2009L0102 — MT — 01.07.2013 — 001.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

DIRETTIVA 2009/102/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-16 ta’ Settembru 2009

rigward il-liġijiet tal-kumpanniji dwar il-kumpanniji privati ta’ membru wieħed b’responsabbiltà limitata

(verżjoni kodifikata)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(ĠU L 258, 1.10.2009, p.20)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  No

page

date

►M1

Direttiva tal-Kunsill 2013/24/UE tat-13 ta' Mejju 2013

  L 158

365

10.6.2013




▼B

DIRETTIVA 2009/102/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-16 ta’ Settembru 2009

rigward il-liġijiet tal-kumpanniji dwar il-kumpanniji privati ta’ membru wieħed b’responsabbiltà limitata

(verżjoni kodifikata)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)



IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkundisdra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’ mod partikolari l-Artikolu 44 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ( 1 ),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat ( 2 ),

Billi:

(1)

It-tnax-il Direttiva tal-Kunsill 89/667/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1989 rigward il-liġijiet tal-kumpanniji dwar il-kumpanniji privati ta’ membru wieħed b’responsabbilità limitata ( 3 ) ġiet emendata kemm-il darba ( 4 ) b’mod sostanzjali. Fl-interess taċ-ċarezza u tar-razzjonalità, l-imsemmija Direttiva għandha tiġi kodifikata.

(2)

Ċerti salvagwardi li, għall-protezzjoni tal-interessi tal-membri u ta’ oħrajn, huma mitluba mill-Istati Membri ta’ kumpanniji u ditti fis-sens tal-Artikolu 48(2) tat-Trattat, għandhom jiġu koordinati bil-ħsieb li dawn is-salvagwardji jintgħamlu ekwivalenti ġewwa l-Komunità kollha.

(3)

F’dan il-kamp, l-ewwel Direttiva tal-Kunsill 68/151/KEE tat-9 ta’ Marzu 1968 dwar il-koordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi ta’ membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri ta’ kumpanniji fis-sens tal-Artikolu 58(2) tat-Trattat, bil-għan li tagħmel dawn is-salvagwardji ekwivalenti f’kull parti tal-Komunità ( 5 ) u r-raba’ Direttiva tal-Kunsill 78/660/KEE tal-25 ta’ Lulju 1978 ibbażata fuq l-Artikolu 54(3)(g) tat-Trattat dwar il-kontijiet annwali ta’ ċerti tipi ta’ kumpanniji ( 6 ) u s-seba’ Direttiva tal-Kunsill 83/349/KEE tat-13 ta’ Ġunju 1983 ibbażata fuq l-Artikolu 54(3)(g) tat-Trattat dwar il-kontijiet konsolidati ( 7 ), dwar, rispettivament, l-iżvelar, il-validità tal-impejni, in-nullità, il-kontijiet annwali u l-kontijiet ikkonsolidati, japplikaw għal-kumpanniji kollha b’kapital azzjonarju. Madanakollu, It-tieni Direttiva tal-Kunsill 77/91/KEE tat-13 ta’ Diċembru 1976 dwar il-koordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi ta’ membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri ta' kumpanniji fis-sens tal-Artikolu 58(2) tat-Trattat, dwar il-formazzjoni ta’ kumpanniji pubbliċi ta’ responsabbilità limitata u ż-żamma u t-tibdil tal-kapital tagħhom, bil-għan li jagħmlu dawn is-salvagwardji ekwivalenti ( 8 ), it-tielet Direttiva tal-Kunsill 78/855/KEE tad-9 ta’ Ottubru 1978 ibbażata fuq l-Artikolu 54(3)(g) tat-Trattat dwar l-amalgamazzjoni ta’ kumpanniji b’responsabbiltà pubblika limitata ( 9 ), u s-sitt Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE tas-17 ta’ Diċembru 1982 ibbażata fuq l-Artikolu 54(3)(g) tat-Trattat dwar id-diviżjoni ta’ kumpanniji b'responsabbilta pubblika limitata ( 10 ), dwar, rispettivament, il-formazzjoni u l-kapital, amalgamazzjonijiet u d-diviżjonijiet japplikaw biss għall-kumpanniji b’responsabbiltà pubblika limitata.

