KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
CAMPOS SÁNCHEZ‑BORDONA
ippreżentati fil‑26 ta’ Settembru 2019 ( 1 )
Kawża C‑785/18
GAEC Jeanningros
vs
Institut national de l’origine et de la qualité (INAO),
Ministre de l’Agriculture et de l’Alimentation,
Ministre de l’Économie et des Finances,
bl-intervent ta’:
Comité interprofessionnel de gestion du Comté
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza))
“Domanda preliminari — Agrikoltura — Protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini tal-prodotti agrikoli u tal-prodotti tal-ikel — Emenda tal-ispeċifikazzjonijiet ta’ prodott — Emenda mhux minuri — Emenda minuri — Applikazzjoni għal emenda minuri kkontestata quddiem il-qrati nazzjonali — Ġurisprudenza nazzjonali li tiċħad l-appell kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni — Denominazzjoni ta’ oriġini protetta ‘Comté’”
|
1. |
Konformement mar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 ( 2 ), id-denominazzjonijiet ta’ oriġini protetti (iktar ’il quddiem id-“DOP”) għandhom jikkonformaw ma’ dak stabbilit fl-ispeċifikazzjonijiet ta’ prodott li jinkludu ismu, id-deskrizzjoni tal-prodott, il-metodu kif jinkiseb, id-delimitazzjoni taż-żona ġeografika u dettalji rilevanti oħrajn. |
|
2. |
Dawn l-ispeċifikazzjonijiet ta’ prodott jistgħu jiġu emendati permezz ta’ proċeduri amministrattivi komposti, simili għal dawk li jirregolaw ir-reġistrazzjoni inizjali tad-DOP, fejn jintervjenu kemm l-awtoritajiet nazzjonali kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea. L-iskema tagħhom hija ddefinita f’regolament ta’ delega ( 3 ), kif ukoll f’regolament ta’ implimentazzjoni ( 4 ) u tvarja daqsxejn skont l-importanza ta’ dawn l-emendi. |
|
3. |
Id-domanda preliminari magħmula mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza) għandha tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċċara l-funzjoni tal-qrati msejħa sabiex jistħarrġu l-validità tad-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet nazzjonali mogħtija f’dawn il-proċeduri. |
|
4. |
B’mod partikolari, għandu jiġi ċċarat jekk, meta l-Kummissjoni tkun laqgħet applikazzjoni għal emenda “minuri” tal-ispeċifikazzjonijiet ta’ DOP, approvata mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru, il-qrati ta’ dan l-Istat għandhomx jiddeċiedu l-appelli pendenti kontra d-deċiżjonijiet nazzjonali li permezz tagħhom tkun twettqet din l-emenda. |
I. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni
1. Ir-Regolament Nru 1151/2012
|
5. |
Konformement mal-Artikolu 7: “1. Denominazzjoni protetta tal-oriġini jew indikazzjoni ġeografika protetta, għandha tkun konformi ma’ speċifikazzjoni li għandu jkun fiha mill-inqas:
[…]
[…]” |
|
6. |
It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 49(4) jipprovdi li: “L-Istat Membru għandu jiżgura li d-deċiżjoni favorevoli tiegħu tiġi ppubblikata u li kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li jkollha interess leġittimu jkollha opportunità biex tagħmel appell”. |
|
7. |
L-Artikolu 53 jindika li: “1. Grupp li jkollu interess leġittimu jista’ japplika għall-approvazzjoni ta’ emenda fi speċifikazzjoni ta’ prodott. L-applikazzjonijiet għandhom jiddeskrivu u jagħtu raġunijiet għall-emendi mitlubin. 2. Fejn l-emenda tkun tinvolvi emenda waħda jew aktar għall-ispeċifikazzjoni li ma jkunux minuri, l-applikazzjoni għall-emenda għandha ssegwi l-proċedura stabbilita fl-Artikoli 49 sa 52. Madankolllu, jekk l-emendi proposti jkunu minuri, il-Kummissjoni għandha tapprova jew tirrifjuta l-applikazzjoni. Fil-każ ta’ approvazzjoni ta’ emendi li jimplikaw modifika tal-elementi msemmija fl-Artikolu 50(2), il-Kummissjoni għandha tippubblika dawk l-elementi f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Biex emenda titqies bħala waħda minuri fil-każ tal-iskema tal-kwalità deskritta fit-Titolu II, din ma għandhiex:
[…]” |
2. Ir-Regolament ta’ Delega Nru 664/2014
|
8. |
L-Artikolu 6(2) (“Emendi tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott”) jistabbilixxi li: “L-applikazzjonijiet għal emenda minuri għal speċifikazzjoni ta’ prodott dwar denominazzjonijiet protetti tal-oriġini jew indikazzjonijiet ġeografiċi protetti għandhom jitressqu quddiem l-awtoritajiet tal-Istat Membru li ż-żona ġeografika tad-denominazzjoni jew indikazzjoni tirreferi għalih. […] L-applikazzjoni għal emenda minuri għandha tipproponi biss emendi minuri skont it-tifsira tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament [Nru 1151/2012]. Din għandha tiddeskrivi dawk l-emendi minuri, tesprimi fil-qosor ir-raġuni għaliex hija meħtieġa emenda, u turi li l-emendi proposti jikkwalifikaw bħala minuri skont l-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012. Din għandha tqabbel, għal kull emenda, l-ispeċifikazzjoni oriġinali tal-prodott u, fejn rilevanti, dokument uniku oriġinali bil-verżjoni emendata proposta. L-applikazzjoni għandha tkun awtosuffiċjenti u għandha tinkludi l-emendi kollha għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott, u fejn rilevanti, għad-dokument uniku li għalihom tkun qiegħda titfittex l-approvazzjoni. L-emendi minuri msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 għandhom jitqiesu approvati jekk il-Kummissjoni ma tinformax lill-applikant mod ieħor fi żmien tliet xhur mill-wasla tal-applikazzjoni. Applikazzjoni għal emenda minuri li ma tikkonformax mat-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu ma għandhiex tkun ammissibbli. L-approvazzjoni taċita msemmija fit-tielet subparagrafu ta’ dan il-paragrafu ma għandhiex tapplika għal applikazzjonijiet bħal dawn. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-applikant jekk l-applikazzjoni hix meqjusa bħala inammissibbli fi żmien tliet xhur mill-wasla tal-applikazzjoni. Il-Kummissjoni għandha tagħmel pubblika l-emenda minuri approvata għal speċifikazzjoni ta’ prodott li ma timplikax modifika tal-elementi msemmija fl-Artikolu 50(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012”. |
3. Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 668/2014
