KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI
KOKOTT
ippreżentati fid‑9 ta’ Settembru 2021 ( 1 )
Kawża C‑347/20
SIA “Zinātnes parks”
vs
Finanšu ministrija
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administratīvā rajona tiesa (il-Qorti Amministrattiva Distrettwali, il-Latvja))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (UE) Nru 651/2014 – Kunċett ta’ impriża f’diffikultà – Kunċett ta’ kapital azzjonarju sottoskritt – Interpretazzjoni awtonoma – Direttiva 2013/34/UE – Inapplikabbiltà tad-dritt nazzjonali dwar ir-reġistrazzjoni – Rekwiżiti għall-prova li l-applikant ma għadux impriża f’diffikultà – Deċiżjoni ta’ għażla trasparenti u mhux diskriminatorja fost diversi applikanti – Possibbiltà ta’ ċaħda ta’ dokumenti ta’ applikazzjoni sottomessi b’mod tardiv”
I. Introduzzjoni
|
1. |
Impriża fil-forma ġuridika ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju tapplika għal finanzjament minn fondi tal-Unjoni Ewropea fil-Latvja u tippreżenta applikazzjoni għal finanzjament għal dan il-għan. Madankollu, peress li iktar minn nofs il-kapital azzjonarju sottoskritt sparixxa minħabba telf akkumulat, din tkun eskluża milli tibbenefika mill-finanzjament bħala “impriża f’diffikultà”. Huwa għalhekk li qabel ma tiġi ppreżentata l-applikazzjoni għal finanzjament, is-soċji jiddeċiedu fuq żieda fil-kapital korrispondenti. Wara din iż-żieda fil-kapital, l-impriża ma għandhiex tibqa’ titqies bħala impriża f’diffikultà. Skont id-dritt nazzjonali, żieda fil-kapital għandha tiġi rreġistrata fir-reġistru tal-kummerċ sabiex titqies effettiva. Madankollu, din ir-reġistrazzjoni seħħet wara l-iskadenza tat-terminu għall-preżentazzjoni tal-applikazzjoni, iżda qabel id-deċiżjoni ta’ ċaħda. |
|
2. |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tqajjem, fil-preżent, il-kwistjoni dwar jekk, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tar-raġuni ta’ esklużjoni ta’ impriża f’diffikultà fis-sens tal-Artikolu 2(18) tar-Regolament (UE) Nru 651/2014 ( 2 ), huwiex id-dritt nazzjonali dwar ir-reġistrazzjoni li huwa applikabbli kif ukoll il-kwistjoni dwar minn meta, fis-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali, tgħib ir-raġuni ta’ esklużjoni ta’ impriża f’diffikultà. Tqum ukoll il-kwistjoni tal-prova ta’ żieda fil-kapital li tkun ġiet deċiża, iżda li tkun għadha ma ġietx irreġistrata matul il-proċedura ta’ għażla. Fil-fatt, id-dritt nazzjonali Latvjan jipprekludi li tingħata kjarifika permezz tas-sottomissjoni ta’ dokumenti addizzjonali wara l-applikazzjoni għal finanzjament. |
II. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni
1. Ir-Regolament (UE) Nru 1301/2013
|
3. |
L-Artikolu 3(3)(d) tar-Regolament (UE) Nru 1301/2013 (iktar ’il quddiem “Regolament FEŻR”) ( 3 ) jeskludi ċerti persuni mill-għajnuna: “3. Il-FEŻR m’għandux jgħin:
|
2. Ir-Regolament (UE) Nru 651/2014
|
4. |
Il-premessa 14 tar-Regolament (UE) Nru 651/2014 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament dwar Eżenzjoni skont il-Kategorija”) tgħid:
|
|
5. |
L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi: “Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin: […]
|
3. Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013
|
6. |
Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 ( 4 ) jirregola, fl-Artikolu 125(1) u (3) tiegħu, il-funzjonijiet tal-awtorità ta’ ġestjoni kif ġej: “1. L-awtorità ta’ ġestjoni għandha tkun responsabbli għall-ġestjoni tal-programm operazzjonali skont il-prinċipju ta’ amministrazzjoni finanzjarja tajba. […] 3. Fir-rigward tas-selezzjoni tal-operazzjonijiet, l-awtorità ta’ ġestjoni għandha:
|
4. Id-Direttiva (UE) 2017/1132
|
7. |
Id-Direttiva (UE) 2017/1132 ( 5 ) dwar ċerti aspetti tal-liġi dwar il-kumpaniji, fl-Artikolu 68 tagħha li huwa intitolat “Deċiżjoni mil-laqgħa ġenerali dwar iż-żieda fil-kapital”, tipprevedi: “1. Kull żieda fil-kapital tiġi deċiża mil-laqgħa ġenerali. Kemm dik id-deċiżjoni kif ukoll iż-żieda fil-kapital sottoskritt għandhom jiġu ppubblikati fil-mod speċifikat mil-liġijiet ta’ kull Stat Membru, skont l-Artikolu 16. […]” |
|
8. |
Skont l-Artikolu 14 tal-istess direttiva, intitolat “Dokumenti u dettalji li jridu jiġu żvelati mill-kumpaniji”: “L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li jkun hemm l-obbligu ta’ żvelar minn kumpaniji tal-inqas tad-dokumenti u d-dettalji li ġejjin: […]
[…]” |
|
9. |
L-Artikolu 16 ta’ din id-direttiva, intitolat “Żvelar fir-reġistru” jipprevedi fil-paragrafi 6 u 7 tiegħu: “6. Id-dokumenti u d-dettalji jistgħu jintużaw kontra terzi mill-kumpanija biss wara li jkunu ġew żvelati skont il-paragrafu 5, sakemm il-kumpanija ma tagħtix prova li l-dawk it-terzi kienu jafu biha. […] 7. […] Barra minn hekk, partijiet terzi jistgħu dejjem jużaw kull dokument u partikolarità li dwaru l-formalitajiet ta’ żvelar jkunu għadhom ma ġewx kompluti, ħlief meta l-effett tagħhom jintilef minħabba l-fatt li ma jkunx sar żvelar.” |
5. Id-Direttiva 2013/34/UE
|
10. |
Id-Direttiva 2013/34/UE ( 6 ) tirrigwarda l-armonizzazzjoni tar-regoli dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-Kontabbiltà”). |
|
11. |
Fil-premessa 9 ta’ din id-direttiva jiġi spjegat l-għan ta’ dikjarazzjoni finanzjarja annwali: “Id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali għandhom jitħejjew fuq bażi prudenti u jagħtu stampa vera u ġusta tal-assi u l-passivi ta’ impriża, il-pożizzjoni finanzjarja u l-qligħ jew it-telf tagħha. […]” |
|
12. |
L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar il-Kontabbiltà jispjega l-kontenut ta’ dikjarazzjoni finanzjarja annwali: “(1) Id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali għandhom jikkostitwixxu unità waħda komposta u għall-impriżi kollha għandhom jinkludu, bħala minimu, il-karta tal-bilanċ, il-kont tal-qligħ u t-telf u n-noti għad-dikjarazzjonijiet finanzjarji.” |
|
13. |
L-Anness III tad-Direttiva dwar il-Kontabbiltà jikkonċerna l-format orizzontali tal-karta tal-bilanċ u fl-ewwel subintestatura tal-“Kapital, riżervi u passivi” taħt “A. Kapital u riżervi” isemmi l-kapital sottoskritt kif ġej: “I. Kapital sottoskritt (Sakemm il-liġi nazzjonali ma tipprevedix li l-kapital imsejjaħ għandu jintwera taħt din l-entrata, fejn f’dan il-każ l-ammonti ta’ kapital sottoskritt u l-kapital imħallas għandhom jintwerew separatement).” |
B. Id-dritt Latvjan
|
14. |
L-implimentazzjoni tal-għajnuna mill-fondi tal-Unjoni Ewropea fil-Latvja hija rregolata mill-Eiropas Savienības struktūrfondu un Kohēzijas fonda 2014.‑2020. gada plānošanas perioda vadības likums (il-Liġi dwar il-Ġestjoni tal-Fondi Strutturali u tal-Fond ta’ Koeżjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Perijodu ta’ Programmazzjoni 2014‑2020) ( 7 ). |
|
15. |
