European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2026/6151

19.11.2026

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tad-9 ta’ Novembru 2026

li tippermetti lill-Italja tiddevja mir-rati massimi ta’ tkabbir tan-nefqa netta kif stabbiliti mill-Kunsill skont ir-Regolament (UE) 2024/1263 (Attivazzjoni tal-klawżola liberatorja nazzjonali)

(C/2026/6151)

KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 121 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 26 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2024/1263, flimkien mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 emendat (2), u mad-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE emendata (3) huma l-elementi ewlenin tal-qafas tal-governanza ekonomika tal-UE. Il-qafas għandu l-għan li jippromwovi finanzi pubbliċi sodi u sostenibbli, u tkabbir sostenibbli u inklużiv u reżiljenza permezz tar-riformi u l-investimenti, u li jipprevjeni defiċits eċċessivi tal-gvern. Huwa jippromwovi s-sjieda nazzjonali u jiffoka fuq it-terminu medju, flimkien ma’ infurzar effettiv u koerenti tar-regoli.

(2)

Ir-rati massimi ta’ tkabbir tan-nefqa netta kif stabbiliti f’rakkomandazzjoni tal-Kunsill f’konformità mal-Artikoli 17(1), 19 jew 20 tar-Regolament (UE) 2024/1263 huma r-referenza operazzjonali unika għas-sorveljanza fiskali annwali ta’ kull Stat Membru u huma fil-qalba tal-qafas ta’ governanza ekonomika. Ir-rati massimi ta’ tkabbir tan-nefqa netta kif stabbiliti minn dik ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill jistabbilixxu restrizzjoni baġitarja għal erba’ jew ħames snin, li hija bbażata fuq perjodu ta’ aġġustament ta’ erba’ snin li jista’ jiġi estiż b’perjodu addizzjonali ta’ mhux aktar minn tliet snin.

(3)

Il-qafas jipprevedi flessibbiltà fl-applikazzjoni tar-regoli fl-eventwalità ta’ ċirkostanzi eċċezzjonali li ma jkunux fil-kontroll tal-Istati Membri u li jkollhom impatt kbir fuq il-finanzi pubbliċi, f’konformità mal-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) 2024/1263 (“klawżoli liberatorji nazzjonali”). Fil-każ tal-aħħar, wara talba minn Stat Membru u fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni bbażata fuq l-analiżi tagħha, fi żmien erba’ ġimgħat mir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, il-Kunsill jista’ jadotta rakkomandazzjoni li tippermetti lil Stat Membru jiddevja mir-rati massimi ta’ tkabbir tan-nefqa netta tiegħu kif stabbilit mill-Kunsill, meta (i) ċirkostanzi eċċezzjonali li ma jkunux fil-kontroll tal-Istat Membru, (ii) ikollhom impatt kbir fuq il-finanzi pubbliċi tal-Istat Membru kkonċernat, u (iii) dment li tali devjazzjoni ma tkunx ta’ periklu għas-sostenibbiltà fiskali fuq it-terminu medju. Il-Kunsill irid jispeċifika limitu ta’ żmien għal tali devjazzjoni.

(4)

Il-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern, li ltaqgħu f’Versailles fl-10 u l-11 ta’ Marzu 2022, ħadu l-impenn li jsaħħu l-kapaċitajiet Ewropej tad-difiża fid-dawl tal-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna. Dawn l-għanijiet ġew imtennija fil-Boxxla Strateġika għas-Sigurtà u d-Difiża. Fil-Konklużjonijiet tiegħu dwar id-difiża Ewropea tas-6 ta’ Marzu 2025, il-Kunsill Ewropew laqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tirrakkomanda l-attivazzjoni b’mod koordinat, tal-klawżola liberatorja nazzjonali skont il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, bħala miżura immedjata.

