52010PC0209

Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, li ltaqgħu fil-Kunsill Dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni proviżorja tal-Protokoll li Jemenda l-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Istati Uniti tal-Amerika, min-naħa l-oħra /* KUMM/2010/0209 finali - NLE 2010/0113 */


[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 3.5.2010

KUMM(2010)209 finali

2010/0113 (NLE)

Proposta għal

Deċiżjoni tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, li ltaqgħu fil-Kunsill

Dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni proviżorja tal-Protokoll li Jemenda l-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Istati Uniti tal-Amerika, min-naħa l-oħra

MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

1. Kuntest tal-proposta |

Raġunijiet u għanijiet tal-proposta Fit-30 ta' Marzu 2008, il-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-Istati Uniti tal-Amerika, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat fil-25 u t-30 ta' April 2007 ("il-Ftehim tal-2007 dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-UE u l-Istati Uniti"), beda japplika fuq bażi proviżorja. Skont l-Artikolu 21 tal-Ftehim tal-2007 dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-UE u l-Istati Uniti, il-Kummissjoni bdiet in-negozjati tat-tieni stadju mal-Istati Uniti f'Mejju 2008. Il-Kunsill irreveda l-progress li sar f'Diċembru 2009 u f'Marzu 2010. Wara tmien sensiliet ta’ negozjati tat-tieni stadju, fil-25 ta' Marzu 2010 intlaħaq qbil dwar abbozz ta' Protokoll li Jemenda l-Ftehim tal-2007 dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-UE u l-Istati Uniti. Il-Protokoll għandu l-għan li: - ivara proċess lejn opportunitajiet ta' investiment barrani addizzjonali fl-industrija tal-linji tal-ajru, - ikompli jiftaħ l-aċċess għas-suq, inkluż l-aċċess ulterjuri minn linji tal-ajru tal-UE għal trasport bl-ajru ffinanzjat mill-Gvern tal-Istati Uniti, u - ikompli jsaħħaħ il-kooperazzjoni regolatorja fl-oqsma kollha tal-politika ta' avjazzjoni, partikolarment dwar l-indirizzar tal-impatt ambjentali tal-avjazzjoni. |

Kuntest ġenerali Il-Ftehim tal-2007 dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-UE u l-Istati Uniti rrappreżenta bidla sinifikanti fir-relazzjonijiet tal-avjazzjoni transaltlantika, u ipprovda libertajiet kummerċjali ġodda u wesgħin u qafas komprensiv għal kooperazzjoni regolatorja mal-Istati Uniti dwar firxa wiesgħa ta' kwistjonijiet. Il-Ftehim tal-2007 dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-UE u l-Istati Uniti ħoloq benefiċċji sostanzjali għal-linji tal-ajru, l-ajruporti u l-utenti tat-trasport tal-ajru fl-Ewropa. Madanakollu, l-UE kienet qed tfittex opportunitajiet addizzjonali għall-investiment u l-aċċess għas-suq. Għalhekk, l-Artikolu 21 tal-Ftehim tal-2007 dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-UE u l-Istati Uniti stabbilixxa lista mhux eżawrjenti ta' 'punti ta' interess prijoritarju' għan-negozjati tat-tieni stadju, fosthom opportunitajiet addizzjonali għall-investiment u l-aċċess għas-suq, kif ukoll kwistjonijiet ambjentali. Skont l-Artikolu 21 (1) tal-Ftehim tal-2007 dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-UE u l-Istati Uniti, in-negozjati tat-tieni stadju ġew varati f'Mejju 2008. L-Artikolu 21 (3) tal-Ftehim tal-2007 dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-UE u l-Istati Uniti jintitola kull Parti li tissospendi wħud mid-drittijiet jekk ma jintlaħaq l-ebda ftehim tat-tieni stadju sat-30 ta' Novembru 2010. Wara tmien sensiliet ta’ negozjati, fil-25 ta' Marzu 2010 intlaħaq qbil dwar l-abbozz tal-Protokoll li Jemenda l-Ftehim tal-2007 dwar it-Trasport bl-Ajru ("il-Protokoll"). |

Dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta Il-Protokoll jemenda l-Ftehim tal-2007 dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-UE u l-Istati Uniti. |

Konsistenza mal-politiki u l-għanijiet l-oħra tal-Unjoni Il-konklużjoni tan-negozjati tat-tieni stadju mal-Istati Uniti kienet prijorità għall-UE, fil-politika tagħha dwar l-avjazzjoni esterna, kif identifikata fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "L-iżvilupp tal-aġenda għall-politika dwar l-avjazzjoni esterna tal-Unjoni"[1]. Is-Samit tat-3 ta' Novembru 2009 bejn l-UE u l-Istati Uniti kkonferma l-impenn politiku tal-Unjoni biex tilħaq ftehim tat-tieni stadju fl-2010 fil-kuntest tal-għan ġenerali li jitnaqqsu l-ostakli għall-kummerċ, l-investiment u l-attività ekonomika. Minħabba d-dimensjoni ambjentali qawwija, il-Protokoll huwa konsistenti b'mod sħiħ mal-għan tal-Unjoni li tillimita l-impatt tat-tibdil fil-klima tal-avjazzjoni internazzjonali. |

2. Konsultazzjoni mal-partijiet interessati u valutazzjoni tal-impatt |

Konsultazzjoni mal-partijiet interessati |

Metodi ta’ konsultazzjoni, setturi ewlenin fil-mira u profil ġenerali ta' dawk li ħadu sehem fil-konsultazzjoni Matul il-proċess tan-negozjati, il-Kummissjoni kkonsultat lill-partijiet interessati partikolarment permezz ta' laqgħat regolari tal-Forum Konsultattiv li kien jiġbor fih rappreżentanti tat-trasportaturi tal-ajru, l-ajruporti u l-għaqdiet tal-ħaddiema. L-Istati Membri kienu involuti mill-qrib matul il-proċess tan-negozjati permezz tal-Kumitat Speċjali u l-laqgħat tal-esperti. |

Sommarju tat-tweġibiet u ta’ kif tqiesu Il-kummenti kollha mingħand il-partijiet interessati u l-Istati Membri individwali tqiesu kif xieraq fit-tħejjija tal-pożizzjoni tan-negozjati tal-Unjoni. |

Ġbir u użu ta' għarfien espert |

Ma kienx hemm bżonn ta’ għarfien espert esterna. |

Valutazzjoni tal-impatt Il-Protokoll iżid aktar il-benefiċċji għall-konsumaturi, il-linji tal-ajru, ix-xogħol, u l-komunitajiet tal-Unjoni. Il-benefiċċji ekonomiċi ta' Żona Miftuħa tal-Avjazzjoni b'mod sħiħ bejn l-UE u l-Istati Uniti ġew stmati għal bosta biljuni ta' euro fis-sena permezz ta' studju minn Booz Allen Hamilton f'isem il-Kummissjoni[2]. Studju mwettaq minn Ecorys f'isem il-Kummissjoni (Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ)[3] jestima li aktar konverġenza regolatorja fil-qasam tat-trasport tal-ajru jista' jnaqqas l-ispejjeż lill-industrija b'mod sinifikanti. L-istess studju kkonkluda li n-negozjati tat-tieni stadju għandhom il-potenzjal li jbiddlu l-istruttura tas-suq fl-UE u fl-Istati Uniti, iżidu l-profitabbiltà fl-industrija tal-linji tal-ajru. L-inklużjoni ta' artikolu dwar id-dimensjoni soċjali tiżgura li l-ftuħ ulterjuri tas-suq jiġi akkumpanjat minn standards ta' xogħol għoljin u li drittijiet relatati ma' xogħol mhumiex se jiddgħajfu minn opportunitajiet ġodda maħluqa mill-Protokoll. Il-Protokoll jinkludi impenji sodi miż-żewġ Partijiet biex jillimitaw jew inaqqsu l-impatt tal-avjazzjoni internazzjonali fuq l-ambjent. Kooperazzjoni mtejba dwar l-indirizzar tal-impatti ambjentali tal-avjazzjoni internazzjonali u t-tnaqqis tal-impatt tat-tibdil fil-klima għandha tnaqqas kull effett ambjentali ħażin potenzjali tal-Protokoll. |