|
9. |
L-Artikolu 10 (“Ir-rekwiżiti proċedurali għall-emendi għal speċifikazzjoni ta’ prodott”) jipprovdi li: “1. L-applikazzjonijiet għall-approvazzjoni ta’ emenda għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott għal denominazzjonijiet protetti ta’ oriġini u indikazzjonijiet ġeografiċi protetti li mhijiex minuri għandhom jitfasslu skont il-formola stabbilita fl-Anness V. Dawk l-applikazzjonijiet għandhom jimtlew skont ir-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012. Id-dokument uniku emendat għandu jitfassal skont il-formola stabbilita fl-Anness I għal dan ir-Regolament. Ir-referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott fid-dokument uniku emendat għandha twassal għall-verżjoni aġġornata tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott proposta. […] 2. L-applikazzjonijiet għall-approvazzjoni ta’ emenda minuri msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 għandhom jitfasslu skont il-formola stabbilita fl-Anness VII għal dan ir-Regolament. L-applikazzjonijiet għall-approvazzjoni ta’ emenda minuri li tikkonċerna denominazzjonijiet protetti ta’ oriġini jew indikazzjonijiet ġeografiċi protetti għandhom ikunu akkumpanjati mid-dokument uniku aġġornat, jekk jiġi emendat, li għandu jitfassal skont il-formola stabbilita fl-Anness I. Ir-referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott fid-dokument uniku emendat għandha twassal għall-verżjoni aġġornata tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott proposta. Għall-applikazzjonijiet li joriġinaw mill-Unjoni, l-Istati Membri għandhom jinkludu dikjarazzjoni li huma tal-fehma li l-applikazzjoni tissodisfa l-kondizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 u tad-dispożizzjonijiet adottati b’konformità miegħu, kif ukoll ir-referenza tal-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott aġġornata […]. L-applikazzjonijiet għal emenda minuri fil-każijiet imsemmija fil-ħames subparagrafu tal-Artikolu 6(2) tar-Regolament Iddelegat (UE) Nru 664/2014 għandhom jinkludu r-referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott aġġornata, għall-applikazzjonijiet li joriġinaw mill-Istati Membri, flimkien mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott aġġornata għall-applikazzjonijiet li joriġinaw minn pajjiżi terzi. […]” |
B. Id-dritt nazzjonali. Id-digriet tat‑8 ta’ Settembru 2017, tal-Ministru għall-Agrikoltura u l-Ikel u tal-Ministru għall-Ekonomija u l-Finanzi, dwar l-emenda tal-ispeċifikazzjonijiet tad-DOP “Comté” ( 5 )
|
10. |
L-Artikolu 1 jipprovdi li: “L-ispeċifikazzjonijiet tad-denominazzjoni ta’ oriġini protetta ‘Comté’, emendati bi proposta tal-Kummissjoni permanenti tal-Kumitat Nazzjonali għad-denominazzjonijiet tal-ħalib, agroalimentari u forestali tal-Istitut Nazzjonali tal-oriġini u tal-kwalità, ġew approvati sabiex jintbagħtu lill-Kummissjoni Ewropea.” |
|
11. |
Konformement mal-Artikolu 2: “Dan id-digriet għandu jkun applikabbli mid-data ta’ approvazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea tal-emendi fl-ispeċifikazzjonijiet tad-denominazzjoni ta’ oriġini protetta ‘Comté’. Id-data ta’ approvazzjoni tal-emendi min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea għandha tiġi ppubblikata permezz ta’ avviż ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Ministru għall-Agrikoltura u l-Ikel, flimkien ma’, jekk ikun meħtieġ, il-verżjoni approvata tal-ispeċifikazzjonijiet ta’ prodott.” |
II. It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
|
12. |
Fis‑16 ta’ Novembru 2017, il-Groupement agricole d’exploitation en commun (iktar ’il quddiem “GAEC”) Jeanningros ikkontesta d-Digriet tat‑8 ta’ Settembru 2017 quddiem il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat), fejn talab l-annullament tal-klawżola 5.1.18 tal-ispeċifikazzjonijiet emendati, li tipprojbixxi l-“magna tat-taħlib”. |
|
13. |
Permezz ta’ deċiżjoni ppubblikata fl‑1 ta’ Ġunju 2018, il-Kummissjoni approvat l-applikazzjoni għal emenda minuri tal-ispeċifikazzjonijiet tad-DOP “Comté” ( 6 ), konformement mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament Nru 1151/2012, b’teħid inkunsiderazzjoni tat-tielet subparagrafu l-Artikolu 6(2) tar-Regolament ta’ Delega Nru 664/2014. |
|
14. |
Il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) għandu dubju dwar jekk għandux jiddeċiedi dwar l-appell ippreżentat kontra d-Digriet tat‑8 ta’ Settembru 2017, li għadu pendenti, jew jekk, għall-kuntrarju, ma hemmx lok li jagħti deċiżjoni, bħalma ġara f’każijiet oħrajn ( 7 ). |
|
15. |
Sa issa, il-pożizzjoni meħuda mill-qorti tar-rinviju hija li, meta tkun adita bil-kontestazzjoni ta’ deċiżjoni li permezz tagħha l-Gvern Franċiż jibgħat lill-Kummissjoni applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ DOP flimkien mal-ispeċifikazzjonijiet ta’ prodott approvati u, fil-mument li tingħata s-sentenza, il-Kummissjoni tkun diġà inkludiet din id-denominazzjoni fir-reġistru ( 8 ), din il-kontestazzjoni tispiċċa mingħajr skop. |
|
16. |
Skont din il-ġurisprudenza, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) ma għandux jeżamina l-legalità tal-ispeċifikazzjonijiet ta’ prodott irreġistrati mill-Kummissjoni, anki jekk, kif jiġri f’dan il-każ, tkun ġiet ikkontestata d-deċiżjoni nazzjonali li hija l-bażi tagħha. Dan jiġri wkoll fir-rigward tal-emendi ta’ importanza minuri. |
|
17. |
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk dan il-mod ta’ kif wieħed jipproċedi huwiex konformi mad-dritt tal-Unjoni jew jekk, għall-kuntrarju, fil-konfront tal-konsegwenza li l-annullament eventwali tal-att nazzjonali kkontestat jista’ jkollu fuq il-validità tar-reġistrazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni, għandhiex tittieħed deċiżjoni dwar il-legalità ta’ dan l-att. |
|
18. |
