European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/2227

31.10.2025

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2025/2227

tas-27 ta’ Ottubru 2025

li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati, fl-interess tal-Unjoni Ewropea, dwar reviżjoni tal-Ftehim Internazzjonali u l-Istatuti Organiċi, ir-Regoli Organiċi, ir-Regoli Finanzjarji u r-Regoli Ġenerali u testi oħra tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(2) u l-Artikolu 168(4), il-punt (b), flimkien mal-Artikolu 218(3) u (4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

L-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (WOAH) hija organizzazzjoni intergovernattiva li ġiet stabbilita fl-1924 bħala l-Office International des Epizooties. It-testi legali tiegħu jinkludu l-Ftehim Internazzjonali għall-ħolqien ta’ Office International des Epizooties u l-Istatuti Organiċi tal-Office International des Epizooties (1924), ir-Regoli Organiċi tal-Office International des Epizooties (1973), ir-Regoli Finanzjarji (1987) u r-Regoli Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE) u testi oħra (2011) (it-“Testi Bażiċi tad-WOAH”). L-istandards tad-WOAH dwar is-saħħa tal-annimali u ż-żoonożi huma rikonoxxuti bħala regoli sanitarji internazzjonali ta’ referenza skont il-Ftehim Sanitarju u Fitosanitarju tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ. Mill-2025, id-WOAH għandha 183 Membru, inkluż l-Istati Membri kollha tal-Unjoni. Il-Kummissjoni Ewropea għandha status ta’ osservatur.

(2)

Fl-2023, wara għeluq iċ-ċentenarju tagħha, id-WOAH ikkummissjonat rieżami estern u indipendenti tal-governanza tagħha biex tiżgura li tkun adattata għall-iskop tagħha u kapaċi tappoġġa organizzazzjoni effiċjenti, effettiva u sostenibbli fil-futur. Ir-rapport riżultanti ġie ppreżentat u diskuss fl-Assemblea Dinjija tad-Delegati tad-WOAH f’Mejju 2024.

(3)

Fit-30 ta’ Mejju 2024, l-Assemblea Dinjija tad-Delegati tad-WHO adottat ir-Riżoluzzjoni Nru 12, li tat mandat lid-Direttur Ġenerali biex jistabbilixxi grupp iddedikat dwar il-governanza li jinkludi s-Sħubija tad-WOAH b’rappreżentanti minn kull reġjun biex iwettqu ħidma ulterjuri biex jiġu riveduti t-Testi Bażiċi tad-WOAH.

(4)

F’Diċembru 2024 ġie stabbilit Kumitat ta’ Rieżami tal-Governanza (GRC) tad-WOAH u, f’konformità mat-Termini ta’ Referenza tiegħu, jikkonsisti minn 16-il Membru mir-Reġjuni kollha tad-WOAH. Tlieta mill-Membri attwali tal-GRC huma Stati Membri: l-Awstrija u l-Irlanda huma fost dawk il-Membri li jirrappreżentaw ir-Reġjun tal-Ewropa tad-WOAH, u Ċipru huwa fost dawk il-Membri li jirrappreżentaw ir-Reġjun tal-Lvant Nofsani tad-WOAH. Fost il-Konsulenti ta’ dawk il-Membri hemm esperti mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni. L-ewwel laqgħa tal-GRC seħħet f’Jannar 2025.

(5)

Il-GRC ħejja programm ta’ ħidma olistiku ta’ attivitajiet pluriennali u rakkomandazzjonijiet inizjali biex jappoġġa r-reviżjonijiet tat-Testi Bażiċi tad-WOAH, li, wara l-validazzjoni mill-Kunsill tad-WOAH, ġew ippreżentati lill-Assemblea Dinjija tad-Delegati, li adottat ir-Riżoluzzjoni Nru 5, intitolata “Work Programme of the WOAH Governance Review Committee and Initial Adjustments to Support Revisions to the WOAH Basic Texts” (Programm ta’ Ħidma tal-Kumitat ta’ Rieżami tal-Governanza tad-WOAH u Aġġustamenti Inizjali b’Appoġġ għar-Reviżjonijiet tat-Testi Bażiċi tad-WOAH), fid-29 ta’ Mejju 2025, b’appoġġ mill-Unjoni. F’konformità mal-programm ta’ ħidma tagħha, il-GRC beda l-ewwel fażi sostantiva tal-ħidma tiegħu, il-fażi ta’ valutazzjoni, fl-aħħar ta’ Mejju 2025.

