SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It‑Tieni Awla)

4 ta’ Ġunju 2026 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Politika tal-ażil – Proċeduri komuni għall-għoti u għall-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2013/32/UE – Artikolu 46 – Dritt għal rimedju effettiv – Eżami sħiħ u ex nunc – Portata tas-setgħat tal-qorti tal-ewwel istanza – Eżami tal-fatti mill-qorti tal-ewwel istanza – Eżami mill-qorti tal-ewwel istanza tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni internazzjonali”

Fil-Kawża C‑198/25 [Quotal] ( i ),

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-rechtbank Den Haag, zittingsplaats Zwolle (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, sedenti fi Zwolle, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tal‑11 ta’ Marzu 2025, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑11 ta’ Marzu 2025, fil-proċedura

S

vs

Minister van Asiel en Migratie,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It‑Tieni Awla),

komposta minn K. Jürimäe, Presidenta tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Mħallef tat-Tieni Awla, F. Schalin, M. Gavalec (Relatur) u Z. Csehi, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,

Reġistratur: A. Lamote, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑27 ta’ Ottubru 2025,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għal S, minn S. Rafi, experte, u G. P. G. Willemse‑Schoenmakers, advocate,

–

għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn A. Hanje u J. Langer, bħala aġenti,

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Blanc, M. Debieuvre u F. van Schaik, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60), waħdu jew moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, S, ċittadin Pakistani u, min-naħa l-oħra, il-Minister van Asiel en Migratie (il-Ministru għall-Ażil u għall-Migrazzjoni, il-Pajjiżi l-Baxxi) (iktar ’il quddiem il-“Ministru”), dwar id-deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar li ċaħdet l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn S.

Il-kuntest ġuridiku

Id-Direttiva 2011/95/UE

3

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9), bit-titolu “Eżami ta’ fatti u ċirkostanzi” jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri jistgħu jqisuh bħala d-dmir tal-applikant li jissottometti kemm jista’ jkun malajr l-elementi kollha meħtieġa biex tiġi sostanzjata l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. F’kooperazzjoni mal-applikant huwa d-dmir tal-Istat Membru li jeżamina l-elementi rilevanti tal-applikazzjoni.

2.   L-elementi msemmija fil-paragrafu 1 jikkonsistu mid-dikjarazzjonijiet tal-applikant u d-dokumentazzjoni kollha għad-dispożizzjoni tal-applikant rigward l-età tal-applikant, l-isfond, inkluż dawk ta’ qraba rilevanti, l-identità, in-nazzjonalità(jiet), il-pajjiż(i) u l-post(ijiet) ta’ residenza ta’ qabel, l-applikazzjonijiet ta’ ażil preċedenti, ir-rotot ta’ vjaġġar, id-dokumenti ta’ vjaġġar u r-raġunijiet għall-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

3.   L-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali trid titwettaq fuq bażi individwali u tinkludi kunsiderazzjoni ta’:

(a)

il-fatti kollha rilevanti kif jirrelataw mal-pajjiż ta’ oriġini fil-mument tat-teħid ta’ deċiżjoni fuq l-applikazzjoni, inkluż liġijiet u regolamenti tal-pajjiż tal-oriġini u l-manjiera li biha jiġu applikati;

(b)

id-dikjarazzjonijiet u d-dokumentazzjoni rilevanti preżentati mill-applikant inkluż informazzjoni dwar jekk l-applikant kienx jew jistax jiġi suġġett għal persekuzzjoni jew periklu serju;

(c)

il-pożizzjoni individwali u ċ-ċirkostanzi personali tal-applikant, inkluż fatturi bħal ma huma l-ambjent minn fejn ikun ġej, is-sess u l-età, sabiex jiġi stmat jekk, fuq il-bażi taċ-ċirkostanzi personali tal-applikant, l-atti li għalihom l-applikant kien jew jista’ jiġi espost ikunu jammontaw għal persekuzzjoni jew periklu serju;

(d)

jekk l-attivitajiet tal-applikant minn meta jkun telaq mill-pajjiż ta’ oriġini kinux għall-għan waħdieni jew ewlieni li jinħolqu l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, sabiex jiġi stmat jekk dawk l-attivitajiet jesponux lill-applikant għal persekuzzjoni jew periklu serju jekk jiġi ritornat lejn dak il-pajjiż;

(e)

jekk l-applikant ikun mistenni b’mod raġonevoli li japprofitta ruħu mill-protezzjoni ta’ pajjiż ieħor fejn ikun jista’ jiddikjara ċ-ċittadinanza.

4.   Il-fatt li applikant diġà kien suġġett għal persekuzzjoni jew periklu serju jew għal theddid dirett għal din il-persekuzzjoni jew dan il-periklu, huwa indikazzjoni serja tal-biża’ ġustifikat ta’ persekuzzjoni jew ir-riskju veru li jsofri dannu serju, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet tajbin li jista’ jitqies li din il-persekuzzjoni jew dan id-dannu serju ma jiġix ripetut.