Id-dubji tagħha wasslu lill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) sabiex jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “L-Artikolu 53 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel, l-Artikolu 6 tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 664/2014 tat‑18 ta’ Diċembru 2013 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mal-istabbiliment ta’ simboli tal-Unjoni għal denominazzjonijiet protetti tal-oriġini, indikazzjonijiet ġeografiċi protetti u speċjalitajiet tradizzjonali ggarantiti u fir-rigward ta’ ċerti regoli dwar il-ksib, ċerti regoli proċedurali u ċerti regoli tranżitorji, u l-Artikolu 10 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 668/2014 tat‑13 ta’ Ġunju 2014 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel, flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea [iktar ’il quddiem il-‘Karta’], għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fl-ipoteżi partikolari li fiha l-Kummissjoni Ewropea tilqa’ talba tal-awtoritajiet nazzjonali ta’ Stat Membru intiża għal bidla fl-ispeċifikazzjonijiet ta’ isem u tar-reġistrazzjoni tad-denominazzjoni ta’ oriġini kontrollata, filwaqt li din it-talba tkun għadha s-suġġett ta’ rikors pendenti quddiem il-qrati nazzjonali ta’ dan l-Istat, dawn tal-aħħar ikunu jistgħu jiddeċiedu li ma jkunx hemm iktar lok li tinqata’ l-kwistjoni pendenti quddiemhom jew, fid-dawl tal-effetti marbuta ma’ annullament eventwali tal-att ikkontestat dwar il-validità tar-reġistrazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea, huma jkollhom jagħtu deċiżjoni dwar il-legalità tal-att tal-awtoritajiet nazzjonali?” |
|
19. |
Fir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, il-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Il-Qorti tal-Ġustizzja għażlet li taqta’ l-kawża mingħajr ma tiftaħ il-fażi orali. |
III. Analiżi
|
20. |
Sabiex tingħata risposta għad-domanda preliminari, jidhirli li, minn naħa waħda, għandha tiġi analizzata l-iskema tal-proċeduri amministrattivi previsti sabiex jitwettqu l-emendi tal-ispeċifikazzjonijiet tad-DOP u, min-naħa l-oħra, il-modalitajiet tal-istħarriġ ġudizzjarju tagħhom. |
A. Il-proċeduri għall-emenda tal-ispeċifikazzjonijiet tad-DOP
|
21. |
L-emenda tal-ispeċifikazzjonijiet ta’ DOP, bħar-reġistrazzjoni tagħhom, issir permezz ta’ proċedura amministrattiva komposta, b’intervent tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru u tal-Kummissjoni. Il-premessa 58 tar-Regolament Nru 1151/2012 tindika din iċ-ċirkustanza ( 9 ). |
|
22. |
L-Artikolu 53(2) tar-Regolament Nru 1151/2012 jiddistingwi bejn żewġ tipi ta’ emendi, jiġifieri dawk “li ma jkunux minuri” u dawk minuri. |
|
23. |
L-emendi mhux minuri huma:
|
|
24. |
Emendi minuri huma dawk li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament Nru 1151/2012 ma jqisx li huma importanti. |
|
25. |
B’mod parallel, l-Artikolu 53(2) tar-Regolament Nru 1151/2012 jikkunsidra żewġ proċeduri sabiex jitwettqu l-emendi tal-ispeċifikazzjonijiet ta’ prodott. Għal dawk mhux minuri, isir riferiment fl-Artikoli 49 sa 52 (jiġifieri, għall-proċedura applikabbli għar-reġistrazzjoni tad-DOP); għal dawk minuri, tiġi stabbilita proċedura ssemplifikata. |
1. Proċedura (ordinarja) għall-emendi mhux minuri tal-ispeċifikazzjonijiet ta’ DOP
|
26. |
Il-proċedura għal reġistrazzjoni tad-DOP tirregola, għalhekk, l-emendi mhux minuri tal-ispeċifikazzjonijiet ta’ prodott ( 10 ). Din tikkonsisti fl-ewwel fażi (Artikolu 49(2) tar-Regolament Nru 1151/2012) li tibda permezz tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tad-DOP, ippreżentata minn grupp ta’ produtturi lill-awtoritajiet tal-Istat Membru fejn ġeografikament tinsab iż-żona ta’ produzzjoni. |
|
27. |
Dawn l-awtoritajiet għandhom janalizzaw l-applikazzjoni bil-mezzi xierqa sabiex jivverifikaw li hija ġġustifikata u li tissodisfa l-kundizzjonijiet sostantivi stabbiliti mir-regolament imsemmi. Għandha tiġi żgurata l-pubblikazzjoni xierqa tal-applikazzjoni, flimkien mat-terminu raġonevoli li matulu kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li jkollha interess leġittimu u li tkun stabbilita jew residenti fit-territorju tiegħu tkun tista’ tressaq oppożizzjoni għall-applikazzjoni ( 11 ). |
|
28. |
L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jevalwaw id-dikjarazzjonijiet ta’ oppożizzjoni rċevuti u jiddeċiedu jekk l-applikazzjoni tissodisfax ir-rekwiżiti tar-Regolament Nru 1151/2012. Jekk l-evalwazzjoni tagħhom tkun pożittiva, jadottaw deċiżjoni u għandhom jiżguraw il-pubblikazzjoni u l-aċċess permezz ta’ mezzi elettroniċi għall-ispeċifikazzjonijiet ta’ prodott li fuqhom ikunu bbażaw id-deċiżjoni favorevoli tagħhom. |
|
29. |
F’dan il-mument huwa ta’ rilevanza partikolari l-Artikolu 49(4) tar-Regolament Nru 1151/2012, li skontu “[l-]Istat Membru għandu jiżgura li d-deċiżjoni favorevoli tiegħu tiġi ppubblikata u li kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li jkollha interess leġittimu jkollha opportunità biex tagħmel appell”. |
|
30. |
Jekk id-deċiżjoni tal-awtorità nazzjonali kompetenti hija favorevoli, il-fażi nazzjonali tintemm billi jintbagħat il-fajl lill-Kummissjoni, li tiġi informata wkoll dwar l-oppożizzjoni ammissibbli li tkun saret ( 12 ). |
|
31. |
Il-fażi “Ewropea” ta’ din il-proċedura tibda bl-eżami li għandha twettaq il-Kummissjoni, ladarba tirċievi d-deċiżjoni nazzjonali, sabiex tivverifika jekk l-applikazzjoni hijiex iġġustifikata u tissodisfax il-kundizzjonijiet imniżżla għad-DOP. Jekk, wara dan l-eżami (li ma għandux idum iktar minn sitt xhur), il-Kummissjoni tagħżel li tapprova l-applikazzjoni ( 13 ), din għandha tippubblika d-dokument uniku u r-referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott fil-ĠUUE ( 14 ). |
|
32. |
Wara l-pubblikazzjoni fil-ĠUUE, l-Artikolu 51 tar-Regolament Nru 1151/2012 jindika li l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jew ta’ pajjiż terz, kif ukoll kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li jkollha interess leġittimu u tinsab stabbilita f’pajjiż terz, ikunu jistgħu jippreżentaw l-avviż ta’ oppożizzjoni tagħhom ( 15 ). Il-Kummissjoni għandha tibgħat mingħajr dewmien dan l-avviż lill-awtorità tal-Istat Membru li tkun ippreżentat l-applikazzjoni ( 16 ), filwaqt li, sussegwentment, jekk din l-oppożizzjoni tiġi kkonfermata, tiftaħ proċedura ( 17 ). |
