KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ippreżentati fil-15 ta’ Settembru 2009 ( 1 )

Kawża C-362/08 P

Internationaler Hilfsfonds eV

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Appell — Aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet — Regolament (KE) Nru 1049/2001 — Rikors għal annullament — Kunċett ta’ ‘att li jista’ jiġi kkontestat’ fis-sens tal-Artikolu 230 KE”

I — Introduzzjoni

1.

Bl-appell tagħha, Internationaler Hilfsfonds eV, li hija organizzazzjoni mhux governattiva li topera fil-qasam tal-għajnuna umanitarja, titlob essenzjalment, minn banda, li l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tal-5 ta’ Ġunju 2008 ( 2 ) (iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”) li biha l-imsemmija Qorti ċaħdet bħala inammissibbli r-rikors li l-appellanti kienet ippreżentat kontra l-allegata deċiżjoni inkluża fl-ittra tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Frar 2005 li rrifjutatilha l-aċċess għal ċerti dokumenti u, mill-banda l-oħra, sabiex tannulla l-imsemmija deċiżjoni u tiddeċiedi b’mod definittiv fuq il-mertu tal-kawża.

II — Il-kuntest ġuridiku

A — Il-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

2.

Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni ( 3 ), jiddefinixxi l-prinċipji, il-kundizzjonijiet u l-limiti tad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti ta’ dawn l-istituzzjonijiet previst fl-Artikolu 255 KE. Dan ir-regolament beda japplika mit-3 ta’ Diċembru 2001.

3.

Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, l-aċċess għad-dokument li fih opinjonijiet għall-użu intern bħala parti minn deliberazzjoni u konsultazzjonijiet preliminari fl-istituzzjoni kkonċernata għandu jiġi rrifjutat anke wara li tittieħed id-deċiżjoni jekk l-iżvelar tad-dokument serjament idgħajjef il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-istituzzjoni, jekk m’hemmx interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu.

4.

Skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1049/2001, l-applikazzjonijiet għall-aċċess għad-dokumenti għandhom isiru f’xi forma miktuba, inkluża l-forma elettronika, mingħajr mal-applikant ikun obbligat li jagħti r-raġunijiet għat-talba tiegħu.

5.

F’dan ir-rigward, ir-Regolament Nru 1049/2001 jagħmel distinzjoni bejn l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet fil-bidu (iktar ’il quddiem l-“applikazzjonijiet inizjali”) u dak tal-applikazzjonijiet konfermatorji.

6.

F’dak li jikkonċerna l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet inizjali, l-Artikolu 7(1) u (2) tar-Regolament Nru 1049/2001 jipprovdi:

“1.   Applikazzjoni għall-aċċess għal dokument għandha tiġi proċessata mill-ewwel. Rikonoxximent ta’ l-irċevuta għandha tintbagħat lill-applikant. Sa’ 15-il jum utli mir-reġistrazzjoni ta’ l-applikazzjoni, l-istituzzjoni għandha jew tagħti aċċess għad-dokument mitlub u tagħti aċċess skond l-Artikolu 10 f’dak il-perjodu jew, f’tweġiba bil-miktub, tagħti r-raġunijiet għar-rifjut totali jew parzjali u tavża l-applikant dwar id-dritt tiegħu jew tagħha li jagħmel jew tagħmel applikazzjoni konfermatorja skond il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

2.   Fil-każ ta’ rifjut totali jew parzjali, l-applikant jista’, sa 15-il jum utli minn meta jirċievi r-risposta mill-istituzzjoni, jagħmel applikazzjoni konfermatorja fejn jitlob lill-istituzzjoni li terġa’ tikkunsidra l-pożizzjoni tagħha.”

7.

F’dak li jikkonċerna l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet konfermatorji, l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1049/2001 jipprovdi:

“Applikazzjoni konfermatorja għandha tiġi proċessata mal-ewwel. Sa żmien 15-il jum utli mir-reġistrazzjoni ta’ din l-applikazzjoni, l-istituzzjoni għandha jew tagħti l-aċċess għad-dokument mitlub u tagħti aċċess skond l-Artikolu 10 f’dak il-perjodu jew, fi tweġiba bil-miktub, tagħti r-raġunijiet għar-rifjut totali jew parzjali. Fil-każ ta’ rifjut totali jew parzjali, l-istituzzjoni għandha tavża l-applikant dwar ir-rimedji tiegħu jew tagħha, jiġifieri proċeduri fil-qrati kontra l-istituzzjoni u/jew ilment lill-Ombudsman, skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 230 u 195 tat-Trattat tal-KE, rispettivament.”

8.

Barra minn hekk, skont l-ewwel u t-tieni paragrafi tal-Artikolu 2 tal-anness tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/937/KE, KEFA, Euratom, tal-5 ta’ Diċembru 2001, li temenda r-regoli ta’ proċedura ( 4 ), l-applikazzjonijiet kollha għall-aċċess għal dokument għandhom jintbagħtu bil-posta, fax jew posta elettronika lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni jew lid-Direttorat Ġenerali jew dipartiment. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha twieġeb applikazzjonijiet inizjali u konfermatorji għall-aċċess fi żmien ħmistax-il jum tax-xogħol mid-data tar-reġistrazzjoni tal-applikazzjoni. Fil-każ ta’ applikazzjonijiet komplessi jew goffi, il-limitu ta’ żmien jista’ jiġi mtawwal bi ħmistax-il jum tax-xogħol. Għandhom jingħataw raġunijiet għal kull estensjoni tal-limitu ta’ żmien u dan għandu jiġi nnotifikat minn qabel lill-applikant.

9.

F’dak li jikkonċerna l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet inizjali, l-Artikolu 3 tal-Anness tad-Deċiżjoni 2001/937 jipprevedi li l-applikant jiġi informat bit-tweġiba għall-applikazzjoni tiegħu jew mid-Direttorat Ġenerali jew mill-kap tad-dipartiment ikkonċernat, jew minn direttur inkarigat għal dan il-għan mis-Segretarjat Ġenerali jew minn uffiċjal li dawn ikunu inkarigaw għal dan il-għan. Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni tipprevedi li kull tweġiba, ukoll jekk tkun parzjalment negattiva, għandha tinforma lill-applikant bid-drittijiet tiegħu li jibgħat, fi żmien ħmistax-il jum tax-xogħol minn mindu jirċievi t-tweġiba, applikazzjoni konfermatorja lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni.

10.

F’dak li jikkonċerna l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet konfermatorji, l-Artikolu 4 tal-Anness tad-Deċiżjoni 2001/937 jiddisponi li s-setgħa li jittieħdu d-deċiżjonijiet dwar l-applikazzjonijiet konfermatorji hija ddelegata lis-Segretarjat Ġenerali, li fil-preparazzjoni tad-deċiżjoni għandu jiġi assistit mid-Direttorat Ġenerali jew mid-dipartiment kompetenti. Dan l-artikolu jipprevedi wkoll li d-deċiżjoni għandha tittieħed mis-Segretarjat Ġenerali wara ftehim mas-Servizz Legali. Id-deċiżjoni għandha tiġi nnotifikata lill-applikant bil-miktub, fejn xieraq b’mezzi elettroniċi, u għandha tinfurmah bid-dritt tiegħu li jiftaħ kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza jew li jressaq ilment quddiem l-Ombudsman Ewropew.

B — Il-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar l-ilmenti quddiem l-Ombudsman Ewropew

11.

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 195(1) KE jipprevedi:

“Konformi mal-missjoni tiegħu, l-Ombudsman għandu jagħmel stħarriġ li jaħseb li jkun ġustifikat, sew fuq inizjattiva tiegħu stess sew abbażi ta’ ilmenti li jaslu direttament għandu jew permezz ta’ xi membru tal-Parlament Ewropew, ħlief meta l-fatti allegati mressqa jkunu jew kienu soġġetti għal proċeduri legali. Meta l-Ombudsman jistabbilixxi każ ta’ amministrazzjoni ħażina, għandu jirreferi l-każ lill-istituzzjoni interessata, li għandu jkollha perjodu ta’ tlett xhur biex tinfurmah bir-raġunijiet tagħha. L-Ombudsman għandu imbagħad iressaq rapport lill-Parlament Ewropew u lill-istituzzjoni interessata. Il-persuna li tkun ressqet l-ilment, għandha tiġi infurmata bir-riżultat ta’ dak l-istħarriġ.”

12.

Skont l-Artikolu 2(6) tad-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew 94/262/KEFA, KE, Euratom, tad-9 ta’ Marzu 1994, rigward ir-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tal-obbligi tal-Ombudsman ( 5 ), kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew 2002/262/KE, KEFA, Euratom, tal-14 ta’ Marzu 2002 ( 6 ) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni 94/262”), l-ilmenti sottomessi lill-Ombudsman Ewropew ma jaffettwawx il-limitu ta’ żmien għall-appell fi proċeduri amministrattivi jew proċedurali. Skont id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 7 tal-istess artikolu, meta l-Ombudsman, minħabba proċeduri ġudizzjarji li għadhom għaddejjin jew konklużi, li jikkonċernaw il-fatti li ġew imressqa, għandu jiddikjara l-ilment inammissibbli jew itemm il-kunsiderazzjoni tiegħu, ir-riżultat ta’ kwalunkwe inkjesta li għamel sa dak il-punt tkun irreġistrata mingħajr iktar azzjoni.

13.

L-Artikolu 6 tad-deċiżjoni tal-Ombudsman Ewropew tat-8 ta’ Lulju 2002 li tadotta d-dispożizzjonijiet għall-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni 94/262, kif emendata fil-5 ta’ April 2004, bit-titolu “Soluzzjonijiet bonarji”, jipprevedi:

“6.1.

Jekk l-Ombudsman isib każ ta’ amministrazzjoni ħażina, huwa għandu jikkoopera b’kull mod possibbli mal-istituzzjoni kkonċernata biex isib soluzzjoni bonarja, u dan sabiex jiġi eliminat il-każ ta’ amministrazzjoni ħażina u sabiex jissodisfa lil min jagħmel l-ilment.

6.2.

Jekk l-Ombudsman iqis li tali kooperazzjoni kellha eżitu pożittiv, huwa għandu jagħlaq il-każ b’deċiżjoni motivata. Huwa għandu jinforma lil min ikun għamel l-ilment u lill-istituzzjoni kkonċernata bid-deċiżjoni tiegħu.

6.3.

Jekk l-Ombudsman iqis li mhuwiex possibbli tinstab soluzzjoni bonarja, jew li t-tfittxija għal soluzzjoni bonarja ma jkollhiex eżitu pożittiv, huwa għandu jagħlaq il-każ permezz ta’ deċiżjoni motivata, li tista’ tinkludi kummenti kritiċi, jew jagħmel rapport li jkun fih abbozzi ta’ rakkomandazzjonijiet.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

14.

L-Artikolu 8 tad-deċiżjoni tal-Ombudsman Ewropew tat-8 ta’ Lulju 2002, kif emendata fil-5 ta’ April 2004, bit-titolu “Rapporti u rakkomandazzjonijiet”, jipprovdi:

“8.1.

L-Ombudsman għandu jagħmel rapport li jkun fih abbozzi ta’ rakkomandazzjonijiet indirizzati lejn l-istituzzjoni kkonċernata jekk huwa jqis:

a)

li huwa possibbli għall-istituzzjoni kkonċernata li telimina l-każ ta’ amministrazzjoni ħażina, jew

b)

li l-każ ta’ amministrazzjoni ħażina għandu implikazzjonijiet ġenerali.

8.2.

L-Ombudsman għandu jibgħat kopja tar-rapport tiegħu u tal-abbozzi ta’ rakkomandazzjonijiet lill-istituzzjoni kkonċernata u lil min ikun għamel l-ilment.

8.3.

L-istituzzjoni kkonċernata għandha tagħti opinjoni dettaljata lill-Ombudsman fi żmien tliet xhur. L-opinjoni dettaljata tista’ taċċetta d-deċiżjoni tal-Ombudsman u tindika l-miżuri li ttieħdu bil-għan li jiġu implementati l-abbozzi tar-rakkomandazzjonijiet.

8.4.

Jekk l-Ombudsman ma jqisx l-opinjoni dettaljata bħala sodisfaċenti, huwa jista’ jagħmel u jindirizza lill-Parlament Ewropew rapport speċjali fuq il-każ tal-amministrazzjoni ħażina. Dan ir-rapport jista’ jkun fih rakkomandazzjonijiet. L-Ombudsman għandu jibgħat kopja tar-rapport lill-istituzzjoni kkonċernata u lil min ikun għamel l-ilment.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

III — Il-fatti li wasslu għall-kawża, it-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

15.

Fl-1998, l-appellanti kkonkludiet mal-Kummissjoni l-kuntratt LIEN 97-2011 għal kofinanzjament ta’ programm ta’ għajnuna medika li hija organizzat fil-Każakistan.

16.

Wara x-xoljiment unilaterali tal-kuntratt LIEN 97-2011 min-naħa tal-Kummissjoni u t-talba tagħha għall-irkupru tal-ammonti mħallsa, li kontrihom l-appellanti ressqet ilment quddiem l-Ombudsman fis-7 ta’ Marzu 2002, l-appellanti, fid-9 ta’ Marzu 2002, talbet lill-Kummissjoni tagħtiha aċċess għad-dokumenti li jirrigwardaw il-kuntratt imsemmi.

17.

Fit-8 ta’ Lulju 2002, il-Kummissjoni bagħtet lill-appellanti lista ta’ dokumenti li kienu jinsabu f’erba’ fajls. Filwaqt li bbażat ruħha fuq id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, hija ċaħdet it-talba tal-appellanti f’dak li jikkonċerna ċerti dokumenti li kienu jinsabu fl-ewwel tliet fajls u f’dak li jikkonċerna d-dokumenti kollha li kienu jinsabu fir-raba’ fajl.

18.

B’ittra datata l-11 ta’ Lulju 2002, l-appellanti talbet lill-President tal-Kummissjoni jagħtiha aċċess sħiħ għad-dokumenti li jirrigwardaw il-kuntratt LIEN 97-2011.

19.

Fis-26 ta’ Lulju 2002, il-Kummissjoni bagħtet risposta lill-appellanti li kienet tirreferi għall-ittra tat-8 ta’ Lulju 2002.

20.

Fis-26 ta’ Awwissu 2002, l-appellanti kkonsultat il-fajls li għalihom il-Kummissjoni aċċettat li tagħtiha aċċess.

21.

Fix-xahar ta’ Marzu 2003, l-Ombudsman għalaq l-ilment tal-appellanti ppreżentat fis-7 ta’ Marzu 2002 billi rrefera għax-xoljiment unilaterali tal-imsemmi kuntratt min-naħa tal-Kummissjoni u għat-talba tagħha għall-irkupru tal-ammonti mħallsa. Huwa kkonkluda b’mod partikolari li kien jidher li kienet instabet soluzzjoni bonarja bejn il-Kummissjoni u l-appellanti.

22.

Madankollu, fil-bidu tax-xahar ta’ Ottubru 2003, il-Kummissjoni u l-appellanti kkonstataw li huma ma kinux f’pożizzjoni li jaslu għal tali soluzzjoni bonarja.

23.

Fis-6 ta’ Ottubru 2003, l-appellanti ressqet quddiem l-Ombudsman ilment li bih irrapportat ir-rifjut tal-Kummissjoni li tagħtiha aċċess sħiħ għad-dokumenti li jirrigwardaw il-kuntratt LIEN 97-2011.

24.

Fil-15 ta’ Lulju 2004, l-Ombudsman bagħat lill-Kummissjoni abbozz ta’ rakkomandazzjoni li fih huwa kkonstata li l-Kummissjoni ma kinitx ipproċessat b’mod korrett it-talba għall-aċċess sħiħ għad-dokumenti li jirrigwardaw il-kuntratt LIEN 97-2011 ippreżentata mill-appellanti u stidinha teżamina mill-ġdid din it-talba. Barra minn hekk, huwa rrakkomanda lill-Kummissjoni tippermetti l-aċċess għad-dokumenti msemmija, sakemm ma tkunx f’pożizzjoni li turi li l-aċċess għall-istess dokumenti jkun jaqa’ f’waħda mill-eċċezzjonijiet previsti mir-Regolament Nru 1049/2001.

25.

Fit-12 ta’ Ottubru 2004, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni dettaljata lill-Ombudsman, fejn informatu li hija kienet aċċettat l-abbozz tar-rakkomandazzjoni tiegħu u li kienet eżaminat mill-ġdid it-talba għall-aċċess għad-dokumenti li jirrigwardaw il-kuntratt LIEN 97-2011 imressqa mill-appellanti. Madankollu, minkejja dan ir-rieżami, hija żammet mar-rifjut tagħha li tagħti aċċess lill-appellanti għad-dokumenti li għalihom hija kienet diġà rrifjutat l-aċċess, ħlief għal ħames dokumenti minnhom, li kopji tagħhom kienu annessi mal-opinjoni.

