52008DC0095




[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 22.2.2008

KUMM(2008) 95 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL

li jivvaluta l-progress irrappurtat lill-Kummissjoni u lill-Kunsill mill-Italja dwar l-irkupru ta'dazju addizzjonali li għandu jitħallas mill-produtturi tal-ħalib għall-perjodi mill-1995/96 sa l-2001/02 (skond l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2003/530/KE)

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL

li jivvaluta l-progress irrappurtat lill-Kummissjoni u lill-Kunsill mill-Italja dwar l-irkupru ta'dazju addizzjonali li għandu jitħallas mill-produtturi tal-ħalib għall-perjodi mill-1995/96 sa l-2001/02(skond l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2003/530/KE)

Dan ir-rapport ta' valutazzjoni qed isir mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2003/530/KE tas-16 ta' Lulju 2003 dwar il-kompatibbiltà ta' għajnuna li r-Repubblika Taljana beħsiebha tagħti lill-produtturi tal-ħalib tagħha mas-suq komuni [ titlu mhux uffiċjali ][1].

Skond l-Artikolu 1 ta' dik id-Deċiżjoni, l-għajnuna, li tikkonsisti fil-ħlas, min-naħa tar-Repubblika Taljana nnifisha, ta' l-ammont li għandu jitħallas lill-Komunità mill-produtturi tal-ħalib minħabba d-dazju addizzjonali għall-perjodu mill-1995/96 sa l-2001/02 u l-permess lil dawn il-produtturi li jħallsu d-dejn taghħom fil-forma ta' ħlas diferit fuq għadd ta' snin mingħajr imgħax, hija meqjusa eċċezzjonalment kompatibbli mas-suq komuni, dejjem jekk:

- il-ħlas lura jkun permezz ta' ħlas sħiħ min-naħa tal-produtturi ta' ammonti li jkunu ndaqs li jsir bin-nifs ta' kull sena, u

- il-perjodu ta' ħlas lura ma jdumx iktar minn erbatax-il sena, li jibdew mill-1 ta' Jannar 2004.

Skond l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni, l-għajnuna tingħata biss jekk l-Italja tiddikjara d-dazju addizzjonali kollu għall-perjodi kkonċernati lill-FAEGG u jekk tnaqqas, permezz ta' tliet ħlasijiet annwali bin-nifs ta' ammonti li jkunu ndaqs, id-dejn li jifdal min-nefqa ffinanzjata mill-FAEGG għal Novembru 2003, Novembru 2004 u Novembru 2005 rispettivament.

L-Italja iddikjarat, kif xieraq, id-dazju addizzjonali kollu għall-perjodi kkonċernati permezz ta' ittra fis-26 ta' Awwissu 2003.

It-tnaqqis tad-dejn li jifdal min-nefqa ffinanzjata mill-FAEGG għal Novembru 2003, 2004 u 2005 wkoll sar kif xieraq.

L-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni jirrikjedi lill-awtoritajiet kompetenti Taljani jirrappurtaw lill-Kummissjoni u lill-Kunsill ta' kull sena l-progress li jkunu qed jagħmlu fl-irkuprar ta' l-ammont li għandu jitħallas mill-produtturi minħabba d-dazju addizzjonali għall-perjodu mill-1995/96 sa l-2001/02.

L-awtoritajiet Taljani ressqu t-tielet rapport skond din id-dispożizzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni permezz ta' ittra mill-AGEA tal-31 ta' Ottubru 2007; din tirrigwarda l-ħlas bin-nifs ta' l-ammont għas-sena 2006.

IL-ħLAS TAD-DAZJU FI ħDAN IL-FAċILITÀ TAL-ħLAS BIN-NIFS

Minn fost il-25,000 produttur li għad iridu jħallsu d-dazju għas-seba' perjodi koperti mid-Deċiżjoni tal-Kunsill, imma li ngħataw ordni mill-qrati nazzjonali li jwaqqfu l-ħlasijiet sakemm tittieħed deċiżjoni finali, madwar 15,200 minnhom għażlu li jħallsu permezz ta' l-iskema tal-ħlas bin-nifs. L-għażla li jħallsu permezz ta' l-iskema tal-ħlas bin-nifs fissret li kull tilwima pendenti ġiet irtirata. Barra minn hekk, jekk produttur jonqos milli jħallas xi wieħed mill-ħlasijiet annwali bin-nifs jiġi eskluż mill-iskema u, bħala riżultat ta' dan, jiġi f'qagħda fejn jitteħidlu l-ammont kollu li għandu jagħti bl-imgħax dovut.

