European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2025/640

10.2.2025

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tal-21 ta’ Jannar 2025

li tapprova l-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tas-Slovenja

(C/2025/640)

Il-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 121 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1263, u b'mod partikolari l-Artikolu 17 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni,

Billi:

KUNSIDERAZZJONIJIET ĠENERALI

(1)

Fit-30 ta' April 2024 daħal fis-seħħ qafas ta' governanza ekonomika tal-UE riformat. Ir-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali (1), flimkien mar-Regolament (KE) Nru 1467/97 emendat dwar l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv (2), u d-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE dwar l-oqfsa baġitarji tal-Istati Membri emendata (3) huma l-elementi ewlenin tal-qafas riformat ta' governanza ekonomika tal-UE. Il-qafas għandu l-għan li jippromwovi finanzi pubbliċi sodi u sostenibbli, u tkabbir sostenibbli u inklużiv u r-reżiljenza permezz ta' riformi u investimenti, u li jipprevjeni defiċits eċċessivi tal-gvern. Huwa jippromwovi wkoll is-sjieda nazzjonali u jiffoka aktar fuq terminu medju, flimkien ma' infurzar aktar effettiv u koerenti tar-regoli.

(2)

Il-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju li l-Istati Membri jissottomettu lill-Kunsill u lill-Kummissjoni huma fiċ-ċentru tal-qafas il-ġdid ta' governanza ekonomika. Il-pjanijiet għandhom jimmiraw li jintlaħqu żewġ objettivi: i) l-iżgurar li, fost l-oħrajn, sa tmiem il-perjodu ta' aġġustament, id-dejn tal-gvern estiż ikun fuq trajettorja ta' tnaqqis plawżibbli, jew jibqa' f'livelli prudenti, u li d-defiċit tal-gvern jinġieb u jinżamm taħt il-valur referenzjarju ta' 3 % tal-PDG fuq it-terminu medju, u ii) l-iżgurar tat-twettiq ta' riformi u investimenti li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u li jindirizzaw il-prijoritajiet komuni tal-UE. Għal dak il-għan, kull pjan għandu jippreżenta impenn fuq terminu medju għal perkors tan-nefqa netta (4), li effettivament jistabbilixxi restrizzjoni baġitarja għad-durata tal-pjan, li tkopri erba' jew ħames snin (skont it-terminu regolari tal-leġiżlatura fi Stat Membru). Barra minn hekk, il-pjan huwa li jiġi spjegat kif l-Istat Membru ser jiżgura t-twettiq ta' riformi u investimenti li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, b'mod partikolari fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż (inkluż dawk li jappartjenu għall-proċedura ta' żbilanċi makroekonomiċi (MIP, macroeconomic imbalances procedure), jekk applikabbli), u kif l-Istat Membru ser jindirizza l-prijoritajiet komuni tal-Unjoni. Il-perjodu għall-aġġustament fiskali jkopri perjodu ta' erba' snin, li jista' jiġi estiż sa tliet snin jekk l-Istat Membru jintrabat li jwettaq sett ta' riformi u investimenti rilevanti li jissodisfa l-kriterji stabbiliti fir-Regolament (UE) 2024/1263.

(3)

Wara l-preżentazzjoni tal-pjan, il-Kummissjoni trid tivvaluta jekk jikkonformax mar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2024/1263.

(4)

Fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, il-Kunsill irid imbagħad jadotta rakkomandazzjoni biex jistabbilixxi l-perkors tan-nefqa netta tal-Istat Membru kkonċernat u, fejn applikabbli, japprova s-sett ta' impenji ta' riforma u ta' investiment li jirfdu estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament fiskali.

KUNSIDERAZZJONIJIET DWAR IL-PJAN FISKALI-STRUTTURALI NAZZJONALI FUQ TERMINU MEDJU TAS-SLOVENJA

(5)

Fil-15 ta' Ottubru 2024, is-Slovenja ppreżentat il-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tagħha lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. Is-sottomissjoni saret wara estensjoni tal-iskadenza stabbilita fl-Artikolu 36 tar-Regolament (UE) 2024/1263, kif maqbul mal-Kummissjoni fid-dawl tar-raġunijiet ipprovduti mis-Slovenja.

Proċess qabel is-sottomisssjoni tal-pjan

(6)

Sabiex jiġi inkwadrat id-djalogu li jwassal għas-sottomissjoni tal-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju, fil-21 ta' Ġunju 2024, il-Kummissjoni bagħtet it-trajettorja referenzjarja (5) lis-Slovenja, skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2024/1263. Il-Kummissjoni ppubblikat it-trajettorja referenzjarja fil-15 ta' Ottubru 2024 (6). It-trajettorja referenzarja hi bbażata fuq ir-riskju u tiżgura li, sa tmiem il-perjodu ta' aġġustament fiskali u fin-nuqqas ta' aktar miżuri baġitarji lil hinn mill-perjodu ta' aġġustament, id-dejn tal-gvern estiż ikun fuq trajettorja plawżibbli 'l isfel jew jibqa' f'livelli prudenti fuq terminu medju, u li d-defiċit tal-gvern estiż jinġieb taħt it-3 % tal-PDG matul il-perjodu ta' aġġustament u jinżamm taħt dak il-valur referenzjarju fuq terminu medju. It-terminu medju huwa definit bħala l-perjodu ta' 10 snin wara t-tmiem tal-perjodu ta' aġġustament. F'konformità mal-Artikoli 7 u 8 tar-Regolament (UE) 2024/1263, it-trajettorja referenzjarja hija konsistenti wkoll mas-salvagwardja tas-sostenibbiltà tad-dejn u mas-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit. It-trajettorja referenzjarja tas-Slovenja tistabbilixxi li, abbażi tas-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni li jsostnu l-gwida minn qabel trażmessa f'Ġunju 2024 u jekk wieħed jassumi perjodu ta' aġġustament ta' 4 snin, in-nefqa netta ma għandhiex tikber b'aktar mill-valuri pprovduti fit-Tabella 1. Dan jikkorrispondi għal tkabbir medju nett fin-nefqa ta' 4,4 % matul il-perjodu ta' aġġustament (2025–2028).

