Opinion of the Advocate-General
1. Dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari mit-Tribunal du travail de Bruxelles jirrigwarda l‑portata tad-dritt ta’ residenza għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu l-ġenituri ta’ minuri li jkun ċittadin tal-Unjoni li jkun għadu ma telaqx mill-Istat Membru fejn ikun twieled.
2. Sabiex tagħti risposta għad-domandi rrinvjati mill-qorti nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha għadd ta’ għażliet diffiċli u importanti x’tagħmel. X’tinvolvi preċiżament iċ-ċittadinanza tal-Unjoni? Iċ-ċirkustanzi li jagħtu lok għal proċeduri nazzjonali jikkostitwixxu sitwazzjoni li hija “purament interna” għall-Istat Membru kkonċernat, fejn id-dritt tal-Unjoni Ewropea ma jiżvolġi ebda rwol? Jew ir-rikonoxximent sħiħ tad-drittijiet (inklużi d-drittijiet futuri) li neċessarjament jirriżultaw miċ-ċittadinanza tal-Unjoni jfisser li minuri li jkun ċittadin tal-Unjoni Ewropea għandu d-dritt, abbażi tad-dritt tal-Unjoni Ewropea u mhux tad-dritt nazzjonali, biex jirrisjedi kullimkien fit-territorju tal-Unjoni (inkluż fl-Istat Membru li tiegħu jkun ċittadin)? Jekk dan huwa l-każ, sabiex jiġi żgurat li jkun jista’ jeżerċita dan id-dritt b’mod effettiv, jista’ jkun meħtieġ li jingħata d-dritt ta’ residenza lill-ġenitur tiegħu li jkun ċittadin ta’ pajjiż terz jekk, f’każ li dan id-dritt ta’ residenza ma jingħatax, ikun hemm ksur sostanzjali ta’ drittijiet fundamentali.
3. Fuq livell iktar kunċettwali, l-eżerċizzju ta’ drittijiet bħala ċittadin tal-Unjoni jiddependi – bħall-eżerċizzju tal-“libertajiet” klassiċi ekonomiċi – fuq xi moviment liberu transkonfinali (ikun kemm ikun inċidentali, periferali jew remot) li jkun seħħ qabel ma tkun saret it-talba? Jew għandu jitqies li ċ-ċittadinanza tal-Unjoni tħares lejn il-futur, iktar milli lura lejn il-passat, sabiex tiddefinixxi d-drittijiet u l-obbligi li tistabbilixxi? Biex inpoġġu d-domanda minn angolu kemxejn differenti: iċ-ċittadinanza tal-Unjoni hija sempliċement il-verżjoni mhux ekonomika tal-istess tip ġeneriku ta’ drittijiet ta’ moviment liberu bħal ma ilhom jeżistu għal żmien twil għall-persuni attivi ekonomikament u għal persuni b’mezzi indipendenti? Jew tfisser xi ħaġa iktar radikali: ċittadinanza vera, li ġġorr magħha ġabra uniformi ta’ drittijiet u obbligi, f’Unjoni ta’ dritt (2) fejn ir-rispett tad-drittijiet fundamentali neċessarjament għandu rwol integrali?
I – Il-kuntest ġuridiku
A – Dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni Ewropea
4. L-Artikolu 6 TUE (li qabel kien l-Artikolu 6 UE) jipprovdi:
“1. L-Unjoni tirrikonoxxi d-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea tas-7 ta’ Diċembru 2000, kif adattata fit-12 ta’ Diċembru 2007 ġo Strasburgu, li għandha jkollha l-istess valur legali bħat-Trattati.
Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-Karta m’għandhom bl-ebda mod jestendu l-kompetenzi ta’ l-Unjoni kif definiti mit-Trattati.
Id-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji dikjarati fil-Karta għandhom jiġu interpretati skond id-dispożizzjonijiet ġenerali tat-Titolu VII tal-Karta li jirregolaw l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tagħha u b’kont debitu meħud ta’ l-ispjegazzjonijiet imsemmija fil-Karta, li jindikaw is-sorsi ta’ dawk id-dispożizzjonijiet.
2. L-Unjoni għandha taderixxi għall-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali. Din l-adeżjoni m’għandhiex taffettwa l-kompetenzi ta’ l-Unjoni kif definiti mit-Trattati.
3. Id-drittijiet fundamentali, kif iggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, u kif jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, għandhom jagħmlu parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt ta’ l-Unjoni.”
5. L-Artikolu 18 TFUE (li qabel kien l-Artikolu 12 KE) jipprovdi:
“Fil-kamp ta’ l-applikazzjoni tat-Trattati, u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċjali inklużi hemm kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza għandha tiġi projbita.
[…]”
6. L-Artikolu 20 TFUE (li qabel kien l-Artikolu 17 KE) jipprovdi:
“1. Qed tiġi stabbilita ċ-Ċittadinanza ta’ l-Unjoni. Kull persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru hija ċittadina ta’ l-Unjoni. Iċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni għandha tiżdied maċ-ċittadinanza nazzjonali u ma tissostitwixxihiex.
2. Iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni għandhom igawdu d-drittijiet u jintrabtu bid-dmirijiet previsti fit-Trattati
[...]”
7. L-Artikolu 21 TFUE (li qabel kien l-Artikolu 18 KE) jipprovdi:
“1. Kull ċittadin ta’ l-Unjoni għandu d-dritt li jmur minn post għal ieħor u li joqgħod liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri, salvi l-limitazzjonijiet u l-kondizzjonijiet stabbiliti fit-Trattati u d-dispożizzjonijiet meħuda sabiex dan jitwettaq.
[...]”
8. L-Artikoli 7, 21 u 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (3) jipprovdu:
“Artikolu 7
Ir-rispett għall-ħajja privata u tal-familja
Kull persuna għandha d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja tagħha, ta’ darha u tal-kommunikazzjonijiet tagħha.
[...]
Artikolu 21
Non-diskriminazzjoni
1. Kull diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew xi opinjoni oħra, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabbiltà, l-età, jew l-orjentazzjoni sesswali għandha tkun projbita.
2. Fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattati u mingħajr preġudizzju għal kull dispożizzjoni speċifika tagħhom, kull diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità hi pprojbita.
[...]
Artikolu 24
Id-drittijiet tat-tfal
1. It-tfal għandhom id-dritt għall-protezzjoni u għall-kura meħtieġa għall-ġid tagħhom. Huma jistgħu jesprimu l-opinjonijiet tagħhom liberament. Dawn l-opinjonijiet għandhom jitqiesu f’materji li jirrigwardawhom skond l-età u l-maturità tagħhom.
2. Fl-azzjonijiet kollha relatati mat-tfal, kemm jekk jittieħdu minn awtoritajiet pubbliċi jew minn istituzzjonijiet privati, l-aħjar interess tat-tfal għandu jkun kunsiderazzjoni primarja.
3. It-tfal kollha għandhom id-dritt li jkollhom, regolarment, relazzjoni personali u kuntatt dirett maż-żewġ ġenituri, sakemm dan ma jkunx kontra l-interessi tat-tfal.”
B – Dispożizzjonijiet internazzjonali rilevanti
9. L-Artikolu 17 tal-Patt Internazzjonali dwar Drittijiet Ċivili u Politiċi (4) jipprovdi:
“1. Ħadd ma għandu jkun suġġett għal interferenza arbitrarja jew illeċita fil-privatezza, fil-familja, fid-dar jew fil-korrispondenza tiegħu, jew għal attakki illeċiti kontra l-unur u r-reputazzjoni tiegħu.
2. Kulħadd għandu d-dritt għall-protezzjoni tal-liġi kontra tali interferenza jew attakki.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
10. L-Artikolu 9(1) tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal (5) jipprovdi:
“1. L-Istati Kontraenti għandhom jiżguraw li t-tfal ma jiġux mifruda mill-ġenitur jew ġenituri tagħhom kontra r-rieda tagħhom, ħlief meta awtoritajiet kompetenti suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju jikkonstataw, b’mod konformi mal-liġi u l-proċeduri applikabbli, li tali firda hija meħtieġa fl-aħjar interessi tat-tfal. Tali konstatazzjoni tista’ tkun meħtieġa f’każijiet partikolari bħal meta jkun hemm abbuż jew nuqqas ta’ attenzjoni għat-tfal mill-ġenituri, jew meta l-ġenituri jkunu qed jgħixu separatament u tkun trid tittieħed deċiżjoni dwar il-post ta’ residenza tat-tfal.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
11. L-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (“il-KEDB”) u l-Artikolu 3 tal-Protokoll 4 tagħha jipprovdu dan li ġej: (6)
“Artikolu 8
“1. Kulħadd għandu d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata tiegħu u tal-familja tiegħu, ta’ daru u tal-korrispondenza tiegħu.
2. M’għandux ikun hemm indħil minn awtorità pubblika dwar l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt ħlief dak li jkun skond il-liġi u li jkun meħtieġ f’soċjetà demokratika fl-interessi tas-sigurtà nazzjonali, sigurtà pubblika jew il-ġid ekonomiku tal-pajjiż, biex jiġi evitat id-diżordni jew l-egħmil ta’ delitti, għall-protezzjoni tas-saħħa jew tal-morali, jew għall-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ ħaddieħor.
[...]
L-Artikolu 3 tal-Protokoll 4
1. Ħadd ma għandu jiġi mkeċċi, minħabba jew xi miżura individwali jew xi waħda kollettiva, mit-territorju ta’ l-Istat li jkun ċittadin tiegħu.
2. Ħadd ma għandu jiġi pprivat mid-dritt li jidħol fit-territorju ta’ l-Istat li jkun ċittadin tiegħu.”
C – Leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti
1. Id-Digriet Irjali tal-25 ta’ Novembru 1991
12. L-Artikolu 30 tad-Digriet Irjali tal-25 ta’ Novembru 1991 dwar regoli tal-qgħad jipprovdi skont kif ġej:
“Sabiex ikun eliġibbli għall-benefiċċju tal-qgħad, ħaddiem full-time irid ikun lesta perijodu ta’ kwalifikazzjoni li jikkonsisti f’dan in-numru ta’ ġranet ta’ xogħol:
1. [...]
2. 468 matul is-27 xahar qabel it-talba, jekk il-ħaddiem ikollu iktar minn 36 sena u inqas minn 50 sena,
[...]”
13. L-Artikolu 43(1) tad-Digriet Irjali jiddikjara:
“Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet preċedenti, ħaddiem barrani jew mingħajr stat huwa intitolat għal benefiċċju tal-qgħad jekk huwa jikkonforma mal-leġiżlazzjoni dwar il-barranin u l-impjieg ta’ ħaddiema barranin.
Xogħol imwettaq fil-Belġju ma jiġix ikkunsidrat ħlief jekk jikkonforma mal-leġiżlazzjoni dwar l-impjieg ta’ ħaddiema barranin.”
14. Skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-leġiżlazzjoni Belġjana (l-Artikolu 40 tal-Liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980 u l-Artikolu 2 tad-Digriet Irjali tad-9 ta’ Ġunju 1999), persuna miżżewġa lil ċittadin barrani tal-KE u l-ulied tagħha jew tal-parti l-oħra fiż-żwieġ li huma dipendenti fuqhom għandhom, tkun xi tkun iċ-ċittadinanza tagħhom, jiġu ttrattati bl-istess mod bħaċ-ċittadin barrani tal-KE, kemm-il darba jkunu ġew bil-għan li jgħixu miegħu.
15. Qraba dipendenti fil-linja axxendenti ta’ ċittadin Belġjan jew ta’ ċittadin barrani tal-KE, irrispettivament miċ-ċittadinanza tagħhom, ma jeħtiġux permessi ta’ xogħol (permezz ta’, rispettivament, l-Artikolu 2(2)2º(b) tad-Digriet Irjali li jimplementa l-Liġi tat-30 ta’ April 1999 dwar l-impjieg ta’ ħaddiema barranin u l-Artikolu 40(4)(iii) tal-Liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980).
2. Il-Code de la nationalité belge
16. Taħt l-Artikolu 10(1) tal-Code de la nationalité belge [Kodiċi dwar iċ-Ċittadinanza Belġjan], fil-verżjoni applikabbli fiż-żmien rilevanti, dawk b’ċittadinanza Belġjana kienu jinkludu:
“[K]ull wild imwieled fil-Belġju li, fi kwalunkwe mument qabel ma jagħlqu t-18-il sena jew qabel ma jiġu ddikjarati bħala maġġorenni, ikunu mingħajr Stat jekk ma jkollhomx ċittadinanza Belġjana.”
17. Sussegwentement, il-Liġi tas-27 ta’ Diċembru 2006 għamlitha impossibbli għal wild imwieled fil-Belġju lil persuni mhux ta’ ċittadinanza Belġjana biex jiksbu ċittadinanza Belġjana “jekk, b’azzjoni amministrattiva xierqa mressqa quddiem l-awtoritajiet diplomatiċi jew konsulari tal-pajjiż taċ-ċittadinanza tal-ġenitur(i) tal-wild, ir-rappreżentant(i) legali tal-wild jista’ jikseb ċittadinanza differenti għalih jew għaliha”.
II – Il-fatti u l-kawża prinċipali
18. G. Ruiz Zambrano u martu, Moreno López huma t-tnejn ċittadini Kolombjani. Huma waslu fil-Belġju fis-7 ta’ ta’ April 1999, b’viża maħruġa mill-ambaxxata Belġjana f’Bogotá, flimkien mal-ewwel minuri tagħhom.
19. Ġimgħa wara, G. Ruiz Zambrano talab ażil fil-Belġju. Huwa bbaża dik l-applikazjoni fuq il-ħtieġa li jaħrab mill-Kolombja wara li sa mill-1997 kien ġie espost għal talbiet kontinwi ta’ estorsjoni (akkumpanjati b’theddid ta’ qtil) minn milizzji privati, u wara li ra attakki fuq ħuh u ġarrab il-ħtif ta’ ibnu ta’ tliet snin għal ġimgħa matul Jannar 1999.
20. Fil-11 ta’ Settembru 2000, il-Commissariat général aux réfugiés et aux apatrides (Kummissarjat Ġenerali għar-Refuġjati u għall-Persuni mingħajr Stat) ċaħad l-applikazzjoni għall-ażil ta’ G. Ruiz Zambrano u ħareġ ordni biex huwa jitlaq mill-Belġju. Madankollu, żied klawżola ta’ non-refoulement , fejn stqarr li G. Ruiz Zambrano u l-familja tiegħu ma għandhomx jintbagħtu lura lejn il-Kolombja minħabba s-sitwazzjoni kritika hemmhekk.
21. Minkejja dik l-ordni, G. Ruiz Zambrano talab permess ta’ residenza mingħand l-Office des Étrangers fl-20 ta’ Ottubru 2000. Huwa sussegwentement għamel żewġ applikazzjonijiet oħra (7) . It-tliet applikazzjonijiet ġew kollha miċħuda. G. Ruiz Zambano talab annullament ta’ dawn id-deċiżjonijiet u, fil-frattemp, talab is-sospensjoni tal-ordni biex huwa jitlaq mill-Belġju. Fiż-żmien meta sar dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, l-azzjoni għal annullament kienet għadha pendenti quddiem il-Conseil d’État.
22. Sa mit-18 ta’ April 2001, G. Ruiz Zambrano u martu huma rreġistrati fil-komun ta’ Schaerbeek.
23. F’Ottubru 2001, G. Ruiz Zambrano kiseb impjieg full-time ma’ kumpannija Belġjana, Plastoria S.A. (“Plastoria”), fil-workshop tagħha fi Brussell, fejn xogħolu kien jikkonsisti fit-twettiq ta’ kompiti fil-workshop taħt kuntratt ta’ xogħol għal żmien indetermimat. Ix-xogħol ġie debitament iddikjarat lill-Office national de la sécurité sociale. Il-paga tiegħu kienet suġġetta għal tnaqqis statutorju tas-sigurtà soċjali bil-mod normali u l-persuna li timpjegah għaldaqstant kienet meħtieġa tħallas (u fil-fatt ħallset) il-kontribuzzjonijiet korrispondenti. Id-digriet tar-rinviju ma jindikax espliċitament jekk (kif spiss huwa l-każ) id-dħul tiegħu kienx suġġett ukoll għat-tnaqqis tat-taxxa fuq id-dħul minn ras il-għajn.
24. G. Ruiz Zambrano ma kellux permess ta’ xogħol meta ġie rreklutat minn Plastoria. Lanqas ma kiseb wieħed fil-ħames snin li matulhom ħadem għall-kumpannija.
25. Fil-frattemp martu kellha t-tieni wild, Diego, fl-1 ta’ Settembru 2003, u t-tielet, Jessica, fis-26 ta’ Awwissu 2005. Iż-żewġt ulied twieldu fil-Belġju. Skont l-Artikolu 10(1) tal-Code de la nationalité belge, it-tnejn li huma akkwistaw ċittadinanza Belġjana (8) . Il-konsulent legali ta’ G. Ruiz Zambrano informa lill-Qorti tal-Ġustizzja matul is-seduta li kemm Diego kif ukoll Jessica huma fil-preżent irreġistrati fl-iskola ta’ Schaerbeek.
26. It-twelid ta’ Diego u Jessica ta’ lok, rispettivament, għat-tieni u t-tielet applikazzjonijiet mal-Office des étrangers (9) . F’kull waħda minn dawk l-applikazzjonijiet, G. Ruiz Zambrano asserixxa li t-twelid ta’ wild li huwa ta’ ċittadinanza Belġjana kien jintitolah għal permess ta’ residenza fuq il-bażi tal-Liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980 u tal-Artikolu 3 tal-Protokoll 4 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.
27. Bħala riżultat tat-tielet applikazzjoni, l-awtoritajiet Belġjani ħarġu deċiżjoni li permezz tagħha G. Ruiz Zambrano ngħata ċertifikat ta’ reġistrazzjoni tar-residenza li jkopri ż-żmien li huwa għamel fil-Belġju mit-13 ta’ Settembru 2005 sat-13 ta’ Frar 2006. Wara l-appell tiegħu kontra d-diversi deċiżjonijiet li ċaħdulu permess ta’ residenza, il-preżenza ta’ G. Ruiz Zambrano fil-Belġju ġiet koperta b’awtorizzazzjoni speċjali sakemm dawn il-proċedimenti jinqatgħu b’mod definittiv.
28. Fl-10 ta’ Ottubru 2005, il-kuntratt ta’ G. Ruiz Zambrano ġie sospiż temporanjament. Huwa applika immedjatament lill-Office national de l’emploi għal benefiċċji tal-qgħad temporanji. Dik l-applikazzjoni ġiet eventwalment miċħuda fuq il-bażi li huwa ma kellux permess ta’ xogħol (peress li l-preżenza tiegħu fil-Belġju kienet irregolari). Huwa ressaq l-ewwel azzjoni quddiem it-Tribunal du travail fejn ikkontesta dak ir-rifjut (“l-ewwel talba”), iżda ftit wara reġa’ ddaħħal jaħdem full-time minn Plastoria.
29. Madankollu, bħala riżultat ta’ dik l-ewwel azzjoni, l-awtoritajiet tax-xogħol Belġjani għamlu inkjesta sabiex jivverifikaw il-kundizzjonijiet li bihom ġie impjegat G. Ruiz Zambrano. Investigatur uffiċjali żar il-post tax-xogħol ta’ Plastoria fil-11 ta’ Ottubru 2006. Huwa sab lil G. Ruiz Zambrano jaħdem u kkonferma li ma kellux permess tax-xogħol. L-investigatur ħareġ ordni għat-terminazzjoni immedjata tal-impjieg tiegħu. Plastoria debitament temmet il-kuntratt ta’ impjieg ta’ G. Ruiz Zambrano, mingħajr kumpens, fuq bażi ta’ forza maġġuri, u tagħtu d-dokument uffiċjali (“formola C4”) li jiċċertifika li l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u l-assigurazzjoni tal-qgħad kienu tħallsu matul il-perijodu sħiħ tal-impjieg tiegħu minn Ottubru 2001 sa Ottubru 2006.
30. L-awtoritajiet tax-xogħol Belġjani ddeċidew li ma jressqux akkużi kriminali kontra Plastoria, u ddikjaraw li, apparti l-fatt li l-kumpannija kienet irreklutat lil G. Ruiz Zambrano mingħajr permess ta’ xogħol, ma kien instab ebda ksur ieħor tar-rekwiżiti dwar obbligi ta’ sigurtà soċjali, depożitu ta’ dokumenti korretti tal-impjieg, kopertura kontra inċidenti fuq ix-xogħol, jew obbligi fir-rigward ta’ remunerazzjoni.
31. Hekk kif sab ruħu bla xogħol, G. Ruiz Zambrano reġa’ applika għand l-Office national de l-emploi, din id-darba għal benefiċċju sħiħ tal-qgħad. Għal darb’oħra ġie miċħud il-ħlas tal-benefiċċju. G. Ruiz Zambrano ressaq azzjoni oħra quddiem it-Tribunal du travail de Bruxelles kontra dik id-deċiżjoni (“it-tieni talba”). L-ewwel talba u t-tieni talba jifformaw is-suġġett tal-kawża prinċipali quddiem il-qorti tar-rinviju.
32. Fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Belġjan jistqarr li, bħala riżultat ta’ miżura tal-gvern biex jiġu rregolarizzati sitwazzjonijiet speċifiċi ta’ residenti illegali fil-pajjiż, fit-30 ta’ April 2009 G. Ruiz Zambrano ngħata permess ta’ residenza provviżorju u li jiġġedded, kif ukoll permess tax-xogħol (tip Ċ). Dan tal-aħħar ma għandux effetti retroattivi u l-impjieg ta’ G. Ruiz Zambrano ma’ Plastoria mill-2001 sal-2006 xorta għadu jitqies li ma huwiex kopert b’permess tax-xogħol.
III – Id-domandi preliminari
33. Fil-kawża mressqa kontra ż-żewġ deċiżjonijiet tal-Office national de l’emploi li ċaħdu t-talba ta’ G. Ruiz Zambrano għal benefiċċju tal-qgħad temporanju u sħiħ, it-Tribunal du travail de Bruxelles irrinvija dawn id-domandi preliminari:
“(1) Wieħed jew iktar mill-Artikoli 12 [KE], 17 [KE] u 18 [KE] tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, moqrija separatament jew flimkien, jagħtu dritt ta’ residenza lil ċittadin tal-Unjoni fit-territorju tal-Istat Membru li dan iċ-ċittadin għandu ċ-ċittadinanza tiegħu, indipendentement minn jekk huwa jkunx preċedentement eżerċita d-dritt tiegħu li jmur minn post għal ieħor fit-territorju tal-Istati Membri?
