DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
1 ta’ Awwissu 2022 ( *1 )
“Appell – Intervent – Għajnuna mill-Istat – Skema ta’ għajnuna implimentata mir-Renju tal-Belġju – Interventi milqugħa fil-kuntest ta’ proċedura ta’ appell minn sentenza tal-Qorti Ġenerali – Annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali – Rinviju tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali – Deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li tirrifjuta li tinkludi fil-proċess tal-kawża osservazzjonijiet bil-miktub dwar is-sentenza li wasslet għal dan ir-rinviju ppreżentati minn intervenjent fl-appell – Deċiżjoni impliċita tal-Qorti Ġenerali li tirrifjuta li tirrikonoxxi lil intervenjent fl-appell il-kwalità ta’ intervenjent quddiem il-Qorti Ġenerali – Ammissibbiltà tal-appell – kwalità ta’ intervenjent quddiem il-Qorti Ġenerali ta’ intervenjent fl-appell – Appell ippreżentat wara l-iskadenza tat-terminu – Żball skużabbli”
Fil-Kawża C‑74/22 P(I),
li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fit‑28 ta’ Jannar 2022,
Soudal NV, stabbilita f’Turnhout (il-Belġju),
Esko-Graphics BVBA, stabbilita f’Gand (il-Belġju),
irrappreżentati minn H. Viaene, advocaat,
appellanti,
il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:
Magnetrol International NV, stabbilita f’Zele (Il-Belġju),
rikorrenti fl-ewwel istanza,
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn P.-J. Loewenthal u F. Tomat, bħala aġenti,
konvenuta fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn K. Lenaerts, President, L. Bay Larsen (Relatur), Viċi President, A. Arabadjiev, C. Lycourgos, E. Regan, I. Jarukaitis, N. Jääskinen u I. Ziemele, Presidenti ta’ Awla, M. Ilešič, P. G. Xuereb, N. Piçarra, L. S. Rossi, A. Kumin, N. Wahl u O. Spineanu-Matei, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Szpunar,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑14 ta’ Lulju 2022,
tagħti l-preżenti
Digriet
|
1 |
Permezz tal-appell tagħhom, Soudal NV u Esko-Graphics BVBA jitolbu l-annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas‑6 ta’ Diċembru 2021 li permezz tagħha din irrifjutat li tirrikonoxxilhom il-kwalità ta’ intervenjenti fil-Kawża T‑263/16 RENV u li tinkludi fil-proċess ta’ din il-kawża l-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati minnhom fuq il-konklużjonijiet li għandhom jinsiltu mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑16 ta’ Settembru 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju u Magnetrol International (C‑337/19 P, EU:C:2021:741), għas-soluzzjoni tat-tilwima fl-imsemmija kawża (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). |
Il‑kuntest ġuridiku
|
2 |
L-Artikolu 1(3)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jipprovdi li, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli tal-proċedura, il-kliem “parti” u “partijiet”, użati mingħajr indikazzjoni oħra, jirreferu għal kull parti fil-kawża, inklużi l-intervenjenti. |
|
3 |
L-Artikolu 60 ta’ dawn ir-regoli tal-proċedura jipprovdi li t-termini proċedurali għandhom jiżdiedu darba b’terminu ta’ għaxart ijiem għal raġuni ta’ distanza. |
|
4 |
L-Artikolu 79 tar-Regoli tal-Proċedura jipprevedi: “Għandu jiġi ppubblikat avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea li fih jiġu indikati d-data tal-preżentata tar-rikors promotur, l-isem tal-partijiet prinċipali, it-talbiet tar-rikors kif ukoll l-indikazzjoni tal-motivi u tal-argumenti prinċipali invokati.” |
|
5 |
L-Artikoli 142 sa 145 tal-istess regoli tal-proċedura jistabbilixxu r-regoli li jirregolaw l-intervent quddiem il-Qorti Ġenerali. |
|
6 |
L-Artikolu 143(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jipprevedi li “[i]t-talba għal intervent għandha titressaq f’terminu ta’ sitt ġimgħat, li jibda jiddekorri mill-pubblikazzjoni msemmija fl-Artikolu 79”. |
|
7 |
Skont l-Artikolu 215 ta’ dawn ir-regoli ta’ proċedura: “Meta l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla sentenza jew digriet tal-Qorti Ġenerali u tiddeċiedi li tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex taqtagħha, il-Qorti Ġenerali tkun adita bil-kawża permezz tad-deċiżjoni li tibgħatha lura quddiemha.” |
|
8 |
L-Artikolu 217 tal-imsemmija regoli tal-proċedura huwa fformulat kif ġej: “1. Meta d-deċiżjoni sussegwentement annullata mill-Qorti tal-Ġustizzja tkun ingħatat wara l-għeluq tal-proċedura bil-miktub dwar il-mertu quddiem il-Qorti Ġenerali, il-partijiet filproċedura quddiem il-Qorti Ġenerali jistgħu jippreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom dwar il-konklużjonijiet li għandhom jinsiltu mid-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja għas-soluzzjoni tat-tilwima f’terminu ta’ xahrejn li jiddekorri min-notifika tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Dan it-terminu ma jistax jiġi pprorogat. […] 3. Jekk dan ikun iġġustifikat miċ-ċirkustanzi, il-President jista’ jawtorizza l-preżentata ta’ noti komplementari b’osservazzjonijiet bil-miktub.” |
|
9 |
L-Artikolu 219 tar-Regoli tal-Proċedura jipprevedi: “Il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż marbuta, minn naħa, mal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali u, min-naħa l-oħra, mal-proċedura tal-appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.” |
Il‑fatti li wasslu għall‑kawża
|
10 |
Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1699 tal‑11 ta’ Jannar 2016 dwar l-iskema ta’ għajnuna li tirrigwarda l-eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv SA.37667 (2015/C) (ex 2015/NN) implimentata mill-Belġju (ĠU 2016, L 260, p. 61, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni Ewropea qieset li ċerti eżenzjonijiet mogħtija mir-Renju tal-Belġju kienu jikkostitwixxu skema ta’ għajnuna, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, li kienet inkompatibbli mas-suq intern u li kienet ġiet implimentata bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE. Il-Kummissjoni ordnat l-irkupru tal-għajnuna mogħtija b’dan il-mod mingħand il-benefiċjarji, li l-lista definittiva tagħhom kellha tiġi stabbilita fi stadju ulterjuri mir-Renju tal-Belġju. |
Il‑proċedura quddiem il‑Qorti Ġenerali u quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja kif ukoll id‑deċiżjoni kkontestata
|
11 |
Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑22 ta’ Marzu u fil‑25 ta’ Mejju 2016, ir-Renju tal-Belġju u Magnetrol International NV ippreżentaw rikorsi intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, irreġistrati rispettivament bin-numri T‑131/16 u T‑263/16. |
|
12 |
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑2 ta’ Mejju 2016, Soudal ressqet rikors intiż għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni, irreġistrata bin-numru T‑201/16. Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑28 ta’ Ġunju 2016, Esko-Graphics ippreżentat rikors għall-annullament tal-imsemmija deċiżjoni, irreġistrat bin-numru T‑335/16. |
|
13 |
Sussegwentement, ir-Reġistratur tal-Qorti Ġenerali informa lill-partijiet fil-Kawżi T‑201/16 u T‑335/16 li l-President tal-Awla adita tal-Qorti Ġenerali kien iddeċieda li jissospendi l-proċedura f’dawn il-kawżi sakemm tinstab soluzzjoni għat-tilwima fil-Kawżi T‑131/16 u T‑263/16. |
|
14 |
Permezz ta’ digriet tas‑17 ta’ Mejju 2018, il-President tas-Seba’ Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali ddeċieda li jgħaqqad il-Kawżi T‑131/16 u T‑263/16 għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura u tad-deċiżjoni li tagħlaq l-istanza. |
|
15 |
