Edizzjoni Provviżorja
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
NORKUS
ippreżentati fit‑22 ta’ Ottubru 2026 (1)
Kawża C‑552/25
Balmung Medical Handel GmbH
vs
Region Nordjylland,
Region Midtjylland,
Region Syddanmark,
Region Sjælland,
fil-preżenza ta’
Becton Dickinson Denmark A/S
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Klagenævnet for Udbud (il-Bord tal-Appell fil-Qasam tal-Kuntratti Pubbliċi, id-Danimarka))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Għoti ta’ kuntratti pubbliċi – Direttiva 2014/24/UE – Artikolu 67 – Kriterji ta’ għoti ta’ kuntratt ta’ provvista ta’ prodotti – Kriterju li jevalwa s-sostenibbiltà tal-prodotti skont il-parteċipazzjoni tal-manifattur f’sistema ta’ ġestjoni ambjentali li taqa’ taħt l-istandard ISO 14001, l-iskema ta’ ġestjoni u verifika ambjentali tal-Unjoni Ewropea (EMAS) jew sistema ekwivalenti – Kriterju li jevalwa s-sostenibbiltà tal-prodotti skont it-tfittxija ta’ mira klimatika approvata mis-Science Based Target initiative (SBTi) – Eżistenza ta’ ‘rabta mas-suġġett tal-kuntratt’ – ‘Politika ġenerali ta’ impriża’”
1. L-għoti ta’ kuntratt pubbliku bbażat, inter alia, fuq l-applikazzjoni ta’ ponderazzjoni pożittiva minħabba ċ-ċertifikazzjoni tal-manifattur tal-prodotti mixtrija abbażi tal-istandard ISO 14001 (2) jew tal-iskema ta’ ġestjoni u verifika ambjentali tal-Unjoni Ewropea (3), jew minħabba t-tfittxija ta’ mira klimatika approvata mis-Science Based Target initiative (4) huwa konformi mad-Direttiva 2014/24 (5)? B’mod partikolari, l-Artikolu 67(2) u (3) ta’ din id-direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-applikazzjoni, għall-finijiet ta’ dan l-għoti, ta’ kriterji ta’ sostenibbiltà bbażati fuq iċ-ċertifikazzjoni abbażi ta’ dawn il-parametri referenzjarji ta’ ġestjoni ambjentali, f’dak li jirrigwarda l-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ rabta bejn dawn il-kriterji u s-suġġett tal-kuntratt? Din hija d-domanda li hija s-suġġett ta’ dawn il-konklużjonijiet immirati konformement mat-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja.
I. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni
2. L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(3) TUE, l-Artikolu 11 u l-Artikolu 191(2) TFUE, il-premessi 1, 2, 37, 40, 41, 90 sa 92 u 97 kif ukoll l-Artikolu 1, il-punti 5, 11 u 20 tal-Artikolu 2(1), l-Artikolu 56(1)(a) u (b), l-Artikolu 58(1) u (4), l-Artikolu 62(2) u l-Artikolu 67(1), (2) u (3) tad-Direttiva 2014/24 huma rilevanti għall-finijiet ta’ dawn il-konklużjonijiet.
B. Id-dritt Daniż
3. L-Artikolu 2(1) tal-udbudsloven (il-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi) jistabbilixxi:
“[...] [L]‑awtorità kontraenti għandha tikkonforma ruħha mal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ trasparenza u ta’ proporzjonalità.”
4. L-Artikolu 158 ta’ din il-liġi jipprovdi:
“L-awtorità kontraenti tista’ teżiġi li l-kandidat jew l-offerent jippreżenta ċertifikati maħruġa minn organi indipendenti li jattestaw li l-kandidat jew l-offerent josserva ċerti sistemi jew standards ta’ ġestjoni ambjentali. Jekk l-awtorità kontraenti teżiġi l-osservanza ta’ ċerti sistemi jew standards ta’ ġestjoni ambjentali, hija għandha tirreferi għall-iskema ta’ ġestjoni u verifika ambjentali tal-Unjoni Ewropea (EMAS) - ara r-Regolament [EMAS] – jew għal sistemi oħra ta’ ġestjoni ambjentali rrikonoxxuti skont l-Artikolu 45 tar-Regolament [EMAS] jew għal standards oħra ta’ ġestjoni ambjentali bbażati fuq l-istandards Ewropej jew internazzjonali rilevanti maħruġa minn organi akkreditati.”
5. Skont l-Artikolu 161 tal-imsemmija liġi:
“L-awtorità kontraenti għandha tagħti l-kuntratt lill-offerent li jkun ippreżenta l-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament.”
6. Skont l-Artikolu 162 tal-istess liġi:
“1. L-awtorità kontraenti għandha tidentifika l-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament abbażi ta’ wieħed mill-kriterji ta’ għoti li ġejjin:
1) il-prezz;
2) l-ispiża; jew
3) l-aqwa bilanċ bejn il-prezz u l-kwalità.
[...]
2. Għall-kriterju ta’ għoti “l-aqwa bilanċ bejn il-prezz u l-kwalità”, previst fil-punt 3 tal-paragrafu 1, l-offerta għandha tiġi evalwata abbażi ta’ subkriterji li jistgħu jinkludu, pereżempju, aspetti kwalitattivi, ambjentali u soċjali. Is-subkriterji jistgħu jinkludu:
1) il-kwalità, inklużi l-valur tekniku, il-karatteristiċi estetiċi u funzjonali, l-aċċessibbiltà, id-disinn għall-utenti kollha, il-karatteristiċi soċjali, ambjentali u innovattivi u l-kummerċjalizzazzjoni u l-kundizzjonijiet tagħha;
[...]”
7. L-Artikolu 163 tal-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi jistabbilixxi:
“1. Jekk l-awtorità kontraenti tuża subkriterji, dawn tal-aħħar għandhom ikunu marbuta mas-suġġett tal-kuntratt.
2. Is-subkriterji huma marbuta mas-suġġett tal-kuntratt meta jkunu relatati max-xogħlijiet, mal-provvisti jew mas-servizzi li għandhom jiġu pprovduti skont il-kuntratt fi kwalunkwe rigward u fi kwalunkwe stadju taċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom, inklużi l-fatturi involuti:
1) fil-proċess speċifiku ta’ produzzjoni, ta’ provvista jew ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-imsemmija xogħlijiet, prodotti jew servizzi; jew
2) fi proċess speċifiku marbut ma’ stadju ieħor taċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom.
3. Il-paragrafu 2 għandu japplika anki jekk dawn il-fatturi ma jagħmlux parti mill-kontenut materjali tal-kuntratt.”
8. L-Artikolu 176(1) ta’ din il-liġi jipprovdi:
“L-awtorità kontraenti tista’ tipprevedi kundizzjonijiet partikolari għall-eżekuzzjoni ta’ kuntratt. Dawn il-kundizzjonijiet għandhom ikunu marbuta mas-suġġett tal-kuntratt fis-sens tal-Artikolu 163 u għandhom jiġu indikati fl-avviż tal-kuntratt jew fid-dokumenti l-oħra tal-fajl tas-sejħa għal offerti. Dawn jistgħu jieħdu inkunsiderazzjoni kunsiderazzjonijiet relatati mal-ekonomija, mal-innovazzjoni, mal-ambjent, mal-qasam soċjali jew mal-impjieg.”
II. Il fatti li wasslu għall kawża, il proċedura prinċipali u d domandi preliminari
9. Fis‑7 ta’ Awwissu 2024, ir-reġjuni Daniżi li huma konvenuti fil-kawża prinċipali nedew proċedura ta’ sejħa għal offerti bil-għan li jiġi konkluż ftehim qafas dwar il-provvista ta’ siringi u labar intiżi li jintużaw fi sptarijiet. Il-kuntratt kien jikkonċerna l-provvista ta’ dawn il-prodotti matul perijodu ta’ erba’ snin u kien maqsum f’41 lott.
10. Il-kriterju ta’ għoti, fis-sens tal-Artikolu 162 tal-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi, kien dak tal-aqwa bilanċ bejn il-prezz u l-kwalità, flimkien mas-subkriterji, fis-sens tal-Artikolu 163 ta’ din il-liġi, li ġejjin: “Ekonomija”, “Kwalità u “Sostenibbiltà”. Il-ponderazzjoni ta’ dawn is-subkriterji kienet ta’ 40 %, 50 % u 10 %, rispettivament.
11. Fil-kuntest tal-preżentazzjoni tal-offerti tagħhom, l-offerenti kellhom iwieġbu b’“iva” jew “le”, għal kull lott u għal kull prodott offrut, għall-mistoqsija jekk l-impriża li timmanifattura l-prodott ikkonċernat kinitx iċċertifikata abbażi tal‑ISO 14001, tal-EMAS jew ta’ sistema ekwivalenti u jekk din l-impriża kellhiex mira klimatika approvata mis-SBTi jew ekwivalenti. Fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, tħabbar li dawn it-tweġibiet kienu ser jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tas-sostenibbiltà.
12. Barra minn hekk, l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt kienu jispeċifikaw ukoll li l-offerent magħżul kien ser ikun obbligat josserva d-dritt nazzjonali u internazzjonali fil-qasam tal-protezzjoni tal-ambjent, kif ukoll il-klawżoli kuntrattwali fformulati kif ġej:
“It-teħid inkunsiderazzjoni tal-ambjent u l-isforzi intiżi li jtejbu kontinwament l-azzjoni tal-klijent [jiġifieri tar-reġjuni] favur l-ambjent huma apprezzati ħafna. Fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt, il-fornitur għandu jaħdem b’mod immirat b’sistema ta’ ġestjoni ambjentali effettiva, pereżempju ISO 14001 jew ekwivalenti, u jiżviluppa b’mod kontinwu l-azzjoni tal-impriża favur l-ambjent.
Il-fornitur għandu jikkontribwixxi attivament għat-titjib ambjentali, teknoloġiku u ekonomiku kontinwu fil-kuntest tal-kuntratt, b’mod partikolari billi jitnaqqas kemm jista’ jkun il-konsum tal-enerġija u tal-materjali.
Il-fornitur għandu jiżgura li l-problemi li jolqtu kemm l-ambjent kif ukoll is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol matul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodott jiġu rrimedjati, pereżempju permezz tal-imballaġġ, tad-disinn, tal-materjal u tal-piż ta’ dan tal-aħħar”.
13. Dawn il-kundizzjonijiet għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt kienu jaqgħu taħt l-“Istrateġija Reġjonali Konġunta għal Sptarijiet Ekoloġiċi”, li tenfasizza t-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ CO2 u l-inklużjoni ta’ kunsiderazzjonijiet klimatiċi u ambjentali fil-kuntratti pubbliċi mogħtija mir-reġjuni.
14. Fost il-klawżoli kuntrattwali l-oħra previsti kien hemm dik ifformulata kif ġej:
“Ir-responsabbiltà għall-eżekuzzjoni tajba tal-kuntratt taqa’ fuq il-fornitur, b’mod li dan tal-aħħar jinżamm responsabbli għall-prodotti li joriġinaw minn subappaltaturi eżattament bl-istess mod kif jinżamm responsabbli għall-prodotti tiegħu stess. Il-fornitur għandu d-dritt li juża subappaltaturi għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt u għandu jipprovdi l-informazzjoni korrispondenti meta jiġi konkluż il-kuntratt. Madankollu, ir-responsabbiltà għall-eżekuzzjoni tajba tal-kuntratt taqa’ kompletament fuq il-fornitur. Jekk, matul il-perijodu tal-kuntratt, il-fornitur ikun jixtieq juża subappaltaturi jew jissostitwixxi subappaltaturi, huwa neċessarju li l-klijent jagħti l-kunsens tiegħu bil-miktub għal dan l-għan. Il-klijent ma jistax jirrifjuta li jagħti l-kunsens tiegħu mingħajr raġuni valida”.
15. Balmung Medical Handel GmbH, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ippreżentat offerti għal ħdax-il lott ta’ dan il-kuntratt u, fl-evalwazzjoni ta’ dawn l-offerti, kisbet l-ogħla marka possibbli għas-subkriterju “Sostenibbiltà”.
16. Fis‑7 ta’ Frar 2025, ir-reġjuni informaw lil Balmung Medical Handel GmbH, b’mod motivat, li l-offerti tagħha ma kinux ġew aċċettati għal sebgħa minn dawn il-ħdax-il lott.
17. Fl‑24 ta’ Frar 2025, Balmung Medical Handel GmbH ippreżentat rikors quddiem il-Klagenævnet for Udbud (il-Bord tal-Appell fil-Qasam tal-Kuntratti Pubbliċi, id-Danimarka), li hija l-qorti tar-rinviju, intiż għall-annullament tad-deċiżjonijiet ta’ għoti ta’ sebgħa mill-ħdax-il lott.