(6)

L-Unjoni adottat miżuri armonizzati u stabbiliet organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli għal ċerti prodotti agrikoli li joriġinaw mill-annimali f’konformità mal-Artikolu 43(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Dan jinvolvi ż-żamma tal-annimali fil-produzzjoni agrikola.

(7)

Is-saħħa tal-annimali hija element intrinsiku tal-liġi tal-Unjoni. Ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) jipprevedi rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali għall-moviment tal-annimali u tal-prodotti li joriġinaw mill-annimali fi u bejn l-Istati Membri u d-dħul tagħhom fl-Unjoni. B’mod importanti, skont l-Artikolu 168(4)TFUE, l-Unjoni trid tikkontribwixxi għall-kisba tal-objettivi msemmija f’dak l-Artikolu permezz tal-addozzjoni ta’ miżuri fi, fost l-oħrajn, il-qasam veterinarju li jkollhom bħala l-objettiv dirett tagħhom il-protezzjoni tas-saħħa pubblika sabiex jindirizzaw it-tħassib komuni dwar is-sikurezza fl-Unjoni. Il-liġi tal-Unjoni li tirregola s-saħħa tal-annimali u ż-żoonożi, fost l-oħrajn tkopri miżuri għal mard trażmissibbli tal-annimali li jaffettwa l-annimali u l-bnedmin, li jkopru aspetti tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika.

(8)

Permezz tar-Regolament (UE) 2016/429 u tad-Direttiva 2003/99/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), l-Unjoni stabbiliet regoli armonizzati li jirregolaw is-saħħa tal-annimali u ż-żoonożi. Dik il-leġiżlazzjoni tinkludi regoli dwar l-elenkar tal-mard tal-annimali għall-intervent tal-Unjoni, miżuri għall-prevenzjoni tal-mard, il-kontroll u l-qerda tal-mard, il-moviment tal-annimali u tal-prodotti li joriġinaw mill-annimali fi u bejn l-Istati Membri u d-dħul tagħhom fl-Unjoni, u regoli għall-monitoraġġ taż-żoonożi u l-aġenti żoonotiċi.

(9)

Konsegwentement, il-kwistjonijiet relatati mas-saħħa u l-benesseri tal-annimali bħala parti mill-Politika Agrikola Komuni u fil-qasam veterinarju huma parti mill-kompetenza tal-Unjoni.

(10)

Huwa fl-interess tal-Unjoni li jkollha rwol effettiv fil-ħidma tad-WOAH. Dan ser jippromwovi l-konsistenza fl-approċċ tal-Unjoni għall-politiki li jaqgħu taħt il-mandat tad-WOAH, u ser isaħħaħ l-impenn tagħha għall-iżvilupp fit-tul tas-saħħa globali tal-annimali u tal-kontroll taż-żoonożi, il-benesseri tal-annimali, is-sikurezza tal-ikel fil-produzzjoni tal-annimali, il-kummerċ internazzjonali sikur tal-annimali u tal-prodotti tal-annimali, u s-sigurtà tal-ikel.

(11)

L-Istati Membri u l-Kummissjoni jenħtieġ li jikkooperaw mill-qrib matul il-proċess tan-negozjati,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Istati Membri tal-UE li huma membri tal-Kumitat ta’ Rieżami tal-Organizzazzjoni Dinjija għall-Governanza tas-Saħħa tal-Annimali (WOAH) li jirrappreżentaw ir-Reġjun tal-Ewropa tad-WOAH huma b’dan awtorizzati jinnegozjaw, fl-interess tal-Unjoni, reviżjoni tal-Ftehim Internazzjonali u l-Istatuti Organiċi, ir-Regoli Organiċi, ir-Regoli Finanzjarji u r-Regoli Ġenerali u testi oħra tad-WOAH fil-Kumitat ta’ Rieżami tal-Governanza tad-WOAH.

In-negozjati għandhom jitmexxew abbażi tad-direttivi tan-negozjati tal-Kunsill stabbiliti fl-addendum ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

In-negozjati għandhom jitmexxew b’konsultazzjoni mal-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Annimali u Kwistjonijiet Veterinarji (Uffiċjali Kapijiet Veterinarji), li b’dan huwa ddeżinjat bħala l-kumitat speċjali skont it-tifsira tal-Artikolu 218(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fil-Lussemburgu, is-27 ta’ Ottubru 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

J. JENSEN


(1)  Ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trasmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (il-“Liġi dwar is-Saħħa Annimali”) (ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/429/oj).