5.   Fejn Stati Membri japplikaw il-prinċipju skont liema huwa d-dmir tal-applikant li jissostanzja l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u fejn aspetti tad-dikjarazzjonijiet tal-applikant mhumiex appoġġjati minn xhieda dokumentarja jew xhieda oħra, dawk l-aspetti m’għandhomx jeħtieġu konferma, meta jintlaħqu l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-applikant ikun għamel sforz ġenwin sabiex jissostanzja l-applikazzjoni tiegħu;

(b)

l-elementi rilevanti kollha għad-dispożizzjoni tal-applikant ikunu ġew sottomessi, u spjegazzjoni sodisfaċenti li tirrigwarda nuqqas ta’ elementi rilevanti oħra tkun ingħatat;

(c)

id-dikjarazzjonijiet tal-applikant jinstabu li huma koerenti u plawsibbli u ma jmorrux kontra informazzjoni speċifika u ġenerali rilevanti għall-każ tal-applikant;

(d)

l-applikant ikun applika għal protezzjoni internazzjonali kmieni kemm jista’ jkun, sakemm l-applikant [ma jkunx] jista’ jagħti raġuni tajba għaliex ma jkunx għamel dan; u

(e)

il-kredibilità ġenerali tal-applikant tkun ġiet stabbilita.”

Id-Direttiva 2013/32

4

Il-premessi 16, 18, 22 u 34 tad-Direttiva 2013/32 huma fformulati kif ġej:

“(16)

Huwa essenzjali li d-deċiżjonijiet dwar l-applikazzjonijiet kollha għall-protezzjoni internazzjonali jittieħdu abbażi tal-fatti u, fl-istadju ta’ prima istanza, minn awtoritajiet li l-persunal tagħhom ikollu l-informazzjoni adegwata jew ikun irċieva t-taħriġ meħtieġ fil-qasam ta’ kwistjonijiet ta’ protezzjoni internazzjonali.

[…]

(18)

Huwa fl-interessi ta’ kemm l-Istati Membri kif ukoll tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali li deċiżjoni tittieħed malajr kemm jista’ jkun dwar l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali, mingħajr preġudizzju għat-twettiq ta’ eżami xieraq u komplut.

[…]

(22)

Huwa wkoll fl-interess ta’ kemm l-Istati Membri kif ukoll tal-applikanti biex jiżguraw fl-ewwel istanza rikonoxximent korrett tal-ħtiġijiet tal-protezzjoni internazzjonali. Għal dak l-għan, l-applikanti għandhom jiġu pprovduti, fl-ewwel istanza u mingħajr ħlas, b’informazzjoni legali u proċedurali, b’kunsiderazzjoni taċ-ċirkostanzi partikolari tagħhom. Id-dispożizzjoni ta’ tali informazzjoni għandha inter alia tippermetti l-applikanti biex jifhmu aħjar il-proċedura, u b’hekk tgħinhom jikkonformaw mal-obbligi rilevanti. Ma jkunx proporzjonat li kieku l-Istati Membri jkunu meħtieġa jipprovdu tali informazzjoni permezz tas-servizzi ta’ avukati kkwalifikati biss. Għalhekk l-Istati Membri għandhom ikollhom il-possibbiltà li jużaw l-iktar mezzi xierqa biex jipprovdu tali informazzjoni, bħal pereżempju permezz ta’ organizzazzjonijiet mhux governattivi jew professjonisti mill-awtoritajiet tal-gvern jew servizzi speċjalizzati tal-Istat.

[…]

(34)

Il-proċeduri għall- eżami tal-ħtiġijiet tal-protezzjoni internazzjonali għandhom ikunu tali li jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti jwettqu eżami bir-reqqa tal-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali.”

5

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, bit-titolu “Definizzjonijiet”, jipprevedi, fil-punt (f) tiegħu:

“‘awtorità determinanti’ tfisser kwalunkwe korp semi-ġudizzjarju jew amministrattiv fi Stat Membru responsabbli sabiex jeżamina applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali, u kompetenti sabiex jieħu fl-ewwel istanza deċiżjonjiet f’tali każijiet”.

6

L-Artikolu 46 tal-imsemmija direttiva, bit-titolu “Id-dritt għal rimedju effettiv”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikanti jkollhom id-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti jew tribunal, kontra dawn li ġejjin:

(a)

deċiżjoni meħuda dwar l-applikazzjoni tagħhom għall-protezzjoni internazzjonali, inkluża deċiżjoni:

(i)

li tikkunsidra applikazzjoni bħala bla bażi fir-rigward ta’ status ta’ rifuġjat u/jew status ta’ protezzjoni sussidjarja,

[…]

3.   Sabiex ikunu konformi mal-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li rimedju effettiv jipprovdi għal eżami sħiħ u ex nunc ta’ kemm il-fatti kif ukoll il-punti tal-liġi, inkluż fejn applikabbli eżami tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva [2011/95], ta’ mill-inqas fi proċeduri ta’ appell quddiem qorti jew tribunal ta’ prima istanza.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

7

S, ċittadin Pakistani, ippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fil-Pajjiżi l-Baxxi. Insostenn ta’ din l-applikazzjoni, huwa sostna b’mod partikolari li, fi tmiem is-sena 2003 jew fil-bidu tas-sena 2004, huwa kien ġie ttorturat fil-Pakistan għal għaxra sa tnax‑il jum, taħt sorveljanza tal-pulizija, wara t-telf tal-karta tal-identità tiegħu. Huwa invoka wkoll maltrattamenti gravi, li kien suġġett għalihom, sena qabel ma telaq mill-Pakistan, fl‑2004, mid-dixxipli tar-reliġjuż M u mill-abitanti tad-distrett tiegħu minħabba t-twemmin reliġjuż tiegħu.

