IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 20.1.2025
COM(2025) 8 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
dwar il-progress li jkun sar fil-ġlieda kontra t-traffikar ta’ bnedmin
(Il-Ħames Rapport)
{SWD(2025) 4 final}
1.INTRODUZZJONI
It-traffikar ta’ bnedmin huwa reat li jeqred il-ħajja tal-individwi, u jċaħħadhom mid-dinjità, il-libertà u d-drittijiet fundamentali. Skont il-Europol, 55 min-networks kriminali l-aktar ta’ theddid irrapportati huma involuti fit-traffikar ta’ bnedmin bħala (waħda mill-)attività(jiet) ewlenija/ewlenin tagħhom. Barra minn hekk, ir-Rapport Globali tal-2024 dwar it-Traffikar tal-Persuni żvela li 74 % tat-traffikanti joperaw bħala gruppi u networks konnessi b’mod laxk f’relazzjoni kriminali tat-tip tan-negozju jew bħala organizzazzjonijiet kriminali strutturati, filwaqt li enfasizza r-rwol predominanti tal-gruppi tal-kriminalità organizzata fl-attivitajiet tat-traffikar. It-traffikar spiss ikun marbut ukoll ma’ reati oħra, bħat-traffikar tad-drogi, il-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti, il-kriminalità organizzata kontra l-proprjetà, il-ħasil tal-flus, u l-frodi tad-dokumenti.
Barra minn hekk, it-traffikar ta’ bnedmin jikkostitwixxi l-ekonomija illeċita t-tieni l-aktar mifruxa fid-dinja. Il-profitt annwali ġġenerat mix-xogħol furzat globalment huwa stmat li jilħaq profitt annwali ta’ USD 236 biljun għat-traffikanti, li jirrappreżenta kważi USD 10 000 profitt għal kull vittma. L-isfruttament tal-vittmi fl-Ewropa u fl-Asja Ċentrali huwa l-aktar profittabbli, u jilħaq profitt ta’ USD 20 000 għal kull vittma fis-sena. Filwaqt li l-profitti huma għoljin u żdiedu b’37 % mill-2014 ’l hawn, ir-riskji għall-awturi għadhom baxxi.
Sfida fundamentali li ġabet magħha l-pandemija tal-COVID-19 u li kompliet taggrava warajha hija l-bidla tat-traffikar ta’ bnedmin lejn l-ispazju diġitali. Għad hemm diffikultajiet fl-identifikazzjoni u r-riferiment tal-vittmi għall-assistenza u l-appoġġ.
Il-qafas legali tal-UE dwar it-traffikar ta’ bnedmin huwa ankrat fid-Direttiva Kontra t-Traffikar
, li ġiet modifikata bid-Direttiva 2024/1712/UE (minn hawn ’il quddiem “id-Direttiva emendata”) u daħlet fis-seħħ fl-14 ta’ Lulju 2024. Il-modifiki jintroduċu regoli aktar b’saħħithom għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u jipprovdu għodod imsaħħa għall-awtoritajiet pubbliċi biex jinvestigaw u jipproċedu kontra reati ta’ traffikar. Din tintroduċi forom ġodda ta’ sfruttament u tqis l-isfruttament sesswali mwettaq online ċirkostanza aggravanti. Tipprevedi wkoll appoġġ aħjar għall-vittmi u hija waħda mill-azzjonijiet ewlenin previsti fl-Istrateġija tal-UE dwar il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin 2021–2025 (minn hawn ’il quddiem “l-Istrateġija”), li tinkludi approċċ komprensiv ibbażat fuq erba’ pilastri.
F’konformità mal-Artikolu 20 tad-Direttiva, bl-appoġġ tal-Koordinatur tal-UE Kontra t-Traffikar (EU ATC, EU Anti-Trafficking Coordinator ), kull sentejn il-Kummissjoni tirrapporta dwar il-progress li jkun sar fil-ġlieda kontra t-traffikar ta’ bnedmin. Dan ir-rapport huwa bbażat fuq kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri permezz tan-Network tal-UE ta’ Koordinaturi u Rapporteurs Nazzjonali, korpi indipendenti, Aġenziji tal-UE, membri tal-Pjattaforma tas-Soċjetà Ċivili tal-UE kontra t-traffikar ta’ bnedmin, kif ukoll dokumenti oħra mill-Aġenziji tal-UE, l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Organizzazzjonijiet Internazzjonali.
Ir-rapport i) jidentifika xejriet ewlenin, ii) jiddeskrivi l-azzjonijiet ewlenin kontra t-traffikar mill-2021 sal-2024 u iii) jipprovdi analiżi tal-istatistika għall-perjodu 2021–2022, li hija inkluża f’Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal. Id-data użata fir-rapport inġabret mill-EUROSTAT mill-Istati Membri kollha permezz tal-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika u hija disponibbli fil-bażi tad-data tal-Eurostat taħt l-istatistika “Crime and criminal justice”.
2.XEJRIET FIT-TRAFFIKAR TA’ BNEDMIN FL-UE
2.1.Vittmi (sess, età, ċittadinanza)
Matul il-perjodu ta’ rapportar tal-2021–2022, ġew irreġistrati 17 248 vittma tat-traffikar fl-UE. 2019–2020 (14 311). Fl-2022 biss, l-għadd ta’ vittmi rreġistrati kien ta’ 10 093, żieda ta’ 41 % meta mqabbel mal-2021 (7 155) u l-ogħla ċifra mill-2013. Dan x’aktarx kien dovut għas-sensibilizzazzjoni ġenerali dwar it-traffikar. L-isforzi koordinati bejn diversi aġenziji fl-Istati Membri biex jipproteġu lin-nies li qed jaħarbu mill-aggressjoni militari kontra l-Ukrajna pproduċew impatt pożittiv mhux mistenni fuq id-detezzjoni tal-vittmi tat-traffikar ta’ nazzjonalitajiet differenti.
Bħal fis-snin preċedenti, l-għadd reali ta’ vittmi x’aktarx li jkun ogħla b’mod sinifikanti minn dak li tissuġġerixxi d-data rrapportata, peress li l-istatistika tiġbor biss vittmi li jsiru magħrufa minn waħda mill-entitajiet ta’ reġistrazzjoni, u ħafna vittmi jibqgħu mhux identifikati.
It-traffikar ta’ bnedmin għadu reat b’dimensjoni sinifikanti tal-ġeneru. Fl-2021–2022, 65 % tal-vittmi kollha fl-UE kienu nisa u bniet. Il-maġġoranza l-kbira tal-vittmi tal-isfruttament sesswali huma nisa (92 %). 68 % minnhom huma nisa u 24 % huma bniet. L-irġiel jirrappreżentaw il-maġġoranza tal-vittmi ttraffikati għall-isfruttament tal-ħaddiema (70 %).
46 % tal-vittmi rreġistrati kienu ċittadini tal-UE u 54 % kienu ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Din hija bidla meta mqabbla mal-2019–2020 meta l-maġġoranza tal-vittmi rreġistrati kienu ċittadini tal-UE (55 % ċittadini tal-UE). L-ewwel ħames ċittadinanzi tal-UE tal-vittmi tat-traffikar skont in-numri kienu dik Rumena, Franċiża, Ungeriża, Bulgara u Ġermaniża. L-ewwel ħames ċittadinanzi mhux tal-UE kienu dik Niġerjana, dik Ukrena, dik Marokkina, dik Kolombjana u dik Ċiniża. 34 % tal-vittmi kollha kienu ċittadini tal-pajjiż li kienu rreġistrati fih (traffikar intern). Kważi l-vittmi kollha fil-Bulgarija, fir-Rumanija, fl-Ungerija, fis-Slovakkja u fil-Latvja kienu ċittadini tagħhom stess.
2.2.Traffikar ta’ bnedmin għall-fini ta’ sfruttament sesswali
It-traffikar għall-fini ta’ sfruttament sesswali kompla jkun l-aktar forma prevalenti ta’ sfruttament fl-UE matul l-2021-2022 (49 % tal-vittmi) għalkemm juri xejra li qed tonqos ftit (minn 51 %).
L-aktar metodu komuni għar-reklutaġġ ta’ nisa u bniet żgħażagħ għall-isfruttament sesswali baqa’ l-“metodu lover-boy”. It-traffikanti spiss jinvolvu ruħhom f’relazzjonijiet romantiċi online, joħolqu dipendenza emozzjonali u jiġbdu lill-vittmi lejn l-isfruttament. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri u l-Europol ikkonfermaw ir-rwol prevalenti tal-media soċjali, speċjalment l-apps tad-dating, is-siti tal-iskorti u s-siti web għall-adulti, għar-reklutaġġ għall-isfruttament sesswali.
Il-vittmi jiġu reklutati wkoll minn pajjiżi mhux tal-UE għal attività li hija waħda ta’ xogħol u wara l-wasla jiġu sfurzati jidħlu fil-prostituzzjoni. Pereżempju, it-traffikar għall-isfruttament sesswali tan-nisa Ċiniżi ġie organizzat permezz ta’ ċentri telefoniċi deċentralizzati li joperaw f’xi pajjiżi tal-UE u fiċ-Ċina. Iċ-ċentri telefoniċi jaġixxu bħala ċentri għall-ġestjoni tar-reklamar online tal-vittmi madwar il-pajjiżi, l-iffissar ta’ appuntamenti u tal-prezzijiet għas-servizzi sesswali, u t-trasferiment ta’ flus lil dawk il-membri inkarigati mill-ħasil tar-rikavat illegali.
Iż-żieda fin-nisa Amerikani Latini u l-persuni transġeneru li qed jiġu ttraffikati għall-isfruttament sesswali ġiet irrapportata f’aktar Stati Membri milli fil-perjodu ta’ rapportar preċedenti. Skont il-Europol, il-vittmi mill-Amerika Latina jidħlu fl-UE minn punti ta’ dħul differenti, xi drabi jieħdu vantaġġ mir-reġimi ta’ liberalizzazzjoni tal-viża u imbagħad jittieħdu lejn il-postijiet fejn iseħħ l-isfruttament. Fil-Polonja, pereżempju, l-istatistika tal-2022 turi żieda ta’ 476 % fil-vittmi identifikati tat-traffikar ta’ bnedmin mill-Amerka Latina meta mqabbla mal-2021 (l-aktar mill-Kolombja, il-Gwatemala, il-Venezwela, il-Messiku u l-Perù). Vittmi ta’ sfruttament sesswali ta’ oriġini sub-Saħarjana, pereżempju min-Niġerja, ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, il-Kamerun, is-Somalja, il-Kosta tal-Avorju u l-Kenja, ukoll jidhru f’ħafna Stati Membri.
2.3.Traffikar ta’ bnedmin għall-finijiet ta’ sfruttament tal-ħaddiema
It-traffikar għall-fini tal-isfruttament tal-ħaddiema jibqa’ t-tieni l-aktar forma prevalenti ta’ traffikar ta’ bnedmin fl-UE matul l-2021–2022 (37 % tal-vittmi). Hija l-forma predominanti ta’ sfruttament f’erba’ Stati Membri. Hemm żieda ta’ 51 % fil-vittmi tal-isfruttament tal-ħaddiema 2021–2022 (5 940), meta mqabbla mal-perjodu preċedenti (3 940). Fl-2022, l-ishma tal-isfruttament sesswali u l-isfruttament tal-ħaddiema kienu ndaqs (41 %). L-irġiel jirrappreżentaw il-maġġoranza tal-vittmi (70 %). Kważi l-istess sehem ta’ vittmi tal-UE (46 %) u mhux tal-UE (54 %) ġie rreġistrat fl-UE fl-2021–2022, meta mqabbel mal-perjodu preċedenti.
