KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI

MEDINA

ippreżentati fit‑12 ta’ Diċembru 2024 ( 1 )

Kawża C‑324/23 [Myszak] ( i )

OF,

EI,

RI

vs

M.K., stralċjarju ta’ Getin Noble Bank S.A., li kienet Getin Noble Bank S.A.

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali, Varsavja, il-Polonja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 93/13/KEE – Klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur – Artikolu 6(1) u Artikolu 7(1) – Ftehim ta’ self ipotekarju indiċjat fuq munita barranija – Talba mressqa minn konsumatur għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tal-kuntratt – Talba għal miżuri provviżorji li jfittxu s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt – Miżuri provviżorji – Direttiva 2014/59/UE – Bank Recovery and Resolution Directive (BRRD) – Bank taħt riżoluzzjoni – Artikolu 34(1)(b) u (g) – Prinċipji ġenerali li jirregolaw ir-riżoluzzjoni – Prinċipju li ebda kreditur ma jġarrab telf ikbar – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva”

1.

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur ( 2 ), u l-Artikolu 34(1)(b) u (g) u l-Artikolu 70(1) u (4) tad-Direttiva 2014/59/UE ( 3 ), li stabbilixxiet qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment (iktar ’il quddiem “istituzzjonijiet”).

2.

It-talba saret fil-kuntest ta’ kawża bejn OF, EI u RI (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti”), minn naħa, u M.K., il-likwidatur ta’ Getin Noble Bank S.A., min-naħa l-oħra. Ir-rikorrenti, li huma konsumaturi, ikkonkludew ftehim ta’ self ipotekarju indiċjat għall-frank Svizzeru (CHF) mal-bank konvenut, u sal-lum ma ħallsux il-pagamenti kollha miftiehma. Huma ressqu azzjoni għall-annullament ta’ dan il-kuntratt quddiem il-qorti tar-rinviju, minħabba li kien fih klawżoli inġusti. Waqt li kienu għaddejjin tali proċeduri, Getin Noble Bank tpoġġiet taħt riżoluzzjoni.

3.

Ir-rikorrenti mbagħad applikaw għal miżuri provviżorji, bil-għan li jissospendu l-obbligi tagħhom matul il-proċeduri sostantivi. Dawn il-miżuri huma kklassifikati mil-liġi nazzjonali bħala miżuri kawtelatorji, fejn ir-rikorrenti qed jitolbu s-sospensjoni tal-obbligu tagħhom li jħallsu l-pagamenti mensili tas-self matul dawn il-proċeduri sakemm il-qorti tittratta l-kawża prinċipali ( 4 ).

4.

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk huwiex possibbli li tiġi limitata l-protezzjoni li l-konsumaturi jiksbu mid-Direttiva 93/13 meta l-bank ikkonċernat ikun is-suġġett ta’ proċedura ta’ riżoluzzjoni rregolata mid-Direttiva 2014/59. Għalhekk, din il-kawża teżiġi li l-Qorti tal-Ġustizzja tfittex bilanċ bejn l-effetti ta’ dawn iż-żewġ direttivi.

I. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id‑dritt tal-Unjoni Ewropea

1. Id‑Direttiva 93/13

5.

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti”.

6.

Skont l-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri”.

1. Id‑Direttiva 2014/59

7.

Il-premessi 3, 5, 10, 31, 48, 50, 51, 60 u 69 huma rilevanti għall-finijiet ta’ dawn il-konklużjonijiet.

8.

L-Artikolu 34 ta’ din id-direttiva, intitolat “Prinċipji ġenerali li jirregolaw ir-riżoluzzjoni”, jistipula fil-paragrafu 1, u fil-punti (b) u (g) tiegħu, dan li ġej:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta japplikaw l-għodod ta’ riżoluzzjoni u jeżerċitaw is-setgħat ta’ riżoluzzjoni, l-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni jieħdu l-miżuri xierqa kollha biex jiżguraw li l-azzjoni ta’ riżoluzzjoni tittieħed skont il- prinċipji li ġejjin:

[…]

(b)

il-kredituri tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni jġarrbu t-telf wara l‑azzjonisti skont l-ordni ta’ prijorità tal-pretensjonijiet tagħhom taħt proċeduri normali ta’ insolvenza, ħlief kif altrimenti previst espressament f’din id-Direttiva;

[…]

(g)

l-ebda kreditur ma għandu jġarrab telf ikbar milli kien iġarrab kieku l-istituzzjoni jew l-entità msemmija fil-punt (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1) ġiet stralċjata taħt proċeduri ta’ insolvenza normali f’konformità mas-salvagwardji fl‑Artikoli 73 sa 75”.

9.

L-Artikolu 37 tad-Direttiva 2014/59, intitolat “Prinċipji ġenerali tal-għodod tar-riżoluzzjoni”, jgħid fil-paragrafi (1) u (3)(b) tiegħu li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni għandu jkollhom is-setgħat meħtieġa sabiex japplikaw l-istrumenti ta’ riżoluzzjoni, inkluż l-għodda ta’ istituzzjoni tranżitorja. L-Artikolu 37(6) ta’ din id-direttiva jordna li l-istituzzjonijiet li minnhom jiġu ttrasferiti l-assi għandhom jiġu stralċjati skont proċeduri normali ta’ insolvenza f’perijodu ta’ żmien raġonevoli, b’kont meħud tal-ħtieġa ta’ kontinwità ta’ servizzi essenzjali.

10.

L-Artikolu 70 tad-Direttiva 2014/59, intitolat “Setgħa li jiġu ristretti l-interessi ta’ titoli”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jkollhom is-setgħa jirrestrinġu lill-kredituri ipotekarji ta’ istituzzjoni taħt riżoluzzjoni milli jinfurzaw interessi ta’ garanzija fir-rigward ta’ kwalunkwe attivta’ dik l-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni mill-pubblikazzjoni ta’ avviż tar-restrizzjoni skont l-Artikolu 83(4) sa nofsillejl fl-Istat Membru tal-awtorità ta riżoluzzjoni fejn l-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni fi tmiem il-ġurnata tan-negozju wara dik il-pubblikazzjoni.”

11.

L-Artikolu 73 tad-Direttiva 2014/59 jistabbilixxi regoli dwar it-trattament tal-azzjonisti u l-kredituri f’każ ta’ trasferimenti parzjali u l-applikazzjoni tal-għodda ta’ rikapitalizzazzjoni interna. Sabiex jiġi evalwat jekk l-azzjonisti u l-kredituri jkunux ħadu trattament aħjar kieku l-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni kienet daħlet fi proċeduri normali ta’ insolvenza, l-Artikolu 74 ta’ din id-direttiva jobbliga lill-Istati Membri jiżguraw li ssir valutazzjoni minn persuna indipendenti. Skont l-Artikolu 75 tad-Direttiva 2014/59, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jekk il-valutazzjoni mwettqa taħt l-Artikolu 74 ta’ din id-direttiva tiddetermina li kwalunkwe azzjonista jew kreditur ikun ġarrab telf ikbar milli kieku kien iġarrab fi stralċ taħt proċeduri normali ta’ insolvenza, l-azzjonist jew kreditur ikollu dritt għal pagament tad-differenza mill-arranġamenti ta’ finanzjament tar-riżoluzzjoni.

B.   Id‑dritt Pollakk

1. Il‑Kodiċi Ċivili

12.

Skont l-Artikolu 3851(1) tal-Ustawa – Kodeks cywilny (il-Liġi li tistabbilixxi l-Kodiċi Ċivili) tat‑23 ta’ April 1964 ( 5 ), verżjoni kkonsolidata ( 6 ) (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Ċivili”), kundizzjonijiet f’kuntratt konkluż ma’ konsumatur li ma ġewx individwalment innegozjati ma għandhomx jorbtu lill-konsumatur jekk jiddefinixxu d-drittijiet u l-obbligi tal-konsumatur b’mod li jmur kontra l-prattika tajba u jippreġudika b’mod serju l-interessi tal-konsumatur (termini illegali).

2. Il‑Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili

13.

Skont l-Artikolu 7301 tal-Ustawa – Kodeks postępowania cywilnego (il-Liġi li tistabbilixxi l-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili) tas‑17 ta’ Novembru 1964 ( 7 ), verżjoni kkonsolidata ( 8 ) (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili”):

“1.   Kwalunkwe parti fil-proċeduri tista’ titlob miżuri preventivi, sakemm turi l-eżistenza prima facie tat-talba tagħha u tal-interess tagħha li titlob tali miżuri.

2.   L-interess li jintalab l-għoti ta’ miżuri preventivi jeżisti fejn l-assenza li jingħataw tali miżuri tipprevjeni jew timpedixxi serjament l-eżekuzzjoni tas-sentenza eventwali fil-każ ikkonċernat jew inkella tipprevjeni jew timpedixxi serjament il-kisba tal-għan tal-proċeduri f’dak il-każ.

[…]

3.   F’deċiżjoni ta’ talba għal miżuri preventivi, il-qorti għandha tqis l-interessi tal-partijiet fil-proċedimenti sabiex tiggarantixxi lill-benefiċjarju protezzjoni legali adegwata u ma tobbligax lid-debitur iktar milli meħtieġ.”

14.

Skont il-qorti tar-rinviju, l-Artikoli 731, 755 u 7552(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili huma wkoll rilevanti għall-kawża prinċipali.

3. Il-Liġi dwar il-Fond ta’ Garanzija Bankarja

15.

L-Artikolu 135(1) u (4) tal-Ustawa z 10 czerwca 2016 r. o Bankowym Funduszu Gwarancyjnym, systemie gwarantowania depozytów oraz przymusowej restrukturyzacji ( 9 ) (il-Liġi tal‑10 ta’ Ġunju 2016 dwar il-Fond ta’ Garanzija Bankarja, ir-Riżoluzzjoni tal-Iskema ta’ Garanzija tad-Depożiti), (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Fond ta’ Garanzija Bankarja”) jipprovdi:

“1.   Ma għandux ikun hemm bżonn ta’ ġudizzju fi proċeduri ta’ infurzar jew proċeduri għall-għoti ta’ miżuri kawtelatorji fir-rigward tal-assi ta’ istituzzjoni taħt riżoluzzjoni li tressqu qabel il-bidu ta’ riżoluzzjoni speċjali.

[…]

4.   Matul il-perijodu ta’ riżoluzzjoni speċjali, ma huwiex permissibbli li jinbdew proċeduri ta’ infurzar u proċeduri biex jiġu żgurati talbiet kontra l-entità li tkun għaddejja minn ristrutturar.”

16.

Skont l-Artikolu 142(1) ta’ din il-liġi, il-Bankowy Fundusz Gwarancyjny (il-Fond ta’ Garanzija Bankarja, il-Polonja) jista’ jissospendi d-dritt ta’ infurzar ta’ kollateral fir-rigward tal-assi ta’ istituzzjoni taħt riżoluzzjoni għal perijodu li ma jaqbiżx tmiem il-ġurnata tan-negozju wara l-pubblikazzjoni tal-avviż li jkun inħareġ dwar is-sospensjoni ta’ dak id-dritt.