Il-15,200 produttur li qed jieħdu sehem fl-iskema kellhom jagħtu madwar €345 miljun, ammont li jirrappreżenta madwar terz ta' l-ammont totali kollu tad-dazju li jifdal fuq il-livell tal-produtturi. B'hekk jidher li l-maġġoranza tal-produtturi responsabbli għal-livelli aktar baxxi ta' għotjiet individwali eċċessivi għażlu li jissieħbu f'din l-iskema . Mill-banda l-oħra, il-produtturi li kellhom jagħtu għotjiet individwali eċċessivi li kienu aktar sinifikanti (10,000 produttur, li nħarġilhom kont ta' madwar €695 miljun bħala dazju dovut għas-seba' perjodi) għażlu li jkomplu bit-tilwima tagħhom fil-qrati Taljani minflok.

It-tielet ħlas bin-nifs, li b'kollox jammonta għal €25,110,128, kellu jitħallas minn 12,426 produttur qabel il-31 ta' Diċembru 2006. Iż-żieda żgħira fl-ammonti għat-tielet ħlas bin-nifs meta mqabbla ma' l-ammonti mbassra fir-rapporti ta' qabel hija dovuta għal xi żieda fil-parteċipazzjoni fl-iskema fis-sena 2006 wara l-ftuħ mill-ġdid tal-limiti taż-żmien għall-applikazzjoni, dejjem jekk l-ewwel tliet ħlasijiet bin-nifs jitħallsu mill-ewwel u kull tilwima tiġi rtirata. Mill-banda l-oħra, it-tnaqqis fl-għadd ta' produtturi li ħallsu t-tielet ħlas bin-nifs meta mqabbel mal-15,200 produttur li kienu qed jieħdu sehem fl-iskema oriġinarjament huwa dovut għad-deċiżjoni ta' madwar 2,500 produttur li jħallsu d-dazju kollu li kellhom pendenti fl-ewwel u t-tieni sena ta' ħlas bin-nifs.

Kien irreġistrat ħlas fil-ħin għal 99.5% ta' l-ammont dovut għat-tielet ħlas bin-nifs minn 99.4% tal-produtturi kkonċernati.

Qabel kien irreġistrat ħlas fil-ħin għall-ewwel u t-tieni ħlas bin-nifs ta' 99.6% u 97.9% ta' l-ammonti dovuti rispettivament. Id-dazju totali miġbur fl-ewwel tliet ħlasijiet bin-nifs jammonta għal madwar €78.6 miljun.

Filwaqt li dawn il-livelli juru b'mod ċar impenn min-naħa tal-produtturi li qed jieħdu sehem fl-iskema sabiex iwettqu l-obbligi tagħhom, il-Kummissjoni tqis li l-azzjoni meħuda f'dawk il-każijiet fejn il-ħlas ma sarx fil-limitu taż-żmien stipulat huwa sinjal ċar tal-livell ta' l-impenn min-naħa ta' l-awtoritajiet sabiex jiżguraw li jitħarsu b'mod korrett il-kundizzjonijiet ta' l-iskema u fl-aħħarnett il-ġbir tad-dazju dovut kollu.

F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinnota li t-tielet rapport ma jagħti l-ebda indikazzjoni ta' l-ammonti ta' dazju miġburin fil-verità wara verifiki u proċeduri ta' infurzar għall-ewwel sentejn tal-ħlas bin-nifs f'dak li għandu x'jaqsam ma' dawk il-ftit produtturi li ma kinux ħallsu. Minħabba li dawn il-produtturi huma b'hekk esklużi milli jieħdu sehem iktar fl-iskema ta' 14-il sena, u minħabba li b'hekk id-dazju kollu dovut minnhom għas-seba' perjodi koperti mid-Deċiżjoni tal-Kunsill għandu jinġabar mill-ewwel flimkien ma' l-imgħax dovut, dan it-tagħrif huwa meqjus bżonnjuż għall-finiijiet tar-rapporti annwali.

ID-DAZJU DOVUT GħALL-PERJODI MILL-1995/96 SA L-2001/02 LI MA DDAħħALX FL-ISKEMA TA' ħLAS BIN-NIFS U LI GħADU QED JIġI KKONTESTAT FIL-QRATI TALJANI

Diġà saret referenza għar-rata relattivament baxxa ta' adozzjoni tal-faċilità tal-ħlas bin-nifs f'termini ta' l-ammont ta' dazju mdaħħal. Dan ifisser li kompla x-xkiel, maħluq mill-ordni mogħtija mill-qrati nazzjonali li jitwaqqfu l-ħlasijiet sakemm tittieħed deċiżjoni finali, għall-ġbir mill-ewwel tad-dazju mingħand madwar 10,000 produttur li nħarġilhom kont ta' madwar €695 miljun bħala dazju dovut u li għażlu li jkomplu bit-tilwima tagħhom. Ir-rata relattivament baxxa ta' dawk li għażlu li jissieħbu fl-iskema fis-sena 2006 ma taffietx din is-sitwazzjoni b'mod sinifikanti.