26.

Fl-14 ta’ Diċembru 2004, l-Ombudsman adotta deċiżjoni definittiva li tirrigwarda l-ilment tal-appellanti mressaq fis-6 ta’ Ottubru 2003. Bħala konklużjoni, l-Ombudsman ikkritika l-prattika amministrattiva tal-Kummissjoni f’dan il-każ. F’dan ir-rigward, huwa kkonstata li l-fatt li l-Kummissjoni ma kinitx ipprovdiet raġunijiet validi li jistgħu jiġġustifikaw ir-rifjut tagħha li tagħti aċċess lill-appellanti għal diversi dokumenti li jirrigwardaw il-kuntratt LIEN 97-2011 kien jikkostitwixxi każ ta’ amministrazzjoni ħażina. Madankollu, wara li kkunsidra li l-Parlament Ewropew ma setax jieħu miżuri li jistgħu jsostnu l-pożizzjoni tal-appellanti u l-pożizzjoni tiegħu f’din il-kwistjoni, l-Ombudsman qies li ma kienx meħtieġ li jintbagħat rapport speċjali lill-Parlament u ddeċieda li jagħlaq il-proċedura tal-ilment tal-appellanti.

27.

Fit-22 ta’ Diċembru 2004, filwaqt li bbażat ruħha fuq il-konklużjonijiet tal-Ombudsman fid-deċiżjoni tiegħu tal-14 ta’ Diċembru 2004, l-appellanti talbet lill-Kummissjoni tagħtiha aċċess sħiħ għad-dokumenti li jirrigwardaw il-kuntratt LIEN 97-2011.

28.

Fl-14 ta’ Frar 2005, b’risposta għal din it-talba, id-direttur tat-taqsima “Appoġġ lill-operazzjonijiet” fi ħdan l-Uffiċċju ta’ kooperazzjoni EuropeAid bagħat ittra lill-avukat tal-appellanti li fiha l-istess direttur indika li l-Kummissjoni kellha l-ħsieb, wara li ħadet pożizzjoni fir-rigward tad-deċiżjoni tal-Ombudsman tal-14 ta’ Diċembru 2004, li ma tagħtix aċċess għad-dokumenti li kienu jaqgħu taħt l-eċċezzjonijiet previsti fir-Regolament Nru 1049/2001, ħlief għal dawk li kienu diġà disponibbli fis-26 ta’ Awwissu 2002 kif ukoll il-ħames dokumenti annessi mal-opinjoni dettaljata tat-12 ta’ Ottubru 2004 li l-kontenut tagħhom kien intbagħat lill-appellanti.

29.

Fil-11 ta’ April 2005, l-appellanti ppreżentat rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza fejn talbet l-annullament tal-allegata deċiżjoni inkluża fl-ittra tal-14 ta’ Frar 2005.

30.

Fis-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat, prinċipalment, li l-ittra tal-14 ta’ Frar 2005 kienet tikkostitwixxi att purament konfermatorju tad-deċiżjoni tas-26 ta’ Lulju 2002 li saret definittiva fil-konfront tal-appellanti u li, għaldaqstant, ir-rikors kontra dak l-att kellu jiġi ddikjarat inammissibbli. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet b’mod partikolari l-pretensjoni tal-appellanti fejn kienet qed issostni li l-konklużjonijiet tal-Ombudsman fid-deċiżjoni tiegħu tal-14 ta’ Diċembru 2004 kif ukoll l-iżviluppi u r-riżultati tal-investigazzjoni li huwa kien għamel waqt l-ipproċessar tal-ilment tal-appellanti kienu jikkostitwixxu elementi ġodda li jippermettu d-dekorrenza mill-ġdid tat-termini għall-appell. Huwa kkonstata wkoll li l-allegata deċiżjoni inkluża fl-ittra tal-14 ta’ Frar 2005 ma ġietx ippreċeduta b’eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tal-appellanti.

31.

Għall-finijiet ta’ kompletezza, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li, anke jekk wieħed jissoponi li l-ittra tal-14 ta’ Frar 2005 ma tikkostitwixxix att purament konfermatorju tad-deċiżjoni tas-26 ta’ Lulju 2002, ir-rikors ippreżentat mill-appellanti kontra dak l-att huwa intempestiv inkwantu huwa jikkostitwixxi risposta għall-applikazzjoni inizjali, fis-sens tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1049/2001, li warajha l-appellanti kellha tippreżenta applikazzjoni konfermatorja, fis-sens tal-Artikolu 7(2) tal-imsemmi regolament.

32.

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddikjarat ir-rikors inammissibbli u kkundannat lill-appellanti għall-ispejjeż tal-kawża.

33.

B’att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Awwissu 2008, l-appellanti ppreżentat appell mis-sentenza appellata. Prinċipalment, hija titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tannulla s-sentenza appellata, tannulla d-deċiżjoni inkluża fl-ittra tal-14 ta’ Frar 2005 u tiddeċiedi l-mertu b’mod definittiv kif ukoll tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha. Sussidjarjament, l-appellanti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.

34.

Fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat kif ukoll tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż tal-appell.

35.

L-appellanti u l-Kummissjoni nstemgħu mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-seduta tat-30 ta’ Ġunju 2009. Għall-finijiet tas-seduta, il-partijiet ġew mistiedna jikkonċentraw b’mod partikolari fuq il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ indikazzjoni tar-rimedji prevista fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1049/2001 f’deċiżjoni li tiċħad applikazzjoni għall-aċċess għal dokumenti, b’mod partikolari fuq il-kwistjoni dwar jekk it-termini għal preżentata ta’ rikors jibdewx jiddekkorru fir-rigward ta’ tali deċiżjoni kif ukoll fuq l-applikabbiltà, fil-kuntest tar-Regolament Nru 1049/2001, tal-ġurisprudenza dwar l-inammissibbiltà ta’ rikors għall-annullament ippreżentat kontra att purament konfermatorju ta’ att preċedenti li ma jkunx ġie kkontestat fit-termini.

IV — L-analiżi ġuridika

A — Kunsiderazzjonijiet preliminari

36.

Insostenn tat-talbiet tagħha għall-annullament tas-sentenza appellata, l-appellanti tinvoka tliet aggravji ta’ appell ibbażati fuq klassifikazzjoni ġuridika żbaljata tal-ittra tas-26 ta’ Lulju 2002 bħala li fiha deċiżjoni li tista’ tiġi appellata, fuq klassifikazzjoni ġuridika żbaljata tal-ittra tal-14 ta’ Frar 2005 bħala li tikkostitwixxi att purament konfermatorju u fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 rispettivament.

37.

Għandu jiġi rrilevat li l-ewwel żewġ aggravji invokati mill-appellanti huma diretti kontra l-evalwazzjoni prinċipali tal-Qorti tal-Prim’Istanza li skontha l-att ikkontestat fl-ewwel istanza kien jikkostitwixxi att purament konfermatorju tad-deċiżjoni inkluża fl-ittra tas-26 ta’ Lulju 2002.

38.

Mill-banda l-oħra, it-tielet aggravju jirreferi għall-evalwazzjoni li saret “għall-finijiet ta’ kompletezza” mill-Qorti tal-Prim’Istanza fejn ikkonstatat in-natura intempestiva tar-rikors u li hija bbażata fuq premessa dijametrikament opposta għall-konklużjoni tal-analiżi prinċipali tagħha, jiġifieri li l-att ikkontestat fl-ewwel istanza ma kienx jikkostitwixxi att purament konfermatorju.

39.

B’hekk, iktar milli għall-finijiet ta’ kompletezza, din it-tieni parti tar-raġunament tal-Qorti tal-Prim’Istanza saret b’mod alternattiv, fl-ipoteżi fejn, bħalma sostniet l-appellanti, l-att ikkontestat ma setax jiġi kklassifikat bħala att purament konfermatorju.

40.

Għalkemm l-użu ta’ din it-teknika ġudizzjarja mhuwiex eżenti minn kull kritika, b’mod partikolari minħabba li jippermetti lil-qorti li tiddeċiedi l-mertu tal-kawża jkollha ċerta eżitazzjoni fir-rigward tal-klassifikazzjoni ġuridika korretta li għandha tingħata lil att Komunitarju, huwa ma jistax, minnu nnifsu, jikkostitwixxi raġuni suffiċjenti għall-annullament tas-sentenza appellata, b’mod partikolari peress li, bħal f’dan il-każ, it-tieni parti tar-raġunament tal-Qorti tal-Prim’Istanza hija intiża direttament biex tirrispondi għall-argument espost mill-appellanti insostenn tal-ammissibbiltà tar-rikors tagħha fl-ewwel istanza.

41.

Jibqa’ l-fatt li, fir-rigward ta’ din il-proċedura, kif ġustament indikat il-Kummissjoni fir-risposta tagħha għall-appell, anki jekk wieħed jassumi li l-evalwazzjoni magħmula b’mod prinċipali mill-Qorti tal-Prim’Istanza għandha tiġi skartata, sabiex l-appell ikun jista’ jwassal għall-annullament tas-sentenza appellata u jkun jista’ jwassal lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkonstata l-ammissibbiltà tar-rikors fl-ewwel istanza, il-qorti tal-appell għandha neċessarjament tilqa’ wkoll it-tielet aggravju tal-appell.

42.

Mill-banda l-oħra, kieku t-tielet aggravju tal-appell kellu jiġi micħud, il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tikkonkludi biss dwar il-fondatezza tad-dikjarazzjoni tal-inammissibbiltà tar-rikors fl-ewwel istanza, indipendentement mill-eżitu tal-ewwel żewġ aggravji tal-appell.

43.

Għaldaqstant, nikkunsidra li qabel xejn għandu jiġi eżaminat it-tielet aggravju tal-appell. Huwa biss jekk dan l-aggravju kellu jintlaqa’ li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun obbligata tivverifika l-fondatezza ta’ tal-inqas wieħed miż-żewġ aggravji l-oħra tal-appell.

44.

Madankollu, qed nindika minn issa li t-tielet aggravju tal-appell għandu, fil-fehma tiegħi, jiġi miċħud, ħaġa li għandha, għalhekk, tinvolvi wkoll iċ-ċaħda tal-appell. Konsegwentement, ser neżamina l-ewwel u t-tieni aggravji tal-appell b’mod sussidjarju biss.

B — Prinċipalment, fuq it-tielet aggravju tal-appell, ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1049/2001

1. L-argumenti tal-partijiet

45.

L-appellanti tirrileva l-ewwel nett li l-evalwazzjonijiet li saru fil-punti 105 sa 108 tas-sentenza appellata jikkorroboraw il-pożizzjoni li hija ddefendiet fl-ewwel istanza fejn sostniet li l-applikazzjoni għall-aċċess ippreżentata fit-22 ta’ Diċembru 2004 kellha titqies bħala l-ewwel applikazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1049/2001, kompletament ġdida u barra minn hekk ipproċessata bħala tali mill-Kummissjoni. Madankollu, l-appellanti ma tifhimx kif il-Qorti tal-Prim’Istanza setgħet tikkonkludi fil-punti 109 u 110 tas-sentenza appellata li r-risposta inkluża fl-att ikkontestat kienet tikkostitwixxi risposta inizjali li kontriha l-appellanti kellha tippreżenta applikazzjoni konfermatorja, fis-sens tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, u mhux direttament rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza skont l-Artikolu 230 KE. Fil-fehma tal-appellanti, fid-dawl b’mod partikolari tar-risposta ċara u definittiva inkluża fl-ittra tal-14 ta’ Frar 2005, kien ikun inutli li hija tiġi mġiegħla tippreżenta quddiem il-Kummissjoni applikazzjoni konfermatorja ġdida li kienet tikkawżalha biss telf ta’ żmien u spejjeż legali addizzjonali. Iktar minn hekk, hija ssostni li l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 jistipula regola fakultattiva u li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, hija ma kinitx għadha obbligata tippreżenta applikazzjoni konfermatorja ġdida. Iktar minn hekk, l-appellanti tikkritika lill-Qorti tal-Prim’Istanza li wettqet żball proċedurali meta ċaħdet it-talba tagħha għar-redazzjoni tar-rapport għas-seduta tal-1 ta’ Frar 2007 b’tali mod li jkun jinkludi l-argument ibbażat fuq in-natura fakultattiva tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

46.

Il-Kummissjoni tipproponi li jiġi miċħud dan l-aggravju billi tenfasizza, minn banda, li l-appellanti ammettiet li ma ppreżentatx applikazzjoni konfermatorja fis-sens tar-Regolament Nru 1049/2001 u, mill-banda l-oħra, li t-tweġiba inizjali fis-sens tal-Artikolu 7(1) tal-imsemmi regolament ma tikkostitwixxix att kontestabbli.

2. Kunsiderazzjonijiet

47.

Preliminarjament, kif diġà semmejt, il-premessa tar-raġunament segwit mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punti 103 sa 110 tas-sentenza appellata hija bbażata fuq l-ipoteżi li l-att ikkontestat fl-ewwel istanza (l-ittra tal-14 ta’ Frar 2005) ma kienx jikkostitwixxi att purament konfermatorju tad-deċiżjoni inkluża fl-ittra tas-26 ta’ Lulju 2002, kif l-appellanti sostniet ukoll. Fil-fatt, din tal-aħħar sostniet quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza (u qed tkompli ssostni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ dan l-appell) li l-applikazzjoni għall-aċċess għad-dokumenti li jirrigwardaw il-kuntratt LIEN 97-2011 li hija kienet ippreżentat quddiem il-Kummissjoni fit-22 ta’ Diċembru 2004 kienet tikkostitwixxi applikazzjoni inizjali (kompletament ġdida), fis-sens tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1049/2001 ( 7 ).

48.

Wieħed jirrileva li, kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fil-kuntest ta’ dan l-appell, imkien ma kien jidher li l-appellanti kienet qed tibbaża l-pożizzjoni tagħha fuq l-esklużjoni pura u sempliċi, fil-kuntest tar-Regolament Nru 1049/2001, tar-rilevanza tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-inammissibbiltà ta’ rikors dirett kontra att purament konfermatorju ta’ att preċedenti li ma jkunx ġie kkontestat fit-termini statutorji. Mill-banda l-oħra, hija pjuttost tidher li qed taċċetta li tali ġurisprudenza tapplika fil-kuntest tar-Regolament Nru 1049/2001, filwaqt li tippretendi li l-att ikkontestat ma jistax, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, jiġi kklassifikat bħala att purament konfermatorju tad-deċiżjoni inkluża fl-ittra tas-26 ta’ Lulju 2002.

49.

Fil-punti 103 sa 110 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma ddeċidietx fuq ir-raġunijiet li wasslu lill-appellanti tafferma li l-att ikkontestat ma kienx jikkostitwixxi att purament konfermatorju tad-deċiżjoni inkluża fl-ittra tas-26 ta’ Lulju 2002, iżda llimitat ruħha biex tissoponi li dan kien il-każ għall-finijiet li teżamina jekk l-att ikkontestat setax, madankollu, ikun is-suġġett ta’ azzjoni ġudizzjarja, kif ippretendiet l-appellanti. Ma jidhirlix li dan l-approċċ, minnu nnifsu, jista’ jiġi annullat, inkwantu l-qorti li għandha tiddeċiedi l-mertu tal-kawża mhijiex obbligata tiddeċiedi fuq l-elementi kollha tal-kawża, iżda biss fuq dawk li huma essenzjali għas-soluzzjoni tagħha, fid-dawl b’mod partikolari tal-argumenti tal-partijiet u tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja ( 8 ).

50.

B’dan stabbilit, għandu jiġi mfakkar li, fl-evalwazzjoni tagħha esposta fil-punti 105 sa 110 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat, essenzjalment, in-natura intempestiva tar-rikors għall-annullament ippreżentat kontra l-att ikkontestat inkwantu dan l-istess att kien jikkostitwixxi biss att preparatorju għal-att finali li kien għad irid ikun hemm.

51.

F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-ġurisprudenza li, f’dak li jikkonċerna l-atti jew id-deċiżjonijiet li l-elaborazzjoni tagħhom ssir f’diversi fażijiet, b’mod partikolari fi tmiem proċedura interna, dawn ma jikkostitwixxux, bħala regola, att li jista’ jiġi kkontestat bħalma huma l-miżuri li jistabbilixxu b’mod definittiv il-pożizzjoni tal-istituzzjoni kkonċernata fi tmiem l-istess proċedura, minbarra miżuri intermedjarji li l-għan tagħhom huwa li jippreparaw id-deċiżjoni finali ( 9 ).

52.