|
33. |
Jekk ma tirċievi l-ebda avviż ta’ oppożizzjoni (jew l-ebda dikjarazzjoni motivata ta’ oppożizzjoni ammissibbli), il-Kummissjoni għandha tirreġistra l-emendi mhux minuri tal-ispeċifikazzjonijiet ta’ prodott, mingħajr ma tapplika l-proċedura li jsir riferiment għaliha fl-Artikolu 57(2) tar-Regolament Nru 1151/2012. |
|
34. |
Il-Kummissjoni għandha tipproċedi bl-istess mod jekk, wara li tkun irċeviet dikjarazzjoni motivata ta’ oppożizzjoni li tkun ammissibbli, ikun intlaħaq qbil wara l-konsultazzjonijiet indikati fl-Artikolu 51(3) tar-Regolament Nru 1151/2012. Jekk ma jintlaħaqx qbil, il-Kummissjoni għandha tadotta l-atti ta’ implimentazzjoni għar-reġistrazzjoni jew l-emenda mhux minuri tal-ispeċifikazzjonijiet tad-DOP, skont il-proċedura ta’ eżami tal-Artikolu 57(2) tar-Regolament Nru 1151/2012 ( 18 ). |
|
35. |
Fi kwalunkwe każ, l-atti ta’ emenda mhux minuri ta’ DOP u d-deċiżjonijiet ta’ rifjut għandhom jiġu ppubblikati fil-ĠUUE ( 19 ). |
2. Il-proċedura (issemplifikata) għall-emendi minuri tal-ispeċifikazzjonijiet ta’ DOP
|
36. |
Ir-Regolament Nru 1151/2012 irregola b’mod konċiż din il-proċedura ssemplifikata. It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 53(2) sempliċement jistabbilixxi li “jekk l-emendi proposti jkunu minuri, il-Kummissjoni għandha tapprova jew tirrifjuta l-applikazzjoni”. Iżid li, jekk l-emenda tad-dokument uniku jew tal-ispeċifikazzjonijiet tad-DOP tiġi approvata, il-Kummissjoni għandha tippubblikaha fil-ĠUUE. |
|
37. |
Ir-Regolament ta’ Delega Nru 664/2014 żviluppa din il-proċedura ssemplifikata billi ġabha eqreb għal dik ordinarja tal-Artikolu 6(2) tiegħu. Skont il-formulazzjoni tiegħu, l-applikazzjonijiet għal emenda minuri: i) għandhom jiġu ppreżentati quddiem l-awtoritajiet tal-Istat Membru taż-żona ġeografika tad-denominazzjoni; ii) għandhom jiddeskrivu dawn l-emendi, billi jispjegaw għaliex jiġu kkunsidrati minuri, u jqabbluhom mat-test oriġinali; iii) ma għandhomx jipprevedu proċedura nazzjonali ta’ oppożizzjoni, għall-kuntrarju ta’ dak li jiġri fil-proċedura ordinarja ( 20 ). |
|
38. |
Fl-aħħar nett, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(2) tar-Regolament ta’ Delega Nru 664/2014 jistabbilixxi li, jekk l-Istat Membru jqis li jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti tar-Regolament Nru 1151/2012 u tad-dispożizzjonijiet adottati bis-saħħa tiegħu, jista’ jippreżenta fajl ta’ applikazzjoni għal emenda minuri tal-ispeċifikazzjonijiet tad-DOP lill-Kummissjoni. |
|
39. |
Il-fażi “Ewropea” ta’ din il-proċedura hija wkoll issemplifikata. F’dan il-livell ma hemmx il-proċedura ta’ oppożizzjoni u l-Kummissjoni għandha s-setgħa ta’ deċiżjoni, li tista’ tiġi espressa jew preżunta (emendi minuri jiġu meqjusa bħala approvati jekk il-Kummissjoni ma tinformax lill-applikant mod ieħor, fi żmien tliet xhur mir-riċezzjoni tal-applikazzjoni) ( 21 ). Jekk il-Kummissjoni tqis l-applikazzjoni bħala inammissibbli, għandha tavża lill-applikant fi żmien tliet xhur mir-riċezzjoni tagħha. Jekk tapprovaha, il-Kummissjoni għandha tippubblika l-emendi minuri tal-ispeċifikazzjonijiet ta’ DOP. |
B. L-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet adottati fil-proċeduri għal emenda tal-ispeċifikazzjonijiet ta’ DOP
|
40. |
Skont dak li għadni kif spjegajt, kemm il-proċedura ordinarja, kif ukoll dik issemplifikata, huma proċeduri amministrattivi komposti fejn jintervjenu, suċċessivament, l-awtoritajiet nazzjonali u l-Kummissjoni. |
|
41. |
Dan it-tip ta’ proċeduri komposti huma rregolati każ b’każ fid-dritt tal-Unjoni ( 22 ) u ġew studjati b’mod estensiv mid-duttrina, minħabba li qajmu diversi kwistjonijiet legali ( 23 ). |
|
42. |
L-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet adottati f’dawn il-proċeduri ġie indirizzat mill-Qorti tal-Ġustizzja, każ b’każ u b’mod mhux eżawrjenti wkoll ( 24 ), għalkemm diversi kawżi reċenti, fil-qasam tal-unjoni bankarja, qegħdin jikkontribwixxu sabiex jifformaw il-ġurisprudenza tagħha ( 25 ). |
|
43. |
Fil-konklużjonijiet tiegħi għall-kawża Berlusconi u Fininvest, analizzajt il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-proċeduri amministrattivi komposti tal-Unjoni Ewropea, fejn issir distinzjoni skont jekk is-setgħa deċiżjonali tkunx f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali jew l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ( 26 ). |
|
44. |
Fis-sentenza Berlusconi u Fininvest, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat, fil-qosor, li l-Artikolu 263 TFUE jipprekludi li l-qrati nazzjonali jeżerċitaw il-kontroll tal-legalità tal-atti promoturi, preparatorji u ta’ proposta mhux vinkolanti mwettqa mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fi ħdan il-proċedura amministrattiva komposta ta’ awtorizzazzjoni għall-akkwist jew iż-żieda fil-parteċipazzjonijiet azzjonarji kwalifikanti fi stabbilimenti ta’ kreditu. Min-naħa tagħha, id-dikjarazzjoni kienet ibbażata fuq żewġ premessi:
|
|
45. |
Kif esponejt fil-konklużjonijiet tiegħi f’din il-kawża ( 29 ), fil-proċeduri amministrattivi komposti fejn jipparteċipaw awtoritajiet nazzjonali u tal-Unjoni, l-eżerċizzju tas-setgħa deċiżjonali huwa l-element kruċjali sabiex jiġi stabbilit jekk l-istħarriġ ġudizzjarju għandux jiġi eżerċitat mill-qorti tal-Unjoni jew mill-qrati nazzjonali. Meta s-setgħa deċiżjonali tkun f’idejn organu tal-Unjoni, l-istħarriġ ġudizzjarju għandu jkun f’idejn il-qorti tal-Unjoni, konformement mal-Artikolu 263 TFUE. Jekk l-awtorità nazzjonali għandha setgħa deċiżjonali speċifika, il-qrati nazzjonali għandu jkollhom ġurisdizzjoni sabiex jikkontrollaw il-legalità tal-atti tagħhom ( 30 ). |
|
46. |
Fl-ewwel fażi tal-proċedura komposta għal emenda minuri tal-ispeċifikazzjonijiet ta’ DOP, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom setgħa deċiżjonali proprja? Jekk dan huwa l-każ, l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ din id-deċiżjoni interna għandu jikkonċerna l-qrati nazzjonali, irrispettivament minn jekk il-Kummissjoni tadottax id-deċiżjoni għal reġistrazzjoni tal-emenda fit-tieni fażi tal-proċedura jew le. |