3. Elementi legali tal-proposta |

Sommarju tal-azzjoni proposta Il-Protokoll jemenda l-Ftehim tal-2007 dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-UE u l-Istati Uniti bid-dispożizzjonijiet li ġejjin: - Obbligu legali li jiġu rikonoxxuti b'mod reċiproku id-determinazzjonijiet regolatorji tal-Parti l-oħra fir-rigward ta' adegwatezza tal-linja tal-ajru u ċittadinanza (Artikolu Ġdid 6 bis). Dan għandu jnaqqas b'mod sinifikanti l-piż regolatorju għal-linji tal-ajru u l-awtoritajiet regolatorji. - Kooperażzzjoni mtejba biex jiġi limitat l-impatt tal-avjazzjoni internazzjonali fuq l-ambjent (Artikolu Ġdid 15). Il-kooperazzjoni dwar l-indirizzar tal-impatti ambjentali tal-avjazzjoni internazzjonali ser tinkludi l-oqsma tar-riċerka u l-iżvilupp, l-innovazzjoni fil-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru, il-koordinazzjoni fil-fora internazzjonali. Element importanti f'dak ir-rigward huwa x-xogħol konġunt biex tiġi żgurata l-konsistenza fost il-miżuri rispettivi ibbażati fuq is-suq fir-rigward tal-emissjonijiet tal-avjazzjoni. Il-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet ambjentali se jżidu wkoll it-trasparenza fir-rigward tar-restrizzjonijiet operattivi marbuta mal-istorbju fl-ajruporti b'aktar minn 50,000 moviment annwali ta' ajruplani ċivili subsoniċi bil-ġettijiet. - Rikonoxximent espliċitu tal-importanza tad-dimensjoni soċjali u l-benefiċċji tal-istandards għolja ta' xogħol (Artikolu Ġdid 17 bis). - Rwol imsaħħaħ tal-Kumitat Konġunt, li jippermettilu jindirizza approċċi regolatorji inkompatibbli, u jippermetti għar-rikonoxximent reċiproku tat-teħid tad-deċiżjoni, u jħeġġeġ il-kooperazzjoni fost għadd ta' oqsma addizjonali, fosthom il-ġestjoni, il-faċilitazzjoni, is-sikurezza tat-traffiku tal-ajru u l-kooperazzjoni ma' pajjiżi oħra (Il-paragrafi ġodda fl-Artikolu 18). - Proċess lejn aktar aċċess għas-suq u opportunitajiet ta' investiment (Artikolu 21 ġdid). Iż-żewġ naħat għandhom jimpenjaw ruħhom biex ikomplu t-tneħħija tal-ostakli għall-aċċess tas-suq Il-Kumitat Konġunt se jirrevedi l-progress f'dan ir-rigward b'mod regolari. Iż-żewġ naħat se jistabbilixxu proċess ta' kooperazzjoni fil-Kumitat Konġunt lejn l-għan komuni ta' tneħħija tal-ostakli għall-aċċess tas-suq. Mal-bidla leġiżlattiva li tagħti rwol aktar b'saħħtu lill-Kummissjoni fil-monitoraġġ tal-proċeduri għall-introduzzjoni ta' restrizzjonijiet operattivi abbażi tal-istorbju fl-ajruporti tal-UE b'aktar minn 50,000 moviment annwali, il-linji tal-ajru tal-UE se jibbenefikaw mid-drittijiet tas-seba’ libertà bejn l-Istati Uniti u pajjiżi terzi, u jitneħħew l-ostakli għall-aċċess tas-suq tal-Istati Uniti għal linji tal-arju ta' pajjiżi terzi li huma propjetà u kkontrollati minn investituri tal-UE. Mal-bidla tal-leġiżlazzjoni fl-Istati Uniti li tippermetti l-akbar sehem azzjonarju u l-kontroll mill-UE tal-linji tal-ajru tal-Istati Uniti, l-UE se tippermetti se tippermetti l-maġġoranza tal-propjetà u l-kontroll mill-Istati Uniti tal-linji tal-ajru tal-UE. Jekk l-UE tkun issodisfat ir-rekwiżiti fir-rigward tal-monitoraġġ tar-restrizzjonijiet operattivi abbażi tal-istorbju, iżda ma jsir l-ebda progress fl-Istat Uniti dwar il-liberalizzazzjoni tal-investiment, l-UE se jkollha d-dritt li tiffriża l-operazzjonijiet tat-trasportaturi tal-Istati Uniti, u viċi versa - Aċċess ulterjuri tal-linji tal-ajru tal-UE għal trasport bl-ajru ffinanzjat mill-Gvern tal-Istati Uniti (Anness il-Ġdid 3) li preżentament huwa restritt għal-linji tal-ajru tal-Istati Uniti ("Fly America"). Il-linji tal-ajru tal-UE se jkunu jistgħu jbigħu t-trasportazzjoni bl-ajru lil kuntratturi tal-Gvern tal-Istati Uniti lil kull rotta, bl-eċċezzjoni tat-trasport iffinanzjat mid-Dipartiment tad-Difiża tal-Istati Uniti. Il-Protokoll huwa akkumpanjat minn Memorandum ta’ Konsultazzjonijiet li jinkludi elementi ġodda addizzjonali, sabiex titjib aktar il-kooperazzjoni attwali fl-oqsma tas-sigurtà tal-avjazzjoni, il-politika tal-kompetizzjoni, u l-isforzi konġunti biex jiġi indirizzat l-impatt ambjentali tal-avjazzjoni internazzjonali. |