18. Il-qorti tar-rinviju tiġbed l-attenzjoni għall-premessa 97 tad-Direttiva 2014/24. Skont dik il-qorti, il-fatt li l-manifattur jipparteċipa f’sistema ta’ ġestjoni ambjentali li taqa’ taħt l‑ISO 14001, l-EMAS jew sistema ekwivalenti u, barra minn hekk, ifittex li jilħaq mira klimatika approvata mis-SBTi jew ekwivalenti, jista’ jaqa’ taħt il-politika ġenerali ta’ din l-impriża u, għaldaqstant, ma jkollux rabta suffiċjenti mas-suġġett tal-kuntratt.
19. Madankollu, il-qorti tar-rinviju ma teskludix li l-Artikolu 67 tad-Direttiva 2014/24 għandu jiġi interpretat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-iżviluppi fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni wara l-adozzjoni ta’ din id-direttiva. Skontha, għandu, b’mod partikolari, jittieħed inkunsiderazzjoni l-Artikolu 31 tad-Direttiva 2024/1760 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Ġunju 2024 dwar id-diliġenza dovuta tas-sostenibbiltà korporattiva u li temenda d-Direttiva (UE) 2019/1937 u r-Regolament (UE) 2023/2859 (ĠU L, 2024/1760, rettifika fil-ĠU L, 2025/90894) li għandu l-effett li jtaffi l-kontenut tal-premessa 97 tad-Direttiva 2014/24.
20. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Klagenævnet for Udbud (il-Bord tal-Appell fil-Qasam tal-Kuntratti Pubbliċi) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“1) a) Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 67(2) u (3) tad-Direttiva [2014/24] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-applikazzjoni, għall-għoti ta’ kuntratti, ta’ kriterju ta’ sostenibbiltà li jagħti piż pożittiv lill-fatt li l-manifattur tal-prodotti proposti huwa ċċertifikat b’konformità mar-regola ISO14001, EMAS jew regola ekwivalenti?
1) b) Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 67(2) u (3) tad-Direttiva 2014/24 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-applikazzjoni, għall-għoti ta’ kuntratti, ta’ kriterju ta’ sostenibbiltà li jagħti piż pożittiv lill-fatt li l-manifattur tal-prodotti proposti għandu oġġettiv klimatiku [approvat mis-SBTi] jew ekwivalenti?
2) a) L-Artikolu 70 tad-Direttiva 2014/24 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-iffissar, bħala kundizzjoni kuntrattwali, tal-obbligu għall-fornitur li jaħdem, fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt, b’mod immirat b’sistema ta’ ġestjoni ambjentali effikaċi, pereżempju ISO14001 jew ekwivalenti?
2) b) L-Artikolu 70 tad-Direttiva 2014/24 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-iffissar, bħala kundizzjoni kuntrattwali, tal-obbligu għall-fornitur li jkabbar kontinwament l-isforz tal-impriża favur l-ambjent?
2) c) L-Artikolu 70 tad-Direttiva 2014/24 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-iffissar, bħala kundizzjoni kuntrattwali, tal-obbligu għall-fornitur li jikkontribwixxi attivament għat-tfittxija ta’ titjib ambjentali, teknoloġiku u ekonomiku kontinwu fil-kuntest tal-kuntratt, b’mod partikolari billi jitnaqqas kemm jista’ jkun il-konsum tal- enerġija u tal-materjal?
2) d) L-Artikolu 70 tad-Direttiva 2014/24 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-iffissar, bħala kundizzjoni kuntrattwali, tal-obbligu għall-fornitur li jiżgura li jiġi pprovdut rimedju għall-problemi relatati mal-ambjent u mas-saħħa u mas-sigurtà fuq il-post tax-xogħol matul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodott, pereżempju permezz tad-disinn, il-materjal u l-piż tal-prodott u tal-imballaġġ tiegħu?”
21. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-Kummissjoni Ewropea u mir-reġjuni Daniżi. Il‑Kummissjoni, il-Gvern Ġermaniż u r-reġjuni Daniżi ppreżentaw l-osservazzjonijiet orali tagħhom waqt is-seduta li nżammet fid‑9 ta’ Lulju 2026.
III. Analiżi
22. Permezz tal-punti (a) u (b) tal-ewwel domanda preliminari, li huma s-suġġett ta’ dawn il-konklużjonijiet immirati, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 67(2) u (3) tad-Direttiva 2014/24 sabiex issir taf jekk dan tal-aħħar jipprekludix l-applikazzjoni, għall-finijiet tal-għoti ta’ kuntratt pubbliku, ta’ kriterji ta’ sostenibbiltà li jagħtu ponderazzjoni pożittiva lill-fatt li l-manifattur tal-prodotti ikun iċċertifikat konformement mal‑ISO 14001, mal-EMAS jew ma’ ekwivalenti tiegħu, jew ifittex li jilħaq mira klimatika approvata uffiċjalment mis-SBTi jew ekwivalenti.
23. Ir-reġjuni Daniżi, il-Kummissjoni u l-Gvern Ġermaniż ma jaqblux dwar ir-risposta li għandha tingħata f’din il-kawża.
A. Osservazzjonijiet preliminari
24. Qabelxejn, nixtieq infakkar li l-“kuntratti pubbliċi” huma kuntratti b’titolu oneruż konklużi bil-miktub bejn operatur ekonomiku wieħed jew iktar u awtorità kontraenti waħda jew iktar u li għandhom bħala suġġett l-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet, il-provvista ta’ prodotti jew il-provvista ta’ servizzi (6). Fis-sistema ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi stabbilita mid-Direttiva 2014/24, l-awtoritajiet kontraenti għandhom jibbażaw ruħhom, għall-finijiet tal-għoti, fuq l-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament (7). Tali offerta għandha tiġi ddeterminata abbażi tal-prezz jew tal-ispiża u tista’ tieħu inkunsiderazzjoni l-aqwa bilanċ bejn il-prezz u l-kwalità, fejn dan tal-aħħar għandu jiġi evalwat abbażi ta’ kriterji li jinkludu aspetti kwalitattivi, ambjentali u/jew soċjali marbuta mas-suġġett tal-kuntratt pubbliku kkonċernat (8). Huwa b’dan il-mod li l-kriterji ta’ għoti tal-kuntratti pubbliċi jkunu involuti fid-determinazzjoni tal-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament. Fil-fatt, il-funzjoni tagħhom hija preċiżament li jippermettu d-determinazzjoni ta’ tali offerta, liema funzjoni tqegħidhom fiċ-ċentru tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi (9). Għalhekk, huwa abbażi ta’ dawn il-kriterji li l-offerenti huma f’kompetizzjoni għas-selezzjoni tagħhom fil-kuntest tal-għoti ta’ kuntratt.
25. Issa huwa stabbilit li l-kriterji ta’ għoti ma għandhomx neċessarjament ikunu ta’ natura ekonomika (10). Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-awtoritajiet kontraenti huma awtorizzati jagħżlu kriterji ta’ għoti bbażati fuq kunsiderazzjonijiet ambjentali (11) u ta’ natura soċjali (12), bil-kundizzjoni, madankollu, li jkunu marbuta mas-suġġett tal-kuntratt. B’mod partikolari, peress li offerta hija neċessarjament relatata mas-suġġett tal-kuntratt, isegwi li l-kriterji ta’ għoti li jistgħu jiġu adottati għandhom, huma wkoll, ikunu marbuta mas-suġġett tal-kuntratt (13). Għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-eżistenza tar-rabta bejn il-kriterju ta’ għoti kkonċernat u s-suġġett tal-kuntratt, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi speċifiċi tal-prodott jew tas-servizz li jkun is-suġġett tal-kuntratt (14).
26. Barra minn hekk, l-awtoritajiet kontraenti għandhom is-setgħa diskrezzjonali li jiddeċiedu u li jiddefinixxu dak li jixtiequ jixtru permezz tal-proċedura għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi (15). Fil-fatt, l-awtoritajiet pubbliċi għandhom bżonnijiet ta’ xiri speċifiċi, li huma biss jistgħu jiddeterminaw. Lil hinn mill-bżonnijiet konkreti tagħhom, l-awtoritajiet kontraenti, bħala awtoritajiet pubbliċi, ifittxu wkoll li jiżguraw li jiġu ssodisfatti l-bżonnijiet ta’ interess ġenerali. B’dan il-mod huma jippreparaw sabiex jisfruttaw il-kuntratti pubbliċi konklużi minnhom għal dan l-għan sabiex jiksbu effett ta’ lieva fuq politiki, inter alia, ambjentali (16).
27. Minbarra l-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ rabta mas-suġġett tal-kuntratt, il-kriterji ta’ għoti ma għandhomx jagħtu libertà ta’ għażla illimitata lill-awtorità kontraenti. Dawn għandhom jissemmew espressament fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt jew fl-avviż tal-kuntratt u għandhom josservaw, b’mod partikolari, il-prinċipji fundamentali ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ trasparenza (17). Fi kliem ieħor, dawn għandhom ikunu kriterji oġġettivi li jiggarantixxu l-evalwazzjoni tal-offerti f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni effettiva (18).
28. Ir-rekwiżit ta’ rabta bejn il-kriterji ta’ għoti u s-suġġett tal-kuntratt għalhekk jesprimi l-għan li l-awtorità kontraenti tkun tista’ tistabbilixxi l-kriterji sabiex tiżgura li jiġu ssodisfatti l-bżonnijiet konkreti tagħha filwaqt li jirregola l-marġni ta’ evalwazzjoni wiesa’ li għandha din l-awtorità kontraenti, sabiex b’dan il-mod ikunu jistgħu jiġu osservati l-prinċipji applikabbli fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, imfakkra fil-punt 27 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Dan ir-rekwiżit jimplika l-eżistenza ta’ forma ta’ konnessjoni bejn il-kontenut tal-kriterji ta’ għoti u l-kontenut tal-kuntratt (19).
29. Dan premess, għalkemm hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa l-eżistenza ta’ rabta bejn il-kriterji ta’ għoti bbażati fuq il-parametri referenzjarji ta’ ġestjoni ambjentali ISO 14001, EMAS u SBTi u s-suġġett tal-kuntratt, issa ser nipproċedi, fid-dawl tal-imsemmija parametri referenzjarji, għall-interpretazzjoni tal-kundizzjoni ta’ rabta mas-suġġett tal-kuntratt, kif prevista fl-Artikolu 67(2) u (3) tad-Direttiva 2014/24.
B. Fuq l-interpretazzjoni tal-kundizzjoni ta’ rabta mas-suġġett tal-kuntratt fis-sens tal-Artikolu 67(2) u (3) tad-Direttiva 2014/24, moqri fid-dawl tal-parametri referenzjarji ta’ ġestjoni ambjentali ISO 14001, EMAS u SBTi
1. Interpretazzjoni testwali tal-Artikolu 67(2) u (3) tad-Direttiva 2014/24, moqri flimkien mal-premessa 97 ta’ din tal-aħħar
30. Fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 67(2) u (3) tad-Direttiva 2014/24, moqri flimkien mal-premessa 97 ta’ din id-direttiva, għandhom jiġu eżaminati fid-dettall żewġ kunċetti li l-qorti tar-rinviju tistaqsi dwarhom b’mod impliċitu fid-domanda preliminari analizzata f’dawn il-konklużjonijiet immirati, jiġifieri l-kunċett ta’ “rabta mas-suġġett tal-kuntratt” u dak ta’ “politika ġenerali tal-impriża”. Infakkar li l-kriterji ta’ għoti, fis-sens tal-Artikolu 67(2) u (3) tad-Direttiva 2014/24, moqri flimkien mal-premessa 97 ta’ din tal-aħħar, għandhom ikunu marbuta mas-suġġett tal-kuntratt. Min-naħa l-oħra, il-kriterji ta’ għoti li jirreferu għal politika ġenerali tal-impriża jitqiesu li ma jistgħux jikkaratterizzaw l-eżistenza ta’ tali rabta. Fi kliem ieħor, huma biss il-kriterji li għandhom rabta mas-suġġett tal-kuntratt li jitqiesu li huma validi fis-sens ta’ dan l-artikolu.