L-Artikolu 21 tal-imsemmija liġi, intitolat “Għażla tal-proposti għal proġetti”, jipprevedi fil-punti 2 u 5 tiegħu: “2. L-awtorità ta’ kooperazzjoni għandha tagħżel il-proposti għal proġetti skont il-metodi ta’ għażla u l-kundizzjonijiet għall-eliġibbiltà tas-sejħa. Il-kundizzjonijiet għall-eliġibbiltà għandhom jitfasslu mill-awtorità ta’ kooperazzjoni u approvati bi ftehim mal-awtorità kompetenti u mal-awtorità ta’ ġestjoni. 5. Il-proposti għandhom jiġu ppreparati u ppreżentati mill-kandidati skont id-dispożizzjonijiet previsti fil-kundizzjonijiet għall-eliġibbiltà.” |
|
16. |
L-Artikolu 25 tal-istess liġi, intitolat “Approvazzjoni, approvazzjoni kundizzjonali jew ċaħda ta’ proposti fil-kuntest ta’ sejħiet pubbliċi għal proposti għal proġetti”, jipprovdi, fil-punti 3 u 4 tiegħu: “3. Il-proposta għal proġett għandha tiġi miċħuda jekk mill-inqas waħda miċ-ċirkustanzi li ġejjin tkun preżenti: […]
[…] 4. Deċiżjoni ta’ approvazzjoni kundizzjonali tal-proposta tittieħed meta l-kandidat ikollu jieħu miżuri speċifiċi imposti mill-awtorità ta’ kooperazzjoni sabiex il-proposta tissodisfa b’mod sħiħ il-kriterji ta’ evalwazzjoni u l-proġett ikun jista’ jiġi implimentat b’mod xieraq. Din id-deċiżjoni għandha tippreċiża l-kundizzjonijiet rilevanti li l-osservanza tagħhom għandha tiġi vverifikata fid-dawl tal-kundizzjonijiet għall-eliġibbiltà. Jekk waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-deċiżjoni ma tkunx issodisfatta jew ma tiġix issodisfatta fit-terminu stabbilit mid-deċiżjoni, il-proposta titqies li ġiet miċħuda.” |
|
17. |
L-Artikolu 30 tal-istess liġi, intitolat “Kjarifiki dwar il-proposti għal proġetti”, jipprovdi: “Bejn is-sottomissjoni tagħhom u l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ approvazzjoni, ta’ approvazzjoni kundizzjonali jew ta’ ċaħda, ma huwiex permess li jingħataw kjarifiki dwar il-proposti għal proġetti.” |
|
18. |
Il-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni hawnhekk hija rregolata mill-Ministru kabineta 2018. gada 25. septembra noteikumi Nru 612 “Darbības programmas ‚Izaugsme un nodarbinātība‘ 3.1.1. specifiskā atbalsta mērķa ‚Sekmēt MVK izveidi un attīstību, īpaši apstrādes rūpniecībā un RIS3 prioritārajās nozarēs‘ 3.1.1.5. pasākuma ‚Atbalsts ieguldījumiem ražošanas telpu un infrastruktūras izveidei vai rekonstrukcijai‘ otrās projektu iesniegumu atlases kārtas īstenošanas noteikumi” (id-Digriet Nru 612 tal-Kunsill tal-Ministri tal‑25 ta’ Settembru 2018 dwar ir-regoli għall-implimentazzjoni tat-tieni fażi tal-għażla tal-proġetti għall-programm operazzjonali “Tkabbir u Impjiegi”, għan speċifiku 3.1.1 “Promozzjoni tal-ħolqien u tal-iżvilupp tal-SMEs, b’mod partikolari fis-settur tal-manifattura u fl-oqsma prijoritarji tal-RIS3”, miżura 3.1.1.5 “Għajnuna għall-investiment favur il-ħolqien jew l-kostruzzjoni mill-ġdid ta’ siti ta’ produzzjoni u infrastruttura tal-produzzjoni”). |
|
19. |
Il-punt 15 ta’ dan id-digriet jipprovdi: “Ma jistax jingħata finanzjament jekk: […]
[…]” |
|
20. |
L-aspetti prattiċi tal-għażla tal-proposti huma rregolati mill-kundizzjonijiet għall-eliġibbiltà mfassla mill-Aġenzija kif ukoll mill-annessi tagħhom ( 8 ). |
|
21. |
Fl-Anness 5 tal-kundizzjonijiet għall-eliġibbiltà, intitolat “Metodoloġija għall-applikazzjoni tal-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-proposti”, il-paragrafu 6 tat-Taqsima II jiddeskrivi l-proċedura sabiex jiġi evalwat dwar jekk il-kandidat ikunx impriża (operatur ekonomiku) f’diffikultà jew le: “Meta l-kandidat ma jkunx operatur ekonomiku f’diffikultà, il-proposta għandha tiġi evalwata b’mod ‘pożittiv inkundizzjonali’. Il-klassifikazzjoni bħala impriża f’diffikultà fil-mument tad-deċiżjoni tal-għoti tal-għajnuna għandha tkun ibbażata fuq informazzjoni verifikabbli u affidabbli fir-rigward tal-kandidat u l-impriżi marbuta miegħu:
[…] Il-proposta għandha tkun evalwata bħala “pożittiva b’kundizzjoni” jekk l-informazzjoni pprovduta ma tkunx kompluta jew ma tkunx suffiċjentement speċifika. F’dan il-każ, il-kandidat huwa mistieden jipprovdi kjarifiki addizzjonali dwar l-informazzjoni pprovduta. Madankollu, dawn il-kjarifiki jistgħu jirrigwardaw biss aspetti tekniċi, aritmetiċi u ta’ redazzjoni. […] Il-proposta għandha tiġi evalwata bħala “negattiva” jekk il-kandidat jissodisfa waħda mill-karatteristiċi ta’ operatur ekonomiku f’diffikultà jew jekk ma jkunx issodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fid-deċiżjoni dwar evalwazzjoni pożittiva kundizzjonali jew jekk, minkejja li jkun issodisfa dawn il-kundizzjonijiet, ikun għadu ma ssodisfax ir-rekwiżiti jew ma jkunx osserva l-kundizzjonijiet fit-terminu stabbilit fid-deċiżjoni dwar l-evalwazzjoni pożittiva b’kundizzjoni.” |
|
22. |
Fil-Latvja, l-attività tas-soċjetajiet kummerċjali hija rregolata mill-Komerclikums (il-Kodiċi tal-Kummerċ). L-Artikolu 12 tal-imsemmi kodiċi, intitolat “Pubbliċità tar-reġistru”, jipprevedi dan li ġej: “1. Id-daħliet fir-reġistru tal-kummerċ jipproduċu l-effetti tagħhom fil-konfront ta’ terzi fil-mument tal-pubblikazzjoni tagħhom. […] 2. Jekk id-data li għandha tiddaħħal fir-reġistru tal-kummerċ ma tiddaħħalx fih jew jekk tiddaħħal fih imma ma tiġix ippubblikata, din l-istess data ma tistax tiġi invokata kontra terzi mill-persuna li għaliha din id-data kellha tiġi rreġistrata, ħlief fil-każijiet fejn dawn it-terzi kienu jafu biha diġà. […]” |
|
23. |
L-Artikolu 196 tal-Kodiċi tal-Kummerċ, intitolat “Deċiżjonijiet dwar l-emenda tal-kapital statutorju”, jipprovdi dan li ġej: “1. Iż-żieda jew it-tnaqqis tal-kapital statutorju jistgħu jirriżultaw biss minn deċiżjoni tal-laqgħa ġenerali tas-soċji li tistabbilixxi l-modalitajiet ta’ din iż-żieda jew ta’ dan it-tnaqqis. […] 3. Fil-każ ta’ deċiżjoni li jiġi emendat il-kapital statutorju, huwa neċessarju li fl-istess ħin issir l-emenda korrispondenti fl-istatut”. |
|
24. |
L-Artikolu 202(3) tal-Kodiċi tal-Kummerċ, intitolat “Applikazzjonijiet lir-reġistru tal-kummerċ dwar iż-żieda tal-kapital statutorju”, jipprovdi: “Iż-żieda fil-kapital statutorju hija kkunsidrata li saret fil-jum li fih l-ammont il-ġdid tal-kapital jiddaħħal fir-reġistru tal-kummerċ.” |
III. It-tilwima fil-kawża prinċipali
|
25. |
Fil‑15 ta’ Jannar 2019, iċ-Centrālā finanšu un līgumu aģentūra (l-Aġenzija Ċentrali tal-Finanzi u tal-Kuntratti Pubbliċi, iktar ’il quddiem l-“Aġenzija”) ħabbret it-tieni fażi tas-sejħa pubblika għas-sottomissjoni tal-proposti għal proġetti taħt il-programm ta’ kofinanzjament “Tkabbir u Impjieg” tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR). Fid-dawl tal-emendi introdotti, id-data ta’ skadenza għas-sottomissjoni tal-proposti għal proġetti ġiet stabbilita għat‑30 ta’ April 2019. |
|
26. |