Tabella 1: Trajettorja referenzjarja pprovduta mill-Kummissjoni lis-Slovenja fil-21 ta' Ġunju 2024

 

2025

2026

2027

2028

Medja 2025-2028

Tkabbir massimu fin-nefqa netta (annwali, %)

4,9

4,5

4,3

4,2

4,4

Sors: Kalkoli tal-Kummissjoni.

(7)

F'konformità mal-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) 2024/1263, is-Slovenja u l-Kummissjoni impenjaw ruħhom fi djalogu tekniku f'Lulju u f'Settembru 2024. Id-djalogu ffoka fuq il-perkors tan-nefqa netta previst mis-Slovenja u s-suppożizzjonijiet sottostanti tiegħu, kif ukoll it-twettiq previst ta' riformi u investimenti li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u l-prijoritajiet komuni tal-Unjoni fi tranżizzjoni ekoloġika u diġitali ġusta, ir-reżiljenza soċjali u ekonomika, is-sigurtà tal-enerġija u l-bini ta' kapaċitajiet ta' difiża.

(8)

F'Ottubru 2024, f'konformità mal-Artikolu 11(3) u l-Artikolu 36(1), il-punt (c) tar-Regolament (UE) 2024/1263, skont l-informazzjoni pprovduta mis-Slovenja fil-pjan, is-Slovenja kienet involuta fi proċess ta' konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili, mas-sħab soċjali, mal-awtoritajiet reġjonali u ma' partijiet ikkonċernati rilevanti oħra. Skont l-informazzjoni pprovduta mis-Slovenja fil-pjan tagħha, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra kkummentaw dwar l-abbozz tal-pjan inkluż dwar ir-riformi u dwar il-valutazzjoni tal-ħtiġijiet relatati mat-tranżizzjoni ekoloġika.

(9)

Il-Kunsill Fiskali Sloven ta opinjoni dwar il-pjan fil-21 ta' Ottubru. Biex jivvaluta r-riskji għall-impenji mill-pjan, il-Kunsill Fiskali ħejja l-projezzjonijiet tal-finanzi pubbliċi tiegħu stess. Hu kkonkluda li d-devjazzjonijiet mill-bilanċ tal-gvern estiż u l-perkors tad-dejn projettati jistgħu jimmaterjalizzaw speċjalment fit-tieni parti tal-perjodu ta' aġġustament, minħabba żieda fin-nefqa relatata mal-kumpens tal-impjegati pubbliċi u fil-qasam tal-kura tas-saħħa. Il-Kunsill Fiskali indika l-ħtieġa għal miżuri kompensatorji addizzjonali biex jiġu ssodisfati l-impenji mill-pjan.

(10)

L-abozz ta' pjan ġie diskuss fil-parlament nazzjonali fl-4 ta' Ottubru 2024. Dan ġie adottat sussegwentement mill-gvern fl-10 ta' Ottubru 2024.

Proċessi oħra relatati

(11)

Fil-15 ta' Ottubru 2024, is-Slovenja ssottomettiet l-Abbozz ta' Pjan Baġitarju tagħha għas-sena 2025. Il-Kummissjoni adottat opinjoni dwar dan l-Abbozz ta' Pjan Baġitarju fis-26 ta' Novembru 2024 (7).

(12)

Fil-21 ta' Ottubru 2024, il-Kunsill indirizza lis-Slovenja sensiela ta' rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż (CSRs) fil-kuntest tas-Semestru Ewropew (8).

SOMMARJU TAL-PJAN U L-VALUTAZZJONI TIEGĦU MILL-KUMMISSJONI

(13)

F'konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 2024/1263, il-Kummissjoni vvalutat il-pjan kif ġej:

Kuntest: is-sitwazzjoni u l-prospetti makroekonomiċi u fiskali

(14)

L-attività ekonomika fis-Slovenja kibret bi 2,1 % fl-2023, prinċipalment xprunata mid-domanda domestika u l-esportazzjonijiet netti. Id-dekumulazzjoni tal-inventarju, madankollu, naqqset it-tkabbir tal-PDG b'1,5 punti perċentwali. Skont it-Tbassir tal-Ħarifa 2024 tal-Kummissjoni Ewropea, l-ekonomija hija mistennija tikber b'1,4 % fl-2024, appoġġata mill-konsum privat u pubbliku u l-akkumulazzjoni tal-inventarju, minkejja kontribuzzjoni negattiva mill-esportazzjonijiet netti. Fl-2025, il-PDG reali huwa mistenni jiżdied bi 2,5 %, hekk kif il-konsum privat huwa pprojettat li jkompli jikber b'mod qawwi, u t-tkabbir tal-investiment huwa mistenni li jaċċellera. Fl-2026, il-PDG reali huwa mistenni jiżdied bi 2,6 %, hekk kif il-konsum u l-investiment privati u pubbliċi huma mbassra li jkomplu jikbru. Matul il-perjodu ta' tbassir (jiġifieri, 2024-2026), it-tkabbir tal-PDG potenzjali fis-Slovenja huwa mistenni li jonqos marġinalment minn 2,6 % fl-2023 għal 2,5 % fl-2026, xprunat minn kontribuzzjoni aktar baxxa mix-xogħol. Ir-rata tal-qgħad kienet ta' 3,7 % fl-2023, u hija pprojettata mill-Kummissjoni li tammonta għal 3,5 % fl-2024, 3,6 % fl-2025 u 3,6 % fl-2026. L-inflazzjoni (deflatur tal-PDG) hija pprojettata tonqos minn 7,2 % fl-2023 għal 2,1 % fl-2024, u li tilħaq 3,2 % fl-2025 u 2,1 % fl-2026.

(15)

Fir-rigward tal-iżviluppi fiskali, fl-2023 id-defiċit tal-gvern estiż tas-Slovenja ammonta għal 2,6 % tal-PDG. Skont it-Tbassir tal-Ħarifa 2024 tal-Kummissjoni Ewropea, huwa mistenni li jilħaq 2,4 % tal-PDG fl-2024 u li jonqos aktar għal 2,1 % tal-PDG fl-2025 u, fuq bażi tal-ebda bidla fil-politika, għal 2,1 % fl-2026. It-Tbassir tal-Ħarifa 2024 tal-Kummissjoni Ewropea jinkludi l-abbozz tal-baġit tas-Slovenja għall-2025 li l-gvern ippropona lill-parlament nazzjonali f'Settembru. Id-dejn tal-gvern estiż kien ta' 68,4 % tal-PDG fi tmiem l-2023. Skont it-Tbassir tal-Ħarifa 2024 tal-Kummissjoni Ewropea, il-proporzjon tad-dejn huwa mistenni li jonqos għal 67,1 % tal-PDG fi tmiem l-2024. Huwa pprojettat li jkompli jiżdied għal 64,4 % tal-PDG fi tmiem l-2025 u għal 63,1 % fi tmiem l-2026. It-tbassir fiskali mill-Kummissjoni ma jqisx l-impenji ta' politika fil-pjanijiet fuq terminu medju bħala tali sakemm ma jkunux sostnuti minn miżuri ta' politika konkreti mħabbra b'mod kredibbli u speċifikati biżżejjed.