8

Permezz ta’ deċiżjoni tal‑20 ta’ Diċembru 2023, il-Ministru ċaħad l-imsemmija applikazzjoni. Huwa qies li r-rendikont ippreżentat insostenn tal-istess applikazzjoni kien, fil-parti l-kbira, kredibbli, iżda qies li l-karatteristika ta’ apostat ma kinitx ġiet attribwita lil S. Barra minn hekk, minkejja li dan tal-aħħar kien diġà ġarrab danni gravi fil-passat, il-Ministru indika li kienu jeżistu raġunijiet sabiex wieħed jaħseb li S ma kellux jibża’ li jiġi ppersegwitat jew li ma kienx hemm riskju reali li huwa jġarrab danni gravi fil-każ ta’ ritorn lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu. Barra minn hekk, il-Ministru qies li d-dikjarazzjonijiet ta’ S dwar it-tluq tiegħu mill-Pakistan u l-ħarba tiegħu ma kinux, essenzjalment, kredibbli.

9

S appella minn din id-deċiżjoni quddiem ir-rechtbank Den Haag, zittingsplaats Zwolle (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, sedenti fi Zwolle, il-Pajjiżi l-Baxxi), li hija l-qorti tar-rinviju. Dik il-qorti, permezz ta’ sentenza interlokutorja tat‑13 ta’ Awwissu 2024, iddeċidiet li l-imsemmija deċiżjoni ma kinitx suffiċjentement motivata u tat l-opportunità lill-Ministru jirrimedja din l-insuffiċjenza.

10

B’mod partikolari, l-imsemmija qorti qieset li l-Ministru ma kienx indika b’mod suffiċjenti r-raġunijiet li għalihom huwa kien qies li l-oriġini ta’ S, il-problemi invokati minnu, b’mod partikolari, mal-awtoritajiet, wara t-telf tal-karta tal-identità tiegħu u l-problemi li huwa allega li ltaqa’ magħhom minħabba t-twemmin reliġjuż tiegħu ma kinux meqjusa kredibbli. Fl-aħħar nett, l-istess qorti lmentat li l-Ministru ma ssostanzjax biżżejjed ir-raġunijiet li għalihom il-problemi, meqjusa kredibbli, li S kien iltaqa’ magħhom fid-distrett tiegħu minħabba l-aġir tiegħu u l-pożizzjoni tiegħu ma kinux jippermettu li huwa jiġi kklassifikat bħala apostat.

11

Fit‑8 ta’ Ottubru 2024, il-Ministru adotta deċiżjoni addizzjonali. Il-qorti tar-rinviju tqis li l-motivazzjoni ta’ din id-deċiżjoni hija wkoll insuffiċjenti. Barra minn hekk, hija tqis li d-dikjarazzjonijiet ta’ S huma kredibbli u li, abbażi ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet, huwa għandu jibbenefika mill-protezzjoni internazzjonali.

12

Madankollu, dik il-qorti tindika li, skont il-ġurisprudenza nazzjonali, hija ma għandhiex il-kompetenza tiddeċiedi hija stess dwar il-kredibbiltà tar-rendikont tal-ażil ta’ S u lanqas dwar l-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet li għalihom huwa suġġett l-għoti tal-protezzjoni internazzjonali.

13

Għalhekk, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Afdeling bestuursrechtspraak van de Raad van State (it-Taqsima tal-Kontenzjuż Amministrattiv tal-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi), meta hija tiddeċiedi li deċiżjoni tal-Ministru li tiċħad applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ma kinitx suffiċjentement motivata fuq il-livell tal-kredibbiltà tar-rendikont ippreżentat insostenn ta’ din l-applikazzjoni, hija la tista’ tiddeċiedi hija stess dwar il-kredibbiltà ta’ dan ir-rendikont u lanqas ma tista’ tiddeċiedi hija stess dwar l-imsemmija applikazzjoni, b’tali mod li hija għandha tillimita ruħha tannulla din id-deċiżjoni u tibgħat lura l-kawża lill-Ministru għal eżami ġdid.

14

Issa, il-qorti tar-rinviju tindika li għandha dubji dwar il-konformità ta’ din il-ġurisprudenza nazzjonali mad-Direttiva 2013/32.

15

Skont dik il-qorti, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jiġi dedott li hija għandha l-kompetenza tevalwa l-kredibbiltà tar-rendikont mogħti minn S u l-kompetenza tevalwa l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali.

16

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li r-rechtbank Den Haag, zittingsplaats Zwolle (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, sedenti fi Zwolle,) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Ir-rechtbank Den Haag, zittingsplaats Zwolle (il-Qorti ta’ Den Haag, b’sede fi Zwolle, il-Pajjiżi l-Baxxi) tista’ tiddeduċi, mill-Artikolu 46(3) tad-Direttiva [2013/32] moqri jew le flimkien mal-Artikolu 47 tal-[Karta], jew flimkien ma’ kull dispożizzjoni oħra jew ma’ kull prinċipju ieħor tad-dritt tal-Unjoni, li għandha l-kompetenza li tiddeċiedi hija stess fuq il-kredibbiltà ta’ rendikont magħmul insostenn ta’ applikazzjoni għall-ażil, u b’hekk tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-Ministru bl-evalwazzjoni tagħha stess?

2)

Ir-rechtbank Den Haag, zittingsplaats Zwolle (il-Qorti ta’ Den Haag, b’sede fi Zwolle) tista’ tiddeduċi, minn waħda mid-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, li għandha l-kompetenza li tiddeċiedi fil-mertu u b’mod definittiv fuq applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fid-dawl tal-elementi tar-rendikont magħmul insostenn ta’ applikazzjoni għall-ażil li tqiesu kredibbli mill-Ministru u, jekk l-ewwel domanda tingħata risposta fl-affermattiv, fid-dawl tal-elementi ta’ dan ir-rendikont li r-rechtbank tqis barra minn hekk bħala kredibbli? F’dan ir-rigward, ir-rechtbank tista’ tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha stess dwar il-plawżibbiltà tal-biża ta’ persekuzzjoni jew ta’ riskju reali li ġġarrab danni serji minflok dik imwettqa mill-Ministru, b’mod partikolari meta, fid-dawl tal-informazzjoni dwar il-pajjiż li hija disponibbli u aċċessibbli mill-pubbliku, ir-rechtbank tqis li hija informata biżżejjed sabiex twettaq tali evalwazzjoni?

