European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/2111

6.11.2025

DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE Nru 175/2025

tal-11 ta’ Lulju 2025

li temenda l-Anness IV (L-Enerġija) tal-Ftehim ŻEE [2025/2111]

IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”), u b’mod partikolari l-Artikolu 98 tiegħu,

Billi:

(1)

Id-Direttiva (UE) 2018/844 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 li temenda d-Direttiva 2010/31/UE dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija u d-Direttiva 2012/27/UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija (1) għandha tiġi inkorporata fil-Ftehim ŻEE.

(2)

L-Istati tal-EFTA mhumiex inklużi fil-mira tal-effiċjenza enerġetika tal-Unjoni għall-2030 skont id-Direttiva 2012/27/UE tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-effiċjenza fl-enerġija, li temenda d-Direttivi 2009/125/KE u 2010/30/UE u li tħassar id-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE (2) kif emendata bid-Direttiva (UE) 2018/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 li temenda d-Direttiva 2012/27/UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija (3). Konsegwentement, l-Istati tal-EFTA jenħtieġ li ma jispeċifikawx kif jikkontribwixxu għall-kisba tal-mira tal-effiċjenza enerġetika tal-Unjoni fl-istrateġiji fit-tul rispettivi tagħhom fl-Artikolu 2a(2) tad- Direttiva 2010/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 2010 dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija (riformulazzjoni) (4) kif emendata bid-Direttiva (UE) 2018/844.

(3)

Minħabba l-ispeċifiċitajiet tal-istokk tal-bini relattivament reċenti u uniformi tal-Iżlanda, hemm qbil dwar eżenzjoni temporanja u kondizzjonali mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2010/31/UE dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija. Dik l-eżenzjoni jenħtieġ li tapplika għad-Direttiva 2010/31/UE kif emendata bid-Direttiva (UE) 2018/844. L-eżenzjoni jenħtieġ li tkun strettament limitata fiż-żmien u jenħtieġ li tapplika biss sakemm id-Direttiva (UE) 2024/1275 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ April 2024 dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija (riformulazzjoni) (5) tkun ġiet inkorporata fil-Ftehim ŻEE.

(4)

Jenħtieġ għalhekk, li l-Anness IV tal-Ftehim ŻEE jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness IV tal-Ftehim ŻEE għandu jiġi emendat kif ġej:

1.

Il-punt 17 (id-Direttiva 2010/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill) huwa emendat kif ġej:

(i)

jiżdied dan li ġej:

“, kif emendat bi:

—

32018 L 0844: Id-Direttiva (UE) 2018/844 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 (ĠU L 156, 19.6.2018, p. 75).”;

(ii)

l-adattament (d) għandu jiġi nnumerat mill-ġdid bħala adattament (g); l-adattament (c) huwa nnumerat mill-ġdid bħala l-adattament (e); l-adattament (b) għandu jiġi nnumerat mill-ġdid bħala adattament (c);

(iii)

l-adattament li ġej għandu jiddaħħal wara l-adattament (a):

“(b)

Fl-Artikolu 2a(2), il-kliem ’, u jispeċifikaw kif jikkontribwixxu għall-kisba tal-miri tal-effiċjenza enerġetika tal-Unjoni f’konformità mad-Direttiva 2012/27/UE’ ma għandux japplika għall-Istati tal-EFTA.”;

(iv)

l-adattament li ġej għandu jiddaħħal wara l-adattament (c):

“(d)

Fl-Artikolu 8:

(i)

fil-paragrafu 3, il-kliem ‘, jew, fir-rigward tal-Istati tal-EFTA, sa ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 175/2025 tal-11 ta’ Lulju 2025’ għandu jiddaħħal wara l-kliem ‘1 ta’ Jannar 2025’;

(ii)

fil-paragrafu 6, il-kliem ‘jew, jew fir-rigward tal-Istati tal-EFTA, sena wara d-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 175/2025 tal-11 ta’ Lulju 2025’ għandu jiddaħħal wara l-kliem ‘10 ta’ Marzu 2021’.”;

(v)

l-adattament li ġej jiddaħħal wara l-adattament (e):

“(f)

Fl-Artikoli 14 (4) u 15 (4), il-kliem ‘, jew, fir-rigward tal-Istati tal-EFTA, ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 175/2025 tal-11 ta’ Lulju 2025’ għandu jiddaħħal wara l-kelma ‘2025’.”.

2.

L-inċiż li ġej jiżdied fil-punt 24 (id-Direttiva 2012/27/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill):

“—

32018 L 0844: Id-Direttiva (UE) 2018/844 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 (ĠU L 156, 19.6.2018, p. 75).”

Artikolu 2

It-test tad-Direttiva (UE) 2018/844 bil-lingwa Iżlandiża u b’dik Norveġiża, li se jiġi ppubblikat fis-Suppliment taż-ŻEE ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, għandu jkun awtentiku.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-12 ta’ Lulju 2025, dment li jkunu saru n-notifiki kollha skont l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim dwar iż-ŻEE (*1), jew fil-jum tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 174/2025 tal-11 ta’ Lulju 2025 (6), skont liema data tkun l-iżjed tard.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fit-Taqsima taż-ŻEE ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fis-Suppliment tiegħu dwar iż-ŻEE.

Magħmul fi Brussell, 11 ta’ Lulju 2025.

Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

Il-President

Kristján Andri STEFÁNSSON


(1)   ĠU L 156, 19.6.2018, p. 75.

(2)   ĠU L 315, 14.11.2012, p. 1.

(3)   ĠU L 328, 21.12.2018, p. 210.

(4)   ĠU L 153, 18.6.2010, p. 13.

(5)   ĠU L, 2024/1275, 8.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1275/oj.

(*1)  Huma indikati rekwiżiti kostituzzjonali.

(6)   ĠU L, 2025/2110, 6.11.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/2110/oj.


Dikjarazzjoni mill-Gvern tal-Iżlanda

għad-Deċiżjoni Nru 175/2025 li tinkorpora d-Direttiva (UE) 2018/844 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fil-Ftehim

L-Iżlanda tesprimi l-impenn tagħha li taħdem biex tivvaluta l-inkorporazzjoni tad-Direttiva (UE) 2024/1275 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ April 2024 dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija (riformulazzjoni) fil-Ftehim ŻEE.

L-Iżlanda ma implimentat l-ebda verżjoni preċedenti tal-acquis tal-UE dwar il-prestazzjoni tal-enerġija fil-bini. Il-karatteristiċi uniċi tal-Iżlanda, bħal stokk tal-bini relattivament reċenti u uniformi, l-użu estensiv tat-tisħin rinnovabbli, u l-kundizzjonijiet klimatiċi li jvarjaw sostanzjalment minn ħafna Stati Membri tal-UE jitolbu valutazzjoni bir-reqqa tal-impatt tal-inkorporazzjoni tad-Direttiva u ta’ kwalunkwe adattament meħtieġ għall-implimentazzjoni tagħha fl-Iżlanda. Barra minn hekk, kwalunkwe implimentazzjoni tad-Direttiva se teħtieġ l-iżvilupp ta’ qafas leġiżlattiv kompletament ġdid fl-Iżlanda.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/2111/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)