Permezz tas-sentenza tal‑14 ta’ Frar 2019, Il‑Belġju u Magnetrol International vs Il‑Kummissjoni (T‑131/16 u T‑263/16, EU:T:2019:91), il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kkontestata. |
|
16 |
Fl‑24 ta’ April 2019, il-Kummissjoni ppreżentat appell kontra din is-sentenza. Dan l-appell ġie rreġistrat bin-numru C‑337/19 P. |
|
17 |
Permezz ta’ digrieti tal‑15 ta’ Ottubru 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju u Magnetrol International, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja aċċetta l-intervent ta’ Anheuser-Busch InBev SA/NV (ta’ Ampar BVBA ta’ Atlas Copco Airpower u ta’ Atlas Copco, C‑337/19 P, mhux ippubblikat, EU:C:2019:909; kif ukoll ta’ Soudal NV u ta’ Esko-Graphics BVBA (C‑337/19 P, mhux ippubblikat, EU:C:2019:915) insostenn tat-talbiet ta’ Magnetrol International. |
|
18 |
Permezz tas-sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju u Magnetrol International (C‑337/19 P, EU:C:2021:741), il-Qorti tal-Ġustizzja:
|
|
19 |
Fis‑16 ta’ Novembru 2021, Soudal u Esko-Graphics indirizzaw lill-Qorti Ġenerali, abbażi tal-Artikolu 217 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, osservazzjonijiet dwar il-konklużjonijiet li għandhom jinsiltu mis-sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju u Magnetrol International (C‑337/19 P, EU:C:2021:741), għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-Kawża T‑263/16 RENV (iktar ’il quddiem l-“osservazzjonijiet inkwistjoni”). |
|
20 |
Permezz ta’ ittra tas‑6 ta’ Diċembru 2021, innotifikata lil Soudal u lil Esko-Graphics fis‑17 ta’ Diċembru 2021, ir-Reġistratur tal-Qorti Ġenerali informahom li, peress li dawn l-osservazzjonijiet ma kinux jikkostitwixxu dokument previst mir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-President tal-Awla adita mill-Qorti Ġenerali kien iddeċieda li ma jdaħħalhomx fil-proċess ta’ din il-kawża. |
|
21 |
Permezz ta’ ittra tad‑29 ta’ Diċembru 2021, indirizzata lill-President tal-Qorti Ġenerali u lill-membri tagħha, Soudal u Esko-Graphics, filwaqt li bbażaw ruħhom b’mod partikolari fuq id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑15 ta’ Ottubru 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju u Magnetrol International (C‑337/19 P, mhux ippubblikat, EU:C:2019:915), u abbażi tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali, talbu, minn naħa, korrezzjoni tal-“iżball” imwettaq minnu kif ukoll, min-naħa l-oħra, konferma tal-kwalità tagħhom ta’ intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, billi talbu risposta fi żmien ħamest ijiem. |
|
22 |
Permezz ta’ ittra tal‑11 ta’ Jannar 2022, ir-Reġistratur tal-Qorti Ġenerali kkonferma li rċieva l-ittra tal-appellanti tad‑29 ta’ Diċembru 2021. Huwa ġibed ukoll l-attenzjoni tagħhom, minn naħa, għall-“fatt” li l-preżentazzjoni ta’ osservazzjonijiet fil-Kawża T‑263/16 RENV mill-intervenjenti ammessi sabiex jipparteċipaw fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C‑337/19 P ma kinitx prevista mir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali u, min-naħa l-oħra, fuq l-Artikolu 70(2) ta’ dawn ir-regoli tal-proċedura, li jipprovdi li l-President tal-Qorti Ġenerali jista’ jiddeċiedi li jkompli proċedura sospiża qabel it-tmiem tas-sospensjoni. |
It‑talbiet tal‑partijiet
|
23 |
Soudal u Esko-Graphics jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
|
24 |
Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
Fuq l‑appell
Fuq l‑ammissibbiltà tal‑appell
|
25 |
Il-Kummissjoni ssostni li l-appell huwa inammissibbli kemm minħabba n-natura tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll minħabba t-tardività tal-preżentata tagħha. |
Fuq l‑eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq in‑natura tad‑deċiżjoni kkontestata
– Argumenti
|
26 |
Il-Kummissjoni ssostni li, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti Ġenerali sempliċement irrifjutat li tinkludi fil-proċess tal-Kawża T‑263/16 RENV l-osservazzjonijiet inkwistjoni. Issa, din id-deċiżjoni ta’ rifjut ma taqax taħt waħda mill-kategoriji ta’ deċiżjonijiet li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ appell skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. |
|
27 |
Barra minn hekk, għalkemm l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 57 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jippermetti ċertament li jiġi ppreżentat appell minn deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li tiċħad talba għal intervent, l-appellanti, f’dan il-każ, ma ressqu ebda talba għal intervent quddiem il-Qorti Ġenerali. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ma ċaħditx tali talba, b’tali mod li din id-dispożizzjoni ma hijiex applikabbli f’dan il-każ. |
|
28 |
Skont Soudal u Esko-Graphics, id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li ma tinkludix fil-proċess tal-Kawża T‑263/16 RENV l-osservazzjonijiet inkwistjoni tikkostitwixxi rifjut impliċitu li jiġu aċċettati bħala intervenjenti f’din il-kawża. |
|
29 |
Issa, il-motivi mogħtija mill-President tal-Qorti tal-Ġustizzja fid-digriet tal‑15 ta’ Ottubru 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju u Magnetrol International (C‑337/19 P, mhux ippubblikat, EU:C:2019:915), li permezz tagħhom huwa awtorizza l-intervent ta’ Soudal u ta’ Esko-Graphics fl-appell huma wkoll rilevanti fil-Kawża T‑263/16 RENV. |
– Kunsiderazzjonijiet
|
30 |
Preliminarjament, sabiex tiġi eżaminata l-ammissibbiltà tal-appell, għandha tiġi ddeterminata l-portata tad-deċiżjoni li tinsab fl-ittra tar-Reġistratur tal-Qorti Ġenerali tas‑6 ta’ Diċembru 2021. |
|
31 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 217(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jipprevedi li, meta l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali u tiddeċiedi li tibgħat lura lil din tal-aħħar is-sentenza tal-kawża wara li l-proċedura bil-miktub fuq il-mertu tkun ingħalqet quddiemha, il-partijiet fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali jistgħu jippreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom dwar il-konklużjonijiet li għandhom jinsiltu mid-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja għas-soluzzjoni tat-tilwima f’terminu ta’ xahrejn min-notifika ta’ din id-deċiżjoni. |
|
32 |
Issa, huwa paċifiku, l-ewwel, li dan il-każ jikkorrispondi għall-każ imsemmi f’din id-dispożizzjoni u, it-tieni, li l-osservazzjonijiet inkwistjoni ġew ippreżentati fit-terminu previst fl-imsemmija dispożizzjoni, miżjud bit-terminu għal raġuni ta’ distanza stabbilit fl-Artikolu 60 ta’ dawn ir-regoli tal-proċedura, b’tali mod li ċ-ċaħda tagħhom ma hijiex ibbażata fuq it-tardività tal-preżentata tagħhom. |
|
33 |
Minn dan isegwi li, minkejja n-natura sommarja tagħha, l-ittra tar-Reġistratur tal-Qorti Ġenerali tas‑6 ta’ Diċembru 2021 għandha tinftiehem, peress li tirreferi għar-rifjut tal-Qorti Ġenerali li tinkludi fil-proċess tal-Kawża T‑263/16 RENV l-osservazzjonijiet inkwistjoni, minħabba li dawn jikkostitwixxu dokument mhux previst mir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, bħala li jirriflettu d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li tirrifjuta li tirrikonoxxi lill-appellanti l-kwalità ta’ intervenjenti f’din il-kawża li huma jqisu li kisbu ipso jure minħabba l-ammissjoni tagħhom sabiex jintervjenu fl-appell fil-Kawża C‑337/19 P. |
|
34 |
Din l-evalwazzjoni hija kkorroborata mill-ittra tar-Reġistratur tal-Qorti Ġenerali tal‑11 ta’ Jannar 2022, li permezz tagħha nġibdet l-attenzjoni tar-rikorrenti dwar il-“fatt” li l-preżentazzjoni ta’ osservazzjonijiet fil-Kawża T‑263/16 RENV mill-intervenjenti ammessi sabiex jipparteċipaw fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C‑337/19 P ma kinitx prevista mir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. |