3)

Il-ġurisprudenza nazzjonali tista’ tirrestrinġi, abbażi, pereżempju, tal-awtonomija proċedurali, il-kompetenzi msemmija fl-ewwel u fit-tieni domanda fis-sens li dawn il-kompetenzi jibqgħu attribwiti esklużivament lill-Ministru?

4)

Biex tevalwa jekk għandhiex biżżejjed informazzjoni biex tiddeċiedi fil-mertu, ir-rechtbank Den Haag, zittingsplaats Zwolle (il-Qorti ta’ Den Haag, b’sede fi Zwolle) tista’ tieħu inkunsiderazzjoni informazzjoni li ġiet ippreżentata fil-proċedura ta’ rikors [ta’ appell], iżda li ma kinitx għadha disponibbli matul il-fażi amministrattiva? F’dan ir-rigward, huwa ta’ importanza l-fatt li l-partijiet setgħu jesprimu ruħhom b’mod sħiħ dwar il-fatti, bil-miktub jew waqt is-seduta?”

Fuq ir-Regolamenti (UE) 2024/1347 u (UE) 2024/1348

17

Mingħajr ma semmiet formalment, fid-domandi magħmula, ir-Regolament (UE) 2024/1347 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Mejju 2024 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni apolidi bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal status uniformi għar-rifuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, li jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE u li jħassar id-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L, 2024/1347, rettifika fil-ĠU L, 2025/90926,), jew ir-Regolament (UE) 2024/1348 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Mejju 2024 li jistabbilixxi proċedura komuni tal-protezzjoni internazzjonali fl-Unjoni u li jħassar id-Direttiva 2013/32/UE (ĠU L, 2024/1348, rettifika fil-ĠU L, 2025/90922), il-qorti tar-rinviju talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tinkludi dawn ir-regolamenti fir-risposti mogħtija għal dawn id-domandi, peress li hija jista’ jkollha tapplikahom fil-kuntest tal-eżami tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

18

Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha tiddeċiedi t-tilwima li hija tkun adita biha. F’dan id-dawl, il-Qorti tal-Ġustizzja jaf ikollha tieħu inkunsiderazzjoni regoli tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti nazzjonali ma tkunx għamlet riferiment għalihom fil-formulazzjoni tad-domanda tagħha (ara s-sentenzi tal‑20 ta’ Marzu 1986, Tissier, 35/85, EU:C:1986:143, punt 9, kif ukoll tal‑1 ta’ Awwissu 2025, Alace u Canpelli, C‑758/24 u C‑759/24, EU:C:2025:591, punt 44).

19

Madankollu, l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 42 tar-Regolament 2024/1347, dan ir-regolament għandu japplika mit‑12 ta’ Ġunju 2026.

20

Għalhekk, ma huwiex stabbilit li l-interpretazzjoni ta’ dan ir-regolament hija neċessarja għall-qorti tar-rinviju sabiex hija tkun tista’ tiddeċiedi l-kawża prinċipali.

21

It-tieni nett, mill-Artikolu 79(2) u (3) tar-Regolament 2024/1348 jirriżulta, minn naħa, li dan ir-regolament għandu japplika mit‑12 ta’ Ġunju 2026 u, min-naħa l-oħra, li l-imsemmi regolament għandu japplika għall-proċedura ta’ għoti għall-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali ppreżentati mit‑12 ta’ Ġunju 2026.

22

Minn dan jirriżulta li l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, bħal dik ta’ S, ippreżentati qabel din id-data għandhom jiġu rregolati mid-Direttiva 2013/32.

23

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li jiġu interpretati r-Regolamenti 2024/1347 u 2024/1348.

Fuq id-domandi preliminari

24

Permezz tal-ewwel sar-raba’ domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li, minn naħa, huwa jagħti lil qorti tal-ewwel istanza adita b’appell minn deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali l-kompetenza tiddeċiedi b’mod vinkolanti dwar il-kredibbiltà tar-rendikont ippreżentat insostenn ta’ din l-applikazzjoni, dwar il-plawżibbiltà tal-biża’ ta’ persekuzzjoni tal-applikant jew tar-riskju reali għal dan tal-aħħar li jġarrab danni gravi fil-każ ta’ ritorn lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu kif ukoll dwar il-fondatezza tal-imsemmija applikazzjoni, billi tieħu inkunsiderazzjoni elementi ppreżentati matul il-proċedura ta’ tressiq ta’ kawża, u, min-naħa l-oħra, jekk, jekk ikun il-każ, l-Istati Membri jistgħux jillimitaw din il-kompetenza b’mod li biss l-awtorità determinanti, fis-sens tal-Artikolu 2(f) ta’ din id-direttiva (iktar ’il quddiem l-“awtorità determinanti”), għandha l-kompetenza tevalwa l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali u tiddeċiedi dwar il-fondatezza tagħhom.