4. Il‑Liġi dwar l‑Insolvenza

17.

L-Artikolu 146(1) tal-Ustawa z dnia 28 lutego 2003 r. Prawo upadłościowe (il-Liġi tat‑28 ta’ Frar 2003 dwar l-Insolvenza) ( 10 ) (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-Insolvenza”), jipprovdi li l-proċeduri ta’ eżekuzzjoni fil-konfront ta’ assi tal-patrimonju tal-insolvenza jiġu awtomatikament sospiżi ma’ dikjarazzjoni ta’ insolvenza u jintemmu ladarba s-sentenza ta’ insolvenza tkun saret vinkolanti. Taħt l-Artikolu 146(2), somom mhux imqassma minn proċeduri sospiżi għandhom jiġu inklużi fil-patrimonju tal-insolvenza. Skont l-Artikolu 146(3), l-infurzar ta’ wara d-dikjarazzjoni huwa pprojbit, ħlief għal talbiet speċifiċi ta’ manteniment jew pensjoni.

II. Il‑fatti tal‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari

18.

Fl‑2007, OF, flimkien mal-ġenituri tagħha RI u EI, ikkonkludiet ftehim ta’ self ipotekarju ma’ Getin Noble Bank b’perijodu ta’ rimbors ta’ 360 xahar għal ammont ta’ 185 375.71 zloty (PLN) (madwar EUR 40000) (iktar ’il quddiem il-“ftehim ta’ self inkwistjoni fil-kawża prinċipali”). Dan il-ftehim ta’ self kien fih klawżola li tikkonverti dan l-ammont fi franki Svizzeri (CHF) skont ir-rata tax-xiri stabbilita minn dan il-bank f’tabella. Il-pagamenti mensili, ikkalkolati f’CHF, kienu ripagabbli f’PLN bir-rata tal-bejgħ ta’ CHF, iffissata wkoll unilateralment minn dan il-bank, kif stabbilit fit-tabella tal-bank fid-data tal-iskadenza.

19.

Is-self kien maħsub sabiex ikopri parti mill-prezz tax-xiri ta’ proprjetà immobbli u l-ispejjeż relatati mat-teħid tas-self. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ġew ipprovduti b’informazzjoni dwar l-impatt tal-varjazzjonijiet fir-rati tal-imgħax u tal-kambju fuq dan il-ftehim ta’ self fil-forma ta’ tabella komparattiva.

20.

Fid‑29 ta’ Settembru 2022, il-Fond ta’ Garanzija Bankarja adotta, abbażi tal-Liġi dwar il-Fond ta’ Garanzija Bankarja, deċiżjoni sabiex tinbeda riżoluzzjoni speċjali fir-rigward ta’ Getin Noble Bank bl-użu ta’ struttura ta’ bank tranżitorju. Skont id-deċiżjoni, ġiet stabbilita entità ġdida bl-isem VELO Bank S.A., li lilha ġew ittrasferiti l-maġġoranza tad-drittijiet u l-obbligi tal-konvenuta Getin Noble Bank, bl-eċċezzjoni, madankollu, tad-drittijiet in-rem li jirriżultaw minn atti de facto jew de jure illegali relatati ma’ ftehimiet ta’ kreditu u self iddenominati f’CHF jew indiċjati għar-rata tal-kambju CHF, u pretensjonijiet li jirriżultaw minn dawn id-drittijiet in-rem, inklużi dawk koperti minn proċedimenti ċivili u amministrattivi, irrispettivament mid-data li fiha jkunu tressqu. Skont il-qorti tar-rinviju, dan ifisser li l-assi ta’ Getin Noble Bank jikkonsistu prinċipalment minn talbiet li jirriżultaw minn kuntratti ta’ self li, bħal fil-każ tar-rikorrenti, fihom klawżoli kuntrattwali allegatament inġusti li jistgħu jiġu kkontestati retrospettivament.

21.

Minn dikjarazzjonijiet magħmula fil-midja mill-Fond ta’ Garanzija Bankarja deher li t-talba għall-insolvenza u għall-għeluq ta’ Getin Noble Bank kienet se tiġi ppreżentata fi żmien sena.

22.

Ir-rikorrenti ressqu azzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, fejn talbu dikjarazzjoni li l-ftehim ta’ self inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa invalidu u l-għoti ta’ PLN 48 352.97 u CHF 27 171.82 (li jikkorrispondu għal madwar 95 % tal-kapital miġbud), flimkien ma’ imgħaxijiet moratorji statutorji u spejjeż legali. Ir-rikorrenti ddikjaraw li l-ftehim ta’ self kien fih klawżoli kuntrattwali illegali li jikkonċernaw l-indiċjar tal-ammont tas-self għal munita barranija. L-ammont mitlub jirrappreżenta s-somma tal-ħlasijiet magħmula mir-rikorrenti. Sussidjarjament, ir-rikorrenti talbu l-possibbiltà li jkomplu l-ftehim, ladarba l-klawżoli inġusti jkunu tneħħew minnu.

23.

Getin Noble Bank talbet li r-rikors jiġi miċħud u ma qablitx li t-termini tal-kuntratt kienu illegali.

24.

Wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni, ir-rikorrenti ppreżentaw talba għall-għoti ta’ miżuri provviżorji, fejn talbu li t-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tiġi ggarantita billi jiġu ffissati d-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet fil-kawża għat-tul taż-żmien tal-proċeduri sostantivi. B’mod partikolari, huma talbu s-sospensjoni tal-obbligu li jitħallsu l-ħlasijiet mensili tas-self għall-perijodu mill-preżentata tar-rikors sat-tmiem tal-proċeduri. Barra minn hekk, ir-rikorrenti talbu li l-konvenuta tiġi pprojbita milli toħroġ avviż ta’ terminazzjoni u milli tippubblika informazzjoni mal-Biuro Informacji Gospodarczej (l-Uffiċċju ta’ Informazzjoni Ekonomika, il-Polonja) dwar in-nuqqas mir-rikorrenti li jħallsu s-self fil-perijodu mill-għoti tal-miżura kawtelatorja sal-konklużjoni tal-proċeduri.

25.

Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li fil-proċeduri għal miżuri provviżorji l-qorti tiddeċiedi dwar miżuri kawtelatorji abbażi ta’ prova prima facie tat-talbiet tal-partijiet, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-provi kollha miġbura fil-kawża fil-mertu. Skont il-qorti tar-rinviju, (i) ir-rikorrenti huma konsumaturi, (ii) it-termini tal-ftehim ta’ self inkwistjoni huma inġusti peress li jimponu riskju tar-rata tal-kambju fuq il-konsumaturi u jippermettu lill-bank jiddetermina b’mod arbitrarju d-differenza fil-kambju ( 11 ), u (iii) l-emendi tal-kuntratt konklużi mill-partijiet ma kellhomx l-effett li jirrendu dawn it-termini validi.

26.

Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jkun possibbli li jingħataw miżuri provviżorji li jippermettu s-sospensjoni tal-obbligu tar-rikorrenti li jħallsu l-ħlasijiet mensili tas-self fil-kawża fuq il-mertu. Madankollu, skont l-Artikolu 135(1) u (4) tal-Liġi dwar il-Fond ta’ Garanzija Bankarja, kif interpretata mill-qrati nazzjonali, meta bank ikun taħt riżoluzzjoni, dawn il-qrati għandhom jiddeċiedu li ma jkunx hemm ħtieġa ta’ deċiżjoni dwar talba għal miżuri provviżorji. Skont il-qorti tar-rinviju, tali interpretazzjoni tinjora d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13 u ċċaħħad lill-konsumatur mid-drittijiet tiegħu taħt din id-direttiva.

27.

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, peress li l-akkoljiment ta’ talba bħal dik magħmula fil-kawża prinċipali tkun permissibbli fi proċeduri normali ta’ insolvenza, interpretazzjoni tal-Artikolu 135(1) u (4) tal-Liġi dwar il-Fond ta’ Garanzija Bankarja, li ma tippermettix is-sigurtà li tali talba tintlaqa’, tkun ta’ żvantaġġ għall-konsumaturi li huma kredituri meta mqabbla ma’ dawn il-konsumaturi f’banek li huma stralċjati taħt proċeduri ta’ insolvenza. B’hekk, l-adozzjoni ta’ tali interpretazzjoni tkun kuntrarja għall-Artikolu 34(1)(g) tad-Direttiva 2014/59.

28.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali, Varsavja, il-Polonja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“L-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-[Direttiva 93/13 KEE], moqrija fid-dawl tal-prinċipji ta’ effettività u ta’ proporzjonalità kif ukoll l-Artikolu 34(1)(b) u (g), u l-Artikolu 70(1) u (4) tad‑[Direttiva 2014/59/UE], għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, li ma tippermettix li tilqa’ talba għal miżuri provviżorji mressqa minn konsumatur kontra bank li jkun suġġett għal proċedura ta’ riżoluzzjoni bil-ħsieb li tinkiseb is-sospensjoni, sa tmiem il-proċeduri ġudizzjarji, tal-obbligu li jitħallsu l-pagamenti mensili, li jinkludu l-kapital u l-interessi, dovuti skont kuntratt ta’ kreditu li probabbilment ser jiġi ddikjarat bħala null mill-qorti minħabba t-tneħħija tal-klawżoli inġusti li jinsabu fih, u dan għall-unika raġuni li dan il-bank huwa suġġett għal proċedura ta’ riżoluzzjoni?”

III. Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

29.

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-Gvern Pollakk u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Dawn il-partijiet kollha ppreżentaw osservazzjonijiet orali waqt is-seduta, li saret fis‑17 ta’ Ottubru 2024, kif għamlet il-konvenuta fil-kawża prinċipali.

IV. Evalwazzjoni

A.   Riformulazzjoni tad‑domanda

30.

Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li l-Artikolu 135(1) u (4) tal-Liġi dwar il-Fond ta’ Garanzija Bankarja jikkostitwixxi traspożizzjoni żbaljata tal-Artikolu 70(1) tad-Direttiva 2014/59.

31.

F’dan ir-rigward, kif iddikjarat mill-Gvern Pollakk u mill-Kummissjoni, jidher li l-Artikolu 70(1) tad-Direttiva 2014/59 kien fil-fatt traspost fid-dritt Pollakk bl-Artikolu 142(1) tal-Liġi dwar il-Fond ta’ Garanzija Bankarja, li għandu kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis differenti minn dak tal-Artikolu 135(1) u (4) tiegħu. B’mod partikolari, l-Artikolu 135(1) tal-Liġi dwar il-Fond ta’ Garanzija Bankarja jittratta proċeduri għall-għoti ta’ miżuri kawtelatorji li tressqu qabel il-bidu ta’ proċess ta’ riżoluzzjoni, filwaqt li l-Artikolu 135(4) tal-istess liġi jikkonċerna talbiet magħmula fir-rigward tal-entità taħt riżoluzzjoni matul il-perijodu ta’ riżoluzzjoni speċjali. Madankollu, l-Artikolu 70(1) tad-Direttiva 2014/59 ikopri perijodu ta’ żmien qasir ħafna, mill-pubblikazzjoni ta’ avviż tar-restrizzjoni ( 12 ) sa nofs il-lejl fl-Istat Membru tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni fi tmiem il-ġurnata tan-negozju wara din il-pubblikazzjoni.