|
35 |
Għaldaqstant, hemm lok li jiġi miċħud l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li d-deċiżjoni kkontestata sempliċement tirrifjuta li ddaħħal fil-proċess tal-Kawża T‑263/16 RENV l-osservazzjonijiet inkwistjoni. |
|
36 |
Fir-rigward tad-dritt li jiġi ppreżentat appell mid-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi enfasizzat li, fit‑8 ta’ Marzu 2022, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan l-appell, li kien ġie ppreżentat abbażi tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, kellu jiġi kklassifikat bħala appell ippreżentat skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 57 ta’ dan l-istatut, peress li din il-klassifikazzjoni sussegwentement inġiebet għall-konjizzjoni tal-partijiet man-notifika ta’ dan l-appell, permezz ta’ ittra tar-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑14 ta’ Marzu 2022. |
|
37 |
L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 57 tal-imsemmi statut jipprovdi li appell jista’ jitressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kontra d-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jiċħdu talba għal intervent, minn kull persuna li t-talba tagħha tkun ġiet miċħuda. |
|
38 |
F’dan il-każ, huwa ċertament paċifiku li, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti Ġenerali ma ċaħditx talba għal intervent, peress li l-appellanti ma ppreżentawx tali talba quddiem il-Qorti Ġenerali. |
|
39 |
Madankollu, għandu jiġi rrilevat ukoll li l-portata tad-deċiżjoni, inerenti għall-ittra tar-Reġistratur tal-Qorti Ġenerali tas‑6 ta’ Diċembru 2021, li tirrifjuta li tirrikonoxxi lill-appellanti l-kwalità ta’ intervenjenti fil-Kawża T‑263/16 RENV hija simili għal dik li kellha deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li tiċħad talba għal intervent li ġiet ippreżentata mill-appellanti, jiġifieri li dawn iż-żewġ deċiżjonijiet iċaħħdu lil parti li ssostni li għandha tibbenefika, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, minn pożizzjoni proċedurali partikolari, minħabba l-interess tagħha fis-soluzzjoni tat-tilwima, tad-drittijiet kollha inerenti f’din il-pożizzjoni. |
|
40 |
Barra minn hekk, meta l-Qorti tal-Ġustizzja qieset appell fondat, annullat id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali u rrinvijat il-kawża quddiemha sabiex din tiddeċiedi, ma jistax jiġi raġonevolment mistenni minn intervenjenti f’dan l-appell, li tqis li għandha ipso jure l-kwalità ta’ intervenjent quddiem il-Qorti Ġenerali, li hija tippreżenta formalment talba għal intervent quddiem din l-aħħar qorti bl-uniku għan li tkun tista’ tippreżenta appell, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 57 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, kontra d-deċiżjoni li tiċħad din it-talba. |
|
41 |
Fil-fatt, tali talba tista’ biss, fi kwalunkwe każ, tiġi miċħuda mill-Qorti Ġenerali bħala tardiva, peress li l-Artikolu 143(1) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, moqri flimkien mal-Artikolu 79 ta’ dawn ir-Regoli tal-Proċedura, jipprevedi li talba għal intervent għandha tiġi ppreżentata f’terminu ta’ sitt ġimgħat li jibda jiddekorri mill-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tal-avviż li inizjalment għamel riferiment għall-preżentata tar-rikors promotur fil-kawża kkonċernata. |
|
42 |
F’dan il-kuntest, il-fatt li jitqies li intervenjent fl-appell f’kawża li tallega li jibbenefika ipso jure mill-kwalità ta’ intervenjent quddiem il-Qorti Ġenerali wara r-rinviju ta’ din il-kawża lil din il-qorti ma jistax jippreżenta appell skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 57 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kontra deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li tirrifjutalu din il-kwalità, għas-sempliċi raġuni li l-Qorti Ġenerali ma ċaħditx formalment talba għal intervent, iċċaħħad lill-parti kkonċernata minn kull protezzjoni ġudizzjarja li tippermettilha tiddefendi d-drittijiet proċedurali quddiem il-Qorti Ġenerali, li hija tqis li tirriżulta mill-Artikolu 40 ta’ dan l-istatut, minkejja li l-għan tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 57 ta’ dan l-istatut huwa preċiżament li jiggarantixxi din il-protezzjoni. |
|
43 |
Fil-fatt, fl-ipoteżi fejn l-imsemmi intervenjent fl-appell jibbaża ruħu ġustament fuq il-kwalità tiegħu ta’ intervenjent quddiem il-Qorti Ġenerali f’kawża li ġiet mibgħuta lura lill-Qorti Ġenerali mill-Qorti tal-Ġustizzja, kwistjoni li hija intiża li tiġi deċiża fl-istadju tal-eżami tal-mertu ta’ dan l-appell u għalhekk ma tistax tiġi deċiża fl-istadju tal-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà tiegħu, ebda rimedju ġudizzjarju ieħor ma jkun miftuħ għalih sabiex jinvoka d-drittijiet proċedurali tiegħu li jirriżultaw mill-Artikolu 40 tal-istess statut. |
|
44 |
Għalhekk, fl-ewwel lok, intervenjent f’appell ma jistax jippreżenta, skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, appell minn deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li tiċħad lilu l-kwalità ta’ intervenjent fil-kawża li ġiet irrinvijata quddiem din il-qorti mill-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
45 |
Din id-dispożizzjoni tipprovdi li appell jista’ jitressaq kontra d-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jagħlqu l-istanza, kif ukoll kontra d-deċiżjonijiet tagħha li jaqtgħu parzjalment il-kawża fil-mertu jew li jikkonkludu kwistjoni proċedurali li tirrigwarda eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni jew ta’ inammissibbiltà. |
|
46 |
F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata ma ttemmx l-istanza fil-Kawża T‑263/16 RENV quddiem il-Qorti Ġenerali u li hija ma tiddeċidix, lanqas parzjalment, fuq il-mertu f’din il-kawża. |
|
47 |
Barra minn hekk, għalkemm din id-deċiżjoni effettivament ittemm kwistjoni ta’ proċedura dwar il-kwalità ta’ intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, din il-kwistjoni ma tirrigwardax eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni jew ta’ inammissibbiltà. |
|
48 |
Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-appelli ppreżentati, skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, kontra deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jtemmu kwistjoni proċedurali ta’ natura differenti minn dik tal-inċidenti proċedurali li għalihom tirreferi din id-dispożizzjoni għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑4 ta’ Ottubru 1999, Il‑Kummissjoni vs ADT Projekt, C‑349/99 P, EU:C:1999:475, punti 10 u 11, kif ukoll is-sentenza tat‑8 ta’ Jannar 2002, Franza vs Monsanto u Il‑Kummissjoni, C‑248/99 P, EU:C:2002:1, punt 46). |
|
49 |
Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, meta tiddeċiedi kwistjoni ta’ proċedura li tirrigwarda eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni jew ta’ inammissibbiltà, il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi fuq talba ta’ parti intiża sabiex ittemm kawża mingħajr ma tidħol fil-mertu tal-kawża, u din hija r-raġuni għaliex tali deċiżjoni għandha tkun tista’ tiġi rrinvijata lill-Qorti tal-Ġustizzja mingħajr ma tistenna deċiżjoni eventwali fuq il-mertu. Min-naħa l-oħra, dan ma huwiex il-każ ta’ deċiżjoni li ttemm kwistjoni ta’ proċedura dwar intervent. |
|
