European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1043

27.5.2025

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/1043

tas-26 ta’ Mejju 2025

li japprova l-aċidu formiku bħala sustanza attiva eżistenti għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 6 f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 89(1), it-tielet subparagrafu, tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1062/2014 (2) jistabbilixxi lista ta’ sustanzi attivi eżistenti li jridu jiġu evalwati biex possibbilment jiġu approvati għall-użu fil-prodotti bijoċidali. Dik il-lista tinkludi l-aċidu formiku (Nru tal-KE: 200-579-1; Nru CAS: 64-18-6) għat-tip ta’ prodott 6.

(2)

L-aċidu formiku ġie evalwat għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 6 (preservattivi ta’ ġol-bottijiet), kif deskritt fl-Anness V tad-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), li jikkorrispondi mat-tip ta’ prodott 6 (preservattivi għal prodotti matul il-ħżin), kif deskritt fl-Anness V tar-Regolament (UE) Nru 528/2012.

(3)

Il-Belġju ġie deżinjat bħala l-Istat Membru relatur u l-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni tiegħu ressqet ir-rapport tal-valutazzjoni flimkien mal-konklużjonijiet tagħha lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (“l-Aġenzija”) fil-15 ta’ Settembru 2021. L-Aġenzija ddiskutiet ir-rapport tal-valutazzjoni u l-konklużjonijiet fil-laqgħat tekniċi.

(4)

F’konformità mal-Artikolu 75(1), it-tieni subparagrafu, il-punt (a), tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, il-Kumitat dwar il-Prodotti Bijoċidali jħejji l-opinjoni tal-Aġenzija rigward l-applikazzjonijiet għall-approvazzjoni tas-sustanzi attivi. F’konformità mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Delegat (UE) Nru 1062/2014, li jinqara flimkien mal-Artikolu 75(1) u (4) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, il-Kumitat dwar il-Prodotti Bijoċidali adotta l-opinjoni tal-Aġenzija fit-8 ta’ Ġunju 2022 (4), filwaqt li qies il-konklużjonijiet tal-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni. Fl-opinjoni tagħha, l-Aġenzija kkonkludiet li l-aċidu formiku jista’ jiġi approvat bħala sustanza attiva għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 6.

(5)

Fit-18 ta’ Lulju 2023, skont l-Artikolu 75(1), it-tieni subparagrafu, il-punt (g), tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, il-Kummissjoni talbet lill-Aġenzija (5) tirrevedi l-opinjoni tagħha peress li l-effikaċja tal-prodott bijoċidali rappreżentattiv ma ġietx ivvalutata kif xieraq f’konformità mad-dokument ta’ gwida applikabbli tal-Aġenzija dwar l-effikaċja (6), u peress li dik il-kwistjoni tal-effikaċja ma ġietx identifikata b’mod adegwat mill-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni la matul l-evalwazzjoni u lanqas matul ir-rieżami mill-Aġenzija. B’mod partikolari, il-Kummissjoni talbet l-eżami tad-data dwar l-effikaċja tal-livell 2 li tirrappreżenta l-kundizzjonijiet tal-ħajja reali.

(6)

Fit-18 ta’ Settembru 2024 (7), il-Kumitat dwar il-Prodotti Bijoċidali adotta l-opinjoni riveduta tal-Aġenzija għall-approvazzjoni tas-sustanza attiva aċidu formiku għall-prodotti tat-tip 6. F’dik l-opinjoni, l-Aġenzija kkonkludiet li l-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 6 li fihom l-aċidu formiku jistgħu jkunu mistennija li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 19(1), il-punt (b), tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, dment li jkun hemm konformità ma’ ċerti kundizzjonijiet li jikkonċernaw l-użu tagħhom.

(7)

Filwaqt li titqies l-opinjoni tal-Aġenzija, jixraq li l-aċidu formiku jiġi approvat bħala sustanza attiva għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 6 soġġett għall-konformità ma’ ċerti kundizzjonijiet, inkluż il-kundizzjonijiet għall-introduzzjoni fis-suq ta’ oġġetti trattati bl-aċidu formiku jew li jinkorporaw l-aċidu formiku f’konformità mal-Artikolu 4(3) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 li jinqara flimkien mal-Artikolu 58(3) ta’ dak ir-Regolament.

(8)

Jenħtieġ li jitħalla jgħaddi perjodu raġonevoli qabel ma tiġi approvata sustanza attiva, sabiex il-partijiet interessati jkunu jistgħu jieħdu l-miżuri ta’ tħejjija meħtieġa biex jissodisfaw ir-rekwiżiti l-ġodda.

(9)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-aċidu formiku huwa approvat bħala sustanza attiva għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 6, soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Mejju 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/528/oj.

(2)  Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1062/2014 tal-4 ta’ Awwissu 2014 dwar il-programm ta’ ħidma għall-evalwazzjoni sistematika tas-sustanzi attivi bijoċidali kollha li jeżistu fil-prodotti bijoċidali msemmijin fir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 294, 10.10.2014, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2014/1062/oj).

(3)  Id-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 1998 dwar it-tqegћid fis-suq tal-prodotti bijoċidali (ĠU L 123, 24.4.1998, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1998/8/oj).