(4)

Strument legali li jippermetti l-limitazzjoni tar-responsabbiltà tal-imprenditur individwali ġewwa l-Komunità kollha huwa neċessarju, mingħajr preġudizzju għal-liġijiet tal-Istati Membri li, f’ċirkostanzi eċċezzjonali, jeħtieġu li dan l-imprenditur ikun responsabbli għall-obbligi tal-impriża tiegħu.

(5)

Kumpannija privata b’responsabbiltà limitata tista’ tkun kumpannija b’membru wieħed miż-żmien tal-formazzjoni tagħha, jew tista’ ssir hekk għaliex l-ishma tagħha jkunu ġew miżmuma minn azzjonist wieħed. Sakemm isir il-koordinament tad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-liġijiet li għandhom x’jaqsmu mal-gruppi, l-Istati Membri jistgħu jistabilixxu ċerti dispożizzjonijiet speċjali u penali għall-każijiet meta persuna naturali tkun il-membru wieħed ta’ diversi kumpanniji jew meta kumpannija b’membru wieħed jew kwalunkwe persuna legali oħra jkunu l-membru waħdieni ta’ kumpannija. L-iskop waħdani ta’ din is-setgħa huwa sabiex jittieħed kont tad-differenzi li jeżistu f’ċerti liġijiet nazzjonali. Għal dan l-iskop, l-Istati Membri jistgħu f’każijiet speċifiċi jistabilixxu restrizzjonijiet fuq l-użu ta’ kumpanniji b’membru wieħed jew ineħħu l-limiti fuq ir-responsabbiltajiet tal-membri waħdiena. L-Istati Membri huma ħielsa li jistabilixxu regoli li jkopru r-riskji li jistgħu jippreżentaw il-kumpanniji b’membru wieħed bħala konsegwenza talli għandhom membru wieħed, b’mod partikolari sabiex jiġi żgurat illi jitħallas il-kapital sottoskritt.

(6)

Il-fatt illi l-ishma kollha jkunu ġew miżmuma minn azzjonist wieħed u l-identità tal-membru waħdieni għandha tiġi żvelata permezz ta’ dħul f’reġistru aċċessibli għall-pubbliku.

(7)

Id-deċiżjonijiet meħuda mill-membru waħdieni fl-eżerċizzju tas-setgħat tal-laqgħa ġenerali għandhom jiġu rreġistrati bil-miktub.

(8)

Il-kuntratti bejn membru waħdieni u l-kumpannija tiegħu kif irrapreżentata minnu għandhom jiġu reġistrati bil-miktub, safejn u sakemm dawn il-kuntratti ma jkollhomx x’jaqsmu mal-operazzjonijiet korrenti konklużi taħt kondizzjonijiet normali.

(9)

Din id-Direttiva għandha tkun bla ħsara għall-obbligi tal-Istati Membri rigward il-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tad-Direttivi stabbiliti fl-Anness II, Parti B,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:



Artikolu 1

Il-miżuri ta’ koordinament stabbiliti f’din id-Direttiva għandhom japplikaw għall-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mat-tipi ta’ kumpanniji msemmija fl-Anness I.

Artikolu 2

1.  Kumpannija jista’ jkollha membru wieħed meta tiġi ffurmata u wkoll meta l-ishma kollha tagħha jiġu miżmuma minn persuna waħda (kumpannija b’ membru wieħed).

2.  L-Istati Membri jistgħu, sakemm isir il-koordinament tal-liġijiet nazzjonali relatati ma’ gruppi, jistabilixxu dispożizzjonijiet jew penali speċjali għall-każijiet meta:

(a) persuna naturali tkun il-membru waħdieni ta’ diversi kumpanniji; jew

(b) kumpannija b’membru wieħed jew kull persuna legali oħra jkunu l-membru waħdieni ta’ kumpannija.