Mill-banda l-oħra, il-forma li fiha att jew deċiżjoni jiġu adottati hija, bħala regola, irrilevanti għall-ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament, fejn il-klassifikazzjoni bħala att li jista’ jiġi kkontestat tiddependi fuq is-sustanza stess tal-atti kif ukoll fuq l-intenzjoni tal-awtur tagħhom ( 10 ).

53.

Fir-rigward tal-proċedura amministrattiva ta’ aċċess għad-dokumenti rregolata mir-Regolament Nru 1049/2001, din isseħħ f’żewġ stadji suċċessivi, skont l-Artikoli 7 u 8 tal-imsemmi regolament ( 11 ).

54.

L-imsemmi Artikolu 7 jirregola l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet inizjali. It-tweġiba għal din l-applikazzjoni li jkun fiha rifjut totali jew parzjali ta’ aċċess għad-dokumenti mitluba (jew in-nuqqas ta’ risposta fit-terminu preskritt fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1049/2001) tista’ tkun is-suġġett ta’ applikazzjoni konfermatorja intiża sabiex l-istituzzjoni tirrevedi l-pożizzjoni tagħha. B’applikazzjoni tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1049/2001, ir-rifjut totali jew parzjali (espliċitu jew impliċitu) tal-aċċess għad-dokumenti mitluba f’applikazzjoni konfermatorja jippermetti lill-applikant jippreżenta azzjoni ġudizzjarja kontra l-istituzzjoni, skont il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 230 KE.

55.

Minn dan isegwi li, kif ġustament ikkonstatat il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 104 tas-sentenza appellata, hija biss it-tweġiba għall-applikazzjoni konfermatorja li tista’ tipproduċi effetti ġuridiċi li jkunu ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tal-applikant u, għaldaqstant, li jkunu s-suġġett ta’ rikors għall- annullament skont l-Artikolu 230 KE.

56.

Din l-evalwazzjoni mhijiex affettwata mill-allegazzjoni tal-appellanti li l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 jipprevedi sempliċi fakultà li tippreżenta applikazzjoni konfermatorja. Fil-fatt, għalkemm huwa korrett li wieħed isostni li r-Regolament Nru 1049/2001 ma kienx intiż li jimponi fuq kull applikant l-obbligu li jippreżenta applikazzjoni konfermatorja, sabiex b’hekk l-applikant ikollu l-għażla li jikkontesta, fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, il-“pożizzjoni” adottata mill-istituzzjoni fit-tweġiba tagħha għall-applikazzjoni inizjali, mill-banda l-oħra, l-imsemmi regolament jissuġġetta b’mod ċar l-ammissibbiltà ta’ rikors għall-annullament skont l-Artikolu 230 KE għall-eżawriment taż-żewġ stadji tal-proċedura amministrattiva.

57.

Barra minn hekk, u għalkemm l-appellanti ma tgħidx dan b’mod ċar, jirriżulta mit-termini tal-att ikkontestat u mill-intenzjoni tal-awtur tiegħu li kienet korretta l-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punt 109 tas-sentenza appellata, li tikkunsidra b’dan il-mod dan l-att ta’ tweġiba għall-applikazzjoni inizjali skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1049/2001. Barra minn hekk, għalkemm mhuwiex l-obbligu tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-appell li tagħmel evalwazzjoni ġdida tal-fatti, nirrileva wkoll li l-appellanti bl-ebda mod ma tikkritika lill-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-kuntest tat-tielet aggravju tal-appell, li din żnaturat il-fatti ppreżentati quddiemha.

58.

Wara kollox, l-appellanti ma tistax tippretendi, mingħajr ma tivvizzja l-argument tagħha b’kontradizzjoni ċara, li l-Qorti tal-Prim’Istanza kienet korretta meta kkunsidrat (bħalma għamlet il-Kummissjoni) l-applikazzjoni ppreżentata fit-22 ta’ Diċembru 2004 bħala applikazzjoni kompletament ġdida għall-aċċess għad-dokumenti li jirrigwardaw il-kuntratt LIEN 97-2011, skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1049/2001 u, fl-istess ħin, li hija kellha d-dritt li tiddistakka ruħha mill-modalitajiet proċedurali previsti mir-regolament imsemmi minħabba li dawn joħolqulha telf ta’ żmien u spejjeż legali addizzjonali. Barra minn hekk, jekk kif issostni l-appellanti l-applikazzjoni ppreżentata fit-22 ta’ Diċembru 2004 kellha titqies bħala applikazzjoni kompletament ġdida, iċ-ċirkustanzi ta’ fatt li kienu jeżistu qabel l-applikazzjoni ftit huma rilevanti għall-eżami tal-fondatezza tal-argument tagħha insostenn ta’ dan l-aggravju tal-appell.

59.

Iktar minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-applikazzjoni tat-22 ta’ Diċembru 2004 ġiet indirizzata lill-Kummissjoni mill-konsulent legali tal-appellanti u li l-att ikkontestat fl-ewwel istanza ġie nnotifikat direttament lilha. Bħala professjonist legali, dan tal-aħħar kellu għalhekk juri l-prudenza meħtieġa sabiex l-appellanti tosserva r-rekwiżiti tal-proċedura amministrattiva qabel il-preżentata tar-rikors għal annullament, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1049/2001. F’dan ir-rigward ukoll, wieħed ma jistax raġonevolment jasserixxi, kif ried jimplika r-rappreżentant tal-appellanti waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li r-regoli proċedurali previsti mir-Regolament Nru 1049/2001 huma vagi u diffiċli biex jiġu interpretati.

60.

Għaldaqstant, nikkunsidra li kienet għal kollox korretta l-Qorti tal-Prim’Istanza meta ddeċidiet fil-punt 110 tas-sentenza appellata li, jekk wieħed jissoponi li l-att ikkontestat ma kienx jikkostitwixxi att purament konfermatorju, l-att ikkontestat kien jikkostitwixxi tweġiba għal applikazzjoni inizjali fis-sens tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1049/2001 li ma setgħetx tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament fis-sens tal-Artikolu 230 KE.

61.

Fir-rigward tal-argumentazzjoni tal-appellanti magħmula “ulterjorment”, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-appellanti ma tispjegax kif l-allegat żball proċedurali mwettaq mill-Qorti tal-Prim’Istanza jista’ jaffettwa d-dispożittiv tas-sentenza appellata. Wara kollox, l-appellanti tammetti espliċitament, fil-punt 20 tal-appell tagħha, li l-ittra tagħha indirizzata lill-Qorti tal-Prim’Istanza, fejn tesponi t-talba tagħha dwar it-teħid inkunsiderazzjoni tal-argument ibbażat fuq in-natura fakultattiva tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 fir-rapport għas-seduta, kienet ġiet annessa mal-proċess tal-ewwel istanza. Għaldaqstant, l-argument inkwistjoni effettivament ittieħed inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Prim’Istanza, kif ġie attestat ukoll impliċitament mill-evalwazzjoni li tinsab fil-punt 109 tas-sentenza appellata li jirrigwarda, essenzjalment, l-obbligu li tiġi rrispettata l-proċedura amministrattiva fiż-żewġ stadji previsti fl-Artikoli 7 u 8 tar-Regolament Nru 1049/2001 qabel il-preżentata ta’ kwalunkwe rikors għal annullament skont l-Artikolu 230 KE.

62.

Għaldaqstant, nipproponi li t-tielet aggravju tal-appell jiġi miċħud.

63.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li l-ewwel punt tad-dispożittiv tas-sentenza appellata li jiddikjara l-inammissibbiltà tar-rikors fl-ewwel istanza huwa, fil-fehma tiegħi, fondat, m’għadx hemm iktar lok li jiġu eżaminati l-ewwel u t-tieni aggravju tal-appell.

64.

Għaldaqstant, huwa biss b’mod sussidjarju li ser neżamina dawn iż-żewġ aggravji tal-appell, f’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx mal-proposta li għadni kif għamilt.

C — Sussidjarjament, fuq l-ewwel u t-tieni aggravji tal-appell, ibbażati fuq il-klassifikazzjoni ġuridika żbaljata tal-ittra tas-26 ta’ Lulju 2002 bħala li fiha deċiżjoni li tista’ tiġi appellata u fuq il-klassifikazzjoni ġuridika żbaljata tal-ittra tal-14 ta’ Frar 2005 bħala li tikkostitwixxi att purament konfermatorju rispettivament

1. Fuq l-ewwel aggravju tal-appell, ibbażat fuq il-klassifikazzjoni ġuridika żbaljata tal-ittra tas-26 ta’ Lulju 2002 bħala li fiha deċiżjoni li tista’ tiġi appellata

a) L-argumenti tal-partijiet

65.

Skont l-appellanti, il-Qorti tal-Prim’Istanza kklassifikat b’mod żbaljat l-ittra tas-26 ta’ Lulju 2002 bħala li hija tweġiba għall-applikazzjoni konfermatorja skont l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1049/2001 li tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament skont l-Artikolu 230 KE. Fil-fatt, ladarba l-Qorti tal-Prim’Istanza ma naqsitx milli tirrileva li l-ittra tas-26 ta’ Lulju 2002 kienet ġiet adottata bi ksur tar-rekwiżiti proċedurali sostanzjali, hija kellha tasal għall-konstatazzjoni tan-nullità jew tal-ineżistenza ġuridika tad-deċiżjoni inkluża fl-ittra msemmija. F’dan ir-rigward, l-appellanti tosserva li, b’mod kuntrarju għall-Artikolu 4 tal-Anness tad-Deċiżjoni 2001/937, l-ittra tas-26 ta’ Lulju 2002 ma ġietx adottata mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni, filwaqt li, bi ksur tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1049/2001, ma tagħti ebda motivazzjoni u lanqas ma fiha indikazzjoni tar-rimedji disponibbli.

66.

Il-Kummissjoni turi, l-ewwel nett, dubji fir-rigward tal-ammissibbiltà tal-ewwel aggravju tal-appell inkwantu l-appellanti ma tippreċiżax l-elementi kkritikati tas-sentenza li tagħha qiegħed jintalab l-annullament u tidher, tal-inqas f’ċerti aspetti, li qiegħda tikkritika lill-Qorti tal-Prim’Istanza bi żbalji fil-konstatazzjoni jew l-evalwazzjoni tal-fatti, kwistjoni li ma taqax taħt il-kontroll tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-appell.

67.

Fuq il-mertu, u sa fejn l-aggravju tal-appell huwa llimitat għall-klassifikazzjoni ġuridika żbaljata tal-ittra tas-26 ta’ Lulju 2002, il-Kummissjoni tiċħad l-argument tal-appellanti. Fl-ewwel lok, hija ssostni li għalkemm il-vizzji indikati mill-appellanti kienu jikkostitwixxu ksur tar-rekwiżiti proċedurali sostanzjali, dawn bl-ebda mod ma kienu jwasslu lill-Qorti tal-Prim’Istanza għall-konstatazzjoni tal-ineżistenza tad-deċiżjoni tas-26 ta’ Lulju 2002, iżda jekk xejn għall-illegalità tagħha u, għaldaqstant, in-natura kontestabbli tagħha. Issa, huwa preċiżament biex tinvoka din in-natura kontestabbli tad-deċiżjoni li l-appellanti kellha l-possibbiltà li tappella kontra d-deċiżjoni msemmija, possibbilità li hija ma użatx. Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tqis li, anke jekk wieħed jissoponi li l-ittra tas-26 ta’ Lulju 2002 kienet ġuridikament ineżistenti, xorta waħda kienet tkun ġiet adottata deċiżjoni negattiva skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, wara l-iskadenza tat-terminu ta’ 15-il jum, li kontriha l-appellanti setgħet tippreżenta rikors għal annullament. Għaldaqstant, anke jekk wieħed jissoponi li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat b’mod skorett l-eżistenza ta’ deċiżjoni valida, l-ittra tal-14 ta’ Frar 2005 kellha madankollu titqies dejjem bħala att purament konfermatorju ta’ deċiżjoni negattiva (impliċita) li l-appellanti kellha tikkontesta fit-termini.

b) Kunsiderazzjonijiet

68.

Mhuwiex meħtieġ li l-Qorti tal-Ġustizzja tidħol fil-kwistjoni tad-dubji li l-Kummissjoni esprimiet fir-rigward tal-ammissibbiltà ta’ dan l-aggravju.

69.

Fil-fatt, minkejja n-natura xi ftit konfuża tal-argumenti esposti mill-appellanti insostenn ta’ dan l-aggravju tal-appell, l-istess appellanti tidentifika, fil-fehma tiegħi, b’mod suffiċjenti skont il-liġi, l-evalwazzjonijiet li jinsabu fil-punti 79 sa 81 tas-sentenza appellata, li skonthom id-deċiżjoni tas-26 ta’ Lulju 2002 kienet tikkostitwixxi att li jolqot b’mod negattiv lill-appellanti li kontrih seta’ jiġi ppreżentat rikors għal annullament u li sar definittiv, bħala li huma vvizzjati bi żbalji ta’ liġi. Barra minn hekk, b’mod kuntrarju għal dak li ssostni l-Kummissjoni, il-premessa li fuqha hija bbażata l-kritika tal-appellanti ma tinsabx f’kontestazzjoni tal-evalwazzjoni tal-fatti magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza, iżda fl-eżami mhux komplut tal-fatti ppreżentati quddiemha. Issa, il-qorti Komunitarja diġà aċċettat bħala ammissibbli fl-istadju tal-appell aggravju bbażat fuq l-eżami mhux komplut tal-fatti mill-qorti li tiddeċiedi l-mertu tal-kawża ( 12 ). Dan għandu japplika a fortiori fir-rigward ta’ argument li jkun sar insostenn ta’ punt ta’ liġi.

70.

Fir-rigward tal-mertu, jista’ jirriżulta li l-ewwel aggravju tal-appell jkun jeħtieġ soluzzjoni iktar delikata minn dik li tidher prima facie.

71.

Ċertament, għandu faċilment jiġi ddikjarat irrilevanti l-allegat nuqqas min-naħa tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tieħu inkunsiderazzjoni n-nuqqas ta’ motivazzjoni fl-ittra tas-26 ta’ Lulju 2002 allegata mill-appellanti. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet, fil-punt 78 tas-sentenza appellata, punt dan li ma ġiex ikkritikat mill-appellanti, li jirriżulta mit-termini stess ta’ din l-ittra, li kienet tirreferi espressament għall-ittra tat-8 ta’ Lulju 2002, li l-Kummissjoni kienet indikat biċ-ċar lill-appellanti li hija ma riditx tibdel it-tweġiba inizjali tagħha. L-appellanti ma tistax, għaldaqstant, tippretendi li l-Qorti tal-Prim’Istanza naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-allegat nuqqas ta’ motivazzjoni tal-ittra tas-26 ta’ Lulju 2002. Mill-banda l-oħra, hija eżaminat sewwa jekk ir-rifjut inkluż fl-ittra tas-26 ta’ Lulju 2002 kienx ġie motivat billi enfasizzat preċiżament li dik l-ittra kienet esponiet, tal-inqas fil-qosor, ir-raġunijiet li kienu wasslu lill-Kummissjoni sabiex tirrifjuta l-aċċess sħiħ tal-appellanti għall-proċess li jikkonċerna l-kuntratt LIEN 97-2011.

72.

Min-naħa l-oħra, fir-rigward taż-żewġ vizzji l-oħra li jaffettwaw id-deċiżjoni tas-26 ta’ Lulju 2002, huwa paċifiku, minn banda, li din ġietx adottata mill-awtorità kompetenti indikata mill-Artikolu 4 tal-Anness tad-Deċiżjoni 2001/937, jiġifieri s-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni, u ma kienx fiha indikazzjoni fuq ir-rimedji disponibbli, b’mod kuntrarju għall-obbligu li għandha l-istituzzjoni fil-konfront tal-applikant skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1049/2001, u, mill-banda l-oħra, li l-Qorti tal-Prim’Istanza naqset milli teżamina l-imsemmija vizzji.

73.

F’dan l-istadju, l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jkun limitat għal verifika ta’ jekk, fuq suppożizzjoni li l-Qorti tal-Prim’Istanza eżaminat iż-żewġ irregolaritajiet li jaffettwaw id-deċiżjoni tas-26 ta’ Lulju 2002, hija waslitx għall-konsegwenza li din id-deċiżjoni kienet nieqsa “mill-effikaċja ġuridika” fis-sens li hija kellha titqies bħala nulla jew ineżistenti, skont kif l-appellanti tallega.

74.

Jidhirli, madankollu, li jeħtieġ eżami iktar dettaljat tal-aggravju tal-appell fir-rigward tal-kritika indirizzata lejn il-Qorti tal-Prim’Istanza li ma eżaminatx ċerti fatti li jingħad li ġew madankollu esposti quddiemha.

75.