50 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk ikkunsidrat li d-deċiżjoni li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali tilqa’ talba għal intervent ma tistax tkun is-suġġett ta’ appell ippreżentat skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Bayerische Motoren Werke u Freistaat Sachsen vs Il‑Kummissjoni, C‑654/17 P, EU:C:2019:634, punti 29 u 30). |
|
51 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, din is-soluzzjoni għandha tiġi applikata wkoll għal appell ippreżentat kontra deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li tirrifjuta li tirrikonoxxi lil intervenjent fl-appell il-kwalità ta’ intervenjent f’kawża li ġiet irrinvijata lilu mill-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
52 |
Fit-tieni lok, il-preżentata ta’ appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kontra d-deċiżjoni li tikkonkludi l-istanza li fiha l-persuna kkonċernata tallega li għandha l-kwalità ta’ intervenjenti ma tistax tagħtiha protezzjoni ġudizzjarja suffiċjenti, peress li dan ir-rimedju huwa miftuħ biss għall-partijiet quddiem il-Qorti Ġenerali u l-eżerċizzju ta’ tali rimedju ġudizzjarju ma jippermettix, fi kwalunkwe każ, li tiġi ppreżervata l-utilità ta’ eventwali intervent quddiem il-Qorti Ġenerali, billi jiġi żgurat li tiġi ammessa fi stadju tal-proċedura fejn dan l-intervent jista’ effettivament jikkontribwixxi għall-proċeduri quddiem din il-qorti. |
|
53 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, id-deċiżjoni li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali, billi rrifjutat li tinkludi, fil-proċess ta’ kawża li, wara l-annullament tad-deċiżjoni tagħha, ġiet mibgħuta lura lilha mill-Qorti tal-Ġustizzja, l-osservazzjonijiet ta’ intervenjent fl-appell minħabba li dawn jikkostitwixxu dokument mhux previst mir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, tiċħad impliċitament, b’dan il-mod, lil dan l-intervenjent il-kwalità ta’ intervenjent f’din il-kawża tista’ tkun is-suġġett ta’ appell abbażi tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 57 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. |
|
54 |
Minn dan isegwi li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-Kummissjoni bbażata fuq in-natura tad-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi miċħuda. |
Fuq l‑eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq it‑tardività tal‑preżentata tal‑appell
– Argumenti
|
55 |
Il-Kummissjoni tfakkar li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 57 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jipprovdi li appell minn deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li tiċħad talba għal intervent għandu jiġi ppreżentat f’terminu ta’ ġimagħtejn li jibda jiddekorri min-notifika tad-deċiżjoni ta’ ċaħda. Jekk dan l-appell kellu jiġi kkunsidrat bħala li jaqa’ taħt din id-dispożizzjoni, peress li d-deċiżjoni kkontestata ġiet innotifikata lill-appellant fis‑17 ta’ Diċembru 2021, it-terminu li matulu dan kellu jiġi ppreżentat skada fl‑10 ta’ Jannar 2022. Peress li dan l-appell ġie ppreżentat fit‑28 ta’ Frar 2022, dan għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli. |
|
56 |
Applikazzjoni stretta tar-regoli dwar it-termini proċedurali hija essenzjali sabiex tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali u sabiex tiġi evitata kull diskriminazzjoni jew trattament arbitrarju. |
|
57 |
F’dan il-każ, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-appellanti ma jistgħux jinvokaw l-eżistenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali sabiex jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu ta’ appell. Hija ssostni, b’mod partikolari, li l-kunċett ta’ “żball skużabbli” għandu jiġi interpretat b’mod strett. Issa, l-appellanti ma jistgħux jallegaw li huma ma kinux jafu, qabel ma rċevew l-ittra tar-Reġistratur tal-Qorti Ġenerali tal‑11 ta’ Jannar 2022, li deċiżjoni definittiva kienet ġiet adottata mill-Qorti Ġenerali. Għall-kuntrarju, fin-noti tagħhom huma jirrikonoxxu li din l-ittra sempliċement tikkonferma l-pożizzjoni preċedenti tal-Qorti Ġenerali. Għalhekk ma jistax jiġi kkunsidrat li l-aġir tal-Qorti Ġenerali kien tali li joħloq konfużjoni ammissibbli fil-moħħ ta’ individwu li jaġixxi in bona fide u li juri kwalunkwe diliġenza meħtieġa minn persuna normalment informata. |
|
58 |
Soudal u Esko-Graphics isostnu li l-iżball imwettaq fir-rigward tal-għażla tal-bażi legali tal-appell tagħhom huwa skużabbli. |
|
59 |
Huma jesponu, f’dan ir-rigward, li huma ma kinux, formalment, ippreżentaw talba għal intervent. Barra minn hekk, id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali ma ġietx innotifikata lilhom permezz ta’ digriet. Bl-istess mod, mill-ittri tar-Reġistratur tal-Qorti Ġenerali ma jirriżultax li din tal-aħħar kellha l-intenzjoni tiċħad talba għal intervent. Għaldaqstant, l-aġir tal-Qorti Ġenerali kien ta’ natura li joħloq konfużjoni ammissibbli f’moħħ l-appellanti fir-rigward tat-tip ta’ appell li għandu jitressaq kontra d-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, dawn tal-aħħar aġixxew in bona fide u bid-diliġenza kollha meħtieġa minn operatur normalment avżat, kif turi l-ittra tagħhom tad‑29 ta’ Diċembru 2021. |
|
60 |
Barra minn hekk, Soudal u Esko-Graphics iqisu li t-terminu għall-preżentata ta’ appell beda jiddekorri, f’dan il-każ, minn meta rċieva l-ittra tar-Reġistratur tal-Qorti Ġenerali tal‑11 ta’ Jannar 2022. Fil-fatt, kien biss wara li rċeviet din l-ittra li l-appellanti setgħu jkunu ċerti li r-rifjut li jiġu inklużi fil-proċess tal-Kawża T‑263/16 RENV l-osservazzjonijiet inkwistjoni kien il-konsegwenza mhux ta’ sempliċi żball ta’ evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali, iżda ta’ pożizzjoni deċiża konxjament minnha. Sussidjarjament, l-appellanti jsostnu li d-dewmien osservat fl-introduzzjoni tal-appell tagħhom għandu jitqies li huwa skużabbli, fid-dawl tal-aġir ambigwu li adottat il-Qorti Ġenerali. |
– Kunsiderazzjonijiet
|
61 |
L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 57 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jipprevedi li appell jista’ jitressaq kontra d-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jiċħdu talba għal intervent, f’terminu ta’ ġimagħtejn min-notifika tad-deċiżjoni ta’ ċaħda, minn kull persuna li t-talba tagħha tkun ġiet miċħuda. |
|
62 |
Dan it-terminu ta’ ġimagħtejn għandu jiżdied, skont l-Artikolu 51 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’terminu ta’ għaxart ijiem għal raġuni ta’ distanza. |
|
63 |
F’dan il-każ, wara l-preżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali tal-osservazzjonijiet inkwistjoni, l-appellanti kienu d-destinatarji ta’ żewġ ittri tar-Reġistratur tal-Qorti Ġenerali, datati, rispettivament, is‑6 ta’ Diċembru 2021 u l‑11 ta’ Jannar 2022. |
|
64 |
Mill-punti 31 sa 34 u 53 ta’ dan id-digriet jirriżulta li l-ittra tar-Reġistratur tal-Qorti Ġenerali tas‑6 ta’ Diċembru 2021 għandha tinftiehem bħala li tinkludi d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li tirrifjuta li tirrikonoxxi lill-appellanti l-kwalità ta’ intervenjenti fil-Kawża T‑263/16 RENV, li tista’ tkun is-suġġett ta’ appell skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 57 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. |
|
65 |
Minn dan isegwi li t-terminu għall-preżentata ta’ tali appell beda jiddekorri fit‑18 ta’ Diċembru 2021, l-għada tal-jum tal-kommunikazzjoni ta’ din l-ittra. |
|
66 |
Il-fatt li r-Reġistratur tal-Qorti Ġenerali, b’risposta għal ittra tal-appellanti tad‑29 ta’ Diċembru 2021, bagħtilhom ittra ġdida, bid-data tal‑11 ta’ Jannar 2022, ma jistax jitqies bħala li joħloq terminu ġdid għall-preżentata ta’ appell. |