Ħafna Stati Membri u l-Europol enfasizzaw li r-reklutaġġ isir online b’reklami ta’ impjiegi frawdolenti. Il-Ġermanja osservat l-użu tal-“metodu lover-boy” għar-reklutaġġ tal-vittmi anke għall-finijiet ta’ sfruttament tal-ħaddiema.
Is-setturi ta’ riskju għoli għall-isfruttament jinkludu l-kostruzzjoni, l-agrikoltura, il-forestrija, l-ipproċessar tal-ikel, il-linji ta’ assemblaġġ, l-ospitalità, il-bejgħ bl-imnut, il-ħasil tal-karozzi, is-servizzi tas-sbuħija u tat-tindif, it-trasport u t-tindif intern. Is-setturi emerġenti ġodda huma, pereżempju, is-servizzi tal-kura domestika u tal-infermerija u l-konsenja tal-pakketti. Is-settur tal-futbol feġġ bħala qasam speċjali għall-isfruttament fil-Portugall u fil-Belġju. Plejers tal-futbol żgħażagħ kienu mħajra bil-wegħda ta’ kuntratt, opportunitajiet ta’ żvilupp u perspettiva futura fil-karriera tal-futbol. Huma rċevew salarju baxx ħafna jew xejn, ġew imġiegħla jaħdmu, baqgħu f’ċirkostanzi prekarji bil-passaporti tagħhom miżmuma u ma tħallewx jitilqu mill-bini.
Filwaqt li fis-settur tal-kostruzzjoni, fl-ipproċessar tal-ikel u fit-trasport, huma involuti kumpaniji kbar u ta’ daqs medju u l-isfruttament jista’ jwassal għal għadd sinifikanti ta’ vittmi, is-servizzi tas-sbuħija, l-ospitalità u l-ħasil tal-karozzi spiss jitmexxew minn intrapriżi żgħar u mikro u negozji tal-familja b’inqas vittmi. L-għadd kbir ta’ vittmi fil-perjodu ta’ rapportar kien dovut ukoll għal xi investigazzjonijiet ta’ profil għoli li wasslu għal għadd sinifikanti ta’ vittmi potenzjali, primarjament fil-Belġju fis-sit tal-kostruzzjoni ta’ kumpanija kimika multinazzjonali u fil-Ġermanja fis-settur loġistiku tax-xorb fejn ġew salvati 555 vittma potenzjali.
In-nazzjonalità u l-profil tal-vittmi jiddependu ħafna mis-settur tal-isfruttament. Il-ħaddiema rġiel mill-Asja, mill-Afrika ta’ Fuq u mill-Ewropa tal-Lvant tipikament jiġu impjegati fis-siti tal-kostruzzjoni u fl-agrikoltura, filwaqt li l-Ewropej tal-Lvant (il-Belarussja, l-Ukrajna, il-Polonja) jiġu impjegati fis-settur tat-trasport. In-nisa Vjetnamiżi u Tajlandiżi jiġu sfruttati fis-salons tas-sbuħija u tad-dwiefer, filwaqt li l-Indjani u ċerti nazzjonalitajiet Afrikani jsofru sfruttament fl-industrija tal-kura domestika. It-tħaddim tat-tfal fl-UE huwa tipiku fil-familja jew fin-negozji tal-familja. It-tfal jiġu sfruttati fis-servizzi tal-ospitalità, tal-agrikoltura, tal-kostruzzjoni jew tat-tindif. Ħafna tfal iwettqu wkoll kura domestika tal-membri tal-familja anzjani jew morda tagħhom.
L-Istati Membri indikaw il-vulnerabbiltajiet speċifiċi tal-ħaddiema staġjonali. Il-vittmi jittieħdu f’siti agrikoli remoti, fejn jgħixu u jaħdmu, u jħallsu għall-akkomodazzjoni li fil-biċċa l-kbira tal-każijiet hija prekarja u ffullata żżejjed. Dawn jaqgħu f’sitwazzjoni ta’ dipendenza totali minħabba riżorsi ekonomiċi skarsi, u n-nuqqas ta’ għarfien tal-lingwa. L-aċċessibbiltà u d-distanza limitata tas-siti jagħmlu l-ispezzjonijiet tax-xogħol u l-identifikazzjoni tal-vittmi diffiċli.
L-okkorrenza tal-isfruttament ma tiddependix fuq id-daqs, il-profitt u l-organizzazzjoni tal-kumpaniji. L-investigazzjonijiet urew li t-traffikanti jaġixxu b’sofistikazzjoni għolja ħafna fi strutturi kummerċjali kumplessi u speċjalizzazzjoni fl-organizzazzjoni tar-reklutaġġ, l-ivvjaġġar u l-akkomodazzjoni b’dokumenti ta’ identifikazzjoni ta’ mijiet ta’ persuni li joriġinaw minn kważi l-kontinenti kollha. It-traffikar għall-isfruttament tal-ħaddiema spiss ikun marbut ma’ reati oħra, bħall-frodi tat-taxxa u tas-sigurtà soċjali, frodi tad-dokumenti, ksur serju tal-leġiżlazzjoni dwar l-impjiegi u s-sigurtà soċjali. In-networks kriminali organizzati jużaw ukoll theddid fiżiku jew psikoloġiku biex jikkontrollaw lill-vittmi, flimkien maċ-ċaħda tal-pussess ta’ dokumenti ta’ identifikazzjoni u telefowns. Il-maġġoranza tal-vittmi ma jitkellmux il-lingwa tal-pajjiż ospitanti, isibuha bi tqila jikkooperaw mal-awtoritajiet u mhux neċessarjament jidentifikaw lilhom infushom bħala vittmi. L-isfrutatturi spiss iġiegħlu lill-vittmi tagħhom jiftħu kontijiet bankarji, li jieħdu kontroll tagħhom biex jaċċessaw il-pagi u l-finanzi tal-vittmi.
2.4.Traffikar ta’ bnedmin għal forom oħrajn ta’ sfruttament
Matul il-perjodu ta’ rapportar, il-forom ta’ traffikar ta’ bnedmin, minbarra l-isfruttament sesswali u tax-xogħol, ammontaw għal 14 % tal-vittmi kollha. Tali forom ta’ sfruttament jinkludu attivitajiet kriminali furzati, tallaba furzati, it-tneħħija illegali ta’ organi u forom “oħrajn”.
Filwaqt li l-kriminalità furzata kienet tirrappreżenta biss 3 % tal-vittmi rreġistrati kollha fl-UE għall-2021–2022, xi Stati Membri rrapportaw żieda f’din il-forma ta’ sfruttament. Il-kriminalità furzata ħafna drabi hija assoċjata ma’ serq, reati żgħar, serq mill-bwiet, serq mill-ħwienet u bejgħ tad-drogi. L-Istati Membri rrapportaw ukoll dwar iż-żieda fil-frodi online mwettqa permezz tal-kriminalità furzata u dwar il-frodi tas-sigurtà soċjali. Huma rrappurtaw ukoll li żdied l-isfruttament tat-tfal minn gruppi kriminali għas-serq mill-bwiet, is-serq aggravat bil-vjolenza u li jaġixxu bħala kurrieri tad-droga. Gruppi kriminali qed jużaw subien żgħażagħ vulnerabbli (prinċipalment bi sfond ta’ migrazzjoni) biex iservu bħala kurrieri tad-droga, jaħdmu fuq pjantaġġuni tal-kannabis, iwettqu serq aggravat bil-vjolenza jew saħansitra sparar u atti vjolenti oħra. F’Ottubru 2023, il-Europol appoġġa lill-Pulizija Serba fit-tkissir ta’ network kriminali involut fit-traffikar tat-tfal għall-finijiet ta’ żwieġ furzat, tallaba sfurzati u kriminalità furzata. Il-kriminali u l-vittmi tal-familja kellhom bejn 5 u 17-il sena. L-Awstrija, Franza u l-Ġermanja kienu involuti fl-investigazzjoni.
It-tallaba furzati (2 %) jibqgħu preżenti f’diversi Stati Membri bħala forma ta’ sfruttament. Fil-Portugall, jirrappreżentaw il-forma t-tielet l-aktar ewlenija ta’ sfruttament. Ċittadini Rumeni, Bulgari, Slovakki u Ungeriżi taħt l-età kienu l-aktar rappreżentati fost il-vittmi, inkluż l-etniċitajiet Rom.
Diversi Stati Membri
rrapportaw każijiet ta’ traffikar żwiġijiet furzati u ta’ konvenjenza, li jaffettwaw minoranzi etniċi, bħall-persuni Rom u t-tfal (primarjament bniet) bi sfond ta’ migrazzjoni. Iż-żwieġ furzat spiss ikun marbut ukoll ma’ diversi forom ta’ sfruttament, bħall-isfruttament sesswali, l-isfruttament ta’ ħaddiema jew it-tallaba furzati.
Il-maternità surrogata ta’ sfruttament hija forma emerġenti ta’ traffikar. Il-kriminali jisfruttaw lil nisa vulnerabbli għall-finijiet ta’ sfruttament tal-maternità surrogata. L-intermedjarji (bħall-kliniki tar-riproduzzjoni) qed jinvolvu ruħhom fi kriminalità organizzata u transfruntiera biex jiksbu profitti kbar ħafna. Il-Pulizija Ellenika kissret grupp kriminali organizzat li jisfrutta lin-nisa mill-pajjiżi tal-Ewropa tal-Lvant għat-tneħħija tal-ova u s-servizzi tal-maternità surrogata.
It-traffikar suspettat għall-fini ta’ tneħħija ta’ organi ġie rrappurtat mill-Bulgarija, il-Greċja u s-Slovakkja, li inkludew ukoll it-tneħħija ta’ ċelloli, tessuti u demm sfruttati bħala traffikar ta’ organi. Barra minn hekk, il-Greċja qieset it-tneħħija tal-ova relatata mar-riproduzzjoni assistita medikament bħala tneħħija tal-organi. Din il-forma ta’ sfruttament kienet tirrappreżenta inqas minn 1 % tal-każijiet irreġistrati fl-UE fl-2021–2022.
2.5.Traffikar tat-tfal
It-traffikar tat-tfal huwa forma ta’ traffikar ta’ bnedmin li qed jevolvi b’mod rapidu u multidimensjonali, li huwa forma severa ta’ sfruttament tal-bniedem, vjolenza kontra t-tfal, abbuż tat-tfal u ksur tad-drittijiet tat-tfal. Fl-2021–2022, 81 % tal-vittmi tfal kienu ċittadini tal-UE (2 401 tifel u tifla) u 88 % minnhom (2 120 tifel u tifla) ġew sfruttati fl-Istat Membru tagħhom stess. Il-vittmi tfal kienu jikkostitwixxu kważi wieħed minn kull ħames vittmi rreġistrati kollha fl-UE (19 %). Is-sehem ta’ vittmi tfal fl-2021–2022 naqas bi 3 % meta mqabbel mas-sehem fl-2019–2020. Xi Stati Membri jirrapportaw għadd baxx ħafna ta’ tfal vittmi. Ix-xejra li qed tonqos tal-għadd ta’ tfal vittmi rreġistrati tista’ tkun marbuta maż-żieda fl-isfruttament sesswali online, fejn ħafna vittmi jibqgħu moħbija. F’xi Stati Membri, il-vittmi tfal mhumiex irreġistrati bħala vittmi tat-traffikar sabiex jingħataw appoġġ aktar komprensiv disponibbli għat-tfal. Għalhekk, l-għadd reali ta’ tfal vittmi ta’ sfruttament għadu mhux magħruf u jista’ ma jiġix irrappurtat biżżejjed. Il-vittmi b’mod ġenerali għandhom sfond soċjali u familjari dgħajjef. Huma jbatu minn stima personali baxxa, problemi psikoloġiċi, spiss jippruvaw id-drogi, u huma esposti għal problemi fiżiċi, mentali, psikoloġiċi u problemi oħra ta’ żvilupp profondi fuq perjodu ta’ żmien qasir u twil. It-tfal f’kura residenzjali jew istituzzjonali huma partikolarment vulnerabbli għat-traffikar.
