu allokati u assenjati mill-awtoritajiet nazzjonali regolatorji skond settt ta’ miri armonizzati u prinċipji li jirregolaw l-azzjoni tagħhom kif ukoll fuq kriterji oġġettivi, trasparenti u mhux diskriminatorji, waqt li jingħata kont ta’ l-interessi demokratiċi, soċjali, lingwistiċi u kulturali relatati ma l-użu tal-frekwenza. Huwa importanti li l-allokazzjoni u l-assenjament tal-frekwenzi tar-radju jiġu amministrati bl-aktar mod effiċjenti possibbli. [...]”

4        L-Artikolu 2(q) ta’ din id-direttiva kien jiddefinixxi l-kunċett ta’ “allokazzjoni ta’ spettru” bħala “l-indikazzjoni ta’ medda ta’ frekwenzi għal użu minn tip wieħed jew aktar ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni bir-radju, fejn xieraq, taħt kondizzjonijiet speċifiċi”.

5        L-Artikolu 4(1) tal-imsemmija direttiva kien jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkunu jeżistu mekkaniżmi effettivi fil-livell nazzjonali li bihom kull utent jew impriża li jipprovdu n-networks u/jew s-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika u li jkunu affettwati minn deċiżjoni tal-awtorità regolatorja nazzjonali jkollhom id-dritt li jappellaw kontra d-deċiżjoni quddiem entità ta’ appell li tkun indipendenti mill-partijiet involuti. Din l-entità, li tista’ tkun qorti, għandu jkollha l-kompetenza xierqa biex tkun tista’ twettaq il-funzjonijiet tagħha b’mod effettiv. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-merti tal-każ jitqiesu kif xieraq u li jkun hemm mekkaniżmu ta’ appell effettiv.

[...]”

6        Skont l-Artikolu 8 tal-istess direttiva, l-Istati Membri kellhom jiżguraw, fit-twettiq tal-kompiti regolatorji speċifikati fid-Direttiva Qafas kif ukoll fid-direttivi speċifiċi, li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jieħdu l-miżuri raġonevoli kollha intiżi, b’mod partikolari, li jippromwovu l-kompetizzjoni fil-provvista tan-networks u tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, li jikkontribwixxu għall-iżvilupp tas-suq intern u li jsostnu l-interessi taċ-ċittadini tal-Unjoni.

7        L-Artikolu 9 tad-Direttiva Qafas kien jipprovdi:

“1.      B’kont debitu meħud tal-fatt li l-frekwenzi tar-radju huma beni pubbliċi li għandhom valur soċjali, kulturali u ekonomiku importanti, l-Istati Membri għandhom jiżguraw il-ġestjoni effettiva ta’ frekwenzi tar-radju għal servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika fit-territorju tagħhom skont l-Artikolu 8 u 8a. Huma għandhom jiżguraw li l-allokazzjoni tal-ispettur użat għal servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika u l-ħruġ ta’ awtorizzazzjonijiet ġenerali jew drittijiet individwali ta’ użu ta’ tali frekwenzi tar-radju minn awtoritajiet nazzjonali kompetenti huma bbażati fuq kriterji oġġettivi, trasparenti, mhux diskriminatorji u proporzjonati.

Bl-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri jkunu qegħdin jirrispettaw il-ftehimiet internazzjonali relevanti, inklużi r-Regolamenti tal-[Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni (ITU)] tar-Radju, u jkunu jistgħu jqisu l-prospettivi tal-politika pubblika.

[...]

3.      Sakemm ma jipprovdux mod ieħor it-tieni subparagrafu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tipi kollha ta’ teknoloġija użati għas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika jkunu jistgħu jintużaw fil-meded ta’ frekwenzi tar-radju dikjarati disponibbli għas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika fil-Pjan ta’ Allokazzjoni ta’ Frekwenzi Nazzjonali tagħhom skont il-liġi Komunitarja.

Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal restrizzjonijiet proporzjonati u mhux diskriminatorji fuq it-tipi ta’ teknoloġija tan-network tar-radju jew tal-aċċess bla wajer użati għas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika, fejn dan ikun iġġustifikat biex:

(a)      tiġi evitata l-interferenza li tagħmel il-ħsara;

(b)      titħares is-saħħa pubblika mill-kampijiet elettromanjetiċi;

(c)      tiġi żgurata kwalità teknika ta’ servizz;

(d)      jiġi żgurat li l-użu tal-frekwenza tar-radju kemm jista’ jkun jinqasam;

(e)      ikun issalvagwardjat l-użu effiċjenti tal-ispettru, jew

(f)      jiġi żgurat li jinkiseb għan ta’ interess ġenerali taħt il-paragrafu 4.

4.      Sakemm ma jipprovdux mod ieħor fit-tieni subparagrafu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tipi kollha ta’ servizzi tal-komunikazzjoni elettronika jistgħu jkunu provduti fil-meded tal-frekwenzi tar-radju u dikjarati disponibbli għal servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika fil-Pjan ta’ Allokazzjoni ta’ Frekwenzi Nazzjonali tagħhom skont il-liġi Komunitarja. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu restrizzjonijiet proporzjonati u mhux diskriminatorji fuq it-tipi ta’ servizzi tal-komunikazzjoni elettronika li se jkunu pprovduti, inklużi, fejn hu meħtieġ, biex jiġi ssodisfatt rekwiżit skont ir-Regolamenti tal-ITU dwar ir-Radju.

Miżuri li jeħtieġu li jiġi provdut servizz ta’ komunikazzjoni elettronika f’medda speċifika disponibbli għal servizz ta’ komunikazzjoni elettronika għandu jkun ġustifikat sabiex jiġi żgurat is-sodisfazzjon ta’ għan ta’ interess ġenerali kif definit mill-Istati Membri f’konformità mal-liġi Komunitarja, bħal u mhux limitat għal:

(a)      sikurezza tal-ħajja;

(b)      il-promozzjoni ta’ koeżjoni soċjali, reġjonali jew territorjali;

(c)      l-evitar ta’ użu ineffiċjenti ta’ frekwenzi tar-radju, jew

(d)      il-promozzjoni ta’ diversità kulturali u lingwistika u pluraliżmu tal-media, per eżempju bil-forniment ta’ servizzi ta’ xandir bir-radju u t-televiżjoni.

Miżura li tipprojbixxi l-provvista ta’ kull servizz ieħor ta’ komunikazzjoni elettronika f’medda speċifika tista’ tiġi prevista biss fejn tkun ġustifikata mill-ħtieġa li jkunu protetti servizzi tas-sikurezza tal-ħajja. L-Istati Membri jistgħu b’eċċezzjoni jestendu wkoll tali miżura sabiex jissodisfaw għanijet ta’ interess ġenerali oħrajn kif iddefinit mill-Istati Membri skont il-liġi Komunitarja.

5.      L-Istati Membri għandhom jirrevedu regolarment il-ħtieġa tar-restrizzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 3 u 4 u għandhom jagħmlu r-riżultati ta’ dawn ir-reviżjonijiet pubbliċi.