Perkors tan-nefqa netta u suppożizzjonijiet makroekonomiċi ewlenin fil-pjan

(16)

Il-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tas-Slovenja jkopri l-perjodu 2025-2028 u jippreżenta aġġustament fiskali fuq 4 snin.

(17)

Il-pjan fih l-informazzjoni kollha meħtieġa mill-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2024/1263.

(18)

Il-pjan jimpenja ruħu għall-perkors tan-nefqa netta indikat fit-Tabella 2, li jikkorrispondi għal tkabbir medju fin-nefqa netta ta' 4,5 % matul is-snin 2025–2028. It-tkabbir medju tan-nefqa netta rrapportat fil-pjan matul il-perjodu ta' aġġustament (2025–2028) huwa ogħla mit-trajettorja referenzjarja trażmessa mill-Kummissjoni fil-21 ta' Ġunju 2024. Il-pjan jassumi li t-tkabbir tal-PDG potenzjali ser jonqos gradwalment minn 2,9 % fl-2024 għal 2,1 % fl-2028. Barra minn hekk, il-pjan jistenna li r-rata ta' tkabbir tad-deflatur tal-PDG tiżdied minn 3,0 % fl-2024 għal 3,7 % fl-2025, qabel ma tonqos għal 2,9 % fl-2026 u 2,8 % fl-2028.

Tabella 2: Perkors tan-nefqa netta u suppożizzjonijiet ewlenin fil-pjan tas-Slovenja

 

2024

2025

2026

2027

2028

Medja matul il-perjodu ta' validità tal-pjan 2025–2028

Tkabbir nett fin-nefqa (annwali, %)

6,2

5,6

4,4

4,1

4,0

4,5

Tkabbir nett fin-nefqa (kumulattiv, mis-sena bażi 2023, %)

6,2

12,1

17,0

21,8

26,6

mhux applikabbli

Tkabbir tal-PDG potenzjali (%)

2,9

2,8

2,4

2,2

2,1

2,4

Inflazzjoni (tkabbir tad-deflatur tal-PDG) (%)

3,0

3,7

2,9

2,9

2,8

3,1

Sors: Il-pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju tas-Slovenja u l-kalkoli tal-Kummissjoni.

Implikazzjonijiet tal-impenji tan-nefqa netta tal-pjan għad-dejn tal-gvern estiż

(19)

Jekk il-perkors tan-nefqa netta impenjat fil-pjan u s-suppożizzjonijiet sottostanti jimmaterjalizzaw, id-dejn tal-gvern estiż, skont il-pjan, jonqos gradwalment minn 67,5 % fl-2024 għal 61,2 % tal-PDG fi tmiem il-perjodu ta' aġġustament (2028), skont it-tabella li ġejja. Wara l-aġġustament, fuq terminu medju (jiġifieri sal-2038), il-proporzjon tad-dejn, jinsab fit-triq tan-niżla sal-2035 skont il-pjan, u jilħaq 54,5 % tal-PDG. Wara dan jiżdied bil-mod għal 55,6 % tal-PDG sal-2038.

Tabella 3: Id-dejn tal-gvern estiż u l-iżviluppi tal-bilanċ fil-pjan tas-Slovenja

 

2023

2024

2025

2026

2027

2028

2038

Dejn tal-gvern (% tal-PDG)

68,4

67,5

65,4

64,2

62,8

61,2

55,6

Bilanċ tal-gvern (% tal-PDG)

-2,6

-2,9

-2,6

-1,9

-1,6

-1,2

-2,8

Sors: Pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju tas-Slovenja.

Għalhekk, skont il-pjan, id-dejn tal-gvern estiż jinġieb taħt il-valur referenzjarju tat-Trattat ta' 60 % tal-PDG fuq terminu medju. Dan huwa plawżibbli abbażi tas-suppożizzjonijiet tal-pjan, peress li d-dejn ikun ipprojettat li jkun taħt is-60 % tal-PDG sal-2038 skont it-testijiet tal-istress deterministiċi kollha tal-Analiżi tas-Sostenibbiltà tad-Dejn tal-Kummissjoni. Għalhekk, abbażi tal-impenji ta' politika u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan, il-perkors tan-nefqa netta mressaq fil-pjan huwa konsistenti mar-rekwiżit għad-dejn kif stabbilit fl-Artikoli 6, il-punt (a), u 16(2) tar-Regolament (UE) 2024/1263.

Implikazzjonijiet tal-impenji tan-nefqa netta tal-pjan għall-bilanċ tal-gvern estiż

(20)

Fuq il-bażi tal-perkors u s-suppożizzjonijiet tan-nefqa netta tal-pjan, id-defiċit tal-gvern estiż jonqos gradwalment minn 2,9 % tal-PDG fl-2024, għal 1,2 % tal-PDG fl-2028. Għalhekk, skont il-pjan, il-bilanċ tal-gvern estiż ma jaqbiżx il-valur referenzjarju ta' 3 % tal-PDG fi tmiem il-perjodu ta' aġġustament tal-2028. Barra minn hekk, fl-għaxar snin ta' wara l-perjodu ta' aġġustament (jiġifieri sal-2038), id-defiċit tal-gvern ma jaqbiżx it-3 % tal-PDG. Għalhekk, abbażi tal-impenji ta' politika u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan, il-perkors tan-nefqa netta mressaq fil-pjan huwa konsistenti mar-rekwiżit għad-defiċit kif stabbilit fl-Artikoli 6, il-punt (b), u 16(2) tar-Regolament (UE) 2024/1263.