31. Il-kunċett ta’ “rabta mas-suġġett tal-kuntratt” ma huwiex iddefinit fl-Artikolu 67(2) u (3) tad-Direttiva 2014/24, moqri flimkien mal-premessa 97 ta’ din tal-aħħar (20). Madankollu, dan l-artikolu jipprovdi elementi li jippermettu li tiġi stabbilita l-konnessjoni bejn il-kriterji ta’ għoti u s-suġġett tal-kuntratt sabiex jiġi osservat ir-rekwiżit ta’ rabta bejniethom. Skont il-formulazzjoni ta’ dan l-artikolu, meta l-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament mill-perspettiva tal-awtorità kontraenti tiġi ddeterminata abbażi ta’ kriterji li jinkludu aspetti ambjentali, dawn il-kriterji għandhom jitqiesu li huma marbuta mas-suġġett tal-kuntratt jekk dawn jirrigwardaw ix-xogħlijiet, il-provvisti jew is-servizzi li għandhom jiġu pprovduti skont il-kuntratt fi kwalunkwe rigward u fi kwalunkwe stadju taċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom (21), inklużi l-fatturi involuti fil-proċess speċifiku ta’ produzzjoni, ta’ provvista jew ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-imsemmija xogħlijiet, prodotti jew servizzi jew fi proċess speċifiku marbut ma’ stadju ieħor taċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom, u l-artikolu jispeċifika li dan huwa l-każ anki meta dawn il-fatturi ma jkunux jagħmlu parti mill-kontenut materjali tagħhom.
32. Mill-formulazzjoni tal-Artikolu 67(2) u (3) tad-Direttiva 2014/24, moqri flimkien mal-premessa 97 ta’ din tal-aħħar, jirriżulta li l-kunċett ta’ “rabta mas-suġġett tal-kuntratt” huwa wiesa’, fis-sens li kriterju ta’ għoti jitqies li huwa marbut ma’ dan is-suġġett meta jkollu rabta man-natura nnifisha tal-oġġett jew tas-servizz u mal-mumenti kollha tal-eżistenza tiegħu jew mal-proċessi marbuta ma’ din l-eżistenza. Għalhekk ma huwiex neċessarju li l-kriterju jirrigwarda karatteristika intrinsika tal-prodott (22).
33. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-Artikolu 67(2) u (3) tad-Direttiva 2014/24, moqri flimkien mal-Artikolu 67(1), jipprovdi li l-kundizzjoni li l-kriterji ta’ għoti għandhom ikunu marbuta mas-suġġett tal-kuntratt tfittex li tippermetti li tiġi ddeterminata l-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament mill-perspettiva tal-awtorità kontraenti. Din il-kundizzjoni, fis-sens tal-imsemmi artikolu, għalhekk tippermetti li dawn il-kriterji jintużaw bħala mezzi ta’ evalwazzjoni tal-valur tal-offerti f’termini ta’ prezz, ta’ spiża jew ta’ bilanċ bejn il-prezz u l-kwalità fil-kuntest tal-għoti tal-kuntratt. Għal din ir-raġuni, għandha teżisti prossimità, jew saħansitra rabta loġika, bejn il-kontenut tal-kriterji ta’ għoti magħżula u l-bżonn ta’ xiri espress mill-awtorità kontraenti.
34. Għaldaqstant, sabiex tiġi eżaminata l-eżistenza ta’ rabta bejn is-suġġett tal-kuntratt u l-kriterji ta’ għoti, jidhirli li huwa possibbli li nibda billi nindirizza l-kwistjoni dwar sa fejn il-kriterji ta’ għoti marbuta, f’dan il-każ, mas-sostenibbiltà, sa fejn dawn jagħtu ponderazzjoni pożittiva lill-manifattur tas-siringi u tal-labar li huwa ċċertifikat abbażi tal‑ISO 14001, tal-EMAS (jew ekwivalenti) jew li jfittex li jilħaq mira klimatika approvata uffiċjalment abbażi tas-SBTi (jew ekwivalenti), jippermettu li l-awtorità kontraenti tiġi informata dwar il-valur jew il-kwalità ta’ dawn il-prodotti, inkluż iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom, u fl-aħħar mill-aħħar li tipparaguna l-offerti li jiġu ppreżentati lilha.
35. Huwa hawnhekk li ssir importanti ħafna l-premessa 97 tad-Direttiva 2014/24, moqrija flimkien mal-Artikolu 67(2) u (3) ta’ din tal-aħħar, li tipprovdi li l-kundizzjoni tal-eżistenza ta’ rabta mas-suġġett tal-kuntratt teskludi l-kriterji relatati mal-politika ġenerali tal-impriża, peress li dawn tal-aħħar ma jistgħux jikkaratterizzaw il-proċess speċifiku ta’ produzzjoni jew ta’ provvista tax-xogħlijiet, tal-prodotti jew tas-servizzi mixtrija. Il-qorti tar-rinviju tfittex b’mod partikolari li ssir taf jekk il-“politika ġenerali tal-impriża” tinkludix is-sistemi ta’ ġestjoni ambjentali jew il-fatt li impriża jkollha mira klimatika approvata uffiċjalment.
36. Il-politika ġenerali ta’ impriża, li ma hijiex iddefinita fl-Artikolu 67(2) u (3) tad-Direttiva 2014/24, moqri flimkien mal-premessa 97 ta’ din tal-aħħar (23), tista’ normalment tinftiehem bħala l-prinċipji gwida u r-regoli ta’ azzjoni kollha li jservu bħala qafas ta’ riferiment għall-eżerċizzju tal-attivitajiet tal-impriża u għat-twettiq tal-għan kummerċjali tagħha. Naturalment, tali politika tista’ tinkludi azzjoni li permezz tagħha impriża tinkludi b’mod volontarju, fl-eżerċizzju tal-attivitajiet tagħha, preokkupazzjonijiet ta’ diversi tipi, fosthom preokkupazzjonijiet ambjentali.
37. Dan premess, għalkemm l-Artikolu 67(2) u (3) tad-Direttiva 2014/24, moqri flimkien mal-premessa 97 ta’ din tal-aħħar, ma jiddefinixxix il-kunċetti ta’ “rabta mas-suġġett tal-kuntratt” jew ta’ “politika ġenerali tal-impriża”, jidhirli li minn dan jista’ jiġi dedott li element ta’ distinzjoni importanti bejn kriterju ta’ għoti li jirreferi għas-suġġett tal-kuntratt u kriterju ta’ għoti relatat mal-politika ġenerali tal-impriża jinsab fil-mira ta’ dan il-kriterju. Fi kliem ieħor, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-kriterju ta’ għoti għandux ir-rabta mas-suġġett tal-kuntratt jew, għall-kuntrarju, jaqax taħt il-politika ġenerali ta’ impriża, jista’ jirriżulta li jkun rilevanti li jiġi eżaminat jekk l-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju tistax tipproduċi effetti fuq dawn il-prodotti u/jew servizzi jew fuq kwalunkwe stadju marbut maċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom jew, għall-kuntrarju, effetti fuq l-impriża nnifisha, fuq l-attivitajiet tagħha jew fuq il-funzjonament tagħha mingħajr prossimità mas-suġġett tal-kuntratt (24).
38. Dan premess, il-formulazzjoni tal-Artikolu 67(2) u (3) tad-Direttiva 2014/24, moqri flimkien mal-premessa 97 ta’ din tal-aħħar, ma hijiex konklużiva sabiex tingħata risposta għad-domanda analizzata fil-kuntest ta’ dawn il-konklużjonijiet immirati. Għalhekk ser inkompli l-analiżi billi neżamina d-dispożizzjonijiet tal-parametri referenzjarji ta’ ġestjoni ambjentali ISO 14001, EMAS u SBTi.
2. Interpretazzjoni tal-parametri referenzjarji ta’ ġestjoni ambjentali ISO 14001, EMAS u SBTi
a) Fuq l‑ISO 14001
39. Mill‑ISO 14001 jirriżulta li impriża ċċertifikata abbażi ta’ dan l-istandard għandha tistabbilixxi politika ambjentali (25) u tiddefinixxi responsabbiltajiet (26), b’mod partikolari, f’dak li jirrigwarda l-garanzija li s-sistema ta’ ġestjoni ambjentali hija konformi mar-rekwiżiti tal‑ISO 14001 (27). Ir-regoli tagħha jipprevedu wkoll li din l-impriża għandha tippjana azzjonijiet ambjentali sabiex tilħaq miri ambjentali li hija tkun stabbilixxiet (28). B’mod partikolari, l-impriża ċċertifikata abbażi tal-ISO 14001 għandha tiddetermina l-aspetti ambjentali tal-attivitajiet, tal-prodotti u tas-servizzi tagħha kif ukoll l-impatti ambjentali assoċjati tagħha, minn perspettiva ta’ ċiklu tal-ħajja (29). Hija għandha wkoll tippjana azzjonijiet intiżi li jittrattaw l-aspetti ambjentali sinjifikattivi kif ukoll ir-riskji u l-opportunitajiet (30). Hija għandha wkoll tippjana l-modalitajiet ta’ evalwazzjoni tal-effettività ta’ dawn l-azzjonijiet u, f’dan il-kuntest, tieħu inkunsiderazzjoni l-għażliet teknoloġiċi tagħha, il-possibbiltajiet finanzjarji, operattivi u kummerċjali tagħha (31).
40. Fi kliem ieħor, l‑ISO 14001 jimponi fuq l-impriża ċċertifikata, fl-ewwel lok, li tidentifika l-effetti ambjentali tal-attivitajiet tagħha, minn perspettiva ta’ ċiklu tal-ħajja, billi għalhekk testendi din l-identifikazzjoni għall-proċessi ta’ manifattura, għall-fornituri, għall-użu u għat-tmiem tal-ħajja. Fit-tieni lok, din impriża għandha tiddetermina l-mezzi sabiex tivverifika li l-azzjonijiet li hija tieħu sabiex tittratta, b’mod partikolari, dawn l-effetti ambjentali jipproduċu r-riżultati mistennija, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-possibbiltajiet teknoloġiċi, finanzjarji, operattivi u kummerċjali tagħha.
41. Għalhekk l‑ISO 14001 għandu l-għan li jipprovdi qafas għall-impriżi sabiex jipproteġu l-ambjent u li jwieġeb għall-iżviluppi fil-kundizzjonijiet ambjentali filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni bżonnijiet soċjo-ekonomiċi. Għaldaqstant, huwa jispeċifika rekwiżiti li jippermettu li impriża tikseb ir-riżultati mistennija li tkun stabbilixxiet għas-sistema ta’ ġestjoni ambjentali tagħha. Fil-fatt, approċċ sistematiku jista’, skont dan l-istandard, jipprovdi lill-maniġment b’informazzjoni li tippermetti li jintlaħaq suċċess fit-tul u li jinħolqu għażliet għall-kontribuzzjoni għall-iżvilupp sostenibbli b’mod partikolari billi jiġi protett l-ambjent permezz tal-eliminazzjoni jew tat-tnaqqis tal-impatti ambjentali negattivi (32).
b) Fuq l-EMAS
42. F’dak li jirrigwarda r-Regolament EMAS, għandu jiġi osservat li dan tal-aħħar jinkludi r-rekwiżiti previsti mill‑ISO 14001 filwaqt li jżid miegħu rekwiżiti addizzjonali, b’mod li, f’ċertu sens, l‑ISO 14001 isir komponent obbligatorju tiegħu (33). Dan ir-regolament jistabbilixxi sistema ta’ ġestjoni ambjentali intiża li jiġu ottimizzati l-proċessi ta’ produzzjoni tal-parteċipanti tagħha, filwaqt li jitnaqqsu l-impatti ambjentali tagħhom u li l-użu tar-riżorsi jsir iktar effettiv (34). B’mod partikolari, dan l-istrument, li jikkostitwixxi pjan ta’ azzjoni għal konsum u produzzjoni sostenibbli kif ukoll għal politika industrijali sostenibbli, għandu l-għan li jippromwovi titjib kontinwu fir-riżultati miksuba mill-organizzazzjonijiet fil-qasam tal-ambjent permezz tal-istabbiliment u tal-implimentazzjoni, minn dawn l-organizzazzjonijiet, ta’ sistemi ta’ ġestjoni ambjentali, tal-evalwazzjoni sistematika, oġġettiva u perjodika tal-funzjonament ta’ dawn is-sistemi, tal-provvista ta’ informazzjoni dwar ir-riżultati miksuba fil-qasam tal-ambjent (35). It-tfittxija ta’ titjib kontinwu, mill-organizzazzjoni, fil-prestazzjonijiet ambjentali tagħha għandha tiġi kkontrollata mill-verifikaturi ambjentali (36).
