32002D0588



Official Journal L 187 , 16/07/2002 P. 0052 - 0053


Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

tal-11 ta' Lulju 2002

li temenda d-Deċiżjoni 1999/466/KE li tistabbilixxi l-istatus uffiċjali ta' merħliet bovini ħielsa mill-bruċellosi ta' ċerti Stati Membri jew reġjuni ta' Stati Membri

(notifikata bid-dokument numru C(2002) 2117)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2002/588/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 64/432/KEE tas-26 ta' Ġunju ta' l-1964 dwar il-problemi tas-saħħa ta' l-annimali li jaffettwaw in-negozju fil-Komunità ta' annimali bovini u majjali [1], kif l-aħħar emendat permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 535/2002 [2], u b'mod partikolari l-Anness A (II)(7) tiegħu,

Billi:

(1) Il-Portugall ippreżenta dokumentazzjoni lill-Kummissjoni li turi l-konformità mal-kondizzjonijiet kollha li għalihom hemm ipprovdut fl-Anness A(II)(7) għad-Direttiva 64/432/KEE, u b'mod partikolari li juru li, maħdum nhar il-31 ta' Diċembru ta' kull sena, iktar minn 99,8 % tal-merħliet bovini fil-gżejjer ta' Pico, Graciosa, Flores u Corvo (Reġjun Awtonomu ta' Ażores, il-Portugall) kienu uffiċjalment ħielsa mill-bruċellożi tal-bovini għal mill-inqas l-aħħar ħames snin konsekuttivi u li kull annimal bovin huwa identifikat f'konformità mal-leġislazzjoni tal-Komunità.

(2) Dawk il-gżejjer għandhom konsegwentament jiġu ddikjarati uffiċjalment ħielsa mill-bruċellożi bi qbil mad-Direttiva 64/432/KEE.

(3) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/466/KE [3], kif l-aħħar emendat permezz tad-Deċiżjoni 2000/694/KE [4], għandha għalhekk tiġi emendata bix-xieraq.

(4) Il-miżuri li għalihom hemm ipprovdut f'din id-Deċiżjoni huma f'konformità ma' l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina ta' l-Ikel u s-Saħħa ta' l-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness II għad-Deċiżjoni 1999/466/KE huwa mibdul bit-test fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula f'Brussel, fil-11 ta' Lulju 2002.

Għall-Kummissjoni

David Byrne

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU C 121, tad-29.7.1964, pġ. 1977/64.

[2] ĠU L 80, tat-23.3.2002, pġ. 22.

[3] ĠU L 181, tas-16.7.1999, pġ. 34.

[4] ĠU L 286, tal-11.11.2000, pġ. 41.

--------------------------------------------------

ANNESS

"

“ANNESS II

REĠJUNI TA' L-ISTATI MEMBRI LI HUMA DDIKJARATI ĦIELSA MILL-BRUĊELLOŻI TAL-BOVINI

L-Ingilterra (Ir-Renju Unit)

Il-Provinċja ta' Bolzano (L-Italja)

Il-Gżejjer ta' Pico, Graciosa, Flores u Corvo (Ir-Reġjuni Awtonomi ta' Ażores, il-Portugall).”

"

--------------------------------------------------