(5)

Fil-Komunikazzjoni tagħha tad-19 ta’ Marzu 2025 (4), il-Kummissjoni stiednet lill-Istati Membri kollha jagħmlu użu mill-flessibbiltà provduta mill-klawżola liberatorja nazzjonali b’mod koordinat bil-ħsieb li jimmassimizzaw l-impatt fuq il-mezzi tad-difiża tal-UE. Din il-flessibbiltà għandha l-għan li tiffaċilita t-tranżizzjoni għal livelli ogħla ta’ nfiq fid-difiża dment li ma tipperikolax is-sostenibbiltà fiskali fuq it-terminu medju. Dik il-Komunikazzjoni tiddeskrivi li l-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja nazzjonali tippermetti lill-Istati Membri jiddevjaw mir-rati massimi ta’ tkabbir tan-nefqa netta kif stabbiliti mill-Kunsill meta japprovaw il-pjanijiet fiskali-strutturali fuq terminu medju jew meta jistabbilixxu l-perkorsi korrettivi skont il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv, sakemm id-devjazzjoni tkun iġġustifikata minn żieda fl-infiq fid-difiża meta mqabbel mas-sena ta’ referenza, u li l-eċċess annwali sal-2028 ma jaqbiżx 1,5 % tal-PDG. Żidiet lil hinn minn dak l-ammont ikunu soġġetti għall-valutazzjonijiet normali tal-konformità. Tali massimu huwa neċessarju biex jiġi żgurat li s-sostenibbiltà fiskali ma tkunx ipperikolata, filwaqt li l-Istati Membri kollha jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-flessibbiltà hekk kif jimxu lejn livell ogħla ta’ nefqa fid-difiża. L-ammonti preċiżi jiġu determinati meta ssir disponibbli d-data tal-eżitu, biex jiġi żgurat li l-flessibbiltà addizzjonali tintuża biss għall-iskop maħsub tagħha.

(6)

Fil-Komunikazzjoni tagħha tat-3 ta’ Ġunju 2026, il-Kummissjoni ħabbret li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-klawżola liberatorja nazzjonali jista’ jiġi estiż biex jakkomoda l-miżuri deċiżi mill-Istati Membri wara t-28 ta’ Frar 2026, li jsaħħu r-reżiljenza strutturali tas-sistema tal-enerġija Ewropea u jħaffu l-pass tat-tranżizzjoni lil hinn mill-fjuwils fossili (minn hawn ’il quddiem, “miżuri tas-sigurtà tal-enerġija”) (5). Fit-18 ta’ Awwissu 2026, il-Kummissjoni ppubblikat Avviż bi gwida ulterjuri għall-Istati Membri dwar il-kamp ta’ applikazzjoni u t-tfassil tal-flessibbiltà addizzjonali għall-miżuri tas-sigurtà tal-enerġija (6). Il-miżuri għandhom jiġu ffinanzjati fil-livell nazzjonali, b’impatt baġitarju dirett, jiġu deċiżi wara t-28 ta’ Frar 2026, ikunu mmirati u kosteffettivi u mfassla biex jimmassimizzaw l-impatt f’termini tal-kontribut tagħhom għad-dekarbonizzazzjoni u/jew l-iffrankar tal-enerġija u għandhom isaħħu s-sigurtà tal-enerġija tal-Ewropa. Sabiex jiġi żgurat li s-sostenibbiltà fiskali ma tiġix ipperikolata, u biex titrażżan iż-żieda meħtieġa fl-aġġustament fiskali f’perjodi sussegwenti, il-limitu massimu eżistenti ta’ 1,5 % tal-PDG jibqa’ l-istess u japplika kemm għall-flessibbiltà relatata mad-difiża kif ukoll għal dik relatata mal-enerġija. Barra minn hekk, il-flessibbiltà mogħtija għall-miżuri ta’ sigurtà tal-enerġija ma għandhiex taqbeż 0,3 % tal-PDG fis-sena, filwaqt li l-flessibbiltà kumulattiva sa tmiem l-2028 ma taqbiżx 0,6 % tal-PDG.

(7)

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Jannar 2025 (7) approvat il-perkors tan-nefqa netta tal-Italja. Barra minn hekk, ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Jannar 2025 (8) stabbiliet perkors tan-nefqa korrettiva għall-Italja għas-snin sal-2026. Il-flessibbiltà provduta mill-klawżola liberatorja nazzjonali ser titqies ukoll fl-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv, u meta jiġi vvalutat jekk l-Italja ħaditx azzjoni effettiva.

(8)

Fil-11 ta’ Settembru 2026, l-Italja ssottomettiet talba lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex tattiva l-klawżola liberatorja nazzjonali għad-difiża u s-sigurtà tal-enerġija.