|
47. |
Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, huwa xieraq li jsir riferiment għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-proċeduri għal reġistrazzjoni tad-DOP ( 31 ). Kif ser nispjega sussegwentement, din il-ġurisprudenza turi, fl-opinjoni tiegħi, li l-awtoritajiet tal-Istat Membru korrispondenti għandhom setgħa deċiżjonali speċifika u awtonoma fil-fażi nazzjonali tal-proċedura. |
|
48. |
Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-proċedura ordinarja għal reġistrazzjoni ta’ DOP:
|
|
49. |
Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi li “d-deċiżjoni li jiġi rreġistrat isem bħala DOP […] ma tistax tittieħed mill-Kummissjoni ħlief jekk l-Istat Membru kkonċernat ikun bagħtilha applikazzjoni għal dan il-għan u li tali applikazzjoni tista’ ssir biss jekk l-Istat Membru jkun ivverifika li hija ġġustifikata. Din is-sistema ta’ kondiviżjoni ta’ kompetenzi hija spjegata b’mod partikolari mill-fatt li r-reġistrazzjoni tippresupponi l-verifika li ċertu numru ta’ kundizzjonijiet ikunu ssodisfatti, li tirrikjedi, sa ċertu punt, għarfien dettaljat ta’ elementi li jkunu marbuta mal-Istat Membru kkonċernat, elementi li l-awtoritajiet kompetenti ta’ dan l-Istat ikunu fl-aħjar pożizzjoni li jivverifikaw” ( 34 ). |
|
50. |
Inqis li din il-ġurisprudenza dwar il-proċedura għal reġistrazzjoni ta’ DOP tista’ tiġi estiża għall-proċedura ordinarja ta’ emendi mhux minuri għall-ispeċifikazzjonijiet ta’ prodott: kif diġà spjegajt, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament Nru 1151/2012 jagħmel riferiment għall-Artikoli 49 sa 52 tiegħu, li jittrattaw ġustament din il-proċedura għal reġistrazzjoni. |
|
51. |
Nikkunsidra li tista’ tiġi estiża wkoll għall-proċedura ssemplifikata, minħabba li l-Artikolu 6(2) tar-Regolament ta’ Delega Nru 664/2014 ittrattaha b’mod simili għal dik ordinarja (li, min-naħa tagħha, hija dik imsemmija għar-reġistrazzjoni tad-DOP), għalkemm bi tħassir tal-proċeduri ta’ oppożizzjoni fiż-żewġ fażijiet. |
|
52. |
Il-ġurisprudenza ċċitata tirrigwarda l-proċedura ordinarja għal reġistrazzjoni tad-DOP, stabbilita mir-Regolament Nru 2081/92, li huwa l-predeċessur ta’ dak attwali (Artikoli 49 sa 52 tar-Regolament Nru 1151/2012). Kif diġà spjegajt, kienet tirrigwarda wkoll il-proċedura ta’ dak li kien l-Artikolu 17 ta’ dan ir-regolament, jiġifieri, il-proċedura ssemplifikata u tranżitorja għar-reġistrazzjoni fl-Unjoni tad-DOP eżistenti, protetti jew stabbiliti permezz tal-użu fl-Istati Membri ( 35 ). |
|
53. |
Dawn il-proċeduri kienu jinkludu wkoll fażi nazzjonali u oħra Ewropea, ta’ natura simili għal dawk attwali ta’ reġistrazzjoni u ta’ emenda tal-ispeċifikazzjonijiet tad-DOP. Nirrepeti li, konsegwentement, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li analizzathom tista’ tiġi estiża għall-emendi minuri tal-ispeċifikazzjonijiet ta’ DOP. |
|
54. |
Konformement ma’ din il-ġurisprudenza, l-awtorità nazzjonali għandha l-kontroll tal-proċedura għal emenda minuri, li huwa ġġustifikat, inter alia ( 36 ), għar-raġunijiet li ġejjin:
|
|
55. |
Dawn is-setgħat jenfasizzaw li l-awtorità nazzjonali għandha setgħa deċiżjonali awtonoma wiesgħa fil-fażi nazzjonali tal-proċedura komposta għal emenda minuri tal-ispeċifikazzjonijiet ta’ DOP ( 38 ). Din is-setgħa hija suġġetta biss għall-kontroll tal-qrati nazzjonali, u l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tivverifika d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fil-fażi Ewropea tal-proċedura ( 39 ). |
|
56. |
Din l-affermazzjoni hija kkonfermata mill-Artikolu 49(4) tar-Regolament Nru 1151/2012, li għamilt riferiment għalih iktar ’il fuq ( 40 ). Fil-fatt, permezz tar-regola bażika proprja, il-leġiżlatur Ewropew irrikonoxxa, b’mod individwali, li, fil-konfront tad-deċiżjoni tal-awtoritajiet tal-Istati Membru favur l-emenda tal-ispeċifikazzjoni, kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika kkonċernata b’mod leġittimu għandu jkollha “opportunità biex tagħmel appell”. |
|
57. |
Ċertament, dan l-appell—li, naturalment, jiġi ppreżentat quddiem il-qrati nazzjonali— huwa previst espressament għad-deċiżjonijiet dwar l-emendi mhux minuri tal-ispeċifikazzjonijiet ta’ DOP. Madankollu, minħabba l-prossimità tal-proċeduri li jirregolaw dawn l-emendi u dawk minuri, naħseb li d-dritt għall-preżentata ta’ appell japplika bl-istess mod għal dawn tal-aħħar. |
|
58. |
Id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet nazzjonali dwar l-emendi minuri ma humiex fil-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qorti tal-Unjoni, fir-rigward tal-atti awtonomi indispensabbli sabiex, sussegwentement, il-Kummissjoni tiddeċiedi dwarhom. Fir-realtà, mill-perspettiva materjali u minħabba l-marġini ta’ diskrezzjoni verament limitat li għandha l-Kummissjoni f’dan ir-rigward, huma d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet nazzjonali dawk li, fil-verità, jieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li jiġġustifikaw l-approvazzjoni ta’ dawn il-bidliet fl-ispeċifikazzjonijiet. |
|
59. |
Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, huma l-qrati nazzjonali dawk li għandhom jirrikonoxxu l-irregolaritajiet ta’ att nazzjonali, fejn xieraq wara li jkunu ressqu talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, taħt l-istess kundizzjonijiet ta’ stħarriġ applikabbli għal kull att definittiv li, adottat mill-istess awtorità nazzjonali, ikun jista’ jippreġudika lil partijiet terzi, u jikkunsidraw l-appell ippreżentat għal dan il-għan bħala ammissibbli, fl-interess tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, anki jekk ir-regoli nazzjonali ta’ proċedura ma jippreveduhx ( 41 ). |
C. L-effett ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet fuq il-kawża prinċipali
|
60. |
Il-partijiet qegħdin jittrattaw, quddiem il-Conseil d’Etat (il-Kunsill tal-Istat), emenda minuri tal-ispeċifikazzjonijiet tad-DOP tal-ġobon “Comté”. Ma hemmx dubju li l-klawżola ġdida kkontestata (numru 5.1.18), li tintroduċi l-projbizzjoni tal-magni tat-taħlib, hija ta’ natura minuri. |