It-tfal fl-UE jiġu ttraffikati għal kull forma ta’ sfruttament, prinċipalment sfruttament sesswali, iżda wkoll għal kriminalità furzata, tallaba furzati, żwieġ furzat u sfruttament tax-xogħol. Id-diġitalizzazzjoni wasslet għal żieda inkwetanti f’każijiet ta’ prostituzzjoni taħt l-età li twassal għat-traffikar. F’ħafna każijiet, dawn huma tfal żgħar, li huma attivi ħafna fin-networks soċjali u fis-siti tal-logħob u b’hekk jattiraw l-attenzjoni tat-traffikanti. L-isfruttament tal-“pocket money” ħareġ matul il-pandemija tal-COVID-19, meta t-traffikanti kkonvinċew bniet żgħażagħ online biex iżidu l-pocket money tagħhom permezz tal-prostituzzjoni, li wasslithom għal sfruttament sesswali. Ir-reat tant infirex fil-Ġermanja li l-korp tal-infurzar tal-liġi tah isem speċjali.
Il-kawża Trocadero fi Franza hija eżempju fejn il-kriminalità furzata ġiet rikonoxxuta mit-Tribunal fl-ewwel istanza bħala skop tat-traffikar ta’ bnedmin. Seba’ traffikanti Alġerini ħolqu vizzju/dipendenza fuq id-droga fuq sbatax-il minorenni mhux akkumpanjati u ġiegħluhom iwettqu reati, inkluż serq, fil-pjazza famuża ta’ Trocadero f’Pariġi.
2.6.Traffikar ta’ bnedmin fil-kuntest tal-migrazzjoni
Fil-perjodu ta’ rapportar, is-sehem ta’ ċittadini mhux tal-UE sar ogħla u kkostitwixxa l-maġġoranza tal-vittmi tat-traffikar. Fl-2021–2022, 46 % tal-vittmi rreġistrati kienu ċittadini tal-UE filwaqt li 54 % kellhom ċittadinanza mhux tal-UE. Dan juri bidla meta mqabbel mal-2019–2020 meta l-maġġoranza tal-vittmi rreġistrati kienu ċittadini tal-UE (55 % ċittadini tal-UE u 45 % ċittadini ta’ pajjiżi terzi).
In-nazzjonalità u l-ġeneru tal-vittmi mhux tal-UE jiddependu ħafna fuq il-forma ta’ sfruttament. Filwaqt li l-vittmi min-Niġerja, mill-Kamerun, miċ-Ċina u mill-pajjiżi tal-Amerka Latina huma prinċipalment nisa u ttraffikati għall-isfruttament sesswali, il-vittmi mill-Marokk, il-Bangladesh, il-Pakistan, il-Filippini, l-Alġerija u l-Indja huma prinċipalment irġiel u soġġetti għal sfruttament tax-xogħol.
Matul dawn l-aħħar snin, ħafna nisa u bniet Afrikani fost il-migranti li jaslu f’Ċipru u pajjiżi fix-Xlokk tal-Ewropa ġew allegatament imġiegħla jidħlu fil-prostituzzjoni minn gruppi kriminali Afrikani vjolenti. Pereżempju, in-nisa Niġerjani, Kongoliżi, Kamerunjani u Afrikani oħra waslu fuq viżi ta’ studenti fiż-żona mhux ikkontrollata mill-gvern ta’ Ċipru u spiċċaw sfurzati jidħlu fil-prostituzzjoni f’appartamenti privati, bars u klabbs ta’ billejl. Bl-istess mod, nisa mill-Amerka Latina u l-Ukrajna jaslu legalment fl-UE għal soġġorn qasir, u jinvolvu ruħhom fil-prostituzzjoni b’kuntratti apparentement legali, li spiss iwasslu għal sfruttament taħt sorveljanza stretta u restrizzjonijiet biex jitilqu mill-bini. Vittmi tat-traffikar miċ-Ċina u mill-pajjiżi tal-Amerka Latina mhux biss jaslu fl-Istati Membri ta’ destinazzjoni direttament bl-ajru, iżda ħafna drabi jaslu wkoll mir-rotta tal-Balkani tal-Punent.
Il-minorenni mhux akkumpanjati huma f’riskju partikolari u vulnerabbli għat-traffikanti. Bejn l-2018 u l-2022, l-għadd ta’ minorenni mhux akkumpanjati li jaslu fl-Ewropa żdied b’mod sinifikanti kull sena, u laħaq il-15 928 fl-2022. In-networks ta’ faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin u traffikar tal-Afrika ta’ Fuq u Afgani jisfruttaw subien żgħażagħ Afgani, Marokkini, Alġerini jew Tuneżini, u jġegħilhom jidħlu fil-prostituzzjoni jew ikunu vittmi ta’ vjolenza sesswali tul ir-rotta migratorja tagħhom lejn l-UE. L-isfruttament spiss jixxandar fuq il-media soċjali bl-għan li jirrikatta l-familji tagħhom għall-flus.
3.AZZJONIJIET TAL-UE U TAL-ISTATI MEMBRI BIEX JINDIRIZZAW IT-TRAFFIKAR TA’ BNEDMIN
3.1. Approċċ komprensiv għall-indirizzar tat-traffikar ta’ bnedmin
Matul il-perjodu ta’ rapportar, l-inizjattivi legali, finanzjarji, operazzjonali u ta’ politika mħabbra fl-erba’ oqsma tal-Istrateġija tal-UE dwar il-Ġlieda kontra t-traffikar ta’ bnedmin 2021–2025 avvanzaw b’mod sinifikanti, għadhom għaddejjin jew diġà ġew implimentati. Waħda mill-azzjonijiet ta’ prijorità tal-Istrateġija tal-UE kienet l-evalwazzjoni u r-reviżjoni tad-Direttiva 2011/36/UE
. Il-Kummissjoni indirizzat in-nuqqasijiet ewlenin fi proposta leġiżlattiva ppreżentata fid-19 ta’ Diċembru 2022
, li ġiet adottata mill-koleġiżlaturi fit-13 ta’ Ġunju 2024 u li daħlet fis-seħħ fl-14 ta’ Lulju 2024. L-Istati Membri se jkollhom jittrasponu u jimplimentaw id-dispożizzjonijiet il-ġodda sal-15 ta’ Lulju 2026.
Il-Kummissjoni se tniedi Ċentru Kontra t-Traffikar, li se jaġixxi bħala pjattaforma umbrella biex tappoġġa lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tad-Direttiva emendata u tal-Istrateġija, biex tiżviluppa linji gwida, biex tiskambja l-aħjar prattiki, u biex issaħħaħ il-kooperazzjoni.
Il-ġbir u l-kondiviżjoni tal-istatistika mal-Kummissjoni (EUROSTAT) isiru obbligatorji skont id-Direttiva emendata. Id-data tippermetti li wieħed jifhem is-sitwazzjoni u l-azzjonijiet meħtieġa u tikkontribwixxi għat-tħejjija tal-prijoritajiet tal-UE u dawk nazzjonali riflessi fl-Istrateġiji u l-Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali
, kif ukoll linji gwida, protokolli u proċeduri
mmirati biex jappoġġaw lill-partijiet ikkonċernati rilevanti fid-detezzjoni, l-identifikazzjoni u l-protezzjoni tal-vittmi. Id-Direttiva emendata tinkludi wkoll obbligu ġdid għall-Istati Membri biex kull ħames snin jadottaw u jimplimentaw Pjan ta’ Azzjoni nazzjonali Kontra t-Traffikar.
Id-data tikkontribwixxi wkoll għall-allokazzjoni ta’ riżorsi finanzjarji għall-ġlieda kontra t-traffikar ta’ bnedmin. Il-finanzjament ippjanat matul il-perjodu ta’ rapportar permezz tal-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF, Asylum, Migration and Integration Fund)
u l-Fond għas-Sigurtà Interna (ISF, Internal Security Fund)
jammonta għal baġit totali ta’ madwar EUR 25 miljun fl-2021–2024. Pereżempju, mill-EUR 25 miljun, madwar EUR 3,8 miljun ingħataw taħt l-ISF għal ħames azzjonijiet transnazzjonali li għandhom l-għan li jkissru l-mudell kummerċjali kriminali tat-traffikanti tal-bnedmin billi jsaħħu l-infurzar tal-liġi u r-risponsi ġudizzjarji kontra t-traffikar ta’ bnedmin, b’mod partikolari fir-rigward tat-tfal u l-isfruttament tal-ħaddiema. Barra minn hekk, bħala eżempju, madwar EUR 4 miljun ingħataw taħt l-AMIF lil sitt proġetti transnazzjonali li jittrattaw l-assistenza, l-appoġġ u l-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma vittmi tat-traffikar ta’ bnedmin.
Minn perspettiva operazzjonali, il-ġlieda kontra t-traffikar ta’ bnedmin hija integrata bis-sħiħ fil-Pjattaforma Multidixxiplinari Ewropea Kontra t-Theddid Kriminali (EMPACT, European Multidisciplinary Platform Against Criminal Threats), li tappoġġa azzjonijiet multidixxiplinari kontra 10 prijoritajiet tal-kriminalità identifikati mill-Kunsill fil-kuntest taċ-Ċiklu tal-EMPACT. L-għan tagħha huwa li tfixkel in-networks kriminali involuti fit-traffikar ta’ bnedmin għall-forom kollha ta’ sfruttament. Matul il-perjodu 2022–2025, b’kollox qed jitwettqu 70 azzjoni operazzjonali, appoġġati mill-Aġenziji tal-UE, biex jiġu implimentati għanijiet strateġiċi, bħal investigazzjonijiet konġunti dwar l-isfruttament tax-xogħol u sesswali, il-kriminalità furzata, it-traffikar tat-tfal, l-investigazzjonijiet finanzjarji relatati mat-traffikar ta’ bnedmin kif ukoll il-ġbir u l-iskambju ta’ informazzjoni operazzjonali u strateġika dwar it-traffikar ta’ bnedmin.
Il-Eurojust appoġġat 66 Skwadra ta’ Investigazzjonijiet Konġunti (SIK) f’każijiet ta’ traffikar. Diversi Stati Membri
rrapportaw dwar il-parteċipazzjoni f’SIK ikkoordinati mill-Eurojust, kemm mal-Istati Membri tal-UE kif ukoll ma’ dawk li mhumiex.
Fl-aħħar nett, it-traffikar ta’ bnedmin jeħtieġ approċċ ikkoordinat b’diversi partijiet ikkonċernati. Il-koordinazzjoni fil-livell tal-UE mill-Koordinatur tal-UE Kontra t-Traffikar (EU ATC) ġiet imsaħħa fid-Direttiva emendata, li tipprevedi b’mod espliċitu l-koordinazzjoni mal-koordinaturi nazzjonali kontra t-traffikar, mal-korpi indipendenti, mal-Aġenziji tal-UE, u mal-organizzazzjonijiet rilevanti tas-soċjetà ċivili attivi fil-qasam.
Il-koordinazzjoni hija indirizzata wkoll fil-livell nazzjonali. Id-Direttiva emendata tagħmel il-funzjoni tal-koordinaturi nazzjonali kontra t-traffikar obbligatorja, teħtieġ riżorsi adegwati u tiddeskrivi l-kompiti. Barra minn hekk, l-Istati Membri huma mħeġġa jistabbilixxu korpi nazzjonali indipendenti għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni u l-impatt tal-azzjonijiet kontra t-traffikar. Pereżempju, il-Ġermanja ħatret lill-Istitut Ġermaniż għad-Drittijiet tal-Bniedem biex jaqdi r-rwol ta’ rapporteur nazzjonali indipendenti għat-traffikar ta’ bnedmin, li jġib in-numru ta’ rapporteurs nazzjonali fl-UE għal 16.