Fir-rapport ta' valutazzjoni tagħha mressaq lill-Kunsill fi Frar 2006, il-Kummissjoni stqarret il-ħsieb li r-rapporti annwali mressqin mill-Italja fil-ġejjieni għandhom jitrattaw b'mod speċifiku t-tilwima marbuta mas-seba' perjodi kkonċernati u għandhom jagħtu dettalji li jikkonfermaw il-ħlas min-naħa tal-produtturi li t-tilwima tagħhom ma tkunx intrebħet Mingħajr dawn l-indikazzjonijiet hija mhix f'qagħda li tissorvelja b'mod tajjeb il-progress li qed isir fil-ġbir ta' dik il-parti tad-dazju li ma ddaħħlitx fil-faċilità tal-ħlas bin-nifs.

Bħala tweġiba għal din it-talba, ir-rapport Taljan jagħti lista ta' l-ammonti ta' dazju li fuqhom hemm it-tilwima li huma marbutin mas-seba' perjodi kkonċernati u li dwarhom il-qrati Taljani qatgħuha favur l-amministrazzjoni matul is-snin 2005 u 2006, li jammontaw għal €1,681,000 u li minnhom jidher li kienu rreġistrati biss €231,700 bħala mħallsa fid-data meta sar ir-rapport. Hemm indikazzjoni li l-proċeduri għall-irkupru nfurzat inbdew għall-maġġoranza ta' l-ammonti marbutin mas-sentenzi mogħtija fis-sena 2005.

Il-Kummissjoni tqis li t-tagħrif mogħti b'dan il-mod huwa limitat wisq biex hi tkun f'qagħda li tivvaluta jekk il-progress li sar fil-ġbir ta' dik il-parti tad-dazju li ma ddaħħlitx fil-faċilità tal-ħlas bin-nifs u li t-tilwima dwarha spiċċat huwiex l-aħjar. Tidher anomalija li f'Ottubru 2007 kien għadu ma ġiex irkuprat il-maġġoranza tad-dejn ikkonfermat f'sentenzi mogħtija matul is-sena 2005. Fid-dawl ta' dan kollu, ir-referenza ġenerali għall-bidu tal-proċeduri ta' rkupru nfurzat għandha titwessa' sabiex tinkludi wkoll dettalji dwar il-qagħda attwali tal-każijiet involuti.

KONKLUżJONI

Il-Kummissjoni tqis li l-progress li wettqu l-awtoritajiet Taljani fl-irkupru ta' l-ammonti dovuti mill-produtturi li għażlu li jissieħbu ma' l-iskema ta' ħlas bin-nifs għall-ħlas tad-dazju adizzjonali għall-perjodi mill-1995/96 sa l-2001/02 turi mmaniġġjar xieraq ta' dan l-irkupru. Madanakollu, il-Kummissjoni tixtieq tisħaq li, minħabba n-nuqqas ta' kwalunkwe indikazzjoni ta' l-ammonti miġbura fil-verità mill-ftit produtturi li qed jieħdu sehem fl-iskema li naqsu milli jagħmlu l-ħlasijiet bin-nifs u li għalhekk ġew esklużi milli jkomplu jieħdu sehem fiha, mhix f'qagħda li tivvaluta d-diliġenza użata jew il-progress li sar fil-ġbir tad-dazju korrispondenti.

F'dak li għandu x'jaqsam mad-dazju li ma ddaħħalx fl-iskema tal-ħlas bin-nifs, u li dwaru t-tilwima laħqet il-qofol tagħha permezz ta' sentenzi finali favur l-amministrazzjoni, il-Kummissjoni tqis li t-tagħrif mogħti huwa limitat wisq biex hi tkun tista' tivvaluta jekk il-progress fl-irkuprar hux l-aħjar. B'hekk hija titlob li r-rapporti annwali mressqin fil-ġejjieni għandhom jagħtu d-dettalji meħtieġa dwar dawn it-tipi ta' każijiet.

[1] ĠU L 184, 23.7.2003, p. 15.