|
61. |
Fil-qosor, il-qorti tar-rinviju trid tkun taf jekk ir-regolamenti li diġà sar riferiment għalihom u l-Artikolu 47 tal-Karta jippermettulhiex tikkonferma l-ġurisprudenza preċedenti tagħha (li skontha ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni għall-appelli pendenti, ladarba l-Kummissjoni tkun approvat l-emenda) jew għandhomx iwassluha għall-korrezzjoni tagħha. |
|
62. |
Il-kunsiderazzjonijiet li esprimejt sa issa, ibbażati fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-proċeduri għal reġistrazzjoni tad-DOP u fuq ir-regoli relatati ma’ dan il-qasam (b’attenzjoni speċjali għall-Artikolu 49(4) tar-Regolament Nru 1151/2012), iwassluni sabiex niffavorixxi t-tieni waħda minn dawn iż-żewġ pożizzjonijiet. |
|
63. |
Għal dan il-għan, inqis li, il-fatt li ma tingħatax deċiżjoni dwar appell ippreżentat minn min jista’ jagħmel dan b’mod leġittimu, fil-każ ta’ emendi minuri tal-ispeċifikazzjonijiet ta’ DOP, huwa inkompatibbli mad-dritt li r-Regolament Nru 1151/2012 jagħti lill-persuni kkonċernati u mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-proċeduri komposti għal reġistrazzjoni tad-DOP. B’dan l-istess mod, ma jikkonformax mal-Artikolu 47 tal-Karta. |
|
64. |
Fir-realtà, b’dan tiġi risposta d-domanda preliminari, minħabba li l-qorti tar-rinviju tibbaża din tal-aħħar fuq l-obbligu, jew in-nuqqas ta’ obbligu, li tittieħed deċiżjoni dwar l-appell, minflok fuq il-konsegwenzi li s-sentenza tagħha jista’ jkollha fuq id-deċiżjonijiet diġà adottati mill-Kummissjoni. Madankollu, ser nagħmel riferiment anki għal dawn tal-aħħar. |
|
65. |
Fil-fehma tiegħi, l-annullament tal-att nazzjonali li permezz tiegħu ġiet approvata l-emenda minuri, għat-trasferiment tagħha lill-Kummissjoni, iwassal, bħala reazzjoni ta’ katina, għan-nuqqas ta’ bażi legali għad-deċiżjoni proprja tal-Kummissjoni. |
|
66. |
Sabiex tiġi evitata din il-konsegwenza mhux mixtieqa, ikun xieraq li l-Kummissjoni tissospendi l-ipproċessar tal-fażi tal-proċedura li tkun għaddejja quddiemha, meta jkun hemm appelli pendenti quddiem il-qrati nazzjonali kontra d-deċiżjoni tal-awtorità nazzjonali li approvat l-emenda minuri tal-ispeċifikazzjonijiet ta’ prodott ( 42 ). B’dan il-mod, minn naħa waħda, ikun hemm iktar konformità mad-dritt tal-protezzjoni ġudizzjarja tal-appellanti u, min-naħa l-oħra, maċ-ċertezza legali, b’tali mod li jiġi evitat li d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni jibqgħu, a posteriori, mingħajr bażi legali ( 43 ). |
|
67. |
L-obbligu li jiġi żgurat l-effett utli tal-protezzjoni ġudizzjarja tal-appellanti quddiem il-qrati nazzjonali, awtorizzati b’regola tad-dritt tal-Unjoni, u, possibbilment, il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba ( 44 ), għandhom iwasslu lill-Kummissjoni sabiex, fl-evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet, tinkludi ċ-ċirkustanza fejn ikun hemm appelli pendenti kontra d-deċiżjoni nazzjonali quddiem il-qrati tal-Istat Membru ( 45 ). |
|
68. |
Bl-istess mod, l-awtoritajiet nazzjonali ma għandhomx jippreżentaw l-applikazzjoni għal emenda minuri tal-ispeċifikazzjonijiet ta’ DOP quddiem il-Kummissjoni, jekk hemm appelli pendenti quddiem il-qrati nazzjonali kontra l-approvazzjoni tagħha jew, a fortiori, jekk tkun ingħatat sentenza ta’ annullament minn qorti nazzjonali, anki jekk ma tkunx definittiva. |
|
69. |
Fil-qosor, il-Kummissjoni jkollha tastjeni milli tipproċessa l-applikazzjoni għal emenda minuri tal-ispeċifikazzjonijiet ta’ DOP, kemm jekk hija tkun taf bl-eżistenza ta’ appelli pendenti kontra d-deċiżjoni nazzjonali ta’ approvazzjoni, kif ukoll jekk hemm sentenzi li jagħmluha totalment jew parzjalment invalida. Jekk dan ma huwiex il-każ, l-annullament eventwali ta’ din id-deċiżjoni nazzjonali permezz ta’ sentenza definittiva tal-qrati tal-Istat Membru, li għandhom l-obbligu li ma jiddeċidux dwar l-appelli pendenti quddiemhom, iwassal għat-telf mhux mistenni fil-validità tad-deċiżjoni proprja tal-Kummissjoni. |
IV. Konklużjoni
|
70. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi d-domanda preliminari tal-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza) kif ġej: “L-Artikoli 49(4) u 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel, u l-Artikolu 6 tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 664/2014 tat‑18 ta’ Diċembru 2013 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mal-istabbiliment ta’ simboli tal-Unjoni għal denominazzjonijiet protetti tal-oriġini, indikazzjonijiet ġeografiċi protetti u speċjalitajiet tradizzjonali ggarantiti u fir-rigward ta’ ċerti regoli dwar il-ksib, ċerti regoli proċedurali u ċerti regoli tranżitorji, flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-qrati nazzjonali ma jistgħux jiddikjaraw li ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar l-appelli pendenti quddiemhom kontra d-deċiżjonijiet tal-awtorità nazzjonali dwar l-emendi minuri għall-ispeċifikazzjoni ta’ denominazzjoni ta’ oriġini protetta, fuq il-bażi li l-Kummissjoni, ladarba dawn l-appelli kienu pendenti, kienet evalwat u ppubblikat din l-applikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea”. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.
( 2 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1151/2012 tal‑21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU 2012, L 343, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2019, L 216, p. 40, fil-ĠU 2015, L 191, p. 10, u fil-ĠU 2013, L 55, p. 27).
( 3 ) Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 664/2014 tat‑18 ta’ Diċembru 2013 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mal-istabbiliment ta’ simboli tal-Unjoni għal denominazzjonijiet protetti tal-oriġini, indikazzjonijiet ġeografiċi protetti u speċjalitajiet tradizzjonali ggarantiti u fir-rigward ta’ ċerti regoli dwar il-ksib, ċerti regoli proċedurali u ċerti regoli tranżitorji oħrajn (ĠU 2014, L 179, p. 17).