3.2. Prevenzjoni tat-traffikar ta’ bnedmin
3.2.1 Tnaqqis fid-domanda li trawwem ir-reat
Id-domanda trawwem il-forom kollha ta’ sfruttament ta’ persuni f’sitwazzjoni vulnerabbli, li t-traffikanti jieħdu vantaġġ minnu. Bidliet leġiżlattivi f’diversi Stati Membri kkriminalizzaw l-użu ta’ servizzi sesswali jew kwalunkwe servizz ipprovdut mill-vittmi tat-traffikar
, filwaqt li Stati Membri oħra kienu qed jiddibattu dwar l-introduzzjoni ta’ tali kriminalizzazzjoni.
Fl-2022, erba’ Stati Membri rrapportaw total ta’ 51 suspettat u 8 prosekuzzjonijiet fir-rigward tal-użu tas-servizzi tal-vittmi. Matul il-perjodu ta’ rapportar, Ċipru rrapporta li utent wieħed ġie kkundannat għal 3 snin ħabs għar-reat li rċieva servizzi sesswali minn vittma tat-traffikar ta’ bnedmin, filwaqt li l-Ungerija rrapportat kundanna waħda għall-isfruttament tal-prostituzzjoni tat-tfal.
Sabiex jiġi żviluppat rispons ta’ politika koerenti biex tiġi indirizzata d-domanda li trawwem it-traffikar ta’ bnedmin, u biex jissaħħu u jiġu armonizzati aktar l-isforzi tal-ġustizzja kriminali madwar l-Istati Membri, id-Direttiva emendata għamlitha obbligatorja għall-Istati Membri biex jikkriminalizzaw l-użu konxju tas-servizzi sfruttati. Id-Direttiva emendata tipprovdi gwida fil-premessi b’indikaturi li jiddeduċu l-“għarfien” ibbażat fuq ċirkostanzi oġġettivi u fattwali. Id-Direttiva tinkludi l-forom kollha ta’ sfruttament, fejn servizz jingħata minn vittma tat-traffikar. Madankollu, dan ma japplikax għall-klijenti li jixtru oġġetti prodotti mill-vittmi tat-traffikar.
3.2.2
Miżuri preventivi mmirati lejn persuni ġuridiċi
Ġew adottati diversi miżuri leġiżlattivi fil-livell tal-UE, bl-għan li tiġi indirizzata r-responsabbiltà tal-kumpaniji, inkluż il-pjattaformi online, biex titnaqqas id-domanda u jiġu identifikati każijiet potenzjali ta’ traffikar ta’ bnedmin fl-attivitajiet u fil-ktajjen tal-provvista tagħhom.
L-Att dwar is-Servizzi Diġitali
, adottat fid-19 ta’ Ottubru 2022, se jikkontribwixxi għad-detezzjoni, il-monitoraġġ u t-tneħħija tal-kontenut online relatat mat-traffikar ta’ bnedmin. Il-Kummissjoni ħatret “Pjattaformi Online Kbar Ħafna” u “Magni tat-Tiftix Kbar Ħafna”, inkluż erba’ siti web għall-adulti
, li huma soġġetti għal obbligi stretti dwar l-identifikazzjoni, il-valutazzjoni u l-mitigazzjoni tar-riskji sistemiċi kif ukoll miżuri ta’ trasparenza, għodod ta’ rapportar aċċessibbli u mekkaniżmi ta’ lment. Barra minn hekk, il-pjattaformi online u l-magni tat-tiftix kollha jridu jistabbilixxu miżuri xierqa biex jiżguraw livell għoli ta’ privatezza, sikurezza u sigurtà tal-minorenni u jinnotifikaw il-kontenut illegali lill-infurzar tal-liġi jekk isiru konxji ta’ reati kriminali suspettati. Barra minn hekk, bid-Direttiva emendata Kontra t-Traffikar, l-isfruttament sesswali mwettaq jew iffaċilitat mit-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni sar ċirkostanza aggravanti li potenzjalment twassal għal pieni ogħla, filwaqt li titqies l-amplifikazzjoni tar-reat imwettaq minn tali teknoloġiji u l-impatt fit-tul possibbli fuq il-vittmi.
Id-Direttiva dwar id-diliġenza dovuta tas-sostenibbiltà korporattiva
tat-13 ta’ Ġunju 2024 hija komplementari għad-Direttiva 2011/36/UE. Din tistabbilixxi qafas orizzontali biex jitrawwem il-kontribut tan-negozji u tas-sottokuntratturi tagħhom li joperaw fis-suq uniku għar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ambjent permezz tal-operazzjonijiet tagħhom stess u permezz tal-ktajjen tal-provvista tagħhom. In-negozji fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva jipparteċipaw fl-identifikazzjoni, il-prevenzjoni, il-mitigazzjoni u l-kontabbiltà tal-impatti negattivi tagħhom fuq id-drittijiet tal-bniedem u l-ambjent, inkluż it-traffikar ta’ bnedmin.
Fis-27 ta’ Novembru 2024, ġie adottat ir-Regolament dwar il-projbizzjoni ta’ prodotti magħmulin b’xogħol furzat fis-suq
tal-Unjoni. Dan ikopri prodotti domestiċi u importati li huma prodotti minn xogħol furzat. Filwaqt li jibni fuq l-istandards internazzjonali u jikkomplementa l-inizjattivi orizzontali u settorjali eżistenti tal-UE, b’mod partikolari l-obbligi tad-diliġenza dovuta u tat-trasparenza, ir-Regolament huwa mistenni li jikkombina projbizzjoni ma’ qafas ta’ infurzar robust u bbażat fuq ir-riskju.
F’Ottubru 2023, il-Kummissjoni ppreżentat il-Pjan Direzzjonali tal-UE dwar il-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga u l-kriminalità organizzata
, li jipproponi 17-il azzjoni operazzjonali fuq erba’ pilastri, b’wieħed minnhom relatat mal-prevenzjoni tal-kriminalità. Hawnhekk, il-Pjan Direzzjonali jagħti prijorità lill-promozzjoni ta’ miżuri biex jiġi evitat li ż-żgħażagħ u t-tfal jiġu reklutati minn gruppi kriminali, peress li n-networks kriminali, inkluż it-traffikanti tad-droga, jisfruttaw liż-żgħażagħ vulnerabbli jew saħansitra lit-tfal biex iwettqu attivitajiet kriminali, b’mod partikolari t-traffikar tad-droga. Fil-livell nazzjonali, l-Istati Membri diġà ħadu miżuri għall-kumpaniji biex iwettqu d-diliġenza dovuta tul il-katina tal-provvista tagħhom biex jidentifikaw u jipprevjenu l-isfruttament potenzjali tal-ħaddiema. Xi Stati Membri aderixxew jew aġġornaw
mal-Linji Gwida tal-OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali dwar l-imġiba Responsabbli fin-Negozju jew inkludew dispożizzjonijiet speċjali dwar din il-kwistjoni fil-Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali tagħhom dwar il-ġlieda kontra t-traffikar ta’ bnedmin
. Xi Stati Membri
organizzaw konferenzi u taħriġ għall-kumpaniji dwar id-diliġenza dovuta korporattiva, filwaqt li oħrajn adottaw regoli aktar stretti li jippenalizzaw lin-negozji għal imġiba ta’ sfruttament
jew ippubblikaw gwida online dwar kif jiġi minimizzat ir-riskju ta’ sfruttament tal-ħaddiema
.
Fir-rigward ta’ reati ta’ sfruttament tal-ħaddiema, Franza stabbiliet skema ta’ “blacklist”, jiġifieri l-pubblikazzjoni fuq sit web apposta tal-Ministeru tax-Xogħol, li fiha deċiżjonijiet finali tal-Qorti li jikkundannaw persuna ġuridika.
3.2.3 Kampanja ta’ sensibilizzazzjoni
Fit-18 ta’ Ottubru 2023, fil-Jum tal-UE Kontra t-Traffikar, il-Kummissjoni Ewropea nediet il-kampanja “Waqqaf it-traffikar ta’ bnedmin. Kisser il-katina inviżibbli”
. Din il-kampanja għandha l-għan li tqajjem kuxjenza dwar it-traffikar ta’ bnedmin, inkluż l-isfruttament kemm sesswali kif ukoll tax-xogħol. Fl-ewwel fażi, il-Kummissjoni ħolqot paġna tal-kampanja, fejn għamlet disponibbli vidjo online u materjal online fil-lingwi uffiċjali kollha li jistgħu jintużaw liberament minn kulħadd. It-tieni fażi qed titħejja. L-enfasi se tkun fuq l-Istati Membri fejn l-għadd ta’ vittmi huwa l-ogħla u jirrappreżenta d-diversi forom ta’ traffikar.
L-Aġenziji tal-UE kienu involuti wkoll fis-sensibilizzazzjoni matul il-perjodu ta’ rapportar. Il-Europol ippubblikat gwida dwar kif wieħed ma jaqax għal-lover boys
, filwaqt li l-Awtorità Ewropea tax-Xogħol (ELA) ipproduċiet
vidjo
u diversi fuljetti
biex tqajjem kuxjenza dwar ir-riskji tat-traffikar ta’ bnedmin għall-isfruttament tal-ħaddiema filwaqt li enfasizzat l-appoġġ tagħha għall-infurzar tal-liġi tax-xogħol applikabbli tal-UE permezz tal-koordinazzjoni ta’ spezzjonijiet koordinati u konġunti.
L-Istati Membri
wettqu kampanji ta’ sensibilizzazzjoni dwar it-traffikar ta’ bnedmin permezz ta’, fost l-oħrajn, il-media soċjali, vidjos, fuljetti, posters, il-media, kif ukoll fl-iskejjel. Xi Stati Membri
wettqu kampanji ta’ sensibilizzazzjoni dwar id-drittijiet tax-xogħol u l-opportunitajiet ta’ xogħol sikur, kif ukoll dwar ir-riskji tat-traffikar għall-isfruttament tal-ħaddiema f’diversi setturi. Diversi Stati Membri
stabbilew kampanji ta’ sensibilizzazzjoni mmirati lejn il-klijenti fuq il-media soċjali, is-siti web tad-dating u l-pjattaformi ta’ reklamar għas-servizzi sesswali. Pereżempju, ir-Rumanija nediet kampanja internazzjonali ta’ prevenzjoni “Mingħajr klijenti, m’hemmx traffikar!”, imwettqa bi sħubija mal-Pulizija Rumena u Spanjola. Is-Slovakkja indirizzat speċifikament lill-komunità tar-Rom bil-lingwa Rom dwar ir-riskji ta’ żwieġ furzat.
Fil-kuntest tal-Logħob Olimpiku u Paralimpiku ta’ Pariġi tal-2024, il-Missjoni Interministerjali tal-Protezzjoni tan-Nisa kontra l-Vjolenza u l-Ġlieda kontra t-traffikar ta’ bnedmin (MIPROF) ħadet miżuri komprensivi biex tipprevjeni t-traffikar ta’ bnedmin, inkluż: (i) taħriġ żviluppat f’kollaborazzjoni mal-Iskola Nazzjonali tal-Maġistratura bl-għan li jeduka lil dawk kollha li jiġu f’kuntatt ma’ vittmi potenzjali, u jiżgura li jkunu infurmati tajjeb u lesti li jaġixxu; (ii) l-involviment mas-settur privat, speċjalment il-pjattaformi tal-kiri għal żmien qasir u l-kumpaniji tat-trasport biex titqajjem kuxjenza dwar ir-riskji u l-forom tat-traffikar ta’ bnedmin u jiġu sensibilizzati dwar id-diliġenza dovuta; (iii) kampanja ta’ komunikazzjoni biex titqajjem kuxjenza fost it-turisti barranin dwar ir-riskji tat-traffikar ta’ bnedmin
.