Profil taż-żmien tal-aġġustament fiskali

(21)

Il-profil taż-żmien tal-aġġustament fiskali, imkejjel bħala l-bidla fil-bilanċ primarju strutturali, kif deskritt fil-pjan, huwa lineari, kif meħtieġ mill-Artikolu 6, il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2024/1263. Għalhekk, abbażi tal-impenji ta' politika u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan, il-perkors tan-nefqa netta mressaq fil-pjan hu konsistenti mal-klawżola ta' salvagwardja ta' ebda posponiment kif stabbilit fl-Artikolu 6, il-punt (c) u fid-dispożizzjoni tranżizzjonali fl-Artikolu 36(1), il-punt (e) tar-Regolament (UE) 2024/1263.

Tabella 4: Żviluppi fil-bilanċ strutturali primarju fil-pjan tas-Slovenja

 

2023

2024

2025

2026

2027

2028

Bilanċ primarju strutturali (% tal-PDG)

-1,8

-1,3

-0,9

-0,4

0,0

0,5

Bidla fil-bilanċ primarju strutturali (punti perċentwali)

mhux applikabbli

0,5

0,4

0,4

0,4

0,4

Sors: Pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju tas-Slovenja.

Konsistenza tal-pjan mas-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit

(22)

F'konformità mal-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2024/1263, l-aġġustament annwali fil-bilanċ primarju strutturali jenħtieġ li ma jkunx inqas minn 0,4 punt perċentwali tal-PDG jekk id-defiċit strutturali jkun baqa' 'l fuq minn 1,5 % tal-PDG fis-sena preċedenti, biex jinkiseb marġni komuni ta' reżiljenza f'termini strutturali ta' 1,5 % tal-PDG. L-aġġustament fiskali annwali li jirriżulta mill-impenji ta' politika u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan jammonta għal 0,4 % tal-PDG matul il-perjodu ta' aġġustament. Għalhekk, abbażi tal-impenji ta' politika u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan, il-perkors tan-nefqa netta mressaq fil-pjan huwa konsistenti mas-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit.

Konsistenza tal-pjan mas-salvagwardja tas-sostenibbiltà tad-dejn

(23)

F'konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2024/1263, peress li d-dejn tal-gvern estiż ser ikun bejn 60 % u 90 % tal-PDG matul il-perjodu ta' aġġustament skont il-pjan, il-proporzjon tad-dejn huwa meħtieġ li jonqos b'mill-inqas 0,5 punti perċentwali bħala medja fis-sena sakemm jaqa' taħt is-60 %. Dan it-tnaqqis medju huwa kkalkolat matul il-perjodu 2024–2028 u jammonta għal 1,6 punti perċentwali (ara t-Tabella 3). Għalhekk, abbażi tal-impenji ta' politika u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan, il-perkors tan-nefqa netta mressaq fil-pjan huwa konsistenti mas-salvagwardja tas-sostenibbiltà tad-dejn.

Suppożizzjonijiet makroekonomiċi u fiskali tal-pjan

(24)

Il-pjan huwa bbażat fuq sett ta' suppożizzjonijiet li huma differenti mis-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni mibgħuta lis-Slovenja fil-21 ta' Ġunju 2024. B'mod partikolari, il-pjan juża suppożizzjonijiet differenti għal tmien varjabbli, jiġifieri d-data storika aġġornata, il-pożizzjoni tal-bidu tal-2024 (inkluż id-defiċit primarju u s-sehem tan-nefqa primarja fl-2024), it-tkabbir tal-PDG potenzjali, it-tkabbir tad-deflatur tal-PDG, it-tkabbir tal-PDG reali, ir-rati tal-imgħax, l-aġġustamenti tal-fluss tal-istokk u miżuri ta' darba. Valutazzjoni bir-reqqa ta' dawn id-differenzi fis-suppożizzjonijiet hija meħtieġa biex jiġi żgurat li dawn ikunu sostnuti minn argumenti ekonomiċi sodi u mmexxija mid-data, speċjalment peress li t-tkabbir medju tan-nefqa netta fil-pjan huwa ogħla minn dak fit-trajettorja referenzjarja. Id-differenzi fis-suppożizzjonijiet bl-aktar impatt sinifikanti fuq it-tkabbir medju tan-nefqa netta huma elenkati hawn taħt, flimkien ma' valutazzjoni ta' kull differenza fis-suppożizzjonijiet ikkunsidrata b'mod iżolat.

—

Il-pjan jassumi tkabbir tal-PDG potenzjali aktar baxx b'medja ta' 0,1 punt perċentwali bejn l-2024 u l-2033, abbażi ta' mudelli ta' kalkoli aġġornati li jqisu data riveduta u ġdida, meta mqabbla mas-suppożizzjonijiet sottostanti għat-trajettorja referenzjarja. Din is-suppożizzjoni hija kawta u għalhekk debitament ġustifikata. Hi tikkontribwixxi għal tkabbir medju tan-nefqa netta aktar baxx matul il-perjodu ta' aġġustament fil-pjan relattiv għas-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni.

—

Il-pjan jassumi li d-deflatur tal-PDG għall-2025 huwa konsiderevolment ogħla meta mqabbel mas-suppożizzjonijiet sottostanti għat-trajettorja referenzjarja, filwaqt li t-tkabbir tad-deflatur għas-snin li jifdal tal-perjodu ta' aġġustament jibqa' allinjat ma' dak tat-trajettorja referenzjarja. Il-pjan juża wkoll data aġġornata bbażata fuq l-aspettattivi tas-suq. Dan jikkontribwixxi għal tkabbir medju fin-nefqa netta ogħla matul il-perjodu ta' aġġustament fil-pjan minn dak indikat fis-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni. Id-deflatur tal-PDG huwa pprojettat li jiżdied fl-2025 meta mqabbel mal-2024 minħabba l-bidu tar-riforma tal-pagi tas-settur pubbliku u inflazzjoni pprojettata ogħla fl-2025. L-inflazzjoni hija mbassra li tiżdied bħala riżultat tal-irtirar tal-miżuri li fadal biex jittaffa l-impatt tal-prezzijiet għoljin tal-enerġija (l-introduzzjoni mill-ġdid ta' kontribuzzjoni biex tiġi appoġġata l-produzzjoni tal-elettriku minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli u koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja) kif ukoll tassazzjoni addizzjonali fuq ix-xorb (eż. xorb alkoħoliku u xorb b'zokkor miżjud). Din is-suppożizzjoni tinkludi l-aħħar deċiżjonijiet ta' politika u l-aktar data reċenti u għalhekk titqies li hija ġġustifikata kif xieraq.