(4)  Opinjoni tal-Kumitat dwar il-Prodotti Bijoċidali dwar l-applikazzjoni għall-approvazzjoni tas-sustanza attiva aċidu formiku; Tip ta’ prodott: 6; ECHA/BPC/329/2022, adottata fit-8 ta’ Ġunju 2022.

(5)  Mandat li jitlob l-opinjonijiet tal-ECHA skont l-Artikolu 75(1)(g) tal-BPR – “Examination of efficacy tier 2 data on specific active substances acting as preservatives (product-types 6-13)”..

(6)  ECHA Guidance on the Biocidal Products Regulation: Volume II Efficacy, Assessment + Evaluation (Parts B+C); Verżjoni 3.0, April 2018.

(7)  Opinjoni tal-Kumitat dwar il-Prodotti Bijoċidali dwar l-applikazzjoni għall-approvazzjoni tas-sustanza attiva aċidu formiku; Tip ta’ prodott: 6; ECHA/BPC/444/2024, adottata fit-18 ta’ Settembru 2024.


ANNESS

Isem Komuni

Isem IUPAC

Numri tal-Identifikazzjoni

Grad minimu ta’ purità tas-sustanza attiva (1)

Data tal-approvazzjoni

Data tal-iskadenza tal-approvazzjoni

Tip ta’ Prodott

Kundizzjonijiet speċifiċi

Aċidu formiku

Aċidu metanojku

Nru tal-KE: 200-579-1

Nru CAS: 64-18-6

99 % piż skont il-piż

L-1 ta’ Ottubru 2026

It-30 ta’ Settembru 2036

6

1.

L-awtorizzazzjoni tal-prodotti bijoċidali li jkun fihom l-aċidu formiku bħala sustanza attiva hija soġġetta għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-valutazzjoni tal-prodott tagħti attenzjoni partikolari lill-esponimenti, lir-riskji u lill-effikaċja marbuta ma’ kull użu kopert minn applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni, iżda li mhuwiex indirizzat fil-valutazzjoni tas-sustanza attiva fil-livell tal-Unjoni;

(b)

il-valutazzjoni tal-prodott tagħti attenzjoni partikolari lill-utenti professjonali;

(c)

għall-prodotti li jistgħu jwasslu biex ikun hemm residwi fl-ikel jew fl-għalf, jiġi vvalutat jekk hemmx bżonn li jiġu stabbiliti limiti massimi ta’ residwi ġodda jew jekk hemmx bżonn li jiġu emendati l-limiti massimi ta’ residwi eżistenti f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 470/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2 jew jekk hemmx bżonn li jiġu stabbiliti livelli massimi ta’ residwi ġodda jew jekk hemmx bżonn li jiġu emendati l-livelli massimi ta’ residwi eżistenti f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 3, u kwalunkwe miżura xierqa ta’ mitigazzjoni tar-riskji biex jiġi żgurat li ma jinqabżux dawn il-limiti massimi ta’ residwi jew dawn il-livelli massimi ta’ residwi;

(d)

l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jew, fil-każ ta’ awtorizzazzjoni tal-Unjoni, il-Kummissjoni, għandhom jispeċifikaw fis-sommarju tal-karatteristiċi tal-prodott bijoċidali għal prodott bijoċidali li jkun fih l-aċidu formiku, l-istruzzjonijiet rilevanti għall-użu u għall-prekawzjonijiet li jridu jiġu indikati fuq it-tikketta tal-oġġetti ttrattati skont l-Artikolu 58(3), it-tieni subparagrafu, il-punt (e), tar-Regolament (UE) Nru 528/2012.

2.

L-introduzzjoni fis-suq tal-oġġetti ttrattati huwa soġġett għall-kundizzjonijiet li ġejjin: il-persuna responsabbli għall-introduzzjoni fis-suq ta’ oġġett ittrattat bl-aċidu formiku jew li jkun jinkorporah, tiżgura li t-tikketta ta’ dak l-oġġett ittrattat tipprovdi l-informazzjoni elenkata fl-Artikolu 58(3), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament (UE) Nru 528/2012.


(1)  Il-purità indikata f’din il-kolonna kienet il-grad minimu ta’ purità tas-sustanza attiva evalwata. Is-sustanza attiva fil-prodott introdott fis-suq jista’ jkollha l-istess purità jew purità differenti jekk ikun intwera li teknikament din tkun ekwivalenti għas-sustanza attiva evalwata.

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 470/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2009 li jistabbilixxi l-proċeduri Komunitarji għall-istabbiliment ta’ limiti ta’ residwi ta’ sustanzi farmakoloġikament attivi fl-oġġetti tal-ikel li joriġinaw mill-annimali, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2377/90 u li jemenda d-Direttiva 2001/82/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 726/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 152, 16.6.2009, p. 11, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/470/oj).

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Frar 2005 dwar il-livelli massimi ta’ residwu ta’ pestiċidi fi jew fuq ikel u għalf li joriġina minn pjanti u annimali u jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (ĠU L 70, 16.3.2005, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2005/396/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/1043/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)