(9)

Fit-talba tagħha, l-Italja tissottolinja r-riperkussjonijiet tal-kontinwazzjoni tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, li tirrikjedi żieda sinifikanti fl-infiq fid-difiża. Din is-sitwazzjoni hija ċirkostanza eċċezzjonali barra mill-kontroll ta’ kull Stat Membru.

(10)

Fit-talba tagħha, l-Italja tirrapporta data dwar in-nefqa totali fid-difiża sal-2026 (Tabella 1) u tipprevedi nefqa addizzjonali fid-difiża sa 0,9 punti perċentwali tal-PDG sa tmiem l-2028. Iż-żieda tkun tirrifletti kemm programmi ta’ investiment pluriennali ġodda kif ukoll nefqa kurrenti addizzjonali, inkluż persunal ogħla u kostijiet operatorji oħra. Għalhekk, iż-żieda fin-nefqa fid-difiża għandha impatt kbir fuq il-finanzi pubbliċi tal-Italja u tikkontribwixxi għad-deterjorament tal-bilanċ tal-gvern u għaż-żieda tad-dejn tal-gvern.

Tabella 1

Infiq totali fid-difiża fl-Italja

 

2021 a

2022 a

2023 a

2024 a

2025 b

2026 b

Nefqa totali fid-difiża tal-gvern ġenerali (% tal-PDG)

1,4

1,2

1,2

1,3

1,3

1,3

Sors: a: Eurostat. b: Informazzjoni provduta lill-Kunsill u lill-Kummissjoni mill-Italja.

(11)

Id-data dwar in-nefqa fid-difiża tal-gvern ġenerali tinġabar u tiġi rilaxxata mill-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika u mill-Eurostat skont il-Klassifikazzjoni Internazzjonali tal-Funzjonijiet tal-Gvern (COFOG) (9) fil-qafas tas-Sistema Ewropea tal-Kontijiet Nazzjonali (ESA2010) (10). Din id-data hija xierqa biex jiġi vvalutat l-impatt tal-infiq fid-difiża fuq id-defiċit, id-dejn u n-nefqa netta tal-gvern, u kunċetti relatati. Il-Eurostat, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika, stabbilixxa proċess ta’ ġbir ta’ data. Il-punt tat-tluq għandu jkun il-kategoriji ta’ difiża COFOG, filwaqt li titqies ukoll id-definizzjoni tan-NATO u tinżamm il-possibbiltà li jiġu indirizzati anomaliji li jistgħu jkunu attribwibbli għal differenzi fis-sistemi ta’ rapportar annwali rispettivi. Il-proċess ta’ ġbir ta’ data huwa allinjat mar-rekwiżiti ta’ rapportar stabbiliti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 (11).

(12)

Barra minn hekk, jista’ jkun li l-konsenja għal xi wħud mill-kuntratti għal tagħmir militari ffirmati matul il-perjodu ta’ attivazzjoni tal-klawżola liberatorja nazzjonali ssir fi stadju aktar tard, u għaldaqstant l-impatt fuq il-finanzi pubbliċi jseħħ biss wara l-perjodu ta’ attivazzjoni tal-klawżola. Biex tiġi indirizzata din l-eventwalità, il-flessibbiltà mogħtija skont il-klawżola liberatorja nazzjonali għandha tapplika wkoll għan-nefqa fid-difiża marbuta ma’ tali konsenja aktar tard, dment li l-kuntratti korrispondenti jkunu ġew iffirmati matul il-perjodu ta’ attivazzjoni tal-klawżola u li dan l-infiq ittardjat fid-difiża jibqa’ fil-limitu ġenerali msemmi.

(13)

In-nefqa ffinanzjata minn self provdut skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2025/1106 (12), tibbenefika awtomatikament mill-flessibbiltà msemmija hawn fuq. Għal dan il-għan, l-Istati Membri jirrapportaw lill-Eurostat kull nefqa relatata mad-difiża li ssir fil-qafas tal-Istrument SAFE taħt il-kategoriji “prodotti tad-difiża” u “prodotti oħra għal finijiet tad-difiża” kif definiti fir-Regolament (UE) 2025/1106.

(14)

Fit-talba tagħha tal-11 ta’ Settembru 2026, l-Italja tenfasizza wkoll ir-riperkussjonijiet tal-azzjoni militari fil-Golf Persjan, li tipperikola s-sigurtà tal-enerġija tal-Ewropa fit-tul. Din is-sitwazzjoni hija ċirkostanza eċċezzjonali li l-Istat Membru ma għandux kontroll fuqha u tirrikjedi żieda sinifikanti fl-infiq tal-gvern biex titnaqqas id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili importati u l-vulnerabbiltajiet relatati magħhom, u b’hekk tali żieda fl-infiq tal-gvern tikkontribwixxi għas-sigurtà tal-enerġija.