Għaldaqstant, nissuġġerixxi, qabel xejn, li jiġi vverifikat jekk il-Qorti tal-Prim’Istanza kinitx obbligata teżamina ż-żewġ vizzji li jaffettwaw id-deċiżjoni tas-26 ta’ Lulju 2002 identifikati mill-appellanti fl-appell tagħha.

i) Fuq l-obbligu li tittieħed inkunsiderazzjoni l-inkompetenza tal-awtur tad-deċiżjoni tas-26 ta’ Lulju 2002

76.

Fir-rigward tal-inkompetenza tal-awtur tad-deċiżjoni tas-26 ta’ Lulju 2002, huwa paċifiku li dan l-ilment ma tqajjimx quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.

77.

Tqum għalhekk il-kwistjoni dwar jekk il-Qorti tal-Prim’Istanza kellhiex tqajjem ex officio tali irregolarità.

78.

Kif diġà kelli l-okkażjoni nesponi fil-punti 102 sa 109 tal-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati fil-kawża li wasslet għas-sentenza Common Market Fertilizers vs Il-Kummissjoni ( 13 ), l-aggravju bbażat fuq l-inkompetenza tal-awtur tal-att għandu, bħala regola ġenerali, jiġi rrilevat ex officio mill-qorti Komunitarja ( 14 ) bħala aggravju ta’ ordni pubbliku. Fil-fatt, fil-fehma tiegħi, tali aggravju jissodisfa, bħala regola ġenerali, iż-żewġ kriterji fundamentali identifikati mill-avukat ġenerali Jacobs fil-punti 141 u 142 tal-konklużjonijiet tiegħu ppreżentati fil-kawża li wasslet għas-sentenza Salzgitter vs Il-Kummissjoni ( 15 ), li jippermettu li jiġi evalwat:

—

“jekk id-dispożizzjoni miksura għandhiex għan fundamentali tal-ordni ġuridiku Komunitarju u jekk għandhiex rwol sinjifikattiv għall-finijiet tat-twettiq ta’ dan l-għan” u

—

“jekk id-dispożizzjoni miksura ġietx stabbilita fl-interess ta’ terzi jew fl-interess kollettiv b’mod ġenerali, u mhux biss fl-interessi tal-persuni direttament ikkonċernati” ( 16 ).

79.

Ċertament, ir-regoli dwar il-kompetenza huma intiżi sabiex jassiguraw għan (jew valur) fundamentali tas-sistema ġuridika Komunitarja, jiġifieri dak tal-ekwilibriju istituzzjonali, u huma ġeneralment stabbiliti fl-interess kollettiv ġenerali.

80.

Xorta waħda jibqa’ l-fatt li għalkemm, bħala regola ġenerali, aggravju bbażat fuq l-inkompetenza tal-awtur tal-att għandu jiġi rrilevat ex officio, l-approċċ l-iktar korrett huwa li ssir evalwazzjoni każ b’każ — jiġifieri b’referenza għar-regola speċifika dwar il-kompetenza li allegatament tkun ġiet miksura — sabiex jiġi stabbilit jekk iż-żewġ kriterji msemmija iktar ’il fuq, inkluż għalhekk dak relatat mar-rwol sinjifikattiv tar-regola fit-twettiq tal-għan jew il-valur fundamentali inkwistjoni, humiex sodisfatti ( 17 ).

81.

Huwa preċiżament f’dan ir-rigward li jidhirli li r-regola miksura f’dan il-każ, jiġifieri l-Artikoli 4(1) tal-Anness tad-Deċiżjoni 2001/937, li biha s-setgħa li tingħata tweġiba għall-applikazzjonijiet konfermatorji għall-aċċess għad-dokumenti hija ddelegata lis-Segretarjat Ġenerali, ma tikkontribwixxix b’mod sinjifikattiv għar-rispett tal-ekwilibriju istituzzjonali. Din ir-regola iktar għandha mill-miżuri ta’ ġestjoni jew ta’ amministrazzjoni interni tal-Kummissjoni, u dan b’mod konformi mal-bażi ġuridika li fuqha hija bbażata, jiġifieri l-Artikolu 14 tar-Regoli ta’ proċedura tal-Kummissjoni fil-verżjoni li kienet tapplika fil-mument meta ġiet adottata d-deċiżjoni tas-26 ta’ Lulju 2002 ( 18 ). Għaldaqstant, ma jidhirlix li l-ksur ta’ tali regola hija kwistjoni li l-qorti Komunitarja għandha teżamina ex officio.

82.

Minn dan isegwi li l-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-fehma tiegħi, ma wettqet ebda żball ta’ liġi meta ma qajmitx ex officio l-inkompetenza tal-awtur tad-deċiżjoni tas-26 ta’ Lulju 2002.

ii) Fuq l-obbligu li jittieħed inkunsiderazzjoni n-nuqqas ta’ indikazzjoni tar-rimedji meta ġiet adottata d-deċiżjoni tas-26 ta’ Lulju 2002

83.

Għandu jiġi mfakkar li, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fid-digrieti Guérin automobiles vs Il-Kummissjoni ( 19 ) li ma jeżisti ebda obbligu ġenerali fuq l-awtoritajiet amministrattivi Komunitarji li jinformaw lill-individwi bir-rimedji disponibbli, din l-affermazzjoni hija madankollu suġġetta għall-kundizzjoni dwar “in-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet espressi tad-dritt Komunitarju”.

84.

Fir-rigward tal-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1049/2001 jimponi espliċitament, fuq l-istituzzjoni kkonċernata li tirrifjuta totalment jew parzjalment l-aċċess, l-obbligu li “tavża l-applikant dwar ir-rimedji tiegħu jew tagħha, jiġifieri proċeduri fil-qrati kontra l-istituzzjoni u/jew ilment lill-Ombudsman, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 230 u 195 tat-Trattat tal-KE, rispettivament”.

85.

F’dan il-każ, kif diġà ntqal, kienet allura l-Kummissjoni li kellha l-obbligu li tavża lill-appellanti fuq ir-rimedji disponibbli kontra d-deċiżjoni tas-26 ta’ Lulju 2002 meta din ġiet adottata ( 20 ).

86.

Kif jirriżulta mill-atti ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, u kif il-Kummissjoni ammettiet fir-risposta tagħha għall-appell ( 21 ), l-appellanti siltet argument, anke jekk fil-qosor, fil-kuntest tal-eżami mill-Qorti tal-Prim’Istanza dwar l-ammissibbiltà tar-rikors għal annullament tagħha, fuq in-nuqqas ta’ indikazzjoni tar-rimedji disponibbli kontra d-deċiżjoni tas-26 ta’ Lulju 2002.

87.

Huwa minnu li, skont il-ġurisprudenza, il-Qorti tal-Prim’Istanza mhijiex marbuta li twieġeb fid-dettall għal kull argument invokat minn parti sabiex timmotiva biżżejjed is-sentenza tagħha skont il-liġi ( 22 ).

88.

Madankollu, fid-dawl tar-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1049/2001 li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma setgħetx tinjora u fid-dawl tan-nuqqas manifest min-naħa tal-Kummissjoni li tindika r-rimedji meta hija adottat id-deċiżjoni tas-26 ta’ Lulju 2002, l-appellanti riedet b’mod ċar, filwaqt li semmiet l-irregolarità li taffettwa d-deċiżjoni msemmija, li l-Qorti tal-Prim’Istanza teżamina l-konsegwenzi li seta’ jkollu dan in-nuqqas fuq l-ammissibbiltà tar-rikors ippreżentat quddiemha, ammissibbiltà li, infakkar, kienet wara kollox espressament ikkontestata mill-Kummissjoni.

89.

Issa, kif ser nippreċiża iktar ’l isfel f’dawn il-konklużjonijiet, tali eżami kellu jwassal b’mod partikolari lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tirrifletti dwar jekk it-termini għal preżentata ta’ rikors jistgħux jiġu invokati fil-konfront tal-appellanti.

90.

Għaldaqstant, bil-fatt li astjeniet milli teżamina n-nuqqas ta’ indikazzjoni tar-rimedji kontra d-deċiżjoni tas-26 ta’ Lulju 2002 kif talbitha l-appellanti u għaldaqstant, bil-fatt li naqset milli tirrifletti fuq il-konsegwenzi li seta’ jkollha din l-irregolarità meta ġiet adottata d-deċiżjoni bbażata fuq l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1049/2001, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-fehma tiegħi, tal-inqas, immotivat b’mod insuffiċjenti ( 23 ) il-konklużjoni li waslet għaliha fis-sentenza appellata li skontha d-deċiżjoni tas-26 ta’ Lulju 2002 kienet tikkostitwixxi att li jista’ jiġi kkontestat li kien sar definittiv fil-mument tal-preżentata tar-rikors ippreżentat kontra l-att adottat fl-14 ta’ Frar 2005.

91.

L-iżball ta’ liġi fir-rigward tal-obbligu ta’ motivazzjoni li għadni kif ippuntwalizzajt ma jidhirlix li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tagħmel tajjeb għalih fil-kuntest tal-appell, peress li l-istħarriġ li din hija mitluba tagħmel f’dan il-każ jirrigwarda mhux biss esklużivament aggravji ta’ liġi biss, iżda, tal-inqas parzjalment, l-evalwazzjoni ta’ fatti li ma ġewx eżaminati mill-Qorti tal-Prim’Istanza ( 24 ).

92.

Minn dan isegwi li s-sentenza appellata għandha tiġi annullata parzjalment, inkwantu, prinċipalment, hija tiddikjara inammissibbli r-rikors ippreżentat mill-appellanti minħabba li dan sar kontra att purament konfermatorju tal-att adottat fis-26 ta’ Lulju 2002.

93.

Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja taqbel ma’ dan l-approċċ, ma jkunx hemm bżonn li tingħata deċiżjoni fuq it-tieni aggravju tal-appell peress li dan ma jkunx jista’ jwassal għal annullament iktar wiesa’ minn dak li għadni kif ipproponejt ( 25 ).

94.

Għaldaqstant huwa biżżejjed li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fuq il-fondatezza tat-tielet aggravju dirett kontra l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza li hija għamlet “għall-finijiet ta’ kompletezza” jew, b’mod iktar korrett, b’mod alternattiv, fejn issostni essenzjalment li, fuq suppożizzjoni li l-ittra tal-14 ta’ Frar 2005 ma kinitx tikkostitwixxi att purament konfermatorju, ir-rikors għal annullament ippreżentat mill-appellanti kien għal kollox intempestiv. Fil-fatt, huwa biss fil-każ li jintlaqa’ t-tielet aggravju tal-appell li s-sentenza appellata tkun tista’ tiġi kompletament annullata.

95.

Madankollu, kif indikajt iktar ’il fuq, jidhirli li t-tielet aggravju tal-appell għandu jiġi miċħud.

96.

Għaldaqstant, anki jekk wieħed jissoponi li l-Qorti tal-Ġustizzja teżamina l-ewwel aggravju u tikkunsidra li s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza għandha tiġi parzjalment annullata, ma jkun hemm ebda bżonn li jiġi deċiż it-tieni aggravju tal-appell.

97.

Barra minn hekk, huwa importanti li jiġi ppreċiżat f’dan l-istadju li, anke jekk wieħed jassumi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li tilqa’ l-ewwel u t-tielet aggravju tal-appell u tqis li tkun f’pożizzjoni li tiddeċiedi fuq l-ammissibbiltà tar-rikors għal annullament fl-ewwel istanza, dan ma jistax jiġi dedott, fil-fehma tiegħi, mill-argumenti tal-appellanti li huma bbażati fuq l-ineżistenza jew in-nullità tad-deċiżjoni tas-26 ta’ Lulju 2002, jew mill-fatt li possibbilment it-termini għal preżentata ta’ azzjoni kontenzjuża ma jkunux jistgħu jiġu invokati fil-konfront tagħha.

98.

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-pretiża ineżistenza tad-deċiżjoni tas-26 ta’ Lulju 2002, għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-atti tal-istituzzjonijiet Komunitarji jgawdu, fil-prinċipju, minn preżunzjoni ta’ legalità u joħolqu, għaldaqstant, effetti ġuridiċi, anki jekk ikunu vvizzjati b’illegalità, sakemm ma jiġux irtirati jew annullati ( 26 ).

99.

Huwa biss b’eċċezzjoni għal dan il-prinċipju li l-atti li huma vvizzjati b’irregolarità li s-serjetà tagħha hija tant ċara li ma tistax tiġi aċċettata fis-sistema ġuridika Komunitarja, għandhom jiġu kkunsidrati bħala atti li ma taw lok għal ebda effett ġuridiku, anki provviżorju, jiġifieri jiġu kkunsidrati bħala ġuridikament ineżistenti. Din l-eċċezzjoni hija intiża sabiex iżżomm bilanċ bejn żewġ rekwiżiti fundamentali, iżda xi drabi kunfliġġenti, li sistema ġuridika trid tissodisfa, jiġifieri l-istabbiltà tar-relazzjonijiet ġuridiċi u l-osservanza tal-legalità ( 27 ).

100.

Is-serjetà tal-konsegwenzi marbuta mal-konstatazzjoni tal-ineżistenza ta’ att tal-istituzzjonijiet tal-Komunità Ewropea timplika li, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, konstatazzjoni bħal din għandha ssir biss f’każijiet estremi ( 28 ).

101.

Huwa b’dan il-mod li l-Qorti tal-Ġustizzja rrifjutat li tqis bħala ġuridikament ineżistenti deċiżjonijiet li kienu vvizzjati b’irregolaritajiet li jikkonsistu fin-nuqqas ta’ awtentifikazzjoni tal-att u/jew l-inkompetenza tal-awtur tiegħu ( 29 ).

102.

F’dan il-każ, fid-dawl tal-ġurisprudenza li għadha kif ġiet imfakkra, bl-ebda mod ma jidhirli li l-irregolarità li taffettwa l-ittra tas-26 ta’ Lulju 2002 li tirrigwarda n-nuqqas ta’ indikazzjoni tar-rimedji hija ta’ serjetà tant ċara li ma tistax tiġi aċċettata fis-sistema ġuridika Komunitarja sal-punt li timplika l-ineżistenza ġuridika tal-istess ittra.

103.

Mill-banda l-oħra, u fit-tieni lok, kif ġustament issostni l-Kummissjoni, din l-irregolarità setgħet tiġi kkritikata fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, skont l-Artikolu 230 KE, kontra d-deċiżjoni inkluża fl-ittra tas-26 ta’ Lulju 2002, abbażi tal-ksur tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1049/2001.

104.

Madankollu, huwa paċifiku li l-appellanti ma użatx din il-fakultà kontra l-imsemmija ittra, mhux minħabba l-fatt li hija injorat ir-rimedju kontenzjuż li kellu jissemma meta ġiet adottata d-deċiżjoni tas-26 ta’ Lulju 2002 skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1049/2001, imma essenzjalment minħabba raġunijiet ta’ opportunità, u dan kif indikat l-appellanti għall-ewwel darba fil-punt 10 tal-appell tagħha ( 30 ).

105.

Barra minn hekk, anki jekk wieħed jissoponi li l-vizzju pretiż seta’ jġib miegħu, minnu nnifsu, l-annullament tad-deċiżjoni tas-26 ta’ Lulju 2002 ( 31 ), il-qorti Komunitarja ma setgħetx tannulla l-imsemmija deċiżjoni fil-kuntest ta’ rikors magħmul esklużivament kontra l-ittra tal-14 ta’ Frar 2005, mingħajr ma tmur lil hinn mill-parametri tal-kawża.

106.

Finalment, fit-tielet lok, jiena lanqas ma naħseb li f’dan il-każ tista’ tiġi kkonstatata xi konsegwenza oħra minħabba n-nuqqas ta’ indikazzjoni tar-rimedji fil-mument li fih ġiet adottata d-deċiżjoni tas-26 ta’ Lulju 2002, jiġifieri n-nuqqas ta’ opponibbiltà tat-termini għal preżentata ta’ rikors.

107.

B’mod ġenerali, huwa minnu li d-dritt nazzjonali ta’ ċertu numru ta’ Stati Membri jissanzjonaw in-nuqqas ta’ indikazzjoni tar-rimedji min-naħa tal-amministrazzjoni mhux permezz tal-illegalità tad-deċiżjoni kkonċernata iżda permezz tan-nuqqas ta’ opponibbiltà tat-termini għal azzjonijiet kontenzjużi possibbli kontra l-att amministrattiv ikkontestat ( 32 ). Ġeneralment, din is-soluzzjoni tippermetti b’hekk li l-qorti nazzjonali tevita d-dekadenza ta’ azzjoni minħabba li l-amministrazzjoni ma tkunx irrispettat l-obbligu tal-għoti ta’ informazzjoni dwar ir-rimedji li hija kellha fil-konfront tad-destinatarju tal-att. Tali sanzjoni hija fil-prinċipju prevista espliċitament mil-liġi jew minn att ta’ portata ġenerali, iżda tista’ tiġi dedotta wkoll iure praetorio.