32.

Fi kwalunkwe każ, nirrimarka li fil-Kawża C‑34/23 ( 13 ) – kawża reċenti b’ċirkustanzi fattwali simili għal din il-kawża – il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet mistoqsija dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 70(1) tad-Direttiva 2014/59 b’rabta mal-Artikolu 135(1) u (4) tal-Liġi dwar il-Fond ta’ Garanzija Bankarja. Fid-digriet tagħha f’dik il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-kawża prinċipali kienet tikkonċerna talba għal miżuri provviżorji, li manifestament ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 70(1) tad-Direttiva 2014/59.

33.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat speċifikament li t-talba fil-kawża prinċipali, li permezz tagħha r-rikorrenti kienu talbu miżuri kawtelatorji fir-rigward ta’ ftehim ta’ self, ma kienet tikkonċerna ebda garanziji. Il-Qorti żiedet tgħid li “konsumatur li jkun ressaq talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ ftehim ta’ self ipotekarju konkluż ma’ Getin Noble Bank, ma għandux l-istatus ta’ ‘kreditur ipotekarju’ ta’ dak il-bank, fis-sens tal-Artikolu 70(1) tad-Direttiva 2014/59” ( 14 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kawża prinċipali manifestament ma kinitx taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, b’tali mod li d-domanda preliminari, li kienet tirrigwarda esklużivament interpretazzjoni tagħha, ma kellha ebda relazzjoni mas-suġġett tal-kawża ( 15 ).

34.

Tabilħaqq, huwa minnu li d-debituri, taħt ftehim ta’ self (li jistgħu jsiru kredituri jekk is-self jiġi ddikjarat null minn qorti), jistgħu jitqiesu bħala kredituri potenzjali jew saħansitra fl-aħħar mill-aħħar bħala kredituri. Madankollu, fir-rigward tal-kuntratti ta’ kreditu għall-konsum, kreditur ipotekarju, kif spjegat il-Kummissjoni waqt is-seduta, huwa sellief jew kreditur li għandu pretensjoni legali għall-proprjetà jew l-assi tad-debitur. Għaldaqstant, jidher li dawk ir-rikorrenti li ma għandhomx pretensjoni legali fuq il-proprjetà inkwistjoni ma humiex “kredituri ipotekarji” taħt din id-dispożizzjoni.

35.

F’dan il-każ, ir-rikorrenti, li huma konsumaturi, qed jitolbu wkoll miżuri kawtelatorji fir-rigward ta’ ftehim ta’ self ma’ istituzzjoni taħt riżoluzzjoni. Għalhekk, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala “kredituri ipotekarji”, bl-istess mod bħal fil-kawża li tat lok għad-digriet imsemmi iktar ’il fuq. Minn dan isegwi, mutatis mutandis, li l-Artikolu 70(1) tad-Direttiva 2014/59 ma għandu ebda relazzjoni mas-suġġett ta’ din il-kawża. Konsegwentement, skont dan id-digriet reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja, din it-talba għal deċiżjoni preliminari hija manifestament inammissibbli sa fejn tikkonċerna din id-dispożizzjoni. Peress li l-Artikolu 70(4) ta’ din id-direttiva jirreferi għall-eżerċizzju ta’ setgħa fl-ambitu ta’ dan l-istess artikolu, din id-dispożizzjoni wkoll ma hijiex rilevanti għall-finijiet tal-kawża preżenti.

36.

Għaldaqstant, id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju għandha tiġi fformulata mill-ġdid sabiex, essenzjalment, tistaqsi jekk l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, moqrija fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività, u flimkien mal-Artikolu 34(1)(b) u (g) tad-Direttiva 2014/59, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni jew prattika nazzjonali li ma tippermettix l-għoti ta’ miżuri provviżorji sabiex jiġi sospiż, sakemm jiġu deċiżi l-proċeduri ġudizzjarji, l-obbligu li jsiru ħlasijiet mensili tas-self, għar-raġuni unika li l-bank konvenut huwa suġġett għal proċedura ta’ riżoluzzjoni rregolata mid-Direttiva 2014/59 ( 16 ).

37.

Peress li, permezz tad-domanda preliminari tagħha, l-qorti tar-rinviju għandha l-għan li tistabbilixxi l-interazzjoni bejn id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/59 u d-Direttiva 93/13, moqrija fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività, ser nibda billi neżamina dawn id-dispożizzjonijiet, u mbagħad indur għall-interazzjoni reċiproka tagħhom.

B.   L-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) u tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13

38.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li klawżola kuntrattwali ddikjarata inġusta għandha titqies, bħala prinċipju, li qatt ma eżistiet, b’mod illi ma jistax ikollha effetti fil-konfront tal-konsumatur. Konsegwentement, il-konstatazzjoni ġudizzjarja tan-natura inġusta ta’ tali klawżola għandha, bħala prinċipju, ikollha l-effett li tistabbilixxi mill-ġdid is-sitwazzjoni fid-dritt u fil-fatt li l-konsumatur kien jinsab fiha fl-assenza tal-imsemmija klawżola. L-obbligu għall-qorti nazzjonali li ma tapplikax klawżola kuntrattwali inġusta li timponi l-ħlas ta’ ammonti li jirriżulta li ma humiex dovuti għandu, bħala prinċipju, effett restitutorju fir-rigward ta’ dawn l-istess ammonti ( 17 ). Jista’ jiġi affermat li, fejn il-banek ikunu qed joperaw f’ċirkustanzi normali, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet b’mod konsistenti l-protezzjoni tal-konsumatur meta din tkun f’kunflitt mal-interessi tal-istituzzjonijiet finanzjarji, speċjalment fil-kuntest ta’ klawżoli inġusti fil-kuntratti ( 18 ).

39.

F’din il-kawża, il-qorti tar-rinviju tqis li, jekk hija tikkonstata li ċerti klawżoli tal-ftehim ta’ self ipotekarju inkwistjoni huma inġusti, il-kumplament tal-ftehim ta’ self ipotekarju inkwistjoni ma jkunx jista’ jitkompla wara li dawn it-termini jkunu tneħħew u jkun meħtieġ li jiġi annullat il-kuntratt fl-intier tiegħu. Għalhekk, dawn il-konklużjonijiet huma bbażati fuq il-premessa li l-qorti tar-rinviju hija ċerta biżżejjed mill-ħtieġa li tiddikjara l-ftehim ta’ self ipotekarju inkwistjoni bħala invalidu, b’mod li konsumatur ikollu talba kontra l-bank għar-rimbors tas-somom diġà mħallsa taħt dak il-ftehim.

40.

Fir-rigward tal-kwistjoni tal-għoti ta’ miżuri provviżorji, id-dritt tal-Unjoni ma jarmonizzax il-proċedimenti applikabbli għall-eżami tan-natura allegatament inġusta ta’ klawżola kuntrattwali. Għalhekk, dawn il-proċedimenti jaqgħu taħt l-ordinament ġuridiku intern tal-Istati Membri ( 19 ), skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, bil-kundizzjoni, madankollu, li jikkonformaw mal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività ( 20 ).

41.

B’mod partikolari, fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività, għandu jiġi enfasizzat li l-obbligu għall-Istati Membri li jiżguraw l-effettività tad-drittijiet li l-individwi jisiltu mid-dritt tal-Unjoni jimplika, b’mod partikolari għad-drittijiet li jirriżultaw mid-Direttiva 93/13, rekwiżit ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, stabbilit ukoll fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, applikabbli, fost oħrajn, f’dak li jirrigwarda d-definizzjoni tal-modalitajiet proċedurali relatati mal-azzjonijiet ġudizzjarji bbażati fuq tali drittijiet ( 21 ). Hija ġurisprudenza stabbilita li qorti nazzjonali adita b’kawża rregolata mid-dritt tal-Unjoni għandha tkun f’pożizzjoni li tagħti rimedju provviżorju sabiex tiġi żgurata l-effettività sħiħa tas-sentenza li għandha tingħata fuq l-eżistenza tad-drittijiet invokati skont id-dritt tal-Unjoni ( 22 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet mogħtija lill-individwi taħt id-dritt tal-Unjoni għandu jkun interpretat fis-sens li jirrikjedi, fl-ordinament ġuridiku ta’ Stat Membru, li jkunu jistgħu jiġu awtorizzati miżuri provviżorji sakemm il-qorti kompetenti tiddeċiedi dwar il-konformità tad-dispożizzjonijiet nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni, fejn l-għoti ta’ dawn il-miżuri jkun neċessarju sabiex jiggarantixxi l-effikaċja sħiħa tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata dwar l-eżistenza ta’ dawn id-drittijiet ( 23 ). Fil-qosor, qorti nazzjonali adita b’tilwima rregolata mid-dritt tal-Unjoni għandha tkun f’pożizzjoni li tagħti rimedju provviżorju sabiex tiġi żgurata l-effettività sħiħa tas-sentenza li għandha tingħata fuq l-eżistenza tad-drittijiet invokati skont id-dritt tal-Unjoni.

42.

Barra minn hekk, il-kwistjoni tal-għoti ta’ miżuri provviżorji fil-kuntest ta’ proċeduri relatati mad-drittijiet li l-konsumaturi jiksbu mid-Direttiva 93/13 kienet is-suġġett ta’ diversi sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, fosthom, reċentement, is-sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2023, Getin Noble Bank (Sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-ftehim ta’ self) ( 24 ), li ngħatat wara din it-talba għal deċiżjoni preliminari iżda li tikkonċerna ċirkustanzi fattwali relattivament simili għaliha ( 25 ).

43.

F’dik il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li d-Direttiva 93/13 tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tippermettix lill-qorti li tiddeċiedi fil-mertu, li jkollha ġurisdizzjoni sabiex tevalwa n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali, tadotta miżuri provviżorji, bħas-sospensjoni ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni, meta l-għoti ta’ dawn il-miżuri jkun neċessarju sabiex tiġi ggarantita l-effettività sħiħa tad-deċiżjoni finali tagħha, peress li din il-leġiżlazzjoni hija ta’ natura li tippreġudika l-effettività tal-protezzjoni mixtieqa mill-imsemmija direttiva ( 26 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat ukoll li jista’ jkun neċessarju li jingħataw tali miżuri, b’mod partikolari, meta jkun hemm riskju li l-konsumatur iħallas, matul proċedura ġudizzjarja li t-tul tagħha jista’ jkun kunsiderevoli, pagamenti mensili ta’ ammont ogħla minn dak effettivament dovut li kieku l-klawżola kkonċernata kellha tiġi injorata ( 27 ).