Is-SIA “Zinātnes Parks”, kumpannija b’responsabbiltà limitata (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti”) issottomettiet proposta għal proġett lill-Aġenzija fit‑30 ta’ April 2019. Madankollu, peress li iktar minn nofs il-kapital azzjonarju sottoskritt tagħha sparixxa minħabba telf akkumulat, din kienet tkun eskluża mill-finanzjament inkwantu “impriża f’diffikultà”. Ma’ din il-proposta, ir-rikorrenti għalhekk ippreżentat deċiżjoni tal-laqgħa ġenerali tagħha tad‑29 ta’ April 2019 li temenda l-istatut tagħha. Din id-deċiżjoni kienet tipprevedi żieda fil-kapital statutorju permezz tal-ħlas ta’ parti mill-kapital statutorju flimkien ma’ primjum fuqha min-naħa ta’ soċju partikolari u dan fi żmien stabbilit. |
|
27. |
Matul il-fażi ta’ evalwazzjoni tal-proposta għal proġett, ir-rikorrenti informat lill-Aġenzija li ż-żieda tal-kapital statutorju kienet iddaħħlet fir-reġistru tal-kummerċ fl‑24 ta’ Lulju 2019. Fil-kuntest tal-proċedura ta’ appell, hija ppreżentat, addizzjonalment, rapport intermedju dwar is-sitwazzjoni tal-impriża, approvat minn awditur ġuramentat. |
|
28. |
B’deċiżjoni tal‑4 ta’ Novembru 2019 li għalqet il-proċedura amministrattiva, il-Ministeru għall-Finanzi ċaħad il-proposta għal proġett tar-rikorrenti, billi kkunsidra li din kienet, fil-mument tas-sottomissjoni tal-proposta tagħha, “impriża f’diffikultà” fis-sens tal-Artikolu 2(18)(a) tar-Regolament dwar Eżenzjoni skont il-Kategorija. |
|
29. |
Din id-deċiżjoni tippreċiża li, minkejja d-deċiżjoni tal-laqgħa ġenerali tas-soċji, il-kapital statutorju huwa kkunsidrat bħala miżjud skont l-Artikolu 202(3) tal-Kodiċi tal-Kummerċ biss meta l-ishma l-ġodda tal-membri jkunu ddaħħlu fir-reġistru tal-kummerċ. Madankollu, din ir-reġistrazzjoni seħħet biss wara s-sottomissjoni tal-proposta għal proġett. Is-sejħa pubblika għandha l-għan li tiżgura li l-kandidati jkunu jistgħu jikkompetu ma’ xulxin f’kundizzjonijiet ekwivalenti, b’tali mod li, wara s-sottomissjoni tal-proposti għal proġett, ma jibqax possibbli li jintbagħtu kjarifiki fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar. Barra minn hekk, skont it-Taqsima 7.17 tal-kundizzjonijiet għall-eliġibbiltà, sabiex tinġab prova ta’ titjib fis-sitwazzjoni finanzjarja, flimkien mal-proposta għal proġett għandu jiġi ppreżentat rapport intermedju dwar is-sitwazzjoni tal-impriża, approvat minn awditur ġuramentat, bl-esklużjoni ta’ kwalunkwe dokument ieħor, sabiex l-Aġenzija jkun jista’ jkollha stampa reali tas-sitwazzjoni finanzjarja tar-rikorrenti. |
|
30. |
Ir-rikorrenti ppreżentat rikors quddiem il-qorti tar-rinviju fejn sostniet li, fid-dawl tad-deċiżjoni adottata mill-laqgħa ġenerali tagħha u ppreżentata lill-Awtorità flimkien mal-proposta għal proġett tagħha, hija ma kellhiex tiġi kkunsidrata bħala impriża f’diffikultà fil-mument tas-sottomissjoni ta’ din il-proposta. Skont ir-rikorrenti, l-informazzjoni li ma ġietx sottomessa f’dak iż-żmien ma kellha, bħala tali, ebda effett fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tagħha u għalhekk tista’ wkoll tiġi ppreżentata matul il-perijodu previst għall-evalwazzjoni tal-proposta għal proġett. |
|
31. |
Fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-qorti amministrattiva, ma hemm l-ebda dubju bejn il-partijiet li jekk wieħed jibbaża ruħu fuq id-data finanzjarja li tinsab fl-aħħar dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali tagħha għas-sena 2018, ir-rikorrenti tkun tikkostitwixxi impriża f’diffikultà fis-sens tal-Artikolu 2(18)(a) tar-Regolament dwar Eżenzjoni skont il-Kategorija. Lanqas ma hemm dubju dwar il-fatt li r-rikorrenti rrimedjat dan in-nuqqas b’żieda fil-kapital azzjonarju tagħha u bir-reġistrazzjoni tal-emenda korrispondenti fir-reġistru tal-kummerċ fl‑24 ta’ Lulju 2019. |
IV. It-talba għal deċiżjoni preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
|
32. |
L-Administratīvā rajona tiesa (il-Qorti Amministrattiva Distrettwali, il-Latvja), adita bir-rikors, għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja, permezz ta’ deċiżjoni tal‑15 ta’ Lulju 2020, id-domandi preliminari li ġejjin:
|
|
33. |
Matul il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Latvja, l-Irlanda u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub u kollha pparteċipaw, bħar-rikorrenti, fis-seduta tal‑14 ta’ Lulju 2021. |
V. Evalwazzjoni ġuridika
A. Fuq id-domandi preliminari
|
34. |
Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna ċ-ċaħda ta’ applikazzjoni għal finanzjament mir-rikorrenti taħt il-programm ta’ kofinanzjament “Tkabbir u Impjiegi” tal-FEŻR. |
|
35. |
Permezz tat-tliet domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, kif għandu jinftiehem il-kunċett ta’ “impriża f’diffikultà”, użat fl-Artikolu 2(18)(a) tar-Regolament dwar Eżenzjoni skont il-Kategorija, b’riferiment għall-“kapital azzjonarju sottoskritt” (ara B). L-isfond ta’ dan huwa l-fatt li r-Regolament FEŻR jeskludi, fl-Artikolu 3(3)(d) tiegħu, lil dawn l-impriżi mill-benefiċċju ta’ finanzjament. Fit-tieni domanda, hija tistaqsi kif applikant jista’ jagħti provi li ma huwiex impriża f’diffikultà. B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ir-rekwiżit ta’ ċerti rapporti fid-dritt nazzjonali huwiex konformi mad-dritt tal-Unjoni (ara C). It-tielet domanda tirrigwarda l-proċess ta’ għażla sussegwenti mill-awtorità ta’ ġestjoni. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk kjarifiki sussegwenti (daħla fir-reġistru tal-kummerċ u rapport intermedju sussegwenti minn awditur ġuramentat) jistgħux jiġu miċħuda mill-Awtorità bħala irrilevanti wara l-iskadenza tat-terminu għas-sottomissjoni tal-applikazzjoni iżda qabel id-deċiżjoni finali (ara D). |
|
36. |
Minkejja li dawn it-tliet domandi huma marbuta ma’ xulxin, huma madankollu jikkonċernaw aspetti differenti tal-proċedura ta’ għażla ta’ benefiċjarju tal-għajnuna (interpretazzjoni tal-kunċett “impriża f’diffikultà”, prova ta’ dan il-kunċett, esklużjoni tal-provi sussegwenti li l-impriża inkwistjoni ma tinsabx f’diffikultà) u għalhekk ser jingħataw risposta separatament. |
B. Interpretazzjoni tal-Artikolu 2(18)(a) tar-Regolament dwar Eżenzjoni skont il-Kategorija
|
37. |
Ir-raġuni prinċipali għaċ-ċaħda tal-applikazzjoni għal finanzjament hija marbuta mal-fatt li, fid-data tas-sottomissjoni ta’ din l-applikazzjoni, l-Aġenzija kklassifikat lir-rikorrenti bħala “impriża f’diffikultà” fis-sens tal-Artikolu 2(18)(a) tar-Regolament dwar Eżenzjoni skont il-Kategorija. Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-interpretazzjoni li għandha tingħata lil dan il-kunċett, b’mod partikolari sa fejn isir riferiment għall-“kapital azzjonarju sottoskritt”. Il-kapital azzjonarju sottoskritt huwa biss il-kapital azzjonarju rreġistrat skont id-dritt nazzjonali dwar il-kumpanniji u d-dritt nazzjonali dwar ir-reġistrazzjoni applikabbli? Jew huwa kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni li għandu jiġi kkunsidrat indipendentement mill-partikolaritajiet nazzjonali speċifiċi għal kull Stat Membru? |