108.

Issa, wieħed jista’ jirribatti li, fid-dritt Komunitarju, la t-Trattat u lanqas ir-Regolament Nru 1049/2001 ma taw espliċitament lill-qorti Komunitarja l-kompetenza li tissanzjona n-nuqqas li tingħata l-informazzjoni dwar ir-rimedji disponibbli kontra d-deċiżjoni li tirrifjuta l-aċċess għal dokumenti permezz tan-nuqqas ta’ opponibbiltà tat-termini għal preżentata ta’ rikors fil-konfront tad-destinatarju ta’ din id-deċiżjoni.

109.

Madankollu, jidhirli li tali attribuzzjoni ta’ kompetenza tista’ tiġi dedotta mis-sistema ta’ rimedji prevista fit-Trattat KE, b’mod partikolari ta’ dik mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja bis-saħħa tal-Artikolu 230 KE, u mir-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1049/2001. Fil-fatt, li wieħed jammetti li l-qorti Komunitarja tista’ tikkonstata li t-termini għal preżentata ta’ rikors ma jkunux jistgħu jiġu invokati meta l-amministrazzjoni Komunitarja tkun naqset milli tinforma lid-destinatarju bir-rimedji disponibbli kontra deċiżjoni li tirrifjuta l-aċċess għad-dokumenti, ifisser li l-individwu jkun qiegħed jingħata l-possibbiltà li jistħarreġ il-legalità tal-azzjoni tal-istituzzjonijiet Komunitarji f’dan il-qasam billi b’hekk jiġi ggarantit lilu d-dritt li jipproċedi ġudizzjarjament.

110.

B’hekk, b’mod definittiv, mhijiex kwistjoni li tingħata kompetenza addizzjonali lill-qorti Komunitarja, imma li din tkun awtorizzata twettaq b’mod sħiħ l-istħarriġ tal-legalità tal-atti adottati mill-istituzzjonijiet Komunitarji fil-kuntest li fih japplika r-Regolament Nru 1049/2001.

111.

Fis-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni ressqet argument kontra l-konstatazzjoni tan-nuqqas ta’ opponibbiltà tat-termini għal preżentata ta’ rikors abbażi tal-fatt li, skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, in-nuqqas ta’ tweġiba għall-applikazzjoni konfermatorja fit-terminu preskritt jittieħed bħallikieku kien hemm deċiżjoni impliċita ta’ rifjut li kontriha jibda jiddekorri t-terminu għal azzjoni kontenzjuża. Issa, fir-rigward ta’ deċiżjoni negattiva impliċita li minnha nnifisha ma fiha ebda indikazzjoni ta’ rimedji, ma jkunx raġonevoli li jiġi konkluż, fil-fehma tal-Kummissjoni, li t-termini għall-preżentata ta’ rikors ma jkunu qatt opponibbli fil-konfront tad-destinatarju ta’ deċiżjoni bħal din.

112.

Għalkemm huwa minnu li dan l-argument mhuwiex nieqes la mis-saħħa u lanqas mil-loġika, niddubita madankollu jekk il-konsegwenza ġenerali li wieħed għandu jislet minnu hijiex, kif sostniet ukoll il-Kummissjoni fis-seduta, li l-indikazzjoni tar-rimedji min-naħa tal-amministrazzjoni skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1049/2001 tista’ titqies biss bħala sempliċi tfakkira informattiva tad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat KE, mingħajr ma n-nuqqas ta’ din l-informazzjoni jkun jista’ jiġi ssanzjonat.

113.

Fil-fatt, fid-dritt amministrattiv ta’ ċerti Stati Membri, bħalma huwa dak tar-Repubblika Franċiża u tar-Repubblika Taljana, li għandhom il-fenomenu ġuridiku li s-silenzju tal-amministrazzjoni lil hinn minn terminu speċifiku jkun ifisser li t-talba tkun ġiet miċħuda, din is-sitwazzjoni ma kkostitwixxietx ostaklu insuperabbli biex jiġu introdotti dispożizzjonijiet li jimponu fuq l-amministrazzjoni l-obbligu li ssemmi r-rimedji ġudizzjarji meta tiġi adottata deċiżjoni individwali espliċita ta’ rifjut u li jissanzjonaw in-nuqqas ta’ din l-informazzjoni permezz tan-nuqqas ta’ opponibbiltà tat-termini għal preżentata ta’ rikors.

114.

Issa, fil-kawża ineżami, id-deċiżjoni tas-26 ta’ Lulju 2002 kienet tikkostitwixxi effettivament deċiżjoni espliċita li tiċħad lill-appellanti mill-aċċess għall-intier tad-dokumenti li jirrigwardaw il-kuntratt LIEN 97-2011.

115.

Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, jekk xejn ma jeskludi li n-nuqqas ta’ indikazzjoni tar-rimedji fl-adozzjoni ta’ deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1049/2001 jista’ jiġi ssanzjonat permezz tan-nuqqas ta’ opponibbiltà tat-termini għal preżentata ta’ rikors, tibqa’ l-kwistjoni dwar in-natura tas-sanzjoni, fis-sens jekk din hijiex ta’ natura awtomatika jew skont il-każ.

116.

F’dan ir-rigward, jidhirli li huwa raġonevoli li wieħed jikkunsidra li għandu jkun hemm preżunjoni fis-sens li fin-nuqqas ta’ informazzjoni fuq ir-rimedji, kif rikjesta mill-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1049/2001, l-applikant ikun preżunt li ma setax jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ azzjoni fit-terminu rikjest. Jidhirli li tali preżunzjoni hija koerenti mal-għanijiet tar-Regolament Nru 1049/2001 li huma dawk li d-dritt ta’ aċċess jingħata l-iktar effett wiesa’ possibbli u li jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt miċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea ( 33 ).

117.

Madankollu, nikkunsidra wkoll li din il-preżunzjoni m’għandhiex tkun assoluta. Meta tiġi eżaminata mill-qorti, in-nuqqas ta’ opponibbiltà tat-termini għal preżentata ta’ rikors għandha tkun tista’ tiġi skartata skont iċ-ċirkustanzi konkreti ta’ kull każ ineżami. B’mod partikolari, il-livell ta’ informazzjoni tal-applikant jew l-intenzjoni tiegħu, murija b’mod ċar, li ma jipprevalixxix ruħu mid-dritt ta’ azzjoni ġudizzjarja għandhom, fil-fehma tiegħi, jikkostitwixxu elementi rilevanti li jridu jittieħdu inkunsiderazzjoni ( 34 ).

118.

F’din il-kawża, kif ġie indikat fil-punt 104 ta’ dawn il-konklużjonijiet, wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni tas-26 ta’ Lulju 2002, l-appellanti għażlet li tressaq ilment quddiem l-Ombudsman, rimedju extraġudizzjarju, li għandu wkoll jissemma’ b’mod obbligatorju f’kull deċiżjoni li tiċħad applikazzjoni konfermatorja għall-aċċess għal dokumenti, minflok ma tippreżenta rikors għal annullament quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, u dan għal raġunijiet ta’ opportunità, kif hija indikat għall-ewwel darba fil-punt 10 tal-appell tagħha ( 35 ). Għaldaqstant, hija kienet informata bis-sħiħ bil-possibbiltà li tippreżenta rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni tas-26 ta’ Lulju 2002, possibbiltà madankollu li hija ma użatx.

119.

Premessi dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, nikkunsidra li r-rikors fl-ewwel istanza ma setax jiġi ddikjarat ammissibbli minħabba li n-nuqqas ta’ indikazzjoni tar-rimedji waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni tas-26 ta’ Lulju 2002 involva l-ineżistenza jew in-nullità ta’ din id-deċiżjoni jew altrimenti n-nuqqas ta’ opponibbiltà tat-termini għal azzjoni kontenzjuża.

120.

Fid-dawl tal-osservazzjonijiet preċedenti, mhuwiex meħtieġ li tingħata deċiżjoni fuq il-fondatezza tat-tieni aggravju tal-appell. Madankollu, ser neżamina dan l-aggravju tal-appell għal kull bon fini.

2. Fuq it-tieni aggravju tal-appell, ibbażat fuq klassifikazzjoni ġuridika żbaljata tal-ittra tal-14 ta’ Frar 2005 bħala li tikkostitwixxi att purament konfermatorju

a) L-argumenti tal-partijiet

121.

Fl-ewwel lok, l-appellanti hija tal-fehma li l-Qorti tal-Prim’Istanza żbaljat meta rrifjutat li tirrikonoxxi, fil-punti 87 sa 92, kif ukoll fil-punt 101 tas-sentenza appellata, li l-konklużjonijiet u r-riżultati tal-investigazzjoni li saret mill-Ombudsman kienu jikkostitwixxu elementi ġodda li jippermettu d-dekorrenza mill-ġdid tat-termini għal preżentata ta’ rikors. Fit-tieni lok, hija ssostni li ma tistax tifhem, fir-rigward tal-komportament ġenerali tal-Kummissjoni, kif il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet, fil-punt 93 sa 100 tas-sentenza appellata, li l-ittra tal-14 ta’ Frar 2005 ma kinitx ippreċeduta minn rieżami tas-sitwazzjoni tal-appellanti. Issa, skont ir-rikorrenti, huwa perfettament ċar li l-Kummissjoni kienet analizzat l-ittra tagħha datata t-22 ta’ Diċembru 2004 bħala talba kompletament ġdida għall-aċċess għall-fajl li jirrigwarda l-kuntratt LIEN 97-2011 u li din l-istituzzjoni riedet tagħti, wara analiżi tas-sitwazzjoni, tweġiba awtonoma u definittiva. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ittra tal-14 ta’ Frar 2005 ma setgħetx għalhekk tiġi kklassifikata bħala att purament konfermatorju tad-deċiżjoni tas-26 ta’ Lulju 2002. Fis-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, l-appellanti sostniet li, fi kwalunkwe każ, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-inammissibbiltà ta’ rikors ippreżentat kontra att purament konfermatorju ta’ att preċedenti li ma jkunx ġie kkontestat fit-termini mhijiex rilevanti fil-kuntest tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1049/2001.

122.

Il-Kummissjoni tiċħad il-kritika li saret kontra l-evalwazzjonijiet li saru mill-Qorti tal-Prim’Istanza. Fil-fehma tagħha, kienet korretta l-Qorti tal-Prim’Istanza meta ddeċidiet, fil-punt 86 tas-sentenza appellata, li d-deċiżjoni tal-Ombudsman li kkonstata każ ta’ amministrazzjoni ħażina ma tistax taffettwa n-natura definittiva tad-deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni fis-26 ta’ Lulju 2002. Is-soluzzjoni inversa kienet konsegwentement tippreġudika n-nuqqas ta’ effett sospensiv tal-proċedura tal-ilment imressaq quddiem l-Ombudsman fuq it-termini għal azzjonijiet ġudizzjarji. Din is-soluzzjoni tinjora wkoll in-natura extraġudizzjarja tal-proċedura mibdija quddiem l-Ombudsman u n-natura mhux eżekuttiva tal-opinjonijiet tiegħu. Fir-rigward tal-kriterju tan-nuqqas ta’ rieżami tas-sitwazzjoni tal-appellanti, il-Kummissjoni tqis, essenzjalment, u b’risposta għal domanda bil-miktub magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 54a tar-Regoli ta’ Proċedura tagħha, li dan ma jinvolvix kundizzjoni awtonoma minn dik tal-eżistenza ta’ element ġdid, li huwa nieqes f’dan il-każ.

3. Evalwazzjoni

a) Fuq l-applikabbiltà tal-ġurisprudenza li tikkonċerna l-inammissibbiltà ta’ rikors ippreżentat kontra att purament konfermatorju ta’ att preċedenti li ma jkunx ġie kkontestat fit-termini fil-kuntest tar-Regolament Nru 1049/2001

123.

Huwa paċifiku fil-ġurisprudenza li t-termini għal preżentata ta’ rikors skont l-Artikolu 230 KE huma ta’ natura ta’ ordni pubblika u mhumiex għad-dispożizzjoni la tal-partijiet u lanqas tal-qorti, inkwantu dawn it-termini ġew stabbiliti bil-għan li tiġi żgurata ċ-ċarezza u ċ-ċertezza tas-sitwazzjonijiet ġuridiċi ( 36 ).

124.

Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, rikors għal annullament magħmul kontra deċiżjoni purament konfermatorja ta’ deċiżjoni preċedenti li ma tkunx ġiet ikkontestata fit-termini huwa inammissibbli ( 37 ).

125.

Il-Qorti tal-Prim’Istanza applikat din il-ġurisprudenza fis-sentenza appellata meta kkunsidrat li l-ittra tal-14 ta’ Frar 2005, li ċaħdet it-talba għall-aċċess sħiħ għall-fajl li jirrigwarda l-kuntratt LIEN 97-2011, kienet tikkostitwixxi att purament konfermatorju tad-deċiżjoni tas-26 ta’ Lulju 2002.

126.

Il-Qorti tal-Prim’Istanza ma wrietx (tal-inqas espressament) dubju fuq l-applikabbiltà ta’ din il-ġurisprudenza fil-kuntest tal-aċċess pubbliku għad-dokumenti, kif previst mir-Regolament Nru 1049/2001.

127.

Kif diġà irrimarkajt fil-punt 49 ta’ dawn il-konklużjonijiet, fl-appell tagħha, l-appellanti tikkritika lill-Qorti tal-Prim’Istanza li applikat b’mod żbaljat il-ġurisprudenza dwar l-att purament konfermatorju iktar milli għax ikkunsidrat din il-ġurisprudenza bħala li hija rilevanti fil-kuntest tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1049/2001.

128.

Ċertament, l-appellanti toġġezzjona għar-rifjut tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tevalwa l-applikazzjoni li saret fit-22 ta’ Diċembru 2004 bħala applikazzjoni kompletament ġdida, meta hija ġiet ikkunsidrata bħala tali mill-Kummissjoni fit-tweġiba tagħha tal-14 ta’ Frar 2005 ( 38 ).

129.

Din il-pretensjoni, madankollu, tixbah iktar talba ġdida ta’ evalwazzjoni tal-fatti, ħaġa li ċertament ma tistax tiġi eżaminata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-appell ( 39 ), jew kritika ta’ żnaturament tal-provi mill-Qorti tal-Prim’Istanza, milli għal stedina magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tivverifika l-fondatezza tal-applikabbiltà tal-ġurisprudenza dwar l-att purament konfermatorju fil-kuntest tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001.

130.

Barra minn hekk, kien biss tardivament, jiġifieri wara d-domandi magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja qabel is-seduta, li l-appellanti invokat l-inapplikabbiltà tal-ġurisprudenza dwar l-att purament konfermatorju.

131.

Għaldaqstant, minn dan tista’ tiġi dedotta l-konsegwenza li l-Qorti tal-Ġustizzja m’għandhiex quddiemha, f’din il-kawża, żball ta’ dritt li l-Qorti tal-Prim’Istanza allegatament wettqet meta kkonstatat, impliċitament iżda neċessarjament, li l-ġurisprudenza dwar l-att purament konfermatorju kienet applikabbli fil-kuntest tar-Regolament Nru 1049/2001.

132.

Huwa madankollu leġittimu li wieħed jistaqsi, minn banda, jekk meta b’mod partikolari l-Qorti tal-Prim’Istanza jkollha taqta’ kwistjoni dwar il-kundizzjonijiet tal-ammissibbiltà ta’ rikors għall-annullament, kemm wara eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà u kemm meta hija tagħmel dan l-eżami ex officio ( 40 ), il-qorti tal-ewwel istanza għandhiex debitament tieħu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet kollha tal-kuntest ġuridiku applikabbli għall-fatti ppreżentati quddiemha, inklużi dawk li, eventwalment, jipprekludu dikjarazzjoni possibbli ta’ inammissibbiltà tal-imsemmi rikors u, mill-banda l-oħra, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja għandhiex tirrileva ex officio n-nuqqas tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tieħu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet tal-kuntest ġuridiku li hija għandha tikkunsidra sabiex taqa’ l-kwistjoni dwar l-ammissibbiltà tar-rikors għall-annullament.

133.