(2)  Id-Direttiva 2003/99/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Novembru 2003 rigward il-monitoraġġ taż-żoonożi u ta’ l-aġenti żoonotiċi, temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE u tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 92/117/KEE (ĠU L 325, 12.12.2003, p. 31, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2003/99/oj).


Addendum

Direttivi għan-negozjar ta’ reviżjoni tat-Testi Bażiċi tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (WOAH)

1.   

Fil-qafas tal-Kumitat ta’ Rieżami tal-Governanza (GRC, Governance Review Committee) stabbilit b’segwitu għar-Riżoluzzjoni Nru 12 adottata mill-Assemblea Dinjija tad-Delegati tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (WOAH) fit-30 ta’ Mejju 2024, li tipprovdi forum ta’ negozjar li jinkludi s-Sħubija fid-WOAH b’rappreżentanti minn kull reġjun, l-Istati Membri li huma Membri tal-GRC li jirrappreżentaw ir-Reġjun tal-Ewropa tad-WOAH ser jirrappreżentaw lill-Unjoni bħala n-negozjatur tagħha u ser jimmiraw lejn emendi tat-Testi Bażiċi tad-WOAH li jiżguraw il-flessibbiltà u l-adattabbiltà tal-arranġamenti ta’ governanza meħtieġa biex jiġu indirizzati b’mod effettiv is-sitwazzjonijiet li qed jevolvu.

2.   

In-negozjaturi għandhom jagħmlu ħilithom biex jiksbu eżitu negozjat komprensiv, li jinkludi l-objettivi u l-prinċipji deskritti hawn taħt, fid-dawl ta’ Testi Bażiċi riveduti tad-WOAH li jkunu adattati għall-iskop tagħhom u kapaċi jappoġġaw WOAH effiċjenti, effettiva u sostenibbli fil-futur. Matul dan il-proċess, in-negozjatur għandu jikkonsulta mal-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Annimali u Kwistjonijiet Veterinarji (Uffiċjali Kapijiet Veterinarji) u jikkoordina mal-Kummissjoni.

3.   

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li n-negozjaturi jagħmlu ħilithom biex:

a.

jikkonsolidaw il-mandat tad-WOAH u ssaħħu r-rwol tagħha fi kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-mandat tagħha fil-livell globali u reġjonali, filwaqt li jistabbilixxu arranġamenti speċifiċi għall-kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti u partijiet ikkonċernati mhux governattivi inkluż billi jqisu l-approċċ tal-Unjoni Saħħa Waħda;

b.

jiċċaraw ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tas-Segretarjat tad-WOAH inkluż r-Rappreżentanti Reġjonali u Subreġjonali tiegħu u dawk tad-Delegati tal-Membri tiegħu, kif ukoll il-korpi ta’ governanza tad-WOAH bħall-Assemblea Dinjija tad-Delegati, il-Kunsill u l-Kummissjonijiet Reġjonali;

c.

isaħħu s-sistema tax-xjenza tad-WOAH billi jirriformaw il-korpi esperti eżistenti, filwaqt li jiżguraw iktar trasparenza u effettività fit-teħid tad-deċiżjonijiet inkluż fir-rigward tal-iffissar ta’ standards internazzjonali;

d.

jiksbu parteċipazzjoni attiva tal-Membri fil-ħidma tad-WOAH u jżidu l-implimentazzjoni effettiva tal-istandards internazzjonali tad-WOAH mill-Membri;

e.

jistabbilixxu mekkaniżmi finanzjarji sodi li jkunu bbażati fuq it-trasparenza, l-ekwità u s-solidarjetà, bl-għan li r-riżorsi disponibbli jintużaw b’mod effiċjenti;

f.

jiffaċilitaw il-proċess ta’ emendar ulterjuri tat-Testi Bażiċi tad-WOAH biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet li qed jinbidlu.

4.   

Jenħtieġ li n-negojaturi jagħmlu ħilithom biex jiżguraw li t-Testi Bażiċi tad-WOAH ikunu konsistenti mad-dritt u mal-politiki rilevanti tal-Unjoni, kif ukoll mal-impenji tal-Unjoni skont ftehimiet multilaterali rilevanti oħra.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/2227/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)