16.3.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

331


POŻIZZJONI KOMUNI TAL-KUNSILL 2006/625/PESK

tal-15 ta' Settembru 2006

dwar projbizzjoni fuq il-bejgħ jew il-forniment ta' armi u materjal relatat u dwar il-provvista ta' servizzi relatati lil entitajiet jew individwi fil-Libanu skond il-Riżoluzzjoni 1701 (2006) ta' l-UNSC

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 15 tiegħu,

Billi:

(1)

Fis-7 ta' Awwissu 2006, il-Gvern tal-Libanu ddeċieda li jinsedja l-forzi armati tal-Libanu fil-Libanu t'Isfel u jitlob l-assistenza ta' forzi addizzjonali għall-Forza Interim tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Libanu (UNIFIL) kif meħtieġ, biex jiffaċilita d-dħul tal-forzi armati Libaniżi fir-reġjun u afferma mill-ġdid l-intenzjoni tiegħu li jsaħħaħ il-forzi armati Libaniżi b'materjal kif meħtieġ biex din tkun tista' twettaq dmirijietha.

(2)

Fil-11 ta' Awwissu 2006, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Riżoluzzjoni 1701 (2006) (“UNSCR 1701 (2006)”) waqt li laqa' d-deċiżjoni tal-Gvern tal-Libanu li jinsedja l-forzi armati tiegħu fil-Libanu t'Isfel kif ukoll l-impenn tal-Gvern tal-Libanu li jestendi l-awtorità tiegħu fuq it-territorju sħiħ tiegħu, permezz tal-forzi armati leġittimi tiegħu stess. Bil-ħsieb li tippermetti lill-Gvern tal-Libanu jeżerċita s-sovranità sħiħa tiegħu fuq it-territorju Lebaniż kollu, sabiex ma jkun hemm l-ebda armi mingħajr il-kunsens tal-Gvern tal-Libanu u l-ebda awtorità oħra ħlief dik tal-Gvern tal-Libanu, UNSCR 1701 (2006) fost l-oħrajn tipprojbixxi l-bejgħ jew il-forniment ta' armi u materjal relatat ta' kull tip kif ukoll il-forniment ta' taħriġ jew assistenza teknika relatata mal-forniment, manifattura, manutenzjoni jew użu ta' armi u materjal relatat lil kwalunkwe entità jew individwu fil-Libanu sakemm mhux awtorizzati mill-Gvern tal-Libanu jew mill-UNIFIL fit-twettiq tal-missjoni tagħha.

(3)

Il-projbizzjoni fuq il-provvista ta' assistenza relatata mal-bejgħ jew il-forniment ta' armi u materjal relatat għandu jkopri wkoll il-finanzjament u l-assistenza finanzjarja.

(4)

Hi meħtieġa azzjoni mill-Komunità sabiex jiġu implimentati ċerti miżuri,

ADOTTA DIN IL-POŻIZZJONI KOMUNI:

Artikolu 1

1.   Il-bejgħ dirett jew indirett, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta' armi u materjal relatat ta' kull tip, inklużi armi u munizzjon, vetturi u tagħmir militari, tagħmir paramilitari u partijiet ta' rikambju għal dawk imsemmija qabel lil kwalunkwe entità jew individwu fil-Libanu minn ċittadini ta' l-Istati Membri jew li ġejjin mit-territorji ta' l-Istati Membri, jew li jużaw il-bastimenti jew l-ajruplani tal-bandiera tagħhom, għandhom ikunu pprojbiti kemm jekk joriġinaw fit-territorji tagħhom kif ukoll jekk le.

2.   Għandu jkun projbit:

(a)

li jiġu pprovduti assistenza teknika, servizzi ta’ sensarija u servizzi oħrajn relatati ma' attivitajiet militari u mal-forniment, manifattura, manutenzjoni u użu ta’ armi u materjal relatat ta’ kull tip, inklużi armi u munizzjon, vetturi militari u tagħmir, tagħmir paramilitari, u partijiet ta' rikambju għal dawk imsemmija qabel, direttament jew indirettament lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fi, jew għall-użu fil-Libanu;

(b)

li jiġu pprovduti finanzjament jew assistenza finanzjarja relatati ma' attivitajiet militari, inklużi b'mod partikolari għotjiet, self u assigurazzjoni tal-kreditu fuq l-esportazzjoni għal kwalunkwe bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta' armi u materjal relatat, jew għall-provvista ta' assistenza teknika, servizzi ta' sensarija u servizzi oħrajn relatati, direttament jew indirettament lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fi, jew għall-użu fil-Libanu.

(ċ)

li wieħed jieħu sehem, konxjament jew intenzjonalment, f'attivitajiet li l-għan jew l-effett tagħhom ikun li jevita l-projbizzjoni msemmija fil-punti (a) jew (b).

Artikolu 2

1.   L-Artikolu 1 m'għandux japplika għall-bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta' armi u materjal relatat jew għall-provvista ta' assistenza teknika, finanzjament u assistenza finanzjarja, servizzi ta' sensarija u servizzi oħrajn relatati ma' armi u materjal relatat, sakemm:

(a)

il-merkanzija jew is-servizzi ma jkunux forniti, direttament jew indirettament, lil kwalunkwe milizja li għaliha l-Kunsill tas-Sigurta' tan-NU jkun sejjaħ id-diżarm fir-Rizoluzzjonijiet 1559(2004) u 1680(2006),

u

(b)

it-transazzjoni tkun giet awtorizzata mill-Gvern tal-Libanu jew mill-UNIFIL,

u

(ċ)

il-merkanzija jew is-servizzi huma għall-użu ta' l-UNIFIL fit-twettiq tal-missjoni tagħha jew għall-użu tal-forzi armati Libaniżi.

2.   Il-bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta' armi u materjal relatat jew il-provvista ta' assistenza teknika, finanzjament u assistenza finanzjarja, servizzi ta' senserija u servizzi oħra msmmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu soġġetti għal awtorizzazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri.

Artikolu 3

Din il-Pożizzjoni Komuni għandu jkollha effett fid-data ta’ l-adozzjoni tagħha.

Artikolu 4

Din il-Pożizzjoni Komuni għandha tiġi riveduta mhux aktar tard minn 12-il xahar wara l-adozzjoni tagħha, b'kont meħud tad-determinazzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà, u kull 12-il xahar wara dan.

Artikolu 5

Din il-Pożizzjoni Komuni għandha tiġi pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, 15 ta' Settembru 2006.

Għall-Kunsill,

Il–President

E. TUOMIOJA