( 4 ) Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 668/2014 tat‑13 ta’ Ġunju 2014 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU 2014, L 179, p. 36, rettifiki fil-ĠU 2019, L 19, p. 20, fil-ĠU 2017, L 67, p. 121, fil-ĠU 2016, L 68, p. 20, u fil-ĠU 2015, L 39, p. 23).
( 5 ) Arrêté du 8 septembre 2017 du ministre de l’Agriculture et de l’Alimentation et du ministre de l’Économie et des Finances relatif à la modification du cahier des charges et de l’appellation d’origine protégée “Comté” (JORF Nru 217, tas‑16 ta’ Settembru 2017; iktar ’il quddiem, id-“Digriet tat‑8 ta’ Settembru 2017”).
( 6 ) Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda minuri skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU 2018, C 187, p. 7).
( 7 ) Conseil d’Etat, “Syndicat de défense et de promotion des fabricants et affineurs du Morbier”, 5 novembre 2003, req. n.o 0230438.
( 8 ) Ir-reġistru tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti huwa pprovdut fl-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 1151/2012. Dan jista’ jiġi aċċessat fuq http://ec.europa.eu/agriculture/quality/door/list.html.
( 9 )
( 10 ) L-Artikolu 7 tar-Regolament ta’ Delega Nru 664/2014 jestendi wkoll din il-proċedura ordinarja għall-każ ta’ annullament tar-reġistrazzjoni ta’ DOP meta ma jkunx hemm konformità mad-dispożizzjonijiet tal-ispeċifikazzjonijiet ta’ prodott jew meta prodott ma jiġix ikkummerċjalizzat taħt id-DOP għal mill-inqas seba’ snin.
( 11 ) Artikolu 49(3) tar-Regolament Nru 1151/2012.
( 12 ) Jiġifieri, dawk li ġew mingħand persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jkunu kkummerċjalizzaw legalment il-prodott inkwistjoni bl-użu kontinwu tal-ismijiet korrispondenti għal mill-inqas ħames snin qabel (Artikolu 49(4) tar-Regolament Nru 1151/2012).
( 13 ) Jekk il-Kummissjoni tirrifjuta l-applikazzjoni, minħabba li ma jiġux issodisfatti l-kundizzjonijiet, din għandha tadotta l-atti ta’ implimentazzjoni rilevanti għar-rifjut tal-applikazzjoni (Artikolu 52(1) tar-Regolament Nru 1151/2012).
( 14 ) Artikolu 50(1) u (2) tar-Regolament Nru 1151/2012.
( 15 ) Fi kwalunkwe każ, dan l-avviż għandu jinkludi dikjarazzjoni li tindika li l-applikazzjoni tista’ tikser il-kundizzjonijiet imsemmija fir-regolament fir-rigward tal-emendi mhux minuri tal-ispeċifikazzjonijiet ta’ prodott.
( 16 ) Artikolu 51(1) tar-Regolament Nru 1151/2012.
( 17 ) L-avviż ta’ oppożizzjoni għandu jiġi akkumpanjat, fi żmien xahrejn, minn dikjarazzjoni motivata ta’ oppożizzjoni, li l-ammissibbiltà tagħha tiġi analizzata mill-Kummissjoni. Jekk tikkunsidraha ammissibbli, il-Kummissjoni għandha tistieden lill-awtorità jew persuna li jressqu l-oppożizzjoni u lill-awtorità nazzjonali li ppreżentat l-applikazzjoni sabiex jidħlu f’konsultazzjonijiet adegwati għal terminu raġonevoli li ma għandux jaqbeż it-tliet xhur.
( 18 ) Artikolu 52(2) u (3) tar-Regolament Nru 1151/2012.
( 19 ) Artikolu 52(4) tar-Regolament Nru 1151/2012.
( 20 ) Madankollu, meta l-applikazzjoni għal emenda minuri ma ssirx mill-grupp li jkun ippreżenta l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tal-isem jew l-ismijiet li jsir riferiment għalihom fl-ispeċifikazzjonijiet ta’ prodott, l-Istat Membru jagħti lil dan il-grupp (jekk jibqa’ jeżisti) l-opportunità li jwettaq osservazzjonijiet.
( 21 ) Madankollu, l-approvazzjoni taċita ma għandhiex tapplika għall-emendi minuri li ma humiex konformi mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(2) tar-Regolament ta’ Delega Nru 664/2014.
( 22 ) Proposta duttrinali ambizzjuża ta’ kodifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi tal-Unjoni hija dik ta’ Mir, O., Hofmann, H.C.H., Schneider, J.‑P., Ziller, J. et (edituri), Código ReNEUAL de procedimiento administrativo de la Unión Europea, INAP, Madrid, 2015. L-Artikolu I‑4(4) tal-Código ReNEUAL jiddefinixxi “proċedura komposta” bħala proċedura amministrattiva li fiha l-awtoritajiet tal-Unjoni u dawk ta’ Stat Membru, jew ta’ diversi Stati Membri, għandhom kompiti distinti li huma interdipendenti. Proċedura komposta hija wkoll waħda li tikkonsisti fl-ikkombinar ta’ żewġ proċeduri amministrattivi relatati direttament.
( 23 ) Alonso de León, S., Composite administratives procedures in the European Union, Iustel, Madrid, 2017; Eliantonio, M., “Judicial Review in an Integrated Administration: the Case of ‘Composite Procedures’”, Review of European Administrative Law, 2014 n.o 2, pp. 65 sa 102; Della Cananea, G., “I procedimenti amministrativi composti dell’Unione europea”, f’Bignami, F. u Cassese, S. (dirs.), Il procedimento amministrativo nel diritto europeo, Milano, Giuffrè, 2004; Mastrodonato, G., I procedimenti amministrativi composti nel diritto comunitario, Bari, Cacucci, 2007; Hofmann, H.C.H., “Composite decision‑making procedures in EU administrative law”, f’Hofmann, H.C.H. u Türk, A., Legal Challenges in EU Administrative Law. Towards an Integrated Administration, Edward Elgar, Cheltenham, 2009, p. 136.
( 24 ) Brito Bastos, F., “Derivative illegality in European composite administrative procedures”, Common Market Law Review, 2018, n.o 1, pp. 101 sa 134.
( 25 ) Sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2018, Berlusconi u Fininvest (C‑219/17, iktar ’il quddiem, is-sentenza Berlusconi u Finivest, EU:C:2018:1023). Il-kawża Iccrea Banca, fejn tajt il-konklużjonijiet tiegħi fid‑9 ta’ Lulju 2019 (C‑414/18, EU:C:2019:574), għadha pendenti.
( 26 ) Konklużjonijiet tas‑27 ta’ Ġunju 2018 (C‑219/17, EU:C:2018:502), punti 64 sa 79.
( 27 ) Sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2007, L‑Isvezja vs Il‑Kummissjoni (C‑64/05 P, EU:C:2007:802), punti 93 u 94; u s-sentenza Berlusconi u Fininvest, punt 43.
( 28 ) Sentenza Berlusconi u Fininvest, punt 44. B’analoġija, ara s-sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 1987, Foto‑Frost (314/85, EU:C:1987:452), punt 17.