43. Barra minn hekk, impriża li tixtieq tikseb iċ-ċertifikazzjoni abbażi tal-EMAS għandha twettaq analiżi ambjentali tal-attivitajiet tagħha (37), filwaqt li tidentifika l-aspetti ambjentali diretti u indiretti kollha li għandhom effett sinjifikattiv fuq l-ambjent, billi dawn l-aspetti jiġu debitament iddefiniti u kkwantifikati, u billi barra minn hekk jiġi stabbilit reġistru tal-aspetti meqjusa sinjifikattivi (38). Meta tidentifika l-aspetti ambjentali diretti u indiretti tal-attività, tal-prodotti u tas-servizzi tagħha, l-organizzazzjoni għandha tadotta approċċ ibbażat fuq iċ-ċiklu tal-ħajja, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-istadji ta’ dan iċ-ċiklu tal-ħajja li fuqhom tista’ teżerċita kontroll jew influwenza. Għaldaqstant, l-impatti ambjentali taċ-ċiklu tal-ħajja jagħmlu parti mill-aspetti ambjentali li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-iskema ta’ ġestjoni EMAS, billi tiġi evalwata s-sinjifikanza ambjentali fuq il-livell taċ-ċiklu tal-ħajja sħiħ tal-prodott. Barra minn hekk, l-impriża ċċertifikata abbażi tal-EMAS għandha turi li s-sistema stabbilita għall-ġestjoni tar-responsabbiltajiet ambjentali hija effettiva u xierqa (39).
c) Fuq is-SBTi
44. Is-SBTi tinkludi għodod u linji gwida li jippermettu lill-impriżi u lill-istituzzjonijiet finanzjarji jistabbilixxu miri bbażati fuq data xjentifika, konformement ma’ dak li huwa neċessarju biex tintlaħaq il-mira ta’ emissjonijiet żero netti sa mhux iktar tard mill‑2050 (40). B’mod partikolari, is-SBTi tibbaża ruħha strettament fuq il-Protokoll dwar il-Gassijiet Serra (Greenhouse Gas Protocol) (41) li jikkostitwixxi qafas standardizzat għall-kontabbiltà tal-emissjonijiet, isostni l-approċċ tas-SBTi fir-rigward tal-istabbiliment u tal-validazzjoni ta’ miri xjentifikament fondati u jiggarantixxi li l-impriżi jużaw metodu uniformi sabiex ikejlu u jiddikjaraw l-emissjonijiet tagħhom ta’ gassijiet serra (42). Il-Protokoll jinkludi standards u linji gwida għall-kejl u għall-ġestjoni tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, inklużi l-istandards ta’ kontabbiltà u l-linji gwida neċessarji sabiex l-organizzazzjonijiet ikunu jistgħu jikkwantifikaw u jiġġestixxu l-emissjonijiet tagħhom ta’ gassijiet serra. Il-miri klimatiċi tal-impriżi huma vvalidati mis-SBTi, bħala terz indipendenti. Din il-validazzjoni hija prekundizzjoni sabiex impriża tkun tista’ tikkomunika pubblikament il-miri tagħha kif approvati mis-SBTi (43).
45. Is-SBTi tipprevedi miri klimatiċi dwar l-emissjonijiet diretti ta’ gassijiet serra (“scope 1”) (44), l-emissjonijiet indiretti ta’ gassijiet serra marbuta mal-enerġija mixtrija u kkonsmata mill-impriża (“scope 2) (45) u l-emissjonijiet indiretti l-oħra ta’ gassijiet serra (“scope 3” ) (46). B’mod partikolari, is-SBTi tawtorizza l-istabbiliment ta’ żewġ tipi ta’ miri: near-term (5‑10 snin) u long-term jew net-zero (sal‑2050) (47). Pereżempju, jekk l-emissjonijiet tal-i“scope 3” ta’ impriża jirrappreżentaw tal-inqas 40 % tal-emissjonijiet totali tagħha (scopes 1, 2 u 3), hija tkun obbligata tinkludi l-i“scope 3” fil-miri klimatiċi tagħha u tistabbilixxi miri li jkopru tal-inqas 67 % tal-emissjonijiet totali tagħha ta’ dan l-istess “scope 3” (48). Għaldaqstant, l-i“scope 3” iwassal lill-impriża sabiex tħares lil hinn mis-sit ta’ produzzjoni tagħha u sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-impatti ambjentali marbuta mal-emissjonijiet indiretti tal-karbonju, kif jirriżultaw mix-xiri tal-materja prima, mit-trasport, mill-użu ta’ prodott u mit-tmiem tal-ħajja ta’ dan tal-aħħar.
46. Fl-aħħar nett, għalkemm tista’ tiġi stabbilita ċerta analoġija bejn l-approċċ irrakkomandat mis-SBTi, minn naħa, u mill‑ISO 14001 u mill-EMAS, min-naħa l-oħra, dan l-approċċ jidher li huwa differenti fir-rigward tal-effetti ambjentali kkonċernati, jiġifieri l-impatti tal-emissjonijiet tal-karbonju għal tal-ewwel u l-impatti ambjentali kollha (enerġija, ilma, skart, tniġġis, bijodiversità, riżorsi, klima, eċċ.) għal tat-tieni.
3. Konklużjoni intermedja dwar il-portata tal-parametri referenzjarji ta’ ġestjoni ambjentali ISO 14001, EMAS u SBTi u dwar l-użu tagħhom bħala kriterji ta’ għoti fis-sens tal-Artikolu 67(2) u (3) tad-Direttiva 2014/24, moqri flimkien mal-premessa 97 ta’ din tal-aħħar
47. Mill-elementi deskritti iktar ’il fuq jirriżulta li l‑ISO 14001, l-EMAS u s-SBTi jippreżentaw ruħhom bħala parametri referenzjarji ta’ ġestjoni ambjentali b’parteċipazzjoni volontarja li jippermettu lill-impriżi jevalwaw, jiddikjaraw u jtejbu l-prestazzjonijiet ambjentali tagħhom, billi jistabbilixxu qafas ġenerali ta’ kondotta interna għall-impriża ċċertifikata abbażi ta’ dawn is-sistemi. Għaldaqstant, dawn il-parametri referenzjarji ta’ ġestjoni ambjentali huma ta’ natura ġenerali, jikkonċernaw is-setturi kollha ta’ attività tal-impriżi li jista’ jkollhom impatt ambjentali, iżda la jikkonċernaw prodotti jew servizzi speċifiċi u lanqas stadji speċifiċi taċ-ċiklu tal-ħajja ta’ dawn tal-aħħar.
48. Madankollu, ma jidhirlix li l-karatteristiċi relatati mal-parteċipazzjoni volontarja fil-parametri referenzjarji ta’ ġestjoni ambjentali msemmija iktar ’il fuq jew man-natura ġenerali ta’ dawn tal-aħħar huma konklużivi fir-rigward tal-assenza ta’ rabta bejn il-kriterji ta’ għoti bbażati fuq l‑ISO 14001, l-EMAS u s-SBTi u s-suġġett tal-kuntratt għall-provvista ta’ siringi u ta’ labar inkwistjoni. Fil-fatt, li wieħed jillimita ruħu b’mod (kważi) awtomatiku għal dawn il-karatteristiċi fl-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ din ir-rabta, jista’ jirriżulta li jkun mhux biss superfiċjali, iżda wkoll ineżatt (49). Jidhirli li l-iktar approċċ konformi mal-ispirtu tal-kuntratti pubbliċi u mal-metodu rrakkomandat mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-qasam, li fakkart fil-kuntest tal-osservazzjonijiet preliminari, huwa li jiġi vverifikat jekk, fid-dawl tas-settur speċifiku, b’mod partikolari, ta’ produzzjoni (50) tas-siringi u tal-labar (51) u fid-dawl tad-dokumenti li jakkumpanjaw l-għoti tal-kuntratt, il-kriterji ta’ għoti li jirreferu għall-parametri referenzjarji ta’ ġestjoni ambjentali ISO 14001, EMAS u SBTi jistgħux jintrabtu mas-suġġett tal-kuntratt u humiex ta’ natura li jkollhom impatt fuq il-karatteristiċi ta’ dawn il-prodotti jew fuq iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom. Fid-dawl ta’ dak li ddeskrivejt fil-punt 37 ta’ dawn il-konklużjonijiet, għandu jiġi ddeterminat jekk dawn il-kriterji jippermettux li jiġu evalwati l-prezz, l-ispiża jew il-bilanċ bejn il-prezz u l-kwalità tal-offerta u li jiġu pparagunati l-offerti kollha sottomessi għall-għoti tal-kuntratt sabiex tiġi identifikata dik li tikkostitwixxi l-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament jew, għall-kuntrarju, jekk dawn jillimitawx ruħhom biss li jevalwaw il-kondotta ġenerali tal-impriża, ħaġa li hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina (52).
49. B’mod komplementari, inżid li jidhirli li huwa diffiċli li jiġi eskluż li dawn il-parametri referenzjarji ta’ ġestjoni ambjentali jista’ jkollhom impatt pożittiv fuq l-impronta klimatika u ambjentali b’mod partikolari ta’ stadju taċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodotti u/jew tas-servizzi mixtrija minn awtorità kontraenti (53). Għaldaqstant, ma jistax jiġi eskluż, bħala prinċipju, li l-parametri referenzjarji ta’ ġestjoni ambjentali ISO 14001, EMAS u SBTi jistgħu jservu ta’ bażi għall-kriterji ta’ għoti, bil-kundizzjoni madankollu li dawn il-kriterji jkollhom rabta mas-suġġett tal-kuntratt u jippermettu li tiġi ddeterminata l-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament. L-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ rabta bejn tali kriterji ta’ għoti u s-suġġett tal-kuntratt inkwistjoni għandha tkun ibbażata fuq l-analiżi konkreta tas-settur previst mill-kuntratt pubbliku, f’dan il-każ dak tas-siringi u tal-labar, fuq l-analiżi tal-karatteristiċi ta’ dan is-settur u tal-provvista tal-prodotti jew taċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom, flimkien mad-dokumenti tal-għoti tal-kuntratt li jesprimu l-bżonn ta’ xiri tal-awtorità kontraenti u r-rieda ta’ din tal-aħħar (54).
50. Il-konklużjoni preċedenti hija sostnuta mill-kuntest tal-Artikolu 67(2) u (3) tad-Direttiva 2014/24.
C. Interpretazzjoni kuntestwali tal-Artikolu 67(2) u (3) tad-Direttiva 2014/24
51. Għandu jitfakkar li, b’mod ġenerali, l-Unjoni hija impenjata fit-tisħiħ tal-azzjoni tagħha favur il-protezzjoni tal-ambjent, li tkopri firxa wiesgħa ta’ temi li jvarjaw mill-kwalità tal-arja għat-tibdil fil-klima. B’mod partikolari, il-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent tfittex li tilħaq livell ta’ protezzjoni għoli (55). Diversi programmi ta’ azzjoni ambjentali huma implimentati. L-aħħar wieħed, li huwa bbażat fuq il-Patt Ekoloġiku Ewropew (56), imur lura għall‑2022 u jinkludi prijoritajiet bħalma huma t-tnaqqis sinjifikattiv tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra sal‑2030 u n-newtralità klimatika sal‑2050, l-evoluzzjoni lejn mudell ta’ tkabbir ekonomiku ffokat fuq ir-riġenerazzjoni u s-sostenibbiltà jew it-tnaqqis tal-effetti detrimentali tal-produzzjoni u tal-konsum fuq l-ambjent u l-klima (57).
52. Peress li l-protezzjoni tal-ambjent tittraxxendi l-oqsma ta’ kompetenza kollha tal-politika tal-Unjoni, jirriżulta għalhekk li huwa kompletament naturali li l-kunsiderazzjonijiet ambjentali għaldaqstant jingħataw importanza ikbar fil-kuntest tal-politiki dwar il-kuntratti pubbliċi. Pereżempju, ir-Regolament 2024/1735 (58) jipprovdi li l-Kummissjoni għandha tingħata kompetenzi ta’ implimentazzjoni sabiex tistabbilixxi prinċipji gwida li jippermettu lill-awtoritajiet kontraenti jispeċifikaw l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, ir-rekwiżiti u l-kundizzjonijiet għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt relatati mas-sostenibbiltà ambjentali tal-kuntratti pubbliċi jew tal-konċessjonijiet (59).