|
67 |
Fil-fatt, minn naħa, din it-tieni ittra sempliċement “tikkonferma li rċeviet” l-ittra tal-appellanti tad‑29 ta’ Diċembru 2021. Min-naħa l-oħra, anki jekk jitqies li l-ittra tar-Reġistratur tal-Qorti Ġenerali tal‑11 ta’ Jannar 2022 għandha tinqara bħala li tiċħad il-pretensjonijiet espressi mill-appellanti fl-ittra tagħhom tad‑29 ta’ Diċembru 2021, din l-ittra tar-Reġistratur tal-Qorti Ġenerali ma tagħmilx ħlief, fid-dawl tan-natura ta’ dawn il-pretensjonijiet, tikkonferma d-deċiżjoni diġà espressa fl-ittra tar-Reġistratur tal-Qorti Ġenerali tas‑6 ta’ Diċembru 2021. |
|
68 |
Konsegwentement, jidher li dan l-appell ġie ppreżentat wara l-iskadenza tat-terminu. |
|
69 |
F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li tista’ ssir deroga mill-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar it-termini tal-proċedura biss f’ċirkustanzi kompletament eċċezzjonali, ta’ każ fortuwitu jew ta’ forza maġġuri, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 45 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, peress li l-applikazzjoni stretta ta’ dawn ir-regoli tissodisfa r-rekwiżit ta’ ċertezza legali u l-bżonn li tiġi evitata kull diskriminazzjoni jew trattament arbitrarju fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2016, SV Capital vs ABE, C‑577/15 P, EU:C:2016:947, punt 56, kif ukoll id-digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑5 ta’ Lulju 2018,, Müller et vs QH, C‑187/18 P (I), mhux ippubblikat, EU:C:2018:543, punti 20 u 21). |
|
70 |
Barra minn hekk, għalkemm tista’ wkoll issir deroga minn dawn ir-regoli tal-Unjoni fil-każ ta’ żball skużabbli mwettaq minn parti, dan il-kunċett, li għandu jiġi interpretat b’mod strett, ikopri biss ċirkustanzi eċċezzjonali li fihom, b’mod partikolari, l-istituzzjoni kkonċernata kienet adottat aġir tali, waħdu jew b’mod determinanti, li joħloq konfużjoni ammissibbli f’moħħ l-individwu li jaġixxi in bona fide u li juri d-diliġenza kollha meħtieġa minn persuna normalment informata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2016, SV Capital vs ABE, C‑577/15 P, EU:C:2016:947, punt 59, kif ukoll id-digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑5 ta’ Lulju 2018, Müller et vs QH, C‑187/18 P (I), mhux ippubblikat, EU:C:2018:543, punt 42). |
|
71 |
In-natura skużabbli tal-iżball imwettaq minn parti ma tistax għaldaqstant tiġi rrikonoxxuta meta l-iskadenza ta’ terminu ta’ proċedura jirriżulta mill-funzjonament difettuż tas-servizzi tal-parti kkonċernata jew mill-ksur tad-direttivi interni tagħha u lanqas meta tkun inkwistjoni l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni li ma toħloqx diffikultajiet partikolari ta’ interpretazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 1994, Bayer vs Il‑Kummissjoni, C‑195/91 P, EU:C:1994:412, punt 28; digriet tal‑14 ta’ Jannar 2010, Bayer vs Il‑Kummissjoni, C‑112/09 P, EU:C:2010:16, punt 24, kif ukoll id-digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑5 ta’ Lulju 2018, Müller et vs QH, C‑187/18 P (I), mhux ippubblikat, EU:C:2018:543, punt 43). |
|
72 |
Min-naħa l-oħra, din in-natura skużabbli tista’ tiġi rrikonoxxuta f’sitwazzjoni eċċezzjonali fejn il-parti kkonċernata kienet ikkonfrontata, minħabba l-aġir ta’ istituzzjoni u fid-dawl tal-formulazzjoni tar-regoli applikabbli, b’inċertezza reali, b’mod partikolari, fir-rigward tal-identità tal-att li jista’ jiġi kkontestat jew fir-rigward tat-termini li fihom rikors kellu jiġi ppreżentat kontra dan l-att ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Ottubru 1977, Schertzer vs Il‑Parlament, 25/68, EU:C:1977:158, punt 19, u tal‑5 ta’ April 1979, Orlandi vs Il‑Kummissjoni, 117/78, EU:C:1979:109, punt 11). |
|
73 |
Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li n-natura skużabbli ta’ żball tista’ tiġi rrikonoxxuta meta tali sitwazzjoni eċċezzjonali tirriżulta mill-aġir ta’ qorti tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Jannar 2010, SGAE vs Il‑Kummissjoni, C‑112/09 P, EU:C:2010:16, punt 29, kif ukoll id-digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑5 ta’ Lulju 2018, Müller et vs QH, C‑187/18 P(I), mhux ippubblikat, EU:C:2018:543, punt 43). |
|
74 |
F’dan il-każ, għandu, qabel kollox, jiġi rrilevat li r-rifjut tal-Qorti Ġenerali li tirrikonoxxi lil Soudal u lil Esko-Graphics il-kwalità ta’ intervenjent fil-Kawża T‑263/16 RENV, filwaqt li dawn kellhom il-kwalità ta’ intervenjenti fl-appell fil-Kawża C‑337/19 P, jikkostitwixxi, hekk kif irrileva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punt 79 tal-konklużjonijiet tiegħu, ksur ta’ prassi segwita għal żmien twil mill-Qorti Ġenerali u kkonfermata formalment fil-ġurisprudenza tagħha. |
|
75 |
B’mod partikolari, fil-punt 24 tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat‑23 ta’ Marzu 1993, Gill vs Il‑Kummissjoni (T‑43/89, EU:T:1993:24), din iddeċidiet li, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ma kinitx iddeċidiet dwar l-ispejjeż ta’ intervenjent, iżda kienet irrinvijat il-kawża kollha kemm hi quddiem il-Qorti Ġenerali, din l-intervenjenti fl-appell żammet il-kwalità tagħha bħala intervenjenti fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali wara r-rinviju tal-kawża. |
|
76 |
Ċertament, il-Qorti Ġenerali kienet tbiegħdet minn din is-soluzzjoni, fil-punti 23 sa 26 tad-digriet tagħha tas‑16 ta’ Ġunju 2020, Uniwersytet Wrocławski vs REA (T‑137/16 RENV, mhux ippubblikat, EU:T:2020:275). |
|
77 |
Madankollu, huwa kien sussegwentement tenna l-fondatezza tal-imsemmija soluzzjoni fil-punt 65 tas-sentenza tagħha tat‑23 ta’ Settembru 2020, Spanja et vs Il‑Kummissjoni (T‑515/13 RENV u T‑719/13 RENV, EU:T:2020:434), billi rrileva li din kienet ir-riżultat ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u kienet kompatibbli mar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. |
|
78 |
Il-fatt li l-Kummissjoni ppreżentat appell minn din l-aħħar sentenza huwa irrilevanti, sa fejn l-interpretazzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali f’din is-sentenza tar-regoli tal-proċedura tagħha stess setgħet, fi kwalunkwe każ, leġittimament titqies, fid-data li fiha l-appellanti rċevew l-ittra tar-Reġistratur tal-Qorti Ġenerali tas‑6 ta’ Diċembru 2021, bħala li tirrifletti l-prassi segwita fi ħdan din il-qorti. |
|
79 |
Sussegwentement, għandu jiġi enfasizzat li din l-ittra kienet ta’ natura sommarja, peress li ma kinitx tispeċifika b’mod espliċitu li l-Qorti Ġenerali ċaħdet lill-appellanti l-kwalità ta’ intervenjenti, u li hija ma kienet tinkludi, lil hinn minn riferiment ġenerali tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, ebda riferiment għall-bażi tad-deċiżjoni deċiża u lanqas, a fortiori, ma esponiet kif il-Qorti Ġenerali kellha l-intenzjoni li tinterpreta r-regoli proċedurali tagħha stess. |
|
80 |
In-natura sommarja tal-imsemmija ittra għandha titqies li hija, fid-dawl tal-kuntest deskritt fil-punti 74 sa 78 ta’ dan id-digriet, ta’ natura li wasslet għal konfużjoni ammissibbli f’moħħ l-individwu in bona fide fir-rigward tal-portata tal-istess ittra u tal-opportunità li jippreżenta mingħajr dewmien appell mid-deċiżjoni li din tal-aħħar tinkludi. |
|
81 |
F’dan il-kuntest, l-għażla tal-appellanti li jfittxu li jneħħu din il-konfużjoni billi jindirizzaw ruħhom fil-Qorti Ġenerali, permezz tal-ittra tad‑29 ta’ Diċembru 2021, sabiex jissottomettulha argumenti dwar is-sitwazzjoni proċedurali speċifika tagħhom u li jitolbu kjarifika tal-pożizzjoni li kellha l-intenzjoni tadotta fir-rigward ta’ din is-sitwazzjoni, ma tistax titqies bħala għażla li ma kinitx tagħmel persuna normalment informata u diliġenti. |