44.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, għaldaqstant, il-protezzjoni ggarantita lill-konsumaturi mid-Direttiva 93/13, b’mod partikolari fl-Artikolu 6(1) u fl-Artikolu 7(1) tagħha, teħtieġ li l-qorti nazzjonali għandha tkun tista’ tagħti miżura provviżorja xierqa, jekk dan ikun neċessarju sabiex tiġi ggarantita l-effettività sħiħa tad-deċiżjoni li għandha tingħata f’dak li jirrigwarda n-natura inġusta ta’ klawżoli kuntrattwali ( 28 ). B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-għoti ta’ tali miżura provviżorja jidher iktar u iktar neċessarju meta l-imsemmi konsumatur ikun ħallas lill-bank ikkonċernat ammont ogħla minn dak tas-somma mislufa anki qabel ma jkun beda proċedura ( 29 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet, fis-sustanza, li ġurisprudenza nazzjonali li tirrifjuta l-għoti ta’ miżuri provviżorji intiżi għas-sospensjoni tal-ħlas ta’ pagamenti mensili dovuti abbażi ta’ ftehim ta’ self, filwaqt li dawn il-miżuri huma neċessarji sabiex tiġi ggarantita l-protezzjoni mogħtija lill-konsumaturi mid-Direttiva 93/13, ma tidhirx li hija konformi mal-prinċipju ta’ effettività u, għaldaqstant, ma hijiex kompatibbli mal-Artikolu 6(1) u mal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 ( 30 ).

45.

Minn dan isegwi li l-obbligu għall-Istati Membri li jiżguraw l-effettività tad-drittijiet li l-individwi jisiltu mid-dritt tal-Unjoni jimplika, b’mod partikolari għad-drittijiet li jirriżultaw mid-Direttiva 93/13, rekwiżit ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, iggarantit ukoll mill-Artikolu 47 tal-Karta, li jfisser li, meta konsumatur jiftaħ proċeduri kontra bank u fihom jitlob in-nullità ta’ kuntratt minħabba klawżoli inġusti li jinsabu fih, il-qorti nazzjonali għandha tkun tista’ tagħti miżuri provviżorji li jissospendu l-eżekuzzjoni ta’ tali ftehim ta’ self sakemm ikunu pendenti dawk il-proċeduri.

46.

Dan premess, l-Artikolu 47 tal-Karta għandu effett dirett f’kawża bħal din ( 31 ). Peress li d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ggarantit minn din id-dispożizzjoni ma huwiex dritt assolut ( 32 ), huwa kompitu tal-qorti nazzjonali li, meta tapplika d-dritt tal-Unjoni, tibbilanċja l-interessi inkwistjoni u tieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex tiggarantixxi d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Fir-rigward tal-interessi involuti fil-kawża preżenti, il-qorti tar-rinviju tenfasizza, minn naħa, l-għan tal-effettività tar-riżoluzzjoni u, b’mod partikolari, l-istabbiltà finanzjarja tas-sistema bankarja, u, min-naħa l-oħra, il-protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-konsumatur. Għalhekk jeħtieġ li jiġu eżaminati l-effetti li jirriżultaw mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2014/59.

C.   L-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/59

47.

Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li b’riżultat tal-ftuħ ta’ proċeduri ta’ riżoluzzjoni fir-rigward ta’ Getin Noble Bank, ma huwiex permess, skont l-Artikolu 135(1) u (4) tal-Liġi dwar il-Fond ta’ Garanzija Bankarja, li jingħataw miżuri provviżorji lill-konsumaturi. Għalhekk, il-kwistjoni ewlenija f’dan il-każ hija jekk, fl-applikazzjoni tad-Direttiva 2014/59, id-drittijiet tal-konsumaturi jistgħux ikunu limitati. F’dan il-kuntest, il-qorti tirreferi, b’mod partikolari, għall-Artikolu 34(1)(b) u (g) tad-Direttiva 2014/59. Qabel ma jiġu analizzati l-prinċipji stabbiliti f’din id-dispożizzjoni, għandha l-ewwel tiġi analizzata il-portata tagħha.

1. Il-portata tal-Artikolu 34(1)(b) u (g) tad-Direttiva 2014/59

a) Il-kunċett ta’ “azzjoni ta’ riżoluzzjoni”, “għodod ta’ riżoluzzjoni” u “setgħat ta’ riżoluzzjoni” fis-sens tal-Artikolu 34(1) tad-Direttiva 2014/59

48.

Mill-bidu, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 34(1) tad-Direttiva 2014/59 jirreferi għal tliet kunċetti, jiġifieri “l-għodod ta’ riżoluzzjoni”, “is-setgħat ta’ riżoluzzjoni”, u “l-azzjoni ta’ riżoluzzjoni”. Fil-fehma tiegħi, dawn it-tliet kunċetti ma għandhomx l-istess portata, b’tali mod li, meta tintuża għodda istituzzjonali tranżitorja, din id-dispożizzjoni tista’ tapplika għas-setgħat u l-azzjonijiet ta’ riżoluzzjoni u għalhekk għal atti li jikkonċernaw l-entità residwa inkwistjoni.

49.

L-ewwel, ninnota li l-espressjoni “azzjoni ta’ riżoluzzjoni” tfisser, skont l-Artikolu 2(1)(40) ta’ din id-direttiva, id-deċiżjoni li istituzzjoni jew entità msemmija fil-punti (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1) titpoġġa taħt riżoluzzjoni skont l-Artikolu 32 jew l-Artikolu 33, l-applikazzjoni ta’ għodda ta’ riżoluzzjoni, jew l-eżerċizzju ta’ setgħa waħda jew iktar ta’ riżoluzzjoni. F’dan ir-rigward, huwa ċar li l-espressjoni “azzjoni ta’ riżoluzzjoni” għalhekk tinkludi mhux biss dawk l-għodod u setgħat, iżda wkoll id-deċiżjoni li istituzzjoni jew entità titqiegħed taħt riżoluzzjoni, li tagħmilha terminu ġenerali li jirreferi għal atti differenti relatati mal-proċedura ta’ riżoluzzjoni.

50.

It-tieni, l-espressjoni “għodda ta’ riżoluzzjoni” f’din id-dispożizzjoni tfisser, taħt l-Artikolu 2(1)(19) ta’ din id-direttiva, l-għodda ta’ riżoluzzjoni msemmija fl-Artikolu 37(3) tagħha, jiġifieri l-għodda tal-bejgħ ta’ operat, l-għodda ta’ istituzzjoni tranżitorja, l-għodda tas-separazzjoni tal-assi, u l-għodda tar-rikapitalizzazzjoni interna.

51.

F’dan il-każ, jidher li l-għodda ta’ riżoluzzjoni li ġiet applikata kienet l-għodda ta’ istituzzjoni tranżitorja fis-sens tal-Artikolu 37(3)(b) tad-Direttiva 2014/59 u skont l-Artikolu 40 tagħha. It-talba għal miżuri provviżorji fil-kawża prinċipali tirrigwarda assi (self denominat f’munita barranija) li baqgħu f’Getin Noble Bank, jiġifieri, l-entità inizjali (jew l-entità residwa). Għall-kuntrarju, hija ma tirrigwardax l-assi ttrasferiti lill-istituzzjoni tranżitorja, jiġifieri lil Velo Bank, maħluqa taħt il-proċedura ta’ riżoluzzjoni.

52.

Skont l-Artikolu 37(6) tad-Direttiva 2014/59, moqri fid-dawl tal-premessi 50, 60 u 69 tal-istess direttiva, meta jiġu applikati l-għodod ta’ riżoluzzjoni msemmija fil-punt (a) jew (b) tal-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, u dawn l-għodod jintużaw sabiex tiġi ttrasferita parti biss mill-assi, drittijiet jew obbligazzjonijiet tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni, l-istituzzjoni jew entità residwa minn fejn l-assi, id-drittijiet jew l-obbligazzjonijiet ġew ittrasferiti għandha tiġi stralċjata skont proċeduri normali ta’ insolvenza. Għalhekk, f’dan il-każ, peress li ntużat l-għodda ta’ istituzzjoni tranżitorja, l-assi li baqgħu f’Getin Noble Bank huma suġġetti għal proċeduri normali ta’ insolvenza.

53.

Il-perijodu ta’ żmien wara d-deċiżjoni li tiġi applikata l-għodda tal-istituzzjoni tranżitorja u qabel l-istralċ tal-istituzzjoni jew tal-entità taħt proċeduri ta’ insolvenza għandu jkun kopert ukoll mill-kunċett ta’ “għodod ta’ riżoluzzjoni”, peress li l-applikazzjoni ta’ din l-għodda tistabbilixxi l-istatus tal-entità residwa matul dan il-perijodu. Il-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 34(1)(b) u (g) tad-Direttiva 2014/59 ma jibqgħux rilevanti għall-finijiet tal-assi li jibqgħu fl-istituzzjoni jew fl-entità residwa biss wara li jkun inbeda l-istralċ tal-istituzzjoni jew tal-entità taħt proċeduri normali ta’ insolvenza.

54.

It-tielet, l-Artikolu 34(1) tad-Direttiva 2014/59 jirreferi wkoll għall-espressjoni “setgħat ta’ riżoluzzjoni”, li skont l-Artikolu 2(1)(20) ta’ din id-direttiva hija ddefinita bħala setgħa msemmija fl-Artikoli 63 sa 72 tagħha.

55.

F’dan ir-rigward, jiena ninnota li dawn l-artikoli tal-aħħar jinkludu firxa wiesgħa ta’ setgħat.

56.

B’mod partikolari, peress li l-Artikolu 63(1)(d) jirreferi għas-“setgħa li jittrasferixxu lil entità oħra, bil-kunsens ta’ dik l-entità, drittijiet, assi jew obbligazzjonijiet ta’ istituzzjoni taħt riżoluzzjoni”, jidher li l-kunċett ta’ “setgħat ta’ riżoluzzjoni” tkopri d-deċiżjoni li tinbeda riżoluzzjoni speċjali fir-rigward tal-bank konvenut li juża struttura ta’ bank tranżitorju, u l-atti li għandhom x’jaqsmu mal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni u mal-istituzzjoni jew entità residwa qabel ma titqiegħed taħt proċeduri normali ta’ insolvenza.

57.

Għaldaqstant, sa fejn l-Artikolu 34(1) tad-Direttiva 2014/59 jirreferi għal “azzjoni ta’ riżoluzzjoni”, “għodod ta’ riżoluzzjoni” u “setgħat ta’ riżoluzzjoni”, din id-dispożizzjoni tabilħaqq tidher li tapplika għad-deċiżjoni inizjali li permezz tagħha l-awtoritajiet nazzjonali jiddeċiedu li jpoġġu l-entità taħt riżoluzzjoni. Din tapplika wkoll għas-sitwazzjoni tal-istituzzjoni jew entità residwa qabel ma tiġi stralċjata fil-kuntest ta’ proċedura normali ta’ insolvenza, jiġifieri, f’dan il-każ, Getin Noble Bank, u għalhekk għall-eżami ta’ talba għal miżuri kawtelatorji ppreżentata lill-qorti fil-konfront ta’ din l-istituzzjoni jew entità residwa.