(15)

Fit-talba tagħha, l-Italja tippreżenta lista inizjali ta’ miżuri ppjanati għas-sigurtà tal-enerġija li, abbażi ta’ valutazzjoni preliminari, jistgħu jaqgħu fl-ambitu tal-flessibbiltà għas-sigurtà tal-enerġija. Din il-valutazzjoni inizjali ma tippreġudikax valutazzjonijiet futuri tal-eliġibbiltà li għandhom jitwettqu mill-Kummissjoni. Dawn il-miżuri jipprevedu investimenti, pereżempju, fl-elettrifikazzjoni residenzjali, it-titjib tar-rendiment fl-użu tal-enerġija ta’ bini u faċilitajiet privati u pubbliċi, inkluż skejjel, universitajiet u faċilitajiet tal-kura tas-saħħa, l-użu ta’ soluzzjonijiet tal-enerġija rinnovabbli, inkluż sistemi fotovoltajċi, inċentivi finanzjarji mmirati marbuta mal-investimenti fid-dekarbonizzazzjoni, investimenti fit-trasport ferrovjarju, it-trasport pubbliku u l-mobbiltà urbana sostenibbli, kif ukoll l-espansjoni tal-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli, il-ħżin tal-enerġija, il-flessibbiltà tas-sistema tal-enerġija u l-bijofjuwils.

(16)

Valutazzjoni tal-eliġibbiltà f’termini ta’ ambitu, addizzjonalità, immirar, kosteffettività ta’ miżuri konkreti, u tal-impatt baġitarju tagħhom, ser titwettaq mill-Kummissjoni bħala parti mis-sorveljanza fiskali regolari tagħha. Dan biex tiġi ddeterminata l-flessibbiltà li tirriżulta mill-miżuri tas-sigurtà tal-enerġija li għandhom jiġu kkunsidrati meta jiġi stabbilit il-kont ta’ kontroll għall-Italja u tiġi vvalutata l-konformità mar-rati massimi ta’ tkabbir rakkomandati tan-nefqa netta.

(17)

Għal dan l-għan, l-Italja għandha tirrapporta darbtejn fis-sena lill-Kummissjoni l-lista ta’ miżuri konkreti ta’ sigurtà tal-enerġija li tqis eliġibbli għall-flessibbiltà skont il-klawżola liberatorja nazzjonali u tipprovdi evidenza rigward l-eliġibbiltà u l-impatt baġitarju tagħhom. Dan ir-rapportar regolari dwar il-miżuri tas-sigurtà tal-enerġija ser jifforma parti mill-proċess ta’ sorveljanza fiskali biannwali. Ir-rapportar tar-rebbiegħa għandu jinkludi l-miżuri u l-kost baġitarju tagħhom għas-sena preċedenti u t-tbassir tagħhom għas-sena kurrenti, filwaqt li r-rapportar tal-ħarifa għandu jinkludi miżuri għas-sena kurrenti, kif ukoll miżuri għas-sena ta’ wara li jkunu ġew adottati jew imħabbra b’mod kredibbli f’biżżejjed dettall. Dan ser jippermetti lill-Kummissjoni tqis, fis-sorveljanza fiskali tagħha, il-miżuri konkreti biex tittejjeb is-sigurtà tal-enerġija, fil-limiti massimi annwali u kumulattivi ta’ 0,3 u 0,6 fil-mija tal-PDG, rispettivament.