Ir-risposta għall-ewwel parti ta’ din id-domanda għandha, fil-fehma tiegħi, tkun kjarament pożittiva. Fil-ħidma tagħha ta’ juris dictio l-qorti għandha tkun f’pożizzjoni li tapplika r-regoli tad-dritt rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża għall-fatti li jiġu ppreżentati quddiemha mill-partijiet. Ladarba l-kuntest ġuridiku tal-kawża jiġi ddefinit, huwa l-kompitu tal-qorti li tistħarreġ il-legalità li tapplikah kollu kemm hu, għax altrimenti tiġi kostretta tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq kunsiderazzjonijiet ġuridiċi żbaljati. Dan ir-rekwiżit jikkontribwixxu wkoll għall-imparzjalità tal-ġustizzja u għall-amministrazzjoni tajba tagħha, b’mod partikolari meta l-qorti li għandha tiddeċiedi l-mertu jkollha teżamina l-kundizzjonijiet tal-ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament, kundizzjonijiet li, kif diġà indikajt, jistgħu jkunu vverifikati ex officio.

134.

Fir-rigward tat-tieni domanda, nikkunsidra wkoll li l-Qorti tal-Ġustizzja m’għandhiex tittollera żnaturament tad-dritt fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament, motiv li jirrifletti, fil-fehma tiegħi, il-kriterji indikati fil-punt 78 ta’ dawn il-konklużjonijiet. L-aċċettazzjoni ta’ tali żnaturament iwassal lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex taċċetta li tivvizzja s-sentenza tagħha stess bl-iżbalji ta’ liġi mwettqa fl-ewwel istanza u li wasslu lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tiddikjara l-inammissibbiltà tar-rikors, mentri, indipendentement mill-evalwazzjonijiet l-oħra tas-sentenza appellata u fid-dawl tal-argumenti li ser isegwu, it-teħid inkunsiderazzjoni tad-dispożizzjonijiet kollha tal-kuntest ġuridiku applikabbli għandu jwassal sabiex ir-rikors għal annullament jitqies ammissibbli ( 41 ).

135.

Fil-fatt, it-teħid inkunsiderazzjoni tad-dispożizzjonijiet kollha tar-Regolament Nru 1049/2001 kellhom iwasslu lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tiċħad l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni li l-istess Kummissjoni kienet ibbażat fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-att purament konfermatorju.

136.

Fil-fehma tiegħi, il-Qorti tal-Prim’Istanza waslet għal din il-konklużjoni abbażi tal-Artikolu 4(7) flimkien mal-Artikolu 6(1), in fine, tar-Regolament Nru 1049/2001.

137.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, minn banda, l-Artikolu 4(7) tar-Regolament Nru 1049/2001 jipprevedi li l-eċċezzjonijiet għall-aċċess għal dokument tal-istituzzjonijiet japplikaw biss fil-perijodu li matulu l-protezzjoni hija ġġustifikata fuq il-bażi tal-kontenut tad-dokument, b’perijodu massimu, bħala regola ġenerali, ta’ tletin sena. Mill-banda l-oħra, skont l-Artikolu 6(1) in fine tar-regolament imsemmi, l-applikant mhuwiex obbligat li jagħti r-raġunijiet għall-applikazzjoni tiegħu.

138.

Issa, mill-qari ta’ dawn id-dispożizzjonijiet flimkien jirriżulta li applikazzjoni għal aċċess għal dokument tista’ ssir f’kull stadju matul żmien massimu ta’ tletin sena sabiex jiġi vverifikat mill-istituzzjoni kkonċernata, anki wara r-rifjut parzjali jew totali tal-ewwel applikazzjoni għal aċċess, jekk jkunux għadhom jeżistu l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ waħda mill-eċċezzjonijiet għall-aċċess pubbliku għal dokument partikolari, fid-dawl tal-kontenut stess tad-dokument u mingħajr il-ħtieġa li l-applikant jagħti r-raġunijiet għall-applikazzjoni tiegħu. B’hekk, din l-interpretazzjoni tinkludi wkoll is-sitwazzjoni fejn, b’applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001, tiġi ppreżentata applikazzjoni wara applikazzjoni preċedenti identika u dan mingħajr mal-applikant ikollu, f’din is-sitwazzjoni, jinvoka li seħħ xi fatt ġdid bejn ir-rifjut tal-ewwel applikazzjoni konfermatorja u l-applikazzjoni l-ġdida biex l-azzjoni ġudizzjarja eventwali ppreżentata kontra r-rifjut ta’ din l-aħħar applikazzjoni tkun ammissibbli.

139.

Fi kliem ieħor, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq tar-Regolament Nru 1049/2001, il-fatt li deċiżjoni li tirrifjuta li tagħti l-aċċess għal dokument partikolari, adottata f’mument partikolari, issir definittiva fir-rigward ta’ applikant ma tistax timpedixxi lill-istess applikant milli jippreżenta applikazzjoni ġdida għal aċċess li għandha l-istess għan. Għaldaqstant, huwa d-dmir tal-istituzzjoni kkonċernata li tivverifika jekk il-kundizzjonijiet li jirregolaw ir-rifjut inizjali jkunux għadhom japplikaw, kemm jekk l-applikant jitlob dan u kemm jekk le. Id-deċiżjoni ġdida ta’ rifjut, sa fejn din tkun ġiet adottata skont il-proċedura ta’ żewġ stadji prevista mir-Regolament Nru 1049/2001, għandha tkun tista’ tiġi kkontestata quddiem il-qorti Komunitarja. Fil-fatt, tali deċiżjoni tkun ċertament konfermatorja, imma mhux purament konfermatorja peress li l-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet li jirregolaw ir-rifjut ikunu saru f’mument differenti minn dak li fih tkun ġiet adottata l-ewwel deċiżjoni.

140.

Peress li tali att mhuwiex ta’ natura purament konfermatorja, ma jeżisti ebda rekwiżit ta’ ċertezza legali li għandu jwassal lill-qorti Komunitarja tikkonstata li ma ġewx osservati t-termini għal azzjoni ġudizzjarja.

141.

Mill-banda l-oħra, li l-ġurisprudenza dwar in-natura purament konfermatorja ta’ att titqies li tapplika fil-kuntest tar-Regolament Nru 1049/2001 iwassal, b’mod definittiv, biex jiġu kkristallizzati l-ġustifikazzjonijiet li fuqhom ikun ibbażat ir-rifjut tal-għoti ta’ aċċess għal dokument partikolari u, għaldaqstant, biex tiġi injorata n-natura neċessarjament temporanja tal-eċċezzjonijiet għall-prinċipju tal-aċċess l-iktar wiesa’ possibbli tal-pubbliku għad-dokumenti miżmuma mill-istituzzjonijiet, kif previst fl-imsemmi regolament.

142.

Finalment, għandu jiġi osservat li l-approċċ li għadu kif ġie espost, mhuwiex ovvjament intiż li jiftaħ bibien beraħ għall-eventwali applikazzjonijiet u rikorsi ripetittivi abbużivi. F’dan ir-rigward, huwa paċifiku li d-dritt Komunitarju ma jittollerax l-użu abbużiv mid-dispożizzjonijiet tiegħu. Fi kwalunkwe każ, f’dan il-każ, ebda element mill-proċess ma jagħti l-inqas ħjiel ta’ użu abbużiv mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1049/2001.

143.

Għaldaqstant, nikkunsidra li kienet żbaljata l-Qorti tal-Prim’Istanza meta laqgħet l-eċċezzjoni tal-inammissibbiltà tal-Kummissjoni, ibbażata fuq l-allegata natura purament konfermatorja tal-att ikkontestat, billi affermat li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-att purament konfermatorju kienet rilevanti fil-kuntest tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1049/2001.

144.

F’dawn iċ-ċirkustanzi u sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja teżamina t-tieni aggravju tal-appell, jeħtieġ, fil-fehma tiegħi, li tiġi annullata parzjalment is-sentenza appellata.

i) Fuq l-applikazzjoni għal każ ineżami tal-ġurisprudenza dwar l-inammissibbiltà ta’ rikors ippreżentat kontra att purament konfermatorju ta’ att preċedenti li ma jkunx ġie kkontestat fit-termini

145.

Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma ssegwix il-proposta magħmula fil-punt preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet, fil-fehma tiegħi, it-tieni aggravju tal-appell ikollu jintlaqa’ xorta waħda minħabba li l-Qorti tal-Prim’Istanza żbaljat meta kklassifikat id-deċiżjoni tal-Ombudsman li kkonstata każ ta’ amministrazzjoni ħażina dwar l-ipproċessar tal-applikazzjoni għall-aċċess għad-dokumenti f’dan il-każ bħala li tikkostitwixxi element (jew fatt) ġdid (sostanzjali), fis-sens tal-ġurisprudenza dwar l-att purament konfermatorju ta’ att preċedenti li ma jkunx ġie kkontestat fit-termini għal azzjoni ġudizzjarja ( 42 ).

146.

F’dan ir-rigward, nixtieq l-ewwel nett infakkar li biex tikkonkludi, prinċipalment, li l-ittra tal-14 ta’ Frar 2005 kienet ta’ natura purament konfermatorja u għaldaqstant inkontestabbli, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat, minn banda, li din ma kien fiha ebda element ġdid li ma kienx fid-deċiżjoni tas-26 ta’ Lulju 2002 u, mill-banda l-oħra, li hija ma kinitx ġiet ippreċeduta minn rieżami tas-sitwazzjoni tal-appellanti, li kienet id-destinatarja tad-deċiżjoni tas-26 ta’ Lulju 2002.

147.

Il-Qorti tal-Prim’Istanza bbażat ruħha fuq dan il-kriterju doppju b’riferiment għall-ġurisprudenza tagħha stess kif ukoll għall-punt 18 tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Grasselli vs Il-Kummissjoni ( 43 ).

148.

Issa, kif ġustament issostni l-Kummissjoni b’risposta għal domanda bil-miktub li għamlet il-Qorti tal-Ġustizzja u b’kuntrast ma’ dak li ddeċidiet il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punti 69 u 82 tas-sentenza appellata, ma jidhirlix li tirriżulta minn ebda “ġurisprudenza stabbilita” jew “ġurisprudenza kostanti” tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-assenza ta’ rieżami tas-sitwazzjoni tad-destinatarju tal-att preċedenti jikkostitwixxi kriterju awtonomu li jippermetti li jiġi identifikat att bħala li huwa purament konfermatorju ta’ deċiżjoni preċedenti.

149.

Ċertament, ma ninjorax il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja, f’żewġ digrieti reċenti, ikkonfermat l-eżistenza taż-żewġ kundizzjonijiet kumulattivi, kundizzjonijiet li ġew imfakkra wkoll fil-punti 69 u 82 tas-sentenza appellata, li jidentifikaw in-natura purament konfermatorja ta’ att ( 44 ).

150.

Madankollu, jirriżulta mill-ġurisprudenza prevalenti tal-Qorti tal-Ġustizzja — parzjalment iċċitata fiż-żewġ digrieti li għadhom kif issemmew —, li tinkludi l-punt 18 tas-sentenza Grasselli vs Il-Kummissjoni ċċitata iktar ’il fuq, iċċitata fil-punt 82 tas-sentenza appellata, li n-natura purament konfermatorja ta’ att toriġina biss min-nuqqas ta’ element ġdid jew, b’mod iktar preċiż, ta’ fatt ġdid sostanzjali meta mqabbel mal-att preċedenti li huwa jikkonferma ( 45 ).

151.

Mill-banda l-oħra, in-nuqqas ta’ rieżami tas-sitwazzjoni tad-destinatarju tal-att preċedenti ma tippermettix li jiġi stabbilit jekk l-amministrazzjoni naqsitx milli tagħmel rieżami minħabba li ma kien hemm ebda element jew fatt ġdid li seħħ bejn id-deċiżjoni preċedenti u l-att ikkontestat jew, għall-kuntrarju, jekk din naqsitx milli tagħmel dan minkejja l-fatt li kienet obbligata tipproċedi bir-rieżami ta’ deċiżjoni preċedenti li kienet saret definittiva proprju minħabba li jkun seħħ element jew fatt ġdid (sostanzjali).

152.

Mill-bqija, l-unika sentenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, jiġifieri s-sentenza Herpels vs Il-Kummissjoni ( 46 ) — li fuqha ġew ibbażati d-digrieti ċċitati iktar ’il fuq biex tiġi kkonfermata l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza li skontha n-nuqqas ta’ rieżami tas-sitwazzjoni tad-destinatarju tal-att jikkostitwixxi kriterju awtonomu li jippermetti li tiġi identifikata n-natura purament konfermatorja ta’ att — minkejja ċerta ambigwità fid-diċitura tagħha, kienet tikkonċerna l-każ invers, jiġifieri r-riżultat definittiv ta’ rieżami tas-sitwazzjoni tad-destinatarju, wara bdil sostanzjali tad-deċiżjoni meħuda fil-bidu mill-amministrazzjoni b’mod li l-att ikkontestat ma setax jitqies bħala konferma pura u sempliċi tal-imsemmija deċiżjoni ( 47 ).

153.

Għaldaqstant jidhirli li jkun riskjuż li minn din l-unika sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja wieħed jislet il-konsegwenza ġenerali li n-nuqqas ta’ rieżami tas-sitwazzjoni tad-destinatarju jikkostitwixxi kriterju rilevanti li jippermetti li tiġi identifikata l-preżenza ta’ att purament konfermatorju.

154.

B’mod definittiv, huwa biss il-fatt li jkun hemm element jew fatt ġdid (sostanzjali) li jiġġustifika r-rieżami min-naħa tal-amministrazzjoni ta’ deċiżjoni preċedenti li tkun saret definittiva ( 48 ). F’dan il-każ, huwa loġiku li l-legalità tad-deċiżjoni adottata wara l-imsemmi rieżami tkun tista’, jekk ikun il-każ, tiġi kkontestata quddiem il-qorti Komunitarja, minkejja l-fatt li l-imsemmija deċiżjoni tikkonferma d-deċiżjoni preċedenti kollha jew f’parti minnha ( 49 ).

155.

Bl-istess mod, huwa n-nuqqas ta’ element jew ta’ fatt ġdid li jiġġustifika n-nuqqas ta’ rieżami tad-deċiżjoni preċedenti li tkun saret definittiva. Madankollu, f’dan il-każ, in-nuqqas ta’ element jew ta’ fatt ġdid huwa biżżejjed biex tiġi kkonstata l-inammissibbiltà tar-rikors ippreżentat kontra l-att li jikkonferma d-deċiżjoni preċedenti.

156.

Fil-fatt jekk l-amministrazzjoni tipproċedi b’rieżami mingħajr ma hija tkun obbligata tagħmel dan minħabba n-nuqqas ta’ element jew fatt ġdid, rikors kontra l-att li jikkonferma d-deċiżjoni preċedenti ikun inammissibbli ( 50 ), inkwantu dan l-att ikun wieħed purament konfermatorju tal-imsemmija deċiżjoni.

157.

Min-naħa l-oħra, jekk l-amministrazzjoni tirrifjuta milli terġa’ teżamina d-deċiżjoni preċedenti li tkun saret definittiva meta t-talba għal rieżami tkun debitament ibbażata fuq elementi jew fatti ġodda, ir-rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni tar-rifjut ikun ammissibbli ( 51 ).

158.

Għaldaqstant, jidhirli li, fid-dawl tal-ġurisprudenza prevalenti tal-Qorti tal-Ġustizzja li għadni kif semmejt fil-qosor, in-nuqqas ta’ rieżami min-naħa tal-amministrazzjoni ta’ deċiżjoni preċedenti li tkun saret definittiva ma jippermettix li tiġi stabbilita, bħala tali, in-natura purament konfermatorja tal-att adottat sussegwentement.

159.

Għaldaqstant, f’dan il-każ, in-natura prevalenti tal-kritika li l-appellanti ressqet kontra l-evalwazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza dwar in-nuqqas ta’ rieżami tad-deċiżjoni tas-26 ta’ Lulju 2002 tiddependi għal kollox fuq il-fondatezza tal-kritika tagħha kontra l-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza dwar in-nuqqas ta’ elementi ġodda.

160.

Issa, kif diġà semmejt, għar-raġunijiet mogħtija iktar ’l isfel, l-argument żviluppat mill-appellanti kontra l-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza li skontha d-deċiżjoni tal-Ombudsman li biha sab każ ta’ amministrazzjoni ħażina dwar l-aċċess għad-dokumenti mitluba f’dan il-każ ma kinitx tikkostitwixxi element ġdid fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra iktar ’il fuq għandu, fil-fehma tiegħi, jintlaqa’.