|
38. |
Din id-domanda hija rilevanti b’mod partikolari għaliex l-Istati Membri jużaw kunċetti differenti fid-dritt tagħhom dwar il-kumpanniji. B’hekk, id-dritt Latvjan jinkludi finzjoni ġuridika li tgħid li ż-żieda fil-kapital statutorju deċiża mis-soċji titqies li seħħet fil-jum meta ż-żieda l-ġdida fil-kapital tkun iddaħħlet fir-reġistru tal-kummerċ. Mill-osservazzjonijiet tal-Irlanda jirriżulta li tali att ta’ reġistrazzjoni ma huwiex previst f’dak l-Istat Membru sabiex jinbidel il-kapital azzjonarju. Min-naħa l-oħra, fil-Ġermanja huwa neċessarju li tiġi adottata deċiżjoni tas-soċji, iċċertifikata minn nutar, li temenda l-istatuti ta’ kumpannija privata b’responsabbiltà limitata. Din l-emenda ma għandhiex effett legali qabel ma tiddaħħal fir-reġistru tal-kummerċ tal-post fejn il-kumpannija għandha s-sede tagħha. |
|
39. |
Din il-kawża tirrigwarda kumpannija Latvjana li ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti mid-dritt ta’ reġistrazzjoni Latvjan fil-mument tal-applikazzjoni għal sussidju. Kumpannija Irlandiża setgħet tissodisfa r-rekwiżiti tad-dritt Irlandiż mingħajr prova ta’ reġistrazzjoni. Kumpannija Ġermaniża setgħet tippreżenta mill-inqas daħla (Ġermaniża) fir-reġistru tal-kummerċ, iżda mill-bqija kien ikollha tissodisfa rekwiżiti iktar stretti (deċiżjoni tas-soċji ċċertifikata minn nutar) mill-kompetitur Latvjan tagħha. |
|
40. |
Dawn l-eżempji diġà juru li l-kwistjoni tal-interpretazzjoni tal-kunċetti li jinsabu f’regolament tal-Unjoni, bħalma huwa ta’ spiss il-każ, hija marbuta mill-qrib mal-punt dwar jekk dawn għandhomx jiġu interpretati b’mod awtonomu, b’tali mod li l-kumpanniji kollha jkunu jistgħu jikkonformaw magħhom skont l-istess kriterji fl-Istati Membri kollha, jew jekk l-interpretazzjoni tagħhom għandhiex issir b’teħid inkunsiderazzjoni tad-dritt nazzjonali rilevanti (dak tal-Istat li fih jingħata l-finanzjament jew dak tal-Istat li fih il-kumpannija li tissottometti l-applikazzjoni għandha s-sede tagħha). |
1. Fuq l-interpretazzjoni awtonoma tar-Regolament dwar Eżenzjoni skont il-Kategorija
|
41. |
Ir-risposta għal din id-domanda hija marbuta mal-kliem u mat-tifsira tal-kunċett ta’ “impriża f’diffikultà”. |
|
42. |
Il-punt tat-tluq huwa l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li l-kliem ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma tagħmel ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati s-sens u l-portata tagħha, għandu normalment jingħata, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi, indipendentement mill-kliem użat fl-Istati Membri, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kliem tad-dispożizzjoni inkwistjoni kif ukoll il-kuntest tagħha u l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni li hija tagħmel parti minnha ( 9 ). |
|
43. |
Jista’ jkun mod ieħor meta d-dritt tal-Unjoni jagħmel riferiment għad-drittijiet nazzjonali kkonċernati. Madankollu, tali riferiment ma huwiex inkluż fil-kliem tal-Artikolu 2(18)(a) tar-Regolament dwar Eżenzjoni skont il-Kategorija, li ma jinkludi ebda riferiment għad-dritt nazzjonali dwar il-kumpanniji jew għad-dritt nazzjonali dwar ir-reġistrazzjoni. Bil-kontra, din id-dispożizzjoni tirreferi espressament għad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri għad-Direttiva dwar il-Kontabbiltà. |
|
44. |
Skont il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, il-fattur deċiżiv ma huwiex il-kapital azzjonarju li d-dritt nazzjonali dwar il-kumpanniji jew id-dritt nazzjonali dwar ir-reġistrazzjoni (fl-Istat li fih jingħata s-sussidju jew fl-Istat tas-sede tal-kumpannija li tissottometti l-applikazzjoni) iqis bħala legalment effettiv f’mument speċifiku. Fil-fatt, l-Avukat Ġenerali Campos Sánchez-Bordona jindika li l-kunċett ġuridiku ta’ “impriża f’diffikultà” huwa “neċessarjament awtonomu u esklużiv tad-dritt tal-Unjoni” ( 10 ). |
|
45. |
Interpretazzjoni awtonoma hija wkoll sostnuta mill-paragun mal-kliem tal-Artikolu 2(18)(c) tar-Regolament dwar Eżenzjoni skont il-Kategorija li jsemmi espressament il-kwistjoni dwar jekk impriża tissodisfax il-kundizzjonijiet previsti mid-dritt nazzjonali sabiex tiftaħ proċedura ta’ insolvenza fuq talba tal-kredituri tagħha ( 11 ). Għandu jiġi preżunt li l-leġiżlatur tal-Unjoni, meta jirreferi espressament fil-punt (c) għad-dritt nazzjonali, filwaqt li jonqos li jagħmel dan fil-punt (a) fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-kapital azzjonarju sottoskritt, huwa jagħmel dan deliberatament, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Irlanda. |
|
46. |
Barra minn hekk, interpretazzjoni awtonoma hija wkoll sostnuta mill-fatt li l-premessa 14 tar-Regolament dwar Eżenzjoni skont il-Kategorija tippreċiża li dan ir-regolament huwa intiż sabiex jistabbilixxi kriterji ċari u verifikabbli, mingħajr evalwazzjoni ddettaljata tas-sitwazzjoni partikolari ta’ impriża. Il-verifika tal-effettività ta’ żieda fil-kapital fid-dawl tad-dritt nazzjonali applikabbli tal-ordinament ġuridiku li jirregola l-istatut tal-kumpannija (li ma huwiex neċessarjament biss id-dritt Latvjan f’dan il-każ) bilkemm għandha tkun possibbli għal awtorità ta’ ġestjoni mingħajr analiżi ddettaljata. Kif sostnew b’mod unanimu l-Irlanda u l-Latvja waqt is-seduta, ma huwiex id-dritt tal-Istat li jagħti l-għajnuna (f’dan il-każ il-Latvja), iżda d-dritt statutorju tal-kumpannija li huwa deċiżiv f’dan ir-rigward. |
|
47. |
L-assenza ta’ riferiment għad-drittijiet nazzjonali kkonċernati hija wkoll konvinċenti fir-rigward tal-mertu. Fil-fatt, fl-Istati li japplikaw il-prinċipju ta’ pubbliċità permezz ta’ reġistru uffiċjali, ir-reġistrazzjoni għandha funzjoni differenti minn dik dwar jekk ir-rikorrenti hijiex “impriża f’diffikultà” fis-sens tad-dritt dwar l-għajnuna mill-Istat. Normalment, ir-rekwiżit ta’ reġistrazzjoni f’reġistru nazzjonali għandu bħala għan il-verifika tar-reġistru u l-pubbliċità. Din tal-aħħar għandha bħala konsegwenza li r-reġistrazzjonijiet emendati jistgħu jiġu invokati kontra terzi. L-ewwel waħda hija intiża sabiex tiggarantixxi li biss id-deċiżjonijiet tas-soċji korretti jiġu rreġistrati. |
|
48. |
Min-naħa l-oħra, l-approċċ fir-rigward tal-kunċett ta’ “impriża f’diffikultà” speċifiku għad-dritt tal-Unjoni, ippreferut mill-Irlanda, mil-Latvja u mill-Kummissjoni waqt is-seduta, li jgħid li kundizzjoni (il-kunċett ta’ kapital sottoskritt) għandha tiġi ddeterminata b’riferiment għad-diversi ordinamenti ġuridiċi nazzjonali, ma huwiex konvinċenti. Għalkemm id-dritt tal-Unjoni jeskludi deliberatament ċerti persuni (f’dan il-każ l-impriżi f’diffikultà) mill-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni, l-Istati Membri ma jistgħux jiddefinixxu liberament, fid-dritt nazzjonali tagħhom, liema huma l-persuni li għandhom jitqiesu li jinsabu f’diffikultà permezz tal-kunċett ta’ kapital azzjonarju sottoskritt. Dan kieku jippermetti li l-għan tad-dritt tal-Unjoni jsir ineffettiv (esklużjoni mill-benefiċċju tal-finanzjament għall-impriżi f’diffikultà). |