(18)

Jekk il-kundizzjonijiet l-oħra jibqgħu l-istess, żieda fin-nefqa netta matul il-perjodu kopert mill-klawżola liberatorja nazzjonali twassal għal dejn ogħla tal-gvern u għal defiċit ogħla sa tmiem dak il-perjodu. Il-projezzjonijiet indikattivi mwettqa mill-Kummissjoni u jekk wieħed jassumi, sal-2028, adozzjoni lineari taż-żieda sħiħa fin-nefqa tal-gvern permessa minn din ir-rakkomandazzjoni (jiġifieri l-użu sħiħ tal-limitu massimu ta’ 1,5 % tal-PDG) jissuġġerixxu li l-proporzjon tad-defiċit mal-PDG u l-proporzjon tad-dejn għall-PDG fl-2028 ikunu 1,1 punti perċentwali u 1,3 punti perċentwali ogħla, rispettivament, milli kieku n-nefqa netta tikber f’konformità mal-perkors stabbilit mir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill C/2025/651. Dan x’aktarx ikun jeħtieġ aġġustament fiskali addizzjonali wara l-perjodu ta’ attivazzjoni tal-klawżola liberatorja nazzjonali sabiex jiġu sodisfatti r-rekwiżiti tal-qafas fiskali, inkluż biex jiġi żgurat li l-proporzjon tad-dejn jitqiegħed jew jibqa’ fuq perkors ta’ tnaqqis plawżibbli, jew jibqa’ f’livelli prudenti taħt is-60 % tal-PDG fuq terminu medju u li d-defiċit jibqa’ jew jinġieb taħt it-3 % tal-PDG u jinżamm taħt il-valur referenzjarju fuq terminu medju. L-Italja tirrikonoxxi li, fil-futur, nefqa strutturalment ogħla fid-difiża u fis-sigurtà tal-enerġija tista’ tirrikjedi politiki biex jiġu preżervati s-sostenibbiltà fiskali u l-konformità mar-regoli fiskali fuq it-terminu medju. Iż-żieda limitata mbassra fil-livelli tad-defiċit u tad-dejn ikkawżata mill-klawżola liberatorja nazzjonali, flimkien mal-impenn tal-Italja li timplimenta l-aġġustament meħtieġ biex tissodisfa r-rekwiżiti kollha tal-qafas fiskali fil-pjan li jmiss, tiżgura li s-sostenibbiltà fiskali tiġi ppreżervata fuq it-terminu medju.

(19)

Din ir-rakkomandazzjoni ma timmodifikax id-definizzjonijiet ta’ defiċit, dejn u nefqa netta tal-gvern, u l-kunċetti relatati. Id-data bbażata fuq dawn il-kunċetti trid tiġi kkompilata u rrapportata mill-Italja f’konformità mar-Regolamenti (UE) 2024/1263, (KE) Nru 479/2009 u (UE) Nru 549/2013.

B’DAN JIRRAKKOMANDA:

1.

Sal-2028, l-Italja titħalla tiddevja minn, u taqbeż ir-rati massimi ta’ tkabbir tan-nefqa netta stabbiliti mir-Rakkomandazzjoni C/2025/651 sa fejn in-nefqa netta li taqbeż dawk ir-rati massimi ta’ tkabbir ma tkunx aktar minn

(i)

it-total ta’:

(a)

iż-żieda fin-nefqa fid-difiża f’perċentwal tal-PDG mill-2024 (is-sena ta’ referenza);

(b)

il-kost baġitarju tal-miżuri eliġibbli li jsaħħu s-sigurtà tal-enerġija matul il-perjodu 2026–2028, b’limitu massimu ta’ 0,3 fil-mija tal-PDG fis-sena u 0,6 fil-mija tal-PDG f’termini kumulattivi matul l-istess perjodu;

(ii)

dment li d-devjazzjoni totali li taqbeż ir-rati massimi ta’ tkabbir tan-nefqa netta ma taqbiżx 1,5 fil-mija tal-PDG.

2.

Fis-snin wara l-2028, l-Italja xorta tista’ tiddevja mir-rati massimi ta’ tkabbir tan-nefqa netta, u taqbiżhom, kif stabbilit fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill f’konformità mal-Artikolu 17, 19 jew 20 tar-Regolament (UE) 2024/1263, sa fejn in-nefqa netta li taqbeż dawn ir-rati massimi ta’ tkabbir tkun relatata mal-konsenji ta’ tagħmir militari kkuntrattat qabel tmiem l-2028 u tibqa’ fil-limitu massimu ġenerali msemmi hawn fuq.

3.

F’konformità mal-Artikolu 22(7) tar-Regolament (UE) 2024/1263, id-devjazzjonijiet mir-rati massimi ta’ tkabbir tan-nefqa netta kif stabbiliti mill-Kunsill li huma permessi b’din ir-Rakkomandazzjoni mhumiex ser jiġu rreġistrati bħala debiti fil-kont ta’ kontroll tal-Italja.