(2) L-Artikoli 12 [KE], 17 [KE] u 18 [KE] tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, flimkien mad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 21, 24 u 34 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (adottata mill-Kunsill Ewropew ta’ Nizza fis-7 ta’ Diċembru 2000 u ppubblikata, fil-verżjoni attwali tagħha, fil-ĠU C 303 tal-14 ta’ Diċembru 2007), għandhom jiġu interpretati fis-sens li d-dritt li huma jagħtu lil kull ċittadin tal-Unjoni mingħajr diskriminazzjoni fuq bażi ta’ ċittadinanza li jmur minn post għal ieħor u li joqgħod liberament fit-territorju tal-Istati Membri jimplika, meta dan iċ-ċittadin huwa minorenni ta’ età żgħira fil-kustodja ta’ axxendent li huwa ċittadin ta’ Stat terz, li t-tgawdija tad-dritt ta’ residenza tal-imsemmi minorenni fit-territorju tal-Istat Membru li fih jirrisjedi u li huwa għandu ċ-ċittadinanza tiegħu għandha tiġi ggarantita lilu, indipendentement minn jekk id-dritt li jmur minn post għal ieħor ikunx ġie preċedentement eżerċitat minnu jew permezz tar-rappreżentant legali tiegħu, filwaqt li dan id-dritt ta’ residenza għandu jingħata wkoll l-effett utli li l-ġurisprudenza Komunitarja (sentenza tad-19 ta’ Ottubru 2004, Zhu u Chen, Kawża C-200/02) irrikonoxxiet il-ħtieġa tiegħu, permezz tal-għoti, lill-axxendent ċittadin ta’ Stat terz, li għandu l-kustodja tal-imsemmi minorenni u li għandu riżorsi suffiċjenti u assigurazzjoni kontra l-mard, tad-dritt ta’ residenza derivat li jgawdi dan l-istess ċittadin ta’ Stat terz jekk il-minorenni fil-kustodja tiegħu jkun ċittadin tal-Unjoni iżda ma jkollux iċ-ċittadinanza tal-Istat Membru li fih jirrisjedi?
(3) L-Artikoli 12 [KE], 17 [KE] u 18 [KE], flimkien mad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 21, 24 u 34 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, għandhom jiġu interpretati fis-sens li d-dritt ta’ residenza ta’ minorenni, ċittadin ta’ Stat Membru, fit-territorju li fih jirrisjedi, għandu jimplika l-għoti ta eżenzjoni minn permess għax-xogħol lill-axxendent, ċittadin ta’ Stat terz, li għandu l-kustodja tal-imsemmi minorenni u li - kieku ma kienx għar-rekwiżit ta’ permess għax-xogħol impost bid-dritt intern tal-Istat Membru li fih huwa jirrisjedi - jissodisfa, permezz tal-eżerċizzju ta’ impjieg li jissuġġettah għas-sigurtà soċjali tal-imsemmi Stat, il-kundizzjoni ta’ riżorsi suffiċjenti u tal-pussess ta’ assigurazzjoni kontra l-mard, sabiex id-dritt ta’ residenza ta’ dan il-minorenni jingħata wkoll l-effett utli li l-ġurisprudenza Komunitarja (sentenza Zhu u Chen, iċċitata iktar ’il fuq) irrikonoxxiet favur minorenni, ċittadin Ewropew li għandu ċittadinanza differenti minn dik tal-Istat Membru li fih huwa jirrisjedi fil-kustodja ta’ axxendent, ċittadin ta’ Stat terz?”
34. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn G. Ruiz Zambrano, mill-Gvernijiet tal-Belġju, tad-Danimarka, tal-Ġermanja, tal-Greċja, tal-Irlanda, tal-Pajjiżi l-Baxxi, tal-Awstrija, tal-Polonja u mill-Kummissjoni.
35. Il-konsulent legali għal G. Ruiz Zambrano u l-aġenti għall-Gvernijiet tal-Belġju, tad-Danimarka, tal-Greċja, ta’ Franza, tal-Irlanda u tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni attendew is-seduta tas-26 ta’ Jannar 2010 u ttrattaw.
IV – Kwistjonijiet preliminari
36. Ħadd involut f’dan ir-rinviju ma qajjem dubji speċifiċi dwar l-ammissibbiltà tiegħu. Madankollu, hemm żewġ kwistjonijiet li għandi nindirizza fil-qosor.
37. L-ewwel waħda hija jekk id-domandi rrinvijati għandhomx xi effett reali fuq il-kawża quddiem il-qorti nazzjonali.
38. Jidher mill-materjal li jinsab fid-digriet ta’ rinviju li G. Ruiz Zambrano ssodisfa l-kundizzjonijiet sostantivi sabiex ikun jista’ jitlob benefiċċju tal-qgħad (pereżempju li ħadem għal ta’ mill-inqas 468 jum matul is-27 xahar qabel it-talba, kif meħtieġ mill-Artikolu 30 tad-Digriet Irjali tal-25 ta’ Novembru 1991, u li ħallas il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali dovuti). It-talba tiegħu tiffaċċja żewġ ostakoli interkonnessi. Fl-ewwel lok, id-dritt nazzjonali jistabbilixxi (10) li jista’ jiġi kkunsidrat biss xogħol li jikkonforma mal-leġiżlazzjoni dwar ħaddiema barranin. Jekk tiġi applikata dik il-kundizzjoni, dan ikun ifisser li ma jiġix ikkunsidrat l-impjieg full-time ta’ G. Ruiz Zambrano ma’ Plastoria mill-1 ta’ Ottubru 2001 sat-12 ta’ Ottubru 2006, għaliex fl-ebda stadju matul dak il-perijodu ma kellu permess tax-xogħol; u kellu biss ċertifikat ta’ reġistrazzjoni tar-residenza mit-13 ta’ Settembru 2005 ’il quddiem (11) . Fit-tieni lok, id-dritt nazzjonali jipprovdi li sabiex jirċievi benefiċċji ħaddiem barrani jrid jikkonforma mal-leġiżlazzjoni dwar il-barranin (12) .
39. L-azzjoni ta’ G. Ruiz Zambrano quddiem il-qorti nazzjonali ddur mal-fatt jekk, bħala ċittadin ta’ pajjiż terz li huwa l-missier ta’ ulied li għandhom ċittadinanza Belġjana, (a) il-pożizzjoni tiegħu tistax tiġi assimilata ma’ dik ta’ ċittadin tal-Unjoni Ewropea jew (b) igawdix dritt derivattiv ta’ residenza mill-fatt li, minbarra li huma ċittadini Belġjani, uliedu huma ċittadini tal-Unjoni. Kemm (a) kif ukoll (b) jikkonferixxu d-dritt sostantiv ta’ residenza meħtieġ abbażi tad-dritt tal-UE; (13) Il-każ (a) minnu nnifsu jeżentah ukoll mill-ħtieġa li jkollu permess tax-xogħol u (b) jista’ jippermettilu jibbenefika, b’analoġija neċessarja, minn eżenzjoni mir-rekwiżit ta’ permess ta’ xogħol li hija disponibbli, taħt l-Artikolu 2(2)2º(b) tal-Liġi tat-30 ta’ April 1999, għal qraba dipendenti fil-linja axxendenti ta’ ċittadin Belġjan. Kieku dan ma kienx il-każ (skont l-argument), ikun hemm diskriminazzjoni inversa kontra ċittadini Belġjani li ma jkunux eżerċitaw drittijiet ta’ moviment liberu taħt id-dritt tal-Unjoni Ewropea, inkwantu jkunu jistgħu jibbenefikaw mid-dispożizzjonijiet dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja (14) li jippermettu kemm lil ċittadin tal-Unjoni Ewropea li jkun mar jgħix fil-Belġju minn Stat Membru ieħor kif ukoll lil Belġjan li preċedentement ikun eżerċita l-moviment liberu biex jingħaqad miegħu membru tal-familja axxendent mhux dipendenti li jkun ċittadin ta’ pajjiż terz.
40. Għalkemm is-suġġett immedjat tal-azzjoni quddiem il-qorti nazzjonali jikkonċerna talba taħt il-liġi tas-sigurtà soċjali/tax-xogħol għall-benefiċċju tal-qgħad, iktar milli applikazzjoni tad-dritt amministrattiv għal permess ta’ residenza, huwa ċar li l-qorti nazzjonali ma tistax tiddeċiedi l-kawża li għandha quddiemha mingħajr ma tkun taf (a) jekk G. Ruiz Zambrano jistax jasserixxi drittijiet derivattivi taħt id-dritt tal-Unjoni Ewropea minħabba l-fatt li, bħala ċittadini Belġjani, uliedu huma wkoll ċittadini tal-Unjoni u (b) xi drittijiet igawdi Belġjan li, bħala ċittadin tal-Unjoni, ikun mar jgħix fi Stat Membru ieħor u mbagħad mar lura l-Belġju (sabiex jiġi evalwat l-argument ta’ diskriminazzjoni inversa u jiġu applikati kwalunkwe regoli rilevanti tad-dritt nazzjonali). Barra minn hekk, il-qorti nazzjonali spjegat f’ċertu dettall li d-dritt nazzjonali (15) jirreferi għad-dritt tal-Unjoni Ewropea għad-definizzjoni ta’ min huwa kkunsidrat bħala “membru tal-familja” ta’ ċittadin tal-Unjoni, waqt li indikat li dan huwa rilevanti sabiex tkun tista’ tinqata’ l-kawża quddiemha (16) .
41. It-tieni kwistjoni tirriżulta mill-fatt li l-konsulent legali ta’ G. Ruiz Zambrano informa lill-Qorti tal-Ġustizzja li kemm il-Conseil d’État Belġjan kif ukoll il-Cour Constitutionnelle Belġjan reċentement iddeċidew f’ċirkustanzi simili li, bħala riżultat tad-diskriminazzjoni inversa maħluqa mid-dritt tal-Unjoni Ewropea, kien hemm ksur tal-prinċipju kostituzzjonali tal-ugwaljanza (17) . Wieħed jista’ jaħseb li, bħala konsegwenza, dan ir-rinviju sar superfluwu. Fi kliem ieħor: il-qorti tar-rinviju għad għandha bżonn risposti għad-domandi tagħha dwar id-dritt tal-UE issa li għandha dik il-gwida taħt id-dritt nazzjonali mill-qrati superjuri tagħha stess?
42. Fil-fehma tiegħi, iva.
43. Qabel ma t-Tribunal du travail jista’ japplika l-ġurisprudenza żviluppata mill-Conseil d’État u mill-Cour Constitutionnelle, ikollu jistabbilixxi jekk fil-fatt tinħoloqx sitwazzjoni ta’ diskriminazzjoni inversa bħala riżultat tal-interazzjoni bejn id-dritt tal-Unjoni Ewropea u d-dritt nazzjonali. Sabiex jagħmel dan, huwa jeħtieġ gwida mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni Ewropea. Fil-passat il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet rinviji li jservu preċiżament dak l-għan: biex jiffaċilitaw il-kompitu tal-qorti tar-rinviju biex tqabbel il-pożizzjoni taħt id-dritt tal-UE mal-pożizzjoni taħt id-dritt nazzjonali (18) . Hija aċċettat f’serje ta’ każijiet li għandha tagħti deċiżjoni meta “l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju [issa tal-Unjoni Ewropea] tista’ eventwalment tkun utli għall-qorti nazzjonali, inkluż fir-rigward ta’ sitwazzjonijiet ikkwalifikati bħala purament interni, b’mod partikolari fil-każ fejn id-dritt ta’ l-Istat Membru in kwistjoni jimponi li kull ċittadin nazzjonali għandu jibbenefika mill-istess drittijiet bħal dawk li ċittadin ta’ Stat Membru ieħor jieħu mid-dritt Komunitarju f’sitwazzjoni kkunsidrata minn din il-qorti bħala paragunabbli” (19) . Fil-fatt, l-aġent għall-Belġju aċċetta matul it-trattazzjoni li l-qorti tar-rinviju tkun teħtieġ risposta mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex teżamina jekk kienx hemm diskriminazzjoni inversa kkawżata mid-dritt tal-UE.
44. Isegwi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti risposta għad-domandi rrinvijati.
V – Formulazzjoni mill-ġdid tal-kwistjonijiet li għandhom jiġu riżolti
45. Id-domandi rrinvijati mill-qorti nazzjonali jipprevedu tliet fergħat ta’ argument. Għalkemm forsi dawn ma humiex għal kollox ċari mill-mod kif huma attwalment ifformulati d-domandi rrinvjati, jistgħu jiġu dedotti mill-analiżi iktar fid-dettall li tinsab fid-digriet tar-rinviju.
46. It-tħassib ewlieni tal-qorti tar-rinviju jirrigwarda jekk huwiex meħtieġ moviment biex jiskattaw id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar iċ-ċittadinanza tal-Unjoni. Il-qorti tar-rinviju taf sewwa li l-Artikoli 20 u 21 TFUE huma differenti, kunċettwalment, mill-moviment liberu tal-ħaddiema taħt l-Artikolu 45 TFUE, mil-libertà ta’ stabbiliment taħt l-Artikolu 49 TFUE (jew, fil-fatt, mil-libertajiet “ekonomiċi” kollha kristalizzati fl-Artikoli 34 TFUE et seq ). Iżda kemm huma differenti d-dispożizzjonijiet dwar iċ-ċittad inanza?
47. Il-qorti nazzjonali sussegwentement issaqsi dwar l-irwol li d-drittijiet fundamentali jiżvolġu (b’mod partikolari d-dritt fundamentali għall-ħajja tal-familja, kif żviluppat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi Carpenter (20), MRAX (21) u Zhu u Chen (22) ) biex tiġi ddeterminata l-portata tal-Artikoli 20 u 21 TFUE.
48. Finalment, il-qorti nazzjonali ssaqsi dwar il-funzjoni tal-Artikolu 18 TFUE għall-finijiet tal-protezzjoni tal-individwi kontra d-diskriminazzjoni inversa maħluqa bid-dritt tal-UE permezz tad-dispożizzjonijiet dwar iċ-ċittadinanza tal-Unjoni.
49. Għall-finijiet ta’ ċarezza, u sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, ser nindirizza t-tliet domandi skont kif ġej.
50. Fl-ewwel lok ser nindirizza l-kwistjoni dwar jekk Diego u Jessica jistgħux jinvokaw drittijiet taħt l-Artikoli 20 u 21 TFUE bħala ċittadini tal-Unjoni, minkejja li (sa issa għadhom) ma ċċaqalqux mill-Istat Membru taċ-ċittadinanza tagħhom; u jekk G. Ruiz Zambrano jistax għaldaqstant jasserixxi dritt derivattiv ta’ residenza sabiex ikun preżenti fil-Belġju biex jieħu ħsieb u jsostni lit-tfal żgħar tiegħu (“l-ewwel domanda”). Sabiex nindirizza dik il-kwistjoni jeħtieġ li nikkunsidra jekk din hijiex – kif ġie ssuġġerit b’fermezza – sitwazzjoni “purament interna”, jew jekk hemmx tabilħaqq konnessjoni suffiċjenti mad-dritt tal-Unjoni Ewropea sabiex jiġu invokati drittijiet ta’ ċittadinanza. Tqajmet ukoll il-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 21 TFUE iħaddanx żewġ drittijiet indipendenti – id-dritt ta’ moviment u dritt awtonomu ta’ residenza – jew jekk jagħtix sempliċment dritt ta’ moviment (u sussegwentement ta’ residenza).
51. Fit-tieni lok, ser nindirizza l-kwistjoni tad-diskriminazzjoni inversa, li hija mqajma ripetutament mill-qorti nazzjonali. Għaldaqstant ser neżamina l-portata tal-Artikolu 18 TFUE u nsaqsi jekk jistax jiġi applikat sabiex jirrisolvi każijiet ta’ diskriminazzjoni inversa maħluqa mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-UE dwar iċ-ċittadinanza tal-Unjoni (“it-tieni domanda”). Għalkemm sar aċċenn għal din id-domanda fi snin reċenti (23), għadha ma ġietx solvuta.
52. Finalment ser nindirizza l-kwistjoni tad-drittijiet fundamentali (“it-tielet domanda”). Il-qorti nazzjonali għamlitha ferm ċara fid-digriet tar-rinviju li qed titlob gwida dwar jekk id-dritt fundamentali għall-ħajja tal-familja huwiex rilevanti f’din il-kawża, meta la ċ-ċittadin tal-Unjoni u lanqas il-ġenituri Kolombjani tiegħu ma jkunu telqu mill-Belġju. Dik id-domanda min-naħa l-oħra tqajjem domanda iktar bażika: x’inhi l-portata tad-drittijiet fundamentali tal-UE? Jistgħu jiġu invokati b’mod indipendenti? Jew irid ikun hemm xi punt ta’ rabta ma’ dritt ieħor klassiku tal-UE?
53. Peress li huwa ċar li l-kwistjoni ta’ drittijiet fundamentali tidher li hija tema komuni fit-tliet domandi, qabel ma nibda dik l-analiżi ser inħares – bħala prologu – lejn jekk huwiex plawżibbli li wieħed jaħseb li G. Ruiz Zambrano u l-familja tiegħu jinsabu f’riskju reali li jisfaw vittmi ta’ ksur tad-dritt fundamentali għall-ħajja tal-familja taħt id-dritt tal-Unjoni Ewropea.
VI – Prologu: iċ-ċirkustanzi tal-familja ta’ G. Ruiz Zambrano u l-ksur potenzjali tad-dritt fundamentali tal-UE għall-ħajja tal-familja
54. Fis-sentenza Carpenter (24), il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet id-dritt fundamentali għall-ħajja tal-familja bħala parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea. Sabiex tilħaq dik il-konklużjoni, hija bbażat ruħha fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem “il-Qorti ta’ Strasbourg”). Fis-sentenza Boultif (25) dik il-qorti ddeċidiet li “t-tneħħija ta’ persuna minn pajjiż fejn ikunu jgħixu membri mill-qrib tal-familja tagħha tista’ tammonta għal ksur tad-dritt għar-rispett tal-ħajja tal-familja kif iggarantit fl-Artikolu 8(1) tal-[KEDB]” (26) . Id-definizzjoni tal-KEDB ta’ “familja” hija llimitata l-iktar għall-familja nukleari (27), li b’mod ċar tħaddan lil G. Ruiz Zambrano u Moreno López bħala l-ġenituri ta’ Diego u Jessica.
55. Bl-istess mod, il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti ta’ Strasbourg tistabbilixxi li t-tneħħija ta’ persuna mill-membri tal-familja tagħha hija permissibbli biss jekk jintwera li hija “neċessarja f’soċjetà demokratika, jiġifieri ġġustifikata minn bżonn soċjali imperattiv, u b’mod partikolari, proporzjonata mal-għan leġittimu segwit” (28) . L-applikazzjoni tal-Artikolu 8(2) KEDB, li jidderoga mid-dritt iggarantit mill-Artikolu 8(1) KEDB, tinvolvi test ta’ proporzjonalità li tieħu inkunsiderazzjoni ( inter alia ) elementi bħal meta l-familja stabbilixxiet ruħha f’post, il- bona fide ta’ min jagħmel it-talba, il-kuntrasti kulturali u soċjali tal-Istat fejn ikunu ser jittieħdu l-membri tal-familja u l-grad ta’ integrazzjoni tagħhom fis-soċjetà tal-Istat kontraenti (29) .
56. Min-naħa tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja, għalkemm tibbaża mill-qrib fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti ta’ Strasbourg, żviluppat ir- ratio tagħha stess. Fil-qosor, il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti protezzjoni fil-każijiet li ġejjin u/jew b’riferiment għall-fatturi li ġejjin (30) .
57. Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ttirrikjedix li ċ-ċittadin tal-Unjoni jkun ir-rikorrent fil-kawża prinċipali sabiex tiskatta l-protezzjoni. B’hekk, id-dritt fundamentali għall-ħajja tal-familja taħt id-dritt tal-Unjoni Ewropea diġà serva indirettament biex jipproteġi lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi li kienu membri tal-familja mill-qrib taċ-ċittadin tal-Unjoni. Peress li jkun hemm indħil fid-dritt għall-ħajja tal-familja taċ-ċittadin tal-Unjoni, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun il-membru tal-familja li ppreżenta r-rikors ukoll igawdi protezzjoni (31) .
58. Fit-tieni lok, id-dritt fundamentali jista’ jiġi invokat anki jekk il-membru tal-familja li jiġi ordnat biex jitlaq mill-pajjiż ma jkunx residenti legalment (32) .
59. Fit-tielet lok, il-Qorti tal-Ġustizzja tieħu inkunsiderazzjoni jekk il-membru tal-familja jikkostitwixxix periklu għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà pubblika (li jiġġustifika t-tneħħija mit-territorju) (33) .
60. Fir-raba’ lok, il-Qorti tal-Ġustizzja taċċetta ġustifikazzjoni bbażata fuq abbuż ta’ drittijiet biss meta l-Istat Membru jkun jista’ jippreżenta provi ċari ta’ mala fide min-naħa ta’ min iressaq it-talba (34) .
61. Dawn u karatteristiċi oħrajn tad-drittijiet fundamentali li jinsabu inkwistjoni hawnhekk – id-dritt għall-ħajja tal-familja u d-drittijiet tal-wild – huma riflessi, rispettivament, fl-Artikoli 7 u 24(3) tal-Karta. Fiż-żmien rilevanti l-Karta ma kinitx vinkolanti u ma kinitx torbot lill-awtoritajiet Belġjani. Madankollu, diġà kienet qed tintuża mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala sors ta’ interpretazzjoni, inkluż f’każijiet li jinvolvu d-dritt għall-ħajja tal-familja (35) . Sa mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, il-Karta akkwistat l-istatus ta’ dritt primarju (36) .
62. Fil-fehma tiegħi, id-deċiżjoni tal-awtoritajiet Belġjani li jordnaw lil G. Ruiz Zambrano jitlaq mill-Belġju, segwita mir-rifjut kontinwu tagħhom li jagħtuh permess ta’ residenza, tikkostitwixxi ksur potenzjali tad-dritt fundamentali ta’ wliedu għall-ħajja tal-familja u għall-protezzjoni tad-drittijiet tagħhom bħala ulied; u b’hekk (abbażi tal-ġurisprudenza Carpenter u Zhu u Chen) tad-dritt ekwivalenti ta’ G. Ruiz Zambrano għall-ħajja tal-familja bħala missierhom. Ngħid “potenzjali” għaliex G. Ruiz Zambrano għadu fit-territorju Belġjan. Madankollu huwa evidenti li jekk tiġi attivata l-ordni ta’ deportazzjoni, din tiskatta ksur ta’ dawk id-drittijiet.
63. Huwa daqstant ċar li l-ksur aktarx li jkun serju. Kieku G. Ruiz Zambrano kellu jiġi ddeportatat, allura tiġi ddeportata wkoll martu. L-effett ta’ dawn il-miżuri fuq it-tfal ikun radikali. Minħabba l-età tagħhom, l-ulied ma jkunux jistgħu jkomplu jgħixu ħajja indipendenti fil-Belġju. L-inqas għażla dannuża b’hekk tkun, preżumibbilment, li huma jitilqu mill-Belġju mal-ġenituri tagħhom. Madankollu, din ikollha l-konsegwenza li huma jinfirdu mis-soċjetà u l-kultura fejn twieldu u fejn ġew integrati. Għalkemm fl-aħħar mill-aħħar huwa fil-kompetenza tal-qorti nazzjonali, bħala l-uniku ġudikant tal-fatti, biex tagħmel l-evalwazzjoni dettaljata fil-każ individwali, jidher li jkun xieraq li nipproċedi fuq il-bażi li l-ksur jista’ tabilħaqq ikun sinjifikattiv.