161.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, biex tiċħad it-teżi mressqa mill-appellanti fl-ewwel istanza, il-Qorti tal-Prim’Istanza sostniet li d-digrieti mogħtija fil-kawża Internationaler Hilfsfonds vs Il-Kummissjoni ( 52 ) kienu jeskludu tali klassifikazzjoni tad-deċiżjoni tal-Ombudsman minkejja d-differenzi fattwali bejn din il-kawża u l-oħra li wasslet għad-digrieti ċċitati iktar ’il fuq (punti 84 u 85 tas-sentenza appellata). Hija ddeċidiet ukoll, fil-punt 86 tas-sentenza appellata, li fid-dawl tal-Artikolu 2(6) tad-Deċiżjoni 94/262, fejn jingħad li l-ilmenti sottomessi lill-Ombudsman ma jaffettwawx it-termini għal preżentata ta’ rikors fil-proċeduri ġudizzjarji jew amministrattivi, u fid-dawl tad-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja mogħti fil-kawża Internationaler Hilfsfonds vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, dawn id-differenzi ma setgħux jimplikaw, a contrario senso, li meta l-Ombudsman jikkonstata każ ta’ amministrazzjoni ħażina, tali konstatazzjoni tikkostitwixxi element ġdid b’mod li l-appellant li ma jkunx ippreżenta rikors kontra d-deċiżjoni inizjali jkun jista’ jevita l-imsemmija termini.

162.

Għandu jiġi osservat li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, il-kundizzjoni dwar in-natura “ġdida” ta’ fatt jew ta’ element, tiġi sodisfatta jekk il-fatt jew l-element inkwistjoni jirriżulta wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni preċedenti li tkun saret definittiva ( 53 ).

163.

Fil-każ ineżami, m’hemm l-ebda dubju li dan kien il-każ fil-każ tad-deċiżjoni tal-Ombudsman adottata fl-14 ta’ Diċembru 2004.

164.

Madankollu, niddubita jekk il-fondatezza tar-rifjut tan-natura ġdida tal-imsemmija deċiżjoni mill-Qorti tal-Prim’Istanza tistax tiġi mittiefsa abbażi ta’ din is-sempliċi konstatazzjoni. Kieku dan kien il-każ, l-iżball tal-Qorti tal-Prim’Istanza kien ikun żnaturament ċar tal-provi, kif wara kollox tallega l-appellanti.

165.

B’mod iktar korrett — anki jekk, nammetti, b’interpretazzjoni sfurzata — l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza tistrieħ fuq l-inklużjoni, impliċita imma meħtieġa, fit-terminu “ġdid” tal-kriterju dwar in-natura “sostanzjali” jew “suffiċjentement sostanzjali” tal-fatt jew tal-element inkwistjoni li jiġġustifika r-rieżami min-naħa tal-amministrazzjoni tad-deċiżjoni preċedenti li tkun saret definittiva, kif dan il-kriterju ġie stabbilit ukoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 54 ).

166.

Għalhekk, jidher li jirrispondi għal dan il-kriterju, fatt li jista’ jbiddel b’mod sostanzjali s-sitwazzjoni tal-appellanti li tikkostitwixxi l-bażi tal-applikazzjoni inizjali li tkun wasslet għad-deċiżjoni preċedenti li tkun saret definittiva ( 55 ). Huwa korrett ukoll, fil-fehma tiegħi, li jiġi kklassifikat bħala “sostanzjali” jew “suffiċjentement sostanzjali” dak il-fatt li jkun jista’ jbiddel b’mod sostanzjali l-kundizzjonijiet li jkunu rregolaw l-adozzjoni tal-att preċedenti li r-rieżami tiegħu jkun qed jintalab, bħalma huwa, b’mod partikolari, il-fatt li jqajjem dubji fuq il-fondatezza tas-soluzzjoni adottata mill-imsemmi att ( 56 ).

167.

Issa, dan huwa preċiżament il-każ ta’ deċiżjoni tal-Ombudsman, bħalma hija dik tal-14 ta’ Diċembru 2004, li tikkonstata każ ta’ amministrazzjoni ħażina li tirrigwarda l-ipproċessar ta’ applikazzjoni għall-aċċess għal ċerti dokumenti minħabba li l-amministrazzjoni ma pprovdietx raġunijiet validi li jistgħu jiġġustifikaw ir-rifjut li tiżvela l-imsemmija dokumenti, bi ksur tar-Regolament Nru 1049/2001.

168.

Każ bħal dan huwa ċertament differenti mis-sitwazzjoni li fiha l-Ombudsman, wara lment, jillimita ruħu biex jikkonferma l-evalwazzjoni tal-amministrazzjoni, sitwazzjoni li kienet wasslet għad-digrieti ċċitati iktar ’il fuq tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-kawża Internationaler Hilfsfonds vs Il-Kummissjoni.

169.

Barra minn hekk, il-kwalifikazzjoni ta’ deċiżjoni tal-Ombudsman, bħalma hija dik li ġiet adottata fl-14 ta’ Diċembru 2004, bħala “fatt ġdid sostanzjali” ma tiksirx, fil-fehma tiegħi, la l-Artikolu 2(6) tad-Deċiżjoni 94/262 u lanqas l-Artikolu 195 KE, u dan b’mod kuntrarju għal dak li l-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet.

170.

Fil-fatt, minn banda, l-aċċettazzjoni ta’ din il-kwalifikazzjoni ma taffettwax in-nuqqas ta’ effett sospensiv tat-tressiq ta’ lment quddiem l-Ombudsman fuq it-termini għal azzjoni kontenzjuża kontra d-deċiżjoni inizjali, kif inhu previst fl-Artikolu 2(6) tad-Deċiżjoni 94/262. Dawn it-termini jkomplu jiddekorru kontra d-deċiżjoni inizjali, u din tista’ ssir ukoll definittiva kontra l-applikant kemm fl-ipoteżi fejn l-Ombudsman ma jsib ebda każ ta’ amministrazzjoni ħażina u kif ukoll fis-sitwazzjoni fejn, għalkemm jinstab każ ta’ amministrazzjoni ħażina, tali każ, li jkun ta’ natura purament proċedurali, ma jqajjem ebda dubju fir-rigward tal-fondatezza tas-soluzzjoni adottata fl-att preċedenti li ma jkunx ġie kkontestat fit-termini għal azzjoni kontenzjuża.

171.

Għaldaqstant, id-dekorrenza mill-ġdid tat-termini għal azzjoni kontenzjuża mhijiex dovuta għas-sempliċi fatt li l-Ombudsman ikollu ilment quddiemu, imma għall-fatt li d-deċiżjoni tiegħu li biha jikkonstata każ ta’ amministrazzjoni ħażina ta’ natura sostanzjali fl-ipproċessar ta’ applikazzjoni għall-aċċess għad-dokumenti tikkostitwixxi fatt ġdid sostanzjali, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

172.

Mill-banda l-oħra, għalkemm huwa minnu li l-Artikolu 195 KE ma jimponu ebda obbligu fuq l-istituzzjonijiet, li fir-rigward tagħhom ikun sar ilment quddiem l-Ombudsman, li jerġgħu jeżaminaw il-pożizzjonijiet tagħhom, din l-evalwazzjoni ma tirregolax il-każ fejn l-istess Ombudsman jiskopri, wara investigazzjoni, każ ta’ amministrazzjoni ħażina li s-suġġett tiegħu stess ikun jirrigwarda l-fondatezza tas-soluzzjoni li tkun waslet għaliha l-istituzzjoni kkonċernata fl-att, li jkun sar definittiv, li r-rieżami tiegħu jkun qiegħed jintalab.

173.

Wara kollox ikun għalxejn li wieħed ifittex fit-test, inkluż it-Trattat KE, l-oriġini tal-obbligu ta’ rieżami ta’ att Komunitarju li jkun sar definittiv minħabba li jkun hemm fatt ġdid sostanzjali, peress li dan l-obbligu jistrieħ fuq il-prinċipju ġenerali tad-dritt amministrattiv, kif ġustament indikat il-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza Inpesca vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq ( 57 ).

174.

Jidhirli li l-approċċ konsistenti fil-fatt li d-deċiżjoni tal-Ombudsman, bħalma hija dik li ġiet adottata fl-14 ta’ Diċembru 2004, tiġi kkunsidrata bħala fatt ġdid sostanzjali li jiġġustifika r-rieżami min-naħa tal-amministrazzjoni ta’ deċiżjoni preċedenti li tkun saret definittiva, jiżgura l-effett utli tal-konstatazzjoni ta’ każ ta’ amministrazzjoni ħażina mill-Ombudsman filwaqt li jippreserva l-marġni ta’ diskrezzjoni meħtieġa tal-istituzzjoni. Fil-fatt, minn banda, u kuntrarjament għal dak li sostniet il-Kummissjoni fir-risposta tagħha għall-appell, jidhirli li istituzzjoni tkun iktar imħajra tirrispetta b’diliġenża r-rekwiżit tal-amministrazzjoni tajba fil-kuntest tal-aċċess għad-dokumenti jekk hija tkun taf bil-possibbiltà li jkollu l-applikant li jitlob ir-rieżami ta’ deċiżjoni ta’ rifjut wara li jkun instab każ ta’ amministrazzjoni ħażina mill-Ombudsman. Mill-banda l-oħra, huwa ċar li, minkejja l-obbligu tar-rieżami tal-fondatezza tad-deċiżjoni preċedenti ta’ rifjut, l-istituzzjoni jibqgħalha s-setgħa li ma tiżvelax id-dokument mitlub, fuq il-bażi tal-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 ( 58 ).

175.

Dawn il-motivi jwassluni biex nikkunsidra li kienet żbaljata l-Qorti tal-Prim’Istanza meta qieset li d-deċiżjoni tal-Ombudsman tal-14 ta’ Diċembru 2004 ma setgħetx tiġi kklassifikata bħala element ġdid, fis-sens ta’ fatt ġdid sostanzjali, tali li jiġġustifika r-rieżami tad-deċiżjoni inkluża fl-ittra tas-26 ta’ Lulju 2002 li rrifjutat l-aċċess tal-appellanti għal ċerti dokumenti li jirrigwardaw il-kuntratt LIEN 97-2011.

176.

Huwa żbaljat ukoll li, meta ddeċidiet, fil-punti 93 sa 100 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma kinitx eżaminat mill-ġdid is-sitwazzjoni tal-appellanti, il-Qorti tal-Prim’Istanza b’mod impliċitu, iżda neċessarju, ċaħdet l-obbligu tal-Kummissjoni li terġa’ teżamina l-imsemmija sitwazzjoni, minkejja li kien hemm fatt ġdid sostanzjali bejn l-adozzjoni tad-deċiżjoni inizjali u dik tal-att ikkontestat fl-ewwel istanza, kostitwit bid-deċiżjoni tal-Ombudsman tal-14 ta’ Diċembru 2004 li kkonstata każ ta’ amministrazzjoni ħażina li tirrigwarda l-ipproċessar tal-aċċess għad-dokumenti mitluba mill-appellanti.

177.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, nipproponi li t-tieni aggravju jintlaqa’ u li tiġi annullata parzjalment is-sentenza appellata inkwantu din laqgħet l-eċċezzjoni tal-inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni u kkonstatat li r-rikors fl-ewwel istanza kien dirett kontra att purament konfermatorju tad-deċiżjoni inkluża fl-ittra tas-26 ta’ Lulju 2002.

178.

Tali annullament parzjali tas-sentenza appellata jista’ biss iwassal għall-ammissibbiltà tar-rikors fl-ewwel istanza fil-każ li jintlaqa’ t-tielet aggravju.

179.

Madankollu, kif indikajt qabel, jiena nikkunsidra li t-tielet aggravju tal-appell għandu jiġi miċħud.

180.

Għaldaqstant, nissuġġerixxi li l-appell jiġi miċħud ( 59 ).

V — Fuq l-ispejjeż

181.

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 122 tar-Regoli tal- Proċedura, meta l-appell mhuwiex fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 69(2) tal-istess Regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell taħt l-Artikolu 118 tagħhom, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni talbet li l-appellanti tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tal-istanza u din għandha, fil-fehma tiegħi, titqies li tilfet fl-aggravji tagħha, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż tal-appell.

VI — Konklużjoni

182.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet magħmula iktar ’il fuq, jiena nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara u tiddeċiedi dan li ġej:

“1)

L-appell huwa miċħud.

2)

Internationaler Hilfsfonds eV hija kkundannata għall-ispejjeż.”


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Internationaler Hilfsfonds eV vs Il-Kummissjoni (T-141/05).

( 3 ) ĠU L 145, p. 43.

( 4 ) ĠU L 345, p. 94.

( 5 ) ĠU L 113, p. 15.

( 6 ) ĠU L 92, p. 13.

( 7 ) Minkejja li, b’risposta għal domanda bil-miktub indirizzata lill-appellanti skont l-Artikolu 54a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-appellanti indikat li kienet “disposta” li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra l-applikazzjoni tat-22 ta’ Diċembru 2004 bħala applikazzjoni konfermatorja, din ir-risposta, apparti li mhijiex ċara u hija kontradittorja għall-argumentazzjoni tal-appellanti insostenn tat-tielet aggravju tal-appell, saret biss għall-każ fejn din tkun “utli għall-amministrazzjoni tal-ġustizzja” u “b’mod sussidjarju”, mingħajr ma ġiet imtennija fis-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidher li huwa diffiċli li din ir-risposta tingħata l-istatus ta’ argument espost insostenn ta’ dan l-aggravju tal-appell.

( 8 ) B’hekk, f’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li l-Qorti tal-Prim’Istanza setgħet tiddeċiedi fuq il-mertu ta’ kawża mingħajr ma tiddeċiedi fuq eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà inkwantu r-rikors kien, fi kwalunkwe każ, meqjus bħala infondat: ara s-sentenza tas-26 ta’ Frar 2002, Il-Kunsill vs Boehringer, C-23/00 P, Ġabra p. I-1873, punt 52), prattika li l-Qorti tal-Ġustizzja tapplika hija stess (ara s-sentenza tat-23 ta’ Marzu 2004, Franza vs Il-Kummissjoni, C-233/02, Ġabra p. I-2759, punt 26).

( 9 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il-Kummissjoni (60/81, Ġabra p. 2639, punt 10); tat-22 ta’ Ġunju 2000, L-Olanda vs Il-Kummissjoni (C-147/96, Ġabra p. I-4723, punt 27), u tas-17 ta’ Lulju 2008, Athinaïki Techniki vs Il-Kummissjoni (C-521/06 P, Ġabra p. I-5829, punt 42).

( 10 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Athinaïki Techniki vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punti 42 u 43).

( 11 ) Ara wkoll il-premessa tlettax tar-Regolament Nru 1049/2001.

( 12 ) Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni (C-238/99 P, C-244/99 P, C-245/99 P, C-247/99 P, C-250/99 P sa C-252/99 P u C-254/99 P, Ġabra p. I-8375, punti 392 sa 406) kif ukoll tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-19 ta’ Settembru 2008, Chassagne vs Il-Kummissjoni (T-253/06 P, punt 57).

( 13 ) Sentenza tat-13 ta’ Settembru 2007 (C-443/05 P, Ġabra p. I-7209).

( 14 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Mejju 1960, Il-Ġermanja vs L-Awtorità Għolja (19/58, Ġabra p. 469, 488); tat-30 ta’ Settembru 1982, Amylum vs Il-Kunsill (108/81, Ġabra p. 3107, punt 28), kif ukoll tat-13 ta’ Lulju 2000, Salzgitter vs Il-Kummissjoni (C-210/98 P, Ġabra p. I-5843, punti 56 u 57).

( 15 ) Iċċitata iktar ’il fuq.

( 16 ) Kif diġà indikajt fil-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati fil-kawża li wasslet għas-sentenza Common Market Fertilizers vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, b’kuntrast mal-avukat ġenerali Jacobs, jiena ma naħsibx li l-kundizzjoni tan-natura manifesta tal-ksur tad-dritt Komunitarju hija marbuta mal-klassifikazzjoni ta’ motiv ta’ ordni pubbliku. Pjuttost, din il-kundizzjoni tikkostitwixxi rekwiżit għall-eżistenza ta’ obbligu min-naħa tal-qorti Komunitarja sabiex tqajjem dan ex officio.

( 17 ) Ara, fuq dan il-punt, is-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 1988 Hecq vs Il-Kummissjoni (280/87, Ġabra p. 6433, punt 12), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja rrifjutat milli teżamina ex officio l-kompetenza ta’ kap ta’ dipartiment biex jadotta deċiżjonijiet ta’ ġestjoni fir-rigward ta’ uffiċjal.

( 18 ) L-Artikolu 14 tar-Regoli ta’ proċedura tal-Kummissjoni, li daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2001 (ĠU (2000) L 308, p. 26), kien jipprovdi li “[i]l-Kummissjoni tista’ tiddelega l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ ġestjoni jew ta’ miżuri ta’ amministrazzjoni lid-Diretturi-Ġenerali u lill-Kapijiet tas-Servizzi li għandhom jadottaw dawn il-miżuri f’isem il-Kummissjoni. Din id-delegazzjoni għandha ssir bil-kundizzjoni illi l-prinċipju ta’ responsabbiltà kollettiva jkun rispettat u għandha tkun suġġetta għar-restrizzjonijiet u l-kundizzjonijiet imposti mill-Kummissjoni”.