58.

Konsegwentement, jiena tal-fehma li l-prinċipji ġenerali li jirregolaw ir-riżoluzzjoni stabbiliti fl-Artikolu 34(1)(b) u (g) tad-Direttiva 2014/59 japplikaw għal sitwazzjoni fejn ir-rikorrenti jitolbu miżuri kawtelatorji (miżuri provviżorji) fil-kuntest ta’ proċeduri miġjuba kontra entità residwa qabel ma tiġi stralċjata taħt proċeduri normali ta’ insolvenza, peress li tali entità residwa kienet is-suġġett tal-azzjonijiet, l-għodod u s-setgħat ta’ riżoluzzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali.

b) Il-kunċett ta’ “kreditur” fis-sens tal-Artikolu 34(1)(b) u (g) tad-Direttiva 2014/59

59.

Għandu jiġi ddeterminat jekk konsumaturi bħal ma huma r-rikorrenti, li fetħu proċeduri sabiex jiksbu dikjarazzjoni dwar l-invalidità tal-ftehim ta’ self inkwistjoni minħabba klawżoli kuntrattwali inġusti applikati fih, humiex ukoll “kredituri” fis-sens tal-Artikolu 34(1)(b) u (g) tad-Direttiva 2014/59.

60.

Tipikament, il-kunċett ta’ “kreditur” jirreferi għal kwalunkwe entità jew persuna li għandha pretensjoni kontra d-debitur. Sal-punt, f’dan il-każ, li l-konsumaturi inkwistjoni qegħdin jitolbu s-sospensjoni tal-obbligu tagħhom li jħallsu l-ħlasijiet mensili tas-self, jidher, prima facie, li huma debituri. Madankollu, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li r-rikorrenti huma kredituri potenzjali peress li l-proċeduri li fetħu huma ferm probabbli li jwasslu għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tal-ftehim ta’ self inkwistjoni fl-intier tiegħu.

61.

Id-Direttiva 2014/59 ma tiddefinixxix espliċitament it-tip ta’ obbligi li jagħtu lok għall-istatus ta’ kreditur u għalhekk ma timponi ebda limitazzjoni f’dan ir-rigward. Għalhekk, it-terminu “kreditur” għandu jiġi interpretat b’tali mod li jinkludi wkoll kredituri potenzjali meta dawn ikunu konsumaturi u jkun hemm probabbiltà kbira li t-talba tagħhom ta’ invalidità tiġi milqugħa mill-qorti nazzjonali ( 33 ). Din l-interpretazzjoni hija konformi mal-għanijiet usa’ li jiġu żgurati l-protezzjoni u t-trattament ġust tal-partijiet interessati kollha involuti fil-proċess ta’ riżoluzzjoni stabbilit mid-Direttiva 2014/59 ( 34 ).

62.

Fil-kawża preżenti, anki jekk il-qorti nazzjonali għadha ma tatx sentenza dwar l-invalidità tal-ftehim ta’ self inkwistjoni fil-kawża prinċipali, it-talba tar-rikorrenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità hija azzjoni legali formali li tista’ tirriżulta f’bidla ta’ status minn debitur għal kreditur.

63.

Konsegwentement, ir-rikorrenti jistgħu jitqiesu bħala kredituri fis-sens tal-Artikolu 34(1)(b) u (g) tad-Direttiva 2014/59, anki jekk il-qorti għadha ma tatx id-deċiżjoni tagħha dwar il-validità tal-ftehim ta’ self. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li huwa l-kompitu biss tal-qorti nazzjonali adita bil-kawża li tiddetermina, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, jekk f’dan il-każ hemmx probabbiltà suffiċjenti li d-debitur isir kreditur b’dan il-mod. Dawn il-konklużjonijiet huma bbażati fuq il-premessa li l-konsumaturi inkwistjoni huma tabilħaqq kredituri fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

2. Il‑kontenut tal‑prinċipji stabbiliti fl‑Artikolu 34(1)(b) u (g) tad‑Direttiva 2014/59

64.

L-Artikolu 34(1) tad-Direttiva 2014/59 jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali li jirregolaw ir-riżoluzzjoni, inkluż, l-ewwel, il-prinċipju li l-azzjonisti għandhom iġarrbu l-ewwel telf (punt (a)), u li l-kredituri għandhom iġarrbu t-telf wara l-azzjonisti, skont l-ordni ta’ prijorità tal-pretensjonijiet tagħhom taħt proċeduri normali ta’ insolvenza, ħlief kif altrimenti previst espressament (punt (b)). It-tieni, l-Artikolu 34(1)(g) tad-Direttiva 2014/59 jistabbilixxi l-prinċipju li “l-ebda kreditur ma għandu jġarrab telf ikbar”, li jeħtieġ li l-proċeduri ta’ ristrutturar taħt din id-direttiva jitwettqu mill-awtoritajiet nazzjonali b’mod li l-ebda kreditur ma jġarrab telf ikbar milli kien iġarrab taħt proċeduri normali ta’ insolvenza. Dan il-prinċipju huwa meqjus bħala l-pedament tas-sistemi ta’ riżoluzzjoni ( 35 ).

a) Il-paragun tar-riżoluzzjoni mat-trattament irċevut taħt proċeduri normali ta’ insolvenza

65.

Minn naħa, il-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 34(1)(b) tad-Direttiva 2014/59 jikkonċernaw l-ordni li fiha għandu jiġi sostnut it-telf: jiġifieri l-azzjonisti l-ewwel, u sussegwentement il-kredituri. Dan il-prinċipju għandu jinqara fid-dawl tal-prinċipju fundamentali li jirfed id-Direttiva 2014/59, li jinsab stipulat fil-premessi 5 u 50 tagħha, li jipprovdi li l-ispejjeż ta’ riżoluzzjoni ta’ bank għandhom jitħallsu primarjament mill-azzjonisti tal-bank u mhux mill-kredituri tiegħu.

66.

Min-naħa l-oħra, il-prinċipju li l-ebda kreditur ma għandu jġarrab telf ikbar, stabbilit taħt l-Artikolu 34(1)(g) tad-Direttiva 2014/59 jiżgura li l-miżuri ta’ riżoluzzjoni jkunu mfassla b’tali mod li l-kredituri jiġu ttrattati tal-inqas bl-istess mod favorevoli li bih ikunu taħt il-proċeduri nazzjonali ta’ insolvenza. L-applikazzjoni tiegħu tinvolvi paragun ta’ dak li kreditur irċieva fil-kuntest ta’ riżoluzzjoni u dak li kien jirċievi fil-każ ta’ proċeduri normali ta’ insolvenza. Il-prinċipju li l-ebda kreditur ma għandu jġarrab telf ikbar jiżgura li l-proċess ta’ riżoluzzjoni jkun ġust u prevedibbli, filwaqt li jżomm livell ta’ ekwivalenza mal-proċeduri nazzjonali ta’ insolvenza billi jipproteġi d-drittijiet tal-kredituri. Għalhekk, dan il-prinċipju jitqies bħala salvagwardja ewlenija li tiżgura li l-azzjonijiet ta’ riżoluzzjoni ma jkunux ta’ detriment ikbar għall-kredituri mill-proċeduri normali ta’ insolvenza.

67.

Madankollu, huwa importanti li jiġi enfasizzat il-fatt li l-proċeduri ta’ insolvenza jikkostitwixxu qasam ta’ azzjoni li fih l-Istati Membri jistgħu jeżerċitaw is-setgħat tagħhom stess, peress li l-liġijiet dwar l-insolvenza ma humiex armonizzati fil-livell tal-Unjoni ( 36 ). L-Artikolu 34(1)(g) tad-Direttiva 2014/59 huwa għalhekk rilevanti biss għall-evalwazzjoni tat-trattament ugwali tal-kredituri f’sitwazzjonijiet ta’ proċeduri ta’ riżoluzzjoni u proċeduri ta’ insolvenza taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali eżaminata mill-qorti tar-rinviju.

68.

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju hija tal-fehma li l-għoti ta’ protezzjoni permezz ta’ sospensjoni tal-obbligu tal-ħlas mensili tas-self taħt il-ftehim inkwistjoni fil-kawża prinċipali jista’ jkun ammissibbli fi proċeduri ta’ insolvenza ( 37 ). Għalhekk, miżura nazzjonali li ma tippermettix li tingħata garanzija għal tali pretensjoni tkun ta’ żvantaġġ għall-konsumaturi li huma kredituri meta mqabbla ma’ tali konsumaturi f’banek li huma stralċjati taħt proċeduri ta’ insolvenza. B’hekk, l-adozzjoni ta’ tali interpretazzjoni ma tkunx konformi mal-Artikolu 34(1)(g) tad-Direttiva 2014/59 ( 38 ).

69.

Skont id-Direttiva 2014/59, l-ammont tal-obbligazzjonijiet ta’ bank lejn il-kredituri huwa limitat mid-data tal-pubblikazzjoni tal-avviż, li jistabbilixxi l-punt li fih il-pretensjonijiet u l-obbligi tal-kredituri jiġu mkejla għall-finijiet tar-riżoluzzjoni ( 39 ). Madankollu, konsumatur li jħallas somom lill-bank wara l-avviż tar-riżoluzzjoni, skont ftehim li jkun fih termini inġusti, iġarrab żieda fl-ammont tat-telf tiegħu. Kif iddikjarat mill-qorti tar-rinviju, fil-każ ta’ proċeduri normali ta’ insolvenza, il-konsumatur jista’ jitlob miżura kawtelatorja sabiex jissospendi l-eżekuzzjoni tal-kuntratt.

70.

Mill-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni jirriżulta li, fil-każ ta’ riżoluzzjoni, ebda miżura kawtelatorja jew ta’ eżekuzzjoni ma tista’ titressaq fil-konfront ta’ istituzzjoni taħt riżoluzzjoni ( 40 ).

71.

Konsegwentement, konsumatur li ma jistax jutilizza tali miżura jista’ jsib ruħu f’sitwazzjoni inqas favorevoli mill-kredituri ta’ entità li hija suġġetta għal proċeduri normali ta’ insolvenza, peress li dan il-konsumatur ikun obbligat li jonora l-kuntratt ta’ self mingħajr il-possibbiltà li jikseb miżura kawtelatorja, li twassal għal żieda kontinwa tat-talba tal-konsumatur kontra l-bank, minkejja l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni.

b) Il-mekkaniżmu ta’ kumpens a posteriori

72.

Il-mekkaniżmu ta’ kumpens fl-Artikoli 73 sa 75 tad-Direttiva 2014/59 huwa ċentrali għall-applikazzjoni tal-prinċipju li l-ebda kreditur ma għandu jġarrab telf ikbar. Dan jirrikjedi l-paragun tat-trattament li jirċievu l-kredituri fil-kors tal-azzjoni ta’ riżoluzzjoni mat-trattament li kieku kienu jirċievu taħt proċeduri normali ta’ insolvenza. Għal dan il-għan, għandha titqies il-liġi nazzjonali tal-insolvenza li kienet tkun applikabbli kieku dawn l-entitajiet daħlu fi proċeduri normali ta’ insolvenza.