3.2.4
Taħriġ
It-taħriġ speċjalizzat huwa mħeġġeġ aktar mid-Direttiva emendata, li tirrikjedi li l-Istati Membri jippromwovu taħriġ regolari u speċjalizzat għall-professjonisti li x’aktarx jiġu f’kuntatt ma’ vittmi potenzjali tat-traffikar ta’ bnedmin, biex ikunu jistgħu jipprevjenu u jiġġieldu t-traffikar u jevitaw vittimizzazzjoni sekondarja. Matul il-perjodu ta’ rapportar, l-Istati Membri offrew firxa wiesgħa ta’ attivitajiet ta’ taħriġ lil diversi partijiet ikkonċernati, inkluż l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u dawk ġudizzjarji, il-gwardji tal-fruntieri, l-uffiċjali tal-ażil u tal-immigrazzjoni, il-professjonisti tas-saħħa, il-ħaddiema soċjali, l-ispetturi soċjali u tax-xogħol, il-persunal konsulari, il-persunal tal-muniċipalitajiet, kif ukoll l-assistenti tat-titjiriet, sabiex ikunu jistgħu jidentifikaw każijiet ta’ traffikar, jidentifikaw vittmi possibbli, iwettqu l-intervisti u jinfurmawhom dwar il-miżuri ta’ appoġġ u s-sistemi ta’ riferiment.
Fil-livell tal-UE, diversi Aġenziji tal-UE żviluppaw attivitajiet ta’ taħriġ immirati. L-Aġenzija Ewropea għat-taħriġ fl-infurzar tal-liġi (CEPOL) kompliet tipprovdi attivitajiet ta’ taħriġ biex trawwem network ta’ investigaturi kriminali madwar l-Istati Membri tal-UE u ttejjeb direttament l-effettività tal-kooperazzjoni operazzjonali transfruntiera. L-attivitajiet ta’ taħriġ multidimensjonali jkopru l-aspetti ewlenin tal-kriminalizzazzjoni fir-rigward tal-ġlieda kontra t-traffikar ta’ bnedmin, b’mod partikolari l-isfruttament sesswali, inkluż it-traffikar online, l-isfruttament tal-ħaddiema, kif ukoll l-integrazzjoni ta’ tekniki ta’ investigazzjoni speċjali u investigazzjonijiet finanzjarji u online. L-ELA tat ukoll diversi moduli ta’ taħriġ u żviluppat manwali ta’ taħriġ dwar l-isfruttament tal-ħaddiema għall-ispetturi tax-xogħol. L-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) ipproduċiet ukoll manwal ta’ taħriġ għat-taħriġ tal-ispetturi tax-xogħol u ta’ korpi oħra ta’ spezzjoni fuq il-post tax-xogħol, li jiffoka fuq l-istandards protettivi fil-liġi tal-UE li jissalvagwardjaw id-drittijiet tal-ħaddiema ta’ pajjiżi terzi, inklużi l-ħaddiema staġjonali, il-ħaddiema migranti b’permessi temporanji u l-migranti f’sitwazzjoni irregolari.
In-Network Ewropew tat-Taħriġ Ġudizzjarju (EJTN, European Judicial Training Network) offra taħriġ lill-imħallfin u lill-prosekuturi dwar l-aspetti ġudizzjarji tal-isfruttament tal-ħaddiema u l-isfidi partikolari għall-proċedimenti kriminali.
Is-CEPOL, l-ELA u l-EJTN għaqdu wkoll l-isforzi f’interventi ta’ taħriġ b’attenzjoni speċjali mogħtija lill-protezzjoni tal-vittmi u d-drittijiet fundamentali.
3.3. Tkissir tal-mudell kummerċjali kriminali tat-traffikanti
3.3.1 Investigazzjonijiet
It-traffikar ta’ bnedmin qiegħed isir minn gruppi akbar tal-kriminalità organizzata kif ukoll minn networks iżgħar jew saħansitra minn individwi. Fir-rapport tagħha dwar in-networks kriminali l-aktar ta’ theddid fl-UE
, il-Europol identifikat l-isfruttament sesswali bħala l-uniku negozju ewlieni għal 18-il network kriminali, l-isfruttament ta’ ħaddiema għal 13-il network u forom oħra ta’ traffikar għal ħames networks. Bosta networks kriminali jikkombinaw it-traffikar ta’ bnedmin ma’ oqsma oħra ta’ kriminalità, bħat-traffikar tad-droga, il-kriminalità organizzata kontra l-proprjetà, il-frodi tad-dokumenti u tal-identità u l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti. L-azzjonijiet operazzjonali stabbiliti fil-Pjan Direzzjonali tal-UE dwar il-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga u l-kriminalità organizzata għandhom l-għan li jindirizzaw dawn in-networks kriminali ta’ riskju għoli, inklużi dawk involuti fit-traffikar ta’ bnedmin.
Biex twieġeb għal żviluppi emerġenti oħra, id-Direttiva emendata tintroduċi diversi novitajiet bl-għan li tikkriminalizza forom ġodda ta’ traffikar, tistabbilixxi pieni aktar severi u żżid l-għarfien espert u l-kapaċitajiet tal-infurzar tal-liġi u l-prosekuzzjoni fl-Istati Membri. L-isfruttament tal-maternità surrogata, taż-żwieġ furzat u tal-adozzjoni illegali huma msemmija b’mod espliċitu bħala forom ta’ sfruttament li jistgħu jikkwalifikaw bħala traffikar ta’ bnedmin sa fejn jiġu ssodisfati l-elementi l-oħra tad-definizzjoni (imġiba u medja).
Il-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi baqgħet intensiva matul il-perjodu 2021–2024
, kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f’dak nazzjonali, li huwa rifless fiż-żieda kontinwa ta’ 16 % fl-għadd totali ta’ individwi suspettati bi traffikar ta’ bnedmin, meta mqabbel mal-perjodu ta’ rapportar preċedenti
. Is-sehem taċ-ċittadini tal-UE kien jammonta għal 72 % tas-suspettati kollha rreġistrati fl-UE fl-2022.
It-traffikar ta’ bnedmin huwa waħda mill-prijoritajiet tal-Pjattaforma Multidixxiplinari Ewropea Kontra t-Theddid Kriminali (EMPACT). Fl-2024, EMPACT THB tikkonsisti fi 22 azzjoni operazzjonali. Fl-2023, l-azzjonijiet operazzjonali tal-EMPACT urew li kienu ta’ suċċess kbir u rriżultaw f’eżiti mtejba b’mod kostanti f’termini tal-għadd dejjem akbar ta’ jiem ta’ azzjoni konġunta, task forces operazzjonali u riżultati operazzjonali, jiġifieri l-identifikazzjoni ta’ 7 536 vittma (potenzjali) u aktar minn 5 000 persuna suspettata kif ukoll it-tnedija ta’ 103 investigazzjonijiet finanzjarji u l-qbid ta’ EUR 4 108 670.
L-EMPACT appoġġat ukoll approċċi innovattivi għall-investigazzjonijiet diġitali, b’mod partikolari fil-forom ta’Hackathons, li għenu biex jiġu identifikati pjattaformi online fejn seħħ sfruttament sesswali jew tax-xogħol u assistew lill-Istati Membri fl-analiżi ta’ ammont kbir ta’ data diġitali mill-media kkonfiskata matul l-investigazzjonijiet. Minn 20 pajjiż li ssieħbu fl-2022, l-azzjoni inkludiet 26 pajjiż fl-2023 u 27 pajjiż fl-2024, inklużi sħab minn pajjiżi ġirien mhux tal-UE. L-azzjoni stabbiliet approċċ strutturat għad-dimensjoni online tat-traffikar ta’ bnedmin, mir-reklutaġġ permezz tal-identifikazzjoni ta’ vittmi potenzjali u l-isfruttament tagħhom sad-detezzjoni ta’ traffikanti u gruppi kriminali. Dawn kienu utli ħafna, peress li wara l-Hackathon, it-traffiku naqas b’mod sinifikanti fuq is-siti web iċċekkjati.
Il-Hackathon huwa strumentali biex iħarreġ speċjalisti kontra t-traffikar fl-Istati Membri b’għodod diġitali li jistgħu jużaw fil-ħidma tagħhom ta’ kuljum. L-Istati Membri
adottaw diversi strateġiji biex jidentifikaw u jinvestigaw każijiet ta’ traffikar ta’ bnedmin iffaċilitati mill-użu tat-teknoloġija. Dawn jinkludu l-monitoraġġ tal-internet (kemm il-web viżibbli kif ukoll id-dark web) flimkien ma’ analiżi tal-intelligence b’sors miftuħ f’ħin reali, l-użu ta’ web-crawlers, operazzjonijiet moħbija, iżda wkoll il-ħolqien ta’ sħubijiet pubbliċi privati ma’ fornituri ta’ siti web adulti u kumpaniji tal-kiri għal żmien qasir
.
Saru sforzi fil-livell Ewropew biex jittejjeb l-użu tal-investigazzjonijiet finanzjarji. Fil-qafas tal-EMPACT, l-Istati Membri flimkien mal-Europol żviluppaw manwal iddedikat għall-investigazzjonijiet finanzjarji fl-investigazzjonijiet tat-traffikar ta’ bnedmin. Barra minn hekk, is-Sħubija Pubblika Privata tal-Intelligence Finanzjarja tal-Europol (EFIPPP, Europol Financial Intelligence Public Private Partnership) nediet fluss ta’ ħidma dwar l-iżvilupp ta’ indikaturi għall-monitoraġġ awtomatiku tat-tranżazzjonijiet
. Minkejja ż-żieda fil-konfiska, il-Europol tqis in-nuqqas ta’ data finanzjarja komprensiva relatata ma’ reati ta’ traffikar ta’ bnedmin bħala lakuna kbira fl-intelligence. Biex jindirizzaw din l-isfida, l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi jridu jtejbu l-fehim tagħhom, itejbu l-kooperazzjoni internazzjonali, jinvestu f’riżorsi speċjalizzati, u jqajmu kuxjenza fost l-istituzzjonijiet u l-komunitajiet finanzjarji
. Fil-livell nazzjonali, l-Istati Membri rrapportaw kooperazzjoni aktar b’saħħitha mas-settur finanzjarju, billi stabbilew indikaturi għat-traffikar, ħolqu sħubijiet pubbliċi-privati jew permezz ta’ kooperazzjoni aktar regolari
.
Fil-livell tal-UE, sabiex jiġi evitat l-isfruttament ta’ ħaddiema u jiġu identifikati reklami ta’ impjiegi frodulenti, il-Europol ippubblikat gwida li tispjega l-aktar indikaturi komuni
. L-ELA appoġġat lill-awtoritajiet tax-xogħol tal-Istati Membri fit-twettiq ta’ spezzjonijiet tax-xogħol transfruntiera, miftiehma u konġunti mal-infurzar tal-liġi biex jiġi indirizzat ix-xogħol mhux iddikjarat. Żewġ azzjonijiet operazzjonali tal-EMPACT iffukaw esklużivament fuq l-isfruttament tal-ħaddiema, b’mod partikolari fuq l-appoġġ għall-vittmi u l-agrikoltura bħala settur b’riskju għoli.
Id-Direttiva 2024/1260 dwar l-irkupru u l-konfiska tal-assi tal-24 ta’ April 2024
issaħħaħ il-kapaċità tal-pulizija, tal-prosekuturi u tal-imħallfin li jittraċċaw u jikkonfiskaw il-profitti li l-gruppi kriminali organizzati jiksbu permezz tal-attivitajiet illeċiti tagħhom, inkluż permezz tat-traffikar ta’ bnedmin. Id-Direttiva se ssaħħaħ ukoll il-kooperazzjoni transfruntiera tal-pulizija billi tagħmel it-tnedija ta’ investigazzjonijiet għat-traċċar tal-assi f’każijiet ta’ kriminalità organizzata obbligatorja. Se testendi l-possibbiltajiet li għandhom il-qrati biex jikkonfiskaw assi illeċiti, inkluż permezz tal-konfiska ta’ ġid mhux spjegat mingħajr kundanna fejn qorti tkun sodisfatta li l-proprjetà inkwistjoni tkun ġejja minn imġiba kriminali. Dan kollu għandu jippermetti t-tfixkil tal-mudelli kummerċjali tal-gruppi kriminali organizzati, it-tkissir tal-istrutturi tagħhom u l-prevenzjoni tagħhom milli jwettqu aktar attivitajiet kriminali.
