|
14.8.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 202/8 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/1630
tal-11 ta’ Awwissu 2023
li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/834 dwar miżuri eċċezzjonali ta’ appoġġ għas-suq għas-setturi tal-bajd u tal-laħam tat-tjur fl-Italja
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 220(1), l-ewwel subparagrafu, il-punt (a) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Fil-kuntest tat-tifqigħat tal-influwenza avjarja b’patoġeniċità għolja tas-sottotip H5 fl-Italja, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/834 (2) li jkopri 294 tifqigħa li seħħew bejn it-23 ta’ Ottubru 2021 u l-31 ta’ Diċembru 2021. |
|
(2) |
L-Italja informat lill-Kummissjoni li għadd ta’ azjendi li jrabbu l-għewietaq għajr l-għewietaq tal-gaġġa, ġew affettwati wkoll minn miżuri veterinarji u tas-saħħa fl-għamla ta’ għeluq obbligatorju u t-telf li jirriżulta. Attwalment, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/834 ma jkoprix dawk l-azjendi. |
|
(3) |
Għalhekk jixraq li jingħata finanzjament parzjali ekwivalenti għal 50 % tal-ispiża mġarrba mill-Italja skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/834 għall-azjendi li ma jrabbux biss l-għewietaq tal-gaġġa iżda wkoll tipi oħrajn ta’ għewietaq u għandhom l-istess ammont unitarju ta’ appoġġ u l-istess għadd massimu ta’ annimali eliġibbli. |
|
(4) |
Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/834 jiġi emendat skont dan. |
|
(5) |
Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni immedjata mill-Italja tal-miżuri għal kategorija ulterjuri ta’ pollam stabbilita b’dan ir-Regolament fil-limitu taż-żmien applikabbli għall-pagament tal-għajnuna msemmi fl-Artikolu 2(1), il-punt (c) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/834, dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. |
|
(6) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/834, il-punt (b)(i) huwa sostitwit b’dan li ġej:
|
“(i) |
EUR 0,038 fil-ġimgħa għal kull għattuqa li tidħol fil-kodiċi tan-NM 0105 11 11, sa għadd massimu ta’ 1 417 836 annimal;”. |
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Awwissu 2023.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.
(2) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/834 tat-18 ta’ April 2023 dwar miżuri eċċezzjonali ta’ appoġġ għas-suq għas-setturi tal-bajd u tal-laħam tat-tjur fl-Italja (ĠU L 105, 20.4.2023, p. 2).