Artikolu 3

Meta kumpannija ssir kumpannija b’membru wieħed minħabba li l-isħma kollha tagħha jiġu miżmuma minn persuna waħda, dan il-fatt flimkien ma l-identità tal-membru waħdieni, għandhom jew jiġu rreġistrati fil-fajl jew imdaħħla fir-reġistru kif imsemmi fl -Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 68/151/KEE jew jiġu mdaħħla f’reġistru miżmum mill-kumpannija u aċċessibli għall-pubbliku.

Artikolu 4

1.  Il-membru waħdieni għandu jeżerċita s-setgħat tal-laqgħa ġenerali tal-kumpannija.

2.  Id-deċiżjonijiet meħuda mill-membru waħdieni fil-kamp imsemmi fil-paragrafu 1 għandhom jiġu rreġistrati fil-minuti jew imfassla bil-miktub.

Artikolu 5

1.  Il-kuntratti bejn il-membru waħdieni u l-kumpannija tiegħu kif rapreżentata minnu għandhom jiġu rreġistrati fil-minuti jew imfassla bil-miktub.

2.  L-Istati Membri ma għandhomx għalfejn japplikaw il-paragrafu 1 għall-operazzjonijiet korrenti konklużi taħt kondizzjonijiet normali.

Artikolu 6

Meta Stat Membru jippermetti kumpanniji b’membru wieħed fis-sens ta’l-Artikolu 2(1) anke’ fil-każ tal-kumpanniji b’responsabbiltà pubblika limitata, għandha tapplika din id-Direttiva.

Artikolu 7

Stat Membru ma għandux għalfejn jippermetti l-formazzjoni ta’ kumpanniji b’membru wieħed meta l-legiżlazzjoni tiegħu tipprovdi illi imprenditur individwali jista’ jistabbilixxi impriża li r-responsabbiltà tagħha tkun limitata għal somma ddedikata għall-attività dikjarata, bil-kondizzjoni li jiġu stabbiliti salvagwardji għal dawn l-impriżi li jkunu ekwivalenti għal dawk imposti minn din id-Direttiva jew minn kull dispożizzjoni tal-Komunità li tapplika għall-kumpanniji msemmija fl-Artikolu 1.

Artikolu 8

L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-testi tad-dispożizzjonijiet prinċipali ta’ liġijiet nazzjonali li huma jadottaw fil-kamp kopert minn din id-Diretiva.

Artikolu 9

Id-Direttiva 89/667/KEE, kif emendata mill-atti elenkati fl-Anness II, Parti A hija mħassra, bla ħsara għall-obbligi tal-Istati Membri rigward il-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali u l-applikazzjoni tad-Direttivi stabbiliti fl-Anness II, Parti B.

Referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness III.

Artikolu 10

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 11

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.




ANNESS I

Tipi ta’ kumpaniji msemmija fl-Artikolu 1

—  Il-Belġju:

— Société privée à responsabilité limitée/besloten vennootschap met beperkte aansprakelijkheid;

—  Il-Bulgarja:

— дружество с ограничена отговорност, акционерно дружество;

—  Ir-Repubblika Ċeka:

— Společnost s ručením omezeným;

—  Id-Danimarka:

— Anpartsselskaber;

—  Il-Ġermanja:

— Gesellschaft mit beschränkter Haftung;

—  L-Estonja:

— Aktsiaselts, osaühing;

—  L-Irlanda:

— Private company limited by shares or by guarantee;

—  Il-Greċja:

— εταιρεία περιορισμένης ευθύνης;

—  Spanja:

— Sociedad de responsabilidad limitada;

—  Franza:

— société à responsabilité limitée;

▼M1

—  Il-Kroazja:

— društvo s ograničenom odgovornošću, dioničko društvo;