25

Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li d-Direttiva 2013/32 tagħmel distinzjoni bejn, minn naħa, l-“awtorità determinanti”, li hija tiddefinixxi fl-Artikolu 2(f) tagħha bħala “kwalunkwe korp semi-ġudizzjarju jew amministrattiv fi Stat Membru responsabbli sabiex jeżamina applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali, u kompetenti sabiex jieħu fl-ewwel istanza deċiżjonjiet f’tali każijiet” u, min-naħa l-oħra l-“qorti jew tribunal”, imsemmija fl-Artikolu 46 tagħha. Il-proċedura quddiem l-awtorità determinanti hija rregolata mid-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III ta’ din id-direttiva, bit-titolu “Proċeduri ta’ prima istanza”, filwaqt li l-proċedura quddiem il-qorti ssegwi r-regoli stabbiliti fil-Kapitolu V tal-imsemmija direttiva, bit-titolu “Proċeduri tal-appelli” u kkostitwit minn dan l-Artikolu 46ara s-sentenzi tal‑25 ta’ Lulju 2018, Alheto, C‑585/16, EU:C:2018:584, punt 103, u tas‑16 ta’ Lulju 2020, Addis, C‑517/17, EU:C:2020:579, punt 61).

26

Hekk kif jirriżulta mill-premessa 34 tad-Direttiva 2013/32, il-proċeduri ta’ eżami tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni internazzjonali għandhom jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti jwettqu eżami bir-reqqa tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali.

27

Għandu wkoll jiġi enfasizzat li mill-premessi 16 u 22, mill-Artikolu 4 kif ukoll mill-istruttura ġenerali ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali minn korp amministrattiv jew semiġudizzjarju pprovdut b’riżorsi speċifiċi u b’persunal speċjalizzat fil-qasam huwa fażi essenzjali tal-proċeduri komuni stabbiliti mill-imsemmija direttiva (ara s-sentenzi tal‑25 ta’ Lulju 2018, Alheto, C‑585/16, EU:C:2018:584, punt 116, u tas‑16 ta’ Lulju 2020, Addis, C‑517/17, EU:C:2020:579, punt 61).

28

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-evalwazzjoni rregolata mill-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/95, li fi tmiemha l-awtorità determinanti għandha tadotta deċiżjoni dwar applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, tiżvolġi f’żewġ stadji distinti. Fl-ewwel stadju, l-awtorità determinanti għandha tistabbilixxi ċ-ċirkustanzi fattwali li jistgħu jikkostitwixxu l-provi insostenn ta’ din l-applikazzjoni. Fit-tieni stadju, hija għandha twettaq l-evalwazzjoni ġuridika ta’ dawn il-provi, li tikkonsisti f’li jiġi deċiż jekk, fid-dawl tal-fatti li jikkaratterizzaw każ partikolari, il-kundizzjonijiet sostantivi għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali humiex issodisfatti (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2012, M., C‑277/11, EU:C:2012:744, punt 64).

29

Huwa ċertament minnu li l-evalwazzjoni tal-kredibbiltà ta’ rendikont ippreżentat insostenn ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u l-evalwazzjoni tal-plawżibbiltà tal-biża’ ta’ persekuzzjoni jew tar-riskju reali ta’ tiġrib ta’ danni gravi jaqgħu taħt dan l-ewwel stadju u taħt l-evalwazzjoni tal-fatti. Madankollu, din l-evalwazzjoni fattwali ma taqax barra mill-kompetenza ta’ qorti tal-ewwel istanza adita b’appell minn deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

30

Fil-fatt, l-Artikolu 46(1) tad-Direttiva 2013/32 jirrikonoxxi lill-applikanti għal protezzjoni internazzjonali dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti kontra d-deċiżjonijiet li jirrigwardaw tali applikazzjonijiet. L-Artikolu 46(3) ta’ din id-direttiva jiddefinixxi l-portata ta’ dan id-dritt, billi jippreċiża li l-Istati Membri marbuta minnha għandhom jiżguraw li l-qorti li quddiemha tiġi kkontestata deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali twettaq “eżami sħiħ u ex nunc ta’ kemm il-fatti kif ukoll il-punti tal-liġi, inkluż fejn applikabbli eżami tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva [2011/95] (ara s-sentenzi tal‑25 ta’ Lulju 2018, Alheto, C‑585/16, EU:C:2018:584, punt 106, kif ukoll tal‑1 ta’ Awwissu 2025, Alace u Canpelli, C‑758/24 u C‑759/24, EU:C:2025:591, punt 76).

31

Fir-rigward tal-portata tal-imsemmi dritt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kliem “għandhom jiżguraw li rimedju effettiv jipprovdi għal eżami sħiħ u ex nunc ta’ kemm il-fatti kif ukoll il-punti tal-liġi” għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri għandhom l-obbligu, skont din l-aħħar dispożizzjoni, jorganizzaw id-dritt nazzjonali tagħhom b’mod li t-trattament tar-rimedji previsti jinkludi eżami, mill-qorti, tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi kollha li jippermettulha twettaq evalwazzjoni aġġornata tal-każ inkwistjoni (sentenzi tal‑25 ta’ Lulju 2018, Alheto, C‑585/16, EU:C:2018:584, punt 110, kif ukoll tal‑1 ta’ Awwissu 2025, Alace u Canpelli, C‑758/24 u C‑759/24, EU:C:2025:591, punt 81).

32

F’dan ir-rigward, minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-espressjoni “ex nunc” tenfasizza l-obbligu tal-qorti li twettaq evalwazzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, elementi ġodda li rriżultaw wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni li hija s-suġġett tal-appell (sentenzi tal‑25 ta’ Lulju 2018, Alheto, C‑585/16, EU:C:2018:584, punt 111, kif ukoll tal‑1 ta’ Awwissu 2025 Alace u Canpelli, C‑758/24 u C‑759/24, EU:C:2025:591, punt 82).