64. Huwa minnu li t-tfal ta’ G. Ruiz Zambrano twieldu fi żmien meta s-sitwazzjoni tiegħu kienet diġà irregolari. Madankollu, il-punti msemmija fid-digriet ta’ rinviju jissuġġrixxi li G. Ruiz Zambrano kien integra ruħu bis-sħiħ fis-soċjetà Belġjana u ma jirrappreżentax theddida jew periklu. Għalkemm hija l-qorti nazzjonali, bħala l-unika qorti li tiddeċiedi dwar il-fatti, li għandha tagħmel kwalunkwe konstatazzjoni neċessarja f’dak ir-rigward, jidhirli li l-elementi li ġejjin jsostnu dik il-fehma.
65. Fl-ewwel lok, G. Ruiz Zambrano ħadem regolarment qabel ma daħal fil-Belġju, ikkontribwixxa debitament għas-sistema tas-sigurtà soċjali Belġjana u ma għamel ebda talba għal għajnuna finanzjarja (37) . Fit-tieni lok, huwa u martu Moreno López jidhru li għexu ħajja normali ta’ familja u wliedhom issa jattendu l-iskola fil-Belġju. Fit-tielet lok, l-awtoritajiet Belġjani kienu disposti li jaċċettaw il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali ta’ G. Ruiz Zambrano lejn it-teżor tal-Istat Belġjan għal ħames snin waqt li huwa ħadem ma’ Plastoria – rieda li tikkuntrasta b’mod stramb man-nuqqas ta’ ministeru Belġjan differenti li jagħtih permess ta’ residenza (38) . Fir-raba’ lok, il-fatt li l-Kummissarjat Ġenerali għar-Refuġjati u għall-Persuni bla Stat ħareġ ordni ta’ non-refoulement jindika li G. Ruiz Zambrano u l-familja tiegħu ma jistgħux jintbagħtu lura lejn il-Kolombja għaliex inkella jitpoġġew f’periklu reali. Għaldaqstant, jekk jiġu mġiegħla jitilqu mill-Belġju jkollhom isibu Stat terz li jkun dispost li jaċċetthom, li miegħu jista’ jkollhom jew ma jkollhomx rabtiet eżistenti. Fil-ħames lok, billi taw lil G. Ruiz Zambrano permess ta’ residenza temporanju u li jiġġedded fl-2009, l-awtoritajiet Belġjani taċitament ikkonfermaw li l-preżenza tiegħu fil-Belġju ma toħloqx riskju għas-soċjetà u li ma hemm ebda kunsiderazzjonijiet imperattivi ta’ ordni pubbliku li jiġġustifikaw li huwa jkun obbligat li jitlaq mill-pajjiż immedjatament.
66. Għal dawn ir-raġunijiet, jidhirli li, kieku l-awtoritajiet Belġjani kellhom isegwu r-rifjut tagħhom li jagħtu permess ta’ residenza lil G. Ruiz Zambrano wara t-twelid tal-ewwel wild Belġjan tiegħu (Diego) billi jimplementaw l-ordni pendenti li nħarġet kontrih sabiex ikun obbligat li jitlaq mill-pajjiż (39), aktarx li dik l-ordni tiġi kkunsidrata bħala ksur sinjifikattiv tad-dritt fundamentali ta’ Diego għall-ħajja tal-familja taħt id-dritt tal-Unjoni Ewropea – u b’hekk, indirettament, tal-istess dritt ta’ G. Ruiz Zambrano.
VII – L-ewwel domanda – Ċittadinanza tal-Unjoni
A – Rimarki introduttivi
67. Fl-1992, it-Trattat ta’ Maastricht introduċa ċ-ċittadinanza Ewropea bħala status ġdid u kumplimentari għaċ-ċittadini kollha tal-Istati Membri. Bl-għoti tad-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fi ħdan it-territorju tal-Istati Membri lil kull ċittadin, it-trattat il-ġdid irrikonoxxa l-irwol essenzjali tal-individwi, irrispettivament minn jekk kinux attivi ekonomikament jew le, fi ħdan l-Unjoni ġdida li nħalqet. Kull ċittadin individwali jgawdi drittijiet u għandu obbligu li jikkostitwixxu status ġdid – status li skont kif iddikjarat il-Qorti tal-Ġustizzja fl-2001 “huwa intiż sabiex ikun l-istat fundamentali taċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri” (40) .
68. Il-konsegwenzi ta’ dik id-dikjarazzjoni huma, fil-fehma tiegħi, ta’ importanza u portata daqstant kbira daqs dawk tal-ġurisprudenza fundamentali preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja. Tabilħaqq, fil-fehma tiegħi d-deskrizzjoni taċ-ċittadinanza tal-Unjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tat fis-sentenza Gryzelczyk hija potenzjalment ta’ sinjifikat simili bħad-dikjarazzjoni fundamentali tagħha fis-sentenza Van Gend en Loos fejn qalet li “l-Komunità tikkostitwixxi ordinament ġuridiku ġdid tad-dritt internazzjonali, li għal benefiċċju tiegħu l-Istati llimitaw id-drittijiet sovrani tagħhom ... u li s-suġġetti ta’ dan l-ordinament jinkludu mhux biss l-Istati Membri iżda wkoll iċ-ċittadini tagħhom” (41) .
B – Tista’ persuna tinvoka drittijiet idderivati miċ-ċittadinanza tal-Unjoni sempliċement minn residenza fl-Istat Membru taċ-ċittadinanza tagħha?
1. Moviment u d-drittijiet klassiċi (ekonomiċi) tal-libertà ta’ moviment
69. Huwa paċifiku li, sabiex wieħed ikun jista’ jasserixxi d-drittijiet ekonomiċi klassiċi assoċjati mal-erba’ libertajiet, normalment hija meħtieġa xi forma ta’ moviment bejn Stati Membri. Anki f’dak il-kuntest, madankollu, huwa notevoli li l-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat l-importanza li la tfixkel u lanqas timpedixxi l-eżerċizzju ta’ dawk id-drittijiet u ħarset b’diżapprovazzjoni lejn miżuri nazzjonali li jista’ jkollhom effett dissważiv fuq l-eżerċizzju potenzjali tad-dritt għal-libertà ta’ moviment.
70. F’Dassonville (42), il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet id-dikjarazzjoni famuża li “kull leġiżlazzjoni kummerċjali tal-Istati Membri li tista’ tostakola, direttament jew indirettament, attwalment jew potenzjalment, il-kummerċ intra-[Unjoni] għandha tiġi kkunsidrata bħala miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi”. Il-portata wiesgħa ta’ dik il-formula ppermettiet lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tistħarreġ miżuri nazzjonali diskriminatorji u nondiskriminatorji anki meta ma kienx hemm neċessarjament moviment ta’ merkanzija (43) . L-effett dissważiv ta’ miżura nazzjonali jista’ jkun suffiċjenti biex jiskatta l-applikazzjoni ta’ dak li issa huwa l-Artikolu 34 TFUE (li kien l-Artikolu 28 KE). B’hekk, fis-sentenza Carbonati Apuani (44), il-Qorti tal-Ġustizzja, abbażi tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro, ikkonstatat li taxxi imposti fuq merkanzija fi ħdan Stat Membru individwali kienu jmorru kontra t-Trattat (45) . Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat b’mod ċar li dak li issa huwa l-Artikolu 26(2) TFUE (li qabel kien l-Artikolu 14(2) KE), meta jiddefinixxi s-suq intern bħala “arja bla fruntieri interni, li fiha l-moviment liberu ta’ merkanzija, persuni, servizzi u kapital huwa żgurat”, jagħmel dan “mingħajr ma jagħmel distinzjoni bejn fruntieri bejn l-Istati u fruntieri interni fl-Istati stess” (46) .
71. Test simili ġie estiż għall-moviment liberu ta’ persuni u servizzi fis-sentenza Säger (47) fejn il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li l-Artikolu 59 KEE (issa l-Artikolu 56 TFUE) kien jeħtieġ “mhux biss l-eliminazzjoni ta’ kwalunkwe diskriminazzjoni fil-konfront ta’ min jagħti s-servizzi minħabba ċ-ċittadinanza tiegħu, iżda anki t-tneħħija ta’ kwalunkwe restrizzjoni, anki meta din tapplika mingħajr distinzjoni għal dawk li huma ċittadini u għal dawk li huma ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn, meta din tkun tali li tipprojbixxi, tostakola jew tagħmel inqas attraenti l-attivitajiet ta’ min jagħti s-servizz stabbilit fi Stat Membru ieħor fejn huwa jipprovdi legalment servizzi analogi” (48) . Dan l-argument laħaq il-qofol tiegħu fis-sentenza Kraus (49), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li miżuri li “jistgħu jfixklu jew jagħmlu inqas attraenti l-eżerċizzju miċ-ċittadini [tal-Unjoni Ewropea], inklużi dawk tal-Istat Membru li huwa l-awtur tal-miżura, ta’ libertà fundamentali ggarantita mit-Trattat” ukoll jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju (50) .
72. Għaldaqstant, issa hija ġurisprudenza stabbilita li persuna li l-abbiltà tagħha li tiċċaqlaq fi ħdan l-UE tiġi “mfixkla” jew “magħmula inqas attraenti”, anki mill-Istat Membru taċ-ċittadinanza tagħha, tista’ tinvoka drittijiet tat-Trattat (51) .
73. Il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-fatt, diġà aċċettat ċertu grad ta’ mitigazzjoni tal-kunċett li l-eżerċizzju ta’ drittijiet jeħtieġ moviment fiżiku attwali bejn fruntiera u oħra. B’hekk, fis-sentenza Alpine Investments (52), hija ddikjarat li projbizzjoni kontra telefonati lil klijenti potenzjali fi Stat Membru ieħor kienet taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, minkejja li ebda moviment fiżiku ma kien involut. Fis-sentenza Carpenter (53), il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li d-dritt tal-Unjoni Ewropea kien determinanti għall-eżitu ta’ kontestazzjoni ta’ ordni ta’ deportazzjoni li saret mill-awtoritajiet tar-Renju Unit kontra ċittadin Filippin. Il-bażi għall-invokazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea kienet li r-raġel ta’ M. Carpenter, li kien ċittadin Brittaniku, minn żmien għal żmien kien jivvjaġġa lejn Stati Membri oħrajn biex ibiegħ spazju ta’ riklamar f’ġurnal Brittaniku. Il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat l-argument li kien eħfef għar-raġel ta’ M. Carpenter biex jipprovdi u jirċievi servizzi peress li hija kienet qed tieħu ħsieb it-tfal tiegħu mill-ewwel żwieġ. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li d-deportazzjoni ta’ M. Carpenter kienet ser tirrestrinġi d-dritt tar-raġel tagħha li jipprovdi u jirċievi servizzi, kif ukoll id-dritt fundamentali tiegħu għal ħajja tal-familja (54) .
74. Iktar reċenti, fil-Kawża Metock (55) il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li l-eżerċizzju ta’ drittijiet ta’ moviment liberu fil-passat minn Metock, ċittadina tal-Kamerun li sussegwentement akkwistat ċittadinanza Brittanika u li diġà kienet stabbilita u taħdem fl-Irlanda meta żżewġet lir-raġel tagħha (ukoll mill-Kamerun, u li miegħu kienet iltaqgħet tnax-il sena qabel f’dak il-pajjiż), kien suffiċjenti biex ikun jista’ jakkwista dritt derivattiv ta’ residenza fl-Irlanda, minkejja l-fatt li huwa ma kienx jissodisfa r-rekwiżit taħt id-dritt nazzjonali li kellu jkun residenti legalment fi Stat Membru ieħor qabel il-wasla tiegħu fl-Irlanda (56) .
2. Moviment u ċittadinanza tal-Unjoni
75. F’ħafna każijiet dwar ċittadinanza, ikun hemm element transkonfinali li jista’ jiġi identifikat b’mod ċar li jaħdem b’mod parallel mal-eżerċizzju tad-drittijiet klassiċi ekonomiċi ta’ moviment liberu. B’hekk, fil-Kawża Bickel u Franz (57), iż-żewġ konvenuti kienu rispettivament ċittadin Awstrijak u ċittadin Ġermaniż li kienu qed jiffaċċjaw proċeduri kriminali fir-reġjun tat-Trentino-Alto Adige (jiġifieri l-ex Süd Tirol) tal-Italja u li kienu qed jittamaw li dawn il-proċeduri jsiru bil-Ġermaniż u mhux bit-Taljan. Fil-Kawża Martínez Sala (58) r-rikorrenti kienet ċittadina Spanjola li kienet marret tgħix il-Ġermanja. Fil-Kawża Bidar (59), Dany Bidar kien telaq minn Franza lejn ir-Renju Unit fejn qagħad man-nanna tiegħu biex ilesti l-iskola wara l-mewt ta’ ommu qabel ma’ talab self għall-istudenti biex jiffinanzja l-istudji universitarji tiegħu.
76. Barra minn hekk, meta ċittadini ta’ Stat Membru jinvokaw drittijiet li jirriżultaw minn ċittadinanza tal-Unjoni kontra l-Istat Membru tagħhom stess, normalment ikun hemm xi moviment preċedenti lil hinn minn dak l-Istat Membru segwit b’ritorn. Fil-Kawża D’Hoop (60), Marie-Nathalie D’Hoop telqet mill-Belġju lejn Franza, fejn lestiet l-iskola, u mbagħad marret lura lejn il-Belġju fejn ippruvat titlob l-hekk imsejħa “allocations d’attente” (benefiċċji sakemm jinstab impjieg) li jingħataw liż-żgħażagħ li jkunu għadhom kemm spiċċaw l-istudji tagħhom u li jkunu qed ifittxu l-ewwel impjieg tagħhom. Fil-Kawża Grunkin u Paul (61) Leonhard Matthias Grunkin Paul ivvjaġġa bejn id-Danimarka (fejn kien twieled u għex u attenda l-iskola) u l-Ġermanja (il-pajjiż li tiegħu huwa kien ċittadin) sabiex iqatta’ ftit żmien hemmhekk ma’ missieru li kien iddivorzjat. Huwa kellu bżonn li l-passaport Ġermaniż tiegħu jinħareġ bl-istess isem li kien ingħatalu legalment fid-Danimarka, u mhux b’isem differenti.
77. Madankollu, ma jidhirlix li l-eżerċizzju tad-drittijiet idderivati miċ-ċittadinanza tal-Unjoni huwa dejjem inseparabbilment u neċessarjament marbut mal-moviment fiżiku. Diġà hemm ukoll każijiet ta’ ċittadinanza fejn l-element ta’ moviment veru qajla jista’ jiġi identifikat jew fejn frankament ma jeżistix.
78. Fil-Kawża García Avello (62), il-ġenituri kienu ċittadini Spanjoli li kienu marru jgħixu l-Belġju; iżda t-tfal tagħhom Esmeralda u Diego (li kellhom ċittadinanza doppja Spanjola u Belġjana u li l-kunjom ikkontestat tagħhom kien is-suġġett tal-kawża) kienu mwielda l-Belġju u, sa fejn jista’ jiġi stabbilit mir-rapport tal-kawża, qatt ma kienu telqu minn hemm. Fil-Kawża Zhu u Chen (63), Catherine Zhu kienet twieldet f’parti tar-Renju Unit (l-Irlanda ta’ Fuq) u sempliċement marret tgħix band’oħra fi ħdan ir-Renju Unit (marret lejn l-Ingilterra). Il-liġijiet li dak iż-żmien kienu jagħtu ċittadinanza Irlandiża lil kull min kien imwieled fil-gżira tal-Irlanda (inkluża l-Irlanda ta’ Fuq), flimkien ma’ parir legali tajjeb, ippermettewlha tibbaża fuq iċ-ċittadinanza tal-Unjoni biex tissostanzja dritt ta’ residenza fir-Renju Unit għaliha u għal ommha li kienet Ċiniża, għaliex kieku kien ikun impossibbli għaliha, bħala tifla żgħira, biex teżerċita d-drittijiet tagħha bħala ċittadina tal-Unjoni b’mod effettiv. Fil-Kawża Rottmann (64), iċ-ċittadinanza kruċjali (ċittadinanza Ġermaniża b’naturalizzazzjoni, minflok iċ-ċittadinanza Awstrijaka preċedenti akkwistata bit-twelid) ġiet akkwistata minn Dr Rottmann wara li kien telaq mill-Awstrija biex imur jgħix il-Ġermanja. Madankollu, is-sentenza tinjora dak il-moviment preċedenti, u tħares esklużivament lejn l-effetti futuri li l-irtirar taċ-ċittadinanza Ġermaniża kien ser ikollu fis-sens li Dr Rottmann jisfa bla Stat. (Ser niġi lura iktar ’il quddiem, f’iktar dettall, għal din is-sentenza reċenti importanti.) (65)
79. Meta wieħed jeżamina d-diversi drittijiet li t-Trattat jagħti liċ-ċittadini tal-Unjoni, huwa ċar li xi wħud minnhom – b’mod partikolari, id-dritt li wieħed jivvota u li joħroġ bħala kandidat f’elezzjonijiet lokali u elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew – jistgħu jiġu invokati biss fi Stat Membru li ma jkunx l-Istat Membru li l-persuna kkonċernata jkollha ċ-ċittadinanza tiegħu (66) . Drittijiet oħrajn – id-dritt li wieħed iressaq petizzjoni quddiem il-Parlament Ewropew skont l-Artikolu 227 TFUE u d-dritt li wieħed jirrikorri quddiem l-Ombudsman skont l-Artikolu 228 TFUE – jidhru li jistgħu jiġu eżerċitati mingħajr limitazzjoni ġeografika (67) . Id-dritt għal protezzjoni diplomatika jew konsulari taħt l-Artikolu 23 TFUE (li qabel kien l-Artikolu 20 KE) jista’ jiġi eżerċitat fi kwalunkwe pajjiż terz fejn l-Istat Membru li tiegħu l-persuna jkollha ċ-ċittadinanza ma jkunx irrappreżentat.
80. Huwa inqas faċli biex wieħed jiddelimita dak li forsi huwa d-dritt “bażiku” – id-“dritt ta’ moviment liberu u d-dritt ta’ residenza libera fit-territorju ta’ l-Istati Membri” (68) . Dan huwa dritt magħqud (id-dritt ta’ “moviment u residenza”)? Dritt sekwenzjali (“id-dritt ta’ moviment u, wara li jkun sar moviment f’xi stadju fil-passat, dritt ta’ residenza”)? Jew żewġ drittijiet indipendenti (“id-dritt ta’ moviment” u “d-dritt ta’ residenza”)?
3. L-impatt tad-drittijiet fundamentali
81. Jekk hemm għażla bejn li tirrestrinġi l-interpretazzjoni tad-“dritt ta’ moviment liberu u d-dritt ta’ residenza libera fit-territorju ta’ l-Istati Membri” stabbilit fl-Artikoli 20(2)(a) u 21(1) TFUE għal sitwazzjonijiet fejn iċ-ċittadin tal-UE jkun l-ewwel mar fi Stat Membru ieħor, jew li taċċetta li t-termini “moviment” u “residenza” jistgħu jinqraw separatament biex b’hekk ċittadin tal-UE ma jkunx prekluż milli jinvoka dawk id-drittijiet meta jkun jgħix (mingħajr moviment preċedenti) fl-Istat Membru li tiegħu jkun ċittadin, il-Qorti tal-Ġustizzja x’għandha tagħmel?
82. F’dan l-istadju, huwa neċessarju li mmorru lura għall-kwistjoni tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fi ħdan is-sistema ġuridika tal-Unjoni Ewropea.
83. L-importanza tad-drittijiet fundamentali fil-kuntest klassiku tal-moviment liberu ġiet spjegata b’mod mill-iktar elokwenti mill-Avukat Ġenerali Jacobs fil-Kawża Konstantinidis (69), li kienet tinvolvi massaġġatur Grieg li kien jaħdem fil-Ġermanja u li kien allega li traskrizzjoni ħażina uffiċjali ta’ ismu kienet tikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tiegħu taħt id-dritt tal-Unjoni Ewropea. Il-mod kif l-Avukat Ġenerali Jacobs applika l-ġurisprudenza eżistenti Wachauf kellu konsegwenzi ta’ portata wiesgħa. Konstantinidis ma baqgħetx sempliċement kawża dwar diskriminazzjoni fuq bażi ta’ ċittadinanza iżda saret kawża dwar id-dritt fundamentali għall-identità personali. L-aċċettazzjoni tad-dritt tar-rikorrent (kif għamlet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha) timplika aċċettazzjoni tal-premessa li ċittadin tal-UE li jmur fi Stat Membru ieħor huwa intitolat jassumi “li, kull fejn imur biex jaqla’ l-għajxien tiegħu fl-UE, huwa ser jiġi ttrattat b’mod konformi ma’ kodiċi komuni ta’ valuri fundamentali […]. Fi kliem ieħor, huwa intitolat jgħid “ civis europeus sum ” u jinvoka dak l-istatus sabiex jopponi kwalunkwe ksur tad-drittijiet fundamentali tiegħu” (70) . Iċ-ċittadin tal-Unjoni li jeżerċita drittijiet ta’ moviment liberu jista’ jinvoka l-firxa sħiħa ta’ drittijiet fundamentali protetti mid-dritt tal-Unjoni Ewropea (kemm jekk ikunu u kemm jekk ma jkunux konnessi max-xogħol ekonomiku li għalih huwa jkun qed jitlaq minn Stat Membru għall-ieħor). Kieku dan ma kienx il-każ, huwa jista’ jkun skoraġġut milli jeżerċita dawk id-drittijiet għal moviment liberu.
84. Ikun paradossali (ta’ mill-inqas) kieku ċittadin tal-Unjoni jkun jista’ jibbaża fuq drittijiet fundamentali taħt id-dritt tal-UE meta jkun qed jeżerċita dritt għal moviment liberu bħala ħaddiem, jew meta dritt nazzjonali jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat (pereżempju, id-dispożizzjonijiet dwar paga ugwali) jew meta jinvoka leġiżlazzjoni sekondarja tal-UE (bħad-direttiva dwar is-servizzi), iżda ma jkunx jista’ meta jkun sempliċement qed “jirrisjedi” f’dak l-Istat Membru. Jekk ninjoraw, għall-finijiet tal-eżempju, kwalunkwe protezzjoni li tista’ tinkiseb fi ħdan is-sistema ġuridika nazzjonali mill-invokazzjoni tal-Artikolu 8 tal-KEDB, ejja nassumu (pjuttost implawżibbilment) li regola nazzjonali fl-Istat Membru A tagħti protezzjoni mtejba għal-libertà ta’ espressjoni reliġjuża biss lil persuni li għexu hemmhekk kontinwament għal 20 sena. Ċittadin tal-Istat Membru A (bħal Marie-Nathalie D’Hoop) li fil-passat kienet eżerċitat drittijiet ta’ moviment liberu billi marret fl-Istat Membru B, li huwa ġar tal-Istat Membru A, lil fejn hija rritornat biss reċentement ikun jista’ jibbaża fuq id-drittijiet fundamentali tiegħu kontra l-Istat Membru taċ-ċittadinanza tiegħu fil-ku ntest taċ-ċittadinanza tal-Unjoni tiegħu (billi jinvoka kemm l-Artikolu 9 KEDB kif ukoll l-Artikolu 10 tal-Karta). Ċittadin tal-Unjoni ta’ 18-il sena li jkun ċittadin tal-Istat Membru B, iżda li jkun twieled u dejjem għex fl-Istat Membru A, ikun jista’ jagħmel l-istess? (Ma hemm ebda diskriminazzjoni fir-regola nazzjonali kkontestata li hija bbażata direttament jew indirettament fuq iċ-ċittadinanza u għalhekk l-Artikolu 18 TFUE [li qabel kien l-Artikolu 12 KE] ma jistax jiġi invokat.) Abbażi tas-sentenza Garcia Avello, ir-risposta ċertament hija “iva” – iżda dik ir-risposta timplika li d-“dritt ta’ residenza” huwa dritt awtonomu, u mhux xi dritt marbut b’xi kurdun ġuridiku mad-dritt ta’ moviment. Finalment, x’inhi s-sitwazzjoni (u hawnhekk ukoll qed nantiċipa d-diskussjoni dwar id-diskriminazzjoni inversa) taċ-ċittadin tal-Unjoni ta’ 18-il sena li huwa ċittadin tal-Istat Membru A, li jgħix hemmhekk u li ma jista’ jipponta lejn ebda konnessjoni ulterjuri mad-dritt tal-Unjoni Ewropea li jirriżulta minn ċirkustanzi inċidentali jew ippjanati (pereżempju, li vvjaġġa lejn l-Istat Membru B fuq mawra tal-iskola)?