|
82 |
Fl-aħħar, mill-punti 36 sa 53 ta’ dan id-digriet jirriżulta li l-bażi legali li fuqha huwa bbażat l-appell li għandu jiġi ppreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li tirrifjuta lil intervenjent fl-appell il-kwalità ta’ intervenjent f’kawża li ġiet irrinvijata lill-Qorti Ġenerali mill-Qorti tal-Ġustizzja ma tirriżultax b’mod ċar, fid-data li fiha ġie ppreżentat dan l-appell, mill-formulazzjoni tal-Artikoli 56 u 57 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jew mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
83 |
Id-diffikultà, f’din id-data, li tiġi ddeterminata s-sistema applikabbli għall-appell li jista’ jiġi ppreżentat kontra d-deċiżjoni kkontestata għandha hawnhekk importanza determinanti, sa fejn appell skont l-Artikolu 56 ta’ dan l-istatut għandu jitressaq f’terminu ta’ xahrejn mid-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, filwaqt li dan għandu jsir f’terminu ta’ ġimagħtejn skont l-Artikolu 57 tal-imsemmi statut. |
|
84 |
Mill-elementi kollha esposti fil-punti 74 sa 83 ta’ dan id-digriet jirriżulta li l-iżball imwettaq mill-appellanti fir-rigward tat-terminu li fih kellu jiġi ppreżentat dan l-appell għandu jitqies li huwa skużabbli. |
|
85 |
Għaldaqstant, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-Kummissjoni bbażata fuq it-tardività tal-preżentata tal-appell għandha tiġi miċħuda. |
|
86 |
Għaldaqstant, l-appell għandu jitqies li huwa ammissibbli. |
Fuq il‑mertu
Argumenti
|
87 |
Soudal u Esko-Graphics isostnu, permezz ta’ aggravju uniku, li l-Qorti Ġenerali wettqet żewġ żbalji ta’ liġi relatati, l-ewwel, mar-rifjut li jiġu inklużi fil-proċess tal-Kawża T‑263/16 RENV l-osservazzjonijiet li huma jixtiequ jippreżentaw dwar il-konklużjonijiet li għandhom jinsiltu mis-sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju u Magnetrol International (C‑337/19 P, EU:C:2021:741), u, it-tieni, ir-rifjut li tagħtihom il-kwalità ta’ intervenjenti f’din il-kawża. |
|
88 |
Fl-ewwel lok, mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali jirriżulta li l-Artikolu 217(1) tar-Regoli tal-Proċedura ta’ din il-qorti ma jiddefinixxix il-kunċett ta’ “partijiet fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali” u li din id-dispożizzjoni għalhekk ma teskludix li tali kwalità tista’ tiġi rrikonoxxuta lill-intervenjenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja f’każ ta’ rinviju tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali. Skont din il-ġurisprudenza, Soudal u Esko-Graphics kellhom ikunu jistgħu jippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub fis-sens ta’ dan l-Artikolu 217(1), li huma għamlu fit-termini previsti minn dan l-artikolu. |
|
89 |
Fit-tieni lok, kif qieset il-Qorti Ġenerali b’mod kostanti, huwa fl-interess tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u tal-kontinwità tad-dibattitu kontenzjuż li, meta parti tkun ġiet ammessa tintervjeni f’appell, hija żżomm il-kwalità tagħha ta’ intervenjenti fil-każ ta’ rinviju tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali wara annullament tad-deċiżjoni ta’ din tal-aħħar. Għaldaqstant, l-appellanti kellhom jitqiesu bħala intervenjenti fil-Kawża T‑263/16 RENV, mingħajr ma kellhom iressqu talba għal intervent quddiem il-Qorti Ġenerali. |
|
90 |
Din is-soluzzjoni hija ġġustifikata wkoll, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali, sabiex din tkun tista’ tiddeċiedi dwar l-ispejjeż, meta dawn ikunu ġew irriżervati mill-Qorti tal-Ġustizzja qabel il-kawża inkwistjoni tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali. Issa, dan huwa preċiżament il-każ f’din il-kawża. |
|
91 |
Il-Kummissjoni tqis li l-Qorti Ġenerali kellha raġun tiċħad lill-appellanti l-kwalità ta’ intervenjenti fil-Kawża T‑263/16 RENV. |
|
92 |
Fil-fatt, l-Artikolu 217(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jawtorizza l-preżentata ta’ osservazzjonijiet bil-miktub wara r-rinviju tal-kawża mill-Qorti tal-Ġustizzja lill-Qorti Ġenerali mhux mill-“partijiet fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja” jew il-“partijiet fl-appell”, iżda biss mill-“partijiet fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali”. L-Artikolu 1(2)(ċ) ta’ dawn ir-regoli tal-proċedura jippreċiża l-portata ta’ dan l-Artikolu 217(1) billi jiddefinixxi l-kliem “partijiet” u “parti” bħala li jirreferu għal “kull parti fil-kawża, inklużi l-intervenjenti”. |
|
93 |
Peress li l-appellanti ma jistgħux jinvokaw il-kwalità ta’ “parti fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali”, il-fatt li jekk jintlaqa’ dan l-appell, dan l-appell iwassal sabiex tinħoloq kategorija ta’ intervenjenti sui generis, li la hija suġġetta għall-osservanza tat-terminu previst fl-Artikolu 143(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali u lanqas tal-kundizzjonijiet imposti mill-Artikolu 143(2) ta’ dawn ir-Regoli tal-Proċedura. Jekk l-intervent ta’ tali partijiet jiġi aċċettat, il-Kummissjoni ma jkollhiex għalhekk il-possibbiltà li tirrispondi għall-osservazzjonijiet ippreżentati minnhom. Barra minn hekk, tali soluzzjoni twassal, fil-prattika, sabiex jiġu evitati l-miżuri ta’ sospensjoni ta’ ċerti proċeduri adottati sabiex tippermetti n-nomina u t-trattament prijoritarju ta’ kawżi “piloti”. |
|
94 |
Barra minn hekk, il-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali li għaliha jirreferu l-appellanti tillimita ruħha għal żewġ deċiżjonijiet, l-iktar reċenti fosthom li huma s-suġġett ta’ appell li fil-kuntest tiegħu l-Kummissjoni tikkontesta l-kwalità ta’ intervenjent quddiem il-Qorti Ġenerali ta’ intervenjent fl-appell. Is-sitwazzjoni tal-appellanti hija distinta, barra minn hekk, minn dik tal-partijiet inkwistjoni fil-kawżi li taw lok għal dawn iż-żewġ deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali. |
Kunsiderazzjonijiet
|
95 |
L-Artikolu 1(2) (ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jipprovdi li t-termini “parti” u “partijiet”, użati mingħajr indikazzjoni oħra, jindikaw, għall-finijiet ta’ dawn ir-regoli tal-proċedura, kull parti fil-kawża, inklużi l-intervenjenti. |
|
96 |
Madankollu, din id-dispożizzjoni ta’ portata ġenerali ma tippreċiżax il-każijiet li fihom il-Qorti Ġenerali għandha tirrikonoxxi lil persuna l-kwalità ta’ intervenjent quddiemha. |
|
97 |
F’dan ir-rigward, għalkemm l-Artikoli 142 sa 145 tal-imsemmija regoli tal-proċedura jirregolaw is-sistema ta’ intervent quddiem il-Qorti Ġenerali, billi jiffissaw ir-regoli dwar il-preżentazzjoni tat-talbiet għal intervent u għall-eżami tagħhom, huma ma jittrattawx il-kwalità li għandha tiġi rrikonoxxuta lill-persuni li ġew ammessi mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jintervjenu f’kawża fl-istadju tal-appell, meta l-Qorti tal-Ġustizzja qieset l-appell fondat, annullat id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali u bagħtet lura l-kawża lil din tal-aħħar sabiex din tiddeċidiha. |
|
98 |
Bl-istess mod, l-Artikoli 217 u 218 tal-istess regoli tal-proċedura, li għandhom l-għan li jiddeterminaw l-iżvolġiment tal-proċedura u r-regoli applikabbli għaliha fil-proċeduri li saru wara l-annullament ta’ deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali u rinviju tal-kawża għal din tal-aħħar, lanqas ma jinkludu regola li tispeċifika l-istatus, f’tali proċeduri, tal-intervenjenti fl-appell. |
|
99 |
