European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/2760

28.10.2024

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2024/2760

tal-24 ta’ Ottubru 2024

li timplimenta d-Deċiżjoni 2014/512/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 31(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/512/PESK tal-31 ta’ Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 1a(11), it-tieni subparagrafu, tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fil-31 ta’ Lulju 2014, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2014/512/PESK.

(2)

Fil-21 ta’ Mejju 2024, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2024/1470 (2). Id-Deċiżjoni (PESK) 2024/1470 emendat id-Deċiżjoni 2014/512/PESK u stabbiliet kontribuzzjoni finanzjarja dovuta lill-Unjoni minn depożitorji ċentrali tat-titoli li jżommu riżervi u assi tal-Bank Ċentrali tar-Russja b’valur totali ta’ aktar minn EUR 1 miljun, ekwivalenti għal 99,7 % tal-profitti netti li jirriżultaw mid-dħul mhux mistenni u straordinarju li jakkumula għal dawk id-depożitorji mill-15 ta’ Frar 2024 bħala riżultat tal-implimentazzjoni tal-miżuri restrittivi, b’mod partikolari l-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 1a(4) tad-Deċiżjoni 2014/512/PESK u l-Artikolu 5a(4) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 833/2014 (3).

(3)

Il-kontribuzzjoni finanzjarja introdotta bid-Deċiżjoni (PESK) 2024/1470 għandha tiġi diretta lejn l-Ukrajna, peress li l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontriha kkawżat dannu tremend fl-Ukrajna, b’kostijiet ta’ rkupru u rikostruzzjoni stmati ta’ EUR 452,8 biljun mill-31 ta’ Diċembru 2023 Barra minn hekk, l-Ukrajna tilfet l-aċċess għas-swieq finanzjarji internazzjonali u esperjenzat tnaqqis sinifikanti fid-dħul pubbliku, filwaqt li n-nefqa pubblika żdiedet b’mod sostanzjali. F’dak l-isfond, jistgħu jiġu previsti ħtiġijiet sostantivi ta’ finanzjament għas-snin li ġejjin.

(4)

Fit-30 ta’ Marzu 2023, il-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) sab ftehim mal-Ukrajna dwar programm ta’ erba’ snin ta’ USD 15,6 biljun taħt il-Faċilità Estiża ta’ Fond biex isostni l-istabbiltà ekonomika u finanzjarja fi żmien ta’ inċertezza eċċezzjonalment għolja, jirrestawra s-sostenibbiltà tad-dejn, u jippromwovi riformi li jappoġġaw l-irkupru tal-Ukrajna fil-perjodu ta’ wara l-gwerra. Id-diskrepanza finanzjarja totali tal-linja bażi matul il-perjodu tal-programm tal-FMI hija stmata mill-FMI għal USD 121,9 biljun.

(5)

Minħabba l-intensità kontinwa tal-gwerra, u l-ħsara lill-infrastruttura ċivili kritika tal-Ukrajna minn żieda fl-attakki fuq skala kbira mir-Russja, jeħtieġ li l-Ukrajna timmobilizza riżorsi addizzjonali sinifikanti għall-prijoritajiet baġitarji u fit-tul tagħha ta’ rkupru u rikostruzzjoni. Minħabba li għad hemm diskrepanza finanzjarja residwa lil hinn mir-riżorsi diġà pprovduti mill-Unjoni, minn donaturi oħra u istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, inkluż il-FMI, jenħtieġ li l-Unjoni tkompli tipprovdi rispons xieraq.

(6)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tas-27 ta’ Ġunju 2024, il-Kunsill Ewropew tenna l-konklużjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-appoġġ li jibqa’ jingħata għall-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna fil-fruntieri tagħha rikonoxxuti internazzjonalment u kkonferma mill-ġdid l-impenn sod tal-Unjoni li tibqa’ tipprovdi appoġġ politiku, finanzjarju, ekonomiku, umanitarju, militari u diplomatiku lill-Ukrajna. Huwa stieden lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli u lill-Kunsill biex imexxu ’l quddiem il-ħidma, filwaqt li jindirizzaw l-aspetti legali u finanzjarji rilevanti kollha, sabiex jipprovdu finanzjament addizzjonali għall-Ukrajna sa tmiem is-sena fil-forma ta’ self isservizzjat u mħallas lura minn flussi futuri tad-dħul straordinarju. Is-self huwa mfassal bil-ħsieb li jilħaq madwar EUR 50 biljun flimkien mas-sħab tal-G7 kif diskuss mill-Mexxejja tal-G7, biex jappoġġa l-ħtiġijiet militari, baġitarji u ta’ rikostruzzjoni attwali u futuri tal-Ukrajna. Il-Kunsill Ewropew stqarr ukoll li, soġġett għal-liġi tal-Unjoni, l-assi tar-Russja jenħtieġ li jibqgħu immobilizzati sakemm ir-Russja twaqqaf il-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna u tikkumpensaha għad-dannu kkawżat minn din il-gwerra.