85. F’dan l-isfond, immur lura għall-ġurisprudenza eżistenti tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar iċ-ċittadinanza.
86. Jekk wieħed jinsisti fuq il-premessa li l-moviment fiżiku lejn Stat Membru apparti l-Istat Membru taċ-ċittadinanza huwa meħtieġ qabel ma jistgħu jiġu invokati d-drittijiet ta’ residenza bħala ċittadin tal-Unjoni, hemm riskju li r-riżultat ikun kemm stramb kif ukoll illoġiku. Nassumu li ġar amikevoli kien ħa lil Diego u Jessica fuq żjara jew tnejn lejn Parc Astérix f’Pariġi, jew mal-kosta fi Bretagne (71) . Huma b’hekk ikunu rċevew servizzi fi Stat Membru ieħor. Jekk huma mbagħad jippruvaw jasserixxu drittijiet li jirriżultaw mill-“moviment” tagħhom, ma jistax jiġi ssuġġerit li s-sitwazzjoni tagħhom kienet “purament interna” għall-Belġju (72) . Żjara waħda kienet tkun biżżejjed? Jew tnejn? Jew bosta? Żjara ta’ ġurnata kienet tkun biżżejjed, jew kien ikun meħtieġ li joqogħdu għal lejl jew żewġt iljieli fi Franza?
87. Kieku l-familja wara li tkun ġiet imġiegħla titlaq mill-Belġju u saħansitra mill-Unjoni Ewropea, kellha tfittex refuġju, ngħidu aħna, fl-Arġentina, Diego u Jessica jkunu jistgħu, bħala ċittadini tal-Unjoni Ewropea, jinvokaw protezzjoni diplomatika u konsulari mingħand il-missjonijiet ta’ Stati Membri oħrajn f’dak il-pajjiż terz. Huma jkunu jistgħu jitolbu aċċess għal dokumenti u jiktbu lill-Ombudsman. Iżda ma jkunux jistgħu, skont din l-ipoteżi, jibbażaw fuq id-drittijiet tagħhom bħala ċittadini tal-Unjoni biex ikomplu jgħixu fil-Belġju.
88. Huwa diffiċli li wieħed ma jħossux skomdu b’tali eżitu. Ikun jidher li l-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ ċittadinanza tal-UE jkun qed jiġi rregolat minn lotterija u mhux mil-loġika.
89. Ikun meħtieġ li tinħoloq estensjoni radikali tal-ġurisprudenza dwar iċ-ċittadinanza biex jiġi stabbilit, f’din il-kawża, li d-drittijiet tat-tfal ta’ Zambrano bħala ċittadini tal-Unjoni huma involuti – minkejja li għadhom ma ħarġux ’il barra mill-Istat Membru taċ-ċittadinanza tagħhom – u (jekk dan huwa l-każ) biex sussegwentement jiġi kkunsidrat jekk huwa jistax jasserixxi dritt derivattiv ta’ residenza?
90. Ma jidhirlix li huwa meħtieġ pass partikolarment kbir.
4. Din hija sitwazzjoni purament interna?
91. F’din il-kawża, l-Istati Membri li ssottomettew osservazzjonijiet argumentaw, unanimament, li s-sitwazzjoni ta’ G. Ruiz Zambrabo hija “purament interna” għall-Belġju u li d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, inklużi dawk relatati maċ-ċittadinanza tal-Unjoni, b’hekk ma jiskattawx. Il-Kummissjoni adottat linja ta’ argumentazzjoni simili. Xi ftit jew wisq, ilkoll jippuntaw lejn protezzjoni potenzjali li tista’ tingħata lil G. Ruiz Zambrano u l-familja tiegħu jew taħt id-dritt nazzjonali jew taħt il-KEDB u jistiednu lill-Qorti tal-Ġustizzja, bi gradi differenti ta’ insistenza, biex ma tikkontemplax il-possibbiltà li jistgħu jiġu invokati drittijiet taħt id-dispożizzjonijiet dwar iċ-ċittadinanza.
92. Ma naqbilx ma din il-fehma.
93. Ta’ min wieħed jinnota li fis-sentenza Rottmann, kemm il-Ġermanja (l-Istat Membru tan-naturalizzazzjoni ta’ Dr Rottmann) kif ukoll fl-Awstrija (l-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu), appoġġati mill-Kummissjoni, argumentaw li “fil-mument li ttieħdet id-deċiżjoni tar-revoka ta’ naturalizzazzjoni ta’ [Dr Rottmann], huwa kien ċittadin Ġermaniż, residenti fil-Ġermanja u li ġie nnotifikat b’att amministrattiv maħruġ minn awtorità Ġermaniża. […] B’hekk [...] din hija sitwazzjoni purament interna li ma għandha l-ebda rabta mad-dritt tal-Unjoni, għaliex hija ma tapplikax biss minħabba l-fatt li Stat Membru jadotta miżura fir-rigward ta’ ċittadin tiegħu. Il-fatt li, fis-sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, l-interessat għamel użu mid-dritt tiegħu tal-moviment liberu qabel in-naturalizzazzjoni tiegħu ma jistax jikkostitwixxi fih innifsu element transkonfinali li jkollu rwol fir-rigward tar-revoka tal-imsemmija naturalizzazzjoni” (73) .
94. B’reazzjoni għal dak l-argument, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat l-istedina biex tinjora l-eżerċizzju preċedenti tad-dritt ta’ moviment liberu ta’ Dr Rottmann (mill-Awstrija għall-Ġermanja) u ħarset lejn il-futur u mhux il-passat. Hija rrimarkat, f’termini sodi, li għalkemm l-għoti u l-irtirar taċ-ċittadinanza huma kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, f’sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni Ewropea, ir-regoli nazzjonali kkonċernati madankollu jridu jikkunsidraw lil dan tal-aħħar. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li, “[i]s-sitwazzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni […] li huwa kkonfrontat b’deċiżjoni ta’ revoka tan-naturalizzazzjoni […] u li tista’ […] twassal sabiex jitlef l-istatus mogħti mill-[Artikolu 20 TFUE] u d-drittijiet marbuta miegħu , taqa’ taħt, minn natura tagħha stess u mill-konsegwenzi tagħha , id-dritt tal-Unjoni.” (74)
95. Jidhirli li r-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Rottmann, moqrija flimkien mad-deċiżjoni preċedenti tagħha fil-kawża Zhu u Chen, jista’ faċilment jiġi traspost għal din il-kawża. Hawnhekk, l-għoti ta’ ċittadinanza Belġjana lit-tfal ta’ G. Ruiz Zambrano, Diego u Jessica, kienet kwistjoni li taqa’ taħt il-kompetenza ta’ dak l-Istat Membru. Ladarba ngħatat dik iċ-ċittadinanza, madankollu, it-tfal saru ċittadini tal-Unjoni u intitolati li jeżerċitaw id-drittijiet mogħtija lilhom bħala tali ċittadini, b’mod parallel mad-drittijiet tagħhom bħala ċittadini Belġjani. Huma għadhom ma ħarġux ’il barra mill-Istat Membru tagħhom. Lanqas Dr Rottmann ma kien għamel hekk wara n-naturalizzazzjoni tiegħu. Jekk il-ġenituri ma jkollhomx dritt derivattiv ta’ residenza u jkunu meħtieġa jitilqu mill-Belġju, ikun probabbli ħafna li t-tfal ikollhom jitilqu magħhom. F’termini prattiċi, dan iwassal biex Diego u Jessica jsibu ruħhom f’pożizzjoni “li twassal biex jitilfu l-istatus mogħti [miċ-ċittadinanza tal-Unjoni tagħhom] u d-drittijiet marbuta miegħu”. Minn dan isegwi – bħal fil-każ ta’ Dr Rottmann – li s-sitwazzjoni tat-tfal “taqa’ taħt, min-natura tagħha stess u mill-konsegwenzi tagħha, id-dritt tal-Unjoni”.
96. Barra minn hekk, bħal Catherine Zhu, Diego u Jessica ma jistgħux jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom bħala ċittadini tal-Unjoni (speċifikament, id-drittijiet tagħhom ta’ moviment u ta’ residenza fi kwalunkwe Stat Membru) b’mod sħiħ u effettiv mingħajr il-preżenza u s-sostenn tal-ġenituri tagħhom. B’applikazzjoni tal-istess konnessjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat f’Zhu u Chen (li tippermetti lil tifla żgħira teżerċita d-drittijiet ta’ ċittadinanza tagħha b’mod effettiv) isegwi li bl-istess mod is-sitwazzjoni ta’ G. Ruiz Zambrano ma hijiex waħda “purament interna” għall-Istat Membru. Din ukoll taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-UE.
97. B’hekk isegwi wkoll (bħal fis-sentenza Rottmann) li “[f]’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi d-domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju” – jew, essenzjalment fi kliem ieħor, li l-fatti ta’ din il-kawża ma jikkostitwixxux sitwazzjoni purament interna, li ma għandha ebda konnessjoni mad-dritt tal-UE. Biex tagħmel dan, fil-fehma tiegħi, ikollha tiddeċiedi dawn il-kwistjonijiet: (a) hemm probabbiltà ta’ interferenza mad-drittijiet tat-tfal ta’ G. Ruiz Zambrano, bħala ċittadini tal-Unjoni, għal-libertà ta’ moviment u residenza fi ħdan it-territorju tal-Istati Membri? (b) jekk teżisti tali interferenza, fil-prinċipju hija permessibbli? (c) jekk fil-prinċipju hija permessibbli, hija madankollu suġġetta għal xi limitazzjonijiet (pereżempju, fuq bażi ta’ proporzjonalità)?
5. Hemm interferenza?
98. Bħala ċittadini tal-Unjoni, it-tfal ta’ G. Ruiz Zambrano mingħajr ebda dubju għandhom “dritt ta’ moviment liberu u d-dritt ta’ residenza libera fit-territorju ta’ l-Istati Membri”. Fit-teorija, huma jistgħu jeżerċitaw dak id-dritt. Fil-prattika, ma jistgħux jagħmlu dan b’mod indipendenti mill-ġenituri tagħhom minħabba l-età tagħhom.
99. Jekk G. Ruiz Zambrano ma jistax igawdi dritt derivattiv ta’ residenza fil-Belġju (il-kwistjoni li madwarha jirrivolvi l-intitolament tiegħu għall-benefiċċju tal-qgħad) allura, f’xi żmien jew ieħor, huwa ser ikollu jitlaq mill-Istat Membru li tiegħu wliedu huma ċittadini. Minħabba l-età tagħhom (u kemm-il darba, naturalment, ma kienx hemm daqstant dewmien għat-tluq li t-tfal laħqu saru maġġorenni), it-tfal tiegħu jkollhom jitilqu miegħu (75) . Huma ma jkunux jistgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment u ta’ residenza fi ħdan it-territorju tal-Unjoni Ewropea. Il-paralleli mal-Kawża Rottmann huma ovvji. Id-drittijiet ta’ Dr Rottmann bħala ċittadin tal-Unjoni kienu taħt theddida serja peress li r-revoka tan-naturalizzazzjoni tiegħu fil-Ġermanja kienet ser tħallih f’pożizzjoni fejn ma jkunx jista’ jeżerċita dawk id-drittijiet ratione personae . F’din il-kawża, it-tfal ta’ G. Ruiz Zambrano jiffaċċjaw theddida li ma hijiex wisq diffrenti għad-drittijiet tagħhom ratione loci . Huma jeħtieġu li jkunu jistgħu jibqgħu fiżikament preżenti fi ħdan it-territorju tal-Unjoni Ewropea sabiex ikunu jistgħu jmorru minn Stat Membru għal ieħor jew biex jgħixu fi kwalunkwe Stat Membru (76) .
100. Kif rajna (b’mod partikolari fis-sentenzi Garcia Avello, Zhu u Chen u Rottmann), il-ġurisprudenza eżistenti diġà tippermetti li ċerti drittijiet ta’ ċittadinanza jiġu invokati indipendentement minn moviment transkonfinali preċedenti miċ-ċittadin tal-UE inkwistjoni. Jidhirli li kieku r-rikorrent(i) fl-ewwel tnejn minn dawk il-każijiet kellhom bżonn jasserixxu dritt awtonomu ta’ residenza kontra l-awtoritajiet tal-Istati Membri kkonċernati (ċittadini Spanjoli fil-Belġju, ċittadina Irlandiża fir-Renju Unit) il-Qorti tal-Ġustizzja ċertament kienet ser tirrikonoxxi tali dritt. Fil-Kawża Rottmann, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà marret oltre billi pproteġiet id-drittijiet futuri ta’ ċittadinanza ta’ resident ta’ ċittadinanza Ġermaniża fil-Ġermanja. F’dan l-isfond, ikun artifiċjali jekk ma jiġix rikonoxxut apertament li (għalkemm fil-prattika d-dritt ta’ residenza huwa, fil-maġġoranza l-kbira tal-każijiet, probabbilment eżerċitat wara l-eżerċizzju tad-dritt ta’ moviment) l-Artikolu 21 TFUE jinkludi dritt separat ta’ residenza li huwa indipendenti mid-dritt ta’ moviment liberu.
101. Għaldaqstant, nirrakkomanda li l-Qorti tal-Ġustizzja issa tirrikonoxxi l-eżistenza ta’ dak id-dritt awtonomu ta’ residenza.
102. Għar-raġunijiet li diġà ddiskutejt, Diego u Jessica ma jistgħux jeżerċitaw tali dritt ta’ residenza mingħajr is-sostenn tal-ġenituri tagħhom. Għaldaqstant nikkonkludi li, fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, rifjut li jiġi rikonoxxut dritt derivattiv ta’ residenza għal G. Ruiz Zambrano jista’, potenzjalment, jikkostitwixxi interferenza mad-dritt ta’ residenza ta’ Diego u ta’ Jessica bħala ċittadini tal-Unjoni.
103. Ma’ dan inżid li, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex disposta li taċċetta li l-Artikolu 21 TFUE jikkonferixxi dritt awtonomu ta’ residenza, xorta waħda nikkonkludi, fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, li l-interferenza potenzjali mad-dritt ta’ Diego u ta’ Jessica ta’ moviment u ta’ residenza fi ħdan it-territorju tal-Unjoni huwa suffiċjentement analogu għal dak li kien jaffettwa lil Catherine Zhu (li qatt ma kienet residenti fir-Repubblika tal-Irlanda u li, fil-fatt, qatt ma kienet telqet mit-territorju tar-Renju Unit) u li s-sitwazzjoni tagħhom għandha tiġi assimilata ma’ tagħha.
6. L-interferenza tista’ tkun iġġustifikata?
104. Nibda billi nosserva li, meta għażel li ma jagħmilx dikjarazzjoni espressa li wliedu għandhom isiru Kolombjani biex b’hekk għażel li huma minflok jakkwistaw iċ-ċittadinanza tal-Istat Membru tal-UE fejn twieldu, G. Ruiz Zambrano nqeda minn possibbiltà li kienet disponibbli għalih legalment. F’dan ir-rigward, l-aġir tiegħu jista’ jiġi mqabbel ġustament ma’ dik tal-koppja Zhu. Il-Qorti tal-Ġustizzja għamlitha ċara li wieħed ma jistax jiġi kkundannat talli jieħu vantaġġ minn possibbiltà offruta mil-liġi u li dan huwa b’mod ċar differenti minn abbuż ta’ drittijiet (77) . Sa minn meta seħħew il-fatti f’din il-kawża, il-liġi Belġjana dwar iċ-ċittadinanza ġiet emendata (78) u persuna fil-pożizzjoni ta’ G. Ruiz Zambrano ma għadx għandha l-possibbiltà li tagħżel li ma tirreġistrax it-tarbija tagħha mal-awtoritajiet diplomatiċi jew konsulari ta’ pajjiżha sabiex jiġi żgurat li huma jiksbu ċittadinanza Belġjana. Iżda dak iż-żmien ma kien hemm xejn ħażin li wieħed jaġixxi kif għamel hu.
105. Huwa importanti li wieħed iżomm dan il-fatt f’moħħu – b’mod partikolari, fir-rigward ta’ kull argument li “ser jinfetħu l-bibien”. L-Istati Membri jikkontrollaw min jista’ jsir ċittadin tagħhom (79) . F’din il-kawża l-Qorti tal-Ġustizzja hija kkonċernata esklużivament bid-drittijiet li tali persuni jistgħu jinvokaw, ladarba jkunu saru ċittadini ta’ Stat Membru , permezz tal-akkwist simultanju ta’ ċittadinanza tal-Unjoni.
106. B’hekk, fil-Kawża Kaur (80), Manjit Kaur ma setgħetx tiġi “mċaħħda” mid-drittijiet li jirriżultaw mill-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni għaliex ma kinitx tissodisfa d-definizzjoni ta’ ċittadina tar-Renju Unit tal-Gran Brettanja u tal-Irlanda ta’ Fuq. Peress li ma għaddietx mill-aħħar ostakolu u ma kkwalifikatx, taħt ir-regoli taċ-ċittadinanza applikabbli għaliha, bħala xi ħadd “biċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru”, hija sussegwentement ma setgħetx tinvoka drittijiet taħt id-dritt tal-Unjoni Ewropea bħala ċittadina tal-Unjoni biex tirrisjedi f’xi Stat Membru (inkluż ir-Renju Unit) (81) . F’din il-kawża, madankollu, it-tfal ta’ G. Ruiz Zambrano għandhom u jgawdu d-drittijiet normali ta’ ċittadini Belġjani, bl-istess mod kif Dr Rottmann kellu u kien igawdi d-drittijiet normali taċ-ċittadinanza Ġermaniża tiegħu permezz ta’ naturalizzazzjoni.
107. Dawn huma, b’mod ċar, sitwazzjonijiet fejn l-eżerċizzju ta’ drittijiet minn ċittadin tal-Unjoni ma jiddependix fuq l-għoti ta’ drittijiet ta’ residenza lil membru axxendent tal-familja. B’hekk, ċittadin tal-UE li jkun sar maġġorenni jista’ jeżerċita d-drittijiet tiegħu li jivvjaġġa u jgħix fit-territorju tal-Unjoni Ewropea mingħajr ma huwa neċessarju li l-ġenitur jew il-ġenituri tiegħu jingħataw drittijiet ta’ residenza konkurrenti fl-Istat Membru magħżul.
108. Fil-fehma tiegħi, għaldaqstant, l-interferenza potenzjali mad-drittijiet taċ-ċittadinanza tal-UE li tqum jekk membru axxendent tal-familja ma jkunx igawdi dritt derivattiv awtomatiku ta’ residenza fl-Istat Membru taċ-ċittadinanza taċ-ċittadin tal-UE hija aċċettabbli fil-prinċipju. Madankollu, tista’ ma tkunx interferenza permissibbli f’ċerti ċirkustanzi (b’mod partikolari, għaliex tista’ ma tkunx proporzjonata).
7. Proporzjonalità
109. Kif iddikjarat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi Micheletti (82), Kaur (83) u iktar reċentment fis-sentenza Rottmann, għalkemm l-għoti taċ-ċittadinanza hija kwistjoni li taqa’ taħt il-kompetenza ta’ kull Stat Membru, huma għandhom, madankollu, meta jeżerċitaw din il-kompetenza, jikkonformaw mad-dritt tal-Unjoni Ewropea (84) . L-istess riżultat intlaħaq fis-sentenza Bickel u Franz fir-rigward tal-liġi kriminali u dik ta’ proċedura kriminali (85), f’García Avello fir-rigward tar-regoli nazzjonali dwar il-kunjomijiet (86) jew f’Schempp, dwar tassazzjoni diretta (87), – ilkoll oqsma sensittivi fejn l-Istati Membri għadhom jeżerċitaw poteri sinjifikattivi.
110. F’din il-kawża, bħal ma jiġri spiss, is-sitwazzjoni hija waħda li tinvolvi l-eżerċizzju ta’ dritt u ġustifikazzjoni potenzjali għall-interferenza ma’ (jew deroga minn) dak id-dritt; u l-kwistjoni fl-aħħar mill-aħħar hija waħda ta’ proporzjonalità. Huwa proporzjonat, fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, li jiġi rrifjutat ir-rikonoxximent ta’ dritt ta’ residenza għal G. Ruiz Zambrano, li huwa dderivat mid-drittijiet ta’ wliedu bħala ċittadini tal-UE? Waqt li fl-aħħar mill-aħħar id-deċiżjoni dwar il-proporzjonalità (bħas-soltu) hija kwistjoni li taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali, xi rimarki fil-qosor jistgħu jkunu ta’ għajnuna.
111. L-applikazzjoni tal-prinċipju tal-proporzjonalità f’din il-kawża (bħal f’Rottmann) teħtieġ li “l-qorti tar-rinviju […] tivverifika jekk id-deċiżjoni ta’ revoka inkwistjoni fil-kawża prinċipali tosservax il-prinċipju ta’ proporzjonalità fir-rigward tal-konsegwenzi ta’ din l-aħħar deċiżjoni fuq il-persuna kkonċernata skont id-dritt tal-Unjoni” (minbarra kwalunkwe eżami tal-proporzjonalità li jista’ jkun meħtieġ taħt id-dritt nazzjonali) (88) . Kif kompliet tispjega l-Qorti tal-Ġustizzja f’dik il-kawża, “minħabba l-importanza li d-dritt primarju jagħti lill-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni […], għandhom jitqiesu […] il-konsegwenzi eventwali li din id-deċiżjoni jkollha fuq l-interessat u, jekk ikun il-każ, fuq il-membri tal-familja tiegħu. F’dan ir-rigward għandu jiġi vverifikat, b’mod partikolari, jekk din it-telfa hijiex iġġustifikata […]” (89) .