6.      Il-paragrafi 3 u 4 għandhom japplikaw għall-ispettru allokat għall-użu tas-servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika, l-awtorizzazzjonijiet ġenerali maħruġa u d-drittijiet individwali ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju mogħtija wara l‑25 ta’ Mejju 2011.

L-allokazzjonijiet tal-ispettru, l-awtorizzazzjonijiet ġenerali u d-drittijiet tal-użu individwali li eżistew sal‑25 ta’ Mejju 2011 għandhom ikunu soġġetti għall-Artikolu 9a.

7.      Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tad-Direttivi Speċifiċi u b’kont meħud taċ-ċirkostanzi nazzjonali rilevanti, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu regoli sabiex jevitaw l-ħżin tal-ispettru, b’mod partikolari billi jistabbilixxu skadenzi stretti għall-esplojtazzjoni effettiva tad-drittijiet tal-użu mid-detentur tad-drittijiet u billi japplikaw penaltajiet, inkluż penali finanzjarji jew l-irtirar ta’ drittijiet ta’ użu f’każ ta’ non konformità mal-iskadenzi. Dawn ir-regoli għandhom jiġu stabbiliti u applikati b’mod proporzjonat, non diskriminatorju u trasparenti.”

8        L-Artikolu 9a ta’ din id-direttiva kien jipprevedi:

“1.      Għal perjodu ta’ ħames snin li jibda mill‑25 ta’ Mejju 2011, l-Istati Membri jistgħu jippermettu lid-detenturi ta’ drittijiet tal-użu ta’ frekwenzi tar-radju li jkunu ngħataw qabel dik id-data u li ser jibqgħu validi għal perijodu ta’ mhux anqas minn ħames snin wara dik id-data, li jressqu applikazzjoni lill-awtorità regolatorja nazzjonali kompetenti għal reviżjoni tar-restrizzjonijiet għad-drittijiet tagħhom, skont l-Artikolu 9(3) u (4).

Qabel ma tadotta d-deċiżjoni tagħha, l-awtorità regolatorja nazzjonali kompetenti għandha tinnotifika d-detentur tad-drittijiet bir-reviżjoni mill-ġdid tagħha tar-restrizzjonijiet u tindika sa fejn jasal id-dritt konċernat wara r-reviżjoni u għandha tagħtih skadenza raġonevoli biex jirtira l-applikazzjoni tiegħu.

Jekk id-detentur tad-drittijiet jirtira l-applikazzjoni tiegħu, id-dritt għandu jibqa’ bla tibdil sal-iskadenza tiegħu jew sa tmiem il-perjodu ta’ 5 snin, skont liema data hija l-aktar kmieni.

2.      Wara l-perjodu ta’ ħames snin imsemmi fil-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li l-Artikolu 9(3) u (4) japplikaw għall-awtorizzazzjonijiet jew drittijiet individwali u allokazzjonijiet tal-ispettru użati għas-servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika li eżistew sal‑25 ta’ Mejju 2011.

3.      Fl-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jippromwovu l-kompetizzjoni ġusta.

4.       Il-miżuri adottati fl-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu ma jikkostitwixxux l-għoti ta’ drittijiet ta’ użu ġodda u għalhekk mhumiex soġġetti għad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2002/20/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑7 ta’ Marzu 2002 dwar l-awtorizzazzjoni ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Volum 29, p. 337)].”

 Id-Direttiva 2009/140

9        Il-premessi 34 sa 36, 38 u 40 tad-Direttiva 2009/140 kienu jipprovdu:

“(34)      Il-flessibilità fil-ġestjoni tal-ispettru u l-aċċess għall-ispettru għandhom jiżdiedu permezz ta’ awtorizzazzjonijiet newtrali fir-rigward tat-teknoloġija u s-servizz, sabiex l-utenti tal-ispettru jkunu jistgħu jagħżlu l-aqwa teknoloġiji u servizzi li jridu japplikaw f’medda tal-frekwenzi ddikjarati disponibbli għal servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika fil-pjanijiet nazzjonali rilevanti ta’ allokazzjoni tal-frekwenzi skont il-liġi Komunitarja (‘il-prinċipji tan-newtralità tat-teknoloġija u tas-servizz’). Id-determinazzjoni amministrattiva tat-teknoloġiji u s-servizzi għandha tapplika meta l-għanijiet ta’ interess ġenerali jkunu f’periklu u għandha tkun ġustifikata b’mod ċar u soġġetta għal reviżjoni perjodika.

(35)      Ir-restrizzjonijiet għall-prinċipju tan-newtralità tat-teknoloġika għandhom ikunu adatti u ġustifikati mill-ħtieġa li tkun evitata l-interferenza li tagħmel ħsara, per eżempju billi jkunu imposti maskli għall-emissjoni u livelli ta’ enerġija biex tkun żgurata l-protezzjoni tas-saħħa pubblika billi jkun hemm limitu għal kemm il-pubbliku jesponi ruħu għall-kampijiet elettromanjetiċi, sabiex jiġi żgurat it-tħaddim xieraq ta’ servizzi permezz ta’ livell adegwat ta’ kwalità teknika ta’ servizz, filwaqt li ma tiġix prekluża l-possibilità li jiġi użat aktar minn servizz wieħed fl-istess medda ta’ frelwenza, sabiex ikun żgurat l-użu komuni b’mod xieraq tal-ispettru, b’mod partikolari meta l-użu tiegħu jkun soġġett biss għall-awtorizzazzjonijiet ġenerali, biex jiġi salvagwardjat l-użu effiċjenti tal-ispettru, jew biex jiġi ssodisfat l-għan ta’ interess ġenerali f’konformità mal-liġi Komunitarja.

(36)      L-utenti tal-ispettru għandu jkollhom il-libertà li jagħżlu s-servizzi li jixtiequ joffru permezz tal-ispettru, soġġetti għal miżuri tranżitorji sabiex jittrattaw id-drittijiet li jkunu nkisbu minn qabel. Min-naħa l-oħra għandhom jkunu permessi miżuri li jkunu jeħtieġu li l-għoti ta’ servizz speċifiku biex jintlaħqu għanijiet ta’ interess ġenerali definiti b’mod ċar, bħalma huma s-sikurezza tal-ħajja, il-ħtieġa li titħeġġeġ il-koeżjoni soċjali, reġjunali jew territorjali, jew il-prevenzjoni tal-użu ineffiċjenti tal-ispettru, ikun permess meta jkun meħteiġ u xieraq. Dawk l-għanijiet għandhom jinkludu wkoll il-promozzjoni tad-diversità kulturali u lingwistika u l-pluraliżmu fil-media kif definiti mill-Istati Membri konformement mal-liġi Komunitarja. Għajr fejn hu meħtieġ għall-ħarsien tas-sikurezza tal-ħajja jew, f’każijiet straordinarji, sabiex jiġu ssodisfati objettivi oħra ta’ interess ġenerali kif definiti mill-Istati Membri skont il-liġi Komunitarja, l-eċċezzjonijiet ma għandhomx iwasslu għal ċerti servizzi li jkollhom użu esklussiv, iżda għandhom jagħtuhom prijoritajiet sabiex, sa fejn hu possibbli, servizzi jew teknoloġiji oħra jikkoeżistu fl-istess medda.