Id-differenzi li jifdal ma għandhomx impatt sinifikanti fuq it-tkabbir tan-nefqa netta medja meta mqabbel mas-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni. B'mod ġenerali, id-differenzi kollha fis-suppożizzjonijiet meħudin flimkien iwasslu għal tkabbir medju fin-nefqa netta fil-pjan li huwa ogħla mit-trajettorja referenzjarja. Abbażi ta' din il-valutazzjoni, il-pjan jissodisfa r-rekwiżit skont l-Artikolu 13(b) tar-Regolament (UE) 2024/1263. Ma' din ir-rakkomandazzjoni l-Kummissjoni ser tqis il-valutazzjoni ta' hawn fuq tas-suppożizzjonijiet tal-pjan f'valutazzjonijiet futuri tal-konformità.

Strateġija fiskali tal-pjan

(25)

Skont l-istrateġija fiskali indikattiva fil-pjan, l-impenji fuq in-nefqa netta ser jitwettqu permezz ta' trażżin fin-nefqa u żidiet diskrezzjonali fid-dħul. Għall-2025, il-pjan iħabbar kontribuzzjoni obbligatorja ġdida għall-kura fit-tul li għandha tiġi imposta mill-1 ta' Lulju 2025, taxxa ogħla fuq l-emissjonijiet tas-CO2, tassazzjoni ogħla għax-xorb alkoħoliku u x-xorb biz-zokkor miżjud, u l-irtirar tal-miżuri li fadal biex jittaffa l-impatt tal-prezzijiet għoljin tal-enerġija. Il-qligħ mid-dħul ser ikun parzjalment ikkumpensat minn żidiet potenzjali fin-nefqa li jirriżultaw mir-riforma tal-pagi tas-settur pubbliku li ser tiġi introdotta gradwalment matul l-2025-2028. Il-pjan jiddikjara li s-Servizz tal-Finanzi Pubbliċi tal-Awditjar Intern fil-Ministeru għall-Finanzi ser jibda jindirizza n-nuqqasijiet tal-awditjar intern attwali tal-finanzi pubbliċi fl-2025. Barra minn hekk, fl-2026 u lil hinn, il-pjan jipprevedi aktar miżuri tat-taxxa, riforma tal-pensjonijiet u tal-kura fit-tul, u r-riforma tas-saħħa. Ir-riformi tal-pensjonijiet, tas-saħħa u tal-kura fit-tul u r-riforma tal-pagi tas-settur pubbliku huma inklużi fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza (RRP). Il-Gvern qabel li jabbozza emendi għal-leġiżlazzjoni dwar il-pensjonijiet u bħalissa huwa involut f'konsultazzjoni mas-sħab soċjali. Ir-riforma tal-kura fit-tul ġiet adottata u hija implimentata gradwalment b'kontribuzzjoni obbligatorja ġdida li tidħol fis-seħħ fl-2025. L-ispeċifikazzjoni tal-miżuri ta' politika li ser jiġu adottati għandha tiġi kkonfermata jew aġġustata u kkwantifikata fil-baġits annwali. Fl-istess ħin, hemm riskji għall-implimentazzjoni tal-istrateġija fiskali indikattiva fil-pjan, li jirriżultaw minn infiq żejjed marbut ma' riformi kontinwi tas-sistema tal-pagi tas-settur pubbliku, il-kura fit-tul u r-riformi tas-saħħa, kif ukoll għal proġetti kbar ta' investiment. Barra minn hekk, l-Abbozz ta' Pjan Baġitarju għall-2025 jispeċifika l-miżuri ta' politika li permezz tagħhom ser jinkiseb l-impenn tan-nefqa netta għall-2025 (9).

Riforma u investimenti li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u li jindirizzaw il-prijoritajiet komuni tal-Unjoni

(26)

Il-pjan jiddeskrivi l-intenzjonijiet ta' politika li jikkonċernaw ir-riformi u l-investimenti biex jiġu indirizzati l-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, speċjalment is-CSRs, u biex jiġu indirizzati l-prijoritajiet komuni tal-UE. Il-pjan jinkludi seba' riformi komprensivi (ir-riforma tal-pensjonijiet, ir-riforma tas-saħħa, ir-riforma tal-kura fit-tul, ir-riforma tas-sistema tal-pagi tas-settur pubbliku, il-politika tal-akkomodazzjoni, il-bidliet fl-edukazzjoni u l-bidliet fit-taxxa). Il-pjan jinkludi wkoll miżuri f'oqsma oħra, bħal dwar it-tisħiħ tal-produttività, it-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali. Il-pjan jinkludi aktar minn 40 riforma u investiment.

(27)