▼B

—  L-Italja:

— Società a’ responsabilità limitata;

—  Ċipru:

— Ιδιωτική εταιρεία περιορισμένηςε υθύνης με μετοχές ή με εγγύηση;

—  Il-Latvja:

— Sabiedrība ar ierobežotu atbildību;

—  Il-Litwanja:

— Uždaroji akcinė bendrovė;

—  Il-Lussemburgu:

— Société à responsabilité limitée;

—  L-Ungerija:

— Lorlátolt felelősségű társaság, részvénytárság;

—  Malta:

— Kumpanija privata/private limited liability company;

—  L-Olanda:

— Besloten vennootschap met beperkte aansprakelijkheid;

—  L-Awstrija:

— Aktiengesellschaft, Gesellschaft mit beschränkter Haftung;

—  Il-Polonja:

— Spółka z ograniczoną odpowiedzialnością;

—  Il-Portugall:

— Sociedade por quotas;

—  Ir-Rumanja:

— Societate cu răspundere limitată;

—  Is-Slovenja:

— Družba z omejeno odgovornostjo;

—  Is-Slovakkja:

— Spoločnosť s ručením obmedzeným;

—  Il-Finlandja:

— Osakeyhtiö/aktiebolag;

—  L-Iżvezja:

— Aktiebolag;

—  Ir-Renju Unit:

— Private company limited by shares or by guarantee.




ANNESS II

PARTI A



Direttiva mħassra flimkien ma’ lista tal-emendi suċċessivi tagħha

(imsemmi fl-Artikolu 9)

Direttiva tal-Kunsill 89/667/KEE

(ĠU L 395, 30.12.1989, p. 40)

 

Anness I, punt XI.A tal-Att ta’ Adeżjoni 1994

(ĠU C 241, 29.8.1994, p. 194)

 

Anness II, punt 4.A tal-Att ta’ Adeżjoni 2003

(ĠU L 236, 23.9.2003, p. 338)

 

Direttiva tal-Kunsill 2006/99/KE

(ĠU L 363, 20.12.2006, p. 137)

punt A.4 tal-Anness biss

PARTI B



Lista tal-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali u l-applikazzjoni

(imsemmi fl-Artikolu 9)

Direttiva

Limitu ta’ żmien għat-traspożizzjoni

Data ta’ applikazzjoni

89/667/KEE

fil-31 ta’ Diċembru 1991.

L-1 ta’ Jannar 1993 għal dak li jikkonċerna soċjetajiet li diġà jeżistu fl-1 ta’ Jannar 1992

2006/99/KE

fl-1 ta’ Jannar 2007.

 




ANNESS III



TABELLA TA’ KORRELAZZJONI

Direttiva 89/667/KEE

Din id-Direttiva

Artikoli 1, kliem introduttiv

Artikoli 1

Artikolu 1, l-ewwel sas-seba’ u għoxrin inċiż

Anness I

Artikoli 2 sa 7

Artikoli 2 sa 7

Artikolu 8(1)

—

Artikolu 8(2)

—

Artikolu 8(3)

Artikolu 8

—

Artikolu 9

—

Artikolu 10

Artikolu 9

Artikolu 11

—

Anness I

—

Anness II

—

Anness III



( 1 ) ĠU C 77, 31.3.2009 p. 42.

( 2 ) Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ Novemebru 2008 (għadha m’hijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009.

( 3 ) ĠU L 395, 30.12.1989, p. 40.

( 4 ) Ara l-Anness II, Parti A.

( 5 ) ĠU L 65, 14.3.1968, p. 8.

( 6 ) ĠU L 222, 14.8.1978, p. 11.

( 7 ) ĠU L 193, 18.7.1983, p. 1.

( 8 ) ĠU L 26, 31.1.1977, p. 1.

( 9 ) ĠU L 295, 20.10.1978, p. 36.

( 10 ) ĠU L 378, 31.12.1982, p. 47.