|
49. |
Jien ma naqbilx mar-riżervi espressi, b’mod partikolari mill-Irlanda waqt is-seduta, li jgħidu li interpretazzjoni awtonoma tal-kunċett ta’ “impriża f’diffikultà” tista’ twassal għal armonizzazzjoni indiretta tad-dritt tal-kumpanniji. F’dan il-każ, il-kwistjoni ma hijiex jekk il-proċedura ta’ żieda effettiva fil-kapital għandhiex tiżvolġi b’mod uniformi fl-Istati Membri kollha. Fil-fatt, kif sostnew il-partijiet kollha, huwa minnu li d-dritt tal-Unjoni ma jipprevedix regoli f’dan ir-rigward. L-“unika” kwistjoni li tqum hawnhekk hija jekk l-għoti ta’ fondi tal-Unjoni (finanzjament lill-impriżi eliġibbli taħt il-FEŻR) jaqax, b’mod inekwivoku, taħt id-dritt tal-Unjoni jew taħt id-dritt nazzjonali. |
2. It-tifsira u l-għan tal-kunċett ta’ “impriża f’diffikultà”
|
50. |
Kif jirriżulta mill-premessa 14 tar-Regolament dwar Eżenzjoni skont il-Kategorija, l-għajnuna lill-impriżi f’diffikultà għandha tiġi evalwata fid-dawl ta’ linji gwida differenti minn dawk tal-impriżi mingħajr diffikultà. Ir-raġuni hija li l-għajnuna għandha tinkoraġġixxi lill-impriżi jieħdu miżuri speċifiċi, jiġifieri li jwettqu l-proġett issussidjat ( 12 ). Madankollu, fil-każ ta’ impriżi inqas solventi (jiġifieri impriżi f’diffikultà), jeżisti r-riskju li l-għajnuna tintuża pjuttost għas-salvataġġ tal-impriża milli għat-twettiq tal-proġett issussidjat ( 13 ). Fi kwalunkwe każ, għall-impriżi inqas solventi, jeżisti riskju ikbar li l-għan tal-finanzjament ma jintlaħaqx. Għaldaqstant, l-impriżi inqas solventi għandhom, l-iktar l-iktar, jiġu salvati jew irristrutturati permezz ta’ għajnuna, iżda dan għandu jiġi evalwat fid-dawl ta’ kriterji oħra u għalhekk ta’ linji gwida oħra. |
|
51. |
B’hekk, l-Artikolu 3(3)(d) tar-Regolament FEŻR jirreferi għall-Artikolu 2(18)(a) tar-Regolament dwar Eżenzjoni skont il-Kategorija. Dan, min-naħa tiegħu, jikkonċerna primarjament is-sitwazzjoni reali tal-assi. Huwa jiddefinixxi impriża f’diffikultà bħala impriża li tkun tilfet iktar minn nofs il-kapital azzjonarju sottoskritt minħabba telf akkumulat. Konsegwentement, din l-impriża għandha tiġi kklassifikata bħala mhux partikolarment solventi. Il-kunċett ta’ kapital azzjonarju sottoskritt għandu għalhekk jinftiehem b’riferiment għas-sitwazzjoni ekonomika reali ta’ impriża. |
|
52. |
Minn naħa, reġistrazzjoni f’reġistru Statali tista’ tieħu ċertu żmien. Min-naħa l-oħra, kulma tagħmel huwa li tikkonstata pubblikament li l-kapital azzjonarju issa ġie miżjud. Dan ma għandux x’jaqsam mas-sitwazzjoni ekonomika reali tal-impriża. Fil-fatt, l-impriża setgħet sadanittant tkun diġà assorbiet iż-żieda fil-kapital minħabba telf ġdid. Ir-reġistrazzjoni fir-reġistru jew il-finzjoni ta’ effettività legali permezz tar-reġistrazzjoni huma għalhekk inutli għall-finijiet tad-delimitazzjoni. |
|
53. |
L-użu tad-Direttiva 2017/1132 lanqas ma huwa utli. L-Artikolu 68 ta’ din tal-aħħar, “Deċiżjoni mil-laqgħa ġenerali dwar iż-żieda fil-kapital”, jipprevedi li kull żieda fil-kapital għandha tiġi deċiża mil-laqgħa ġenerali. Din id-deċiżjoni kif ukoll it-twettiq taż-żieda fil-kapital sottoskritt għandhom jiġu ppubblikati skont il-modalitajiet previsti mil-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri u ma jistgħux jiġu invokati kontra terzi ħlief wara li jiġu ppubblikati. Kif barra minn hekk tirrileva l-Kummissjoni, dan huwa intiż sabiex jipproteġi lil terzi. Madankollu, dawn l-obbligi ta’ pubbliċità ma jinkludu l-ebda indikazzjoni dwar is-sitwazzjoni patrimonjali reali. |
|
54. |
Għandu jingħad ukoll li l-applikant ma huwiex f’pożizzjoni li jkollu influwenza fuq il-mument tar-reġistrazzjoni fir-reġistru. Sa ċertu punt, dan huwa aleatorju għalih. Madankollu, l-Artikolu 125 tar-Regolament Nru 1303/2013 jeżiġi kriterji ta’ għażla mhux diskriminatorji u li jkunu trasparenti. Għalhekk, iċ-ċirkustanza aleatorja ta’ pproċessar rapidu jew bil-mod tar-reġistrazzjoni fir-reġistru mill-qorti inkarigata biż-żamma tar-reġistru diffiċli li tiġi rrikonċiljata fi ħdan l-istess Stat Membru u, a fortiori, f’paragun ma’ diversi Stati Membri. F’dan il-każ, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ avvenimenti aleatorji hawnhekk jikkostitwixxi pjuttost arbitrarjetà milli ekwità. |
3. Użu tad-Direttiva dwar il-Kontabbiltà
|
55. |
Il-fatt li l-kunċett ta’ kapital azzjonarju sottoskritt għandu jinftiehem fid-dawl tas-sitwazzjoni ekonomika reali ta’ impriża huwa kkonfermat ukoll mir-riferiment magħmul fl-Artikolu 2(18)(a) tar-Regolament dwar Eżenzjoni skont il-Kategorija għad-Direttiva dwar il-Kontabbiltà. |
|
56. |
Normalment, fid-dritt dwar il-kontabbiltà, il-kapital proprju mqiegħed għad-dispożizzjoni tal-kumpannija jitqassam f’diversi kategoriji li ġeneralment jiġu rreġistrati fil-passiv ta’ bilanċ. Peress li, għal darb’oħra, il-kontabbiltà tal-assi ta’ impriża kienet tvarja minn Stat Membru għal ieħor, issa teżisti d-Direttiva dwar il-Kontabbiltà li tistabbilixxi rekwiżiti dwar l-istabbiliment ta’ dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali. Skont il-premessa 9, id-“dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali għandhom jitħejjew fuq bażi prudenti u jagħtu stampa vera u ġusta tal-assi u l-passivi ta’ impriża, il-pożizzjoni finanzjarja u l-qligħ jew it-telf tagħha”. L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar il-Kontabbiltà jipprovdi li wieħed mill-elementi importanti tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali huwa l-karta tal-bilanċ ta’ impriża. |
|
57. |
Minkejja li l-Anness III tad-Direttiva dwar il-Kontabbiltà, li jinkludi l-istruttura ta’ karta tal-bilanċ, ma jużax il-kunċett ta’ kapital azzjonarju sottoskritt, huwa juża l-kunċett ta’ kapital sottoskritt bħala l-ewwel subintestatura tal-kapital proprju fil-passiv. F’dan ir-rigward, l-Anness III jagħmel distinzjoni fil-punt A (kemm taħt l-assi kif ukoll taħt il-passiv) bejn il-parti tal-kapital sottoskritt li hija meħtieġa iżda li għadha ma ġietx mħallsa u l-kapital sottoskritt imħallas diġà. |
|
58. |
Dawn ir-regoli, li, infakkar, huma intiżi sabiex jirrappreżentaw is-sitwazzjoni patrimonjali reali ta’ kumpannija, ma jiġux maqsuma abbażi tal-pubblikazzjoni tal-kapital sottoskritt, iżda skont jekk dan ikunx tħallas diġà jew le. Dan huwa komprensibbli. Fil-fatt, id-deċiżjoni tas-soċji li tiddeċiedi fuq iż-żieda fil-kapital azzjonarju hija biss il-wegħda li jingħata kapital addizzjonali bil-għan li titjieb is-sitwazzjoni patrimonjali tal-kumpannija. Huwa biss fil-mument tal-ħlas li l-kapital azzjonarju miżjud ikun realment disponibbli. |