Fir-rigward tal-prijorità komuni ta' tranżizzjoni ekoloġika u diġitali ġusta, inklużi l-objettivi klimatiċi stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/1119, il-pjan jinkludi diversi atti leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi. Fost l-oħrajn, qed jitħejja Att dwar il-Klima biex jiġu indirizzati l-bidliet fil-klima u tinkiseb in-newtralità klimatika fis-Slovenja sal-2045. F'dan il-kuntest, is-Slovenja biħsiebha ssaħħaħ il-miżuri kontra t-tibdil fil-klima u d-diżastri klimatiċi, b'enfasi fuq l-għargħar. Diversi investimenti għandhom l-għan li jagħtu spinta lill-ekonomija ċirkolari, billi jżidu l-użu effiċjenti tar-riżorsi, jippromwovu l-ekoinnovazzjonijiet u jtejbu l-ġestjoni tal-iskart. Strateġija għall-Iżvilupp tat-Trasport 2030 tiffoka fuq l-ippjanar komprensiv tat-trasport u l-mobbiltà sostenibbli. Is-Slovenja qed timplimenta l-għanijiet definiti fl-Istrateġija ta' Trasformazzjoni Diġitali 2030, riflessi wkoll fil-Pjan Direzzjonali Strateġiku Nazzjonali tal-2030 dwar id-Deċennju Diġitali. Dan jinkludi miżuri fil-qasam tal-konnettività mill-Pjan ta' Żvilupp tal-Infrastruttura tal-Gigabits tal-2030, fil-qasam tat-teknoloġiji u l-infrastruttura diġitali avvanzati u t-trasformazzjoni diġitali tan-negozji u l-ħiliet diġitali (eż. l-Att dwar il-Promozzjoni tal-Inklużjoni Diġitali). Qed jiġu implimentati diversi dokumenti strateġiċi, bħall-Pjan għall-Infrastruttura tal-Gigabits 2030, l-Istrateġija għat-Trasformazzjoni Diġitali tal-Ekonomija 2030 u l-Istrateġija dwar is-Servizzi Pubbliċi Diġitali 2030. Bosta mill-miżuri appoġġati mill-RRP u mill-fondi tal-politika ta' koeżjoni huma ppreżentati wkoll bħala maħsuba biex jindirizzaw il-prijorità komuni ta' tranżizzjoni ekoloġika u diġitali ġusta, pereżempju t-trasformazzjoni diġitali tal-ekonomija (in-negozju u l-industrija), l-ekoloġizzazzjoni tal-infrastruttura tal-edukazzjoni fis-Slovenja, it-trasformazzjoni komprensiva tal-edukazzjoni ekoloġika u diġitali u ż-żieda fil-kapaċità tal-infrastruttura ferrovjarja. Ir-riformi u l-investimenti inklużi fil-pjan għandhom l-għan li jindirizzaw is-CSRs tal-2019 u l-2020 biex jiffukaw il-politika ekonomika relatata mal-investiment fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni, it-tranżizzjoni lejn livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju, it-trasport sostenibbli, bħall-ferroviji u l-infrastruttura ambjentali, filwaqt li jitqiesu d-disparitajiet reġjonali; is-CSR tal-2020 biex jippromwovu l-kapaċitajiet diġitali tan-negozji u t-tisħiħ tal-ħiliet diġitali, il-kummerċ elettroniku u s-saħħa elettronika; u s-CSR tal-2022 biex jespandu l-investiment pubbliku għat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali.

(28)

Fir-rigward tal-prijorità komuni tar-reżiljenza soċjali u ekonomika, inkluż il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, il-pjan jinkludi diversi atti leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi. Il-miżuri ewlenin imressqa huma r-riforma tal-pensjonijiet, ir-riforma tal-kura tas-saħħa u r-riforma tal-kura fit-tul. Il-pjan jiddikjara li r-riforma tal-pensjonijiet ser tiżgura s-sostenibbiltà tas-sistema tal-pensjonijiet, livell adegwat ta' pensjonijiet, u ser tiġi kkomplementata b'aktar miżuri tas-suq tax-xogħol, biex tingħata spinta lill-parteċipazzjoni, b'mod partikolari, ta' ħaddiema akbar fl-età. Il-Pjan jiddeskrivi diversi miżuri ta' politika u investimenti adottati u ppjanati fil-qasam tal-edukazzjoni, il-ħiliet u t-tagħlim tul il-ħajja u jirreferi għal tħejjija ta' Pjan ta' Azzjoni biex jiżdiedu l-produttività u l-kompetittività. Miżuri oħra jinkludu Strateġija għall-Iżvilupp tas-Suq Kapitali fis-Slovenja matul l-2023-2030. Il-pjan jinkludi wkoll l-adozzjoni tal-istrateġija tan-negozji ġodda tas-Slovenja. Il-bidliet fil-finanzjament tal-attivitajiet ta' riċerka xjentifika u innovazzjoni għandhom l-għan li jagħtu spinta lill-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp għal 3,5 % tal-PDG sal-2030. Il-pjan jinkludi miżuri ta' politika ppjanati għall-affordabbiltà tal-akkomodazzjoni. Bosta mill-miżuri appoġġati mill-RRP u mill-politika ta' koeżjoni tal-UE, inklużi dawk fil-Pilastru III tal-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta, għandhom ukoll l-għan li jindirizzaw il-prijorità komuni tar-reżiljenza soċjali u ekonomika, pereżempju t-tisħiħ tal-istokk tal-akkomodazzjoni għall-kiri pubbliku, it-trattament effettiv tal-mard komunikabbli, id-dħul aktar rapidu taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol u miżuri strutturali biex tissaħħaħ ir-reżiljenza tas-suq tax-xogħol, tiġi żgurata forza tax-xogħol b'ħiliet speċjalizzati u jiġi indirizzat in-nuqqas ta' ħaddiema. Ġew adottati jew ippjanati diversi miżuri biex jiffaċilitaw u jħaffu l-integrazzjoni ta' ħaddiema barranin fis-suq tax-xogħol u fis-soċjetà. Ir-riformi u l-investimenti inklużi fil-pjan għandhom l-għan li jindirizzaw is-CSR tal-2019 u l-2024 biex jiżguraw is-sostenibbiltà u l-adegwatezza fit-tul tas-sistema tal-pensjonijiet; is-CSR tal-2019 biex iżidu l-impjegabbiltà ta' dawk b'ħiliet baxxi u ħaddiema aktar anzjani; is-CSR tal-2019 biex itejbu l-kompetizzjoni, il-professjonalizzazzjoni u s-sorveljanza indipendenti fl-akkwist pubbliku (indirizzata permezz tal-RRP); is-CSR tal-2020 biex isaħħu l-iskemi ta' xogħol b'ħinijiet iqsar u l-arranġamenti tax-xogħol flessibbli u jiġi żgurat li dawn il-miżuri jipprovdu protezzjoni adegwata għall-ħaddiema mhux standard; is-CSRs tal-2019, l-2020, l-2022, l-2023 u l-2024 biex jiżguraw ir-reżiljenza u s-sostenibbiltà fit-tul tas-sistema tas-saħħa u tal-kura fit-tul; is-CSRs tal-2022, l-2023 u l-2024 biex jibbilanċjaw mill-ġdid id-dħul mit-taxxa lejn sorsi aktar favorevoli għat-tkabbir u sostenibbli; is-CSRs tal-2019, l-2020 u l-2024 biex joħolqu kumpaniji b'rata għolja ta' tkabbir billi jtejbu l-kundizzjonijiet għall-investiment ta' kapital ta' riskju u l-investituri istituzzjonali, jipprovdu likwidità u finanzjament lin-negozji u jiġi appoġġat l-iżvilupp tas-swieq tal-ekwità u jittejjeb l-ambjent tan-negozju; u s-CSR tal-2024 biex isaħħu l-kompetittività billi tingħata spinta lill-ħiliet.

