13.1.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 8/92


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/37

tat-12 ta’ Jannar 2022

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/403 fir-rigward tal-mudell taċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali u l-mudelli taċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali/uffiċjali, għad-dħul fl-Unjoni u l-movimenti bejn l-Istati Membri ta’ kunsinni ta’ ċerti speċijiet u kategoriji ta’ pollam u għasafar miżmuma fil-magħluq u l-prodotti ġerminali tagħhom

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trasmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 146(2), l-Artikolu 156(2), l-ewwel subparagrafu, il-punt (a) u l-Artikoli 162(5), 238(3) u 239(3) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 90, l-ewwel paragrafu, il-punt (a), u l-Artikolu 126(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/403 (3) jistabbilixxi mudelli taċ-ċertifikati, fil-forma ta’ ċertifikati tas-saħħa tal-annimali jew ċertifikati tas-saħħa tal-annimali/uffiċjali għall-movimenti bejn l-Istati Membri, u d-dħul fl-Unjoni, ta’ kunsinni ta’ ċerti kategoriji ta’ annimali terrestri u prodotti ġerminali tagħhom. Dawn il-kunsinni jinkludu dawk li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolamenti Delegati tal-Kummissjoni (UE) 2020/688 (4) u (UE) 2020/692 (5).

(2)

Il-Kapitolu 18 tal-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/403 jistabbilixxi l-mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali/uffiċjali għall-moviment bejn l-Istati Membri ta’ inqas minn 20 eżemplar ta’ pollam għajr ir-ratiti jew inqas minn 20 bajda għat-tifqis tal-pollam għajr ir-ratiti (mudell “POU-INTRA-LT20”). L-Artikolu 37 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/688 ġie emendat reċentement bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 2021/1706 (6) sabiex tiġi prevista deroga għall-movimenti tal-kunsinni ta’ inqas minn 20 eżemplar ta’ flieles ta’ ġurnata ta’ pollam għajr ir-ratiti, imfaqqsa minn bajd għat-tifqis li jkunu daħlu fl-Unjoni minn pajjiż terz jew minn territorju u żona tiegħu. Jenħtieġ li dik l-emenda tiġi riflessa f’dak il-mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali/uffiċjali. Għalhekk, jenħtieġ li l-Kapitolu 18 tal-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/403 jiġi emendat skont dan.

(3)

Il-Kapitolu 19 tal-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/403 jistabbilixxi l-mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali/uffiċjali għall-moviment bejn l-Istati Membri ta’ pollam maħsub għall-iskarnar (mudell “POU-INTRA-Y”). L-Artikoli 29 u 44 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/687 (7) jistabbilixxi kundizzjonijiet speċifiċi għall-awtorizzazzjoni ta’ movimenti għall-iskarnar ta’ annimali miżmuma ta’ speċijiet elenkati li jinsabu f’żona ta’ protezzjoni jew ta’ sorveljanza wara l-konferma ta’ tifqigħa ta’ marda tal-kategorija A. Jenħtieġ li dawk il-kundizzjonijiet speċifiċi jiġu riflessi f’dak il-mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali/uffiċjali. Għalhekk, jenħtieġ li l-Kapitolu 19 tal-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/403 jiġi emendat skont dan.

(4)

Fl-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/403, il-Kapitolu 27 jistabbilixxi mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali/uffiċjali għad-dħul fl-Unjoni ta’ bajd għat-tifqis tal-pollam għajr ir-ratiti (mudell “HEP”) u l-Kapitolu 28 jistabbilixxi mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali ta’ bajd għat-tifqis tar-ratiti (mudell “HER”). L-Artikolu 107 tar-Regolament Delegat (UE) Nru 2020/692 ġie emendat reċentement bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 2021/1705 (8) sabiex jiġu stabbiliti rekwiżiti ġodda għall-kunsinni ta’ bajd għat-tifqis tal-pollam fir-rigward l-ispezzjoni tal-qatgħa tal-oriġini tagħhom. Jenħtieġ li dawk ir-rekwiżiti l-ġodda jiġu riflessi f’dawk il-mudelli taċ-ċertifikati. Għalhekk, jenħtieġ li l-Kapitoli 27 u 28 tal-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/403 jiġu emendati skont dan.