112. Matul is-seduta, l-Istati Membri intervenjenti enfasizzaw li r-rekwiżiti ta’ residenza għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istat Membru. Il-konsulenti legali għall-Belġju u d-Danimarka ddikjaraw li G. Ruiz Zambrano huwa persuna li talab ażil iżda li ma rnexxilux jiksbu u li ġie ordnat jitlaq mit-territorju Belġjan ftit wara l-wasla tiegħu fl-1999. Huwa sussegwentement għex hemmhekk illegalment għal perijodu kunsiderevoli ta’ żmien u ma għandux jibbenefika minn dritt ta’ residenza taħt id-dritt tal-Unjoni Ewropea. Il-konsulent legali għall-Irlanda pinġa stampa drammatika tal-mewġa ta’ immigrazzjoni minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi li inevitabbilment tirriżulta jekk jiġi deċiż li G. Ruiz Zambrano jgawdi dritt ta’ residenza dderivat miċ-ċittadinanza Belġjana tat-tfal tiegħu.
113. Il-konsulent legali ta’ G. Ruiz Zambrano ġibed l-attenzjoni għall-fatt li l-klijent tiegħu kien ħadem mingħajr interruzzjoni ma’ Plastoria għal kważi sitt snin. Matul dak il-perijodu, huwa ħallas debitament il-kontribuzzjonijiet tiegħu tas-sigurtà soċjali. L-investigazzjoni tal-awtoritajiet Belġjani fi ħdan Plastoria ma sabu ebda problema bl-arranġamenti legali ta’ taxxa, sigurtà soċjali u tal-impjieg fir-rigward tal-impjieg tiegħu. L-uniċi kwistjonijiet kienu l-fatt li ma kellux permess tax-xogħol u permess ta’ residenza; u ebda azzjoni ma kienet ittieħdet kontra min kien iħaddmu. Diego u Jessica twieldu bosta snin wara li G. Ruiz Zambrano u martu daħlu l-Belġju bl-ewwel tarbija tagħhom. Ma kien hemm ebda evidenza li huma l-ewwel żiedu lil Diego u mbagħad lil Jessica mal-familja f’tentattiv ċiniku biex jisfruttaw kwalunkwe lakuna disponibbli sabiex ikunu jistgħu jibqgħu fil-Belġju. Din kienet familja ġenwina, u G. Ruiz Zambrano kien integrat għal kollox fil-Belġju. It-tfal tiegħu kienu jattendu l-iskola lokali tagħhom regolarment. Huwa ma kellu ebda kondotta kriminali. Fil-fatt, huwa sussegwentement kien ingħata kemm permess ta’ residenza provviżorju u rinnovabbli kif ukoll permess tax-xogħol tat-tip Ċ.
114. Essenzjalment diġà indirizzajt l-argument tal-Gvern Irlandiż li “ser jinfetħu l-bibien”. Kif wera dak l-Istat Membru stess wara d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Zhu u Chen, jekk regoli partikolari dwar l-akkwist taċ-ċittadinanza tiegħu jkunu – jew jidhru li jkunu – jistgħu jwasslu għal riżultati “mhux sostenibbli”, l-Istat Membru kkonċernat jista’ jemendahom sabiex jindirizza l-problema.
115. Waqt li qed ngħid dan, minix qed inħeġġeġ lill-Istati Membri biex ikunu ksenofobiċi jew biex isakkru l-firrolli u jeqilbu lill-Unjoni Ewropea f’“Fortizza Ewropa”. Dan ikun, fil-fatt, pass lura li għandu jiġi kkundannat – u wieħed, barra minn hekk, li jikkontradixxi b’mod ċar objettivi ddikjarati ta’ politika (90) . Jiena sempliċement qed infakkar li r-regoli dwar l-akkwist taċ-ċittadinanza jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri. Madankollu, l-Istati Membri – li ħolqu huma stess il-kunċett ta’ “ċittadinanza tal-Unjoni” – ma jistgħux jeżerċitaw l-istess setgħa mingħajr restrizzjoni fir-rigward tal- konsegwenzi, taħt id-dritt tal-Unjoni Ewropea, taċ-ċittadinanza tal-Unjoni li jirriżultaw mill-għoti taċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru.
116. Fir-rigward tan-nuqqas ta’ G. Ruiz Zambrano li jitlaq mill-Belġju wara li l-applikazzjoni tiegħu għal ażil ġiet miċħuda, infakkar li huwa kkontesta d-deċiżjonijiet amministrattivi inkwistjoni; u li dawk il-proċeduri ġudizzjarji damu għaddejjin. Infakkar ukoll li, fil-Kawża Carpenter, iċ-ċittadina ta’ pajjiż terz (M. Carpenter) kienet kisret il-liġi nazzjonali dwar l-immigrazzjoni billi ma telqitx mir-Renju Unit qabel ma skadielha ż-żmien biex toqgħod hemm bħala viżitatriċi. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma kkunsidratx dan bħala ostakolu insuperabbli għat-talba sussegwenti tagħha għal drittijiet taħt id-dritt tal-Unjoni Ewropea, u rrimarkat li “l-imġiba tagħha minn meta waslet fir-Renju Unit f’Settembru 1994 ma kienet is-suġġett ta’ ebda lment li seta’ jagħti lok għall-biża li hija setgħet fil-futur tikkostitwixxi periklu għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà pubblika” (91) .
117. B’kuntrast, f’din il-kawża, il-konsegwenzi iktar fit-tul għal Diego u Jessica jekk ma jiġix rikonoxxut dritt derivattiv ta’ residenza huma drastiċi. Huma ma jistgħux jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jirrisjedu bħala ċittadini tal-Unjoni effettivament mingħajr l-għajnuna u s-sostenn tal-ġenituri tagħhom. Għalhekk id-dritt ta’ residenza tagħhom – sakemm jikbru biżżejjed biex ikunu jistgħu jeżerċitawh waħdu – jisfa kważi għal kollox fix-xejn (bħalma kien jiġri fil-każ ta’ Catherine Zhu mingħajr il-preżenza kontinwa ta’ ommha, L. Zhu, fir-Renju Unit).
118. Għall-finijiet ta’ kompletezza, għandi nindirizza fil-qosor argument addizzjonali li jirriżulta mis-suġġett tal-kawża quddiem il-qorti nazzjonali, jiġifieri r-riskju possibbli li G. Ruiz Zambrano jista’ jsir “piż irraġonevoli” fuq il-finanzi pubbliċi.
119. Fis-sentenza Baumbast (92), il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-limitazzjonijiet u l-kundizzjonijiet li jsir riferiment għalihom fl-Artikolu 21 TFUE huma bbażati fuq l-idea li l-eżerċizzju tad-dritt ta’ residenza taċ-ċittadini tal-Unjoni jista’ jkun subordinat għall-interessi leġittimi tal-Istati Membri. F’dak ir-rigward, il-“benefiċjarji tad-dritt ta’ residenza m’għandhomx isiru piż ‘irraġjonevoli’ fuq il-finanzi pubbliċi ta’ l-Istat Membru ospitanti.” (93) Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja qalet ukoll li “dawn il-limitazzjonijiet u l-kundizzjonijiet għandhom jiġu applikati filwaqt li jiġu mħarsa l-limiti imposti mid-dritt Komunitarju u in konformità mal-prinċipji ġenerali ta’ dan id-dritt, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ proporzjonalità” (94) . Fi kliem ieħor, il-miżuri nazzjonali adottati f’dan ir-rigward iridu jkunu neċessarji u xierqa sabiex jintlaħaq l-għan segwit (95) .
120. Meta tevalwa l-proporzjonalità f’din il-kawża, jeħtieġ li l-qorti nazzjonali tikkunsidra l-fatt li G. Ruiz Zambrano ħadem full-time għal kważi ħames snin ma’ Plastoria. L-impjieg tiegħu kien ġie ddikjarat lill-Office national de la sécurité sociale. Huwa ħallas il-kontribuzzjonijiet statutorji tas-sigurtà soċjali, u persuna li impjegatu kienet tħallas il-kontribuzzjonijiet korrispondenti ta’ persuna li timpjega. Huwa b’hekk fil-passat ikkontribwixxa konsistentement u regolarment għall-finanzi pubbliċi tal-Istat Membru ospitanti.
121. Fil-fehma tiegħi, dawn huma fatturi li jwasslu għall-konklużjoni li jkun sproporzjonat jekk ma jiġix rikonoxxut dritt derivattiv ta’ residenza f’din il-kawża. Fl-aħħar mill-aħħar, madankollu, id-deċiżjoni hija f’idejn il-qorti nazzjonali, u f’idejha biss.
122. Għaldaqstant nikkonkludi li l-Artikoli 20 u 21 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jagħtu dritt ta’ residenza fit-territorju tal-Istati Membri, ibbażat fuq iċ-ċittadinanza tal-Unjoni, li huwa indipendenti mid-dritt ta’ moviment bejn l-Istati Membri. Dawn id-dispożizzjonijiet ma jipprekludux lil Stat Membru milli jirrifjuta li jagħti dritt derivattiv ta’ residenza lil axxendent ta’ ċittadin tal-Unjoni li jkun ċittadin tal-Istat Membru kkonċernat u li jkun għadu ma eżerċitax drittijiet ta’ moviment liberu, kemm-il darba dik id-deċiżjoni tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità.
VIII – It-tieni domanda – Diskriminazzjoni inversa
123. Din id-domanda ssaqsi jekk l-Artikolu 18 TFUE jistax jiġi invokat biex tiġi riżolta diskriminazzjoni inversa maħluqa bl-interazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea (f’dan il-każ, id-dispożizzjonijiet li jirregolaw iċ-ċittadinanza tal-Unjoni) mad-dritt nazzjonali. Il-problema tista’ tiġi fformulata hekk. Jekk tfal żgħar (bħal Catherine Zhu) ikunu akkwistaw iċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru differenti mill-Istat Membru ta’ residenza tagħhom, il-ġenitur jew ġenituri tagħhom għandhom igawdu dritt derivattiv ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti skont l-Artikolu 21 TFUE u d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Zhu u Chen. Diego u Jessica għandhom ċittadinanza Belġjana u jgħixu fil-Belġju. G. Ruiz Zambrano jista’ jibbaża fuq l-Artikolu 18 TFUE, li jipprojbixxi, fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattati, “kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza”, sabiex jasserixxi l-istess dritt derivattiv ta’ residenza?
124. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja taċċetta r-raġunament li jiena pproponejt fir-rigward tal-ewwel domanda, din id-domanda ssir superfluwa. Iżda jekk madankollu l-Qorti tal-Ġustizzja ma ssegwix ir-raġunament tiegħi, ikun neċessarju li tikkunsidra jekk l-Artikolu 18 TFUE jistax jiġi invokat biex tiġi indirizzata diskriminazzjoni inversa ta’ dan it-tip.
A – Il-ġurisprudenza attwali: analiżi kritika
125. Fis-sentenza Baumbast (96), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-Artikolu 18 KE (issa l-Artikolu 21 TFUE) għandu effett dirett, u jagħti dritt awtonomu ta’ moviment liberu lil individwi li ma jkunux attivi ekonomikament. Permezz ta’ din id-deċiżjoni, hija estendiet id-drittijiet tal-libertà ta’ moviment lil persuni li ma għandhom ebda konnessjoni diretta mal-aspetti ekonomiċi tas-suq waħdieni, li qabel ma setgħux jinvokaw id-drittijiet ‘klassiċi’ ta’ libertà ta’ moviment. Fil-fehma tiegħi, dan l-iżvilupp kien kemm koerenti kif ukoll inevitabbli, billi segwa loġikament mill-ħolqien taċ-ċittadinanza tal-Unjoni. Sabiex l-Unjoni Ewropea tevolvi f’xi ħaġa iktar minn qafas konvenjenti u effettiv għall-iżvilupp tal-kummerċ, kellha tiżgura rwol effettiv għal dawk li hija ddeċidiet li tibda ssejjaħ iċ-ċittadini tagħha (97) .
126. Madankollu, dak l-iżvilupp neċessarjament jimplika konsegwenzi ulterjuri.
127. Fl-ewwel lok, mill-mument meta l-Istati Membri ddeċidew li jżidu, mal-kunċetti eżistenti taċ-ċittadinanza, status ġdid u kumplimentari ta’ “ċittadin tal-Unjoni”, sar impossibbli li dawk l-individwi jitqiesu sempliċement bħala fatturi ekonomiċi tal-produzzjoni. Iċ-ċittadini ma humiex “riżorsi” użati għall-produzzjoni ta’ prodotti u servizzi, iżda individwi marbuta ma’ komunità politika u protetti bi drittijiet fundamentali (98) .
128. Fit-tieni lok, meta ċ-ċittadini jiċċaqalqu, huma jagħmlu hekk bħala bnedmin, u mhux bħala robots. Huma jiltaqgħu ma’ xi ħadd li jsiru jħobbu, jiżżewġu u jkollhom familji. L-unità tal-familja, skont iċ-ċirkustanzi, tista’ tkun komposta biss minn ċittadini tal-Unjoni Ewropea, jew minn ċittadini tal-Unjoni Ewropea u ċittadini ta’ pajjiżi terzi, b’konnessjonijiet mill-qrib bejniethom. Jekk il-membri tal-familja ma jiġux ittrattati bl-istess mod bħaċ-ċittadin tal-Unjoni Ewropea li jeżerċitaw drittijiet ta’ moviment liberu, il-kunċett ta’ libertà ta’ moviment jitlef is-sinjifikat veru tiegħu (99) .
129. Fit-tielet lok, billi tat drittijiet fundamentali taħt id-dritt tal-Unjoni Ewropea liċ-ċittadini tagħha, u billi ddikjarat li dawk id-drittijiet huma l-veru pedament tal-Unjoni (Artikolu 6(1) TFUE), l-Unjoni Ewropea impenjat ruħha lejn il-prinċipju li ċ-ċittadini li jeżerċitaw drittijiet ta’ libertà ta’ moviment jagħmlu dan taħt il-protezzjoni ta’ dawk id-drittijiet fundamentali (100) .
130. Fir-raba’ lok, billi rratifikaw it-Trattat ta’ Maastricht u t-Trattati sussegwenti li emendawh, l-Istati Membri aċċettaw li – peress li ċ-ċittadini tagħhom huma wkoll ċittadini tal-Unjoni Ewropea – il-kompitu li jiġu indirizzati t-tensjonijiet jew id-diffikultajiet li jirriżultaw mill-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ moviment liberu ta’ dawn iċ-ċittadini huwa wieħed konġunt. Huwa kompitu li jaqa’ fuq l-Istati Membri individwali, iżda wkoll fuq l-Unjoni Ewropea (101) .
131. Dawk il-konsegwenzi ma humiex konsistenti mal-idea li wieħed għandu sempliċement isegwi, fir-rigward taċ-ċittadinanza tal-Unjoni, l-approċċ ortodoss lejn il-moviment liberu tal-merkanzija u l-libertà ta’ moviment ta’ ħaddiema impjegati u li jaħdmu għal rashom u tal-kapital.
132. Ir- ratio sottostanti tal-libertajiet fundamentali ekonomiċi huwa li jinħoloq suq uniku billi jiġu eliminati l-ostakoli għall-kummerċ u tittejjeb il-kompetizzjoni. L-għodod li t-Trattat jikkonferixxi sabiex jintlaħqu l-għanijiet tas-suq uniku (stipulati, inter alia, f’dak li issa huwa l-Artikolu 3 TUE) ġew żviluppati mill-Qorti tal-Ġustizzja b’dan il-mod. B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet, inter alia, kriterji sabiex jiġi ddeterminat x’tikkostitwixxi l-konnessjoni neċessarja ma’ kull libertà fundamentali. Biex nieħdu eżempju wieħed: sa mis-sentenza Dassonville (102), moviment potenzjali kif ukoll moviment fiżiku attwali jitqies bħala rilevanti għall-moviment liberu tal-merkanzija. Għalkemm din il-ġurisprudenza speċifika ma teħtieġx li attwalment ikun seħħ moviment preċedenti, madankollu hija xorta waħda l-idea ta’ moviment (anki jekk dak il-moviment ikun ipotetiku) li sservi bħala ċ-ċavetta għad-drittijiet mogħtija mil-libertajiet fundamentali.
133. Konsegwenza ta’ dak l-approċċ lejn is-suq intern hija r-riskju li fatturi “statiċi” tal-produzzjoni jitħallew f’pożizzjoni agħar mill-fatturi “mobbli”, minkejja li f’kull aspett ieħor iċ-ċirkustanzi tagħhom jistgħu jkunu simili jew identiċi. L-eżitu huwa diskriminazzjoni inversa maħluqa mill-interazzjoni bejn id-dritt tal-Unjoni Ewropea u d-dritt nazzjonali – diskriminazzjoni li sa issa l-Qorti tal-Ġustizzja ħalliet f’idejn kull Stat Membru biex isolvi, minkejja l-fatt li tali riżultat jikkostitwixxi, prima facie , ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba ċ-ċittadinanza (103) .
134. Tali riżultat huwa aċċettabbli, mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, fil-kuntest speċifiku ta’ ċittadinanza tal-Unjoni f’din il-kawża?
135. Eżami ta’ tliet każijiet reċenti juri li jekk inkomplu napplikaw dak l-approċċ tradizzjonali u distakkat, jistgħu jinħolqu riżultati pjuttost imprevedibbli (104) .
136. B’riżultat tas-sentenza Carpenter (105), persuna li taħdem għal rasha li jkollha klijenti fi Stati Membri oħrajn tista’ tagħti dritt derivattiv ta’ residenza lill-konjuġi tagħha li jkun jew tkun ċittadin ta’ pajjiż terz, fl-interess li jiġi protett id-dritt għall-ħajja tal-familja. Jekk l-istess persuna li taħdem għal rasha jkollha klijenti biss fl-Istat Membru tagħha, id-dritt tal-Unjoni Ewropea huwa irrilevanti. Iżda llum il-ġurnata, u preċiżament minħabba s-suċċess tas-suq intern, huwa problematiku li ssir distinzjoni daqstant netta bejn persuni li jaħdmu għal rashom b’interessi fi Stat Membru ieħor u persuni li jaħdmu għal rashom b’interessi biss fl-Istat Membru tagħhom. P. Carpenter minn żmien għal żmien kien jivvjaġġa lejn Stati Membri oħrajn biex ibiegħ riklami f’ġurnali. X’kienet tkun is-sitwazzjoni kieku huwa ma kienx ivvjaġġa fiżikament iżda xorta waħda pprovda servizzi okkażjonali lil klijenti fi Stati Membri, permezz tat-telefon jew tal-internet? U kieku l-klijenti tiegħu okkażjonalment kienu jinkludu sussidjarji, fir-Renju Unit, ta’ kumpanniji prinċipali Ġermaniżi jew Franċiżi? Jew kieku, f’okkażjoni waħda, huwa biegħ spazju ta’ riklamar f’ġurnal wieħed lil klijent wieħed li ma kienx ibbażat esklużivament fir-Renju Unit?
137. Fil-Kawża Zhu u Chen (106), omm Catherine Chen, li kienet Ċiniża, saret intitolata għal dritt derivattiv ta’ residenza b’riżultat taċ-ċittadinanza Irlandiża ta’ bintha, li ġiet akkwistata permezz tal-applikazzjoni tar-regola extraterritorjali li dak iż-żmien kienet tifforma parti mil-liġi taċ-ċittadinanza ta’ dak l-Istat Membru. Il-“moviment” kollu f’dik il-kawża seħħ minn naħa għall-oħra ta’ St George’s Channel, bejn l-Ingilterra u l-Irlanda ta’ Fuq, fi ħdan l-istess u l-uniku Stat Membru (ir-Renju Unit). Madankollu, kien hemm konnessjoni suffiċjenti mad-dritt tal-Unjoni Ewropea biex l-omm u bintha jkunu jistgħu t-tnejn li huma jasserixxu drittijiet ta’ residenza fir-Renju Unit. Dan seta’ jseħħ biss bl-arranġament biex Catherine Zhu titwieled fl-Irlanda ta’ Fuq. Iżda għandha tkun kwistjoni ta’ xorti kkundizzjonata bl-istorja (ir-regola extraterritorjali fil-liġi taċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru wieħed) li tirregola jekk wieħed jistax jibbaża fuq id-dritt tal-Unjoni Ewropea f’tali ċirkustanzi? Dan huwa eżitu raġonevoli f’termini ta’ ċertezza legali u trattament ugwali għaċ-ċittadini tal-Unjoni?
138. Id-deċiżjoni reċenti fil-Kawża Metock turi l-inċertezza – u d-diskriminazzjoni konsegwenti – b’mod ċar. Fl-2003, l-Awla Manja ddeċidiet fil-Kawża Akrich li “sabiex ikun jista’ jibbenefika, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, mid-drittijiet previsti fl-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1612/68, [Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68, tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitoli 5, Vol. 1, p. 15)], iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, li huwa l-konjuġi ta’ ċittadin ta’ l-Unjoni, għandu jirresjedi legalment fi Stat Membru meta huwa jmur fi Stat Membru li fih iċ-ċittadin ta’ l-Unjoni qiegħed jemigra jew emigra” (107) . Ħames snin wara, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fid-dawl tas-sentenzi MRAX (108) u Il-Kummissjoni vs Spanja (109), is-sentenza Akrich kellha tiġi kkunsidrata mill-ġdid. U hekk ġara: minn dak iż-żmien, il-benefiċċju tal-istess drittijiet li kienu inkwistjoni fil-Kawża Akrich ma jistax issa jiddependi fuq ir-residenza leċita preċedenti ta’ konjuġi li jkun ċittadin ta’ pajjiż terz fi Stat Membru ieħor. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja kompliet tagħmel distinzjoni bejn ċittadini tal-Unjoni li kienu diġà eżerċitaw drittijiet ta’ moviment liberu u dawk li ma kinux, waqt li fakkret fi ftit kliem li l-Istati Membri huma lkoll firmatarji tal-KEDB u li l-Artikolu 8 tal-KEDB jipproteġi d-dritt għall-ħajja tal-familja (110) . Ċittadini tal-Unjoni “statiċi” b’hekk xorta waħda tħallew ibatu l-konsegwenzi potenzjali ta’ diskriminazzjoni inversa minkejja li d-drittijiet ta’ ċittadini tal-Unjoni “mobbli” ġew estiżi b’mod sinjifikattiv.
B – Proposta
139. Fil-fehma tiegħi, hemm diffikultajiet kunsiderevoli fil-mod kif taħsibha l-Qorti tal-Ġustizzja preżentament. Għalhekk nemmen li wasal iż-żmien sabiex issir stedina lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tindirizza apertament il-kwistjoni tad-diskriminazzjoni inversa. L-argumenti li ser nippreżenta jsegwu r-raġunament li pproponejt fil-Kawża Il-Gvern tal-Komunità Franċiża u Il-Gvern tal-Vallonja ; iżda ser nażżarda nissuġġerixxi – fil-kuntest speċifiku ta’ każijiet li jinvolvu drittijiet ta’ ċittadinanza taħt l-Artikolu 21 TFUE – kriterji li jistgħu jintużaw biex jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 18 TFUE stess jistax jintuża biex tiġi ribattuta tali diskriminazzjoni.