53. Barra minn hekk, regolament reċenti ieħor, jiġifieri r-Regolament (UE) 2024/1781 (60), issa jinkoraġġixxi ħafna lill-awtoritajiet kontraenti sabiex jallinjaw il-kuntratti pubbliċi tagħhom mar-rekwiżiti speċifiċi relatati mal-kuntratti pubbliċi ekoloġiċi, mhux biss sabiex jikkontribwixxu għall-għan ta’ newtralità klimatika, ta’ titjib tal-effiċjenza enerġetika, ta’ użu iktar effiċjenti tar-riżorsi u ta’ tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari li tipproteġi s-saħħa pubblika u l-bijodiversità, iżda wkoll sabiex jinkoraġġixxu l-eżistenza ta’ domanda (61) suffiċjenti għal prodotti iktar sostenibbli fuq livell ambjentali. Huwa jipprovdi wkoll li l-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi kriterji ta’ għoti obbligatorji minimi sabiex tiggarantixxi li dawn jistgħu jinfluwenzaw b’mod sinjifikattiv l-għażla tal-prodotti favur dawk li jkunu l-iktar sostenibbli fuq livell ambjentali, bl-għan ikun li tingħata preferenza lill-kriterji ta’ għoti fuq l-speċifikazzjonijiet tekniċi meta jkun hemm inċertezzi dwar id-disponibbiltà jew l-ispiża tal-prodotti bl-ogħla prestazzjoni fis-suq tal-Unjoni (62).
54. Dan premess, id-Direttiva 2014/24 stess tipprovdi li l-kuntratti pubbliċi, li għandhom rwol essenzjali fi strateġija ta’ tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, għandhom jiġu mmodernizzati sabiex, b’mod partikolari, jippermettu lix-xerrejja jagħmlu użu aħjar mill-istrument tal-kuntratti pubbliċi għas-servizz ta’ għanijiet soċjali komuni (63). B’mod partikolari, din id-direttiva tirrikonoxxi l-bżonn ta’ teħid inkunsiderazzjoni b’mod xieraq, fil-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, tar-rekwiżiti applikabbli fil-qasam, b’mod partikolari, ambjentali, li japplikaw fil-post fejn jiġu eżegwiti x-xogħlijiet jew fejn jiġu pprovduti s-servizzi, u li jirriżultaw minn liġijiet, regolamenti, digrieti u deċiżjonijiet fis-seħħ fuq livell nazzjonali u fuq livell tal-Unjoni (64).
55. Barra minn hekk, id-Direttiva 2014/24 tistabbilixxi li l-ebda waħda mid-dispożizzjonijiet tagħha ma għandha tipprekludi l-impożizzjoni jew l-applikazzjoni ta’ miżuri ambjentali b’mod partikolari mill-perspettiva tal-iżvilupp sostenibbli, bil-kundizzjoni li dawn il-miżuri jkunu konformi mat-TFUE (65). Din id-direttiva tistabbilixxi li l-kontroll tal-osservanza ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt ambjentali għandu jitwettaq fl-istadji rilevanti tal-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt, meta jiġu applikati l-prinċipji ġenerali li jirregolaw l-għażla tal-parteċipanti u l-għoti tal-kuntratti, filwaqt li l-verifiki neċessarji għal dan l-għan għandhom jitwettqu konformement mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-imsemmija direttiva (66).
56. Dan premess, fl-evalwazzjoni tal-effetti, b’mod partikolari, tad-Direttiva 2014/24, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li, minkejja li din id-direttiva tagħti espliċitament il-possibbiltà lill-awtoritajiet kontraenti li jinkludu kunsiderazzjonijiet ambjentali fid-diversi stadji tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, hija ma tipprevedix definizzjonijiet legali jew armonizzazzjoni f’dan ir-rigward (67).
57. Barra minn hekk, l-istess dokument tal-Kummissjoni jikkonkludi li huwa neċessarju li l-kuntratti pubbliċi jiġu ssemplifikati, liema neċessità hija saħansitra iktar importanti llum milli kienet fl‑2014, kif ukoll li t-tnedija ta’ xogħlijiet, ta’ prodotti u ta’ servizzi sostenibbli hija iktar urġenti llum milli kienet fl‑2014, minħabba l-aċċellerazzjoni tat-tibdil fil-klima u t-tkabbir fl-isfidi ambjentali (68).
58. Għaldaqstant, il-kuntest tal-Artikolu 67(2) u (3) tad-Direttiva 2014/24, li jiffavorixxi ħafna kemm il-protezzjoni tal-ambjent kif ukoll l-għoti ta’ flessibbiltà ikbar lill-awtoritajiet kontraenti sabiex ikunu jistgħu jagħtu prijorità lill-għanijiet ta’ interess komuni, la jidher li jiffavorixxi l-invalidità awtomatika tal-kriterji ta’ għoti bbażati fuq il-parametri referenzjarji ta’ ġestjoni ambjentali, bħalma huma l‑ISO 14001, l-EMAS u s-SBTi, minħabba l-karatteristiċi tagħhom deskritti fil-punt 47 ta’ dawn il-konklużjonijiet, u lanqas il-klassifikazzjoni awtomatika tagħhom bħala kriterji relatati mal-“politika ġenerali ta’ impriża”, mingħajr analiżi konkreta tal-possibbiltà li dawn jintrabtu mas-suġġett tal-kuntratt. Min-naħa l-oħra, jekk l-awtoritajiet kontraenti sempliċement ifittxu li jevalwaw il-kondotta ġenerali tal-offerenti u li jsiru jafu jekk il-prodotti kollha li dawn jiddistribwixxu u/jew jimmanifatturaw, indipendentement mir-rabta tagħhom mas-suġġett tal-kuntratt pubbliku inkwistjoni, humiex konformi ma’ politika ambjentali li l-offerenti jkunu imponew fuqhom infushom billi jkunu aderixxew mal-parametri referenzjarji msemmija iktar ’il fuq, tali kunsiderazzjonijiet għalhekk jaqgħu iktar taħt kunsiderazzjonijiet relatati mal-għażla tal-parteċipanti milli taħt kunsiderazzjonijiet relatati mal-għoti tal-kuntratti.
59. F’dak li jirrigwarda l-kunsiderazzjonijiet dwar l-għażla tal-parteċipanti, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-konklużjoni li għandha tinsilet, mill-perspettiva kuntestwali, mill-possibbiltà offruta lill-awtoritajiet kontraenti, abbażi tal-kriterji ta’ selezzjoni previsti fl-Artikolu 58(1) tad-Direttiva 2014/24, li jeżiġu li l-operaturi jikkonformaw ruħhom mal-parametri referenzjarji ta’ ġestjoni ambjentali u li jipproduċu ċertifikati f’dan is-sens, skont l-Artikolu 62(2) ta’ din id-direttiva. Filwaqt li tenfasizza li, skont dan ir-rekwiżit, il-kundizzjonijiet ta’ selezzjoni għandhom ikunu marbuta u proporzjonati mas-suġġett tal-kuntratt, hija tesprimi dubji dwar l-interpretazzjoni analoga ta’ dan ir-rekwiżit tal-aħħar fil-kuntest tal-kriterji ta’ selezzjoni, minn naħa, u tal-kriterji ta’ għoti, min-naħa l-oħra. Il-Kummissjoni, ir-reġjuni Daniżi u l-Gvern Ġermaniż iddiskutew ukoll dan il-punt waqt is-seduta.
60. F’dan ir-rigward, fis-sistema ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi tal-Unjoni, il-kriterji ta’ selezzjoni u l-kriterji ta’ għoti jirrigwardaw fażijiet distinti tal-proċedura għall-għoti u jaqgħu taħt regoli li huma wkoll huma distinti (69). Id-distinzjoni bejniethom tista’, essenzjalment, tiġi spjegata fis-sens li tirreferi għal żewġ aspetti differenti tal-proċedura, jiġifieri, minn naħa, l-evalwazzjoni tal-kandidaturi (u għalhekk l-identifikazzjoni tal-offerenti li kapaċi jissodisfaw is-sejħa għal offerti) u, min-naħa l-oħra, l-għoti tal-kuntratt (u għalhekk il-paragun tal-offerti ppreżentati sabiex tiġi identifikata dik li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament).
61. Fil-fatt, filwaqt li l-kriterji ta’ selezzjoni għandhom b’mod partikolari l-għan li jagħtu lill-awtorità kontraenti l-assigurazzjoni li l-offerent ser ikollu effettivament għad-dispożizzjoni tiegħu l-mezzi ta’ kull natura li huwa jibbaża ruħu fuqhom matul il-perijodu kopert mill-kuntratt (70), il-kriterji ta’ għoti għandhom jippermettu lill-awtorità kontraenti tidentifika l-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament, peress li s-sodisfazzjoni ta’ dawn il-kriterji tippermetti preċiżament lil din l-awtorità kontraenti tagħżel l-offerta li hija l-iktar vantaġġuża fid-dawl tal-bżonnijiet speċifiċi tagħha (71).
62. Fid-dawl tal-iskopijiet differenti tal-kriterji ta’ selezzjoni u tal-kriterji ta’ għoti, ma tista’ tinsilet ebda konklużjoni awtomatika mill-applikazzjoni tar-rekwiżit ta’ rabta mas-suġġett tal-kuntratt kemm fl-ipoteżi tal-evalwazzjoni tal-validità tal-kriterji ta’ selezzjoni kif ukoll f’dik tal-evalwazzjoni tal-kriterji ta’ għoti. Bl-istess mod, ma tista’ tinsilet ebda konklużjoni awtomatika fir-rigward tal-validità tal-kriterji ta’ għoti bbażati fuq il-parametri referenzjarji ta’ ġestjoni ambjentali ISO 14001, EMAS u SBTi mill-fatt li d-Direttiva 2014/24 tawtorizza, fl-Artikolu 62(2) tagħha, lill-awtoritajiet kontraenti jeżiġu li l-operaturi ekonomiċi, fl-istadju tas-selezzjoni tagħhom, jikkonformaw ruħhom mal-parametri referenzjarji ta’ ġestjoni ambjentali u jipproduċu ċertifikati f’dan is-sens, sa fejn, sabiex jagħmlu dan, il-kriterji ta’ selezzjoni li jifformulaw l-awtoritajiet kontraenti għandhom ukoll josservaw ir-rekwiżit ta’ rabta bejn dawn il-kriterji u s-suġġett tal-kuntratt, ħaġa li hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika meta dawn tal-aħħar jiġu kkontestati.
63. Barra minn hekk, ma jidhirlix li huwa sodisfaċenti li jiġi konkluż li din l-awtorizzazzjoni mogħtija lill-awtoritajiet kontraenti u d-differenzi fl-iskopijiet tal-kriterji ta’ selezzjoni u tal-kriterji ta’ għoti jista’ jkollhom kwalunkwe effett fuq il-possibbiltà li ċerti rekwiżiti, bħal dawk marbuta mal-ambjent, jaqgħu kemm taħt il-kriterji ta’ selezzjoni kif ukoll taħt il-kriterji ta’ għoti, sakemm jiġu osservati l-kundizzjonijiet ta’ validità tagħhom previsti fl-artikoli relattivi għalihom. Min-naħa l-oħra, jidhirli li huwa importanti li l-awtoritajiet kontraenti jitħallew liberi li jagħżlu l-istadju li fih jinkludu l-kunsiderazzjonijiet ambjentali fl-għoti tal-kuntratt pubbliku sabiex jissodisfaw bl-aħjar mod il-bżonnijiet speċifiċi tagħhom (72) u d-difiża ta’ interess ġenerali.
64. Barra minn hekk, ikun hemm vantaġġi prattiċi li jistgħu jagħtu effett sħiħ lil dawn il-parametri referenzjarji ta’ ġestjoni ambjentali bil-fatt li jiġi konkluż li l-validità tal-kriterji ta’ għoti relatati maċ-ċertifikazzjonijiet abbażi tal‑ISO 14001, tal-EMAS u mal-approvazzjoni fuq il-bażi tas-SBTi, ma għandhiex, bħala prinċipju, tiġi eskluża, bil-kundizzjoni li dawn il-kriterji jkollhom rabta mas-suġġett tal-kuntratt, konformement mal-evalwazzjoni in concreto li rrakkomandajt fil-punti 48 u 49 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Fil-fatt, huwa evidenti li l-operaturi ekonomiċi li jiddeċiedu li jiċċertifikaw ruħhom ma jillimitawx ruħhom biss għas-sempliċi protezzjoni tal-ambjent, iżda jfittxu wkoll li jieħdu vantaġġ konkret miċ-ċertifikazzjoni tagħhom, li jippermettilhom jikkumpensaw għall-impenji, jew saħansitra għar-restrizzjonijiet regolatorji, li jirriżultaw minnha. Huwa minnu li l-eċċellenza fil-qasam tal-prestazzjoni ambjentali tal-attivitajiet ta’ organizzazzjoni ċċertifikata hija diġà vantaġġ ċar li din tal-aħħar tislet mill-parteċipazzjoni volontarja tagħha fil-parametri referenzjarji ta’ ċertifikazzjoni u ta’ approvazzjoni inkwistjoni (73), bl-istess mod kif tibbenefika minn tisħiħ tal-immaġni tat-trademark tagħha u tat-trasparenza lejn il-konsumaturi kkonċernati dwar il-protezzjoni tal-ambjent (74). Madankollu, fil-kuntest kummerċjali, dawn il-parametri referenzjarji huma pperċepiti bħala lieva strateġika li tippermetti li jintrebħu l-kuntratti mingħand klijenti (75). Din il-perċezzjoni hija iktar u iktar minnha fil-każ tal-kuntratti pubbliċi, li joffru lill-offerenti kuntratti siguri u dħul mill-bejgħ iggarantit (76). F’dan ir-rigward, jeżistu eżempji konkreti kemm fuq livell tal-Unjoni kif ukoll fuq dak nazzjonali (77).
