|
22.12.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 343/78 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2017/2427
tal-21 ta' Diċembru 2017
li temenda d-Deċiżjoni 2010/231/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Somalja
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,
Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/231/PESK tas-26 ta' April 2010 dwar miżuri restrittivi kontra s-Somalja u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2009/138/PESK (1),
Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,
Billi:
|
(1) |
Fis-26 ta' April 2010, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2010/231/PESK. |
|
(2) |
Fl-14 ta' Novembru 2017, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Riżoluzzjoni 2385 (2017). Din ir-Riżoluzzjoni tipprevedi eżenzjoni għall-iffriżar tal-assi u għall-projbizzjoni fuq it-tqegħid għad-disponibbiltà ta' fondi, assi finanzjarji oħra u riżorsi ekonomiċi għall-għajnuna umanitarja meħtieġa b'mod urġenti fis-Somalja, min-Nazzjonijiet Uniti, l-aġenziji jew il-programmi speċjalizzati tagħha, l-organizzazzjonijiet umanitarji bi status ta' osservatur mal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti li jipprovdu għajnuna umanitarja, u s-sħab ta' implimentazzjoni tagħhom inkluż l-organizzazzjonijiet mhux governattivi ffinanzjati b'mod bilaterali jew multilaterali li jipparteċipaw fil-Pjan ta' Risposta Umanitarja tan-Nazzjonijiet Uniti għas-Somalja. |
|
(3) |
Għaldaqstant, jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2010/231/PESK tiġi emendata skont dan, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-Artikolu 6(6) tad-Deċiżjoni 2010/231/PESK huwa sostitwit b'dan li ġej:
“6. Il-paragrafi 1 u 2 m'għandhomx japplikaw għall-ħlas ta' fondi, assi finanzjarji oħra jew riżorsi ekonomiċi meħtieġa biex tkun żgurata l-kunsinna fil-ħin ta' għajnuna umanitarja meħtieġa urġentement fis-Somalja, min-Nazzjonijiet Uniti, l-aġenziji jew il-programmi speċjalizzati tagħha, l-organizzazzjonijiet umanitarji bi status ta' osservatur mal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti li jipprovdu għajnuna umanitarja, u s-sħab ta' implimentazzjoni tagħhom, inkluż l-organizzazzjonijiet mhux governattivi finanzjati b'mod bilaterali jew multilaterali li jipparteċipaw fil-Pjan ta' Risposta Umanitarja tan-Nazzjonijiet Uniti għas-Somalja.”.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, il-21 ta' Diċembru 2017.
Għall-Kunsill
Il-President
M. MAASIKAS