140. Bidla radikali fil-ġurisprudenza kollha dwar id-diskriminazzjoni inversa ma hijiex ser isseħħ mil-lum għall-għada. Dan, fil-fatt, ma huwiex dak li qed nipproponi. Is-suġġerimenti tiegħi huma ristretti għal każijiet li jinvolvu ċ-ċittadinanza tal-Unjoni. Huwa f’dan il-qasam li r-riżultati tal-ġurisprudenza preżenti qed jagħmlu l-iktar ħsara ċara; u fejn aktarx li l-bidla hija meħtieġa l-iktar.
141. Il-kawżi li għadni kemm iddiskutejt – Carpenter, Zhu u Chen u Metock – ilkoll jikkondividu żewġ karatteristiċi. Dawn joħolqu inċertezza ġuridika f’qasam delikat kemm tad-dritt tal-Unjoni Ewropea kif ukoll tad-dritt nazzjonali, u huma kawżi fejn il-Qorti tal-Ġustizzja għażlet interpretazzjoni ġeneruża tal-Artikolu 21 TFUE sabiex tipproteġi drittijiet fundamentali. Sabiex tilħaq bilanċ bejn iċ-ċertezza ġuridika u l-protezzjoni ta’ drittijiet fundamentali, il-Qorti tal-Ġustizzja b’hekk konsistentement tat preċedenza lil din tal-aħħar. Ir-raġunament tagħha jaqbel sew mad-dikjarazzjoni fundamentali preċedenti tagħha li ċ-ċittadinanza tal-Unjoni “hija intiża sabiex tkun l-istat fundamentali taċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri” (111) .
142. Madankollu, l-inċertezza maħluqa mill-ġurisprudenza ma hijiex ideali. Allura f’liema direzzjoni għandha tmur il-Qorti tal-Ġustizzja issa?
143. Minn naħa waħda, huwa meħtieġ li tiġi evitata t-tentazzjoni li l-Artikolu 21 TFUE jiġi “mġebbed” sabiex jestendi l-protezzjoni għal dawk li ma jirnexxilhomx jikkwalifikaw “bi ftit”. Għandu jkun hemm limitu għal kull regola li tagħti intitolament. Jekk ma jkunx hemm tali limitu, ir-regola ma tkunx tista’ tiġi ddeċifrata u ħadd ma jkun jista’ jgħid b’ċertezza min ser igawdi l-benefiċċju li tagħti, u min le. Dan ma huwiex fl-interessi tal-Istati Membri jew taċ-ċittadin, u jimmina l-awtorità tal-Qorti tal-Ġustizzja. Min-naħa l-oħra, jekk l-Artikolu 21 TFUE jiġi interpretat b’mod wisq restrittiv, jinħoloq numru ferm akbar ta’ sitwazzjonijiet ta’ diskriminazzjoni inversa u dawn ikollhom jiġu solvuti mill-Istati Membri. Lanqas dan ma jidher li huwa eżitu wisq sodisfaċenti.
144. Għaldaqstant nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja li l-Artikolu 18 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprojbixxi d-diskriminazzjoni inversa kkawżata mill-interazzjoni bejn l-Artikolu 21 TFUE u d-dritt nazzjonali li twassal għal ksur ta’ dritt fundamentali protett taħt id-dritt tal-Unjoni Ewropea, fejn ta’ mill-inqas protezzjoni ekwivalenti ma tkunx disponibbli taħt id-dritt nazzjonali.
145. Jekk jiġi segwit tali approċċ, l-Artikolu 18 TFUE jiskatta biss meta (iżda biss meta) jiġu sodisfatti tliet kundizzjonijiet kumulattivi.
146. Fl-ewwel lok, ir-rikorrent irid ikun ċittadin tal-Unjoni residenti fl-Istat Membru taċ-ċittadinanza tiegħu li ma jkunx eżerċita drittijiet ta’ moviment liberu taħt it-TFUE (kemm jekk dritt klassiku ekonomiku ta’ moviment liberu jew moviment liberu taħt l-Artikolu 21 TFUE), iżda li s-sitwazzjoni tiegħu tkun komparabbli, f’aspetti materjali oħra, għal dik ta’ ċittadini oħrajn tal-Unjoni fl-istess Stat Membru li jkunu jistgħu jinvokaw drittijiet taħt l-Artikolu 21 TFUE. B’hekk, id-diskriminazzjoni inversa li dwarha jsir ilment ikollha tkun ikkawżata mill-fatt li l-persuni komparabbli (ċittadini oħrajn tal-Unjoni) kienu kapaċi jasserixxu drittijiet taħt l-Artikolu 21 TFUE waqt li ċittadin “statiku” tal-Unjoni li jgħix fl-Istat Membru taċ-ċittadinanza tiegħu ma kienx kapaċi prima facie jibbaża fuq id-dritt nazzjonali għal tali protezzjoni.
147. Fit-tieni lok, id-diskriminazzjoni inversa li dwarha sar ilment ikollha tinvolvi ksur ta’ dritt fundamentali protett taħt id-dritt tal-Unjoni Ewropea. Mhux kull każ minuri ta’ diskriminazzjoni inversa jaqa’ taħt l-Artikolu 18 TFUE. Dak li jikkostitwixxi “ksur ta’ dritt fundamentali” jkollu jiġi ddefinit fejn possibbli b’riferiment għall-ġurisprudenza tal-qorti ta’ Strasbourg (112) . Meta d-diskriminazzjoni inversa twassal għal riżultat li jitqies li huwa ksur ta’ dritt protett mill-qorti ta’ Strasbourg, bl-istess mod jitqies bħala ksur ta’ dritt protett mill-Qorti tal-Ġustizzja. B’hekk, id-dritt tal-Unjoni Ewropea jassumi responsabbiltà biex jiġu rrimedjati l-konsegwenzi ta’ diskriminazzjoni inversa bil-maqlub kkawżata mill-interazzjoni bejn id-dritt tal-Unjoni Ewropea u d-dritt nazzjonali meta (iżda biss meta) dawk il-konsegwenzi jkunu inkonsistenti mal-instandards minimi ta’ protezzjoni stabbiliti mill-KEDB. Billi tiggarantixxi b’dan il-mod, f’dawn iċ-ċirkustanzi, protezzjoni effettiva ta’ drittijiet fundamentali għall-istandards minimi ta’ “Strasbourg”, il-Qorti tal-Ġustizzja tkun qed tantiċipa parzjalment ir-rekwiżiti li jistgħu jirriżultaw mill-adeżjoni ppjanata tal-Unjoni Ewropea mal-KEDB. Tali żvilupp jista’ biss isaħħaħ l-ispirtu eżistenti ta’ kooperazzjoni u fiduċja reċiproka bejn iż-żewġ ġurisdizzjonijiet (113) .
148. Fit-tielet lok, l-Artikolu 18 TFUE jkun disponibbli biss bħala rimedju sussidjarju, limitat għal sitwazzjonijiet fejn id-dritt nazzjonali ma jagħtix protezzjoni adegwata lid-drittijiet fundamentali. Id-dritt tal-Unjoni Ewropea għandu storja estensiva ta’ għoti ta’ protezzjoni li huwa ta’ natura sussidjarja. B’hekk, il-prinċipji ta’ effettività (114) u ta’ ekwivalenza (115), id-dritt għal protezzjoni legali effettiva (116) u l-prinċipju ta’ responsabbiltà tal-Istat għal ksur tad-dritt tal-Unjoni Ewropea (117) huma lkoll strumenti li jsiru operattivi biss meta jirriżulta li r-regoli nazzjonali huma inadegwati. Din il-kundizzjoni finali sservi biex jinżamm bilanċ xieraq bejn l-awtonomija tal-Istat Membru u l-“effet utile” tad-dritt tal-Unjoni Ewropea (118) . Hija tiżgura li l-protezzjoni sussidjarja taħt id-dritt tal-Unjoni Ewropea tikkumplimenta d-dritt nazzjonali iktar milli tinjora dan l-aħħar dritt. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina (a) jekk xi protezzjoni kinitx disponibbli taħt id-dritt nazzjonali u (b) jekk il-protezzjoni kienet fil-fatt disponibbli, jekk dik il-protezzjoni kinitx (jew le) ta’ mill-inqas ekwivalenti għall-protezzjoni disponibbli taħt id-dritt tal-Unjoni Ewropea.
149. Matul is-seduta, il-konsulent legali ta’ G. Ruiz Zambrano indika li l-Conseil d’État u l-Cour Constitutionnelle Belġjani dan l-aħħar taw sentenza dwar diskriminazzjoni inversa mġarrba minn ċittadin ta’ Stat terz f’sitwazzjoni komparabbli għal dik tal-klijent tiegħu (119) . Naturalment, hija totalment il-qorti nazzjonali li għandha tistabbilixxi jekk, f’din il-kawża, G. Ruiz Zambrano jistax jikseb il-protezzjoni neċessarja mid-dritt nazzjonali, mingħajr ma jirrikorri għall-Artikolu 18 TFUE. Skont il-proposta tiegħi, jibqa’ f’idejn il-qorti nazzjonali sabiex tapplika t-tliet kriterji kumulattivi li nissuġġerixxi; u biex tippermetti li jiġi invokat id-dritt tal-Unjoni Ewropea sabiex tiġi evitata diskriminazzjoni inversa biss meta jiġu sodisfatti dawn il-kriterji.
150. Għaldaqstant nissuġġerixxi li r-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 18 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprojbixxi diskriminazzjoni inversa kkawżata minn interazzjoni bejn l-Artikolu 21 TFUE u d-dritt nazzjonali li tikkostitwixxi ksur ta’ dritt fundamentali protett taħt id-dritt tal-UE, meta ta’ mill-inqas protezzjoni ekwivalenti ma tkunx disponibbli taħt id-dritt nazzjonali.
IX – It-tielet domanda – Drittijiet fundamentali
151. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li kemm l-ewwel kif ukoll it-tieni domanda (kif ippreżentati hawn fuq) għandhom jingħataw risposta li ma tgħinx lil G. Ruiz Zambrano, ikun neċessarju li nduru għat-tielet domanda. Jista’ jibbaża fuq id-dritt fundamentali tal-Unjoni Ewropea għall-ħajja tal-familja indipendentement minn kwalunkwe dispożizzjoni oħra tad-dritt tal-Unjoni Ewropea?
152. Din tqajjem kwistjoni ta’ prinċipju importanti ħafna: x’inhu l-kamp ta’ applikazzjoni tad-drittijiet fundamentali taħt id-dritt tal-Unjoni Ewropea? Jistgħu jiġu invokati bħala drittijiet awtonomi kontra Stat Membru? Jew għandu jkun hemm xi konnessjoni oħra mad-dritt tal-Unjoni Ewropea? Ma huwiex neċessarju li nelaboraw iktar dwar is-sinjifikat potenzjali tar-risposta għal din id-domanda.
153. Il-Qorti tal-Ġustizzja stess, ma għandniex xi ngħidu, kienet responsabbli għar-rikonoxximent bikri ta’ prinċipji fundamentali tad-dritt u ta’ drittijiet fundamentali fi ħdan is-sistema ġuridika tal-Unjoni Ewropea (120) . Fl-1992, it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea inkorpora l-frott ta’ din il-ġurisprudenza fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, billi stabbilixxa (fl-Artikolu 6 TUE) l-obbligu tal-Unjoni li tirrispetta drittijiet fundamentali.
154. Matul is-snin ta’ wara, l-Unjoni Ewropea saħħet il-politika tagħha dwar id-drittijiet fundamentali permezz (pereżempju) tat-twaqqif ta’ Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali (121), il-ħolqien ta’ portafoll indipendenti fi ħdan il-Kummissjoni responsabbli għad-drittijiet fundamentali (122), l-appoġġ għal proġetti umanitarji madwar id-dinja (123) u t-trasformazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li ġiet ipproklamata għall-ewwel darba fl-2000, li minn test mhux vinkolanti sar dritt primarju (124) . Id-drittijiet fundamentali b’hekk saru element ċentrali fl-iżvilupp tal-Unjoni bħala proċess ta’ integrazzjoni ekonomika, legali u soċjali mmirata lejn il-ħolqien ta’ paċi u ġid għaċ-ċittadini tagħha kollha.
155. Naturalment, huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex, bħala tali, “qorti tad-drittijiet tal-bniedem”. Madankollu, bħala l-interpretu suprem tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha responsabbiltà permanenti li tiżgura li dawn id-drittijiet jiġu rrispettati fl-isfera tal-kompetenza tal-Unjoni. Fil-fatt, fis-sentenza Bosphorus (125), il-qorti ta’ Strasbourg indikat li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandha rwol essenzjali x’tiżvolġi biex jiġu ssalvagwardati drittijiet derivati mill-KEDB u l-protokolli assoċjati tagħha kif japplikaw għal kwistjonijiet irregolati mid-dritt tal-Unjoni Ewropea – funzjoni li tista’ tassumi sinjifikat akbar hekk kif u meta l-Unjoni Ewropea taderixxi mal-KEDB (126) . Għal din ir-raġuni, huwa essenzjali li l-Qorti tal-Ġustizzja tiżgura li hija tinterpreta t-Trattati b’mod li jirrifletti, b’mod koerenti, l-irwol u s-sinjifikat attwali tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
A – Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea
156. Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea jistgħu jiġu invokati meta (u biss meta) il-miżura kkontestata taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea (127) . Il-miżuri kollha li jiddaħħlu mill-istituzzjonijiet b’hekk huma suġġetti għal skrutinju tal-konformità tagħhom mad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea. L-istess japplika għal atti tal-Istati Membri meħuda fl-implementazzjoni ta’ obbligi taħt id-dritt tal-Unjoni Ewropea jew, b’mod iktar ġenerali, li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea (128) . Dan l-aspett huwa ovvjament delikat (129), peress li jieħu l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea fl-isfera ta’ kull Stat Membru, fejn teżisti flimkien mal-istandards tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali stabbiliti fid-dritt nazzjonali jew fil-KEDB. Il-kwistjonijiet riżultanti li jinqalgħu fir-rigward tas-sovrapożizzjonijiet bejn il-livelli ta’ protezzjoni taħt id-diversi sistemi (id-dritt tal-Unjoni Ewropea, id-dritt kostituzzjonali nazzjonali u l-KEDB) u l-livell ta’ protezzjoni ta’ drittijiet fundamentali ggarantita mid-dritt tal-Unjoni Ewropea huma magħrufa sew (130), u mhux ser nesplorahom ulterjorment hawnhekk.
157. Il-Qorti tal-Ġustizzja żviluppat ġurisprudenza vasta li tikkonferma d-dikjarazzjoni inizzjali tagħha fis-sentenza Wachauf (131) li “r-rekwiżiti [tad-drittijiet fundamentali] huma vinkolanti wkoll fuq l-Istati Membri meta jimplimentaw ir-regoli [tal-Unjoni Ewropea]” B’mod sinjifikattiv, ġie deċiż li dik ir-regola tapplika wkoll meta Stat Membru jidderoga minn libertà ekonomika fundamentali ggarantita taħt id-dritt tal-Unjoni Ewropea (132) . Fis-sentenza Carpenter (133), il-Qorti tal-Ġustizzja marret lil hinn: waqt li bniet fuq il-ġurisprudenza dwar il-“cold-calling” [riklamar bit-telefon mingħajr il-kunsens ta’ min jirċievi t-telefonata] fil-Kawża Alpine Investments (134) sabiex tipproteġi d-drittijiet fundamentali ta’ ċittadin tal-Unjoni Ewropea (P. Carpenter) li kien jgħix fl-Istat Membru tiegħu stess iżda kien jipprovdi servizzi minn żmien għal żmien lil destinatarji li jinsabu fi Stati Membri oħrajn. Ir-rikonoxximent tal-fatt li d-deportazzjoni ta’ M. Carpenter kienet ser tkun interferenza sproporzjonata mad-dritt ta’ P. Carpenter għall-ħajja tal-familja kellu l-effett li M. Carpenter – ċittadina ta’ pajjiż terz li ma setgħetx possibbilment teżerċita drittijiet ta’ moviment liberu tal-Unjoni Ewropea – tingħata dritt ta’ residenza.
158. Il-Qorti tal-Ġustizzja, madankollu, applikat limiti għall-kamp ta’ applikazzjoni tal-Unjoni Ewropea – speċifikament, fir-rigward ta’ sitwazzjonijiet li fil-fehma tagħha kienu jaqgħu ’l barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea.
159. B’hekk, fil-Kawża Maurin (135) il-konvenut ġie akkużat li kien biegħ prodotti wara li kienet skadiet id-data “sa meta għandhom jintużaw”. Huwa allega li d-drittijiet tad-difiża tiegħu kienu ġew miksura matul il-kawża nazzjonali. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrimarkat li għalkemm kien hemm direttiva li teħtieġ li l-prodotti għandhom jindikaw data “sa meta għandhom jinbiegħu”, id-direttiva ma kinitx tirregola l-bejgħ ta’ prodotti tal-ikel ittikkettjati kif suppost li d-data tagħhom “sa meta għandhom jintużaw” tkun skadiet. Konsegwentement, il-kontravvenzjoni li biha ġie mixli J.L. Maurin “kienet tinvolvi leġiżlazzjoni li taqa’ l-barra mill-kamp ta’ applikazzjoni [...] tad-dritt tal-[Unjoni Ewropea] [...], hekk li l-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk [ma kellhiex] ġurisdizzjoni biex tiddetermina jekk ir-regoli proċedurali applikabbli għal tali kontravvenzjoni kinux jammontaw għal ksur tal-prinċipji dwar l-osservanza tad-drittijiet tad-difiża u l-prinċipju tal-kontradittorju fil-proċeduri” (136) .
160. Bl-istess mod fil-Kawża Kremzow (137), il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-allegazzjonijiet ta’ ċittadin Awstrijak li kien instab ħati fl-Awstrija, iżda li l-appell tiegħu kien nstab mill-qorti ta’ Strasbourg li kien sar bi ksur tad-dritt għal smigħ xieraq taħt l-Artikolu 6 tal-KEDB. F. Kremzow talab kumpens u allega wkoll li d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu taħt id-dritt tal-Unjoni Ewropea kien inkiser bħala riżultat tad-detenzjoni illegali tiegħu. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma qablitx ma’ dan l-approċċ, u ddikjarat li “waqt li kull deprivazzjoni tal-libertà tista’ timpedixxi lill-persuna kkonċernata milli teżerċita d-dritt tagħha għal moviment liberu, […] prospett purament ipotetiku li wieħed jeżerċita dak id-dritt ma jistabbilixxix konnessjoni suffiċjenti mad-dritt [tal-Unjoni Ewropea] biex tiġi ġġustifikata l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet [tal-Unjoni Ewropea]” (138) .
161. Madankollu, is-sentenza Kremzow tagħti finitura importanti lill-ġurisprudenza preċedenti. Wara li kkonfermat in-natura ipotetika tat-talba, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li peress li “Kremzow kien ingħata sentenza għal omiċidju u l-pussess illegali ta’ arma tan-nar taħt dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li ma kinux intiżi biex jiżguraw konformità ma’ regoli tad-dritt [tal-Unjoni Ewropea], [b’hekk isegwi] li l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli fil-kawża prinċipali hija relatata ma’ sitwazzjoni li ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt [tal-Unjoni Ewropea]” (139) . A contrario , jidher li jsegwi li konnessjoni rilevanti mad-dritt tal-Unjoni Ewropea setgħet ġiet ikkonstatata kieku r-reati kellhom konnessjoni ma’ qasam tal-politika tal-UE (pereżempju, kieku nħalqu biex tiġi żgurata konformità ma’ għan tad-dritt tal-Unjoni Ewropea stabbilit f’leġiżlazzjoni sekondarja tal-UE) (140) .
162. Il-qasam speċifiku tad-dritt involut u l-portata tal-kompetenza tal-Unjoni Ewropea f’dak il-qasam tad-dritt huma ta’ rilevanza għall-kwistjoni tad-drittijiet fundamentali? Jidher li din hija domanda importanti. Ir-rieda li tiġi promossa protezzjoni xierqa tad-drittijiet fundamentali ma għandhiex twassal għal użurpazzjoni tal-kompetenza. Sakemm is-setgħat tal-Unjoni Ewropea jibqgħu bbażati fuq il-prinċipju tal-attribuzzjoni, id-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea jridu josservaw il-limiti ta’ dik l-attribuzzjoni (141) .
163. It-trasparenza u ċ-ċarezza jeħtieġu li wieħed ikun jista’ jidentifika b’ċertezza xi jfisser “il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni” għall-finijiet tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-UE. Jidhirli li, fuq medda ta’ żmien twil, l-iktar regola ċara tkun waħda fejn id-disponibbiltà tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea la tkun tiddependi fuq jekk dispożizzjoni tat-Trattat tkunx direttament applikabbli u lanqas fuq jekk tkunx iddaħħlet leġiżlazzjoni sekondarja, iżda fuq l-eżistenza u l-portata tal-kompetenza materjali tal-UE. Fi kliem ieħor, ir-regola għandha tkun li, ġaladarba l-Unjoni Ewropea jkollha kompetenza (kemm jekk esklużiva kif ukoll jekk kondiviża) f’qasam partikolari tad-dritt, id-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandhom jipproteġu liċ-ċittadin tal-Unjoni Ewropea anki jekk dik il-kompetenza tkun għadha ma ġietx eżerċitata .
164. Għalfejn qed nagħmel dan is-suġġeriment?
165. L-Istati Membri taw kompetenzi lill-Unjoni Ewropea li jippermettulha tadotta miżuri li jieħdu preċedenza fuq id-dritt nazzjonali u li jista’ jkollhom effett dirett. Konsegwentement, ġaladarba jkunu ngħataw dawk il-kompetenzi l-Unjoni Ewropea għandu jkollha kemm il-kompetenza kif ukoll ir-responsabbiltà biex tiggarantixxi drittijiet fundamentali, indipendentement minn jekk dawk is-setgħat fil-fatt ikunux ġew eżerċitati. L-Unjoni Ewropea “hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem” (142) . Dik il-garanzija li tinsab fit-Trattat ma għandhiex tkun marbuta mal-kundizzjoni li attwalment tiġi eżerċitata l-kompetenza leġiżlattiva. F’Unjoni Ewropea bbażata fuq id-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt, il-protezzjoni ma għandhiex tiddependi mill-inizjattiva leġiżlattiva tal-istituzzjonijiet u mill-proċess politiku. Tali protezzjoni kontinġenti tad-drittijiet tmur kontra l-mod kif id-demokraziji kontemporanji jilleġittimaw l-awtorità tal-Istat (143) .