[...]

(38)      Billi l-allokazzjoni tal-ispettru lil teknoloġiji jew servizzi speċifiċi hija eċċezzjoni għall-prinċipji tan-newtralità tat-teknoloġiji u tas-servizzi u tnaqqas il-libertà tal-għażla tas-servizz jew tat-teknoloġija użata, kull proposta għal din l-allokazzjoni għandha tkun trasparenti u soġġetta għall-konsultazzjoni pubblika.

[...]

(40)      L-introduzzjoni tan-newtralità tat-teknoloġija u tas-servizz, kif ukoll tan-negozju ta’ drittijiet għall-użu tal-ispettru eżistenti, jistgħu jeħtieġu regoli tranżitorji, inklużi miżuri biex jiżguraw il-kompetizzjoni ġusta, għax is-sistema l-ġdida tista’ tagħti d-dritt lil ċerti utenti tal-ispettru li jibdew jikkompetu mal-utenti tal-ispettru li jkunu kisbu d-drittijiet tal-ispettru tagħhom skony termini u kundizzjonijiet aktar stretti. Bil-maqlub, meta d-drittijiet jkunu ngħataw bħala deroga mir-regoli ġenerali jew skont kriterji li ma jkunux oġġettivi, trasparenti, proporzjonati u mhux diskriminatorji, bil-għan li jintlaħaq objettiv ta’ interess ġenerali, is-sitwazzjoni tad-detenturi ta’ dawn id-drittijiet m’għandhiex b’mod inġustifikat tkun għad-detriment tal-kompetituri ġodda tagħhom lil hinn minn dak li jkun meħtieġ biex jintlaħaq tali objettiv ta’ interess ġenerali jew objettiv marbut ieħor ta’ interess ġenerali.”

 Id-dritt Taljan

10      L-Artikolu 14 tad-decreto legislativo n. 259 – Codice delle comunicazioni elettroniche (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 259 li Jistabbilixxi il-Kodiċi tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi), tal‑1 ta’ Awwissu 2003 (GURI Nru 214, tal‑15 ta’ Settembru 2003, Suppliment Ordinarju Nru 150), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi”), jipprevedi, fil-paragrafi 4 sa 8 tiegħu:

“4. Bla ħsara għal dispożizzjoni kuntrarja fil-paragrafu 2, il-[Ministeru] u l-[Autorità per le garanzie nelle comunicazioni (l-Awtorità Superviżorja tal-Komunikazzjonijiet, l-Italja) (iktar’ il quddiem l-‘Awtorità’)], kull wieħed u waħda minnhom fil-kuntest tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, għandhom jiżguraw, fil-pjan nazzjonali ta’ distribuzzjoni u ta’ assenjazzjoni tal-frekwenzi konformement mad-dritt tal-Unjoni, li, fil-meded ta’ frekwenzi ddikjarati disponibbli għas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, it-tipi kollha ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi jkunu jistgħu jiġu pprovduti. Il-Ministeru u l-Awtorità, fil-kuntest tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, jistgħu, madankollu, jipprevedu restrizzjonijiet proporzjonati u mhux diskriminatorji fir-rigward tat-tipi ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi li jkunu jistgħu jiġu pprovduti, inkluż, fejn ikun meħtieġ, sabiex jiġi ssodisfatt rekwiżit tar-Regolamenti tal-ITU dwar ir-Radju u tar-Regolamenti tal-[Konferenza Ewropea tal-Awtoritajiet tal-Posta u tat-Telekomunikazzjonijiet (CEPT)].

5.      Il-miżuri li jirrikjedu l-provvista ta’ servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi f’medda speċifika ta’ frekwenzi disponibbli għas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi għandhom ikunu ġġustifikati sabiex jiġi żgurat li jintlaħaq għan ta’ interess ġenerali konformi mad-dritt Ewropew, bħal, pereżempju, b’mod mhux eżawrjenti:

(a)      l-iżgurar tal-protezzjoni tal-ħajja tal-bniedem;

(b)      il-promozzjoni tal-koeżjoni soċjali, reġjonali jew territorjali;

(c)      l-evitar ta’ użu ineffikaċi tal-frekwenzi tar-radju; jew

(d)      il-promozzjoni tad-diversità kulturali u lingwistika kif ukoll tal-pluraliżmu tal-media, inkluż permezz tal-provvista ta’ servizzi tax-xandir bir-radju jew bit-televiżjoni.

6.      Il-Ministeru u l-Awtorità, fil-kuntest tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, jistgħu jipprojbixxu l-provvista ta’ kwalunkwe servizz ieħor ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi f’medda speċifika biss meta dan ikun iġġustifikat min-neċessità li jiġu protetti s-servizzi intiżi li jiżguraw il-protezzjoni tal-ħajja tal-bniedem. Din il-projbizzjoni tista’ tiġi b’mod eċċezzjonali estiża sabiex jintlaħqu għanijiet oħra ta’ interess ġenerali ddefiniti konformement mad-dritt tal-Unjoni.

7.      Il-Ministeru u l-Awtorità għandhom perjodikament jeżaminaw mill-ġdid, fil-kuntest tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, in-neċessità għar-restrizzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 3 sa 6 u huma għandhom jippubblikaw ir-riżultati ta’ dan l-eżami mill-ġdid.

8.      Il-paragrafi 3 u 4 għandhom japplikaw għall-ispettru tar-radju allokat lis-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi kif ukoll għall-awtorizzazzjonijiet ġenerali u għad-drittijiet individwali tal-użu tal-frekwenzi tar-radju mogħtija mid-data msemmija fit-tieni sentenza tal-Artikolu 4(1) tad-decreto legge n. 34 [(id-Digriet-Liġi Nru 34)], tal‑31 ta’ Marzu 2011 [(GURI Nru 74, tal‑31 ta’ Marzu 2011, p. 1)], li sar, wara emendi, il-legge n. 75 [(il-Liġi Nru 75)], tas‑26 ta’ Mejju 2011 [(GURI Nru 122, tas‑27 ta’ Mejju 2011, p. 2)], kif emendata. Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 14a għandhom japplikaw għall-allokazzjonijiet ta’ frekwenzi, għall-awtorizzazzjonijiet ġenerali u għad-drittijiet individwali ta’ użu eżistenti fi tmiem il-perijodu preċedenti.”

