|
20.8.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 273/1 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1206
tad-19 ta’ Awwissu 2020
li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1323 dwar miżuri eċċezzjonali ta’ appoġġ għas-suq għas-setturi tal-bajd u tal-laħam tat-tjur fl-Italja
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 220(1)(a) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Fil-kuntest tat-tifqigħat ta’ influwenza tat-tjur fl-Italja, il-Kummissjoni adottat żewġ Regolamenti dwar miżuri eċċezzjonali ta’ appoġġ għas-suq. Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1506 (2) ikopri t-tifqigħat bejn it-30 ta’ April 2016 u t-28 ta’ Settembru 2017 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1323 (3) ikopri t-tifqigħat bejn l-1 ta’ Ottubru 2017 u t-30 ta’ Ġunju 2018. |
|
(2) |
L-Italja għarrfet lill-Kummissjoni li matul l-applikazzjoni ta’ dawk ir-Regolamenti għadd ta’ azjendi li kienu affettwati mit-tifqigħat qabel it-28 ta’ Settembru 2017 u li ġew ikkumpensati fil-qafas tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1506 ġew affettwati wkoll minn restrizzjonijiet veterinarji fil-forma ta’ għeluq obbligatorju kontinwu u telf ekonomiku li rriżulta wara t-28 ta’ Settembru 2017 u li jaqgħu fil-perjodu ta’ żmien kopert mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1323. |
|
(3) |
Il-Kummissjoni rċeviet talba formali mill-Italja biex tinkludi dawk l-impriżi fl-ambitu tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1323 biex tippermetti kumpens tat-telf ekonomiku kontinwu tagħhom lil hinn mit-28 ta’ Settembru 2017. Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1506 illimita l-eliġibbiltà għall-finanzjament parzjali mill-Unjoni għan-nefqa li ħallset l-Italja lill-benefiċjarji sat-30 ta’ Settembru 2019 filwaqt li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1323 għadu jippermetti pagamenti sat-30 ta’ Settembru 2020. |
|
(4) |
Għalhekk, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1323 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan. |
|
(5) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma bi qbil mal-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Artikolu 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1323 huwa sostitwit kif ġej:
“Artikolu 1
L-Unjoni għandha tipprovdi finanzjament parzjali ekwivalenti għal 50 % tan-nefqa mġarrba mill-Italja biex tappoġġa s-suq tal-bajd għat-tifqis, tal-bajd għall-konsum u tal-laħam tat-tjur li ġew affettwati serjament mill-45 tifqigħa tal-influwenza tat-tjur b’patoġeniċità għolja tas-sottotip H5 li ġew identifikati u nnotifikati mill-Italja bejn l-1 ta’ Ottubru 2017 u t-30 ta’ Ġunju 2018 u t-tifqigħat innotifikati mill-Italja bejn l-20 ta’ Lulju 2017 u t-28 ta’ Settembru 2017 li wasslu għall-għeluq obbligatorju tal-azjendi wara t-28 ta’ Settembru 2017.”.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Awwissu 2020.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.
(2) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1506 tal-10 ta’ Ottubru 2018 dwar miżuri eċċezzjonali ta’ appoġġ għas-suq għas-setturi tal-bajd u tal-laħam tat-tjur fl-Italja (ĠU L 255, 11.10.2018, p. 1).
(3) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1323 tat-2 ta’ Awwissu 2019 dwar miżuri eċċezzjonali ta’ appoġġ għas-suq għas-setturi tal-bajd u tal-laħam tat-tjur fl-Italja (ĠU L 206, 6.8.2019, p. 12).