166. Tali approċċ ikollu numru ta’ vantaġġi.
167. Fl-ewwel lok, jevita l-ħtieġa li jinħolqu jew jiġu promossi “konnessjonijiet mad-dritt tal-Unjoni” fittizji jew ipotetiċi tat-tip li, fil-passat, xi kultant ħolqu konfużjoni u possibbilment ġebbdu l-portata tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat. Persuna li tkun eżerċitat drittijiet ta’ moviment liberu ma jkollhiex għalfejn ġġib prova ta’ xi konnessjoni bejn id-dritt fundamentali invokat sussegwentement u li jiffaċilita dak il-moviment liberu (144) . Persuna li tkun għadha ma invokatx tali drittijiet ma jkollhiex għalfejn tagħmel dan sabiex toħloq iċ-ċirkustanzi li fihom hija tkun tista’ tibbenefika mill-protezzjoni ta’ drittijiet fundamentali (145) (il-libertà ta’ moviment biex wieħed jirċievi servizzi hija, forsi, l-eħfef mill-erba’ libertajiet li tista’ tiġi sfruttata f’dan ir-rigward). Id-diskriminazzjoni inversa kontra ċittadini ta’ Stat Membru kkawżata mill-protezzjoni ta’ drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea mogħtija liċ-ċittadini l-oħrajn tal-Unjoni Ewropea u kompatrijotti li kienu eżerċitaw drittijiet ta’ moviment liberu ma tibqax teżisti (146) . Fil-futur, ma jkun hemm ebda diskrepanza (fir-rigward tal-protezzjoni ta’ drittijiet fundamentali tal-UE) bejn politiki armonizzati totalment u dawk armonizzati parzjalment. F’termini ta’ ċertezza ġuridika, it-titjib ikun sinjifikattiv.
168. Fit-tieni lok, tali approċċ iżomm lill-Unjoni Ewropea fi ħdan il-konfini tas-setgħat tagħha. Il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali taħt id-dritt tal-Unjoni Ewropea jkun rilevanti biss meta ċ-ċirkustanzi li jwasslu għall-invokazzjoni tiegħu jkunu jaqgħu fi ħdan qasam ta’ kompetenza esklużiva jew kondiviża tal-Unjoni Ewropea (147) . It-tip ta’ kompetenza involuta jkun ta’ rilevanza għall-għan li tiġi ddefinita l-portata proprja tal-protezzjoni. Fil-każ ta’ kompetenza kondiviża, il-loġika proprja wara l-kondiviżjoni tal-kompetenza għandha tendenza li timplika li l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali taħt id-dritt tal-Unjoni Ewropea tkun kumplimentari għal dik ipprovduta mid-dritt nazzjonali (148) . (Din tirrifletti l-approċċ li ssuġġerejt iktar ’il fuq fir-rigward tad-diskriminazzjoni inversa.)
169. Fit-tielet lok, jekk id-drittijiet fundamentali taħt id-dritt tal-Unjoni Ewropea jkunu magħrufa li huma ggarantiti fl-oqsma kollha ta’ kompetenza kondiviża jew esklużiva tal-Unjoni, l-Istati Membri jistgħu jkunu mħeġġa li jimxu ’l quddiem b’leġiżlazzjoni sekondarja ddettaljata f’ċerti oqsma ta’ sensittività partikolari (bħal-liġi dwar l-immigrazzjoni jew il-liġi kriminali), li tkun tinkludi definizzjoni xierqa tal-portata eżatta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea, iktar milli jħallu f’idejn il-Qorti tal-Ġustizzja biex issolvi problemi ta’ drittijiet fundamentali fuq bażi ad hoc , kif u meta tinqala’ litigazzjoni dwarhom.
170. Fir-raba’ lok, tali definizzjoni tal-portata tal-applikazzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea tkun koerenti mal-implikazzjonijiet sħaħ taċ-ċittadinanza tal-Unjoni, li hija “intiża sabiex tkun l-istat fundamentali taċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri” (149) . Tali stat ma huwiex konsistenti mal-kunċett li l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali hija parzjali u fframmentata; li tiddependi fuq jekk xi dispożizzjoni sostantiva rilevanti għandhiex effett dirett jew jekk il-Kunsill u l-Parlament Ewropew eżerċitawx setgħat leġiżlattivi. Fuq medda ta’ żmien twil, hija biss il-protezzjoni konsistenti tad-drittijiet fundamentali taħt id-dritt tal-Unjoni Ewropea fl-oqsma kollha ta’ kompetenza esklużiva jew kondiviża tal-Unjoni Ewropea li hija kompatibbli mal-kunċett ta’ ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea.
171. Minkejja dawn il-vantaġġi sinjifikattivi, ma jidhirlix li tali pass jista’ jittieħed unilateralment mill-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża.
172. Jekk l-applikazzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea tkun tiddependi unikament fuq l-eżistenza ta’ kompetenza esklużiva jew kondiviża tal-Unjoni Ewropea, dan ikun jinvolvi l-introduzzjoni ta’ element wisq federali fl-istruttura tas-sistema ġuridika u politika tal-Unjoni Ewropea. Fi kliem sempliċi, bidla ta’ dak it-tip tkun analoga għal dik li seħħet fid-dritt kostituzzjonali tal-Istati Uniti wara d-deċiżjoni f’Gitlow vs New York (150), meta l-Qorti Suprema tal-Istati Uniti estendiet il-portata ta’ bosta drittijiet stabbiliti fl-Ewwel Emenda tal-Kostituzzjoni għall-istati individwali. Il-ġurisprudenza ta’ “inkorporazzjoni”, li sa minn dak iż-żmien ’il hawn hija bbażata fuq il-klawsola ta’ “proċess ġust” (“due process”) fl-Erbatax-il Emenda, ma tirrikjedix moviment bejn stat u ieħor jew atti leġiżlattivi mill-Kungress. Skont il-Qorti Suprema, ċerti drittijiet fundamentali huma tant fundamentali li huma “fost id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali personali protetti mill-klawsola tal-proċess ġust […] minn ksur għalihom kkawżat mill-istati” (151) .
173. L-effett ta’ federalizzazzjoni tad-duttrina ta’ inkorporazzjoni Amerikana huwa magħruf sew. Bidla ta’ dak it-tip tbiddel, f’termini ġuridiċi u politiċi, in-natura stessa tad-drittijiet fundamentali taħt id-dritt tal-Unjoni Ewropea. Din għaldaqstant tirrikjedi kemm żvilupp fil-ġurisprudenza kif ukoll dikjarazzjoni politika inekwivoka mill-poteri kostitwenti tal-Unjoni Ewropea (l-Istati Membri tagħha), li tindika rwol ġdid għad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea.
174. Għall-finijiet ta’ din il-kawża, il-punt rilevanti fiż-żmien huwa t-twelid tat-tieni wild ta’ G. Ruiz Zambrano, Diego, fl-1 ta’ Settembru 2003. Huwa dak l-avveniment (id-dħul fix-xena ta’ ċittadin tal-Unjoni) li – jekk għandu raġun G. Ruiz Zambrano – kien imissu wassal lill-awtoritajiet Belġjani biex jaċċettaw illi huwa kellu drittijiet derivattivi ta’ residenza u biex jittrattaw it-talba tiegħu għall-benefiċċju tal-qgħad b’mod korrispondenti.
175. F’dak l-istadju, it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea kien baqa’ essenzjalment l-istess sa minn Maastricht. Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddikjarat b’mod ċar fl-Opinjoni 2/94 li l-Komunità Ewropea, f’dak il-punt, ma kellha ebda setgħat biex tirratifika l-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (152) . Il-Karta kienet għadha liġi mhux vinkolanti, b’ebda effett dirett jew rikonoxximent mit-Trattat. It-Trattat ta’ Lisbona kien għadu lanqas ma deher fuq ix-xefaq. F’dan l-isfond, sempliċement jidhirli li l-iżvilupp kostituzzjonali neċessarju fis-sisien tal-Unjoni Ewropea, li tiġġustifika d-dikjarazzjoni li d-drittijiet fundamentali taħt id-dritt tal-Unjoni Ewropea setgħu jiġu invokati indipendentement bħala drittijiet awtonomi, kienet għadha ma seħħitx.
176. Għaldaqstant nikkonkludi, b’risposta għall-aħħar waħda mid-domandi li fformulajt mill-ġdid, li, fiż-żmien tal-fatti rilevanti, id-dritt fundamentali għall-ħajja tal-familja taħt id-dritt tal-Unjoni Ewropea ma setax jiġi invokat bħala dritt awtonomu, indipendentement minn kwalunkwe konnessjoni oħra mad-dritt tal-Unjoni Ewropea, la minn ċittadin ta’ stat terz u lanqas minn ċittadin tal-Unjoni, kemm fit-territorju tal-Istat Membru taċ-ċittadinanza ta’ dak iċ-ċittadin jew fi bnadi oħra fit-territorju tal-Istati Membri.
177. Bir-risposta li qed nipproponi, qed naċċetta li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tantiċipa bidla b’mod evidenti f’din il-kawża. Madankollu, nissuġġerixxi li (illum qabel għada) il-Qorti tal-Ġustizzja ser ikollha tagħżel bejn li tlaħħaq ma’ sitwazzjoni li qed tiżviluppa jew li taqa’ lura wara żviluppi leġiżlattivi u politiċi li diġà seħħew. F’xi punt, il-Qorti tal-Ġustizzja aktarx ser ikollha tittratta kawża – wieħed jissuspetta, rinviju minn qorti nazzjonali – li tkun teħtieġ li hija tikkonfronta l-kwistjoni dwar jekk l-Unjoni issa tinsabx fil-bidu ta’ bidla kostituzzjonali (kif ipprevediet parzjalment il-Qorti tal-Ġustizzja stess meta tat l-Opinjoni 2/94). Ir-risposta għal dik id-domanda tista’ tiġi posposta għalissa, iżda probabbilment mhux għal żmien fil-bogħod ħafna.
X – Konklużjoni
178. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, jiena tal-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi għad-domandi magħmula mit-Tribunal du travail de Bruxelles skont kif ġej:
– L-Artikoli 20 u 21 TFUE (li qabel kienu l-Artikoli 17 u 18 KE) għandhom jiġu interpretati fis-sens li jagħtu dritt ta’ residenza fit-territorju tal-Istati Membri, ibbażat fuq iċ-ċittadinanza tal-Unjoni, li huwa indipendenti mid-dritt ta’ moviment bejn l-Istati Membri. Dawn id-dispożizzjonijiet ma jipprekludux lil Stat Membru milli jirrifjuta li jagħti dritt derivattiv ta’ residenza lil axxendent ta’ ċittadin tal-Unjoni li jkun ċittadin tal-Istat Membru kkonċernat u li jkun għadu ma eżerċitax drittijiet ta’ moviment liberu, sakemm din id-deċiżjoni tikkonforma mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.
– L-Artikolu 18 TFUE (li qabel kien l-Artikolu 12 KE) għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprojbixxi diskriminazzjoni inversa kkawżata minn interazzjoni bejn l-Artikolu 21 TFUE u d-dritt nazzjonali li tikkostitwixxi ksur ta’ dritt fundamentali protett taħt id-dritt tal-Unjoni Ewropea, meta ta’ mill-inqas protezzjoni ekwivalenti ma tkunx disponibbli taħt id-dritt nazzjonali.
– Fiż-żmien rilevanti fil-kawża prinċipali, id-dritt fundamentali għall-ħajja tal-familja taħt id-dritt tal-Unjoni Ewropea ma setax jiġi invokat bħala dritt awtonomu, indipendentement minn kwalunkwe konnessjoni oħra mad-dritt tal-Unjoni Ewropea, la minn ċittadin ta’ stat terz u lanqas minn ċittadin tal-Unjoni, kemm fit-territorju tal-Istat Membru taċ-ċittadinanza ta’ dak iċ-ċittadin kif ukoll fi bnadi oħra fit-territorju tal-Istati Membri.
(1) .
(2) – Nissellef l-espressjoni “Unjoni ta’ dritt” mill-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Dámaso Ruiz-Jarabo Colomer fil-Kawża Petersen (sentenza tal-11 ta’ Settembru 2008, C‑228/07, Ġabra p. I‑6989, punt 32). Wara l-mewt ħesrem u prematura tiegħu fit-12 ta’ Novembru 2009, jiena assumejt ir-responsabbiltà għal dan ir-rinviju. Nixtieq qabel kollox insemmi kemm il-ħidma kif ukoll l-impenn li diġà kien investa f’dan il-każ u, b’mod ġenerali, il-kwalità u l-firxa tal-kontribut tiegħu għal dak li kien għadu, għalih, id-dritt “Komunitarju” u mhux tal-“Unjoni Ewropea”.
(3) – Ipproklamata f’Nice fis-7 ta’ Diċembru 2000 (ĠU C 364, p. 1). Verżjoni aġġornata ġiet approvata mill-Parlament Ewropew fid-29 ta’ Novembru 2007, wara li tneħħew ir-riferimenti għall-Kostituzzjoni Ewropea (ĠU C 303, p. 1).
(4) – Trattat miftuħ għall-iffirmar fid-19 ta’ Diċembru 1966: Nazzjonijiet Uniti, Serje ta’ Trattati, Vol. 999, p. 171 u vol. 1057, p. 407. L-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea huma firmatarji għall-Patt u ebda riżerva ma ddaħħlet għall-Artikolu 17.
(5) – Trattat adottat bir-riżoluzzjoni 44/252 tal-20 ta’ Novembru 1989; Nazzjonijiet Uniti, Serje ta’ Trattati, Vol. 1577, p. 3. L-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea huma firmatarji għall-Patt u ebda riżerva ma ddaħħlet għall-Artikolu 9.1.
(6) – Iffirmat f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 u rratifikat mill-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea. Il-pożizzjoni hija kemxejn iktar ikkumplikata fir-rigward tal-Protokoll 4. Fil-preżent, il-Greċja la ffirmat u lanqas ma rratifikat dan il-Protokoll, waqt li r-Renju Unit iffirmah iżda ma rratifikahx. L-Awstrija, l-Irlanda u l-Pajjiżi l-Baxxi daħħlu riżervi għall-Artikolu 3 fuq punti speċifiċi li ma humiex rilevanti għall-fatti u l-kwistjonijiet ta’ din il-kawża.
(7) – L-applikazzjonijiet l-oħrajn ġew wara t-twelid tat-tieni u t-tielet wild tiegħu: ara iktar ’il quddiem, punt 26.
(8) – Skont il-leġiżlazzjoni Kolombjana rilevanti, tfal li jitwieldu barra t-territorju tal-Kolombja ma jakkwistawx ċittadinanza Kolombjana sakemm ma ssirx dikjarazzjoni espressa f’dan is-sens mal-uffiċjali konsulari rilevanti. Ebda dikjarazzjoni ta’ dan it-tip ma saret fir-rigward ta’ Diego u Jessica Ruiz Moreno.
(9) – Ara l-punt 21 iktar ’il fuq.
(10) – It-tieni sentenza tal-Artikolu 43(1) tad-Digriet Irjali tal-25 ta’ Novembru 1991 u t-tieni sentenza tal-Artikolu 7(14) tad-Digriet Liġi tat-28 ta’ Diċembru 1944.
(11) – Ara, rispettivament, il-punti 24 u 22 iktar ’il fuq.
(12) – L-ewwel sentenza tal-Artikolu 43(1) u l-Artikolu 69(1) tad-Digriet Irjali tal-25 ta’ Novembru 1991 u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 7(14) tad-Digriet Liġi tat-28 ta’ Diċembru 1944.
(13) – Hija ġurisprudenza stabbilita li permess ta’ residenza jikkonferma d-dritt ta’ residenza iktar milli jagħti dak id-dritt: ara s-sentenzi tat-8 ta’ April 1976, Royer (48/75, Ġabra p. 497, punt 50) u tas-17 ta’ Frar 2005, Oulane (C‑215/03, Ġabra p. I‑1215, punt 25).
(14) – Direttiva tal-Kunsill 90/364/KEE, tat-28 ta’ Ġunju 1990, dwar id-dritt ta’ residenza (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 20, Vol. 1, p. 3), issa ssostitwita bid-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46 - 61).
(15) – L-Artikolu 40a tal-Liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980 u l-Artikolu 2 tad-Digriet Irjali tad-9 ta’ Ġunju 1999.
(16) – Ara s-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 1990, Dzodzi (C‑297/88 u C‑197/89, Ġabra p. I‑3763, punt 42).
(17) – Conseil d’État, sentenza tal-15 ta’ Mejju 2009, Nru 193.348 u sentenza tat-22 ta’ Settembru tal-2009, Nru 196.294; Cour Constitutionnelle, sentenza tat-3 ta’ Novembru 2009, Nru 174/2009.
(18) – Ara, pereżempju, is-sentenzi tal-5 ta’ Diċembru 2000, Guimont (C‑448/98, Ġabra p. I‑10663, punt 23); tal-5 ta’ Marzu 2002, Reisch (C‑515/99, C‑519/99 sa C‑524/99 u C‑526/99 sa C‑540/99, Ġabra p. I‑2157, punt 26); tal-11 ta’ Settembru 2003, Anomar et (C‑6/01, Ġabra p. I-8621, punt 41), u tal-1 ta’ April 2008, Il-Gvern tal-Komunità Franċiża u Il-Gvern tal-Vallonja (C‑212/06, Ġabra I‑1683, punt 29).
(19) – Sentenza Il-Gvern tal-Komunità Franċiża u Il-Gvern tal-Vallonja, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna preċedenti, punt 40.
(20) – Sentenza tal-11 ta’ Lulju 2002 (C‑60/00, Ġabra p. I‑6279).
(21) – Sentenza tal-25 ta’ Lulju 2002 (C-459/99, p. I‑6591).
(22) – Sentenza tad-19 ta’ Ottubru 2004 (C-200/02, Ġabra I‑9925). Wara li eżaminajt il-proċess nazzjonali fil-Kawża Zhu u Chen, jien ħadt l-okkażjoni sabiex nagħti dawl fuq il-konkużjoni li ilha teżisti dwar l-ismijiet tal-partijiet f’din il-kawża. L-omm ta’ Catherine twieldet bħala Lavette Man Chen. Hija żżewġet lil Guoqing Zhu (magħruf bħala Hopkins Zhu) u saret L. Zhu. Bint il-koppja kienet għaldaqstant Catherine Zhu. Kemm l-omm kif ukoll il-bint kellhom il-kunjom Zhu meta ġie ppreżentat ir-rikors li ta lok għall-Kawża C‑200/02. Ir-riferiment għal Chen (u l-konfużjoni sussegwenti dwar liema rikorrenti kienet Zhu u liema kienet Chen) jirriżultaw minn sempliċi nuqqas ta’ ftehim.
(23) – Ara, b’mod partikolari, il-konklużjonijiet tiegħi f’Il-Gvern tal-Komunità Franċiża u Il-Gvern tal-Vallonja, iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18 iktar ’il fuq.
(24) – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20 iktar ’il fuq, punt 41; ara wkoll MRAX, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21 iktar ’il fuq, punt 53; tas-27 ta’ April 2006, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑441/02, Ġabra p. I‑3449, punt 109); tal-14 ta’ April 2005, Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑157/03, Ġabra p. I‑2911, punt 26); tal-31 ta’ Jannar 2006, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑503/03, Ġabra p. I‑1097, punt 41); tat-23 ta’ Settembru 2003, Akrich (C‑109/01, Ġabra p. I‑9607, punti 58 u 59); tas-27 ta’ Ġunju 2006, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (C‑540/03, Ġabra p. I‑5769, punt 52), u tal-25 ta’ Lulju 2008, Metock et (C‑127/08, Ġabra p. I‑6241, punt 79). Dwar id-dritt fundamentali tal-Komunità għall-ħajja tal-familja u l-impatt tiegħu fuq ċittadini ta’ pajjiżi terzi, ara S. Carrera, In Search of the Perfect Citizen?, Marinus Nijhoff Publishers, Leiden, 2009, pp. 375 sa 388.
(25) – Boultif vs L-Isvizzera, 2 ta’ Awwissu 2001, punti 39, 41 u 46, QEDB 2001-IX.
(26) – Ara wkoll Amrollahi vs Id-Danimarka, 11 ta’ Lulju 2002, punti 33 sa 44, mhux ippubblikata.
(27) – Slivenko vs Il-Latvja, 9 ta’ Ottubru 2003, punt 94, QEDB 2003-X.
(28) – Ara Mehemi vs Franza, 26 ta’ Settembru 1997, punt 34, QEDB 1997‑VI u Dalia vs Franza, 19 ta’ Frar 1998, punt 52, QEDB 1998‑I.
(29) – Sen vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, 21 ta’ Diċembru 2001, punt 40, mhux ippubblikata.
(30) – Dwar id-differenzi bejn il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-ġurisprudenza tal-qorti ta’ Strasbourg dwar l-Artikolu 8 QEDB, ara F. Sudre, Les grands arrêts de la Cour européenne des Droits de l’Homme, 3 ème édition, Pariġi, PUF, 2003, pp. 510 u 511.
(31) – Ara s-sentenza Carpenter, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20 iktar ’il fuq. F’Zhu u Chen, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22 iktar ’il fuq, kemm it-tifla ż-żgħira (Catherine Zhu, iċ-ċittadina tal-Unjoni) u ċ-ċittadina ta’ pajjiż terz (ommha, L. Zhu) kienu, formalment, rikorrenti. Minħabba l-età ta’ Catherine, l-azzjoni effettivament tressqet mill-omm biss, f’isimha u f’isem bintha.
(32) – Ara Carpenter, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20 iktar ’il fuq, punt 44. Taħt il-liġi dwar l-immigrazzjoni tar-Renju Unit, Carpenter kienet “overstayer” (persuna li kellha l-permess tidħol fir-Renju Unit iżda li mbagħad baqgħet hemm wara li skadielha dak il-permess), waqt li G. Ruiz Zambrano huwa persuna li tfittex ażil li t-talba tiegħu għal ażil ġiet miċħuda. Fil-fehma tiegħi, madankollu, ebda distinzjoni ma tista’ ssir fuq dik il-bażi. Mis-sentenza Carpenter jirriżulta li s-Secretary of State kien intitolat li jipproċedi taħt id-dritt nazzjonali kontra Carpenter daqs kemm l-awtoritajiet Belġjani huma intitolati li jipproċedu kontra G. Ruiz Zambrano f’din il-kawża.
(33) – Ara s-sentenza Carpenter, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20 iktar ’il fuq, punt 44.
(34) – Ara s-sentenzi Carpenter, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20 iktar ’il fuq, punt 44; Zhu u Chen, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22 iktar ’il fuq, punti 36 sa 41; Ackrich, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24, punt 57, u Metock, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24 iktar ’il fuq, punt 75.
(35) – Ara s-sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24 iktar ’il fuq, punt 38.
(36) – Ara l-Artikolu 6(1) TUE.
(37) – Għandu jiġi mfakkar li l-benefiċċju tal-qgħad li issa qed jitlob G. Ruiz Zambrano huwa wieħed li għalih huwa intitolat bil-kontribuzzjonijiet passati tiegħu, kieku l-impjieg tiegħu ma’ Plastoria kellu jitqies, sa mit-twelid ta’ Diego, bħala li jgħodd għall-perijodu ta’ kwalifikazzjoni tal-impjieg.
(38) – Fis-sentenza Trojani (sentenza tas-7 ta’ Settembru 2004, C‑456/02, Ġabra p. I‑7573), il-fatt li, għalkemm l-awtoritajiet Belġjani tas-sigurtà soċjali kienu qed jikkontestaw il-ħlas tal- minimex , l-awtoritajiet komunali ta’ Brussell kienu ħarġu permess ta’ residenza ( permis de séjour ) jidher li kien fattur fid-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li M. Trojani seta’ jinvoka l-Artikolu 18 KE (issa l-Artikolu 21 TFUE) moqri flimkien mal-Artikolu 12 KE (issa l-Artikolu 18 TFUE): ara l-punt 44 tas-sentenza. Il-permess ta’ residenza attwali ta’ G. Ruiz Zambrano, li huwa temporanju u jista’ jiġi mġedded huwa llimitat għat-tul taż-żmien tal-proċeduri ta’ appell quddiem il-Conseil d’État. Ara l-punt 27 iktar ’il fuq.