Bażi legali L-Artikolu 207 (5), flimkien mal-Artikolu 218, il-paragrafi (2), u (5) tat-Trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea. |

Prinċipju tas-sussidjarjetà Il-prinċipju tas-sussidjarjetà japplika sakemm il-proposta ma taqax taħt il-kompetenza esklussiva tal-Unjoni. |

L-għanijiet tal-proposta ma jistgħux jintlaħqu biżżejjed mill-Istati Membri għar-raġunijiet li ġejjin. |

Il-Ftehim tal-2007 dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-UE u l-Istati Uniti stabbilixxa qafas regolatorju armonizzat għat-trasport bl-ajru bejn l-Unjoni u l-Istati Uniti. Emenda ta' trattat internazzjonali fil-livell tal-Unjoni tista' titwettaq biss f'livell ta' Unjoni. Barra minn hekk, l-għanijiet tal-Protokoll jistgħu jintlaħqu biss fil-livell tal-Unjoni għaliex jinvolvu għadd ta' oqsma li huma tal-kompetenza esklussiva tal-Unjoni. |

L-azzjoni min-naħa tal-Unjoni se tilħaq aħjar l-għanijiet tal-proposta għar-raġunijiet li ġejjin. |

Emenda ta' trattat internazzjonali fil-livell tal-Unjoni tista' titwettaq biss f'livell ta' Unjoni. Barra minn hekk, l-għanijiet tal-Protokoll jistgħu jintlaħqu biss fil-livell tal-Unjoni għaliex jinvolvu għadd ta' oqsma li huma tal-kompetenza esklussiva tal-Unjoni. |

Għaldaqstant, il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. |

Prinċipju tal-proporzjonalità Il-proposta hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità għar-raġunijiet li ġejjin. |

Il-Protokoll se jnaqqas il-piż regolatorju u l-ispejjeż għal-linji tal-ajru. Ma hu se jimponi l-ebda obbligi ġodda fuq l-industrija. |

L-Istati Membri se jkomplu jwettqu l-ħidmiet amministrattivi tradizzjonali fil-kuntest tat-trasport internazzjonali bl-ajru, iżda dan jagħmluh skont regoli komuni applikati bl-uniformità. L-Istati Membri se jkomplu jwettqu l-ħidmiet amministrattivi fir-rigward tar-restrizzjonijiet operattivi abbażi tal-istorbju fl-ajruporti tal-UE L-UE u l-Istati Membri tagħha ma jidħlux f'obbligi fir-rigward tar-restrizzjonijiet operattivi li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti tad-Direttiva dwar l-Istorbju (2002/30/KE) |