(5)

Il-Kapitolu 34 tal-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/403 jistabbilixxi l-mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali għad-dħul fl-Unjoni ta’ għasafar miżmuma fil-magħluq (mudell “CAPTIVE-BIRDS”). L-Artikolu 62 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/692 ġie emendat reċentement bir-Regolament Delegat (UE) 2021/1705, biex tiddaħħal deroga mir-rekwiżiti speċifiċi dwar is-saħħa tal-annimali għall-għasafar miżmuma fil-magħluq għad-dħul fl-Unjoni tal-ħamiem tat-tiġrija minn pajjiż terz jew minn territorju jew żona tiegħu fejn jinżamm normalment, bl-intenzjoni li jinħeles immedjatament bl-istennija li jtir lura lejn dak il-pajjiż terz jew territorju jew żona tiegħu. Għalhekk, jenħtieġ li dawk l-emendi jiġu riflessi fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/403 billi tiġi eskluża dik il-kategorija ta’ għasafar miżmuma fil-magħluq minn dak il-mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali u billi minfloku jiġi stabbilit mudell ġdid taċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali għad-dħul fl-Unjoni ta’ ħamiem tat-tiġrija li għandu jinħeles immedjatament wara d-dħul (mudell “RACING PIGEONS-IMMEDIATE RELEASE”). Għalhekk jeħtieġ li jiġi emendat il-Kapitolu 34 tal-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/403 u li jiżdied Kapitolu 34a ġdid ma’ dak l-Anness.

(6)

Għalhekk jenħtieġ li l-Annessi I u II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/403 jiġu emendati skont dan.

(7)

L-Artikolu 17 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/403 jelenka l-mudelli taċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali u taċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali/uffiċjali li jridu jintużaw għad-dħul fl-Unjoni ta’ ċerti kategoriji ta’ għasafar u prodotti ġerminali. Għalhekk huwa meħtieġ li jiġi emendat biex f’dik il-lista tiġi inkluża referenza għall-mudell il-ġdid “RACING PIGEONS-IMMEDIATE RELEASE” li jrid jiddaħħal fil-Kapitolu 34a ġdid tal-Anness II tiegħu.

(8)

Sabiex jiġi evitat kwalunkwe tfixkil fil-kummerċ fir-rigward tad-dħul fl-Unjoni tal-kunsinni affettwati mill-emendi li jridu jsiru fl-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/403 permezz ta’ dan ir-Regolament, l-użu taċ-ċertifikati maħruġa f’konformità mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/403, kif applikabbli qabel l-emendi magħmula minn dan ir-Regolament, jenħtieġ li jibqgħu jiġu awtorizzati matul perjodu tranżitorju soġġett għal ċerti kundizzjonijiet.

(9)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/403 huwa emendat kif ġej:

1.

L-Artikolu 17 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt (l) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(l)

CAPTIVE-BIRDS, għajr il-ħamiem tat-tiġrija mfassal f’konformità mal-mudell stabbilit fil-Kapitolu 34 tal-Anness II, għall-għasafar miżmuma fil-magħluq, għajr il-ħamiem tat-tiġrija li jinħeles immedjatament wara d-dħul fl-Unjoni;”;

(b)

il-punt (m) huwa sostitwit bil-punti (m) u (n) li ġejjin:

“(m)

RACING PIGEONS-IMMEDIATE RELEASE mfassal f’konformità mal-Kapitolu 34a tal-Anness II, għall-ħamiem tat-tiġrija li jinħeles immedjatament wara d-dħul fl-Unjoni;

(n)

HE-CAPTIVE-BIRDS imfassal f’konformità mal-mudell stabbilit fil-Kapitolu 35 tal-Anness II, għall-bajd għat-tifqis tal-għasafar miżmuma fil-magħluq.”;

2.

L-Annessi I u II huma emendati skont l-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Għal perjodu tranżitorju sal-15 ta’ Settembru 2022, il-kunsinni ta’ ċerti speċijiet u kategoriji ta’ pollam u għasafar miżmuma fil-magħluq u prodotti ġerminali tagħhom, akkumpanjati mill-mudell xieraq taċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali/uffiċjalijew mill-mudell xieraq taċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali maħruġ f’konformità mal-mudelli stabbiliti fil-Kapitoli 27, 28 u 34 tal-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/403, kif applikabbli qabel l-emendi magħmula lil dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni permezz ta’ dan ir-Regolament, għandhom ikomplu jkunu awtorizzati għad-dħul fl-Unjoni dment li ċ-ċertifikat ikun inħareġ mhux aktar tard mill-15 ta’ Ġunju 2022.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Jannar 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1.

(2)   ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1.