73.

Essenzjalment, il-kumpens jammonta għall-ammont ekwivalenti tan-nuqqas li sofrew il-kredituri, jiġifieri d-differenza bejn l-ammont li fil-fatt irkupraw fil-proċedura ta’ riżoluzzjoni u l-ammont li kienu jirkupraw kieku l-istituzzjoni kienet ġiet suġġetta għal proċedura normali ta’ insolvenza ( 41 ). Għalhekk, l-azzjonisti u l-kredituri li jġarrbu tali telf ikbar huma intitolati għal kumpens a posteriori ( 42 ). Tali mekkaniżmu jfittex li jibbilanċja l-istabbiltà finanzjarja u l-ġustizzja, u jiżgura li filwaqt li l-istituzzjoni tiġi stralċjata b’mod effiċjenti, il-kredituri jkunu protetti.

74.

B’mod partikolari, minn naħa, il-proċedura ta’ riżoluzzjoni stabbilita mid-Direttiva 2014/59 hija strument eċċezzjonali mmirat prinċipalment sabiex jiżgura l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji fejn tali stabbiltà tista’ tiġi kompromessa mill-falliment ta’ istituzzjoni transkonfinali ( 43 ). L-għan tal-proċedura ta’ riżoluzzjoni huwa li tipprovdi lill-awtoritajiet pubbliċi b’sett ta’ għodod kredibbli sabiex jintervjenu b’mod bikri u malajr biżżejjed, sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tal-funzjonijiet finanzjarji u ekonomiċi kritiċi tal-istituzzjoni, filwaqt li jiġi mminimizzat l-impatt negattiv tal-falliment ( 44 ). Għalhekk, din id-direttiva għandha għanijiet usa’ ta’ stabbiltà finanzjarja, bħaż-żamma tal-fiduċja fis-sistema finanzjarja u l-evitar tar-riskju sistemiku. Min-naħa l-oħra, il-mekkaniżmu ta’ kumpens stabbilit fl-Artikoli 73 sa 75 tad-Direttiva 2014/59 jipprovdi protezzjonijiet ewlenin għall-kredituri billi jiżgura li dawn ma jiġux ittrattati b’mod inġust waqt ir-riżoluzzjoni ta’ istituzzjoni f’falliment. Minn dan isegwi li l-mekkaniżmu ta’ kumpens imsemmi hawn fuq għandu l-għan li joħloq bilanċ bejn li l-awtoritajiet jitħallew jistralċjaw istituzzjonijiet li qed ifallu fl-interess pubbliku u s-salvagwardja tal-interessi finanzjarji leġittimi tal-kredituri.

3. Applikazzjoni għall‑kawża preżenti

75.

Jekk, minħabba proċeduri ta’ riżoluzzjoni, l-assi tar-rikorrenti li jibqgħu għand l-entità residwa jġarrbu telf ikbar minn dak li kieku jġarrbu taħt proċeduri normali ta’ insolvenza – li hija evalwazzjoni li għandha ssir mill-qorti nazzjonali – ir-rikorrenti, abbażi tal-prinċipju li l-ebda kreditur ma għandu jġarrab telf ikbar, huma intitolati għal kumpens a posteriori. Madankollu, dan il-mekkaniżmu ta’ kumpens ma jinvolvix neċessarjament protezzjoni proċedurali. Tabilħaqq, għandu jiġi osservat li d-Direttiva 2014/59 ma tipprovdix għal dispożizzjonijiet speċifiċi fir-rigward ta’ miżuri provviżorji miftuħa minn kredituri kontra bank taħt riżoluzzjoni. Minn dan isegwi li miżuri leġiżlattivi bħall-Artikolu 135(1) u (4) tal-Liġi dwar il-Fond ta’ Garanzija Bankarja, li jikkonċernaw il-kwistjoni ta’ miżuri provviżorji mitluba mill-kredituri f’tilwima dwar obbligi kuntrattwali mal-entità residwa, jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik id-direttiva.

D.   Iż-żamma ta’ bilanċ bejn l‑għanijiet tal‑protezzjoni tal‑konsumatur u l‑proċeduri ta’ riżoluzzjoni

76.

Kif ġie spjegat qabel ( 45 ), skont id-Direttiva 2014/59, kreditur jista’ jirċievi kumpens a posteriori meta huwa jġarrab telf ikbar minn dak li kien iġarrab kieku l-istituzzjoni kienet ġiet stralċjata taħt proċeduri normali ta’ insolvenza. Għalhekk, il-mistoqsija ewlenija hija jekk il-mekkaniżmu ta’ kumpens a posteriori taħt din id-direttiva jipprovdix protezzjoni suffiċjenti għal konsumatur li jeħtieġ jagħmel pagamenti lill-entità residwa matul il-proċedura li fiha huwa jipprova jannulla l-kuntratt minħabba li fih ikun hemm termini inġusti.

77.

F’dan ir-rigward, filwaqt li s-sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2022, Banco Santander (Riżoluzzjoni ta’ Banco Popular) ( 46 ) turi li l-mekkaniżmu ta’ kumpens a posteriori jista’ jkun għodda utli, hija ma tindirizzax is-suffiċjenza ta’ dan il-mekkaniżmu fejn id-dritt nazzjonali jipprekludi miżuri provviżorji sabiex tali pagamenti taħt ftehim ta’ self jiġu sospiżi. Peress li l-adozzjoni ta’ miżura provviżorja li tippermetti s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ ftehim ta’ self hija kwistjoni differenti mill-kumpens a posteriori, li jikkonċerna l-aspetti materjali tar-restituzzjoni, din is-sentenza ma hijiex rilevanti għall-finijiet tal-kawża preżenti ( 47 ).

78.

Mis-sottomissjonijiet orali tal-partijiet waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Artikolu 135(1) u (4) tal-Liġi dwar il-Fond ta’ Garanzija Bankarja ma jittrasponi ebda waħda mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/59, iżda pjuttost jikkostitwixxi regola li tissupplimenta r-regoli stabbiliti f’dik id-direttiva. Peress li d-Direttiva 2014/59 ma tarmonizzax il-proċeduri applikabbli għall-miżuri provviżorji adottati fi proċeduri li jinvolvu bank li jkun għaddej minn proċedura ta’ riżoluzzjoni, dawn il-miżuri jaqgħu taħt l-ordinament ġuridiku nazzjonali tal-Istati Membri.

79.

F’dan il-kuntest, huwa kompitu ta’ kull Stat Membru li, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, jirregola l-modalitajiet tal-proċedura amministrattiva u dawk tal-proċedura ġudizzjarja intiżi sabiex jiżguraw is-salvagwardja tad-drittijiet li l-individwi jiddeduċu mid-dritt tal-Unjoni. Dawn il-modalitajiet proċedurali ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jikkonċernaw azzjonijiet simili previsti għall-ħarsien ta’ drittijiet taħt l-ordinament ġuridiku intern (prinċipju ta’ ekwivalenza) u ma għandhomx jirrendu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) ( 48 ).

80.

Fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività, kif diġà osservajt, l-obbligu għall-Istati Membri li jiżguraw l-effettività tad-drittijiet li l-individwi jisiltu mid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari d-drittijiet li jirriżultaw mid-Direttiva 93/13, jimplika rekwiżit ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, affermat mill-ġdid fl-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva ( 49 ), li japplika, b’mod partikolari, għad-definizzjoni tal-modalitajiet proċedurali relatati mal-azzjonijiet ġudizzjarji bbażati fuq tali drittijiet ( 50 ). B’mod partikolari, huma l-qrati nazzjonali li għandhom jagħtu effettività sħiħa lid-drittijiet li jirriżultaw mid-Direttiva 93/13, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, u li jwarrbu regoli jew prattiċi nazzjonali li jipprojbixxu l-għoti ta’ miżuri provviżorji sabiex jiġu sospiżi pagamenti taħt ftehim ta’ kreditu li allegatament ikun illegali minħabba termini inġusti ( 51 ).

81.

Huwa minnu li, fis-sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2022, Banco Santander (Riżoluzzjoni ta’ Banco Popular ( 52 )), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-għanijiet li tiġi żgurata l-istabbiltà tas-sistema bankarja u finanzjarja kif ukoll li jiġi evitat riskju sistematiku jikkostitwixxu għanijiet ta’ interess ġenerali segwiti mill-Unjoni Ewropea.

82.

Madankollu, għandu jiġi osservat li l-kawża li tat lok għal din is-sentenza kienet tikkonċerna entità maħluqa wara riżoluzzjoni, filwaqt li t-talba f’din il-kawża tirrigwarda l-entità residwa, li għandha tiġi stralċjata. Għalhekk, kif sostniet il-Kummissjoni waqt is-seduta, l-għoti ta’ miżuri provviżorji fir-rigward tal-assi ta’ din l-entità ma jheddedx l-istabbiltà finanzjarja tas-sistema bankarja ( 53 ). F’dan ir-rigward, huwa importanti li tiġi enfasizzata s-sekwenza tal-avvenimenti fil-kawża prinċipali, fejn il-bank tranżitorju twaqqaf immedjatament wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni, b’tali mod li kieku ċerti kategoriji ta’ debituri ngħataw miżuri provviżorji li jippermettu s-sospensjoni tal-pagamenti lil dik l-entità residwa, dan ma kienx ser jaffettwa s-saħħa finanzjarja tal-entità l-ġdida maħluqa. Barra minn hekk, huwa ta’ importanza essenzjali li l-miżura provviżorja inkwistjoni ma tkunx immirata li tikkostitwixxi garanzija fuq l-assi eżistenti tal-bank insolventi, iżda sempliċement tfittex is-sospensjoni tal-ħlasijiet futuri tal-konsumatur ( 54 ).

83.

L-istess distinzjoni tapplika fir-rigward tal-kawżi Novo Banco, fejn il-pretensjonijiet relatati mal-kuntratti kienu indirizzati lill-bank tranżitorju imwaqqaf mill-awtorità nazzjonali ( 55 ). F’dawn il-kawżi, l-azzjonijiet tal-konsumaturi ma setgħux ikunu effettivi għaliex kienu jdgħajfu l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja ( 56 ), filwaqt li f’dan il-każ, it-talba inkwistjoni tikkonċerna ħlasijiet lil entità taħt kundizzjonijiet kuntrattwali potenzjalment inġusti fejn l-entità ser tiġi stralċjata fi kwalunkwe każ. Għalhekk, il-kunsiderazzjonijiet rilevanti għal dawk il-kawżi fir-rigward tal-għan tal-istabbiltà tas-sistema finanzjarja ma humiex applikabbli għal din il-kawża.

84.