Għażla tal-istrumenti |

L-istrumenti proposti: ftehim internazzjonali |

Mezzi oħra mhumiex adegwati għar-raġunijiet li ġejjin. Ftehim internazzjonali jista' jiġi emendat biss permezz ta' ftehim internazzjonali. |

4. Implikazzjoni baġitarja |

Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni għall-baġit tal-Unjoni. |

2010/0113 (NLE)

Proposta għal

Deċiżjoni tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, li ltaqgħu fi ħdan il-Kunsill

Dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni proviżorja tal-Protokoll li Jemenda l-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-Istati Uniti tal-Amerika, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA U R-RAPPREŻENTANTI TAL-GVERNIJIET TAL-ISTATI MEMBRI LI LTAQGĦU FI ĦDAN IL-KUNSILL

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 207(5), flimkien mal-Artikolu 218, il-paragrafi (2) u (5) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Billi

1. Il-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-Istati Uniti tal-Amerika, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat fil-25 u t-30 ta' April 2007 ("il-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru"), inkluda obbligu fuq iż-żewġ partijiet biex jidħlu f'negozjati tat-tieni stadju.

2. Il-Kummissjoni innegozjat f'isem l-Unjoni u l-Istati Membri Protokoll biex issir emenda tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ, il-"Protokoll") skont l-Artikolu 21 ta' dak il-Ftehim.

3. Il-Protokoll ġie inizjalat fis-25 ta' Marzu 2010.

4. Il-Protokoll huwa kompletament konsistenti mal-leġiżlazzjoni tal-UE, partikolarment mal-Iskema tal-UE għall-Iskambju tal-Emissjonijiet.

5. Il-protokoll innegozjat mill-Kummissjoni għandu jiġi iffirmat u applikat provviżorjament mill-Unjoni u l-Istati Membri, suġġett għall-konklużjoni possibbli f’data aktar tard.

6. Huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti arranġamenti proċedurali sabiex jiġi deċiż, jekk ikun xieraq, kif titwaqqaf l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim u jittieħdu l-miżuri skont l-Artikolu 21(5) tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru kif emendat mill-Protokoll. Jeħtieġ ukoll li jiġu stabbiliti arranġamenti proċedurali għas-sospensjoni tar-rikonoxximent reċiproku tad-determinazzjonijiet regolatorji fir-rigward taċ-ċittadinanza u l-adegwatezza tal-linja tal-ajru u għall-implimentazzjoni ta' xi wħud mid-dispożizzjonijiet tal-Ftehim, fosthom dawk li jikkonċernaw l-ambjent.

IDDEĊIDEW KIF ĠEJ:

Artikolu 1 (L-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja)

1. L-iffirmar tal-Protokoll li Jemenda l-Ftehim tat-Trasport bl-Ajru bejn l-Istati Uniti tal-Amerika, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ 'il-Protokoll'), huwa b'dan approvat f'isem l-Unjoni, suġġett għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tikkonċerna l-konklużjoni tal-Protokoll. It-test tal-Protokoll huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

2. Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat sabiex jinnomina l-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa li jiffirmaw il-Protokoll f'isem l-Unjoni, suġġett għall-konklużjoni tiegħu.

3. Sad-dħul fis-seħħ tiegħu, il-Protokoll għandu jkun applikat fuq bażi provviżorja mill-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, safejn huwa permess skont il-liġi nazzjonali, mid-data tal-iffirmar.

4. Deċiżjoni sabiex titwaqqaf l-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll u sabiex tingħata notifika ta' dan lill-Istati Uniti tal-Amerika skont l-Artikolu 9(2) tal-Protokoll, u deċiżjoni sabiex tiġi rtirata tali notifika, għandhom jittieħdu mill-Kunsill, f'isem l-Unjoni u l-Istati Membri, waqt li jaġixxi b'unanimità skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat.