33

Tali evalwazzjoni tippermetti, fil-fatt, li l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tiġi pproċessata b’mod eżawrjenti mingħajr il-ħtieġa li l-fajl jintbagħat lura lill-awtorità determinanti (sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Alheto, C‑585/16, EU:C:2018:584, punt 112).

34

Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li l-aġġettiv “sħiħ” li jinsab fl-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32 jikkonferma li l-qorti għandha l-obbligu teżamina kemm l-elementi li l-awtorità determinanti ħadet jew kien imissha ħadet inkunsiderazzjoni, kif ukoll dawk li jkunu seħħew wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni minn din l-awtorità (sentenzi tal‑25 ta’ Lulju 2018, Alheto, C‑585/16, EU:C:2018:584, punt 113, kif ukoll tal‑1 ta’ Awwissu 2025, Alace u Canpelli, C‑758/24 u C‑759/24, EU:C:2025:591, punt 83).

35

Minn dan isegwi, l-ewwel nett, li, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja msemmija fil-punti 31 sa 33 ta’ din is-sentenza, qorti tal-ewwel istanza adita b’appell minn deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali għandha l-kompetenza tevalwa l-fatti u twettaq l-evalwazzjoni eżawrjenti u aġġornata tagħha stess tal-fatti diskussi quddiemha.

36

Fil-fatt, huwa biss l-eżami tal-fatti li jippermetti li tiġi evalwata l-kredibbiltà ta’ rendikont ippreżentat insostenn ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u l-plawżibbiltà tal-biża’ ta’ persekuzzjoni jew tar-riskju reali ta’ tiġrib ta’ danni gravi li huma komponenti essenzjali tal-eżami tal-ħtieġa ta’ din il-protezzjoni.

37

It-tieni nett, qorti tal-ewwel istanza adita b’appell minn deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali għandha l-obbligu, kif jirriżulta mill-punti 32 u 34 ta’ din is-sentenza, teżamina kemm l-elementi li l-awtorità determinanti ħadet jew kien imissha ħadet inkunsiderazzjoni kif ukoll dawk li seħħew wara l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni minn din l-awtorità.

38

Dan jimplika li tali qorti tista’ tieħu inkunsiderazzjoni elementi ppreżentati matul il-proċedura ta’ tressiq ta’ kawża, iżda li ma kinux għadhom disponibbli matul il-fażi amministrattiva.

39

Barra minn hekk, l-ipproċessar ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali jiddewwem kunsiderevolment jekk qorti tal-ewwel istanza adita b’appell minn deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ tali applikazzjoni kellha tibgħat lura l-fajl lill-awtorità determinanti sabiex tali elementi jittieħdu inkunsiderazzjoni minn din l-awtorità sabiex hija tiddeċiedi dwar il-ħtieġa tal-protezzjoni internazzjonali tal-applikant.

40

Għaldaqstant is-setgħa li għandha tali qorti li tieħu inkunsiderazzjoni elementi ġodda li dwarhom l-imsemmija awtorità ma tkunx iddeċidiet taqa’ taħt il-kuntest tal-iskop tad-Direttiva 2013/32 li b’mod partikolari hija intiża, hekk kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-premessa 18 tagħha, sabiex l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali jiġu pproċessati “malajr kemm jista’ jkun […] mingħajr preġudizzju għat-twettiq ta’ eżami xieraq u komplut” (sentenzi tal‑25 ta’ Lulju 2018, Alheto, C‑585/16, EU:C:2018:584, punti 111 u 112, kif ukoll tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Ministerstvo vnitra České republiky, Odbor azylové a migrační politiky, C‑406/22, EU:C:2024:841, punti 78 u 88).

41

Fir-rigward tal-punt dwar jekk l-applikant għal protezzjoni internazzjonali u l-awtorità determinanti għandhomx ikollhom il-possibbiltà jesprimu ruħhom dwar dawn l-elementi ġodda, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li l-qorti għandha l-obbligu, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 47 tal-Karta, li toffri lil dan l-applikant il-possibbiltà jesprimi ruħu meta dawn l-elementi jkunu jistgħu jaffettwawh b’mod sfavorevoli (sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Alheto, C‑585/16, EU:C:2018:584, punt 114).

42

Dik il-qorti għandha wkoll, konformement mal-prinċipju ta’ kontradittorju, tagħti lill-awtorità determinanti l-opportunità tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar tali elementi ġodda.

43

Tali interpretazzjoni hija iktar u iktar neċessarja peress li l-imsemmija qorti għandha tieħu inkunsiderazzjoni dawn l-elementi ġodda sabiex tkun f’pożizzjoni li tiddeċiedi dwar l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali b’mod eżawrjenti.

44

Minn dan isegwi li, sabiex jiġi ssodisfatt ir-rekwiżit ta’ eżami sħiħ u ex nunc previst fl-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, qorti nazzjonali tal-ewwel istanza adita b’appell minn deċiżjoni tal-awtorità determinanti li tiċħad applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali għandha, minn naħa, ikollha l-kompetenza twettaq evalwazzjoni tagħha stess tal-fatti u, min-naħa l-oħra, tieħu inkunsiderazzjoni elementi ġodda li jkunu qamu wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni li tkun is-suġġett tal-appell, filwaqt li tiżgura li l-partijiet ikollhom l-opportunità jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar dawn l-elementi.

