10.8.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 261/2


Notifika minn qabel ta’ konċentrazzjoni

(Il-Każ M.9877 — Pro Diagnostic Group/FutureLife/DISCARE CZ JV)

Każ li jista’ jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

(2020/C 261/02)

1.   

Fit-3 ta’ Awwissu 2020, il-Kummissjoni rċeviet avviż ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1).

Dan l-avviż jikkonċerna l-impriżi li ġejjin:

—

Pro Diagnostic Group, a.s (“PDG”, is-Slovakkja), ikkontrollata minn Ribera Salud Infraestructuras, S.L.U. (Spanja) u Pro Partners Holding, a.s. (is-Slovakkja);

—

FutureLife a.s. (“FutureLife”, iċ-Ċekja), fl-aħħar nett ikkontrollata minn Zbyněk Průša;

—

DISCARE a.s. (il-“JV”, iċ-Ċekja), bħalissa kkontrollata biss minn PDG.

PDG u FutureLife jakkwistaw, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) u 3(4) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, il-kontroll bi sħab tal-joint venture (JV).

Il-konċentrazzjoni hija mwettqa permezz ta’ xiri ta’ ishma f’kumpanija maħluqa ġdida li tikkostitwixxi f’impriża bi sħab (joint venture, JV).

2.   

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:

—

PDG: hija tħaddem 12-il ċentru ta’ immaġni dijanjostiċi f’faċilitajiet tas-saħħa privati fis-Slovakkja fil-modalitajiet tal-Immaġni tar-Reżonanza Manjetika (Magnetic Resonance Imaging, “MRI”), X-Ray (“RTG”), Tomografija Kompjuterizzata (Computed Tomography, “CT”) / Tomografija b’Emissjonijiet ta’ Positron (Positron Emission Tomography, “PET”) u Ultrasonografija (Ultrasonography, “USG”);

—

FutureLife: attiva fil-forniment ta’ servizzi tal-kura tas-saħħa u laboratorji. Il-kumpaniji tal-grupp FutureLife jħaddmu prinċipalment ċentri ta’ kura tas-saħħa li jipprovdu servizzi fil-qasam tar-riproduzzjoni assistita fl-Ewropa Ċentrali. Xi kumpaniji tal-grupp iħaddmu wkoll kliniċi għall-outpatients u l-inpatients speċjalizzati fil-kura medika f’oqsma bħar-rewmatoloġija, androloġija, kirurġija venuża, gastroenteroloġija, uroloġija, kura tal-marda ta’ Crohn u mard ieħor infjammatorju tal-imsaren, u kirurġija plastika;

—

il-JV: se tħaddem ċentru ta’ immaġni dijanjostiku fil-modalitajiet tal-RTG u tal-MRI fi Praga.

3.   

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni tqis li t-tranżazzjoni notifikata tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Madankollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata.

Skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar proċedura simplifikata għat-trattament ta’ ċerti konċentrazzjonijiet skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (2), jinħtieġ li jiġi nnutat li dan il-każ jista’ jiġi kkunsidrat għal trattament skont il-proċedura stipulata fl-Avviż.

4.   

Il-Kummissjoni tistieden lil terzi persuni interessati biex jibagħtulha l-kummenti li jista’ jkollhom dwar l-operazzjoni proposta.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta’ din il-pubblikazzjoni. Jinħtieġ li r-referenza li ġejja dejjem tiġi speċifikata:

M.9877 — Pro Diagnostic Group/FutureLife/DISCARE CZ JV

Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni permezz tal-email, permezz tal-faks jew permezz tal-posta. Uża d-dettalji ta’ kuntatt ta’ hawn taħt:

Email: COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu

Faks: +32 22964301

Indirizz postali:

European Commission

Directorate-General for Competition

Merger Registry

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament dwar l-Għaqdiet”).

(2)  ĠU C 366, 14.12.2013, p. 5.