11      L-Artikolu 14a tal-Kodiċi tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi jipprovdi:

“1.      Sal‑25 ta’ Mejju 2016, il-Ministeru u l-Awtorità jistgħu, konformement mal-kompetenzi rispettivi tagħhom, jawtorizzaw lid-detenturi tad-drittijiet tal-użu tal-frekwenzi tar-radju mogħtija qabel id-data ta’ skadenza stabbilita fl-Artikolu 14(8), u li jkunu għadhom validi sa din id-data, iressqu talba għall-eżami mill-ġdid tar-restrizzjonijiet għad-drittijiet tagħhom konformement mal-Artikolu 14(4) sa (7). Qabel ma jadottaw deċiżjoni, fil-kuntest tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, il-Ministeru u l-Awtorità għandhom jinformaw lid-detentur tad-dritt għal eżami mill-ġdid, filwaqt li jispeċifikaw il-portata tad-dritt wara l-eżami mill-ġdid, u huma għandhom jagħtu lill-persuna li tressaq talba għal eżami mill-ġdid terminu sabiex tirtira t-talba tagħha. Jekk id-detentur tad-dritt jirtira t-talba tiegħu, id-dritt għandu jibqa’ l-istess sakemm jiskadi jew sal‑25 ta’ Mejju 2016, skont liema data tiġi l-aħħar.

2.      Wara l‑25 ta’ Mejju 2016, il-Ministeru u l-Awtorità għandhom, konformement mal-kompetenzi rispettivi tagħhom, jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li l-Artikolu 14(3) sa (7) ikun japplika għall-awtorizzazzjonijiet ġenerali kollha li jkun jifdal, għad-drittijiet individwali ta’ użu u għall-allokazzjonijiet tal-ispettru tar-radju għall-finijiet tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi.

3.      Meta japplikaw dan l-artikolu, il-Ministeru u l-Awtorità għandhom, konformement mal-kompetenzi rispettivi tagħhom, jadottaw dispożizzjonijiet xierqa sabiex jippromwovu kundizzjonijiet ekwi ta’ kompetizzjoni.

4.      Il-miżuri adottati b’applikazzjoni ta’ dan l-artikolu ma jikkostitwixxux l-għoti ta’ dritt ġdid ta’ użu u għalhekk ma humiex suġġetti għad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Artikolu 27 ta’ dan il-kodiċi.”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

12      Elettronica Industriale, operatriċi ta’ network ta’ telekomunikazzjonijiet Taljan, hija detentriċi tad-drittijiet tal-użu tal-frekwenzi tar-radju għat-TDT, li jikkorrispondu għal ħames networks fuq livell nazzjonali (multiplex), mogħtija fit‑28 ta’ Ġunju 2012 mill-Ministeru.

13      Fl‑24 ta’ Mejju 2016, din il-kumpannija talbet lill-Ministeru l-eżami mill-ġdid tar-restrizzjoni għal dawn id-drittijiet ta’ użu, li kienu ngħataw biss għas-servizzi tax-xandir għat-TDT. Din it-talba kienet intiża, b’mod partikolari, sabiex tinkiseb it-tneħħija ta’ din ir-restrizzjoni.

14      Wara li l-Ministeru ċaħad l-imsemmija talba, l-imsemmija kumpannija ppreżentat rikors intiż għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni ta’ ċaħda quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Lazio, l-Italja), billi sostniet, b’mod partikolari, li din iċ-ċaħda kienet ivvizzjata bi ksur tal-prinċipju ta’ newtralità fir-rigward tas-servizzi, imsemmi fl-Artikolu 9 tad-Direttiva Qafas.

15      Dik il-qorti ċaħdet dak ir-rikors għar-raġunijiet, b’mod partikolari, li kemm l-Artikolu 9(4) tad-Direttiva Qafas kif ukoll l-Artikolu 14(4) tal-Kodiċi tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi kienu jipprevedu li l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ newtralità fir-rigward tas-servizzi tista’ sseħħ biss fil-kuntest iddeterminat mill-“pjanijiet nazzjonali ta’ allokazzjoni tal-frekwenzi”. F’dan ir-rigward, skont l-Artikolu 14a ta’ dan il-kodiċi, id-detenturi tad-drittijiet ta’ użu mogħtija qabel it‑30 ta’ Ġunju 2012 jistgħu jitolbu eżami mill-ġdid tar-restrizzjonijiet għad-drittijiet tagħhom “skont l-Artikolu 14(4) sa (7) [tal-imsemmi kodiċi]”, u, konsegwentement, b’osservanza ta’ dak li jipprevedi l-pjan nazzjonali ta’ distribuzzjoni u ta’ assenjazzjoni tal-frekwenzi. Skont l-imsemmija qorti, peress li r-rikorrenti ma kinitx ikkontestat il-pjan fis-seħħ fid-data tat-talba tagħha għal eżami mill-ġdid tal‑24 ta’ Mejju 2016, dan il-pjan ma setax jikkostitwixxi s-suġġett tat-tilwima tal-proċedura quddiemha.

16      Elettronica Industriale appellat minn dik id-deċiżjoni ta’ ċaħda quddiem il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), li huwa l-qorti tar-rinviju.

17      Il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) jindika li l-Artikolu 14 tal-Kodiċi tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi, li introduċa fid-dritt Taljan il-prinċipji ta’ newtralità teknoloġika u ta’ newtralità fir-rigward tas-servizzi, jipprovdi li t-teknoloġiji kollha jistgħu jintużaw għas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u li t-tipi kollha ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi jistgħu jiġu pprovduti, iżda biss fil-meded ta’ frekwenza ddikjarati disponibbli għas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi permezz tal-pjan nazzjonali ta’ distribuzzjoni u ta’ assenjazzjoni tal-frekwenzi konformement mad-dritt tal-Unjoni.

18      F’dan ir-rigward, huwa jenfasizza li s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ taħt il-pjan nazzjonali ta’ distribuzzjoni u ta’ assenjazzjoni tal-frekwenzi tas-sena 2015, li kien jirriżerva l-allokazzjoni, b’mod primarju, tal-medda ta’ frekwenzi 470–790 MHz għas-servizz tax-xandir.

19      Issa, fit-talba tagħha għal eżami mill-ġdid, Elettronica Industriale talbet li d-drittijiet tagħha ta’ użu jkunu jistgħu jservu għal użu b’medda wiesgħa (broadband), relatat mat-telekomunikazzjonijiet, minflok għal użu għax-xandir tar-radju u tat-televiżjoni (broadcasting).

20      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikoli 9 u 9a tad-Direttiva Qafas kif ukoll id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE fil-qasam tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu miżura nazzjonali li timponi lil detentur tad-drittijiet tal-użu tal-frekwenzi tar-radju juża l-frekwenzi kkonċernati esklużivament għal servizzi tax-xandir tat-TDT, fejn tali restrizzjoni tirriżulta mill-fatt li dan l-użu ta’ dawn il-frekwenzi huwa preskritt mill-att amministrattiv li permezz tiegħu ġie adottat il-pjan nazzjonali ta’ allokazzjoni tal-frekwenzi.

21      Għalhekk tqum il-kwistjoni dwar jekk, għall-finijiet ta’ talba għal eżami mill-ġdid, fis-sens tal-Artikolu 9a tad-Direttiva Qafas, li għandha bħala suġġett l-eżerċizzju ta’ attivitajiet differenti minn dawk imsemmija fl-att li permezz tiegħu ġie adottat dan il-pjan, hemmx lok li jitqies li dan l-att huwa ta’ natura vinkolanti.