Is-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) imġedda daħlet fis-seħħ fis-7 ta’ Marzu 2023 u introduċiet kategoriji ġodda ta’ twissijiet, li waħda minnhom hija l-hekk imsejħa “twissijiet preventivi” dwar persuni vulnerabbli li jeħtieġ li ma jitħallewx jivvjaġġaw
. It-twissijiet dwar persuni vulnerabbli ta’ età u tfal, għandhom jiddaħħlu fis-SIS wara deċiżjoni mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, inkluż l-awtoritajiet ġudizzjarji. F’każ li persuna vulnerabbli fuq l-età jew tifel jew tifla jkunu f’riskju li jiġu ttraffikati, l-ivvjaġġar tagħhom jista’ jiġi evitat, u l-persuna għandha titqiegħed taħt protezzjoni. Karatteristika importanti oħra tas-SIS hija ż-żieda ta’ tipi ġodda ta’ bijometriċi (bħal marki tal-pala tal-id, marki tas-swaba’, u traċċi tal-pala tal-id, kif ukoll rekords tad-DNA konnessi ma’ persuni neqsin) biex jgħinu jsibu u jidentifikaw persuni mdaħħla fis-sistema
.
Fl-aħħar nett, minkejja l-kooperazzjoni transfruntiera intensifikata u l-involviment tal-Europol f’xi investigazzjonijiet aktar kumplessi fl-2021 u l-2022, hemm differenza sinifikanti bejn l-istatistika prodotta mill-Europol u l-istatistika uffiċjali ppubblikata mill-EUROSTAT, b’mod partikolari dwar l-għadd, l-età u n-nazzjonalità tal-vittmi, il-forom ta’ sfruttament u l-għadd ta’ persuni suspettati. Filwaqt li hemm raġunijiet oġġettivi għal dawn id-diskrepanzi, huwa meħtieġ li jiġi enfasizzat ir-rekwiżit għall-Istati Membri tal-kondiviżjoni f’waqtha tal-informazzjoni u d-data rilevanti mal-Europol.
3.3.2 Prosekuzzjonijiet u kundanni
L-għadd totali ta’ individwi mressqa għall-prosekuzzjoni u kkundannati għat-traffikar ta’ bnedmin żdied. Fl-2021–2022, b’kollox 8 804 persuna ġew imħarrka u 4 728 persuna ġew ikkundannati għat-traffikar tal-bnedmin. Il-prosekuzzjonijiet żdiedu b’35 %
u l-kundanni żdiedu b’57 %
, meta mqabbla mal-perjodu ta’ rapportar preċedenti 2019–2020. Iċ-ċittadini tal-UE kienu jirrappreżentaw 81 % tal-individwi kollha li tressqu għall-prosekuzzjoni u 74 % tal-individwi kollha kkundannati fl-2022. Madankollu, minkejja ż-żieda ġenerali, l-għadd assolut ta’ prosekuzzjonijiet u kundanni għadu baxx, speċjalment meta mqabbel mal-għadd ta’ vittmi u suspettati rreġistrati.
L-għadd ta’ investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet ikkoordinati mill-Eurojust juri xejra ta’ tnaqqis mill-2019
, li tista’ tenfasizza diffikultajiet jew nuqqas ta’ għarfien tal-Istati Membri meta jirreferu każijiet lill-Aġenzija tal-UE. Dan jista’ jkun dovut ukoll għall-fatt li l-ġbir ta’ evidenza biex jiġi identifikat reat bħala traffikar ta’ bnedmin jieħu ħafna ħin u riżorsi, li jista’ jirriżulta li Stati Membri jagħtu privileġġ lill-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ awturi għal reati oħra.
Xi Stati Membri implimentaw miżuri biex iżidu l-effettività tal-prosekuzzjoni permezz ta’ taħriġ, linji gwida, u prattiki uniformi
. Fil-livell tal-UE, matul il-perjodu ta’ rapportar, il-Grupp Fokali ta’ prosekuturi speċjalizzati ltaqa’ tliet darbiet (darba fis-sena)
minn meta ġie stabbilit, taħt il-kopresident tal-Eurojust u l-EU ATC. Il-laqgħat laqqgħu flimkien prosekuturi mill-Istati Membri u minn pajjiżi terzi biex jibnu għarfien espert u jintensifikaw il-kooperazzjoni ġudizzjarja kontra t-traffikar ta’ bnedmin, b’mod partikolari fl-investigazzjoni diġitali u finanzjarja, fl-isfruttament tax-xogħol u sfruttament sesswali kif ukoll fl-isfruttament tal-maternità surrogata. It-taħriġ tal-prosekuturi u tal-imħallfin ġie diskuss ukoll bil-preżenza tas-CEPOL u n-Network Ewropew tat-Taħriġ Ġudizzjarju.
3.4. Identifikazzjoni bikrija, assistenza u protezzjoni tal-vittmi
Id-Direttiva Kontra t-Traffikar tipprevedi approċċ iffukat fuq il-vittmi, sensittiv għall-ġeneru u għat-tfal, li jkun ta’ benefiċċju għal dawk l-aktar vulnerabbli, inkluż persuni b’diżabilità u l-migranti. Id-Direttiva emendata tintroduċi għadd ta’ novitajiet li jrawmu b’mod sinifikanti d-drittijiet tal-vittmi. Fost l-oħrajn, din tirrikjedi li l-Istati Membri jistabbilixxu mekkaniżmi nazzjonali ta’ riferiment, li għandhom jikkostitwixxu qafas trasparenti, aċċessibbli u armonizzat li jiffaċilita u jsaħħaħ ir-riferiment tal-vittmi lill-organizzazzjonijiet u lill-korpi nazzjonali responsabbli. Mekkaniżmu ta’ riferiment għandu japplika għall-vittmi kollha u għall-forom kollha ta’ reati ta’ traffikar, filwaqt li titqies il-vulnerabbiltà speċifika individwali tal-vittmi. Barra minn hekk, l-Istati Membri huma meħtieġa jaħtru punt fokali għar-riferiment transfruntier tal-vittmi. Id-Direttiva emendata tirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li l-vittmi tat-traffikar ikunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom li japplikaw għal protezzjoni internazzjonali jew status nazzjonali ekwivalenti. Għalhekk, l-Istati Membri jridu jiżguraw li s-sistema ta’ assistenza għall-vittmi tat-traffikar u l-proċeduri tal-ażil ikunu komplementari u ma jipprekludux lil xulxin. Il-mekkaniżmi ta’ riferiment iridu jikkooperaw mal-awtoritajiet tal-ażil biex jiżguraw li l-assistenza, l-appoġġ u l-protezzjoni jiġu pprovduti lill-vittmi tat-traffikar li huma wkoll fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali.
Filwaqt li d-Direttiva Kontra t-Traffikar tindirizza l-ħtiġijiet speċifiċi tal-vittmi tat-traffikar ta’ bnedmin, id-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi hija l-istrument orizzontali ewlieni dwar id-drittijiet tal-vittmi, li japplika għall-vittmi kollha tar-reati kollha. Abbażi ta’ valutazzjoni bir-reqqa tar-regoli tal-UE dwar id-drittijiet tal-vittmi u l-implimentazzjoni tagħhom, il-Kummissjoni pproponiet reviżjoni tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi fit-12 ta’ Lulju 2023
. Il-proposta għandha l-għan li tkompli ssaħħaħ id-drittijiet tal-vittmi fl-UE, inkluż id-drittijiet tal-vittmi l-aktar vulnerabbli, bħall-vittmi tat-traffikar ta’ bnedmin. In-negozjati mill-koleġiżlaturi għadhom għaddejjin. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qed tkompli taħdem fuq l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE dwar id-drittijiet tal-vittmi (2020-2025) u diġà kisbet il-biċċa l-kbira tal-azzjonijiet orizzontali tagħha.
Barra minn hekk, id-Direttiva 2024/1385/UE dwar il-ġlieda kontra l-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika
tirrikonoxxi li r-reat tat-traffikar ta’ bnedmin għall-fini ta’ sfruttament sesswali huwa forma ta’ vjolenza kontra n-nisa. Il-miżuri speċifiċi ta’ prevenzjoni, protezzjoni u appoġġ previsti fid-Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika jikkomplementaw il-miżuri stabbiliti fid-Direttiva 2011/36/UE.
Fit-23 ta’ April 2024, il-Kummissjoni adottat rakkomandazzjoni dwar sistemi integrati għall-protezzjoni tat-tfal. Ir-rakkomandazzjoni għandha l-għan li tappoġġa lill-Istati Membri biex jiżviluppaw u jsaħħu s-sistemi tagħhom ta’ protezzjoni tat-tfal skont il-ħtiġijiet tat-tfal u fl-aħjar interessi tagħhom. Din tinkoraġġixxi b’mod speċjali l-koordinazzjoni fost l-awtoritajiet f’livelli differenti, il-professjonisti fis-setturi kollha, l-organizzazzjonijiet internazzjonali u tas-soċjetà ċivili. Dawn l-atturi kollha tal-protezzjoni tat-tfal jeħtieġ li jaħdmu flimkien biex jipproteġu lit-tfal minn kwalunkwe forma ta’ vjolenza (fiżika, mentali, inkluż fid-dinja diġitali), inkluż it-traffikar ta’ bnedmin, b’mod koerenti u sistemiku.
Lil hinn mill-qafas leġiżlattiv, l-aġenziji tal-UE rrapportaw dwar l-azzjonijiet rispettivi tagħhom għall-identifikazzjoni bikrija u l-protezzjoni tal-vittmi. L-Aġenzija tal-UE għall-Ażil (EUAA) kompliet tipprovdi taħriġ lill-awtoritajiet tal-ażil u tal-akkoljenza tal-Istati Membri, kif ukoll lil partijiet ikkonċernati oħra li jaħdmu f’isimhom. Tali taħriġ iffoka, fost l-oħrajn, fuq il-prevenzjoni tat-traffikar billi jħejji uffiċjali u atturi rilevanti oħra dwar kif jidentifikaw il-fatturi ta’ riskju u ta’ spinta u ta’ attrazzjoni għat-traffikar, u fuq kif jikkomunikaw ma’ vittmi potenzjali, inkluż permezz ta’ kanali diġitali
. L-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (FRONTEX) ipprovdiet ukoll diversi attivitajiet ta’ taħriġ lill-gwardji tal-fruntiera u żviluppat kooperazzjoni ma’ kumpaniji tat-trasport u tal-kiri għal żmien qasir. Fil-kuntest ta’ din il-kooperazzjoni, il-kumpaniji se jiġu mistiedna jissieħbu f’attivitajiet ta’ taħriġ tal-Frontex għal sessjonijiet ta’ sensibilizzazzjoni dwar kif is-settur privat jista’ jappoġġa l-komunità tal-infurzar tal-liġi.