F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li, kif jenfasizzaw l-appellanti, l-eżami mill-Qorti Ġenerali ta’ kawża wara deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali u li tibgħat lura din il-kawża lil din tal-aħħar jinsab fil-kontinwità tal-proċedura ta’ appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
100 |
Din il-kontinwità hija riflessa espliċitament fir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. L-ewwel nett, mill-Artikolu 215 ta’ dawn ir-regoli tal-proċedura jirriżulta li l-Qorti Ġenerali hija direttament adita bid-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali u tibgħatilha lura l-kawża għas-sentenza. Sussegwentement, skont l-Artikolu 217 tal-imsemmija regoli tal-proċedura, it-terminu mogħti sabiex jiġu ppreżentati osservazzjonijiet dwar il-konklużjonijiet li għandhom jinsiltu għas-soluzzjoni tat-tilwima minn din id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jibda jiddekorri min-notifika tal-imsemmija deċiżjoni. Fl-aħħar nett, l-Artikolu 219 tal-istess regoli tal-proċedura jipprevedi li l-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż relatati mhux biss mal-proċeduri mibdija quddiem il-Qorti Ġenerali iżda wkoll mal-proċedura tal-appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
101 |
Barra minn hekk, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, fil-każ ta’ annullament mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali u ta’ rinviju tal-kawża quddiemha, il-Qorti Ġenerali hija marbuta mill-punti ta’ liġi deċiżi bid-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
102 |
Konsegwentement, hija l-Qorti Ġenerali, waqt l-eżami mill-ġdid tar-rikors tal-ewwel istanza mwettaq wara r-rinviju tal-kawża quddiemha, li għandha tiddetermina l-konsegwenzi, għall-eżitu tal-kawża bejn il-partijiet, tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi l-appell. |
|
103 |
Il-preżentazzjoni, f’tali kuntest, ta’ osservazzjonijiet mill-partijiet, awtorizzata mill-Artikolu 217 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, għandha preċiżament l-għan li tippermettilhom jesponu l-pożizzjoni tagħhom fir-rigward ta’ dawn il-konsegwenzi fuq l-eżitu ta’ din it-tilwima u li jikkompletaw l-informazzjoni tal-Qorti Ġenerali f’dan ir-rigward. |
|
104 |
Għalhekk, din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex tiżgura, bħall-Artikolu 172 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, li jawtorizza lil kull parti fil-kawża inkwistjoni quddiem il-Qorti Ġenerali li jkollha interess li tilqa’ jew tiċħad l-appell sabiex tippreżenta risposta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-kontinwità tad-dibattitu kontenzjuż waqt it-trattament tal-istess kawża quddiem il-qrati tal-Unjoni. |
|
105 |
Issa, fl-ewwel lok, ir-rikonoxximent mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-kwalità ta’ intervenjent lil persuna jippreżupponi, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li din il-persuna setgħet tiġġustifika interess fis-soluzzjoni tat-tilwima mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
106 |
Għaldaqstant, il-fatt li intervenjent fl-appell jiġi rrifjutat il-kwalità ta’ intervenjent quddiem il-Qorti Ġenerali meta l-kawża ġiet mibgħuta lura lill-Qorti Ġenerali mill-Qorti tal-Ġustizzja għandu bħala konsegwenza, sa fejn din il-persuna ma tkunx iktar f’pożizzjoni li tressaq talba għal intervent quddiem il-Qorti Ġenerali minħabba r-raġuni esposta fil-punt 41 ta’ dan id-digriet, li ċċaħħad lill-imsemmija persuna minn kull possibbiltà li tippreżenta osservazzjonijiet quddiem il-Qorti Ġenerali dwar il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu minn deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li madankollu affettwat l-interessi tagħha. |
|
107 |
It-tieni paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jipprevedi barra minn hekk li l-persuni li jiġġustifikaw interess jistgħu jintervjenu fil-“proċedimenti”. Issa, kif jirriżulta mill-Artikoli 55 u 56 ta’ dan l-istatut, għall-inqas fil-verżjoni tagħhom bil-lingwa Franċiża il-kunċett ta’ “proċediment”, sa fejn jirrigwarda t-tilwima bejn il-partijiet, huwa differenti minn dak ta’ “kwistjonijiet”, li tikkonċerna l-proċedura pendenti quddiem il-qorti adita bil-kawża. |
|
108 |
Ċertament, ma jistax jiġi kompletament eskluż li, f’ċerti każijiet, b’mod partikolari meta l-Qorti tal-Ġustizzja tkun iddeċidiet b’mod definittiv dwar ċerti aspetti ta’ kawża qabel ma tiġi mibgħuta lura lill-Qorti Ġenerali, intervenjent fl-appell ma jkollux iktar interess fis-soluzzjoni tat-tilwima quddiem il-Qorti Ġenerali. Madankollu, dan il-fatt ma jistax, waħdu, jiġġustifika li intervenjent fl-appell ma jistax jiġi rrikonoxxut bħala intervenjent f’kawża li ġiet mibgħuta lura lill-Qorti Ġenerali mill-Qorti tal-Ġustizzja, peress li huma l-qrati tal-Unjoni li għandhom jivverifikaw, matul il-proċedura, li l-interess li jkun iġġustifika intervent jippersisti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 1999, Hüls vs Il‑Kummissjoni, C‑199/92 P, EU:C:1999:358, punti 52 sa 55). |
|
109 |
F’dan il-każ, kif jenfasizzaw l-appellanti, it-talba tagħhom għal intervent quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ntlaqgħet minħabba li huma kellhom interess li l-annullament ex tunc u erga omnes tad-deċiżjoni kontenzjuża deċiża mill-Qorti Ġenerali jsir definittiv (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑15 ta’ Ottubru 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju u Magnetrol International, C‑337/19 P, mhux ippubblikat, EU:C:2019:915, punt 17), annullament li jikkostitwixxi preċiżament is-suġġett tal-proċedura fil-Kawża T‑263/16 RENV li fiha l-appellanti jallegaw li jistgħu jintervjenu. |
|
110 |
Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li s-soluzzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali fid-deċiżjoni kkontestata twassal sabiex il-kontinwità tad-dibattitu kontenzjuż f’kawża tiddependi fuq il-portata tal-effetti tal-ammissjoni ta’ parti sabiex tintervjeni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tad-deċiżjoni ta’ din tal-aħħar, meħuda skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li hija stess tiddeċiedi definittivament il-kawża jew, għall-kuntrarju, li tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali. |
|
111 |
Fil-fatt, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 87 tal-konklużjonijiet tiegħu, meta l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi b’mod definittiv dwar il-kawża, iktar milli tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, l-intervenjent fl-appell jista’ jsostni l-argumenti tiegħu quddiem il-qorti tal-Unjoni mitluba tiddeċiedi fuq ir-rikors fl-ewwel istanza, meta jkun imċaħħad minn tali fakultà fil-każ li l-kawża tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali. |
|
112 |
Fit-tielet lok, is-soluzzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali tidher iktar u iktar li tista’ taffettwa l-kontinwità tad-dibattitu kontenzjuż quddiem il-qrati tal-Unjoni li l-intervenjent għandu jkun jista’ jipparteċipa mill-ġdid, fl-osservanza tal-kundizzjonijiet iddefiniti mill-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u mid-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja biss, fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja f’każ ta’ appell minn deċiżjoni ġdida tal-Qorti Ġenerali meħuda wara li tintbagħat lura l-kawża quddiemha mill-Qorti tal-Ġustizzja u għalhekk tkun imġiegħla tipparteċipa b’mod intermittenti fil-proċeduri quddiem il-qrati tal-Unjoni Ewropea fil-kuntest tal-istess tilwima. |
|
113 |
Fir-raba’ lok, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, jgħid li meta l-appell ikun infondat jew meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. |