22      Il-qorti tar-rinviju tqis li tali talba għal eżami mill-ġdid tidher li tista’ tiġi aċċettata biss għad-drittijiet ta’ użu li l-operatur ekonomiku kkonċernat huwa diġà detentur tagħhom u li huma previsti fil-pjan nazzjonali ta’ allokazzjoni tal-frekwenzi. Għalhekk, iċ-ċaħda ta’ din it-talba, li tirrigwarda l-użu ta’ dawn id-drittijiet għal attività differenti, tista’ tiġi ġġustifikata għas-sempliċi raġuni li dan il-pjan jinkludi restrizzjonijiet għall-użu tal-imsemmija drittijiet.

23      F’dan ir-rigward, dik il-qorti tqis li huwa neċessarju li tinkiseb kjarifika dwar il-portata tal-Artikoli 9 u 9a tad-Direttiva Qafas sabiex jiġi ddeterminat jekk, waqt l-eżami mill-ġdid previst f’dan l-Artikolu 9a, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħux, sabiex jagħtu effett lill-prinċipju ta’ newtralità fir-rigward tas-servizzi, jitbiegħdu minn dak li huwa previst fil-pjan nazzjonali ta’ allokazzjoni tal-frekwenzi meta l-operatur ekonomiku kkonċernat ikun talab li r-restrizzjoni għad-drittijiet tiegħu tal-użu tal-frekwenzi tiġi emendata sabiex huwa jkun jista’ jeżerċita attivitajiet differenti minn dawk li huwa kien inizjalment awtorizzat jeżerċita.

24      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“L-Artikoli 9 u 9a tad-Direttiva [Qafas], kif ukoll id-dispożizzjonijiet tat-Trattat [FUE]fil-qasam tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, jipprekludu miżura nazzjonali li timponi fuq id-detentur tad-drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju li juża dawn il-frekwenzi fil-miżura indikata mill-[Piano Nazionale di Ripartizione delle Frequenze (il-pjan nazzjonali ta’ distribuzzjoni tal-frekwenzi) (PNRF)] u ma tippermettix lill-operatur li jitlob eżami mill-ġdid li jeżerċita attivitajiet oħrajn minn dawk li huwa jkun id-detentur tad-drittijiet tagħhom, u, konsegwentement, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tipprekludi miżura nazzjonali li timponi fuq id-detentur tad-drittijiet tal-użu ta’ frekwenzi tar-radju li juża dawn il-frekwenzi esklużivament għall-provvista ta’ servizzi ta’ xandir tat-televiżjoni diġitali terrestri, meta din il-miżura tkun iġġustifikata mill-awtoritajiet nazzjonali biss abbażi tal-eżistenza ta’ restrizzjonijiet għal dan il-għan previsti mill-atti dwar l-ippjanar tal-ispettru tar-radju?”

 Fuq id-domanda preliminari

 Osservazzjonijiet preliminari

25      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tfittex li tikseb l-interpretazzjoni tal-Artikoli 9 u 9a tad-Direttiva Qafas kif ukoll tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Sabiex dik il-qorti tingħata risposta li tkun utli għas-soluzzjoni tat-tilwima li hija adita biha, għandhom isiru l-preċiżazzjonijiet li ġejjin.

26      L-ewwel nett, fir-rigward ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE, għandu jitfakkar li dawn ma japplikawx, bħala prinċipju, għal sitwazzjoni li l-elementi kollha tagħha jkunu limitati fi ħdan Stat Membru wieħed (sentenzi tal‑15 ta’ Novembru 2016, Ullens de Schooten, C‑268/15, EU:C:2016:874, punt 47, u tas‑17 ta’ Ottubru 2024, FA.RO. di YK & C., C‑16/23, EU:C:2024:886, punt 38 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

27      Issa, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-elementi kollha li jikkaratterizzaw it-tilwima fil-kawża prinċipali huma limitati fi ħdan Stat Membru wieħed, f’dan il-każ ir-Repubblika Taljana, u li din id-deċiżjoni ma tinkludi ebda indikazzjoni li tagħti x’tifhem li, minkejja n-natura purament interna tiegħu, is-suġġett ta’ din it-tilwima għandu element ta’ rabta mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi li jirrendi l-interpretazzjoni neċessarja għas-soluzzjoni tal-imsemmija tilwima (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2024, FA.RO. di YK & C., C‑16/23, EU:C:2024:886, punt 41).

28      Minn dan isegwi li ma hemmx lok li tingħata risposta għad-domanda magħmula sa fejn din tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

29      It-tieni nett, fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikoli 9 u 9a tad-Direttiva Qafas, għandu jiġi enfasizzat, minn naħa, li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali tinvoka l-prinċipju ta’ newtralità fir-rigward tas-servizzi, li huwa speċifikament imsemmi fl-Artikolu 9(4) ta’ din id-direttiva.

30      Min-naħa l-oħra, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9a(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi li, matul perijodu ta’ ħames snin li jibda fil‑25 ta’ Mejju 2011, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw lid-detenturi tad-drittijiet tal-użu tal-frekwenzi tar-radju li jkunu ngħataw qabel din id-data u li jibqgħu validi għal perijodu ta’ mill-inqas ħames snin wara l-imsemmija data jressqu quddiem l-awtorità kompetenti nazzjonali talba għall-eżami mill-ġdid tar-restrizzjonijiet għad-drittijiet tagħhom stabbiliti konformement mal-Artikolu 9(3) u (4) tal-istess direttiva.

31      Il-possibbiltà, prevista f’dan l-Artikolu 9a, li d-detenturi tad-drittijiet tal-użu tal-frekwenzi tar-radju jkunu jistgħu jressqu talba għal eżami mill-ġdid tikkonċerna għalhekk biss lid-detenturi tad-drittijiet tal-użu tal-frekwenzi tar-radju li jkunu ngħataw qabel il‑25 ta’ Mejju 2011.

32      Issa, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li Elettronica Industriale kisbet drittijiet tal-użu tal-frekwenzi tar-radju għat-TDT fit‑28 ta’ Ġunju 2012. Minn dan isegwi li l-Artikolu 9a tad-Direttiva Qafas ma huwiex applikabbli fil-kuntest tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

33      Għall-kuntrarju, għandu jiġi kkonstatat li, f’din id-data tat‑28 ta’ Ġunju 2012, l-Artikolu 9(4) tad-Direttiva Qafas kien applikabbli. Fil-fatt, l-Artikolu 9(6) ta’ din id-direttiva jipprovdi, b’mod partikolari, li dan l-Artikolu 9(4) għandu japplika għad-drittijiet individwali tal-użu tal-frekwenzi tar-radju mogħtija wara l‑25 ta’ Mejju 2011.

34      Minn dan isegwi li, mill‑25 ta’ Mejju 2011, l-Istati Membri kienu meħtieġa, skont l-imsemmi Artikolu 9(4) u (6), jiżguraw l-osservanza tal-prinċipju ta’ newtralità fir-rigward tas-servizzi u jiżguraw li r-restrizzjonijiet għad-drittijiet individwali tal-użu tal-frekwenzi tar-radju jkunu bbażati fuq għanijiet ta’ interess ġenerali, proporzjonati u mhux diskriminatorji.