Minn dan isegwi li, kif iddikjarat mill-Kummissjoni waqt is-seduta, f’dan il-każ, id-drittijiet tal-konsumatur ma għandhomx għalfejn jiġi bbilanċjati mal-istabbiltà finanzjarja, peress li l-miżuri provviżorji inkwistjoni jikkonċernaw biss is-sospensjoni ta’ żieda fit-talba ta’ konsumatur kontra l-entità residwa u, għalhekk, l-istabbiltà finanzjarja tas-sistema bankarja ma hijiex mhedda. Ir-regoli ta’ Stat Membru jew prattiċi li jissupplimentaw id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/59 ma jistgħux ifixklu l-effettività tal-protezzjoni prevista mill-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, moqrija fid-dawl tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva stipulata fl-Artikolu 47 tal-Karta, fejn it-talbiet jikkonċernaw tali miżuri provviżorji u ma joħolqu l-ebda theddida għall-istabbiltà finanzjarja tas-sistema bankarja fis-sens tad-Direttiva 2014/59.

85.

Madankollu, fil-kawża msemmija iktar ’il fuq, C‑287/22 ( 57 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-evalwazzjoni tal-ħtieġa li tingħata tali miżura provviżorja għandha ssir b’mod konkret, fid-dawl tal-għan li tiġi żgurata l-effettività sħiħa tad-deċiżjoni li għandha tittieħed. B’hekk, il-qorti tar-rinviju għandha tivverifika jekk is-sospensjoni tal-obbligi tal-konsumaturi hijiex neċessarja sabiex jiġi ggarantit l-istabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni ta’ liġi u ta’ fatt tagħhom, b’mod partikolari fid-dawl tar-riskju li jkollhom iħallsu lura ammont li jeċċedi l-ammont misluf ( 58 ). Minn dan isegwi li, skont id-Direttiva 93/13, il-qorti nazzjonali għandha tagħti miżuri provviżorji li jikkonsistu fis-sospensjoni tal-obbligu tal-konsumatur li jagħmel pagamenti meta, l-ewwel, hija jkollha biżżejjed provi dwar in-natura inġusta ta’ klawżola jew klawżoli kuntrattwali sabiex ikun hemm probabbiltà li l-ftehim tas-self ikkonċernat ikun invalidu jew, tal-inqas, li r-rimbors tal-pagamenti mensili dovuti taħt dak il-ftehim ikollu jsir lill-konsumatur ikkonċernat ( 59 ).

86.

F’dan il-każ, l-ewwel, kif diġà rrimarkajt iktar ’il fuq, il-qorti tar-rinviju tidher li tqis li, minħabba deċiżjoni futura dwar il-klawżoli inġusti tal-ftehim ta’ self inkwistjoni, l-entità residwa se jkollha tabilħaqq tħallas lura s-somom imħallsa mill-konsumaturi taħt dak il-ftehim. Għalhekk, din il-kundizzjoni tidher li ġiet issodisfatta.

87.

It-tieni, f’dik il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża, jekk is-sospensjoni tal-obbligu ta’ dan il-konsumatur li jħallas dawn il-ħlasijiet mensili għat-tul tal-proċedura kkonċernata hijiex meħtieġa sabiex jiġi ggarantit l-istabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni ta’ liġi u ta’ fatt li kienet tkun dik tal-imsemmi konsumatur fl-assenza ta’ tali terminu jew termini. B’hekk, dik il-qorti tkun tista’ tqis, b’mod partikolari, is-sitwazzjoni finanzjarja tal-istess konsumatur u r-riskju eżistenti li jkollu jħallas lura lill-bank ikkonċernat ammont li jeċċedi dak li huwa jkun issellef minn dak il-bank ( 60 ).

88.

Fil-kawża preżenti, il-qorti tar-rinviju spjegat li l-konsumaturi dalwaqt se jħallsu lura (jew diġà ħallsu lura) lill-entità residwa ammont li jeċċedi l-kapital imħallas. Il-qorti tar-rinviju hija għalhekk imħassba li, minħabba l-proċeduri ta’ insolvenza li għalihom hija suġġetta Getin Noble Bank wara d-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni, il-konsumatur ma jkunx jista’ jirkupra s-somom ittrasferiti lil dan il-bank, li jistgħu jeċċedu l-assi li għandhom jitqassmu bejn il-kredituri. Jekk dan jimmaterjalizza, suġġett għall-verifika finali mill-qorti tar-rinviju, l-effettività sħiħa ta’ deċiżjoni li tikkonstata li ċerti klawżoli tal-ftehim ta’ self inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma inġusti ma tkunx tista’ tiġi ggarantita. Għalhekk, jidher li t-tieni kundizzjoni hija ssodisfatta wkoll. Għaldaqstant, l-Artikolu 3851 tal-Kodiċi Ċivili, li jimplimenta d-Direttiva 93/13 fid-dritt Pollakk, għandu jiġi interpretat b’tali mod li jiżgura l-kisba massima effettiva tal-għanijiet ta’ din id-direttiva. Fil-prinċipju, skont id-Direttiva 93/13, il-qorti tar-rinviju, suġġett għall-verifika finali, għandha tordna miżuri provviżorji f’dan il-każ.

89.

F’dan ir-rigward, matul is-seduta, il-Kummissjoni sostniet li peress li l-entità inkwistjoni kienet taħt riżoluzzjoni skont id-Direttiva 2014/59, il-miżuri provviżorji permessi għandhom ikunu limitati biss għall-garanzija ta’ kreditu li jappartjenu għall-pagamenti mensili relatati mal-imgħax fuq is-self, iżda mhux għall-obbligi kuntrattwali tal-konsumatur li jħallas tali pagamenti fuq l-ammont kapitali misluf.

90.

F’dan il-kuntest, huwa importanti li jittieħed inkunsiderazzjoni r-riskju li l-konsumaturi jkollhom iħallsu lura lill-bank ikkonċernat ammont li jeċċedi s-somma li ssellfu mingħand il-bank suġġett għal riżoluzzjoni, li ġiet sottomessa għall-valutazzjoni mill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni. Għalhekk, għall-finijiet tal-effettività tar-riżoluzzjoni mwettqa taħt id-Direttiva 2014/59, jista’ jiġi kkonċepit li l-kapital misluf jiġi rrimborsat permezz ta’ pagamenti mensili waqt li l-proċeduri jkunu għadhom għaddejjin. Madankollu, il-ħlas tal-imgħax mill-konsumatur għandu jiġi sospiż fi kwalunkwe każ sabiex tiġi evitata sitwazzjoni li fiha l-konsumatur iħallas ammont żejjed lill-entità residwa li għandha tiġi stralċjata. Fil-qosor, il-miżuri provviżorji għandhom ikunu limitati għall-ammont li jeċċedi l-kapital tal-ammont misluf.

V. Konklużjoni

91.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari tas-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali, Varsavja, il-Polonja) kif ġej:

L-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, u l-Artikolu 34(1)(b) u (g) tad-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE, u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, moqri fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva stipulat fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

għandu jiġi interpretat bħala li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali jew prattika nazzjonali li ma tippermettix l-għoti ta’ miżuri provviżorji sabiex jissospendu, għat-tul tal-proċeduri ġudizzjarji, għar-raġuni unika li l-bank konvenut huwa suġġett għal proċedura ta’ riżoluzzjoni, l-obbligu kuntrattwali ta’ konsumatur li jħallas il-pagamenti mensili ta’ self li jeċċedu l-ammont kapitali misluf lill-konsumatur, sa fejn il-miżuri provviżorji jikkorrispondu mal-pagamenti mensili relatati mal-interessi fuq is-self, u sakemm is-self ikun baqa’ mal-entità residwa wara li tkun ittieħdet id-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( i ) L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.

( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15 Vol. 2, p. 288.

( 3 ) Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2014, L 173, p. 190), magħrufa wkoll bħala l-“Bank Recovery and Resolution Directive” jew il-“BRRD”.

( 4 ) It-terminu eżatt tal-atti inkwistjoni ma huwiex ipprovdut fir-rinviju għal deċiżjoni preliminari. Madankollu, mill-fajl sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li Getin Noble Bank l-ewwel kienet suġġetta għal deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni u mbagħad ġiet issuġġettata għal proċeduri ta’ insolvenza. Il-partijiet ikkonfermaw waqt is-seduta li t-talba għal miżuri provviżorji saret bejn iż-żewġ proċeduri.

( 5 ) Dz. U. Nru°16, punt 93.

( 6 ) Dz. U. tal‑2020, punt 1740.

( 7 ) Dz. U. Nru°43, punt 296.

( 8 ) Dz. U. tal‑2021, punt 1805.

( 9 ) Dz. U. tal-2016, punt 996.

( 10 ) Dz. U. tal‑2022, punt 1520, verżjoni kkonsolidata tad‑9 ta’ Ġunju 2022.

( 11 ) It-termini inkwistjoni huma simili għal dawk tal-kuntratt analizzat fis-sentenza fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Dziubak (C‑260/18, EU:C:2019:819).

( 12 ) Pubblikazzjoni magħmula skont l-Artikolu 83(4) tad-Direttiva 2014/59.

( 13 ) Digriet tal‑20 ta’ Frar 2024, Getin Noble Bank (C‑34/23, EU:C:2024:203).

( 14 ) Ibid., punt 32.

( 15 ) Ibid., punt 33.

( 16 ) Id-domanda rriformulata ma tinkludix il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li ma jidhirx li huwa rilevanti għall-finijiet tal-analiżi preżenti. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2023, Getin Noble Bank (Sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ ftehim ta’ self) (C‑287/22, EU:C:2023:491), li kien fiha wkoll riferiment għall-“effettività u […] proporzjonalità”.

( 17 ) Ara s-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo et (C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15, EU:C:2016:980, punti 61 u 62).

( 18 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tal‑14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito (C‑618/10, EU:C:2012:349); tal‑14 ta’ Marzu 2013, Aziz (C‑415/11, EU:C:2013:164); tat-30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai (C‑26/13, EU:C:2014:282); tal‑21 ta’ Jannar 2015, Unicaja Banco u Caixabank (C‑482/13, C‑484/13, C‑485/13 u C‑487/13, EU:C:2015:21); u tas‑26 ta’ Marzu 2019, Abanca Corporación Bancaria u Bankia (C‑70/17 u C‑179/17, EU:C:2019:250).

( 19 ) Ara s-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, Vicente (L-azzjoni għall-ħlas ta’ onorarji tal-avukat) (C‑335/21, EU:C:2022:720, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 20 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2018, Profi Credit Polska (C‑176/17, EU:C:2018:711, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 21 ) Sentenzi tat‑22 ta’ April 2021, Profi Credit Slovakia (C‑485/19, EU:C:2021:313, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tal-10 ta’ Ġunju 2021, BNP Paribas Personal Finance (C‑776/19 sa C‑782/19, EU:C:2021:470, punt 29).