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/403 tat-24 ta’ Marzu 2021 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolamenti (UE) 2016/429 u (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward il-mudelli taċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali u l-mudelli taċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali/uffiċjali, għad-dħul fl-Unjoni u l-movimenti bejn l-Istati Membri ta’ kunsinni ta’ ċerti kategoriji ta’ annimali terrestri u tal-prodotti ġerminali tagħhom, iċ-ċertifikazzjoni uffiċjali fir-rigward ta’ tali ċertifikati u li jħassar id-Deċiżjoni 2010/470/UE (ĠU L 113, 31.3.2021, p. 1).

(4)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/688 tas-17 ta’ Diċembru 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fir-rigward tar-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali għall-movimenti fl-Unjoni ta’ annimali terrestri u bajd għat-tifqis (ĠU L 174, 3.6.2020, p. 140).

(5)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/692 tat-30 ta’ Jannar 2020 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli għad-dħul fl-Unjoni, u l-moviment u l-immaniġġjar wara d-dħul ta’ konsenji ta’ ċerti annimali, prodotti ġerminali u prodotti li joriġinaw mill-annimali (ĠU L 174, 3.6.2020, p. 379).

(6)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/1706 tal-14 ta’ Lulju 2021 li jemenda u jikkoreġi r-Regolament Delegat (UE) 2020/688 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fir-rigward tar-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali għall-movimenti fl-Unjoni ta’ annimali terrestri u bajd għat-tifqis (ĠU L 339, 24.9.2021, p. 56).

(7)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/687 tas-17 ta’ Diċembru 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll ta’ ċertu mard elenkat (ĠU L 174, 3.6.2020, p. 64).

(8)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/1705 tal-14 ta’ Lulju 2021 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2020/692 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli għad-dħul fl-Unjoni, u l-moviment u l-immaniġġjar wara d-dħul ta’ konsenji ta’ ċerti annimali, prodotti ġerminali u prodotti li joriġinaw mill-annimali (ĠU L 339, 24.9.2021, p. 40).


ANNESS

L-Annessi I u II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/403 huma emendati kif ġej:

(1)

L-Anness I huwa emendat kif ġej:

(a)

Il-Kapitolu 18 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“

Image 1

Image 2

Image 3

Image 4

Image 5

Image 6

Image 7

Image 8

”

(b)

Il-Kapitolu 19 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“

Image 9

Image 10

Image 11

Image 12

Image 13

”

(2)

L-Anness II huwa emendat kif ġej:

(a)

fit-tabella introduttorja li tistabbilixxi l-lista tal-mudelli taċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali u taċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali/uffiċjali u d-dikjarazzjonijiet għad-dħul fl-Unjoni u għat-tranżitu fl-Unjoni li jinsabu f’dak l-Anness, it-Taqsima għall-għasafar u l-prodotti ġerminali tagħhom hija emendata kif ġej:

(i)

l-entrata għal CAPTIVE-BIRDS hija sostitwita b’dan li ġej:

“CAPTIVE-BIRDS, other than racing pigeons

Kapitolu 34: Mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali għad-dħul fl-Unjoni ta’ għasafar miżmuma fil-magħluq, għajr il-ħamiem tat-tiġrija li jinħeles immedjatament wara d-dħul”

(ii)

l-entrata li ġejja għal RACING PIGEONS-IMMEDIATE RELEASE tiddaħħal bejn l-entrata għal CAPTIVE-BIRDS u l-entrata għal HE-CAPTIVE-BIRDS:

“RACING PIGEONS-IMMEDIATE RELEASE

Kapitolu 34a: Mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali għad-dħul fl-Unjoni ta’ ħamiem tat-tiġrija li jinħeles immedjatament wara d-dħul”

(b)

Il-Kapitolu 27 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“

Image 14

Image 15

Image 16

Image 17

Image 18

Image 19

Image 20

Image 21

Image 22

”

(c)

Il-Kapitolu 28 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“

Image 23

Image 24

Image 25

Image 26

Image 27

Image 28

Image 29

”

(d)

fil-Kapitolu 34, it-titolu huwa emendat kif ġej:

“KAPITOLU34:

MUDELL TAĊ-ĊERTIFIKAT TAS-SAĦĦA TAL-ANNIMALI GĦAD-DĦUL FL-UNJONI TA’ GĦASAFAR MIŻMUMA FIL-MAGĦLUQ, GĦAJR IL-ĦAMIEM TAT-TIĠRIJA LI JINĦELES IMMEDJATAMENT WARA D-DĦUL (MUDELL “CAPTIVE-BIRDS other than racing pigeons”)”

(e)

il-Kapitolu 34a li ġej jiddaħħal bejn il-Kapitolu 34 u l-Kapitolu 35:

“

Image 30

Image 31

Image 32

”