45

Fit-tieni lok, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, billi ppreveda li l-qorti li għandha l-kompetenza tiddeċiedi dwar appell minn deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali għandha l-obbligu teżamina, jekk ikun il-każ, il-“ħtiġijiet ta’ protezzjoni internazzjonali” tal-applikant, il-leġiżlatur tal-Unjoni, permezz tal-adozzjoni tal-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, ried jagħti lill-imsemmija qorti, meta hija tkun tqis li għandha l-elementi kollha ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji f’dan ir-rigward, is-setgħa tiddeċiedi b’mod vinkolanti, wara eżami sħiħ u ex nunc, jiġifieri eżawrjenti u aġġornat, ta’ dawn l-elementi, dwar il-kwistjoni jekk l-imsemmi applikant jissodisfax il-kundizzjonijiet previsti mid-Direttiva 2011/95 sabiex jingħata protezzjoni internazzjonali (sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Torubarov, C‑556/17, EU:C:2019:626, punt 65).

46

L-ewwel nett, minn din il-ġurisprudenza kif ukoll mill-punti 31 sa 34 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-leġiżlatur iddefinixxa, fl-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, il-portata u l-intensità tal-eżami, minn qorti nazzjonali tal-ewwel istanza adita b’appell minn deċiżjoni tal-awtorità determinanti li tiċħad applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni internazzjonali tal-applikanti. Minn dan isegwi li d-definizzjoni tal-portata u tal-intensità ta’ dan l-eżami ma taqax taħt l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri. Għaldaqstant, dawn tal-aħħar ma jistgħux jillimitaw il-kompetenza ta’ tali qorti sabiex tiddeċiedi dwar dawn il-ħtiġijiet ta’ protezzjoni internazzjonali.

47

Ma jistax ikun mod ieħor għar-raġuni li l-awtorità determinanti tkun f’pożizzjoni aħjar u mgħammra sabiex teżamina l-merti tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali. Ċertament, l-eżami ta’ tali applikazzjoni minn din l-awtorità huwa, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, fażi essenzjali tal-proċeduri komuni stabbiliti mid-Direttiva 2013/32. Madankollu, fil-kuntest tas-sistema stabbilita minn din id-direttiva, l-imsemmija awtorità ma hijiex l-unika li għandha l-kompetenza tevalwa l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali u li għandha l-kompetenza tiddeċiedi dwar il-fondatezza tagħhom hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 45 ta’ din is-sentenza.

48

Bl-istess mod, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Olandiż fl-osservazzjonijiet tiegħu, qorti nazzjonali tal-ewwel istanza adita b’appell minn deċiżjoni tal-awtorità determinanti li tiċħad applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tingħata kompetenza li tmur lil hinn minn “stħarriġ b’ċertu restrizzjoni” tad-deċiżjoni tal-awtorità determinanti. Konsegwentement, tali qorti ma tistax tkun meħtieġa teżerċita din il-kompetenza “b’restrizzjoni”, iżda għandha twettaq eżami sħiħ u ex nunc, jiġifieri eżawrjenti u aġġornat, tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi kif ukoll tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni internazzjonali tal-applikant.

49

It-tieni nett, huwa minnu li, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32 jirrigwarda biss l-eżami tal-appell u għaldaqstant ma jirrigwardax l-eżitu ta’ annullament possibbli tad-deċiżjoni li tkun is-suġġett ta’ dan l-appell (sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Torubarov, C‑556/17, EU:C:2019:626, punt 54).

50

Madankollu, mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li r-rikonoxximent lil tali qorti tas-setgħa tiddeċiedi b’mod vinkolanti fuq il-kwistjoni dwar jekk applikant jissodisfax il-kundizzjonijiet previsti mid-Direttiva 2011/95 sabiex tiġi rrikonoxxuta lilu protezzjoni internazzjonali jfisser li, meta dik il-qorti tannulla deċiżjoni ta’ awtorità amministrattiva wara eżami eżawrjenti u aġġornat tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni internazzjonali ta’ applikant fid-dawl tal-punti rilevanti kollha ta’ liġi u ta’ fatt u tikkonstata li dan l-applikant għandu jingħata protezzjoni internazzjonali, u sussegwentement tibgħat lura l-kawża lil din l-awtorità amministrattiva sabiex hija tadotta deċiżjoni ġdida, l-imsemmija awtorità amministrattiva għandha l-obbligu tagħti l-protezzjoni internazzjonali mitluba, bla ħsara għall-okkorrenza ta’ punti ta’ fatt jew ta’ liġi li jkunu jeħtieġu oġġettivament evalwazzjoni aġġornata ġdida. Bl-istess mod, jekk l-istess awtorità amministrattiva tadotta sussegwentement deċiżjoni fis-sens kuntrarju, mingħajr ma tistabbilixxi għal dan l-għan l-okkorrenza ta’ elementi ġodda li jiġġustifikaw evalwazzjoni ġdida tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni internazzjonali tal-imsemmi applikant, l-imsemmija qorti għandha tibdel din id-deċiżjoni mhux konformi mas-sentenza preċedenti tagħha u tissostitwixxiha bid-deċiżjoni tagħha stess dwar l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, billi jekk ikun meħtieġ ma tapplikax il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxiha milli tipproċedi f’dan is-sens (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Torubarov, C‑556/17, EU:C:2019:626, punti 66, 73, 75, 77 u 78).