( 29 ) Konklużjonijiet tas‑27 ta’ Ġunju 2018 (C‑219/17, EU:C:2018:502), punti 60 sa 63.
( 30 ) Fil-konklużjonijiet tiegħi tad‑9 ta’ Lulju 2019, Iccrea Banca (C‑414/18, EU:C:2019:574), ikkunsidrajt li d-determinazzjoni tal-kontribuzzjonijiet ordinarji fil-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (iktar ’il quddiem is-“SRF”) titwettaq anki permezz ta’ proċedura amministrattiva komposta fejn jintervjenu l-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni, iżda li d-deċiżjoni finali tagħhom tikkorrispondi għall-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (iktar ’il quddiem il-“BUR”). Għaldaqstant, nirrikonoxxi li l-istħarriġ ġudizzjarju jikkonċerna esklużivament il-Qorti tal-Ġustizzja u mhux il-qrati nazzjonali.
( 31 ) Sentenzi tas‑6 ta’ Diċembru 2001, Carl Kühne et (C‑269/99, iktar ’il quddiem is-“sentenza Carl Khüne et, EU:C:2001:659), u tat‑2 ta’ Lulju 2009, Bavaria u Bavaria Italia (C‑343/07, iktar ’il quddiem is-“sentenza Bavaria u Bavaria Italia, EU:C:2009:415). Hija rilevanti wkoll is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat‑23 ta’ April 2018, CRM vs Il‑Kummissjoni (T‑43/15, mhux ippubblikata, EU:T:2018:208), li ser nagħmel riferiment għaliha iktar ’il quddiem.
( 32 ) Sentenzi Carl Kühne et, punti 50 u 51, u Bavaria u Bavaria Italia, punt 64. Din tal-aħħar irreferiet għall-kondiviżjoni ta’ kompetenzi bejn l-awtoritajiet nazzjonali u l-Kummissjoni fil-proċedura komposta minn dak li kien l-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/92 tal‑14 ta’ Lulju 1992 dwar il-protezzjoni ta’ l-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjoni ta’ l-oriġini tal-prodotti agrikoli u l-prodotti ta’ l-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 13, p. 4), li kienet il-proċedura ssemplifikata u tranżitorja għar-reġistrazzjoni fl-Unjoni tad-DOP eżistenti, protetti jew stabbiliti permezz tal-użu mill-Istati Membri.
( 33 ) Sentenzi Carl Kühne et, punt 52, u Bavaria u Bavaria Italia, punt 65.
( 34 ) Sentenzi Carl Kühne et, punt 53, u Bavaria u Bavaria Italia, punt 66.
( 35 ) Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 32.
( 36 ) L-Istati Membri jistgħu jipprovdu, fid-dritt intern tagħhom, protezzjoni nazzjonali tranżitorja għad-DOP, limitata għat-territorju tagħhom, mit-tmiem tal-fażi nazzjonali tal-proċedura għal reġistrazzjoni, sa ma l-Kummissjoni tiddeċiedi dwar l-applikazzjoni. Għalkemm din il-possibbiltà tissemma fl-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1151/2012 esklużivament għar-reġistrazzjoni ta’ DOP u mhux għall-emendi tal-ispeċifikazzjonijiet ta’ prodott, tirrifletti wkoll il-kontroll tal-awtorità nazzjonali fuq il-fażi interna ta’ dawn il-proċeduri komposti.
( 37 ) Sentenzi Carl Kühne et, punt 54, u Bavaria u Bavaria Italia, punt 67.
( 38 ) Fil-proċeduri għal emendi tal-ispeċifikazzjonijiet tad-DOP tal-inbid, irregolati b’regoli sussegwenti, is-setgħa tal-awtorità nazzjonali hija kważi esklużiva, ħlief għall-pubblikazzjoni fil-ĠUUE li tagħmel il-Kummissjoni. Fihom tiġi identifikata tendenza għat-tisħiħ tas-setgħa tal-awtoritajiet nazzjonali, possibbilment minħabba d-diffikultajiet amministrattivi tal-Kummissjoni għall-ġestjoni tal-fażi Ewropea.
Il-proċeduri għall-emendi tal-ispeċifikazzjonijiet tad-DOP tal-inbid huma rregolati prinċipalment fl-Artikolu 105 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU 2013, L 347, p. 671), kif ukoll fl-Artikoli 14 sa 18 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33 tas‑17 ta’ Ottubru 2018 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-applikazzjonijiet għall-protezzjoni ta’ denominazzjonijiet ta’ oriġini, indikazzjonijiet ġeografiċi u termini tradizzjonali fis-settur tal-inbid, il-proċedura ta’ oġġezzjoni, ir-restrizzjonijiet tal-użu, l-emendi għall-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott, it-tħassir tal-protezzjoni, u t-tikkettar u l-preżentazzjoni (ĠU 2019, L 9, p. 2).
( 39 ) Sentenza Bavaria u Bavaria Italia, punti 70 u 71.
( 40 ) Punt 28 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 41 ) F’dan is-sens, is-sentenzi tat‑3 ta’ Diċembru 1992, Oleificio Borelli vs Il‑Kummissjoni, C‑97/91, EU:C:1992:491, punti 9 sa 13; Carl Kühne et, punt 58; Bavaria u Bavaria Italia, punt 57; u Berlusconi u Fininvest, punti 45 u 46.
( 42 ) Għandhom jittieħdu l-miżuri xierqa sabiex jiġi estiż, f’dan il-każ eċċezzjonali, it-terminu sabiex tittieħed deċiżjoni, b’tali mod li ma jkunx hemm lok għal aċċettazzjoni impliċita tal-applikazzjoni.
( 43 ) Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat‑23 ta’ April 2018, CRM vs Il‑Kummissjoni (T‑43/15, mhux ippubblikata, EU:T:2018:208) ikkunsidrat li l-Kummissjoni ma setgħetx tirreġistra l-IĠP Piadina Romagnola ladarba l-awtorità Taljana kienet approvat u bagħtet l-applikazzjoni lill-Kummissjoni sitt ijiem wara l-annullament parzjali tal-ispeċifikazzjonijiet ta’ prodott permezz ta’ sentenza tal-qorti nazzjonali tal-appell. Il-Kummissjoni approvat din l-IĠP u ppubblikat id-deċiżjoni tagħha fil-ĠUUE, mingħajr ma stenniet id-deċiżjoni tal-appell ippreżentat quddiem il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja) kontra s-sentenza ta’ annullament tal-qorti tal-appell.
( 44 ) Artikolu 41 tal-Karta. Il-Qorti Ġenerali tagħmel riferiment għalih fis-sentenza tagħha tat‑23 ta’ April 2018, CRM vs Il‑Kummissjoni (T‑43/15, mhux ippubblikata, EU:T:2018:208), punti 67 sa 83.
( 45 ) Il-Kummissjoni għandha twettaq din l-evalwazzjoni fil-kuntest tas-setgħat ta’ analiżi li jkollha fil-fażi Ewropea tal-proċedura, skont l-Artikolu 50(1) tar-Regolament Nru 1151/2012.