15.6.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 211/45


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/956

tal-31 ta’ Mejju 2021

dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 57(4) u l-Artikolu 58(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (2), huwa neċessarju li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stipula r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawn ir-regoli japplikaw ukoll għal kull nomenklatura oħra li hija totalment jew parzjalment ibbażata fuqha jew li żżid xi suddiviżjoni addizzjonali magħha u li hija stabbilita minn dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bl-għan li jkun hemm l-applikazzjoni ta’ tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ fil-merkanzija.

(3)

Skont dawn ir-regoli ġenerali, jenħtieġ li l-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella ppreżentata fl-Anness jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2), bis-saħħa tar-raġunijiet ippreżentati fil-kolonna (3) ta’dik it-tabella.

(4)

Huwa xieraq li jiġi previst li l-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi maħruġa fir-rigward tal-prodotti kkonċernati minn dan ir-Regolament u li ma tkunx tikkonforma ma’ dan ir-Regolament tkun tista’ tibqa’ tiġi invokata mid-detentur, għal ċertu perjodu, f’konformità mal-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013. Jenħtieġ li dan il-perjodu jkun ta’ tliet xhur.

(5)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella kif ippreżentata fl-Anness għandhom ikunu kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta’ din it-tabella.

Artikolu 2

L-informazzjoni tariffarja vinkolanti li ma tkunx konformi ma’ dan ir-Regolament tista’ tibqa’ tiġi invokata skont l-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 għal perjodu ta’ tliet xhur minn meta jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-31 ta’ Mejju 2021.

Għall-Kummissjoni

F’isem il-President,

Gerassimos THOMAS

Direttur Ġenerali

Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni


(1)   ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).


ANNESS

Deskrizzjoni tal-prodotti

Klassifikazzjoni

(Kodiċi-NM)

Raġunijiet

(1)

(2)

(3)

Oġġett modulari b’karatteristiċi ta’ assorbiment tal-ħoss u ta’ iżolament tal-ħoss (hekk imsejħa “sistema kamra f’kamra”). Meta mmuntat, id-dimensjonijiet tiegħu huma: bejn wieħed u ieħor 3 m fil-wisa’, bejn 2 m u 6 m fit-tul u 2,3 m fil-għoli, u l-ħitan tiegħu għandhom ħxuna ta’ bejn wieħed u ieħor 40 mm.

Jikkonsisti minn qafas kubiku tal-aluminju, mgħaqqad flimkien b’sensiela ta’ kantunieri tal-metall u ta’ pannelli, li jintramaw mal-ġnub u fil-parti ta’ fuq tal-istruttura.

Kull pannell jikkonsisti minn kisja ta’ poliester akustiku stampat magħmul minn drapp reżistenti għan-nar fuq naħa u minn ċippboard laminat fuq in-naħa l-oħra. Il-parti ta’ ġewwa tal-pannell hija kkuttunata bil-fibra tal-ġebla (densità ta’ 100 kg/m3).

Is-saqaf huwa magħmul minn pannelli tal-poliester u travetti tal-aluminju. L-oġġett huwa mgħammar ukoll b’bieb, twieqi, sistema tat-tidwil bl-LED u sistema tal-ventilazzjoni.

L-oġġett huwa ddisinjat bħala kostruzzjoni speċjali li tintrama ġewwa bini eżistenti lest, peress li ma joffri l-ebda protezzjoni mill-elementi. Huwa ppreżentat biex jintuża f’uffiċċji open-plan, bħala żona magħluqa għad-diskussjonijiet kunfidenzjali, jew biex tinħoloq żona kwieta.

Ara l-istampa  (*1)

7610 90 90

Il-klassifikazzjoni hija ddeterminata mir-regoli ġenerali 1, 2(a), 3(b) u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda u l-kliem tal-kodiċijiet NM 7610 , 7610 90 u 7610 90 90 .

Il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 9406 hija eskluża peress li l-oġġett mhuwiex “bini prefabbrikat” awtonomu lest jew mhux komplut peress li la jista’ jitqies bħala akkomodazzjoni residenzjali jew għal post tax-xogħol u lanqas bħala bini simili (ara wkoll in-Nota 4 tal-Kapitolu 94 u n-Nota ta’ Spjegazzjoni tas-Sistema Armonizzata għall-intestatura 9406 ). Mhuwiex tajjeb għall-użu fuq barra peress li mhux reżistenti għall-elementi. L-oġġett huwa ddisinjat bħala kostruzzjoni speċjali li tintrama ġewwa bini eżistenti lest.

L-oġġett huwa prodott kompost, li l-karattru essenzjali tiegħu huwa pprovdut mill-element kostruttiv (qafas tal-aluminju). Għalhekk għandu jiġi kklassifikat skont il-materjal kostitwent ta’ dak il-komponent.

Għaldaqstant, l-oġġett irid jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi NM 7610 90 90 bħal strutturi oħra tal-aluminju.

Image 1


(*1)  L-istampa hija biss għal raġunijiet ta’ inforazzjoni.