35      Issa, konformement mal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkunu jeżistu mekkaniżmi effettivi fil-livell nazzjonali li jkunu jippermettu lil kull utent jew lil kull impriża li jipprovdu networks u/jew servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, u li jkunu affettwati minn deċiżjoni tal-awtorità regolatorja nazzjonali, ikollhom id-dritt li jappellaw quddiem organu indipendenti mill-partijiet ikkonċernati.

36      Minn dan isegwi li operatur ta’ network tat-telekomunikazzjonijiet, bħal Elettronica Industriale, għandu jkun jista’ jikkontesta deċiżjoni tal-awtorità regolatorja nazzjonali, adottata abbażi tal-Artikolu 9(4) tad-Direttiva Qafas, sabiex jikseb, bħal f’dan il-każ, it-tneħħija tar-restrizzjonijiet għad-drittijiet individwali tiegħu tal-użu tal-frekwenzi tar-radju.

37      F’dawn iċ-ċirkustanzi, minkejja li t-tilwima fil-kawża prinċipali għandha bħala suġġett talba ta’ Elettronica Industriale intiża għall-eżami mill-ġdid tar-restrizzjonijiet għad-drittijiet tagħha tal-użu tal-frekwenzi tar-radju għat-TDT, imressqa minn din il-kumpannija skont l-Artikolu 14a tal-Kodiċi tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi, li ttraspona l-Artikolu 9a tad-Direttiva Qafas fid-dritt Taljan, dan il-fatt ma jipprekludix li l-qorti tar-rinviju tingħata risposta utli sabiex issolvi t-tilwima li hija adita biha.

38      Fil-fatt, sa fejn l-Artikolu 9a(1) ta’ din id-direttiva jirreferi għall-Artikolu 9(4) tagħha, talba intiża għall-kontestazzjoni, abbażi tad-dritt nazzjonali li jittrasponi l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas, ta’ deċiżjoni tal-awtorità kompetenti li timponi restrizzjonijiet għal drittijiet tal-użu tal-frekwenzi tar-radju, adottata skont dan l-Artikolu 9(4), ikollha, essenzjalment, l-istess għan bħal talba għal eżami mill-ġdid imressqa skont id-dritt nazzjonali li jittrasponi l-Artikolu 9a tad-Direttiva Qafas, li hija intiża li tikkontesta dawn ir-restrizzjonijiet.

39      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-risposta għad-domanda magħmula għandha tingħata fid-dawl tal-Artikolu 9(4) tad-Direttiva Qafas.

 Fuq il-mertu

40      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 9(4) tad-Direttiva Qafas għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi miżura nazzjonali li timponi lil detentur tad-drittijiet individwali tal-użu tal-frekwenzi tar-radju jużahom esklużivament għall-provvista ta’ servizzi tax-xandir għat-TDT, billi tibbaża ruħha biss fuq ir-restrizzjonijiet previsti mill-pjan nazzjonali ta’ allokazzjoni tal-frekwenzi.

41      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jiġi ddeterminat jekk, u, jekk ikun il-każ, taħt liema kundizzjonijiet, pjan nazzjonali ta’ allokazzjoni tal-frekwenzi jistax jimponi restrizzjonijiet għad-drittijiet tal-użu tal-frekwenzi fir-rigward tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi li għandhom jiġu pprovduti permezz ta’ dawn il-frekwenzi. Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, għandu jiġi ddeterminat jekk, u taħt liema kundizzjonijiet, tali pjan għandux ikollu portata obbligatorja, fis-sens li dan il-pjan jimplika neċessarjament iċ-ċaħda ta’ talba għat-tneħħija ta’ dawn ir-restrizzjonijiet.

42      Fl-ewwel lok, skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex tiġi interpretata dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li din tkun tifforma parti minnha (sentenzi tas‑17 ta’ Novembru 1983, Merck, 292/82, EU:C:1983:335, punt 12, u tal‑20 ta’ Novembru 2025, Lolach, C‑327/24, EU:C:2025:901, punt 27).

43      Qabel kollox, skont l-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(4) tad-Direttiva Qafas, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tipi kollha ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi jkunu jistgħu jintużaw “fil-meded ta’ frekwenzi tar-radju dikjarati disponibbli għas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika fil-Pjan ta’ Allokazzjoni ta’ Frekwenzi Nazzjonali tagħhom” konformement mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

44      Mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li huwa fil-kuntest tal-pjan nazzjonali ta’ allokazzjoni tal-frekwenzi li l-Istati Membri għandhom jiddeċiedu liema meded ta’ frekwenzi huma disponibbli għall-finijiet tal-provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi. F’dan ir-rigward, l-Istati Membri għandhom, bħala prinċipju, jippermettu li t-tipi kollha ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi jkunu jistgħu jiġu pprovduti permezz ta’ dawn il-meded ta’ frekwenzi, fatt li jirrigwarda l-osservanza, mill-Istati Membri, tal-prinċipju ta’ newtralità fir-rigward tas-servizzi.

45      Madankollu, it-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(4) tad-Direttiva Qafas tippermetti lill-Istati Membri jipprevedu restrizzjonijiet proporzjonati u mhux diskriminatorji għat-tipi ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi li jkunu ser jiġu pprovduti, inkluż, jekk ikun meħtieġ, sabiex jiġi ssodisfatt rekwiżit skont ir-Regolamenti tal-ITU dwar ir-Radju. Din il-possibbiltà tikkostitwixxi limitazzjoni tal-prinċipju ta’ newtralità fir-rigward tas-servizzi, fis-sens li l-meded ta’ frekwenzi allokati konformement mal-pjan nazzjonali ta’ allokazzjoni tal-frekwenzi jistgħu jintużaw biss għal uħud minn dawn it-tipi ta’ servizzi.

46      F’dawn iċ-ċirkustanzi, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 9(4) tad-Direttiva Qafas jirriżulta li r-riferiment għall-pjanijiet nazzjonali ta’ allokazzjoni tal-frekwenzi, li jinsab fl-ewwel subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni, jindika li r-restrizzjonijiet li din tippermetti lill-Istati Membri jipprevedu jistgħu jiġu inklużi f’dawn il-pjanijiet. Għaldaqstant, meta l-Istati Membri jadottaw l-imsemmija pjanijiet, huma jistgħu jindikaw mhux biss il-meded ta’ frekwenzi disponibbli, iżda wkoll, jekk ikun il-każ, ir-restrizzjonijiet għall-użu ta’ dawn tal-aħħar fir-rigward tat-tip ta’ servizzi li jistgħu jiġu pprovduti fihom.

47      Sussegwentement, il-kuntest li taħtu jaqa’ l-Artikolu 9(4) tad-Direttiva Qafas jikkonferma l-interpretazzjoni letterali esposta fil-punt preċedenti.

48      Fil-fatt, l-Artikolu 9(6) tad-Direttiva Qafas jipprevedi li l-paragrafi 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu 9 għandhom japplikaw għall-ispettru allokat għall-finijiet tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, kif ukoll għall-awtorizzazzjonijiet ġenerali u għad-drittijiet individwali tal-użu tal-frekwenzi tar-radju mogħtija wara l‑25 ta’ Mejju 2011.