|
59. |
Fil-qosor, għandu għalhekk jingħad li l-leġiżlazzjoni dwar il-kontabbiltà, kif prevista mid-dritt tal-Unjoni, tagħmel distinzjoni bejn il-kapital sottoskritt li għad irid jitħallas u l-kapital imħallas diġà. Hija tagħti, għalhekk, stampa vera u ġusta tal-assi u tal-passiv ta’ impriża, tas-sitwazzjoni finanzjarja tagħha u tal-qligħ jew it-telf tagħha. Il-pubblikazzjoni f’reġistru hija irrilevanti f’dan ir-rigward. |
4. Konklużjonijiet
|
60. |
Minn dan isegwi li l-kunċett ta’ kapital azzjonarju sottoskritt għandu jinftiehem b’mod indipendenti mid-dritt nazzjonali dwar ir-reġistrazzjoni jew mid-dritt nazzjonali dwar il-kumpanniji rilevanti. Il-kunċett jista’ jirrigwarda kemm il-kapital azzjonarju miżjud li twiegħed (jiġifieri d-deċiżjoni tas-soċji tkun għalhekk il-fattur deċiżiv) jew il-ħlas tal-kapital azzjonarju miżjud li twiegħed (jiġifieri l-kontribuzzjoni taż-żieda fil-kapital azzjonarju tkun għalhekk il-fattur deċiżiv). |
|
61. |
Fid-dawl tal-għan imsemmi iktar ’il fuq, jiġifieri d-distinzjoni fid-dritt tal-għajnuna mill-Istat bejn l-impriżi f’diffikultà u dawk li ma humiex f’diffikultà, din tal-aħħar hija preferibbli. Ir-riskju li l-għan tal-għajnuna ma jintlaħaqx minħabba diffikultajiet finanzjarji li tkun iltaqgħet magħhom kumpannija għadu preżenti fil-każ ta’ sempliċi wegħda ta’ żieda fil-kapital u huwa eskluż biss ladarba tiġi ssodisfatta l-wegħda, jiġifieri meta l-kapital azzjonarju miżjud tal-kumpannija jkun effettivament disponibbli. Kif tenfasizza ġustament il-Latvja, id-deċiżjoni tas-soċji li jżidu l-kapital timplika “biss” obbligu fid-dritt ċivili u hija biss l-ewwel pass taż-żieda fil-kapital sottoskritt. Dan tal-aħħar jispjega wkoll il-preżentazzjoni separata fil-karta tal-bilanċ (ara, f’dan ir-rigward, il-punti 57 et seq. iktar ’il fuq). |
|
62. |
Konsegwentement, nikkunsidra li l-kunċett ta’ kapital azzjonarju sottoskritt, imsemmi fl-Artikolu 2(18)(a) tar-Regolament dwar Eżenzjoni skont il-Kategorija, jirreferi għall-kapital sottoskritt imħallas, fis-sens tal-Anness III tad-Direttiva dwar il-Kontabbiltà. |
|
63. |
Din l-interpretazzjoni tiżgura bilanċ bejn l-interessi tal-impriżi u tal-organi li jagħtu l-għajnuna. Minn naħa, l-impriżi ma jiġux esklużi mill-finanzjament ta’ ċerti proġetti minħabba t-tul, li huma ma għandhomx influwenza fuqu, ta’ proċedura ta’ reġistrazzjoni f’reġistru statali. Min-naħa l-oħra, l-impriżi f’diffikultà ma jistgħux isiru eliġibbli bis-sempliċi wegħda ta’ żieda futura fil-kapital, iżda biss meta l-kapital miżjud tal-kumpannija jkun effettivament disponibbli. Għalhekk, il-fattur deċiżiv f’dan il-każ huwa li jiġi stabbilit jekk id-deċiżjoni tal-laqgħa ġenerali tas-soċji tad‑29 ta’ April ġietx effettivament implimentata qabel l-iskadenza tat-terminu għas-sottomissjoni tal-applikazzjoni, fit‑30 ta’ April. Hija biss il-qorti tar-rinviju li għandha s-setgħa tagħmel din l-evalwazzjoni. |
C. Fuq il-prova tal-eliġibbiltà għall-għajnuna (l-impriża mhux f’diffikultà)
|
64. |
Għandha ssir distinzjoni bejn il-kwistjoni preċedenti u dik dwar kif impriża għandha tressaq provi tal-eliġibbiltà tagħha għall-finanzjament b’mod li jippermetti lill-awtoritajiet ta’ ġestjoni nazzjonali jivverifikaw din l-eliġibbiltà. |
|
65. |
F’dan ir-rigward, id-dritt Latvjan jipprevedi li, bħala prinċipju, id-dikjarazzjoni finanzjarja annwali ippubblikata l-iktar reċentement għandha tiġi vverifikata (1), jekk ma tkunx akkumpanjata b’rapport intermedju approvat minn awditur ġuramentat (2). Meta l-kandidat jirreferi għal informazzjoni (verifikabbli) aċċessibbli għall-pubbliku u jirreferi wkoll għal żieda fil-kapital statutorju wara d-dikjarazzjoni finanzjarja annwali finali l-iktar reċenti, din l-informazzjoni għandha tittieħed inkunsiderazzjoni flimkien ma’ rapport intermedju dwar is-sitwazzjoni tal-impriża, approvat minn awditur ġuramentat (3). |
|
66. |
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk dawn id-dokumenti humiex rilevanti u jistgħux jintalbu mill-awtoritajiet ta’ ġestjoni nazzjonali peress li, fi kwalunkwe każ, rapport intermedju f’dan is-sens kien nieqes fiż-żmien tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni. Dan ir-rapport ġie sottomess biss sussegwentement, matul il-proċedura. |
|
67. |
Kif jirriżulta mill-premessa 14 tar-Regolament dwar Eżenzjoni skont il-Kategorija u kif tirrileva ġustament il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha, id-determinazzjoni tal-eliġibbiltà taħt dan ir-regolament għandha tkun tista’ ssir faċilment. Din il-premessa taqra kif ġej: “Biex ikun hemm ċertezza legali, ikun xieraq li jkunu stabbiliti kriterji ċari li ma jeħtiġux valutazzjoni tal-partikularitajiet kollha tas-sitwazzjoni ta’ impriża biex ikun determinat jekk impriża hix ikkunsidrata li tinsab f’diffikultà għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament.” |
|
68. |
Dan l-għan għandu wkoll jittieħed inkunsiderazzjoni fl-applikazzjoni tal-Artikolu 125 tar-Regolament Nru 1303/2013. Skont din id-dispożizzjoni, l-awtoritajiet ta’ ġestjoni nazzjonali huma responsabbli li jamministraw l-iskema ta’ appoġġ operazzjonali skont il-prinċipju ta’ amministrazzjoni finanzjarja tajba. Din ir-responsabbiltà hija akkumpanjata minn kontroll tal-kundizzjonijiet previsti mir-Regolament dwar Eżenzjoni skont il-Kategorija ( 14 ). Għal dan il-għan, l-awtorità ta’ ġestjoni tista’ titlob provi li, anki fl-assenza ta’ analiżi ddettaljata tas-sitwazzjoni partikolari ta’ impriża, jippermettu li jiġi ddeterminat jekk iktar min-nofs il-kapital azzjonarju sottoskritt kienx sparixxa minħabba telf akkumulat. |
|
69. |
Kif diġà ġie rrilevat iktar ’il fuq, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, inklużi fil-karti tal-bilanċ, huma ċertament utli f’dan ir-rigward. Għaldaqstant, l-ewwel kriterju previst fid-dritt Latvjan ma jistax jiġi kkritikat. |
|
70. |
Peress li dawn id-dokumenti jiġu mfasslin biss fl-aħħar ta’ sena kontabilistika, iżda s-sitwazzjoni ekonomika tista’ titjieb ukoll matul is-sena, rapporti intermedji mfassla minn persuna esperta indipendenti, huma utli wkoll. Għalhekk lanqas ma hemm lok li wieħed jikkritika t-tieni kriterju previst fid-dritt Latvjan. |
|
71. |
Bl-istess mod, it-tielet kriterju għal evalwazzjoni, li huwa sempliċi li jiġi applikat, tas-sitwazzjoni ekonomika ta’ impriża ma jistax jiġi kkritikat. Meta l-kandidat jirreferi għal informazzjoni aċċessibbli għall-pubbliku sabiex iressaq provi ta’ żieda fil-kapital matul is-sena, kemm din kif ukoll rapport intermedju f’dan is-sens għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni. |
|
72. |