65. Barra minn hekk, ir-Regolament EMAS stess jistabbilixxi li, sabiex din l-iskema issir tappella iktar għall-organizzazzjonijiet, l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jieħdu l-EMAS inkunsiderazzjoni fil-politiki tagħhom ta’ għoti ta’ kuntratti u, jekk ikun il-każ, jirreferu għall-EMAS jew għal sistemi ta’ ġestjoni ambjentali (78). Huwa jinkoraġġixxi wkoll lill-Istati Membri sabiex jeżaminaw kif ir-reġistrazzjoni abbażi tal-EMAS tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tax-xiri pubbliku u tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi (79).
66. F’dan il-kuntest, jista’ jidher, tal-inqas, kontradittorju li l-Istati Membri jiġu inkoraġġuti, essenzjalment, jinkludu iktar il-parametri referenzjarji ta’ ċertifikazzjoni ambjentali, inter alia, fil-fażi ta’ għoti tal-kuntratt, filwaqt li jiġi miċħud l-użu ta’ dawn il-parametri referenzjarji fil-kawża prinċipali abbażi tal-karatteristiċi tal-parametri referenzjarji ta’ ġestjoni ambjentali ISO 14001, EMAS u SBTi, kif deskritti fil-punt 47 ta’ dawn il-konklużjonijiet, mingħajr ma jiġi mfittex b’mod konkret jekk teżistix rabta mas-suġġett tal-kuntratt.
67. B’mod partikolari, fid-dawl tal-kuntest kif deskritt iktar ’il fuq, li juri bidla funzjonali reali fil-kuntratti pubbliċi li, f’dawn l-aħħar kważi għoxrin sena, tikkonsisti fl-użu tal-kuntratti pubbliċi sabiex jintlaħqu miri b’mod partikolari ambjentali (80), tali ċaħda tista’ tkun konformi mal-Artikolu 67(2) u (3) tad-Direttiva 2014/24 biss jekk, wara l-eżami tal-qorti tar-rinviju, ma tkun setgħet tiġi stabbilita ebda rabta bejn il-kriterji ta’ għoti bbażati fuq il-parametri referenzjarji ta’ ġestjoni ambjentali u s-suġġett tal-kuntratt, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi speċifiċi tal-prodotti u tal-kuntratt inkwistjoni.
68. Fl-aħħar nett, jidhirli li l-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti huma wkoll konformi mal-għanijiet tad-Direttiva 2014/24.
D. Interpretazzjoni teleoloġika tal-Artikolu 67(2) u (3) tad-Direttiva 2014/24
69. L-għanijiet tad-Direttiva 2014/24 lanqas ma jippermettu li tiġi invalidata l-konklużjoni li l-kriterji ta’ għoti relatati mas-sostenibbiltà, li jagħtu ponderazzjoni pożittiva lill-fatt li l-manifattur tas-siringi u tal-labar huwa ċċertifikat konformement mal-ISO 14001 u mal-EMAS jew approvat mis-SBTi, jistgħu jitqiesu li huma konformi mal-Artikolu 67(2) u (3) tad-Direttiva 2014/24, bil-kundizzjoni li jkollhom rabta mas-suġġett tal-kuntratt.
70. Huwa minnu li l-iskop ta’ din id-direttiva huwa kkaratterizzat ħafna mill-għan tat-twettiq tas-suq intern permezz tal-moviment liberu tal-merkanzija, tal-libertà ta’ stabbiliment u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (81), u għaldaqstant ifittex li jiżgura l-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni effettiva fil-paragun oġġettiv tal-valur relattiv tal-offerti sabiex tiġi ddeterminata dik li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament (82), mingħajr madankollu ma tingħata libertà ta’ għażla illimitata lill-awtorità kontraenti (83).
71. Jibqa’ l-fatt li d-Direttiva 2014/24 tinkludi wkoll aspett strateġiku importanti, sa fejn tirrikonoxxi li l-kuntratti pubbliċi “[jikkostitwixxu] wieħed mill-istrumenti bbażati fuq is-suq li għandu jintuża sabiex jinkiseb tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv filwaqt li jiġi żgurat l-aktar użu effiċjenti tal-fondi pubbliċi [...] sabiex [għaldaqstant] ix-xerrejja jkunu jistgħu jagħmlu użu aħjar mill-akkwist pubbliku b’appoġġ għall-għanijiet soċjali komuni” (84).
72. Jidher li, bl-adozzjoni tad-Direttiva 2014/24, il-leġiżlatur tal-Unjoni diġà fittex li jirrikonċilja, sa ċertu punt, l-iskop prevalentement ekonomiku ta’ din id-direttiva mal-preokkupazzjonijiet dejjem jikbru tiegħu fil-qasam tal-protezzjoni tal-ambjent (85) b’mod globali (86). Fil-fatt, dan l-approċċ jista’ jkun ta’ benefiċċju kemm għall-ambjent kif ukoll għall-ekonomija ġenerali, peress li l-użu iktar sostenibbli tar-riżorsi jista’ jsaħħaħ il-kompetittività tal-industrija Ewropea billi jistimula l-innovazzjoni fl-ekoteknoloġiji (87).
IV. Risposta proposta
73. Għalhekk jiena tal-fehma li r-risposta għall-punti (a) u (b) tal-ewwel domanda preliminari għandha tkun fin-negattiv, fis-sens li l-Artikolu 67(2) u (3) tad-Direttiva 2014/24 ma jipprekludix l-applikazzjoni, għall-għoti ta’ kuntratti, ta’ kriterji ta’ sostenibbiltà li jagħtu ponderazzjoni pożittiva lill-fatt li l-prodotti offruti jiġu mmanifatturati minn manifatturi ċċertifikati jew approvati abbażi tal-parametri referenzjarji ta’ ġestjoni ambjentali ISO 14001, EMAS u SBTi jew ekwivalenti, bil-kundizzjoni li tiġi stabbilita rabta bejn is-suġġett tal-kuntratt u dawn il-kriterji, ħaġa li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa. L-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ tali rabta għandha tkun ibbażata fuq analiżi konkreta, kif iddeskrivejt fil-punti 48 u 49 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
V. Konklużjoni
74. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għall-ewwel domanda preliminari magħmula mill-Klagenævnet for Udbud (il-Bord tal-Appell fil-Qasam tal-Kuntratti Pubbliċi, id-Danimarka):
L-Artikolu 67(2) u (3) tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li:
ma jipprekludix l-applikazzjoni, għall-għoti ta’ kuntratti, ta’ kriterji ta’ sostenibbiltà li jagħtu ponderazzjoni pożittiva lill-fatt li l-manifattur tal-prodotti offruti huwa ċċertifikat abbażi tal-istandard ISO 14001, tal-iskema ta’ ġestjoni u verifika ambjentali tal-Unjoni Ewropea jew ta’ sistema ekwivalenti u li jfittex li jilħaq mira klimatika approvata mis-Science Based Target initiative jew mira ekwivalenti, bil-kundizzjoni li tiġi stabbilita rabta bejn is-suġġett tal-kuntratt u dawn il-kriterji, ħaġa li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa. L-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ tali rabta għandha tkun ibbażata fuq analiżi konkreta tas-settur previst mill-kuntratt pubbliku, tal-karatteristiċi ta’ dan is-settur u tal-prodott jew tas-servizz li jkun is-suġġett tal-kuntratt jew taċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom, flimkien mad-dokumenti tal-għoti tal-kuntratt li jesprimu l-bżonn ta’ xiri tal-awtorità kontraenti.
1 Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
2 Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni (ISO). (2015). ISO 14001:2015: Environmental management systems – Requirements with guidance for use (it-tielet edizzjoni). Genève (iktar ’il quddiem l-“ISO 14001”).
3 Regolament (KE) Nru 1221/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2009 dwar il-parteċipazzjoni volontarja ta’ organizzazzjonijiet fi skema Komunitarja ta’ ġestjoni u verifika ambjentali (EMAS) li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 761/2001 u d-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 2001/681/KE u 2006/193/KE (ĠU 2009, L 342, p. 1, iktar ’il quddiem l-“EMAS”).
4 Science Based Targets initiative (SBTi). (2024). SBTi Corporate Near-Term Criteria V5.2. Marzu 2024 u Science Based Targets initiative (SBTi). (2024). SBTi Corporate Net-Zero Standard V1.2. Marzu 2024 (iktar ’il quddiem is-“SBTi”).
5 Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65, rettifiki fil-ĠU 2015, L 275, p. 68, fil-ĠU L, 2023/90063 u fil-ĠU L, 2025/90115, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2014/24”).
6 Punt 5 tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/24.
7 Artikolu 67(1) tad-Direttiva 2014/24.
8 Artikolu 67(2) tad-Direttiva 2014/24. Madankollu, huwa evidenti li l-offerta li hija l-iktar ekonomikament vantaġġuża ma hijiex neċessarjament l-inqas offerta għalja.
9 Skont il-premessa 89 tad-Direttiva 2014/24, il-kriterji ta’ għoti jikkostitwixxu kunċett essenzjali ta’ din id-direttiva.
10 B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà qieset, essenzjalment, li kull wieħed mill-kriterji ta’ għoti adottati mill-awtorità kontraenti sabiex tidentifika l-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament ma għandux neċessarjament ikun ta’ natura purament ekonomika, għaliex ma jistax jiġi eskluż li fatturi li ma humiex purament ekonomiċi jistgħu jaffettwaw il-valur ta’ offerta fir-rigward tal-imsemmija awtorità kontraenti (sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2002, Concordia Bus Finland, C‑513/99, iktar ’il quddiem is-“sentenza Concordia Bus Finland”, EU:C:2002:495 , punt 55).
11 Sentenza Concordia Bus Finland, punt 57.
12 Sentenzi tal‑10 ta’ Mejju 2012, Il‑Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C‑368/10, EU:C:2012:284, punt 85) u tal‑5 ta’ Marzu 2026, AESTE (C‑210/24, EU:C:2026:145, punti 39 sa 41).
13 Sentenza Concordia Bus Finland, punt 59 u, essenzjalment, l-Artikolu 67(2) u (3) tad-Direttiva 2014/24.
14 Sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2026, AESTE (C‑210/24, EU:C:2026:145, punt 46).
15 Weller C., Meissner Pritchard J., “Evolving CJUE Jurisprudence: Balancing Sustainability Considerations with the Requirements of the Internal Market”, EPPL Vol. 1 (2013), p. 56
16 De la Rosa S., Droit européen de la commande publique, it-tielet edizzjoni, kollezzjoni “Droit de l’Union européenne”, Brussell, Bruylant, 2025, p. 517.
F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-qasam tal-kuntratti pubbliċi, dejjem meqjus minn perspettiva ekonomika fil-kuntest tat-twettiq tas-suq intern, evolva sewwa f’dawn l-aħħar snin. Fil-fatt, huwa adatta ruħu progressivament sabiex jaffaċċja realtajiet dejjem jikbru fi ħdan l-Unjoni li jeħtieġu li l-awtoritajiet kontraenti jkunu jistgħu jieħdu inkunsiderazzjoni kriterji ta’ għoti xierqa sabiex jirriflettu l-bżonnijiet ta’ interess ġenerali, kif turi l-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq dwar it-teħid inkunsiderazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet soċjali u ambjentali.
17 Sentenzi tal‑24 ta’ Novembru 2005, ATI EAC e Viaggi di Maio et (C‑331/04, EU:C:2005:718, punt 21); tal‑24 ta’ Mejju 2016, MT Højgaard u Züblin (C‑396/14, EU:C:2016:347, punt 37); kif ukoll tal‑20 ta’ Settembru 2018, Montte (C‑546/16, EU:C:2018:752, punt 31).
18 Premessa 90 tad-Direttiva 2014/24.
19 De la Rosa S., Droit européen de la commande publique, it-tielet edizzjoni, kollezzjoni “Droit de l’Union européenne”, Brussell, Bruylant, 2025, p. 507.