(7)

Għalhekk, ġie stabbilit Mekkaniżmu ta’ Kooperazzjoni ta’ Self għall-Ukrajna bir-Regolament (UE) 2024/2773 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) biex jipprovdi lill-Ukrajna b’appoġġ finanzjarju mhux ripagabbli. Dak l-appoġġ għandu jingħata bil-ħsieb li l-Ukrajna tiġi megħjuna tħallas lura self eċċezzjonali ta’ assistenza makrofinanzjarja fil-forma ta’ self li għandu jiġi pprovdut mill-Unjoni u self eliġibbli addizzjonali li għandu jiġi pprovdut mis-sħab tal-G7 biex jiġu appoġġati l-ħtiġijiet baġitarji tal-Ukrajna.

(8)

Fid-dawl ta’ dawk l-iżviluppi, huwa xieraq li tiġi rieżaminata l-allokazzjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja stabbilita fl-Artikolu 1a(11) tad-Deċiżjoni 2014/512/PESK. Dik ir-reviżjoni bl-ebda mod ma taffettwa l-pożizzjoni ta’ dawk l-Istati Membri li astjenew f’votazzjoni u għamlu dikjarazzjoni formali f’konformità mal-Artikolu 31(1), it-tieni subparagrafu, tat-Trattat dwar -Unjoni Ewropea fl-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2024/1471 (5).

(9)

Jenħtieġ li r-rieżami tal-allokazzjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja jirrifletti l-ħtiġijiet tal-Mekkaniżmu ta’ Kooperazzjoni tas-Self għall-Ukrajna permezz taż-żieda fil-perċentwal allokat għall-programmi tal-Unjoni ffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni, filwaqt li jitqiesu wkoll kif xieraq il-ħtiġijiet ta’ assistenza militari tal-Ukrajna.

(10)

Jenħtieġ li l-allokazzjoni rieżaminata tal-kontribuzzjoni finanzjarja tapplika għat-tieni pagament biannwali tal-kontribuzzjoni finanzjarja magħmula fis-sena 2025 u għall-pagamenti kollha minn hemm ’il quddiem.

(11)

Għaldaqstant, jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2014/512/PESK tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 1a(11), l-ewwel subparagrafu, tad-Deċiżjoni 2014/512/PESK, il-punti (a) u (b) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“(a)

Faċilità Ewropea għall-Paċi: 5 %;

(b)

Programmi tal-Unjoni ffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni: 95 %.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandha tapplika għat-tieni pagament biannwali tal-kontribuzzjoni finanzjarja magħmula fis-sena 2025 u għall-pagamenti kollha minn hemm ’il quddiem.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Ottubru 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

BÓKA J.


(1)   ĠU L 229, 31.7.2014, p. 13.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2024/1470 tal-21 ta’ Mejju 2024 li temenda d-Deċiżjoni 2014/512/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU L, 2024/1470, 22.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1470/oj).

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 833/2014 tal-31 ta’ Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU L 229, 31.7.2014, p. 1).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2024/2773 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 2024 li jistabbilixxi l-Mekkaniżmu ta’ Kooperazzjoni dwar is-Self lill-Ukrajna u li jipprovdi assistenza makrofinanzjarja eċċezzjonali lill-Ukrajna (ĠU L, 2024/2773, 28.10.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/2773/oj).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2024/1471 tal-21 ta’ Mejju 2024 dwar l-allokazzjoni tal-ammonti tal-kontribuzzjoni finanzjarja mħallsa lill-Faċilità Ewropea għall-Paċi skont id-Deċiżjoni (PESK) 2024/1470 (ĠU L, 2024/1471, 22.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1471/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/2760/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)