51

F’dan il-każ, mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li hija tqis li għandha biżżejjed informazzjoni sabiex twettaq hija stess evalwazzjoni tal-kredibbiltà ta’ ċerti elementi tar-rendikont tal-applikant għal protezzjoni internazzjonali kif ukoll ta’ ċerti motivi invokati insostenn tal-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali. Madankollu, hija tippreċiża li, skont il-ġurisprudenza tal-Afdeling Bestuursrechtspraak van de Raad van State (it-Taqsima tal-Kontenzjuż Amministrattiv tal-Kunsill tal-Istat), hija ma għandhiex is-setgħa twettaq tali evalwazzjonijiet u għandha tillimita ruħha tannulla d-deċiżjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, imbagħad tibgħat lura l-kawża lill-Ministru sabiex huwa jwettaq eżami ġdid tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

52

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, meta japplikaw id-dritt intern, il-qrati nazzjonali għandhom l-obbligu jinterpretawh sa fejn ikun possibbli fid-dawl tat-test u tal-iskop tad-direttiva inkwistjoni sabiex jintlaħaq ir-riżultat intiż minnha u, għaldaqstant, jikkonformaw ruħhom mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 288 TFUE (sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Bauer u Willmeroth, C‑569/16 u C‑570/16, EU:C:2018:871, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53

Il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi jeħtieġ li l-qrati nazzjonali jagħmlu dak kollu li jaqa’ taħt il-kompetenza tagħhom, billi jieħdu inkunsiderazzjoni d-dritt intern kollu u billi japplikaw il-metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti minnu, sabiex tiġi ggarantita l-effettività sħiħa tad-direttiva inkwistjoni u sabiex tinstab soluzzjoni konformi mal-iskop imfittex minnha (sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Bauer u Willmeroth, C‑569/16 u C‑570/16, EU:C:2018:871, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54

Hekk kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rekwiżit ta’ tali interpretazzjoni konformi jinkludi, b’mod partikolari, l-obbligu għall-qrati nazzjonali li jemendaw, jekk ikun il-każ, ġurisprudenza stabbilita jekk din tkun ibbażata fuq interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali li tkun inkompatibbli mal-għanijiet ta’ direttiva. Għaldaqstant, qorti nazzjonali ma tistax, b’mod partikolari, validament tikkunsidra li huwa impossibbli għaliha tinterpreta dispożizzjoni nazzjonali b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni sempliċement minħabba l-fatt li din id-dispożizzjoni, b’mod kostanti, ġiet interpretata f’sens li ma huwiex kompatibbli ma’ dan id-dritt (sentenza tas‑17 ta’ April 2018, Egenberger, C‑414/16, EU:C:2018:257, punti 72 u 73 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55

Madankollu, jekk tali interpretazzjoni konformi kellha tirriżulta li tkun impossibbli, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ir-rekwiżit imperattiv għall-qorti li għandha l-kompetenza, bil-għan li hija tapplika d-dritt tal-Unjoni, li twarrab id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi nazzjonali li possibbilment jikkostitwixxu ostakolu għall-effettività sħiħa ta’ regoli tal-Unjoni li għandhom effett dirett, bħall-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta (sentenza tat‑3 ta’ April 2025, Barouk, C‑283/24, EU:C:2025:236, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56

Fl-aħħar nett, il-possibbiltà li tiġi appellata d-deċiżjoni ta’ qorti nazzjonali tal-ewwel istanza adita b’appell minn deċiżjoni tal-awtorità determinanti li tiċħad applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ma hijiex ta’ natura li tikkontesta l-kunsiderazzjonijiet preċedenti.

57

Skont il-formulazzjoni tal-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, ir-rimedju effettiv li l-Istati Membri għandhom jipprevedu jirrigwarda “ta’ mill-inqas [il-]proċeduri ta’ appell quddiem qorti jew tribunal ta’ prima istanza”. Din id-dispożizzjoni tobbliga għalhekk lill-Istati Membri jipprevedu t-tressiq ta’ kawża quddiem qorti filwaqt li tħallilhom il-possibbiltà jistabbilixxu proċedura ta’ tressiq ta’ kawża jew ta’ kassazzjoni, mingħajr madankollu ma l-karatteristiċi tal-eżami previst mill-imsemmija dispożizzjoni jkunu differenti skont jekk l-Istati Membri jagħmlux użu minn din il-possibbiltà.

58

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li r-risposta għad-domandi magħmula tkun li l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li, minn naħa, huwa jagħti lil qorti tal-ewwel istanza adita b’appell minn deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali l-kompetenza tiddeċiedi b’mod vinkolanti dwar il-kredibbiltà tar-rendikont ippreżentat insostenn ta’ din l-applikazzjoni, dwar il-plawżibbiltà tal-biża’ ta’ persekuzzjoni tal-applikant jew tar-riskju reali għal dan tal-aħħar li jġarrab danni gravi fil-każ ta’ ritorn lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu kif ukoll dwar il-fondatezza tal-imsemmija applikazzjoni, billi tieħu inkunsiderazzjoni elementi ppreżentati matul il-proċedura ta’ tressiq ta’ kawża, u li, min-naħa l-oħra, l-Istati Membri ma jistgħux jillimitaw din il-kompetenza.

Fuq l-ispejjeż

59

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It‑Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

 

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

 

minn naħa, huwa jagħti lil qorti tal-ewwel istanza adita b’appell minn deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali l-kompetenza tiddeċiedi b’mod vinkolanti dwar il-kredibbiltà tar-rendikont ippreżentat insostenn ta’ din l-applikazzjoni, dwar il-plawżibbiltà tal-biża’ ta’ persekuzzjoni tal-applikant jew tar-riskju reali għal dan tal-aħħar li jġarrab danni gravi fil-każ ta’ ritorn lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu kif ukoll dwar il-fondatezza tal-imsemmija applikazzjoni, billi tieħu inkunsiderazzjoni elementi ppreżentati matul il-proċedura ta’ tressiq ta’ kawża, u li, min-naħa l-oħra, l-Istati Membri ma jistgħux jillimitaw din il-kompetenza.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

( i ) L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.