|
25.11.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 396/3 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/1757
tad-19 ta’ Novembru 2020
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor dwar l-adeżjoni tar-Renju Unit mal-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4) flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Il-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992 (“il-Ftehim”) ġie konkluż mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/580/KEE (1) u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1993. Il-Ftehim ġie konkluż inizjalment għal perjodu ta’ tliet snin. |
|
(2) |
Skont l-Artikolu 45(2) tal-Ftehim, il-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor jista’ jestendi l-Ftehim għal perjodi suċċessivi, ta’ mhux aktar minn sentejn kull darba. Mill-konklużjoni tiegħu ’l hawn, il-Ftehim ġie estiż regolarment għal perjodi ulterjuri ta’ sentejn. Il-Ftehim ġie estiż l-aħħar fl-10 ta’ Lulju 2019 u jibqa’ fis-seħħ sal-31 ta’ Diċembru 2021. |
|
(3) |
L-Artikolu 41 tal-Ftehim jistipula li l-Ftehim hu miftuħ għall-adeżjoni mill-Gvernijiet tal-Istati kollha f’konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti mill-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor. |
|
(4) |
Fit-2 ta’ Ottubru 2020, ir-Renju Unit applika formalment għall-adeżjoni mal-Ftehim mill-1 ta’ Jannar 2021 ’il quddiem. |
|
(5) |
Matul is-57 sessjoni tal-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor, li hija skedata li ssir fis-27 ta’ Novembru 2020, il-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor huwa ppjanat li jistabbilixxi l-kondizzjonijiet għall-adeżjoni tar-Renju Unit mal-Ftehim. |
|
(6) |
Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor. |
|
(7) |
Ir-Renju Unit huwa produttur ewlieni taz-zokkor. L-approvazzjoni tal-adeżjoni tar-Renju Unit mal-Ftehim hija fl-interess tal-Unjoni. |
|
(8) |
Jenħtieġ li l-adeżjoni tar-Renju Unit mal-Ftehim issir effettiva biss wara li jintemm il-perjodu ta’ tranżizzjoni msemmi fl-Artikolu 126 tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (2). Il-Ftehim ma għandux jiġi applikat b’mod proviżorju fir-rigward tar-Renju Unit qabel tmiem dak il-perjodu, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni matul is-57 sessjoni tal-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor fis-27 ta’ Novembru 2020 għandha tkun li tapprova l-adeżjoni tar-Renju Unit mal-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992, dment li l-adeżjoni ma ssirx effettiva, u l-Ftehim ma jiġix applikat b’mod proviżorju fir-rigward tar-Renju Unit, qabel tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni msemmi fl-Artikolu 126 tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Novembru 2020.
Għall-Kunsill
Il-President
M. ROTH
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/580/KEE tat-13 ta’ Novembru 1992 dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992 (ĠU L 379, 23.12.1992, p. 15).