Dawn il-kriterji kollha jimplimentaw l-għan tar-Regolament dwar Eżenzjoni skont il-Kategorija (esklużjoni ta’ impriżi f’diffikultà li huma ineliġibbli skont dan ir-regolament) fid-dawl tar-responsabbiltà tal-awtoritajiet ta’ ġestjoni nazzjonali prevista fl-Artikolu 125 tar-Regolament Nru 1303/2013. Dan huwa konformi mad-dritt tal-Unjoni. |
D. Esklużjoni tas-sottomissjoni ta’ dokumenti addizzjonali wara l-iskadenza tat-terminu
|
73. |
Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, dwar il-konformità mal-Artikolu 125(3)(a) tar-Regolament Nru 1303/2013 tal-esklużjoni tad-dokumenti u tal-informazzjoni sottomessi wara l-applikazzjoni għal finanzjament. Din id-dispożizzjoni teżiġi li l-awtoritajiet ta’ ġestjoni jistabbilixxu u, wara approvazzjoni, japplikaw proċeduri u kriterji ta’ għażla xierqa li jiżguraw li l-operazzjonijiet jikkontribwixxu sabiex jintlaħqu l-għanijiet u r-riżultati speċifiċi tal-prijoritajiet korrispondenti u ma jkunux diskriminatorji u jkunu trasparenti wkoll. |
|
74. |
Madankollu, kif tosserva ġustament il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha, id-dritt nazzjonali lanqas ma jidher li jeskludi sottomissjoni sussegwenti ta’ dokumenti addizzjonali. Minn naħa, l-Artikolu 25 tal-Liġi dwar il-Ġestjoni tal-Fondi Strutturali jippermetti wkoll approvazzjoni kundizzjonali ta’ proposta. Min-naħa l-oħra, il-kundizzjonijiet għall-eliġibbiltà żviluppati mill-Aġenzija jibdew mill-prinċipju li d-deċiżjoni dwar jekk applikant huwiex impriża f’diffikultà jew le tittieħed fil-mument tad-deċiżjoni tal-għoti tal-għajnuna. Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk l-Artikolu 30 tal-Liġi dwar il-Ġestjoni tal-Fondi Strutturali, li jiddikjara mhux ammissibbli l-kjarifiki dwar il-proposti għal proġetti li jiġu sottomessi wara s-sottomissjoni tal-applikazzjoni sakemm tingħata deċiżjoni, huwiex applikabbli wkoll għall-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni ekonomika tal-applikant. |
|
75. |
Jekk jitqies li l-Artikolu 30 tal-Liġi dwar il-Ġestjoni tal-Fondi Strutturali jeskludi s-sottomissjoni sussegwenti ta’ tali dokumenti, tqum il-kwistjoni dwar jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix dan. Fil-fatt, f’dan il-każ, l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tar-rapport intermedju ppreżentat a posteriori jwassal għall-esklużjoni tar-rikorrenti miċ-ċirku tal-persuni eliġibbli għall-finanzjament, peress li sal-implimentazzjoni taż-żieda fil-kapital, ir-rikorrenti kellha titqies bħala impriża f’diffikultà u għalhekk ma kinitx eliġibbli għall-finanzjament fil-kuntest tar-Regolament dwar Eżenzjoni skont il-Kategorija. |
|
76. |
Madankollu, il-fatt li, skont ir-Regolament dwar Eżenzjoni skont il-Kategorija, ċerta għajnuna hija, bħala prinċipju, awtorizzata mid-dritt tal-Unjoni, ma jfissirx li l-Istati Membri għandhom ukoll iħallsu din l-għajnuna ( 15 ). L-istess jgħodd fir-rigward ta’ għajnuna taħt il-FEŻR. Kif jirriżulta mill-premessi 3 u 4, ċerti proġetti jistgħu jiġu ssussidjati, iżda dan ma huwiex obbligatorju. Għalhekk, kif tirrileva ġustament il-Kummissjoni, l-Istati Membri jistgħu jissuġġettaw dan il-ħlas għal ċerti kundizzjonijiet oħra, bħall-osservanza ta’ ċerti termini u formalitajiet oħra. Dan jinkludi wkoll il-possibbiltà li d-dokumenti ppreżentati sussegwentement ma jittiħdux inkunsiderazzjoni. |
|
77. |
Peress li l-finanzjament mill-fondi tal-Unjoni ma huwiex infinit, l-awtoritajiet ta’ ġestjoni għandhom, fl-aħħar mill-aħħar, jieħdu deċiżjoni ta’ għażla bejn diversi kandidati għall-istess għajnuna. Kif tirrileva ġustament il-Latvja, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għandu importanza kunsiderevoli f’din id-deċiżjoni tal-għażla. L-Artikolu 125(3)(a)(ii) tar-Regolament Nru 1303/2013 jipprovdi għalhekk li l-awtoritajiet ta’ ġestjoni għandhom jistabbilixxu proċeduri u kriterji ta’ għażla xierqa li ma humiex diskriminatorji u li huma trasparenti. |
|
78. |
Fid-dawl tal-fatt li l-kandidati jinsabu f’kompetizzjoni ftit jew wisq qawwija għal għajnuna fil-qafas ta’ fondi tal-Unjoni, is-sitwazzjoni hija kompletament komparabbli ma’ dik tad-dritt tal-kuntratti pubbliċi. F’dak il-qasam ukoll, l-awtorità ta’ ġestjoni għandha tipproċedi għal għażla u neċessarjament tiċħad parti mill-kandidati. Huwa possibbli li s-sitwazzjoni kompetittiva tkun iktar b’saħħitha u teżiġi trattament ugwali partikolarment rigoruż matul il-proċedura. Dan ma jbiddel xejn mill-fatt li riżors limitat (kuntratt jew finanzjament) jiġi allokat mill-Istat lil ċerti applikanti biss, bl-esklużjoni tal-oħrajn. Huwa wkoll għal din ir-raġuni li, skont l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2014/24 ( 16 ), din il-proċedura ta’ għażla għandha tkun trasparenti u mhux diskriminatorja. |
|
79. |
Kif irrilevat ġustament il-Kummissjoni waqt is-seduta, prinċipju ta’ skadenza, li jieħu inkunsiderazzjoni biss l-applikazzjonijiet sottomessi qabel ċertu żmien, applikabbli bl-istess mod għal kulħadd, huwa trasparenti u mhux diskriminatorju. L-istess japplika fir-rigward ta’ regola ta’ proċedura li tipprojbixxi, wara l-iskadenza tat-terminu għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet, is-suppliment sussegwenti ta’ applikazzjonijiet sottomessi diġà. Fil-fatt, din ir-regola sempliċement tippreżerva l-prinċipju ta’ skadenza u tħaffef il-kompitu tal-awtorità ta’ ġestjoni meta hija tagħti d-deċiżjoni ta’ għażla. Hija meħtieġa tieħu inkunsiderazzjoni biss l-informazzjoni pprovduta qabel l-iskadenza tat-terminu u ma hijiex marbuta tifformula kunsiderazzjonijiet addizzjonali wara dak iż-żmien. |
|
80. |
Dan huwa konformi mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Huwa jipprekludi li applikazzjonijiet żbaljati jew mhux kompluti jiġu sottomessi sat-terminu stabbilit, iżda li mbagħad jiġu kkompletati u kkoreġġuti sussegwentement u, għaldaqstant, li t-terminu għas-sottomissjoni tal-applikazzjoni jiġi estiż de facto. Dan ikun qiegħed jippenalizza lill-kandidati li ikunu ssottomettew mill-ewwel applikazzjonijiet mingħajr żbalji u kompluti. Sa fejn l-applikanti rispettivi setgħu jkunu jafu b’mod ċar liema dokumenti kellhom jiġu sottomessi sal-iskadenza tat-terminu għas-sottomissjoni tal-applikazzjoni u sa fejn kien ukoll possibbli għall-applikant li jipprovdi dawn id-dokumenti sa din id-data, l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tad-dokumenti sottomessi sussegwentement ma tqajjem l-ebda dubju, la fid-dawl tal-obbligu ta’ trasparenza u lanqas tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. |
|
81. |