(29)

Fir-rigward tal-prijorità komuni tas-sigurtà tal-enerġija, il-pjan jinkludi diversi atti leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi. Fost atti oħra, jirreferi għall-Att dwar l-Enerġija adottat, u fost dawk li għadhom qed jitħejjew, għall-Pjan Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima (NECP) aġġornat finali u għall-Att dwar ir-Ristrutturar tal-Mina ta' Velenje. Bosta mill-miżuri appoġġati mill-RRP, b'mod partikolari l-komponent REPowerEU, u l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta taħt il-politika ta' koeżjoni tal-UE, jikkontribwixxu wkoll għall-prijorità komuni tas-sigurtà tal-enerġija, pereżempju billi jsaħħu n-network tad-distribuzzjoni tal-elettriku u l-ippjanar u l-finanzjament tar-rinnovazzjoni tal-enerġija tal-bini fis-settur pubbliku u l-użu ta' infrastruttura tal-fjuwils alternattivi. Ir-riformi u l-investimenti inklużi fil-pjan għandhom l-għan li jindirizzaw is-CSRs tal-2022 u l-2023 biex titnaqqas id-dipendenza ġenerali fuq il-fjuwils fossili billi jiġi aċċellerat l-użu ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli u tiżdied l-implimentazzjoni tal-miżuri tal-effiċjenza enerġetika; u s-CSRs tal-2022 u tal-2023 għall-promozzjoni tal-elettrifikazzjoni tas-settur tat-trasport.

(30)

Fir-rigward tal-prijorità komuni tal-kapaċitajiet ta' difiża, il-pjan jinkludi l-Att adottat dwar il-Proviżjonament ta' Fondi ta' Investiment għall-Armata Slovena fil-perjodu mill-2021 sal-2026, li jipprovdi EUR 780 miljun għall-armata.

(31)

Il-pjan jipprovdi informazzjoni dwar il-konsistenza u, fejn xieraq, il-komplementarjetà, mal-fondi tal-politika ta' koeżjoni tal-UE u mal-RRP tas-Slovenja. Il-pjan jirreferi għal diversi politiki li huma appoġġati permezz tal-RRP u l-fondi ta' koeżjoni tal-UE. Barra minn hekk, il-pjan jinkludi tabelli ta' korrelazzjoni dwar liema oqsma ta' politika, iffinanzjati mill-Programm tal-Politika Ewropea ta' Koeżjoni 2021-2027, jindirizzaw liema CSRs.

(32)

Il-pjan jipprovdi ħarsa ġenerali lejn il-ħtiġijiet ta' investiment pubbliku tas-Slovenja relatati mal-prijoritajiet komuni tal-UE. Fir-rigward tal-prijorità komuni ta' tranżizzjoni ekoloġika u diġitali ġusta, inklużi l-objettivi klimatiċi, il-pjan jidentifika l-ħtiġijiet ta' investiment fl-użu effiċjenti tal-enerġija, l-infrastruttura tat-trasport (ferroviji) u l-mobbiltà sostenibbli. Dan tal-aħħar jinkludi l-infrastruttura taċ-ċikliżmu, ċentri multimodali kif ukoll infrastruttura mtejba tat-trasport pubbliku u infrastruttura għall-persuni bil-mixi. Fir-rigward tal-prijorità komuni tar-reżiljenza soċjali u ekonomika, inkluż il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, il-pjan jidentifika l-ħtiġijiet ta' investiment fl-oqsma tal-kura tas-saħħa, il-kura fit-tul u l-politika tal-akkomodazzjoni. Fir-rigward tal-prijorità komuni tas-sigurtà tal-enerġija, il-pjan jidentifika l-ħtiġijiet ta' investiment fil-konnettività tas-sistemi u n-networks tal-enerġija, għall-kapaċitajiet tal-produzzjoni (impjanti tal-enerġija solari) u għal tranżizzjoni ġusta tar-reġjuni tal-faħam. Il-pjan għandu l-għan li jikkontribwixxi biex jintlaħqu l-ħtiġijiet ta' investiment pubbliku tas-Slovenja relatati mal-prijoritajiet komuni tal-UE. Fir-rigward tal-prijorità komuni tal-kapaċitajiet ta' difiża, il-pjan jidentifika l-ħtiġijiet ta' investiment fil-kapaċitajiet ta' kumbattiment u għall-appoġġ, il-loġistika, l-infrastruttura militari u fil-kapaċitajiet ta' kmand u kontroll tagħhom. Skont il-pjan, ir-Riżoluzzjoni dwar il-Programm Ġenerali għall-Iżvilupp u t-Tagħmir fit-Tul tal-Forzi Armati Sloveni sal-2040 qed tippjana li tikseb nefqa għad-difiża ta' 2 % tal-PDG sal-2030, f'allinjament mal-impenn tan-NATO. Huwa ppjanat li 20 % tan-nefqa għad-difiża tiġi allokata għall-investiment.

Konklużjoni tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni

(33)

B'mod ġenerali, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-pjan tas-Slovenja jissodisfa r-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2024/1263.

KONKLUŻJONI ĠENERALI TAL-KUNSILL

(34)

Il-Kunsill jilqa' l-pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju tas-Slovenja u jqis li l-implimentazzjoni sħiħa tiegħu twassal biex jiġu żgurati finanzi pubbliċi sodi u tiġi appoġġata s-sostenibbiltà tad-dejn pubbliku kif ukoll tkabbir sostenibbli u inklużiv.

(35)

Il-Kunsill jieħu nota tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-pjan. Madankollu, il-Kunsill jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta l-valutazzjoni tagħha tal-pjanijiet futuri f'dokument separat mir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni għar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill.

