|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/866 |
7.5.2025 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2025/866
tal-14 ta’ April 2025
dwar il-konklużjoni għan-nom tal-Unjoni Ewropea tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Bożnija-Ħerzegovina dwar il-kooperazzjoni bejn l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (il-Eurojust) u l-awtoritajiet tal-Bożnija-Ħerzegovina kompetenti għall-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 16(2) u l-Artikolu 85 flimkien mal-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, il-punt (a)(v), u l-Artikolu 218(7) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew (1),
Billi:
|
(1) |
L-Artikolu 47(1) u l-Artikolu 52(1) tar-Regolament (UE) 2018/1727 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jipprevedu li l-Eurojust tista’ tistabbilixxi u tibqa’ żżomm kooperazzjoni mal-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi abbażi ta’ strateġija ta’ kooperazzjoni. |
|
(2) |
Skont l-Artikolu 56(2)(c) tar-Regolament (UE) 2018/1727 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, Eurojust tista’ tittrasferixxi data personali lil awtorità ta’ pajjiż terz dment li, fost l-oħrajn, ftehim internazzjonali jkun ġie konkluż bejn l-Unjoni u dak il-pajjiż terz skont l-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jipprevedi salvagwardji adegwati fir-rigward tal-protezzjoni tal-privatezza u d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-individwi. |
|
(3) |
F’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2024/2704 (3), il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Bożnija-Ħerzegovina dwar il-kooperazzjoni bejn l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (il-Eurojust) u l-awtoritajiet tal-Bożnija-Ħerzegovina kompetenti għall-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali (“il-Ftehim”) ġie ffirmat fit-28 ta’ Ottubru 2024, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard. |
|
(4) |
Il-Ftehim jippermetti t-trasferiment ta’ data personali bejn il-Eurojust u l-awtoritajiet kompetenti tal-Bożnija-Ħerzegovina, bil-għan li jiġu miġġielda r-reati serji u t-terroriżmu u tiġi protetta s-sigurtà tal-Unjoni u taċ-ċittadini tagħha. |
|
(5) |
Il-Ftehim jiżgura r-rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni, b’mod partikolari d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, u d-dritt għal rimedju effettiv u proċess ġust,stabbiliti fl-Artikoli 7, 8 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. B’mod partikolari, il-Ftehim jinkludi salvagwardji adegwati għall-protezzjoni tad-data personali trasferita mill-Eurojust skont il-Ftehim. |
|
(6) |
Skont l-Artikolu 218(7) TFUE, huwa xieraq li l-Kunsill jawtorizza lill-Kummissjoni tapprova f’isem l-Unjoni l-modifiki tal-Annessi I, II u III tal-Ftehim, jawtorizza lill-Kummissjoni taqbel dwar il-modalitajiet għat-tkomplija tal-użu u l-ħżin tal-informazzjoni li tkun diġà ġiet ikkomunikata bejn il-Partijiet skont il-Ftehim, u biex taġġorna l-informazzjoni dwar id-destinatarju tan-notifiki. |
|
(7) |
L-Irlanda hija marbuta bir-Regolament (UE) 2018/1727 u għalhekk qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni. |
|
(8) |
F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-TFUE, id-Danimarka mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha. |
|
(9) |
Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ta l-Opinjoni 20/2024 tiegħu fis-6 ta’ Settembru 2024. |
|
(10) |
Il-Ftehim jenħtieġ li jiġi approvat f’isem l-Unjoni. |
|
(11) |
F’konformità mat-Trattati, jenħtieġ li l-Kummissjoni tagħmel in- notifika prevista fl-Artikolu 29(2) tal-Ftehim, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Bożnija-Ħerzegovina dwar il-kooperazzjoni bejn l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (il-Eurojust) u l-awtoritajiet tal-Bożnija-Ħerzegovina kompetenti għall-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali (“il-Ftehim”) huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni.
Artikolu 2
Il-Kummissjoni għandha tipproċedi, f’isem l-Unjoni, sabiex tagħmel in-notifika prevista fl-Artikolu 29(2) tal-Ftehim.
Artikolu 3
1. Għall-finijiet tal-Artikolu 30(2) tal-Ftehim, il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni dwar il-modifiki tal-Annessi I, II u III tal-Ftehim għandha tiġi approvata mill-Kummissjoni wara konsultazzjoni mal-Kunsill.
2. Għall-fini tal-Artikolu 33(3) tal-Ftehim, il-Kummissjoni għandha tkun awtorizzata, wara konsultazzjoni mal-Kunsill, taqbel dwar il-modalitajiet għat-tkomplija tal-użu u l-ħżin tal-informazzjoni li tkun diġà ġiet ikkomunikata bejn il-Partijiet skont il-Ftehim.
3. Għall-fini tal-Artikolu 34(2) tal-Ftehim, il-Kummissjoni għandha tkun awtorizzata taġġorna l-informazzjoni dwar id-destinatarju tan-notifiki wara konsultazzjoni mal-Kunsill.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fil-Lussemburgu, l-14 ta’ April 2025.
Għall-Kunsill
Il-President
K. KALLAS
(1) Kunsens tat-2 ta’ April 2025 (għadu mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali).
(2) Ir-Regolament (UE) 2018/1727 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust), u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/187/ĠAI (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 138).
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2024/2704 tal-10 ta’ Ottubru 2024 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, u l-Bożnija-Ħerzegovina, dwar il-kooperazzjoni bejn l-Aġenzija Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (il-Eurojust) u l-awtoritajiet tal-Bożnija-Ħerzegovina kompetenti għall-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali (ĠU L, 2024/2704, 16.10.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/2704/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/866/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)