20 Dan il-kunċett lanqas ma huwa ddefinit mid-Direttiva 2014/24 b’mod ġenerali.
21 Iċ-ċiklu tal-ħajja huwa ddefinit, fil-punt 20 tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/24, bħala “l-istadji konsekuttivi u/jew marbutin bejniethom kollha, inklużi r-riċerka u l-iżvilupp li għad iridu jsiru, il-produzzjoni, il-kummerċ u l-kondizzjonijiet tiegħu, it-trasport, l-użu u l-manutenzjoni, matul l-eżistenza kollha tal-prodott jew tax-xogħlijiet jew tal-forniment tas-servizz, mix-xiri ta’ materja prima jew il-ġenerazzjoni ta’ riżorsi sar-rimi, l-approvazzjoni u sa tmiem is-servizz jew l-użu”.
22 L-assenza ta’ neċessità li tiġi stabbilita rabta ma’ karatteristika intrinsika tal-prodott u/jew tas-servizz mixtri ntweriet mis-sentenza tal‑10 ta’ Mejju 2012 (Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi, C‑368/10, EU:C:2012:284). F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li ma kienx meħtieġ li kriterju ta’ għoti jirrigwarda karatteristika intrinsika ta’ prodott, jiġifieri element li jinkorpora ruħu materjalment fih. Hija kkonkludiet li għaldaqstant xejn ma jipprekludi, bħala prinċipju, li tali kriterju jirreferi għall-fatt li prodott ikun joriġina mill-kummerċ ġust (punt 91 tas-sentenza).
23 Id-Direttiva 2014/24 lanqas ma tiddefinixxi dan il-kunċett b’mod ġenerali.
24 F’dan ir-rigward, huwa minnu li l-fatt, għal impriża, li tapplika, fi ħdanha, politika ġenerali fil-qasam ambjentali jew soċjali mhux neċessarjament jinforma lill-awtorità kontraenti dwar il-valur jew il-kwalità tal-prodotti u/jew tas-servizzi li hija tfittex li tixtri. Madankollu, din il-konklużjoni ma tistax tkun differenti jekk ċerta kondotta tal-impriża seta’ jkollha riperkussjoni fuq il-karatteristiċi tal-prodotti u/jew tas-servizzi mixtrija jew fuq iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom? Għal din ir-raġuni, jidhirli li huwa importanti li jiġi analizzat jekk tali riperkussjoni hijiex possibbli, u dan fid-dawl tal-karatteristiċi speċifiċi tal-prodotti u/jew tas-servizzi li jkunu s-suġġett tal-kuntratt pubbliku (ara l-punt 25 ta’ dawn il-konklużjonijiet).
25 ISO 14001, Klawżola 5.2 “Politika ambjentali”.
26 ISO 14001, Klawżola 5.3 “Rwoli, responsabbiltajiet u awtoritajiet fi ħdan l-organu”.
27 ISO 14001, Klawżola 5.3(a).
28 ISO 14001, Klawżola 6.2 “Miri ambjentali u ppjanar tal-azzjonijiet sabiex dawn jintlaħqu”.
29 ISO 14001, l-ewwel subparagrafu tal-Klawżola 6.1.2.
30 ISO 14001, punti 1 u 3 tal-Klawżola 6.1.4(a).
31 ISO 14001, Klawżola 6.1.4(b).
32 ISO 14001, Klawżola 0.2 “Għan ta’ sistema ta’ ġestjoni”.
33 Ara l-Anness II tar-Regolament EMAS.
34 Premessi 2 u 4 tar-Regolament EMAS.
35 Artikolu 1 tar-Regolament EMAS.
36 Artikolu 18(2)(c) tar-Regolament EMAS, moqri flimkien mal-Artikolu 1 ta’ dan tal-aħħar.
37 Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament EMAS.
38 Punt 2 tal-Anness I tar-Regolament EMAS.
39 Anness III(B) tar-Regolament EMAS.
40 https://sciencebasedtargets.org/standards-and-guidance.
41 Ara, b’mod partikolari, https://ghgprotocol.org/sites/default/files/standards/ghg-protocol-revised.pdf.
42 Ara, pereżempju, https://sciencebasedtargets.org/faqs#3351919.
43 Ara pereżempju https://sciencebasedtargets.org/blog/whats-in-a-commitment.
44 L-i“scope 1” tal-Protokoll dwar il-Gassijiet Serra jikkonċerna l-emissjonijiet diretti, jiġifieri l-emissjonijiet li joriġinaw minn sorsi miżmuma jew ikkontrollati mill-impriża, pereżempju l-kombustjoni fil-bojlers, fil-fran jew fil-vetturi tal-impriża, il-proċessi industrijali u t-tnixxija ta’ refriġeranti.
45 L-i“scope 2” tal-Protokoll dwar il-Gassijiet Serra jikkonċerna l-emissjonijiet indiretti marbuta mal-enerġija mixtrija, pereżempju l-emissjonijiet li jirriżultaw mill-produzzjoni tal-elettriku, tas-sħana jew tal-fwar mixtrija mill-impriża.
46 L-i“scope 3” tal-Protokoll dwar il-Gassijiet Serra jkopri l-emissjonijiet indiretti kollha ta’ gassijiet serra li jseħħu fil-katina tal-valur tal-impriża, upstream u downstream tal-attivitajiet tagħha, iżda li la joriġinaw mill-installazzjonijiet tagħha stess (scope 1) u lanqas mill-enerġija li hija tixtri (scope 2).
47 Ara SBTi Corporate Near-Term Criteria V5.2. Marzu 2024, kriterji C13 sa C18 dwar it-tul taż-żmien u l-impenji ta’ dekarbonizzazzjoni meħtieġa sabiex ma tinqabiżx iż-żieda fit-temperaturi globali ta’ 1.5 °C għall-iscopes 1 u 2 u ta’ 2°C għall-iscope 3.
48 Ara SBTi Corporate Near-Term Criteria V5.2, kriterji C4 u C6.
49 Kif tfakkar fil-punt 25 ta’ dawn il-konklużjonijiet, f’kull każ konkret għandha ssir evalwazzjoni fid-dawl tal-karatteristiċi speċifiċi tal-prodotti u tas-servizzi kkonċernati.
50 F’dan ir-rigward, nirrileva li l-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja la jinkludi informazzjoni dwar il-karatteristiċi speċifiċi tas-settur inkwistjoni u lanqas informazzjoni oħra neċessarja għall-evalwazzjoni konkreta. L-informazzjoni li ġejja hija bbażata fuq ir-riċerka tiegħi stess u hija ppreżentata b’mod komplementari.
Hija prattika komuni li siringa tkun ikkostitwita minn polipropilen u bromobutil (plastik taċ-ċilindru u tal-pistun), minn azzar inossidabbli (labra) u kultant minn silikonu jew minn elastomeri għall-ġonot. L-ippakkjar li jippermetti li s-siringa tinżamm sterili ġeneralment isir minn laminat ta’ żewġ plastiks, jiġifieri l-poliamid 6 (PA 6) u l-polietilen b’densità baxxa (LDPE), li huwa diffiċli li jiġu sseparati waqt ir-rimi (għar-riċiklaġġ) (ara Honkoop, M., Albayrak, A., Balkenende, R., Hunfeld, N., u Diehl, J. C., “Reducing the Environmental Impact of Syringes at the Intensive Care Unit”, Springer Series in Design and Innovation, 30, 2024, p. 225 sa 234, https://doi.org/10.1007/978-3-031-32198-6_21).
Il-kummentarji josservaw li fattur li jiddistingwi tip ta’ siringa minn oħra huwa l-kwantità ta’ plastik użat (Cheetham, B., u Johnson, A. Syringes and Sustainability: Planet, People, Profit, Royal Liverpool and Broadgreen University Hospitals NHS Trust, Purchasing and Supply Department, 24 ta’ Settembru 2013).
51 Issa huwa paċifiku li l-kuntratt inkwistjoni għandu impatt ambjentali qawwi. B’mod partikolari, il-manifattura tas-siringi, fost stadji oħra taċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom, għandha impatti ambjentali marbuta, b’mod partikolari, mal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u mal-konsum qawwi ta’ elettriku u ta’ enerġija b’mod ġenerali, minħabba l-użu ta’ magni industrijali li jikkonsmaw ħafna enerġija (b’mod partikolari għall-ipproċessar tal-plastik u tal-azzar, li huma komponenti prinċipali ta’ dawn il-prodotti) (Ara, f’dan is-sens, Cheetham, B., u Johnson, A. Syringes and Sustainability: Planet, People, Profit. Royal Liverpool and Broadgreen University Hospitals NHS Trust, Purchasing and Supply Department, 24 ta’ Settembru 2013 u Honkoop, M., Albayrak, A., Balkenende, R., Hunfeld, N., u Diehl, J. C.,“Reducing the Environmental Impact of Syringes at the Intensive Care Unit”. Springer Series in Design and Innovation, 30, 2024, p. 225 sa 234, https://doi.org/10.1007/978-3-031-32198-6_21.).
52 Waqt is-seduta, il-Kummissjoni qieset li huwa possibbli li kriterju ta’ għoti li jirreferi għal proċess speċifiku ta’ stadju speċifiku ta’ ċiklu tal-ħajja ta’ prodott (ix-xiri, il-manifattura, it-trasport, id-distribuzzjoni) attestat minn ċertifikazzjonijiet ISO 14001, EMAS jew approvat mis-SBTi, jitqies li josserva l-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ rabta bejn is-suġġett tal-kuntratt u l-kriterji ta’ għoti. B’mod komplementari, nistaqsi jekk il-fatt li prodott jew iċ-ċiklu tal-ħajja tiegħu josserva ċerta metodoloġija li fuqha huma bbażati dawn il-parametri referenzjarji ta’ ġestjoni ambjentali jistax jitqies li josserva din il-kundizzjoni. Dan premess, huwa minnu li jista’ jirriżulta li jkun daqstant ieħor importanti li tiġi eżaminata l-formulazzjoni tal-kriterji ta’ għoti bbażati fuq parametri referenzjarji ta’ ċertifikazzjoni jew ta’ approvazzjoni ambjentali u, b’mod partikolari, jekk dawn humiex suffiċjentement speċifiċi sabiex jistgħu jirreferu għall-karatteristiċi jew għal stadju (jew stadji) taċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodotti u/jew tas-servizzi mixtrija.
53 B’mod partikolari, ma jistax wieħed jimmaġina sitwazzjoni li fiha l-impriża ċċertifikata jew approvata abbażi tal-parametri referenzjarji inkwistjoni tkun imponiet fuqha nnifisha, pereżempju, mira ta’ ottimizzazzjoni tal-konsum tal-enerġija, permezz tal-kontroll tal-konsum tagħha ta’ gassijiet serra, ta’ elettriku u ta’ ilma, u anki permezz ta’ titjib fil-prestazzjoni tal-magni għall-ipproċessar tal-komponenti prinċipali tal-prodotti inkwistjoni? Fil-fatt, l-impriżi li jixtiequ jaderixxu maċ-ċertifikazzjonijiet għandhom jistabbilixxu l-politika u l-miri ambjentali, jew kontroll operattiv u ppjanar tal-azzjonijiet sabiex jintlaħqu dawn il-miri f’dak li jirrigwarda l-attivitajiet tagħhom, dejjem intiżi għat-titjib tas-sitwazzjoni inizjali tagħhom jew, fi kliem ieħor, għall-ġestjoni pożittiva tar-riskji għall-ambjent marbuta mal-attività industrijali tagħhom, jew għat-twettiq tar-riżultati preċiżi f’dak li jirrigwarda l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra.
54 F’dan ir-rigward, il-fatt li l-awtorità kontraenti riedet tagħti importanza mhux lill-attività kollha ta’ produzzjoni ta’ offerent (jew tal-manifattur li huwa persuna fiżika jew ġuridika distinta mill-offerent), iżda sempliċement lil dik li tirrigwarda l-produzzjoni tas-siringi u ta’ labar jista’ jikkostitwixxi element ta’ evalwazzjoni importanti.