(36)

Il-Kunsill jieħu nota tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-perkors tan-nefqa netta u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi ewlenin fil-pjan, inkluż fir-rigward tal-gwida minn qabel mill-Kummissjoni, kif ukoll l-implikazzjonijiet tal-perkors tan-nefqa netta tal-pjan għad-defiċit u d-dejn tal-gvern. Il-Kunsill jieħu nota tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni li s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi u fiskali, filwaqt li f'xi każijiet huma differenti mis-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni, inkluż biex jipprovdu għal data makroekonomika u fiskali aġġornata, huma ġeneralment debitament ġustifikati u sostnuti minn argumenti ekonomiċi sodi. Il-Kunsill jieħu nota tal-istrateġija fiskali wiesgħa tal-pjan u r-riskji għall-prospettiva, li jistgħu jaffettwaw il-materjalizzazzjoni tax-xenarju makroekonomiku u s-suppożizzjonijiet sottostanti u t-twettiq tal-perkors tan-nefqa netta tal-pjan. B'mod partikolari, il-Kunsill jilqa' wkoll li l-partijiet ikkonċernati rilevanti kienu involuti fil-livell nazzjonali qabel il-preżentazzjoni tal-pjan. Il-Kunsill jinnota wkoll li r-riskji ġeopolitiċi jistgħu jagħmlu pressjoni fuq in-nefqiet tad-difiża.

(37)

Il-Kunsill jistenna li s-Slovenja tkun lesta taġġusta l-istrateġija fiskali tagħha kif meħtieġ biex tiżgura t-twettiq tal-perkors tan-nefqa netta tagħha. Il-Kunsill huwa determinat li jissorvelja mill-qrib l-iżviluppi ekonomiċi u fiskali, inkluż dawk sottostanti għax-xenarju tal-pjan.

(38)

Il-Kunsill iqis li għaċ-ċiklu li jmiss ta' sorveljanza fiskali huma meħtieġa aktar diskussjonijiet biex jinstab fehim komuni dwar l-implikazzjonijiet tar-rati ta' tkabbir kumulattiv tan-nefqa netta għas-sorveljanza annwali.

(39)

Il-Kunsill jieħu nota tad-deskrizzjoni tal-Kummissjoni tar-riformi u l-ħtiġijiet u l-intenzjonijiet ta' investiment, b'reazzjoni għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, u jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat it-twettiq ta' tali riformi u investimenti. Il-Kunsill, abbażi tar-rapporti ppreżentati mill-Kummissjoni, ser jivvaluta tali riformi u investimenti u jimmonitorja l-implimentazzjoni tagħhom fil-qafas tas-Semestru Ewropew.

(40)

Il-Kunsill jistenna b'interess ir-rapporti ta' progress annwali mis-Slovenja li għandu jkun fihom, b'mod partikolari, informazzjoni dwar il-progress fl-implimentazzjoni tal-perkors tan-nefqa netta kif stabbilit mill-Kunsill, u l-implimentazzjoni ta' riformi u investimenti usa' fil-kuntest tas-Semestru Ewropew.

(41)

F'konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2024/1263, il-perkors tan-nefqa netta kif stabbilit fil-pjan għandu jiġi rrakkomandat mill-Kunsill lis-Slovenja.

B'DAN JIRRAKKOMANDA li s-Slovenja:

1.

Tiżgura li t-tkabbir fin-nefqa netta ma jaqbiżx il-massimi stabbiliti fl-Anness I ta' din ir-Rakkomandazzjoni.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Jannar 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

A. DOMAŃSKI


(1)  Ir-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 (ĠU L, 2024/1263, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj).

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2024/1264 tad-29 ta' April 2024 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1467/97 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv (ĠU L, 2024/1264, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1264/oj).

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2024/1265 tad-29 ta' April 2024 li temenda d-Direttiva 2011/85/UE dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri (ĠU L, 2024/1265, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1265/oj).

(4)  In-nefqa netta kif definita fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2024/1263, jiġifieri n-nefqa tal-gvern netta minn (i) nefqa fuq l-imgħax, (ii) miżuri diskrezzjonali relatati mad-dħul, (iii) nefqa fuq il-programmi tal-Unjoni ffinanzjata kompletament minn dħul minn fondi tal-Unjoni, (iv) nefqa nazzjonali fuq il-kofinanzjament ta' programmi ffinanzjati mill-Unjoni, (v) elementi ċikliċi tan-nefqa fuq il-benefiċċji tal-qgħad u (vi) miżuri ta' darba u miżuri temporanji oħra.

(5)  Gwida minn qabel trażmessa lill-Istati Membri u lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju tinkludi trajettorji mingħajr u b'estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament (li jkopri 4 u 7 snin, rispettivament). Dan jinkludi wkoll il-kundizzjonijiet inizjali ewlenin u s-suppożizzjonijiet sottostanti użati fil-qafas tal-projezzjoni tad-dejn tal-gvern fuq terminu medju tal-Kummissjoni. It-trajettorja referenzjarja ġiet ikkalkolata abbażi tal-metodoloġija deskritta fid-Debt Sustainability Monitor 2023 (https://economy-finance.ec.europa.eu/publications/debt-sustainability-monitor-2023_en). Din hija bbażata fuq it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni Ewropea u l-estensjoni tiegħu fuq terminu medju sal-2033, u t-tkabbir tal-PDG fit-tul u l-ispejjeż tat-tixjiħ huma konformi mar-rapport konġunt tal-Kummissjoni u tal-Kunsill 2024 Ageing Report(https://economy-finance.ec.europa.eu/publications/2024-ageing-report-economic-and-budgetary-projections-eu-member-states-2022-2070_en).

(6)   https://economy-finance.ec.europa.eu/economic-and-fiscal-governance/national-medium-term-fiscal-structural-plans_en#slovenia.

(7)  L-Opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-Abbozz ta' Pjan Baġitarju tas-Slovenja, 26.11.2024, C(2024)9064 final.

(8)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2024 dwar il-politiki ekonomiċi, baġitarji, tal-impjiegi u strutturali tas-Slovenja.

(9)  Ara l-Opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-Abbozz ta' Pjan Baġitarju tas-Slovenja, 26.11.2024, C(2024) 9064 final.


ANNESS I

Rati massimi ta' tkabbir tan-nefqa netta

(rati ta' tkabbir annwali u kumulattivi, f'termini nominali)

Is-Slovenja

Snin

2025

2026

2027

2028

Rati ta' tkabbir (%)

Annwali

5,6

4,4

4,1

4,0

Kumulattiv (*1)

12,1

17,0

21,8

26,6


(*1)  Ir-rati ta' tkabbir kumulattivi huma kkalkolati b'referenza għas-sena bażi tal-2023. Ir-rati kumulattivi ta' tkabbir jintużaw fil-monitoraġġ annwali tal-konformità ex post fil-kont ta' kontroll.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/640/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)