F’dan ir-rigward, fil-kuntest tal-esklużjoni ta’ kandidat mill-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li d-Direttiva 2004/18 ma tipprekludix li offerent jiġi eskluż minħabba l-fatt li huwa jkun naqas milli jipprovdi ċerti dettalji fl-offerta tiegħu. B’mod partikolari, jekk awtorità kontraenti tqis li dan in-nuqqas ma jikkostitwixxix irregolarità purament formali, hija ma tistax tippermetti lil dan l-offerent jirrimedja dan in-nuqqas bi kwalunkwe mod wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit għas-sottomissjoni tal-offerti ( 17 ). Barra minn hekk, l-Artikolu 51 tal-imsemmija direttiva, li jipprovdi li l-awtorità kontraenti tista’ tistieden lill-operaturi ekonomiċi sabiex jikkompletaw jew jiċċaraw iċ-ċertifikati u d-dokumenti ppreżentati skont l-Artikoli 45 sa 50 ta’ din id-direttiva, ma jistax jiġi interpretat fis-sens li din l-awtorità kontraenti tista’ tawtorizza rettifiki, li skont id-dispożizzjonijiet espliċiti tad-dokumenti tas-sejħa għal offerti, għandhom iwasslu għall-esklużjoni tal-offerent ikkonċernat ( 18 ). |
|
82. |
Din l-idea tapplika wkoll, fil-fehma tiegħi f’formulazzjoni kemxejn imnaqqsa, fil-kuntest tad-deċiżjoni tal-għażla bejn diversi applikazzjonijiet għal finanzjament, tal-inqas meta, bħal f’dan il-każ, kienet saret sejħa pubblika għal proposti għal proġetti. Jekk mill-modalitajiet proċedurali aċċessibbli għar-rikorrenti kien jirriżulta li applikant, li jkun beda jitqies bħala impriża f’diffikultà skont id-dikjarazzjoni finanzjarja annwali preċedenti, kellu neċessarjament ikun is-suġġett ta’ rapport intermedju approvat minn awditur ġuramentat dwar is-sitwazzjoni tal-impriża, is-sottomissjoni ta’ tali rapport intermedju, li sseħħ biss wara l-iskadenza tat-terminu għas-sottomissjoni tal-applikazzjoni, tista’ ( 19 ) titqies bħala irrilevanti u l-applikazzjoni tista’ tiġi miċħuda. Ma hemmx lok għall-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi fuq il-kwistjoni dwar jekk dan għandux jiġi miċħud, kif jista’ jkun il-każ fid-dritt tal-kuntratti pubbliċi ( 20 ) ( 21 ). |
|
83. |
Madankollu, hija fl-aħħar mill-aħħar il-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk din il-kundizzjoni kinitx suffiċjentement trasparenti għar-rikorrenti. Għalhekk, il-kliem tal-Anness 5 tal-kundizzjonijiet għall-eliġibbiltà ċertament jindika li rapport intermedju f’dan is-sens kien neċessarju fis-sitwazzjoni tar-rikorrenti. Madankollu, sa fejn l-istess qafas regolatorju jirreferi wkoll għall-fatt li l-evalwazzjoni fid-dawl ta’ dan ir-rapport interim isseħħ meta tittieħed id-deċiżjoni tal-għoti tal-għajnuna, dan jista’ wkoll jiġi interpretat fis-sens li dawn id-dokumenti għandhom jkunu disponibbli biss sa din id-data. |
VI. Konklużjoni
|
84. |
Konsegwentement, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mill-Administratīvā rajona tiesa (il-Qorti Amministrattiva Distrettwali, il-Latvja):
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.
( 2 ) Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas‑17 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat (ĠU 2014, L 187, p. 1).
( 3 ) Regolament (UE) Nru 1301/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw l-Investiment li għandu fil-mira t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1080/2006 (ĠU 2013, L 347, p. 289, rettifika fil-ĠU 2016, L 330, p. 25).
( 4 ) Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU 2013, L 347, p. 320, rettifika fil-ĠU 2019, L 66, p. 6).
( 5 ) Direttiva (UE) 2017/1132 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar ċerti aspetti tal-liġi dwar il-kumpaniji (ĠU 2017, L 169, p. 46).
( 6 ) Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU 2013, L 182, p. 19).
( 7 ) Il-liġijiet Latvjani kollha huma disponibbli fuq is-sit https://likumi.lv/, kemm fil-verżjonijiet attwali kif ukoll fil-verżjonijiet preċedenti tagħhom.
( 8 ) Il-kundizzjonijiet għall-eliġibbiltà u l-annessi tagħhom jinsabu fuq is-sit https://www.cfla.gov.lv/lv/es-fondi-2014-2020/izsludinatas-atlases/3-1-1-5-k-2 (paġna kkonsultata fid‑9 ta’ Lulju 2020).
( 9 ) Sentenzi tal‑24 ta’ Settembru 2020, NMI Technologietransfer (C‑516/19, EU:C:2020:754, punt 44); tal‑5 ta’ Frar 2020, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Reġistrazzjoni tal-baħħara fil-port ta’ Rotterdam) (C‑341/18, EU:C:2020:76, punt 40 u l-ġurisprudenza msemmija hemmhekk); u tal‑15 ta’ Ottubru 2015, Axa Belgium (C‑494/14, EU:C:2015:692; kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Campos Sánchez-Bordona fil-kawża Nerea (C‑245/16, EU:C:2017:271, punti 49 et seq.) fir-rigward tal-kunċett rilevanti hawnhekk.
( 10 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Campos Sánchez-Bordona fil-kawża Nerea (C‑245/16, EU:C:2017:271, punt 48).
( 11 ) Ara b’mod iktar preċiż is-sentenza tas‑6 ta’ Lulju 2017, Nerea (C‑245/16, EU:C:2017:521), u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Campos Sánchez-Bordona fil-kawża Nerea (C‑245/16, EU:C:2017:271).
( 12 ) Dwar l-hekk imsejjaħ effett ta’ inċentiv, ara, b’mod iktar preċiż, is-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2019, Eesti Pagar (C‑349/17, EU:C:2019:172, punti 55 et seq.).
( 13 ) F’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Campos Sánchez-Bordona fil-kawża Nerea (C‑245/16, EU:C:2017:271, punt 67).
( 14 ) Ara wkoll is-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2019, Eesti Pagar (C‑349/17, EU:C:2019:172, punt 70).
( 15 ) Ara d-digrieti tas‑6 ta’ Mejju 2020, Blumar et (C‑415/19 sa C‑417/19, EU:C:2020:360, punt 23); u tat‑30 ta’ Mejju 2018, Yanchev (C‑481/17, mhux ippubblikat, EU:C:2018:352, punt 22); kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Campos Sánchez-Bordona fil-kawża Nerea (C‑245/16, EU:C:2017:271, punt 74).
( 16 ) Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65, rettifika fil-ĠU 2015, L 275, p. 68).
( 17 ) Sentenzi tat‑2 ta’ Ġunju 2016, Pizzo (C‑27/15, EU:C:2016:404, punt 49); tas‑6 ta’ Novembru 2014, Cartiera dell’Adda u Cartiera di Cologno (C‑42/13, EU:C:2014:2345, punt 45); u tat‑2 ta’ Mejju 2019, Lavorgna (C‑309/18, EU:C:2019:350, punt 28).
( 18 ) Sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2014, Cartiera dell’Adda u Cartiera di Cologno (C‑42/13, EU:C:2014:2345, punt 46), simili għas-sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 2016, Pizzo (C‑27/15, EU:C:2016:404, punt 50).
( 19 ) Simili għas-sentenza tat‑28 ta’ Ottubru 2020, INAIL (C‑608/19, EU:C:2020:865, punt 46), li tipprovdi li l-Istati Membri ma humiex obbligati jawtorizzaw l-emenda ta’ applikazzjoni għal għajnuna sabiex l-applikant ma jeċċedix ċerti limiti.
( 20 ) Sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2014, Cartiera dell’Adda u Cartiera di Cologno (C‑42/13, EU:C:2014:2345, punti 45 u 46), simili għas-sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 2016, Pizzo (C‑27/15, EU:C:2016:404, punti 49 u 50), ara wkoll is-sentenza tat‑2 ta’ Mejju 2019, Lavorgna (C‑309/18, EU:C:2019:350, punt 31).
( 21 ) Is-sentenza tat‑28 ta’ Ottubru 2020, INAIL (C-608/19, EU:C:2020:865, punt 42) issemmi l-possibbiltà tal-Istati Membri li jagħtu lill-applikanti d-dritt li jnaqqsu l-ammont tat-talba tagħhom għall-għajnuna.