4.

Sabiex tiġi żgurata r-reġistrazzjoni korretta tan-nefqa addizzjonali, l-Italja trid tinkludi data attwali u ppjanata dwar in-nefqa totali fid-difiża (id-diviżjoni 02 tal-COFOG), inkluż dwar l-investiment fid-difiża (id-diviżjoni 02 P.51 tal-COFOG)u kwalunkwe nefqa li trid tiġi ffinanzjata minn self SAFE li mhijiex koperta fil-COFOG-02:

(a)

għas-snin 2021 sas-sena T-1 (fejn is-sena T hija s-sena kurrenti) fir-rapportar lill-Kummissjoni (Eurostat) f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 479/2009;

(b)

għas-snin 2021 sas-sena T (is-sena kurrenti), fil-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju u fir-rapporti ta’ progress annwali f’konformità mal-Artikoli 11(1) u 15, u 21(1) tar-Regolament (UE) 2024/1263;

(c)

għas-snin T (is-sena kurrenti) u T+1 fl-abbozzi tal-pjanijiet baġitarji f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 473/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13).

5.

Sabiex tiġi żgurata reġistrazzjoni korretta, l-Italja trid tirrapporta lill-Kummissjoni miżuri konkreti li jsaħħu s-sigurtà tal-enerġija għall-fini ta’ din ir-Rakkomandazzjoni fl-2026–2028. Ir-rapportar lill-Kummissjoni ta’ dawn il-miżuri konkreti għandu jirrispetta l-mudell ta’ rapportar provdut mill-Kummissjoni, inkluż informazzjoni dwar l-istat ta’ implimentazzjoni, evidenza rigward l-eliġibbiltà tagħhom, u l-impatt baġitarju stmat kwantifikat b’mod trasparenti u prudenti. Ir-rapportar għandu jsir darbtejn fis-sena, fir-rebbiegħa sal-15 ta’ April, u fil-ħarifa, fil-kuntest tal-abbozzi tal-pjanijiet baġitarji, sal-15 ta’ Ottubru.

Din ir-Rakkomandazzjoni hija indirizzata lir-Repubblika Taljana.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Novembru 2026.

Għall-Kunsill

Il-President

S. HARRIS


(1)   ĠU L, 2024/1263, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1997/1467/oj).

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE tat-8 ta’ Novembru 2011 dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 41, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2011/85/oj).

(4)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni (C(2025) 2000 final) tad-19 ta’ Marzu 2025.

(5)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-Semestru Ewropew 2026 – Pakkett tar-Rebbiegħa (COM(2026)200 final).

(6)  L-Avviż tal-Kummissjoni – Gwida għall-Istati Membri dwar l-Espansjoni tal-Kamp ta’ Applikazzjoni tal-Klawżola Liberatorja Nazzjonali għas-Sigurtà tal-Enerġija, (ĠU C, C/2026/4514, 18.8.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/4514/oj).

(7)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Jannar 2025 li tapprova l-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tal-Italja (ĠU C, C/2025/651, 10.2.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/651/oj).

(8)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill bil-għan li tintemm is-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv fl-Italja, ST 5035/25. Disponibbli fi: https://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-5035-2025-INIT/mt/pdf.

(9)  Manual on sources and methods for the compilation of COFOG statistics – Classification of the Functions of Government (COFOG) – edizzjoni tal-2019.

(10)  Ir-Regolament (UE) Nru 549/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar is-sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 174, 26.6.2013, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/549/oj).

(11)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 tal-25 ta’ Mejju 2009 dwar l-applikazzjoni tal-Protokoll dwar il-proċedura tal-iżbilanċ eċċessiv anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (ĠU L 145, 10.6.2009, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/479/oj).

(12)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2025/1106 tas-27 ta’ Mejju 2025 li jistabbilixxi l-Istrument ta’ Azzjoni għas-Sigurtà tal-Ewropa (SAFE) permezz tat-Tisħiħ tal-Industrija Ewropea tad-Difiża (ĠU L, 2025/1106, 28.5.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2025/1106/oj).

(13)  Ir-Regolament (UE) Nru 473/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar dispożizzjonijiet komuni għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-abbozzi tal-pjani baġitarji u l-iżgurar tal-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro (ĠU L 140, 27.5.2013, p. 11, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/473/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/6151/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)