49      Issa, skont id-definizzjoni ta’ “allokazzjoni ta’ spettru” li tinsab fl-Artikolu 2(q) ta’ din id-direttiva, dan il-kunċett ikopri l-“indikazzjoni ta’ medda ta’ frekwenzi għal użu minn tip wieħed jew aktar ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni bir-radju, fejn xieraq, taħt kondizzjonijiet speċifiċi”.

50      Sa fejn il-pjan nazzjonali ta’ allokazzjoni tal-frekwenzi huwa preċiżament intiż li jalloka l-ispettru, isegwi li, permezz ta’ dan il-pjan, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li medda ta’ frekwenzi partikolari tista’ tintuża biss għal tip ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet bir-radju, b’limitu għaldaqstant għall-prinċipju ta’ newtralità fir-rigward tas-servizzi.

51      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-għan tad-Direttiva Qafas, dan jikkonsisti, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 8 tagħha, fil-promozzjoni tal-kompetizzjoni fil-provvista tan-networks u tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, fil-kontribuzzjoni għall-iżvilupp tas-suq intern u fl-appoġġ tal-interessi taċ-ċittadini tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2025, Cairo Network et, C‑764/23 sa C‑766/23, EU:C:2025:691, punt 96).

52      Barra minn hekk, konformement mal-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri għandhom jiżguraw il-ġestjoni effikaċi tal-frekwenzi tar-radju għas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi fit-territorju tagħhom, konformement, b’mod partikolari, ma’ dan l-Artikolu 8. Huma għandhom jiżguraw ukoll li l-allokazzjoni tal-ispettru għall-finijiet tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u l-ħruġ tal-awtorizzazzjonijiet ġenerali jew l-għoti tad-drittijiet individwali tal-użu ta’ tali frekwenzi tar-radju mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jkunu bbażati fuq kriterji oġġettivi, trasparenti, mhux diskriminatorji u proporzjonati.

53      F’dan ir-rigward, il-premessa 18 tad-Direttiva Qafas tindika li, jekk dan ikun iġġustifikat, jistgħu jittieħdu miżuri proporzjonati sabiex jiġu promossi ċerti servizzi speċifiċi, pereżempju t-televiżjoni diġitali bil-għan li tiżdied l-effikaċità tal-użu tal-ispettru. Il-premessa 19 ta’ din id-direttiva tippreċiża, barra minn hekk, li l-allokazzjoni u l-assenjazzjoni tal-frekwenzi tar-radju għandhom jiġu ġġestiti bl-iktar mod effettiv possibbli.

54      Issa, l-għan relatat man-neċessità ta’ ġestjoni effikaċi tal-frekwenzi tar-radju, kif meħtieġa mill-Artikolu 9(1) tad-Direttiva Qafas, jista’ jiġġustifika li Stat Membru jiddeċiedi li jimponi, fl-attribuzzjoni tal-ispettru, fil-kuntest tal-pjan nazzjonali ta’ allokazzjoni ta’ frekwenzi, restrizzjonijiet għat-tipi ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi li jistgħu jiġu pprovduti.

55      Għalhekk, mill-eżami tal-kliem u tal-kuntest tal-Artikolu 9(4) tad-Direttiva Qafas, kif ukoll mill-għan imfittex minnha, jirriżulta li, meta l-Istati Membri jadottaw il-pjanijiet nazzjonali ta’ attribuzzjoni ta’ frekwenzi, huma jistgħu jindikaw mhux biss il-meded ta’ frekwenzi disponibbli, iżda wkoll, jekk ikun il-każ, bla ħsara għall-osservanza tal-kundizzjonijiet previsti f’din id-dispożizzjoni, ir-restrizzjonijiet għall-użu ta’ dawn il-meded ta’ frekwenzi fir-rigward tat-tip ta’ servizzi li jistgħu jiġu pprovduti fihom.

56      Fid-dawl ta’ din il-konklużjoni, għandu jiġi ddeterminat, fit-tieni lok, jekk, u taħt liema kundizzjonijiet, tali pjan nazzjonali ta’ allokazzjoni tal-frekwenzi għandux ikollu portata obbligatorja, fis-sens li talba għat-tneħħija tar-restrizzjonijiet fuq id-drittijiet individwali tal-użu tal-frekwenzi tar-radju mogħtija lil operatur ta’ network ta’ telekomunikazzjonijiet, bħal Elettronica Industriale, li jillimitaw il-provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, għandha tiġi miċħuda minħabba li dawn ir-restrizzjonijiet kienu ġew imposti minn dan il-pjan.

57      Bħall-Gvern Taljan u Ċek kif ukoll bħall-Kummissjoni Ewropea, għandu jiġi rrilevat li, sabiex jingħata effett sħiħ lill-possibbiltà, għall-Istati Membri, prevista fl-Artikolu 9(4) tad-Direttiva Qafas, li jeżiġu, fil-kuntest tal-pjan nazzjonali ta’ allokazzjoni tal-frekwenzi, li servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi jiġi pprovdut f’medda ta’ frekwenzi speċifika, dan il-pjan għandu neċessarjament ikollu portata obbligatorja

58      Fil-fatt, minn naħa, għandu jitfakkar li, hekk kif jirriżulta minn dan it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(4), meta pjan nazzjonali ta’ allokazzjoni tal-frekwenzi jkun jimponi li servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi jiġi pprovdut f’medda ta’ frekwenzi speċifika disponibbli għas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, dan ir-rekwiżit għandu jkun iġġustifikat min-neċessità li jiġi żgurat it-twettiq ta’ għan ta’ interess ġenerali.

59      Issa, jekk deċiżjoni ta’ awtorità regolatorja nazzjonali li tagħti drittijiet individwali tal-użu tal-frekwenzi setgħet tmur kontra l-imsemmi rekwiżit, billi tippermetti, pereżempju, il-provvista ta’ tip ta’ servizzi f’medda ta’ frekwenzi rriżervata mill-pjan nazzjonali ta’ attribuzzjoni tal-frekwenzi kkonċernat għal tip ieħor ta’ servizzi, it-twettiq tal-għan ta’ interess ġenerali li jiġġustifika l-miżura adottata prevista minn dan il-pjan jissogra li ma jkunx jista’ jiġi żgurat.

60      Min-naħa l-oħra, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva Qafas, fl-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu, l-Istati Membri għandhom josservaw il-ftehimiet internazzjonali applikabbli, inkluż ir-Regolamenti tal-ITU dwar ir-Radju. F’dan ir-rigward, it-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(4) ta’ din id-direttiva tipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jipprevedu restrizzjonijiet proporzjonati u mhux diskriminatorji għat-tipi ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi li għandhom jiġu pprovduti, inkluż, jekk neċessarju, sabiex jiġi ssodisfatt rekwiżit impost minn dan ir-regolament.