B’mod komplementari, sa fejn il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-effett li jkollu l-fatt li l-kriterju ta’ għoti jikkonċerna kundizzjonijiet li huma imposti fuq il-manifattur tal-prodotti offruti, u mhux neċessarjament fuq il-fornitur/offerent innifsu, għandu jiġi affermat li l-validità ta’ kriterju ta’ għoti ma tistax tiġi evalwata fid-dawl tal-persuna fiżika jew ġuridika kkonċernata (offerent/fornitur jew manifattur), iżda biss fid-dawl tar-rabta li dan il-kriterju għandu mal-bżonn ta’ xiri espress mill-awtorità kontraenti. Fil-fatt, l-offerent, skont il-punt 11 tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/24, moqri flimkien mal-punt 10 ta’ din id-dispożizzjoni, huwa operatur ekonomiku li jkun ippreżenta offerta li permezz tagħha joffri l-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet u/jew ta’ xogħol, il-provvista ta’ prodotti jew il-provvista ta’ servizzi fis-suq. Loġikament, hija fuqu li taqa’ r-responsabbiltà li jeżegwixxi l-offerta, jew, jekk ikun il-każ, ir-responsabbiltà għall-effetti ambjentali tal-katina tal-valur tiegħu, għaliex l-awtorità kontraenti tiffirma l-kuntratt ma’ dan l-operatur ekonomiku u mhux mal-manifattur tiegħu (ara l-punt 5 tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/24).
55 Artikolu 191(2) TFUE.
56 Il-Patt Ekoloġiku Ewropew – Il‑Kummissjoni Ewropea
57 Deċiżjoni (UE) 2022/591 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑6 ta’ April 2022 dwar Programm Ġenerali ta’ Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal‑2030 (ĠU 2022, L 114, p. 22).
58 Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Ġunju 2024 dwar l-istabbiliment ta’ qafas ta’ miżuri għat-tisħiħ tal-ekosistema Ewropea tal-manifattura ta’ teknoloġija b’emissjonijiet żero netti u li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1724 (ĠU L, 2024/1735, rettifika fil-ĠU L, 2025/90111).
59 B’mod komplementari, inżid li diversi testi ta’ soft law fuq livell tal-Unjoni jenfasizzaw il-bżonn ta’ integrazzjoni iktar profonda tal-protezzjoni tal-ambjent fil-kuntest tal-kuntratti pubbliċi. F’komunikazzjoni, il-Kummissjoni enfasizzat, diġà fl‑2008, ir-rwol ta’ domanda sinjifikattiva għal oġġetti “ekoloġiċi” min-naħa tas-settur pubbliku, li ser jiżviluppa s-swieq ta’ prodotti u ta’ servizzi pubbliċi li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent billi jirrikonoxxi t-tendenzi fil-qasam tal-produzzjoni u tal-konsum li l-kuntratti pubbliċi jistgħu jiddeterminaw, u b’dan il-mod jinċentiva lill-impriżi jiżviluppaw teknoloġiji ambjentali (Kommunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar akkwist pubbliku għal ambjent aħjar, Brussell, 16 ta’ Lulju 2008 KUMM(2008) 400 finali, punt 1.1).
Bl-istess mod, il-Parlament Ewropew enfasizza l-importanza li l-kuntratti pubbliċi nazzjonali jkunu miftuħa għall-kompetizzjoni fl-Unjoni kollha, ħaġa li tippermetti lill-awtoritajiet pubbliċi jiggarantixxu bilanċ aħjar bejn il-prezz u l-kwalità, filwaqt li jikkontribwixxu għall-kompetittività tal-impriżi tal-Unjoni u jippromwovu t-trasparenza u l-effiċjenza fil-proċeduri ta’ għoti (ara l-iskeda tematika dwar il-kuntratti pubbliċi https://www.europarl.europa.eu/factsheets/fr/sheet/34/marches-publics).
60 Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Ġunju 2024 li jistabbilixxi qafas għall-istabbiliment ta’ rekwiżiti tal-ekodisinn għal prodotti sostenibbli, li jemenda d-Direttiva (UE) 2020/1828 u r-Regolament (UE) 2023/1542 u li jħassar id-Direttiva 2009/125/KE (ĠU L, 2024/1781, rettifiki fil-ĠU L, 2024/90493 u fil-ĠU L, 2025/90356).
61 F’dak li jirrigwarda d-domanda, jidhirli li din tal-aħħar hija marbuta direttament mas-suġġett tal-kuntratt u għalhekk mal-kriterji li abbażi tagħhom jingħata dan il-kuntratt, sa fejn din tirrappreżenta l-bżonnijiet tal-awtoritajiet kontraenti li dawn jesprimu permezz tal-avviż tal-kuntratt.
62 Premessa 100 tar-Regolament 2024/1781.
63 Premessa 2 tad-Direttiva 2014/24.
64 Premessa 37 tad-Direttiva 2014/24.
65 Premessa 41 tad-Direttiva 2014/24.
66 Premessa 40 tad-Direttiva 2014/24.
67 Sabiex tiffaċilita l-integrazzjoni ta’ tali kunsiderazzjonijiet fil-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, il-Kummissjoni żviluppat sensiela ta’ strumenti legali u ta’ attivitajiet addizzjonali sabiex tippromwovi x-xiri pubbliku ekoloġiku/il-kuntratti pubbliċi ekoloġiċi (is-Servizz ta’ assistenza għall-kuntratti pubbliċi ekoloġiċi, Kriterji volontarji ta’ xiri pubbliku ekoloġiku u manwali tal-Ekotikketta tal-UE, l-Aġenda urbana għall-kuntratti pubbliċi tal-[Unjoni] u l-proġett Komunità tax-xerrejja pubbliċi – Xerrejja maġġuri li jagħdmu flimkien (Commission Staff Working Document Evaluation of Directive 2014/23/EU on Concessions, Directive 2014/24/EU on Public Procurement and Directive 2014/25/EU on Utilities, p. 40)).
68 Commission Staff Working Document Evaluation of Directive 2014/23/EU on Concessions, Directive 2014/24/EU on Public Procurement and Directive 2014/25/EU on Utilities, p. 64 u 65.
69 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 1988, Beentjes (31/87, EU:C:1988:422, punti 15 u 16).
70 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Diċembru 1999, Holst Italia (C‑176/98, EU:C:1999:593, punt 28).
71 Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet fil-kawża Ambisig (C‑601/13, EU:C:2014:2474, punt 81).
72 Waqt is-seduta, ir-reġjuni Daniżi sostnew li, fil-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-għażla li wieħed jibbaża ruħu fuq il-parametri referenzjarji ta’ ċertifikazzjoni ambjentali fl-istadju tal-għoti tal-kuntratt iktar milli f’dak tas-selezzjoni tal-offerenti kienet tippermetti wkoll li tiġi żgurata kompetizzjoni aħjar bejn l-offerenti.
F’dan ir-rigward, għandu jiżdied li huwa magħruf sew li l-adeżjoni mal-parametri referenzjarji ta’ ċertifikazzjoni ambjentali tista’ tkun relattivament għalja. Għalhekk huwa evidenti li ċerti impriżi jistgħu jaċċedu għalihom b’iktar faċilità minn oħrajn. F’tali kuntest, l-istadju li fih jiġu inklużi l-kunsiderazzjonijiet marbuta ma’ ċertifikazzjoni ambjentali jista’ jirriżulta li jkun partikolarment importanti sabiex jippermetti lill-ikbar numru ta’ impriżi jipparteċipaw fil-kuntratti pubbliċi.
73 https://green-forum.ec.europa.eu/system/files/2023-11/Brochure_EMAS_3x3_Francais.pdf , p 4.
74 Total ta’ 77 % taċ-ċittadini tal-Unjoni mistħarrġa fil-kuntest tal-Ewrobarometru indikaw li kienu lesti jħallsu iżjed għal prodotti li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent jekk iħossu li jistgħu jafdaw l-istqarrijiet f’dan is-sens (ara d-Dokument ta’ ħidma tad-dipartimenti tal-Kummissjoni. Sunt tal-kontroll tal-idoneità li jakkumpanja d-dokument Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill dwar ir-rieżami tal-implimentazzjoni tar-Regolament EMAS, p. 6.)
75 https://www.iso.org/fr/2015/11/Ref2013.html, ara l-parti “Benefiċċji mill-użu ta’ ISO 14001”.
76 Dan premess, jidhirli li din il-lieva strateġika pprovduta lill-offerenti (fi kliem ieħor lieva purament kummerċjali) tibbenefika wkoll lill-awtoritajiet kontraenti (u għalhekk lill-interess ġenerali): għalkemm l-offerenti jfittxu li jiksbu l-vantaġġ ta’ ponderazzjoni iktar favorevoli fil-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti li fihom iċ-ċertifikazzjoni abbażi tal-parametri referenzjarji tippermetti dan, l-awtoritajiet kontraenti jibbenefikaw ukoll minn vantaġġ li jippermettilhom, permezz tal-assoċjazzjoni tal-parametri referenzjarji ta’ ċertifikazzjoni ma’ kriterji ta’ għoti sostenibbli, li “jirrendu iktar ekoloġiku” ix-xiri pubbliku.
77 Il-Kummissjoni ilha minn Jannar 2010 tippubblika l-prattiki tajba fil-qasam tax-xiri pubbliku ekoloġiku (GPP) sabiex turi kif l-awtoritajiet pubbliċi fl-Ewropa rnexxielhom “jirrendu ekoloġiċi” sejħa għal offerti jew proċess ta’ xiri. Hija għaldaqstant ippubblikat prattiki tajba li jinkludu eżempji ta’ xi “lezzjonijiet misluta”, intiżi għal dawk li jixtiequ jirriproduċu dawn l-esperjenzi. Fost dawn il-prattiki tajba, niċċita l-eżempju tal-proġett imsejjaħ “Ossiġnu”, li jirrigwarda t-tħawwil ta’ 6 miljun siġra. Fil-kuntest tal-għoti tal-kuntratt pubbliku għal dan il-proġett, wieħed mill-kriterji ta’ għoti kien ifformulat kif ġej: “[ż]amma ta’ ċertifikazzjonijiet ta’ sistemi ta’ ġestjoni ambjentali (ISO 14001, EMAS)” (‘Oxygen’ project: planting 6 million trees, one tree for each inhabitant – Green Forum).
Fil-komunikazzjoni tagħha “L-Ekoloġizzazzjoni tal-Kummissjoni”, il-Kummissjoni stess iddikjarat li din “ser tinkludi [...] rekwiżiti addizzjonali fil-proċeduri tagħha għall-għoti ta’ kuntratti, bħalma huma [...] ir-reġistrazzjoni tal-fornituri fil-kuntest ta’ sistema ta’ ġestjoni ambjentali rrikonoxxuta bħalma huma l-EMAS jew ISO 14001” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (Komunikazzjoni lill-Kummissjoni – L-Ekoloġizzazzjoni tal-Kummissjoni, Strasbourg, 5 ta’ April 2022 C(2022) 2230 final).
78 Premessa 5 tar-Regolament EMAS.
79 Artikolu 38(1)(c) tar-Regolament EMAS.
80 Ara, f’dan is-sens, De La Rosa S., Droit européen de la commande publique, ċiċitat iktar ’il fuq, p. 517.
81 Premessa 1 tad-Direttiva 2014/24.
82 Premessa 90 tad-Direttiva 2014/24.
83 It-tieni paragrafu tal-premessa 92 tad-Direttiva 2014/24.
84 Premessa 2 tad-Direttiva 2014/24.
85 Pereżempju, l-Artikolu 18(2) tad-Direttiva 2014/24 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri adegwati sabiex jiżguraw li, fl-eżekuzzjoni tal-kuntratti pubbliċi, l-operaturi ekonomiċi jikkonformaw ruħhom mal-obbligi applikabbli fil-qasam, b’mod partikolari tad-dritt ambjentali, stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni, mid-dritt nazzjonali, mill-ftehimiet kollettivi jew mid-dispożizzjonijiet internazzjonali fil-qasam tad-dritt ambjentali. Barra minn hekk, l-Artikolu 57(4)(a) ta’ din id-direttiva jipprevedi l-possibbiltà, jew saħansitra l-obbligu jekk dan ikun previst mid-dritt nazzjonali, għall-awtoritajiet kontraenti li jeskludu operatur ekonomiku mill-parteċipazzjoni fi proċedura għall-għoti ta’ kuntratt jekk dan tal-aħħar ikun naqas milli jwettaq l-obbligi applikabbli fil-qasam ambjentali, fis-sens tal-Artikolu 18(2) tal-imsemmija direttiva.
86 Huwa kompletament loġiku li l-protezzjoni tal-ambjent ma tkunx tista’ tipproduċi l-effetti tagħha b’mod sħiħ jekk il-politiki li jikkonċernawha jiġu ttrattati b’mod iżolat. Kif diġà enfasizzajt f’dawn il-konklużjonijiet, l-importanza mogħtija lill-kunsiderazzjonijiet ambjentali testendi għall-oqsma kollha tad-dritt tal-Unjoni, ħaġa li tippermetti t-twettiq tal-għanijiet imfittxija.
87 Ara l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni, KUMM(2008) 400 finali, iċċitata fil-punt 61 ta’ dawn il-konklużjonijiet.