( 22 ) Sentenza tal‑15 ta’ Jannar 2013, Križan et (C‑416/10, EU:C:2013:8, punt 107), u tal‑14 ta’ Mejju 2020, Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság (C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU, EU:C:2020:367, punt 297), li tiċċita s-sentenz tad‑19 ta’ Ġunju 1990, Factortame et (C‑213/89, EU:C:1990:257, punt 21).

( 23 ) Sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2007, Unibet (C‑432/05, EU:C:2007:163, punt 77 u d-dispożittiv, punt 2).

( 24 ) C‑287/22, EU:C:2023:491.

( 25 ) Id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dik il-kawża ngħatat fil‑15 ta’ Ġunju 2023, jiġifieri wara d-deċiżjoni tal-qorti tar-rinviju li tagħmel id-domanda preliminari f’din il-kawża fis‑26 ta’ Ottubru 2022.

( 26 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2023, Getin Noble Bank (Sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-ftehim ta’ self) (C‑287/22, EU:C:2023:491, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 27 ) Ibid., punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 28 ) Ibid., punt 43.

( 29 ) Ibid., punt 52.

( 30 ) Ibid., punt 55.

( 31 ) Ara, b’analoġija, is-sentenzi tat‑8 ta’ Novembru 2022, Deutsche Umwelthilfe (Approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur) (C‑873/19, EU:C:2022:857), fil-qasam tal-liġi ambjentali, u tal‑20 ta’ Frar 2024, X (Nuqqas ta’ raġunijiet għat-terminazzjoni) (C‑715/20, EU:C:2024:139), fil-qasam tal-ftehim qafas fuq ix-xogħol għal żmien determinat u l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.

( 32 ) Sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2024, Banco Santander (Riżoluzzjoni ta’ Banco Popular II) (C‑775/22, C‑779/22 u C‑794/22, EU:C:2024:679, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 33 ) F’dan ir-rigward, naqbel mal-argument tar-rikorrenti li sar waqt is-seduta li l-istatus ta’ kreditur jirriżulta mill-effett ta’ restituzzjoni li s-sentenza eventwali tal-qorti nazzjonali jista’ jkollha u, għalhekk, mill-effettività tal-protezzjoni ggarantita mid-Direttiva 93/13.

( 34 ) Ara l-premessi 5, 10, 31 u 48 tad-Direttiva 2014/59, li jsostnu l-interpretazzjoni li din id-direttiva għandha l-għan li tiżgura l-protezzjoni u t-trattament ġust tal-partijiet interessati kollha filwaqt li timminimizza l-ħtieġa ta’ intervent finanzjarju pubbliku.

( 35 ) Gortsos, C.V., “Banking Resolution: The EU Framework Governing the Resolution of Credit Institutions”, f’Amtenbrink, F., Herrmann, C., u Repasi, R., (edituri), The EU Law of Economic and Monetary Union (New York, 2020; edizzjoni onlajn, Oxford Academic), https://doi.org/10.1093/oso/9780198793748.003.0046, ikkonsultat fis‑7 ta’ Novembru 2024.

( 36 ) Sal-lum, l-uniċi atti f’dan il-qasam huma r-Regolament (UE) 2015/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Mejju 2015 dwar proċedimenti ta’ insolvenza (ĠU 2015, L 141, p. 19, rettifika fil-ĠU 2016, L 349, p. 9), li prinċipalment jikkonċerna l-kwistjoni tad-dritt internazzjonali privat f’sitwazzjonijiet ta’ proċeduri transkonfinali ta’ insolvenza u d‑Direttiva (UE) 2019/1023 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar oqfsa ta’ ristrutturar preventiv, dwar il-ħelsien mid-dejn u l-iskwalifiki, u dwar miżuri sabiex tiżdied l-effiċjenza tal-proċeduri li jikkonċernaw ir-ristrutturar, l-insolvenza u l-ħelsien mid-dejn, u li temenda d-Direttiva (UE) 2017/1132 (Direttiva dwar ir-ristrutturar l-insolvenza) (ĠU 2019, L 172, p. 18), li tittratta l-qasam tar-ristrutturar korporattiv preventiv.

( 37 ) Għandu jiġi rrilevat li, fis-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-partijiet ma qablux dwar l-ammissibbiltà tal-għoti ta’ miżuri provviżorji taħt id-dritt nazzjonali. Mis-sottomissjonijiet tal-partijiet jirriżulta li għandha ssir distinzjoni bejn l-għoti ta’ miżuri provviżorji fir-rigward tal-assi ta’ bank li jkun għaddej minn proċedura ta’ insolvenza, li jidher li huwa pprojbit, u l-għoti ta’ miżuri provviżorji fir-rigward tar-rimbors tas-self, li jidher li hu permess.

( 38 ) F’dan ir-rigward, minkejja li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari ma jispjegax ir-rilevanza tal-Artikolu 34(1)(b) tad-Direttiva 2014/59, iżda huwa ċċitat fid-domanda preliminari, jiena ser ninkludi din id-dispożizzjoni fl-analiżi tiegħi. Huwa tabilħaqq possibbli li jiġi dedott li peress li din id-dispożizzjoni tistabbilixxi l-ordni li fih l-kredituri għandhom iġarrbu t-telf, il-qorti nazzjonali għandha dubji dwar l-effetti ta’ ċaħda potenzjali tat-talba tar-rikorrenti – li huma konsumaturi – taħt l-Artikolu 135(4) tal-Liġi dwar il-Fond ta’ Garanzija Bankarja.

( 39 ) Ara l-Artikolu 69(1) tad-Direttiva 2014/59 u l-Artikolu 83(4) tal-istess direttiva, li jipprovdi li l-awtorità ta’ riżoluzzjoni għandha tippubblika jew tiżgura l-pubblikazzjoni ta’ kopja tal-ordni jew tal-istrument li bih l-azzjoni ta’ riżoluzzjoni tkun ittieħdet, jew avviż li jipprovdi fil-qosor l-effetti tal-azzjoni ta’ riżoluzzjoni.

( 40 ) Ara l-Artikolu 135(1) u (4) tal-Liġi dwar il-Fond ta’ Garanzija Bankarja.

( 41 ) Il-prinċipju ta’ kumpens tal-azzjonist u tal-kredituri għandu jinqara fid-dawl tal-premessi 50 u 51 tad-Direttiva 2014/59. B’mod partikolari, il-premessa 50 tiddikjara li l-azzjonisti u l-kredituri għandhom ikunu intitolati jirċievu bi ħlas, jew kumpens, għall-pretensjonijiet tagħhom fil-proċeduri tal-istralċ mhux inqas minn dak li huwa stmat li kienu jirkupraw kieku l-istituzzjoni kollha ġiet stralċjata skont proċeduri normali ta’ insolvenza.

( 42 ) L-Artikolu 73(a) tad-Direttiva 2014/59 jobbliga lill-Istati Membri jiżguraw li, fil-każ ta’ trasferiment parzjali ta’ assi u obbligazzjonijiet lil istituzzjoni tranżitorja, il-kredituri li l-krediti tagħhom huma tal-bank insolventi “jirċievu b’risarċiment għall-pretensjonijiet tagħhom mill-inqas kemm kieku kienu jirċievu kieku l-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni ġiet stralċjata skont proċeduri normali ta’ insolvenza”. Il-kredituri rilevanti huma għalhekk iggarantiti kumpens għan-nuqqas li jsofru bħala konsegwenza tat-trasferiment ta’ assi potenzjalment ta’ valur barra mill-patrimonju insolventi. Skont l-Artikolu 75 u l-Artikolu 101(1)(e) tad-Direttiva 2014/59, kwalunkwe nuqqas jitħallas mill-arranġamenti tal-finanzjament ta’ riżoluzzjoni. L-arranġamenti tal-finanzjament ta’ riżoluzzjoni huma ffinanzjati mill-istituzzjonijiet taħt superviżjoni mill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni.

( 43 ) Ara l-premessa 3 tad-Direttiva 2014/59.

( 44 ) Ara l-premessa 5 tad-Direttiva 2014/59.

( 45 ) Ara l-punti 72 sa 74 iktar ’il fuq.

( 46 ) C‑410/20, EU:C:2022:351.

( 47 ) Ara, b’analoġija, il-pożizzjoni li ħa l-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża Sánchez Morcillo u Abril García (C‑169/14, EU:C:2014:2110, punt 53) fejn huwa kkuntrasta r-rimedji proċedurali ma’ kwistjonijiet sostantivi.

( 48 ) Sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Orizzonte Salute (C‑61/14, EU:C:2015:655, punt 46), u tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Randstad Italia (C‑497/20, EU:C:2021:1037, punt 58).

( 49 ) Ara l-punt 41 iktar ’il fuq.

( 50 ) Ara, b’analoġija, fir-rigward tad-Direttiva 93/13, is-sentenza tat‑22 ta’ April 2021, Profi Credit Slovakia (C‑485/19, EU:C:2021:313, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Všeobecná úverová banka (C‑598/21, EU:C:2023:22, punti 97 et seq).

( 51 ) Ara punt 41 et seq iktar ’il fuq.

( 52 ) C-410/20, EU:C:2022:351.

( 53 ) Barra minn hekk, dik il-kawża ma tikkonċernax azzjoni għad-danni kontra istituzzjoni taħt riżoluzzjoni jew azzjoni għan-nullità tal-kuntratt ta’ sottoskrizzjoni ta’ ishma, taħt id-dritt nazzjonali. Għalhekk, dik il-kawża ma tikkonċernax l-għoti ta’ miżuri provviżorji sabiex tiġi sospiża l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt, li hija miżura proċedurali intiża sabiex tissalvagwardja l-protezzjoni ġudizzjarja effettiva ta’ individwu.

( 54 ) Il-qorti tar-rinviju spjegat li “l-garanzija tikkonċerna pretensjoni mhux pekunjarja għal dikjarazzjoni li l-ftehim huwa invalidu u tali talba ma għandha l-ebda konsegwenzi pekunjarji diretti għall-persuna insolventi”, filwaqt li żiedet li tali “garanzija ma tikkostitwixxix garanzija fuq l-assi ta’ persuna insolventi fis-sens tal-Artikolu 146(3) tal-Liġi dwar l-Insolvenza”.

( 55 ) Ara s-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2024, Novo Banco et (C‑498/22 sa C‑500/22, EU:C:2024:686, punt 24). Fir-rigward tal-Kawża C‑500/22, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li t-talba inkwistjoni fil-proċedura prinċipali ta’ dik il-kawża qamet taħt kuntratt ta’ bejgħ mhux konkluż mal-entità residwa iżda mal-entità l-ġdida, jiġifieri Novo Banco, u relatat ma’ bond li, fid-data li fiha ġie konkluż dan il-kuntratt, kien jifforma parti mill-attiv u l-passiv ta’ Novo Banco.

( 56 ) Ara, b’mod partikolari, il-punti 142 u 143 ta’ dik is-sentenza.

( 57 ) Sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2023, Getin Noble Bank (Sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ ftehim ta’ self) (C‑287/22, EU:C:2023:491, punt 59).

( 58 ) Ibid.

( 59 ) Ibid.

( 60 ) Ibid.