Fil-livell nazzjonali, l-Istati Membri kollha indikaw miżuri biex jiżguraw li l-vittmi kollha identifikati jingħataw assistenza, appoġġ u protezzjoni, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet speċifiċi għall-ġeneru u għat-tfal. Miżuri bħal dawn inkludew kooperazzjoni strutturata mal-linji tal-ajru u l-ajruporti, inkluż it-taħriġ tal-persunal tal-linji tal-ajru
. Huma stabbilew ukoll kooperazzjonijiet bilaterali f’oqsma speċifiċi, bħall-kooperazzjoni Ġermaniża-Bulgara dwar ir-riferiment tal-vittmi tal-isfruttament tal-ħaddiema. Barra minn hekk, l-Istati Membri żguraw li kien disponibbli finanzjament addizzjonali biex jittejbu l-mekkaniżmi ta’ riferiment nazzjonali informali jew formali
, jew biex jiġu stabbiliti postijiet ta’ kenn speċjalizzati għall-vittmi tat-traffikar, inkluż postijiet ta’ kenn speċjalizzati għall-irġiel
. Fl-aħħar nett, diversi Stati Membri saħħew l-assistenza legali għall-vittmi biex jiksbu kumpens u żviluppaw fuljetti u linji gwida
. Diversi Stati Membri taw kumpens lill-vittmi tat-traffikar ta’ bnedmin, li jvarja minn EUR 250 sa EUR 65 000 għal korrimenti fiżiċi, danni materjali, inkluż pagi mhux imħallsa, u danni morali.
L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili offrew ukoll firxa wiesgħa ta’ servizzi ta’ konsulenza legali għall-vittmi potenzjali tat-traffikar, il-protezzjoni, il-kenn, l-appoġġ mediku, psikoloġiku u psikjatriku, kif ukoll l-edukazzjoni.
3.5. Dimensjoni internazzjonali
Is-sħubijiet ma’ pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali huma indispensabbli għall-ġlieda kontra n-networks kriminali transnazzjonali involuti fit-traffikar ta’ bnedmin. Dawn jippermettu li jiġu identifikati sfidi u soluzzjonijiet komuni li jeħtieġu kooperazzjoni aktar b’saħħitha u azzjonijiet konġunti. 54 % tal-vittmi fl-UE huma ċittadini ta’ pajjiżi terzi, li jirrappreżenta xejra li qed tinbidel meta mqabbla mas-snin preċedenti. Fl-2022, is-sehem ta’ vittmi mhux tal-UE kien ta’ 63 %. Din iż-żieda x’aktarx tista’ tkun marbuta ma’ aktar każijiet ta’ traffikar li jinvolvu migranti, ma’ flussi migratorji u/jew ma’ titjib fl-identifikazzjoni ta’ vittmi migranti minħabba sensibilizzazzjoni akbar dwar it-traffikar ta’ bnedmin u aktar investigazzjonijiet.
Matul il-perjodu ta’ rapportar, id-dimensjoni esterna kompliet tissaħħaħ: il-politiki kontra t-traffikar ġew inklużi f’azzjonijiet dwar il-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti, fil-proċess ta’ tkabbir mal-pajjiżi kandidati u ta’ qabel l-adeżjoni u fid-djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem, is-sigurtà u l-migrazzjoni ma’ pajjiżi terzi, kif ukoll permezz ta’ firxa ta’ strumenti ta’ politika barranija u kooperazzjoni operazzjonali ma’ pajjiżi sħab.
Id-dimensjoni internazzjonali kienet ukoll l-enfasi tal-laqgħat biannwali tan-Network tal-UE ta’ Koordinaturi Nazzjonali u Rapporteurs fil-25–26 ta’ April 2023 u fit-2–3 ta’ Diċembru 2024. Bħala segwitu għad-diskussjonijiet tal-25–26 ta’ April 2023, in-Netwerk Ewropew dwar il-Migrazzjoni qed iwettaq studju bl-għan li janalizza l-politiki kontra t-traffikar ma’ pajjiżi terzi. L-enfasi tal-laqgħa tat-2–3 ta’ Diċembru 2024, inkluż f’sessjoni konġunta mal-Pjattaforma tas-Soċjetà Ċivili tal-UE kontra t-traffikar tal-bnedmin, kienet ir-rabta bejn it-traffikar tal-bnedmin u l-migrazzjoni, inkluż il-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti. Sessjoni waħda kienet iddedikata għall-prevenzjoni u l-protezzjoni tan-nies li qed jaħarbu mill-aggressjoni militari kontra l-Ukrajna.
It-traffikar huwa marbut mill-qrib mal-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti, peress li l-migranti jew il-familji tagħhom spiss jispiċċaw f’dejn biex iħallsu lit-traffikanti, li jirriżulta fi sfruttament. Il-migranti jistgħu wkoll jiddaħħlu b’kuntrabandu għal skopijiet ta’ sfruttament. Għalhekk, huwa meħtieġ li jiġu indirizzati l-miżuri leġiżlattivi, operattivi u ta’ finanzjament relatati mal-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti b’mod konġunt mal-ġlieda kontra t-traffikar ta’ bnedmin fil-kuntest tal-migrazzjoni irregolari. L-Azzjonijiet Operazzjonali tal-EMPACT dwar il-Faċilitazzjoni ta’ Dħul Klandestin ta’ Migranti u t-traffikar ta’ bnedmin jipprevedu l-parteċipazzjoni ta’ diversi pajjiżi terzi u jinkludu azzjonijiet b’enfasi fuq xi wħud miż-żoni ewlenin mhux tal-UE jew il-pajjiżi ta’ oriġini tal-vittmi u t-traffikanti identifikati fl-UE.
Barra minn hekk, fit-28 ta’ Novembru 2023,
il-Kummissjoni ppreżentat pakkett għall-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti
li jikkonsisti fi proposta għal Direttiva ġdida li tistabbilixxi regoli minimi għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta’ dħul, tranżitu u soġġorn mhux awtorizzati fl-Unjoni, proposta għal Regolament biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni tal-pulizija u r-rwol tal-Europol fil-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti u t-traffikar ta’ bnedmin u
sejħa għal azzjoni
dwar alleanza globali biex tiġi miġġielda l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti. Il-proposta għal Direttiva tinkludi ċirkostanza aggravanti għal reati ta’ faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin li kienu jinvolvu jew irriżultaw fi sfruttament. Il-proposta għal Regolament issaħħaħ iċ-Ċentru Ewropew Kontra l-Faċilitazzjoni ta’ Dħul Klandestin ta’ Migranti fi ħdan il-Europol biex jinbnew aktar kapaċitajiet għal investigazzjoni transfruntiera kemm fil-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti kif ukoll fit-traffikar ta’ bnedmin. It-tisħiħ ifittex li jtejjeb il-kooperazzjoni bejn l-aġenziji, isaħħaħ il-koordinazzjoni fil-livell tal-UE billi jistabbilixxi kompiti strateġiċi speċifiċi, itejjeb il-kondiviżjoni tal-informazzjoni mal-aġenzija, isaħħaħ ir-riżorsi tal-Istati Membri għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra dawn ir-reati, u jsaħħaħ l-appoġġ tal-Europol permezz ta’ task forces operazzjonali u skjeramenti għal appoġġ operazzjonali. Il-proposti qed jiġu diskussi mill-koleġiżlaturi.
Avżat mir-riskju għoli bla preċedent ta’ traffikar wara l-bidu tal-gwerra ta’ aggressjoni fuq skala sħiħa tar-Russja kontra l-Ukrajna fl-24 ta’ Frar 2022, ġie żviluppat Pjan Komuni Kontra t-Traffikar
mill-Koordinatur tal-UE Kontra t-Traffikar. L-implimentazzjoni tal-Pjan ikkontribwiet għall-prevenzjoni ta’ dik il-kriminalità u ż-żamma tal-għadd ta’ investigazzjonijiet ikkonfermati dwar it-traffikar baxx. Ir-rispons ta’ emerġenza rapidu u effettiv ispira modifika tal-Artikolu 19 tad-Direttiva emendata, li jipprevedi pjanijiet ta’ rispons ta’ kontinġenza sabiex tiġi evitata t-theddida tat-traffikar ta’ bnedmin fil-każ ta’ emerġenzi kbar. Il-vulnerabbiltajiet ta’ dawk li qed jaħarbu mill-gwerra ta’ aggressjoni tnaqqsu wkoll b’mod konsiderevoli bl-attivazzjoni tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja li tat protezzjoni immedjata u aċċess għad-drittijiet fl-UE. Abbażi ta’ proposta mill-Kummissjoni, il-Kunsill iddeċieda l-estensjoni tagħha sa Marzu 2026
.
Fl-2022, iċ-ċittadini Ukreni kienu t-tieni l-aktar nazzjonalità prevalenti mhux tal-UE fost il-vittmi tat-traffikar irreġistrati fl-UE (421 vittma). 85 % kienu soġġetti għal sfruttament ta’ ħaddiema u 13 % għal sfruttament sesswali. L-Istati Membri u l-Europol ikkonfermaw li l-investigazzjonijiet relatati ma’ dawn il-vittmi Ukreni diġà bdew fl-UE qabel il-bidu tal-gwerra ta’ aggressjoni fuq skala sħiħa u/jew huma marbuta ma’ vittmi diġà preżenti fl-UE. Madankollu, dan jikkonferma li r-riskju tat-traffikar ta’ bnedmin għaċ-ċittadini Ukreni, inkluż dawk li jaħarbu mill-gwerra ta’ aggressjoni fuq skala sħiħa, għadu għoli, għandu jiġi mmonitorjat mill-qrib mill-Europol bl-appoġġ tal-Ukrajna u jirrikjedi l-implimentazzjoni kontinwa tal-Pjan ta’ Kontra t-Traffikar tal-Kummissjoni.
Il-kooperazzjoni transfruntiera operazzjonali mal-Ukrajna diġà kienet imsaħħa bl-appoġġ tal-aġenziji tal-UE. Fl-2024, l-Ukrajna tipparteċipa f’19-il azzjoni tal-operazzjoni tal-EMPACT. Fl-2023, l-Europol ikkoordinat Hackathon ta’ tlett ijiem immirat lejn attivitajiet kriminali online li jinvolvu vittmi Ukreni u, f’Marzu 2024, 11-il pajjiż nedew task force operazzjonali kkoordinata mill-Europol biex tiġġieled l-isfruttament sesswali tan-nisa u l-bniet Ukreni fl-UE. F’Mejju 2024, il-Europol appoġġat lill-Pulizija Nazzjonali Spanjola fit-tkissir ta’ grupp kriminali involut fit-traffikar ta’ bnedmin għall-isfruttament sesswali. Il-persuni suspettati ħajru lill-vittmi Ukreni billi wegħduhom li jieħdu ħsieb jagħmlu arranġamenti għall-protezzjoni, l-appoġġ finanzjarju u x-xogħol.
Matul il-perjodu ta’ rapportar, il-Kummissjoni, flimkien mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, kompliet tiddjaloga ma’ pajjiżi ewlenin oħra ta’ oriġini u ta’ tranżitu tal-vittmi u t-traffikanti permezz tal-involviment f’azzjonijiet operazzjonali, djalogi ta’ politika u finanzjament immirat. L-aġenziji tal-UE wettqu bini tal-kapaċitajiet, kooperazzjoni operazzjonali, u assistenza teknika fil-pajjiżi sħab.
L-UE ffinanzjat programm reġjonali b’impatt fuq il-ġlieda kontra t-traffikar u l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti għal EUR 36 miljun taħt l-IPA III fil-Balkani tal-Punent. L-UE kkuntrattat aktar madwar EUR 84 miljun taħt l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI) 2021–2022 sabiex tindirizza l-involviment dejjem akbar tal-gruppi tal-kriminalità organizzata fil-migrazzjoni irregolari, li jwassal għal theddida dejjem akbar tat-traffikar ta’ bnedmin tul ir-rotot migratorji, speċjalment fil-viċinat tal-UE.
Taħt il-Fond Fiduċjarju tal-UE għall-Afrika, l-UE ffinanzjat programm reġjonali b’valur ta’ EUR 15-il miljun bejn l-2019 u Lulju 2024 biex tappoġġa lill-pajjiżi tal-Afrika ta’ Fuq fit-tkissir ta’ networks kriminali organizzati involuti fil-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti u fit-traffikar ta’ bnedmin.