( 19 ) Digrieti tal-5 ta’ Marzu 1999 (C-153/98 P, Ġabra p. I-1441, punt 15, u C-154/98 P, Ġabra p. I-1451, punt 15). Ara wkoll, f’dan is-sens, id-digriet tas-7 ta’ Diċembru 2004, Internationaler Hilfsfonds vs Il-Kummissjoni (C-521/03 P, punt 44).

( 20 ) Il-kwistjoni dwar jekk din l-indikazzjoni għandhiex tirriżulta fil-motivi tad-deċiżjoni stess jew fl-att tan-notifika tad-deċiżjoni mhijiex deċiżiva u, fi kwalunkwe każ, mhijiex irregolata mir-Regolament Nru 1049/2001. Mill-banda l-oħra, dak li hu importanti huwa li l-informazzjoni fuq ir-rimedji tiġi kkomunikata fil-mument tar-rifjut totali jew parzjali tal-aċċess għad-dokumenti mitluba.

( 21 ) Ara, rispettivament, il-punt 4 (p. 4) tal-osservazzjonijiet tal-appellanti fuq l-eċċezzjoni tal-ammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u n-nota f’qiegħ-il paġna Nru 2 (p.4) tar-risposta għall-appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

( 22 ) F’dan is-sens, ara b’mod partikolari, is-sentenzi tas-6 ta’ Marzu 2001, Connolly vs Il-Kummissjoni (C-274/99 P, Ġabra p. I-1611, punt 121); tal-11 ta’ Settembru 2003, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni (C-197/99 P, Ġabra p. I-8461, punt 81), kif ukoll tad-9 ta’ Settembru 2008, FIAMM et vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni (C-120/06 P u C-121/06 P, Ġabra p. I-6513, punt 91).

( 23 ) Għall kull bon fini, infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni, setgħet, ossija kellha, titqajjem ex officio mill-qorti Komunitarja: ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France (C-367/95 P, Ġabra p. I-1719, punt 67 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 24 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tad-9 ta’ Settembru 2003, Kik/OHMI (C-361/01 P, Ġabra p. I-8283, punt 101); tat-30 ta’ Settembru 2003, Biret International vs Il-Kunsill (C-93/02 P, Ġabra p. I-10497, punt 60) kif ukoll Biret u Cie vs Il-Kunsill (C-94/02 P, Ġabra p. I-10565, punt 63); tal-21 ta’ Ottubru 2004, KWS Saat vs UASI (C-447/02 P, Ġabra p. I-10107, punti 46 sa 51) u tat-30 ta’ April 2009, CAS Succhi di Frutta vs Il-Kummissjoni (C-497/06 P, punti 57 sa 67). Ara wkoll, fir-rigward tal-possibbiltà li ssir sostituzzjoni tal-motivi, il-punt 179 tal-konklużjonijiet tal-avukat ġenerali Léger fil-kawża li wasslet għas-sentenza tat-12 ta’ Novembru 1996, Ojha vs Il-Kummissjoni (C-294/95 P, Ġabra p. I-5863).

( 25 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tat-3 ta’ Lulju 2003, Chronopost et vs Ufex et (C-83/01 P, C-93/01 P u C-94/01 P, Ġabra p. I-6993, punt 43).

( 26 ) Sentenzi tas-26 ta’ Frar 1987, Consorzio Cooperative d’Abruzzo vs Il-Kummissjoni (15/85, Ġabra p. 1005, punt 10); tal-15 ta’ Ġunju 1994, Il-Kummissjoni vs BASF et (C-137/92 P, Ġabra p. I-2555, punt 48); tat-8 ta’ Lulju 1999, Chemie Linz vs Il-Kummissjoni (C-245/92 P, Ġabra p. I-4643, punt 93), kif ukoll tal-5 ta’ Ottubru 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-475/01, Ġabra p. I-8923, punt 18).

( 27 ) Sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Il-Kummissjoni vs BASF et (punt 49); Chemie Linz vs Il-Kummissjoni (punt 94), kif ukoll Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (punt 19).

( 28 ) Sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Il-Kummissjoni vs BASF et (punt 50); Chemie Linz vs Il-Kummissjoni (punt 95), kif ukoll Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (punt 20).

( 29 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs BASF et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 48 sa 53), kif ukoll tat-30 ta’ Jannar 2002, L-Italja vs Il-Kummissjoni (C-107/99, Ġabra p. I-1091, punt 45).

( 30 ) L-appellanti tindika fil-fatt f’dan il-punt li hija “kkunsidrat li l-investigazzjoni magħmula mill-Ombudsman kellha tagħti riżultati aħjar u iktar mgħaġġla minn proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-Lussemburgu, li mill-esperjenza, is-soltu ddum”.

( 31 ) Għall kull bon fini, jiena nfakkar li, skont l-Artikolu 231 KE, jekk ir-rikors għalannullament ikun fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddikjara l-att ikkontestat null u bħala li qatt ma kien fis-seħħ.

( 32 ) Mingħajr pretensjoni ta’ eżawriment, in-nuqqas ta’ opponibbiltà tat-termini għal azzjonijiet kontenzjużi hija applikata fid-dritt Ġermaniż, Belġjan, Daniż, Spanjol, Estonjan, Finlandiż, Franċiż, Grieg, Taljan, Lussemburgiż, Olandiż, Pollakk u Portuġiż.

( 33 ) Effettivament, tali preżunzjoni tfisser li bl-ebda mod l-appellanti m’għandha obbligu li turi żball skużabbli possibbli li jippermettilha tidderoga mir-regoli li jirregolaw it-termini għall-preżentata ta’ rikors. Barra minn hekk, din il-preżunzjoni tfisser ukoll li, bħala regola ġenerali, id-deċiżjoni adottata bi ksur tal-obbligu li jiġu indikati r-rimedji ma tkunx saret definittiva kontra l-applikant. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-istess applikant huwa intitolat jikkontesta kemm id-deċiżjoni kkonfermata, kemm id-deċiżjoni magħrufa bħala konfermatorja, kif ukoll il-waħda u l-oħra minn dawn id-deċiżjonijiet. Ara s-sentenzi tal-11 ta’ Mejju 1989, Maurissen u Union syndicale vs Il-Qorti tal-Awdituri (193/87 u 194/87, Ġabra p. 1045, 1075, punt 26), kif ukoll tat-18 ta’ Diċembru 2007, Weißenfels vs Il-Parlament (C-135/06 P, Ġabra p. I-12041, punt 54).

( 34 ) L-istess, b’xi mod, bħar-rinunzja tal-konsumatur sabiex il-qorti tiskarta l-applikazzjoni ta’ klawżola kuntrattwali abbużiva (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2009, Pannon GSM, C-243/08, Ġabra p. I-4713, punt 33).

( 35 ) Il-kwistjoni dwar jekk l-appellanti, waqt in-notifika tad-deċiżjoni tas-26 ta’ Lulju 2002, kinitx irrappreżentata minn konsulent tidher li hija kontroversjali. Filwaqt li fis-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-konsulent tal-appellanti implika li dan kien il-każ, ebda att fil-proċess ma jikkorrobora din l-insinwazzjoni, peress li l-korrispondenza ta’ dak iż-żmien ġiet indirizzata direttament lid-direttur tal-appellanti.

( 36 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat-23 ta’ Jannar 1997, Coen (C-246/95, Ġabra p. I-403, punt 21), u d-digriet tat-8 ta’ Diċembru 2005, Campailla vs Il-Kummissjoni (C-210/05 P, punt 28).

( 37 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-25 ta’ Ottubru 1977, Metro SB-Großmärkte vs Il-Kummissjoni (26/76, Ġabra p. 1875, punt 4); tal-15 ta’ Diċembru 1988, Irish Cement vs Il-Kummissjoni (166/86 u 220/86, Ġabra p. 6473, punt 16); tal-11 ta’ Jannar 1996, Zunis Holding et vs Il-Kummissjoni (C-480/93 P, Ġabra p. I-1, punt 14), kif ukoll tad-9 ta’ Diċembru 2004, Il-Kummissjoni vs Greencore (C-123/03 P, Ġabra p. I-11647, punt 39).

( 38 ) Kif indikajt diġà, fl-evalwazzjoni li saret b’mod alternattiv fil-punti 103 sa 110 tas-sentenza appellata (ikkritikata fil-kuntest tat-tielet aggravju tal-appell eżaminat iktar ’il fuq), il-Qorti tal-Prim’Istanza ammettiet li l-applikazzjoni ppreżentata fit-22 ta’ Diċembru 2004 kienet tikkostitwixxi applikazzjoni kompletament ġdida.

( 39 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-23 ta’ April 2009, AEPI vs Il-Kummissjoni (C-425/07 P, Ġabra p. I-3205, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 40 ) F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra, ġustament fil-fehma tiegħi, li l-kwistjoni tal-ammissibbiltà ta’ rikors ippreżentat kontra att purament konfermatorju tista’ titqajjem ex officio mill-qorti li għandha tiddeċiedi l-mertu tal-kawża (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-2 ta’ April 1998, Apostolidis vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T-86/97, ĠabraSP p. I-A-167 u II-521, punti 18 sa 25).

( 41 ) Għalkemm wieħed jista’ jifhem li l-aggravju bbażat fuq l-iżnaturament tal-fatti min-naħa tal-Qorti tal-Prim’Istanza ma jistax jiġi rrilevat ex officio mill-qorti li tiddeċiedi l-appell, peress li n-natura eċċezzjonali tal-eżami tal-fatti li dan l-eżerċizzju jinvolvi għal din hija intiża li tipproteġi l-persuni kkonċernati direttament mill-fatti inkwistjoni, mill-banda l-oħra, l-istħarriġ tal-iżnaturament tad-dritt jidher li jaqa’ b’mod naturali taħt il-kompitu tal-qorti tal-appell u huwa intiż li jipproteġi l-interess ġenerali.

( 42 ) M’hemmx dubju li din il-kwistjoni, li taqa’ taħt l-istħarriġ tal-klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza, hija kwistjoni ta’ dritt li tista’ allura, bħala tali, tiġi sottomessa lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-appell. Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tad-19 ta’ Ottubru 1995, Rendo et vs Il-Kummissjoni (C-19/93 P, Ġabra p. I-3319, punt 26); tad-29 ta’ Ġunju 2000, Politi vs Fondation européenne pour la formation (C-154/99 P, Ġabra p. I-5019, punt 11), kif ukoll tad-29 ta’ April 2004, Il-Parlament vs Ripa di Meana et (C-470/00 P, Ġabra p. I-4167, punt 41).

( 43 ) Sentenza tal-10 ta’ Diċembru 1980 (23/80, Ġabra p. 3709).

( 44 ) Digrieti ċċitati iktar ’il fuq Internationaler Hilsfonds vs Il-Kummissjoni (punt 47) u Campailla vs Il-Kummissjoni (punt 23).

( 45 ) Ara f’dan ir-rigward, is-sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 1964, Muller vs Il-Kummissjoni (109/63 u 13/64, Ġabra p. 1293, p. 1316); tal-14 ta’ April 1970, Nebe vs Il-Kummissjoni (24/69, Ġabra p. 145, punt 8); tat-8 ta’ Mejju 1973, Gunnella vs Il-Kummissjoni (33/72, Ġabra p. 475, punti 10 u 11), kif ukoll tal-14 ta’ Settembru 2006, Il-Kummissjoni vs Fernández Gómez (C-417/05 P, Ġabra p. I-8481, punt 46). Ara wkoll il-punt 1 tal-konklużjonijiet tal-avukat ġenerali Reischl ippreżentati fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal-1 ta’ Diċembru 1983, Michael vs Il-Kummissjoni (343/82, Ġabra p. 4023).

( 46 ) Sentenza tad-9 ta’ Marzu 1978 (54/77, Ġabra p. 585).

( 47 ) Sentenza Herpels vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punti 11 sa 14).

( 48 ) Ara s-sentenzi tat-22 ta’ Marzu 1961, Snupat vs Haute Autorité (42/59 u 49/59, Ġabra p. 101, 146); tas-17 ta’ Ġunju 1965, Müller vs Il-Kunsilli (43/64, Ġabra p. 499, p. 515); tat-30 ta’ Mejju 1984, Aschermann et vs Il-Kummissjoni (326/82, Ġabra p. 2253, punt 13); tal-15 ta’ Mejju 1985, Esly vs Il-Kummissjoni (127/84, Ġabra p. 1437, punt 10); tas-7 ta’ Mejju 1986, Barcella et vs Il-Kummissjoni (191/84, Ġabra p. 1541, punt 13); tal-10 ta’ Lulju 1986, Trenti vs CES (153/85, Ġabra p. 2427, punt 11); tat-13 ta’ Novembru 1986, Becker vs Il-Kummissjoni (232/85, Ġabra p. 3401, punt 8); tal-4 ta’ Frar 1987, Pressler-Hoeft vs Il-Qorti tal-Awdituri (302/85, Ġabra p. 513, punt 6); tat-8 ta’ Marzu 1988, Brown vs Il-Qorti tal-Ġustizzja (125/87, Ġabra p. 1619, punt 13); tal-11 ta’ Jannar 2001, Martínez del Peral Cagigal vs Il-Kummissjoni (C-459/98 P, Ġabra p. I-135, punt 45), kif ukoll id-digriet tas-26 ta’ Marzu 2003, Inpesca vs Il-Kummissjoni (C-170/01 P, punt 72).

( 49 ) Ara b’mod partikolari, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-7 ta’ Frar 2001, Inpesca vs Il-Kummissjoni (T-186/98, Ġabra p. II-557, punt 48).

( 50 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq tal-Qorti tal-Ġustizzja Trenti vs CES, (punti 13 u 14), kif ukoll tal-Qorti tal-Prim’Istanza Inpesca vs Il-Kummissjoni (punt 49).

( 51 ) Ara s-sentenzi Muller vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (p. 1316), u tat-12 ta’ Lulju 1973, Tontodonati vs Il-Kummissjoni (28/72, Ġabra p. 779, punti 3 sa 5).

( 52 ) Digrieti tal-Qorti tal-Ġustizzja, iċċitati iktar ’il fuq (punt 49), u tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Ottubru 2003 (T-372/02 Ġabra p. II-4389, punt 40).

( 53 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq tal-Qorti tal-Ġustizzja, Nebe vs Il-Kummissjoni (punt 8); Esly vs Il-Kummissjoni (punt 11), kif ukoll tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Inpesca vs Il-Kummissjoni (punt 50).

( 54 ) Ara, fir-rigward tal-kategorija tas-sentenzi li jirreferu espressament għall-“fatt ġdid sostanzjali”, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Aschermann et vs Il-Kummissjoni (punt 13); Trenti vs CES (punt 11), u Becker vs Il-Kummissjoni (punt 9); id-digriet Inpesca vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 72); għall-kategorija li tirrigwarda l-“fatt ġdid suffiċjentement (jew biżżejjed) sostanzjali”, is-sentenzi Muller vs Il-Kummissjoni (punt 17), u Esly vs Il-Kummissjoni (punt 12).

( 55 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Becker vs Il-Kummissjoni ċċitata iktar ’il fuq (punt 11); digriet Inpesca vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 73), u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza Inpesca vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 51). Ara wkoll is-sentenza Esly vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punti 11 u 12).

( 56 ) Ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Settembru 1998, Hagleitner vs Il-Kummissjoni (T-94/96, ĠabraSP p. I-A-489 u II-1467, punti 31 u 32), kif ukoll tas-6 ta’ Mejju 2009, M vs EMEA (T-12/08 P, punt 54).

( 57 ) Punt 54.

( 58 ) Għal kull bon fini, għandu jiġi mfakkar ukoll li l-konklużjonijiet tal-Ombudsman, bħala tali, ma jorbtux lill-qorti Komunitarja, għalkemm jistgħu jikkostitwixxu ħjiel tal-ksur tal-prinċipju tal-amministrazzjoni tajba. Ara s-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2007, Komninou et vs Il-Kummissjoni (C-167/06 P, punt 44).

( 59 ) F’dawn iċ-ċirkustanzi, ċertament, m’għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni fuq it-talbiet tal-appellanti intiżi għall-annullament tal-allegata deċiżjoni inkluża fl-ittra tal-14 ta’ Frar 2005 u lanqas, a fortiori, fuq dawk li jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fuq il-mertu. F’dan ir-rigward, anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tilqa’ l-appell, hija ma tistax tilqa’ din l-aħħar talba peress li, kif ġustament tindika l-Kummissjoni fir-risposta tagħha, il-Qorti tal-Prim’Istanza stess ma kellhiex l-okkażjoni li tiddeċiedi fuq il-mertu tal-kawża. Dan għalhekk mhuwiex fi stat li jiġi deċiż, fis-sens tal-Artikolu 61(1) tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.