61      Pjan nazzjonali ta’ allokazzjoni tal-frekwenzi li jimplimenta rekwiżit li jirriżulta mill-ftehimiet internazzjonali applikabbli għandu għalhekk neċessarjament ikollu portata obbligatorja.

62      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kundizzjonijiet li fihom Stat Membru jista’ jimponi, permezz ta’ pjan nazzjonali ta’ allokazzjoni tal-frekwenzi, restrizzjonijiet għall-provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi f’medda ta’ frekwenzi speċifika disponibbli, għandu jitfakkar li dawn ir-restrizzjonijiet għandhom josservaw il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 9(4) tad-Direttiva Qafas, jiġifieri jkunu ġġustifikati min-neċessità li jiġi żgurat it-twettiq ta’ għan ta’ interess ġenerali kif ukoll ikunu proporzjonati u mhux diskriminatorji.

63      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-pjan nazzjonali ta’ distribuzzjoni u ta’ assenjazzjoni tal-frekwenzi tas-sena 2015, applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali, “kien jirriżerva l-allokazzjoni, b’mod primarju, tal-medda ta’ frekwenzi 470–790 MHz għas-servizz tax-xandir” u li ċ-ċaħda tat-talba għal eżami mill-ġdid imressqa minn Elettronica Industriale abbażi tal-Artikolu 14a tal-Kodiċi tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi kienet immotivata, essenzjalment, b’riferiment għal dan il-pjan u bil-konstatazzjoni li din il-kumpannija ma kkontestatx l-att amministrattiv li permezz tiegħu l-imsemmi pjan kien ġie adottat, minkejja li hija kellha l-possibbiltà tagħmel dan.

64      F’dan ir-rigward, għalkemm hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk il-validità tar-restrizzjoni għas-servizzi tax-xandir, prevista mill-istess pjan, għadha tistax tiġi kkontestata minn Elettronica Industriale fil-kuntest tat-tilwima fil-kawża prinċipali u, fil-każ ta’ tweġiba fl-affermattiv, jekk din ir-restrizzjoni tissodisfax il-kundizzjonijiet meħtieġa mill-Artikolu 9(4) tad-Direttiva Qafas, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, madankollu, fil-kuntest tal-kooperazzjoni ġudizzjarja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, abbażi tal-elementi tal-proċess, tipprovdi lil dik il-qorti l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu utli għaliha fl-evalwazzjoni tal-effetti ta’ dispożizzjoni jew ta’ oħra ta’ dan id-dritt. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2025, Cairo Network et, C‑764/23 sa C‑766/23, EU:C:2025:691, punt 102 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

65      F’din il-perspettiva, l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li, jekk il-qorti tar-rinviju kellha tikkonstata li l-imsemmija restrizzjoni hija intiża, hekk kif isostni, essenzjalment, il-Gvern Taljan, li tiżgura użu effikaċi tal-ispettru jew li tevita interferenza dannuża tal-provvista tas-servizzi ta’ xandir televiżiv ta’ operaturi oħra, nazzjonali u fi ħdan Stati Membri oħra, ikun iġġustifikat, bil-kundizzjoni li dik il-qorti tivverifika l-proporzjonalità u n-natura mhux diskriminatorja tal-istess restrizzjoni, li d-detenturi tad-drittijiet tal-użu ta’ dan l-ispettru, fil-medda 470–790 MHz, ikunu jistgħu jużaw dawn il-frekwenzi biss għas-servizzi li huma previsti fiha.

66      It-tieni nett, hekk kif tfakkar fil-punti 35 u 36 ta’ din is-sentenza, mill-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas jirriżulta li operatur ta’ network ta’ telekomunikazzjonijiet, bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li huwa proprjetarju ta’ drittijiet individwali ta’ użu ta’ frekwenzi u li jixtieq juża f’medda ta’ frekwenzi dawn id-drittijiet sabiex jipprovdi servizzi differenti minn dawk previsti, għal din il-medda ta’ frekwenzi, mill-pjan nazzjonali ta’ allokazzjoni tal-frekwenzi, għandu jkollu rimedji li jippermettulu jikkontesta l-att amministrattiv li permezz tiegħu dan il-pjan ġie adottat.

67      Madankollu, f’dan ir-rigward għandu jitfakkar li d-dritt tal-Unjoni ma jobbligax, bħala prinċipju, lill-Istati Membri jistabbilixxu quddiem il-qrati nazzjonali tagħhom, bil-għan li jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet li l-partijiet fil-kawża jisiltu mid-dritt tal-Unjoni, rimedji legali minbarra dawk stabbiliti mid-dritt nazzjonali. Is-sitwazzjoni tkun differenti biss jekk mill-istruttura tal-ordinament ġuridiku nazzjonali inkwistjoni jkun jirriżulta li ma jeżisti ebda rimedju ġudizzjarju li jippermetti, anki jekk b’mod inċidentali, li jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet li l-partijiet fil-kawża jisiltu mid-dritt tal-Unjoni, jew ukoll jekk l-uniku mezz għall-partijiet fil-kawża li jkollhom aċċess għal qorti ikun li huma jkunu meħtieġa jiksru l-liġi (sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2020, Országos Idegenrendészeti Fġigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság, C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU, EU:C:2020:367, punt 143 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

68      F’dan il-każ, ebda element tal-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jippermetti li tiġi ddubitata l-eżistenza ta’ rimedji ġudizzjarji konformi ma’ din il-ġurisprudenza li permezz tagħhom Elettronica Industriale setgħet tikkontesta l-att amministrattiv li permezz tiegħu ġie adottat il-pjan nazzjonali ta’ distribuzzjoni u ta’ assenjazzjoni tal-frekwenzi. F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li, fil-każ li jiġi kkonstatat li din il-kumpannija kellha d-dritt tippreżenta rikors kontra dan il-pjan u hija ma eżerċitatux fit-terminu previst, jew eżerċitatu mingħajr suċċess, id-dritt tal-Unjoni ma jeżiġix li l-imsemmija kumpannija jkollha l-possibbiltà tinvoka l-invalidità tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-imsemmi pjan fil-kuntest tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

69      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 9(4) tad-Direttiva Qafas għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix miżura nazzjonali li timponi lil detentur tad-drittijiet individwali tal-użu tal-frekwenzi tar-radju jużahom esklużivament għall-provvista ta’ servizzi tax-xandir għat-TDT, billi tibbaża ruħha biss fuq ir-restrizzjonijiet previsti mill-pjan nazzjonali ta’ allokazzjoni tal-frekwenzi.

 Fuq l-ispejjeż

70      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It‑Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 9(4) tad-Direttiva Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑7 ta’ Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru), kif emendata bid-Direttiva 2009/140/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2009,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

ma jipprekludix miżura nazzjonali li timponi lil detentur tad-drittijiet individwali tal-użu tal-frekwenzi tar-radju jużahom esklużivament għall-provvista ta’ servizzi tax-xandir għat-televiżjoni diġitali terrestri, billi tibbaża ruħha biss fuq ir-restrizzjonijiet previsti mill-pjan nazzjonali ta’ allokazzjoni tal-frekwenzi.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: it-Taljan.