Artikolu 2 (Sospensjoni tar-Rikonoxximent Reċiproku)

Deċiżjoni biex jiġi sospiż ir-rikonoxximent reċiproku tad-determinazzjonijiet regolatorji fir-rigward taċ-ċittadinanza u l-adegwatezza tal-linja tal-ajru u sabiex tingħata notifika ta' dan lill-Istati Uniti skont l-Artikolu 6a (2) tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru kif emendat bil-Protokoll, għandha tittieħed mill-Kunsill, f'isem l-Unjoni u l-Istati Membri, li jaġixxi b'unanimità skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat.

Artikolu 3 (Kumitat Konġunt)

7. L-Unjoni u l-Istati Membri għandhom ikunu rrappreżentati fi ħdan il-Kumitat Konġunt stabbilit skont l-Artikolu 18 tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru kif emendat bil-Protokoll minn rappreżentanti tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri.

8. Il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni u l-Istati Membri tagħha fi ħdan il-Kumitat Konġunt, fir-rigward ta’ kwistjonijiet ta’ kompetenza esklussiva tal-Unjoni li ma jeħtiġux l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li għandha effett legali, għandha tiġi stabbilita mill-Kummissjoni Ewropea u għandha tiġi nnotifikata bil-quddiem lill-Kunsill u lill-Istati Membri.

9. Għal deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt li jikkonċernaw kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Unjoni, il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni u mill-Istati Membri tagħha se tkun adottata mill-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, sakemm il-proċeduri applikabbli ta' votazzjoni stabbiliti fit-Trattati dwar il-Funzjonament tal-UE ma jipprovdux mod ieħor.

10. Għal deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt li jikkonċernaw kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni u mill-Istati Membri tagħha se tkun adottata mill-Kunsill, li jaġixxi b’unanimità, fuq proposta mill-Kummissjoni jew mill-Istati Membri, sakemm Stat Membru jkun informa lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill fi żmien xahar mill-adozzjoni ta' dik il-pożizzjoni, li jista’ jagħti l-kunsens biss għad-deċiżjoni li għandha tittieħed mill-Kumitat Konġunt bil-qbil tal-korpijiet leġiżlattivi tiegħu minħabba riżerva ta' skrutinju parlamentari.

11. Il-pożizzjoni tal-Unjoni u tal-Istati Membri fi ħdan il-Kumitat Konġunt għandha tiġi ppreżentata mill-Kummissjoni, ħlief f'oqsma li jaqgħu esklussivament fil-kompetenza tal-Istati Membri, f'liema każ hija għandha tiġi ppreżentata mill-Presidenza tal-Kunsill jew, jekk il-Kunsill jiddeċiedi hekk, mill-Kummissjoni.

Artikolu 4 (Deċiżjonijiet skont l-Artikolu 21 tal-Ftehim)

Deċiżjoni biex il-linji tal-ajru ta' Parti oħra ma jingħatalhomx permess li joperaw frekwenzi addizzjonali jew li jidħlu fi swieq ġodda skont il-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru u sabiex tingħata notifika ta' din lill-Istati Uniti tal-Amerika skont l-Artikolu 21(5) tal- Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru kif emendat mill-Protokoll, għandha tittieħed mill-Kunsill, f'isem l-Unjoni u l-Istati Membri, waqt li jaġixxi b'unanimità skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat.

Artikolu 5 (Tagħrif lill-Kummissjoni)

L-Istati Membri għandhom jinformaw minnufih lill-Kummissjoni rigward kwalunkwe talba jew notifika magħmula minnhom jew li tasal għandhom skont l-Artikolu 15 (Ambjent) tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru kif emendat bil-Protokoll..

Magħmul fi Brussell, […]

Għall-Kunsill

Il-President […]

[1] COM(2005) 79 finali.

[2] Booz Allen Hamilton (2007), The economic impacts of an Open Aviation Area between the EU and the US, http://ec.europa.eu/transport/air/international_aviation/country_index/doc/final_report_us_bah.pdf

[3] Rcorys (2009), Non-Tariff Measures in EU-US Trade and Investment – An Economic Analysis. http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2009/december/tradoc_145613.pdf