|
114 |
Jirriżulta, a contrario, minn din id-dispożizzjoni li, meta l-appell ikun fondat iżda l-Qorti tal-Ġustizzja tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, din ma tiddeċidix fuq l-ispejjeż. |
|
115 |
F’każ bħal dan, hija neċessarjament il-Qorti Ġenerali li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż relatati mal-proċedura tal-appell, kif barra minn hekk jipprevedi espressament l-Artikolu 219 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha. |
|
116 |
Għaldaqstant, iċ-ċaħda lil intervenjent fl-appell tal-kwalità ta’ intervenjent f’kawża li ġiet mibgħuta lura lill-Qorti Ġenerali mill-Qorti tal-Ġustizzja timplika, meta jkunu ġew ippreżentati talbiet lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkundanna lil parti oħra għall-ispejjeż ta’ dan l-intervenjent jew sabiex tikkundanna lil dan tal-aħħar għall-ispejjeż ta’ parti oħra, jew li dawn it-talbiet ma jiġux eżaminati minn qorti tal-Unjoni, jew li l-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi dwar talbiet relatati ma’ persuna li ma hijiex parti fil-proċedura quddiemha u għalhekk ma setgħetx tiddefendi t-talbiet tagħha matul din il-proċedura. |
|
117 |
Kif inhu ġustament il-każ fil-kawża preżenti. |
|
118 |
Fil-fatt, f’dan il-każ, il-Kummissjoni talbet li l-appellanti jiġu kkundannati għall-ispejjeż relatati mal-proċedura tal-appell fil-Kawża C‑337/19 P. |
|
119 |
Peress li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju u Magnetrol International (C‑337/19 P, EU:C:2021:741), irriżervat l-ispejjeż, il-Qorti Ġenerali hija mitluba, kif isostnu l-appellanti, tiddeċiedi, waqt l-eżami tal-Kawża T‑263/16 RENV, fuq it-tqassim tal-ispejjeż relatati mal-proċedura tal-appell fil-Kawża C‑337/19 P. |
|
120 |
Fil-ħames lok, l-argumenti mressqa mill-Kummissjoni kontra r-rikonoxximent lil intervenjent fl-appell tal-kwalità ta’ intervenjent f’kawża li ġiet irrinvijata lill-Qorti Ġenerali mill-Qorti tal-Ġustizzja ma jistgħux jintlaqgħu. |
|
121 |
Għalhekk, qabel kollox, għalkemm ir-rikonoxximent tal-kwalità ta’ intervenjent quddiem il-Qorti Ġenerali lil intervenjenti fl-appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma huwiex irregolat mir-regoli previsti fl-Artikolu 143 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, ma jistax madankollu jitqies li tali intervent quddiem il-Qorti Ġenerali huwa awtorizzat lil hinn minn kull rekwiżit sostantiv jew formali. Fil-fatt, il-persuna kkonċernata għandha tkun ġiet ammessa minn qabel mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tintervjeni quddiemha, fil-kundizzjonijiet iddefiniti mill-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u mid-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
122 |
Sussegwentement, il-fatt li din is-soluzzjoni tippermetti lil parti tissottometti osservazzjonijiet li l-partijiet l-oħra fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali ma jistgħux iwieġbu għalihom huwa irrilevanti, peress li, minn naħa, ir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali ma jikkonferixxux, b’mod ġenerali, dritt li tirrispondi għall-osservazzjonijiet ippreżentati skont l-Artikolu 217 ta’ dawn ir-regoli tal-proċedura u, min-naħa l-oħra, li l-Artikolu 217(3) tal-imsemmija regoli tal-proċedura jipprevedi madankollu li, jekk iċ-ċirkustanzi jiġġustifikawha, tiġi awtorizzata l-preżentata ta’ noti addizzjonali ta’ osservazzjonijiet bil-miktub. |
|
123 |
Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni li l-fatt li tiġi rrikonoxxuta l-kwalità ta’ intervenjent quddiem il-Qorti Ġenerali lil intervenjent fl-appell, li huwa wkoll rikorrent f’kawża sospiża minn din il-qorti fil-kuntest tal-ħatra ta’ kawża “pilota”, iwassal sabiex tiġi evitata din id-deċiżjoni ta’ sospensjoni, għandu jiġi rrilevat li tali deċiżjoni ta’ sospensjoni ma jistax ikollha l-effett li tostakola l-ammissjoni tal-intervent ta’ dan ir-rikorrent quddiem qorti tal-Unjoni, meta dan l-intervent għandu jiġi awtorizzat skont l-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (ara, f’dan is-sens, digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Ottubru 2019, Il‑Kummissjoni vs Il-Belġju u Magnetrol InternationalC‑337/19 P, mhux ippubblikata, EU:C:2019:915, punti 14 u 18 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata. |
|
124 |
Fid-dawl tal-elementi preċedenti, għandu jitqies li dan l-Artikolu 40, ir-rispett tad-drittijiet proċedurali ggarantiti lill-intervenjenti mir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali u l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja jimponu, fil-kuntest ta’ artikolazzjoni koerenti tal-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali, li intervenjent fl-appell igawdi ipso jure mill-kwalità ta’ intervenjent quddiem il-Qorti Ġenerali, meta kawża tiġi rrinvijata lil din il-qorti wara l-annullament mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali. |
|
125 |
Issa, f’dan il-każ, huwa paċifiku, minn naħa, li, permezz tad-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑15 ta’ Ottubru 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju u Magnetrol International, (C‑337/19 P, mhux ippubblikat, EU:C:2019:915), Soudal u Esko-Graphics ġew ammessi jintervjenu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C‑337/19 P u li, min-naħa l-oħra, permezz tas-sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju u Magnetrol International (C‑337/19 P, EU:C:2021:741), il-Qorti tal-Ġustizzja annullat is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑14 ta’ Frar 2019, Il‑Belġju u Magnetrol International vs Il‑Kummissjoni (T‑131/16 u T‑263/16, EU:T:2019:91) u tibgħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali l-Kawżi T‑131/16 u T‑263/16, sabiex tiddeċidihom fuq xi wħud mill-motivi ppreżentati f’dawn il-kawżi. |
|
126 |
Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ċaħdet lill-appellanti l-kwalità ta’ intervenjent quddiemha fil-Kawża T‑263/16 RENV. |
|
127 |
Għaldaqstant, il-motiv waħdieni mqajjem mill-appellanti għandu jiġi milqugħ u d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata. |
Fuq il‑proċedura quddiem il‑Qorti Ġenerali
|
128 |
Konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, meta l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, hija tista’ jew tiddeċiedi definittivament il-kawża hija stess, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tagħti deċiżjoni. |
|
129 |
F’dan il-każ, mill-punti 124 sa 126 ta’ dan id-digriet jirriżulta li Soudal u Esko-Graphics għandhom, ipso jure, il-kwalità ta’ intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali f’din il-kawża u għandhom, konsegwentement, id-drittijiet kollha inerenti għal din il-kwalità, b’mod partikolari dak li jippreżentaw osservazzjonijiet skont l-Artikolu 217(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. |
|
130 |
Għaldaqstant, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tadotta l-miżuri proċedurali li jirriżultaw mill-imsemmija kwalità. |
Fuq l‑ispejjeż
|
131 |
Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. |
|
132 |
Skont l-Artikolu 138(1) tal-istess Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. |
|
133 |
Issa, għalkemm il-Kummissjoni tilfet, Soudal u Esko-Graphics ma talbux li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż. Għaldaqstant, kull waħda mill-partijiet għandha tbati l-ispejjeż tagħha relatati mal-proċedura tal-appell. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tordna: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.