Fil-Qarn tal-Afrika, l-NDICI-Ewropa Globali bħalissa qed jappoġġa żewġ proġetti reġjonali ewlenin li jindirizzaw it-Traffikar u l-Faċilitazzjoni ta’ Dħul Klandestin, il-Proġett ta’ Ġestjoni Aħjar tal-Migrazzjoni (BMM, Better Migration Management Project), li għandu l-għan li jsaħħaħ il-kooperazzjoni tal-Aġenziji tal-Infurzar tal-Liġi, tal-uffiċjali tal-fruntieri/tal-immigrazzjoni u tal-fornituri tas-servizzi tal-protezzjoni. Programm ieħor iffinanzjat mill-NDICI-Ewropa Globali (EUR 5 miljun), iċ-Ċentru Operazzjonali Reġjonali f’Khartoum (ROCK), beda t-tieni fażi tiegħu fl-2022. Huwa għandu l-għan li jnaqqas l-għadd ta’ inċidenti ta’ traffikar ta’ bnedmin u ta’ faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti fl-Afrika tal-Lvant, u li jtejjeb il-protezzjoni tal-vittmi. Fis-7 ta’ Mejju 2024, il-Kummissjoni nediet sejħa ġdida għal proposti li tiddefinixxi wkoll il-ġlieda kontra t-traffikar ta’ bnedmin bħala wieħed mill-objettivi tagħha u allokat EUR 15-il miljun biex tistabbilixxi proġetti ta’ sħubija operazzjonali komuni (COPs, common operational partnerships) kontra l-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali f’pajjiżi terzi.
L-Afrika tal-Punent tibqa’ reġjun ta’ oriġini u ta’ tranżitu kruċjali għall-migranti li jagħmlu vjaġġi irregolari lejn l-UE permezz tar-Rotta tal-Mediterran Ċentrali u r-Rotta tal-Atlantiku/tal-Mediterran tal-Punent. L-UE qed tappoġġa Sħubijiet Operazzjonali Komuni (COPs) biex jiżdiedu s-sjieda, l-impatt u s-sostenibbiltà fit-tul tal-isforzi tas-sħab tagħna fil-Kosta tal-Avorju, il-Guinea, il-Mauritania u l-Gambja (b’mod partikolari ffinanzjati taħt l-ISF). Fis-7 ta’ Marzu 2024, l-UE nediet sħubija dwar il-migrazzjoni u djalogu mal-Mauritania, li jkopru wkoll it-traffikar u l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti. Barra minn hekk, ir-riskji ta’ attivitajiet kriminali li għandhom impatt fuq l-iżvilupp u s-sigurtà, b’mod partikolari fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi affettwati, huma serji, u joħolqu theddida addizzjonali għall-governanza u l-istabbiltà fir-reġjun kollu u lil hinn minnu. F’dan il-kuntest, it-traffikar u l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti kienu komponenti ewlenin tal-programmi ta’ Sigurtà fis-Senegal, il-Gambja u l-Mauritania.
Fl-Asja, il-proġett ta’ suċċess “Azzjoni Globali kontra t-Traffikar ta’ Persuni u l-Faċilitazzjoni ta’ Dħul Klandestin ta’ Migranti — l-Asja u l-Lvant Nofsani — GLO.ACT”, intemm f’Marzu 2024. Wieħed mill-komponenti tal-programm PROTECT “Titjib tal-Ġestjoni tal-Migrazzjoni u l-Protezzjoni tal-Migranti fil-Pajjiżi Magħżula tar-Rotta tal-Ħarir”, implimentat mill-UNODC jibni fuq is-suċċess u t-tagħlimiet meħuda minn GLO.ACT, u jiffoka fuq il-ġlieda kontra t-traffikar ta’ bnedmin u l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti fl-Afganistan, il-Pakistan u l-Iraq.
Fl-Amerka Latina u l-Karibew, l-UE ilha tappoġġa l-Programm EUROFRONT mill-2020. Il-komponent dwar it-traffikar tal-bnedmin u l-Faċilitazzjoni ta’ Dħul Klandestin ta’ Migranti jkopri erba’ punti ta’ qsim tal-fruntieri li jinvolvu seba’ pajjiżi fl-Amerka t’Isfel. Fil-futur qrib, l-għan huwa li jiġu implimentati l-pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali li rriżultaw mill-mekkaniżmi binazzjonali u reġjonali fis-seħħ, bħal fil-Paragwaj, fil-Brażil jew fl-Ekwador. L-UE tappoġġa wkoll il-programm EL PAcCTO kontra l-kriminalità organizzata transnazzjonali u n-networks speċjalizzati tagħha ta’ kooperazzjoni tal-pulizija, kontra t-traffikar ta’ bnedmin u l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ bnedmin.
Fil-livell globali, l-NDICI-Ewropa Globali (EUR 5 miljun) qed jibda l-Proġett “Promozzjoni tal-Azzjoni u l-Kooperazzjoni fost il-pajjiżi fil-livell globali kontra t-traffikar ta’ bnedmin u l-Faċilitazzjoni ta’ Dħul Klandestin ta’ Migranti (PACTS, Promoting Action and Cooperation among countries at global level against Trafficking in Human Beings and the Smuggling of Migrants)”. PACTS se jappoġġa l-kooperazzjoni Nofsinhar-Nofsinhar, u għandu komponent qawwi ta’ involviment tas-superstiti.
Barra minn hekk, l-UE kompliet il-kooperazzjoni mill-qrib mal-organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali attivi fil-qasam
, inkluż fil-kuntest tal-Grupp ta’ Koordinazzjoni bejn l-Aġenziji kontra t-Traffikar tal-Persuni (ICAT, Inter-Agency Coordination Group against Trafficking in Persons). Hija kompliet ukoll bl-impenn tagħha mal-Kunsill tal-Ewropa u l-Grupp ta’ Esperti tiegħu dwar l-Azzjoni kontra t-traffikar ta’ bnedmin (GRETA).
Fil-livell nazzjonali, l-Istati Membri kkontribwew għat-tisħiħ tar-relazzjonijiet ma’ pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali inkluż permezz ta’ kampanji ta’ sensibilizzazzjoni, taħriġ (inkluż tal-persunal tal-Konsulati), infurzar tal-liġi operazzjonali u kooperazzjoni ġudizzjarja, l-iskambju ta’ informazzjoni u l-aħjar prattiki, assistenza teknika, u finanzjament immirat
. Pereżempju, l-Italja stabbiliet ftehimiet jew protokolli bilaterali ma’ pajjiżi ta’ oriġini jew ta’ tranżitu għall-vittmi tat-traffikar, b’mod partikolari n-Niġerja, il-Libja, u l-Eġittu, li jiffaċilitaw l-iskambju dirett ta’ informazzjoni. L-Uffiċċju Nazzjonali tar-Rapporteur fil-Portugall żviluppa sessjonijiet ta’ taħriġ mal-awtoritajiet tat-Tuneżija matul il-perjodu 2021–2023.
4.KONKLUŻJONIJIET
Il-kumplessità tat-traffikar ta’ bnedmin għadha teħtieġ rispons komprensiv, li jinvolvi firxa wiesgħa ta’ atturi fil-livell nazzjonali, Ewropew u internazzjonali, titlob kapaċità u riżorsi adegwati, kif ukoll mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni li jiffunzjona tajjeb.
Sabiex tipprovdi risponsi legali, operazzjonali u ta’ politika adegwati, l-UE saħħet il-politiki tagħha għall-ġlieda kontra t-traffikar ta’ bnedmin. L-istrateġija tal-UE dwar il-ġlieda kontra t-traffikar ta’ bnedmin tikkostitwixxi qafas robust b’azzjonijiet konkreti, li ġew implimentati jew li għadhom għaddejjin. Id-Direttiva emendata Kontra t-Traffikar tkompli ssaħħaħ ir-rispons legali għar-reat, billi tintroduċi forom ġodda ta’ sfruttament, pieni aktar stretti, regoli aktar b’saħħithom għall-ġlieda kontra t-traffikar ta’ bnedmin, inkluż online, kif ukoll dispożizzjonijiet imsaħħa dwar l-assistenza u l-protezzjoni tal-vittmi. Barra minn hekk, matul il-perjodu ta’ rapportar, il-qafas legali ssaħħaħ ukoll b’mod sostanzjali minn bosta liġijiet u strumenti ġodda oħra tal-UE.
Fil-livell nazzjonali, l-Istati Membri ħadu miżuri biex jikkoordinaw u jintensifikaw il-miżuri kontra t-traffikar, inkluż permezz ta’ Pjanijiet ta’ Azzjoni u Strateġiji Nazzjonali ġodda jew aġġornati, li jikkontribwixxu għall-approċċ komprensiv għall-ġlieda kontra l-kriminalità.
Minkejja l-progress fil-qafas legali, ta’ politika u operazzjonali, l-għadd ta’ vittmi rreġistrati tat-traffikar żdied u xi wħud mill-isfidi magħrufa jippersistu, filwaqt li jitfaċċaw sfidi ġodda, inklużi forom ġodda ta’ sfruttament. Barra minn hekk, ġew osservati modifiki fix-xejriet, bħal żieda fl-isfruttament tax-xogħol u l-kriminalità furzata, ix-xejriet ikkonfermati wkoll madwar id-dinja,, kif ukoll bidliet fiċ-ċittadinanza tal-vittmi b’maġġoranza ta’ ċittadini mhux tal-UE li huma vittmi tat-traffikar. Dawn l-isfidi jeħtieġu rispons immedjat biex jitkisser il-mudell kummerċjali tat-traffikanti. L-aktar networks kriminali ta’ theddid huma involuti fit-traffikar ta’ bnedmin u jagħmlu profitti kbar permezz tat-traffikar ta’ bnedmin, spiss marbuta ma’ attivitajiet kriminali oħra. Il-prosekuzzjonijiet u l-kundanni għadhom baxxi meta mqabbla mal-għadd ta’ suspettati, b’sentenzi spiss laxki minħabba l-prosekuzzjoni ta’ reati għajr it-traffikar. Il-ġbir tal-evidenza huwa intensiv fiż-żmien u fir-riżorsi u spiss ibbażat biss fuq it-testimonjanzi tal-vittmi. Il-bidla dejjem akbar lejn id-dimensjoni online għadha sfida, li fil-futur tista’ tiġi aggravata mill-intelliġenza artifiċjali.
Iċ-Ċentru tal-UE Kontra t-Traffikar jappoġġa l-implimentazzjoni tal-Istrateġija u tad-dispożizzjonijiet legali, fl-iskambju tal-aħjar prattiki, fit-trawwim tad-djalogu fost il-professjonisti kontra t-traffikar u fl-iżgurar ta’ fehim aħjar ta’ ċerti kunċetti, definizzjonijiet u rekwiżiti.
Filwaqt li tibni fuq l-Istrateġija attwali, Strateġija ġdida tal-UE dwar il-ġlieda kontra t-traffikar ta’ bnedmin se tikkontribwixxi biex jiġu indirizzati l-isfidi emerġenti lil hinn mill-2025. Din l-Istrateġija l-ġdida se tkun il-kontroparti fil-livell tal-UE tal-Pjanijiet Nazzjonali kontra t-Traffikar li l-Istati Membri jridu jadottaw sal-15 ta’ Lulju 2028 f’konformità mad-Direttiva emendata. L-istrateġija tal-UE se tgħin biex tidderieġi l-prijoritajiet mill-prevenzjoni sal-konvinzjoni b’approċċ iċċentrat fuq il-vittmi, madwar l-UE, ma’ sħab mhux tal-UE u fil-livell globali b’mod koerenti.