(39) – Kif nifhimha jien, filwaqt li l-ordni ta’ deportazzjoni ġie sospiż sakemm jinqata’ l-appell tiegħu quddiem il-Conseil d’État, huwa ma tħassarx.
(40) – Sentenza tal-20 ta’ Settembru 2001, Grzelczyk (C‑184/99, Ġabra p. I‑6193, punt 31), ikonfermata iktar tard, inter alia , mis-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 2002, D’Hoop (C‑224/98, Ġabra p. I‑6191, punt 28); tas-17 ta’ Settembru 2002, Baumbast u R (C‑413/99, Ġabra p. I‑7091, punt 82); tad-29 ta’ April 2004, Kawżi magħquda Orfanopoulos u Oliveri (C‑482/01 u C‑493/01, Ġabra p. I‑5257, punt 65); tat-2 ta’ Ottubru 2003, Garcia Avello (C‑148/02, Ġabra p. I‑11613, punt 22); Zhu u Chen, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22 iktar ’il fuq, punt 25; tad-29 ta’ April 2004, Pusa (C‑224/02, Ġabra p. I‑5763, punt 16); sentenza tas-7 ta’ Lulju 2005, Il‑Kummissjoni vs L-Awstrija (C‑147/03, Ġabra p. I‑5969, punt 45); tal-15 ta’ Marzu 2005, Bidar (C‑209/03, Ġabra p. I‑2119, punt 31); tat-12 ta’ Lulju 2005, Schempp (C‑403/03, Ġabra p. I‑6421, punt 15); tat-12 ta’ Settembru 2006, Spanja vs Ir-Renju Unit (C‑145/04, Ġabra p. I‑7917, punt 74); tas-7 ta’ Ġunju 2007, Il-Kummissjoni vs L-Olanda (C‑50/06, Ġabra p. I-4383, punt 32), u tas-16 ta’ Diċembru 2008, Huber (C‑524/06, Ġabra p. I‑9705, punt 69).
(41) – Sentenza tal-5 ta’ Frar 1963, Van Gend en Loos (26/62, Ġabra p. 1). Fis-sentenza Van Gend en Loos il-Qorti tal-Ġustizzja qalet li l-Istati Membri kienu llimitaw id-drittijiet sovrani tagħhom “anke jekk f’oqsma limitati”. Meta d-dikjarazzjoni ta’ Van Gend en Loos ġiet irripetuta fil-Opinjoni 2/94, it-tieni parti tal-frażi ma nżammitx.
(42) – Sentenza tal-11 ta’ Lulju 1974 (8/74, Ġabra p. 837, punt 5).
(43) – Ara, inter alia , is-sentenzi tat-12 ta’ Marzu 1987, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (178/84, Ġabra p. 1227, punt 27); tat-23 ta’ Settembru 2003, Il-Kummissjoni vs Id‑Danimarka (C‑192/01, Ġabra p. I‑9693, punt 39); tal-11 ta’ Diċembru 2003, Deutscher Apothekerverband (C‑322/01, Ġabra p. I‑14887, punt 66); tad-19 ta’ Ġunju 2003, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑420/01, Ġabra p. I‑6445, punt 25), u tal-5 ta’ Frar 2004, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑24/00, Ġabra p. I‑1277, punt 22).
(44) – Sentenza tad-9 ta’ Settembru 2004 (C‑72/03, Ġabra p. I‑8027).
(45) – L-Avukat Ġenerali ddeskriva apertament in-natura tal-miżuri inkwistjoni f’kawżi bħal Carbonati, fejn irrikonoxxa li “id-diskriminazzjoni mhijiex ikkawżata bil-leġiżlazzjoni nazzjonali jew bid-dritt Komunitarju weħidhom. Hija r-riżultat tal-applikazzjoni parzjali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea għal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni. Għalkemm ma kinitx intiża jew antiċipata, dik is-sitwazzjoni hija konsegwenza neċessarja tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea. Għalkemm, essenzjalment, taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt intern, dik is-sitwazzjoni hija wkoll sitwazzjoni ‘residwa’ mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni Ewropea. Bħala konsegwenza tal-effetti li ħoloq volontarjament jew involontarjament, id-dritt tal-Unjoni Ewropea isir waħda mill-partijiet kostitwenti tas-sitwazzjoni” (punt 62).
(46) – Sentenza Carbonati Apuani, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 44 iktar ’il fuq, punt 23.
(47) – Sentenza tal-25 ta’ Lulju 1991 (C‑76/90, Ġabra p. I‑4221).
(48) – Sentenza Säger, punt 12.
(49) – Sentenza tal-31 ta’ Marzu 1993 (C‑19/92, Ġabra p. I‑1663, punti 28 u 32).
(50) – Sentenza Kraus, punt 32. Ara wkoll, b’mod partikolari, is-sentenza tas-7 ta’ Lulju 1992, Singh (C‑370/90, Ġabra p. I‑4265, punt 23), li applikat din il-ġurisprudenza għall-unità ta’ familja ta’ raġel u mara miżżewġin.
(51) – Ara, inter alia , is-sentenzi tat-30 ta’ Novembru 1995, Gebhard (C‑55/94, Ġabra p. I‑4165, punt 37); tad-9 ta’ Settembru 2003, Burbaud (C‑285/01, Ġabra p. I‑8219, punt 95); tal-14 ta’ Ottubru 2004, Il-Kummissjoni vs L‑Olanda, [2004] (C‑299/02, Ġabra p. I‑9761, punt 15); tas-26 ta’ Mejju 2005, Allard (C‑249/04, Ġabra p. I‑4535, punt 32); u tas-17 ta’ Lulju 2008, Il-Kummissjoni vs Franza (C-389/05, Ġabra p. I‑5337, punt 56).
(52) – Sentenza tal-10 ta’ Mejju 1995 (C‑384/93, Ġabra p. I‑1141).
(53) – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20 iktar ’il fuq.
(54) – Sentenza Carpenter, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20 iktar ’il fuq, punt 39.
(55) – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24 iktar ’il fuq.
(56) – Sentenza Metock, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24 iktar ’il fuq, punt 58.
(57) – Sentenza tal-24 ta’ Novembru 1998 (C‑274/96, Ġabra p. I‑7637).
(58) – Sentenza tat-12 ta’ Mejju 1998 (C‑85/96, Ġabra p. I‑2591).
(59) – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 40 iktar ’il fuq.
(60) – Ibidem .
(61) – Sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2008 (C‑353/06, Ġabra 2008 p. I‑7639).
(62) – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 40 iktar ’il fuq.
(63) – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22 iktar ’il fuq.
(64) – Sentenza tat-2 ta’ Marzu 2010 (C‑135/08, Ġabra p. I-1449).
(65) – Ara l-punti 93 et seq iktar ’l isfel.
(66) – Ara l-Artikolu 22 TFUE (li qabel kien l-Artikolu 19 KE), li jirreferi speċifikament għal “li jirrisjedi fi Stat Membru li tiegħu ma jkollux iċ-ċittadinanza”, u l-Artikolu 20(2)(b) TFUE (li qabel kien l-Artikolu 17 KE) li jirreferi għal ċittadini tal-Unjoni li jeżerċitaw dawk id-drittijiet “fl-Istat Membru fejn huma jirrisjedu, taħt l-istess kondizzjonijiet bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat”.
(67) – Iż-żewġ drittijiet ġew stabbiliti mill-Artikolu 24 TFUE (li qabel kien l-Artikolu 21 KE). Taħt l-istess artikolu, ċittadin tal-Unjoni jista’ wkoll (preżumibbilment) jikteb lil kwalunkwe istituzzjoni minn kullimkien madwar id-dinja, kemm-il darba jirrispetta r-reġim tal-lingwi, u jkollu dritt jirċievi risposta. B’hekk (pereżempju) it-tfal ta’ G. Ruiz Zambrano jistgħu jiktbu lil waħda mill-istituzzjonijiet bl-Ispanjol minn kwalunkwe pajjiż terz, kif ukoll minn kwalunkwe Stat Membru, u jkunu intitolati għal risposta.
(68) – Kif provdut fl-Artikolu 20(2)(a) TFUE (li qabel kien l-Artikolu 17 KE) u fl- Artikolu 21(1) TFUE (li qabel kien l-Artikolu 18(1) KE).
(69) – Sentenza tat-30 ta’ Marzu 1993 (C‑168/91, Ġabra p. I‑1191).
(70) – Konklużjonijiet fil-Kawża Konstantinidis, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna preċedenti, punt 46.
(71) – Huwa ċar li l-ġenituri tat-tfal ma setgħux raġonevolment jikkontemplaw jagħmlu tali spedizzjoni huma stess biex imbagħad jidħlu fir-riskju li jiskopru li ma jistgħux jerġgħu jidħlu fil-Belġju.
(72) – Sentenza tat-2 ta’ Frar 1989, Cowan (186/87, Ġabra 195, punt 15).
(73) – Sentenza Rottmann, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 64 iktar ’il fuq, punt 38 (enfasi miżjuda minni).
(74) – Sentenza Rottmann, punt 42, (enfasi miżjuda minni).
(75) – Ara l-punti 86 u 87 iktar ’il fuq, fejn huwa eżaminat l-impatt fuq id-dritt għall-ħajja tal-familja.
(76) – Naturalment, teoretikament huwa posibbli li Stat Membru ieħor ikun dispost li jaċċetta lill-familja. Jekk dan ikun il-każ, Diego u Jessica xorta waħda jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom bħala ċittadini tal-Unjoni, tal-inqas sa ċertu grad.
(77) – Ara s-sentenzi Akrich, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24 iktar ’il fuq, punti 55 sa 57 (fir-rigward tad-drittijiet taħt id-dritt tal-Unjoni Ewropea) u Zhu u Chen, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22 iktar ’il fuq, punt 36 (fir-rigward ta’ drittijiet idderivati inizjalment mid-dritt nazzjonali).
(78) – Bl-istess mod il-liġi dwar iċ-ċittadinanza Irlandiża ġiet emendata (f’dan il-każ, wara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’ Zhu u Chen).
(79) – Ara s-sentenzi tas-7 ta’ Lulju 1992, Micheletti et (C-369/90, Ġabra p. I‑4239, punt 10); tal-11 ta’ Novembru 1999, Mesbah (C‑179/98, Ġabra p. I‑7955, punt 29) tal-20 ta’ Frar 2001, Kaur (C‑192/99, Ġabra p. I‑1237, punt 19), u Zhu u Chen, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22 iktar ’il fuq, punt 37.
(80) – Sentenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna preċedenti.
(81) – Sentenza Kaur, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 79 iktar ’il fuq (u ċċitata fis-sentenza Rottmann, punt 49): ara, b’mod partikolari, il-punti 20 sa 24.
(82) – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 79 iktar ’il fuq, punt 10.
(83) – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 79 iktar ’il fuq, punt 19.
(84) – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 64 iktar ’il fuq, punti 41 u 42.
(85) – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 40 iktar ’il fuq, punt 17.
(86) – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 40 iktar ’il fuq, punt 25.
(87) – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 40 iktar ’il fuq, punt 19.
(88) – Sentenza Rottmann, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 64 iktar ’il fuq, punt 55.
(89) – Sentenza Rottmann, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 64 iktar ’il fuq, punt 56.
(90) – Il-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta’ Tampere, tal-15 u s-16 ta’ Ottubru 1999, iddikjaraw li “l-isfida […] issa hija li niżguraw li l-libertà, li tinkludi d-dritt ta’ moviment liberu fi ħdan l-Unjoni, tkun tista’ titgawda f’kundizzjonijiet ta’ sigurtà u ġustizzja aċċessibbli għal kulħadd […]. Din il-libertà, madankollu, ma għandhiex titqies bħala dritt esklużiv taċ-ċittadini tal-Unjoni. L-eżistenza stess tagħha sservi bħala attrazzjoni għal ħafna persuni oħrajn mid-dinja kollha li ma jistgħux igawdu l-libertà li ċ-ċittadini tal-Unjoni spiss lanqas biss japprezzaw. Imur kontra t-tradizzjonijiet tal-Ewropa jekk tali libertà tiġi miċħuda lil dawk li ċ-ċirkustanzi jwassluhom b’mod ġustifikabbli biex ifittxu aċċess għat-territorju tagħna” (punti 2 u 3). Fl-istess vena, fil-Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Ażil tal-15 u s-16 ta’ Ottubru 2008, il-Kunsill Ewropew jistieden lill-Istati Membri biex “jippromwovu integrazzjoni armonjuża fil-pajjiżi ospitanti tagħhom ta’ immigranti li aktarx li jistabbilixxu ruħhom hemmhekk b’mod permanenti; dawk il-politiki, li l-implimentazzjoni tagħhom ser titlob sforz ġenwin min-naħa tal-pajjiżi ospitanti, għandhom ikunu bbażati fuq bilanċ bejn id-drittijiet tal-immigranti (b’mod partikolari għall-edukazzjoni, għax-xogħol, għas-sigurtà, u għas-servizzi pubbliċi u soċjali) u d-dmirijiet tagħhom”.
(91) – Sentenza Carpenter, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20 iktar ’il fuq, punt 44.
(92) – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 40 iktar ’il fuq.
(93) – Sentenza Baumbast, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 40 iktar ’il fuq, punt 90.
(94) – Sentenza Baumbast, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 40 iktar ’il fuq, punt 91.
(95) – Ara, inter alia , is-sentenzi tat-2 ta’ Awwissu 1993, Allué et (C ‑259/91, C‑331/91 u C‑332/91, Ġabra p. I‑4309, punt 15); Zhu u Chen, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22 iktar ’il fuq, punt 32; u Rottmann, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 64 iktar ’il fuq, punt 56.
(96) – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 40 iktar ’il fuq, punti 82 sa 84.
(97) – Għal żewġ analiżi bikrin u profondi tal-portata u t-tifsira taċ-ċittadinanza Ewropea wara t-Trattat ta’ Maastricht, ara, S. O’Leary, The Evolving Concept of Community Citizenship, Den Haag, Londra u Boston, Kluwer Law International, 1996 u C. Closa, ‘“The Concept of Citizenship in the Treaty on European Union’”, Common Market Law Review 1992, pp. 1137 sa 1169.
(98) – Dwar l-importanza taċ-ċittadinanza Ewropea u r-rabtiet mal-individwu ta’ komunità politika, ara l-Kawża Spanja vs Ir-Renju Unit, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 40 iktar ’il fuq, punti 78 u 79.
(99) – Ara s-sentenza Carpenter, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20 iktar ’il fuq, punt 39. Għalkemm mhux applikabbli f’din il-kawża, id-Direttiva 2004/38 tindika, fil-premessa 5 li “[i]d-dritt taċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li [jiċċaqalqu] u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri għandu, jekk se jiġi eżerċitat taħt il-kondizzjonijiet objettivi tal-libertà u d-dinjità, jingħata wkoll lill-membri tal-familja tagħhom, irrispettivament miċ-ċittadinanza”.
(100) – Ara s-sentenza Metock, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24 iktar ’il fuq, punt 56.
(101) – Ara s-sentenza Rottmann, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 64 iktar ’il fuq, punti 41 u 42.
(102) – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 42 iktar ’il fuq.
(103) –– Ara, inter alia , is-sentenzi tat-13 ta’ Marzu 1979, grandes distilleries Peureux (86/78, Ġabra p. 897, punt 38); tat-32 ta’ Ottubru 1986, Cognet (355/85, p. 3231, punti 10 u 11); tat-18 ta’ Frar 1897, Mathot (98/86, Ġabra p. 809, punt 7); Il-Gvern tal-Komunità Franċiża u I l-Gvern tal-Vallonja, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18 iktar ’il fuq, punt 33 u Metock, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24 iktar ’il fuq, punt 77. L-Avukati Ġenerali ħadu pożizzjonijiet differenti fuq dan il-punt. Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger fil-Kawża C‑294/01 Granarolo (sentenza tat-13 ta’ Novembru 2003, C-294/01, Ġabra p. I‑13429), punti 78 et seq ; il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro f’Carbonati Apuani, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 44 iktar ’il fuq, punti 51 et seq ; u l-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża Il-Gvern tal-Komunità Franċiża u Il-Gvern tal-Vallonja, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18 iktar ’il fuq, punti 112 et seq.
(104) – Għal analiżi kritika ara, inter alia , A. Tryfonidou, Reverse Discrimination in EC Law, Kluwer Law International, L-Aja, 2009; E. Spaventa, Free Movement of Persons in the EU: Barriers to Movement in their Constitutional Context, Kluwer Law International, Den Haag, 2007 ; C. Barnard, EC Employment Law, It-Tielet Edizzjoni, Oxford, OUP, 2006, p. 213 u 214; N. Nic Shuibhne, “Free Movement of Persons and the Wholly Internal Rule: Time to Move On?”, Common Market Law Review, 2002, p. 748 u C. Ritter, “Purely internal situations, reverse discrimination, Guimont, Dzodzi and Article 234”, 31 European Law Review , 2006.
(105) – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20 iktar ’il fuq.
(106) – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22 iktar ’il fuq.
(107) – Sentenza Akrich, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24 iktar ’il fuq, punt 50, miġjuba fil-qosor fis-sentenza Metock, punt 58.
(108) – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21 iktar ’il fuq.
(109) – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24 iktar ’il fuq.
(110) – Ara s-sentenza Akrich, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24 iktar ’il fuq, punti 77 sa 79.
(111) – Ara l-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 40 iktar ’il fuq.
(112) – Jekk jiġu invokati drittijiet fundamentali taħt il-Karta li ma jirreplikawx drittijiet taħt il-KEDB, ikollha ta’ bilfors tiġi żviluppata ġurisprudenza separata; iżda fi kwalunkwe każ aktarx li dak iseħħ fil-kuntest ordinarju tad-dritt tal-Unjoni Ewropea.
(113) – Dak il-kompitu kollaborattiv huwa impliċitament attribwit lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Artikolu 52(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, meta tgħid li “Safejn din il-Karta fiha drittijiet li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, it-tifsira u l-ambitu ta’ dawk id-drittijiet għandhom ikunu l-istess bħal dawk stabbiliti mill-Konvenzjoni msemmija. Din id-dispożizzjoni ma żżommx lil-liġi ta’ l-Unjoni milli jipprevedi protezzjoni aktar estensiva”. Il-ħtieġa prattika għall-Qorti tal-Ġustizzja li tieħu pożizzjoni proattiva biex tippromwovi l-istandards minimi ta’ “Strasbourg” ġiet deskritta, inter alia , minn R. Alonso, “The General Provisions of the Charter of Fundamental Rights of the European Union”, European Law Journal, 8 2002, p. 450 et seq, u A. Torres Pérez, Conflicts of Rights in the European Union. A Theory of Supranational Adjudication, Oxford University Press, Oxford, 2009, p. 31 et seq.
(114) – Ara, inter alia , is-sentenzi tal-14 ta’ Diċembru 1995, Peterbroeck (C‑312/93, Ġabra p. I‑4599, punt 14), u tat-13 ta’ Settembru 2007, Test Claimants in the Thin Cap Group Litigation (C‑524/04, Ġabra p. I‑2107, punt 123).
(115) – Ara, inter alia , is-sentenzi tal-15 ta’ Settembru 1998, Edis (C‑231/96, Ġabra p. I‑4951, punt 36, u tal-1 ta’ Diċembru 1998, Levez (C‑326/96, Ġabra p. I‑7835, punt 41).
(116) – Ara, inter alia , is-sentenzi tal-15 ta’ Mejju 1986, Johnston (222/84, Ġabra p. 1651, punt 18), u tas-27 ta’ Novembru 2001, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C‑424/99, Ġabra p. I‑9285, punt 45).
(117) – Ara, inter alia , is-sentenzi tad-19 ta’ Novembru 1991, Francovich et (C‑6/90 u C‑9/90, Ġabra p. I‑5357, punt 35); tal-5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du Pêcheur u Factortame (C‑46/93 u C‑48/93, Ġabra p. I‑1029, punt 31); u tal-24 ta’ Marzu 2009 Danske Slagterier (C‑445/06, Ġabra p. I‑2119, punt 19).
(118) – Sfortunatament ma huwiex il-każ li l-qrati nazzjonali invarjabbilment jindirizzaw u jirrimedjaw każijiet ta’ diskriminazzjoni inversa maħluqa mid-dritt tal-Unjoni Ewropea. Fis-sentenza tagħha f’Il-Gvern tal-Komunità Franċiża, iċċitata qabel fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja apertament stiednet lill-qorti nazzjonali sabiex tirrimedja d-differenza fit-trattament imġarrab minn dawk li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea (punt 40). Il-każ imbagħad ġie rrinvijat lill-Qorti Kostituzzjonali Belġjana, li naqset milli tindirizza l-kwistjoni (ara s-sentenza 11/2009, tal-21 ta’ Jannar 2009 u l-analiżi kritika minn P. van Elsuwege u S. Adam, “The Limits of Constitutional Dialogue for the Prevention of Reverse Discrimination”, European Constitutional Law Review, 5 2009, p. 327 et seq ). Għal eżempju iktar inkoraġġanti ta’ ġurisdizzjoni suprema nazzjonali disposta li tirrimedja sitwazzjoni ta’ diskriminazzjoni inversa (għalkemm mingħajr ma neċessarjament tibbaża fuq sentenza relatata f’deċiżjoni preliminari), ara d-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali Spanjola (sentenza 96/2002 tal-25 ta’ April 2002).
(119) – Ara s-sentenzi ċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17 iktar ’il fuq.
(120) – Ara, pereżempju, is-sentenzi tas-17 ta’ Diċembru 1970, Internationale Handelsgesellschaft (11/70, Ġabra p. 1125); tal-14 ta’ Mejju 1974, Nold vs Il‑Kummissjoni (4/73, Ġabra p. 491); tat-13 ta’ Diċembru 1979, Hauer (44/79, Ġabra p. 3727), u tal-21 ta’ Settembru 1989, Hoechst vs Il-Kummissjoni (46/87 u 227/88, Ġabra p. 2859).
(121) – Ara r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 168/2007, tal-15 ta’ Frar 2007, li jistabbilixxi Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (ĠU L 4M, p. 117) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/203/KE, tat-28 ta’ Frar 2008, li timplimenta r-Regolament (KE) Nru 168/2007 fir-rigward tal-adozzjoni ta’ Qafas Pluriennali għall-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Dri ttijiet Fundamentali għall-2007-2012 (ĠU 2008 L 63 p. 14).
(122) – Għall-ewwel darba, wieħed mill-Viċi Presidenti tal-Kummissjoni huwa Kummissarju għall-Ġustizzja, għad-Drittijiet Fundamentali u għaċ-Ċittadinanza.
(123) – Ara, inter alia , ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/96, tal-20 ta’ Ġunju 1996, rigward l-għajnuna umanitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 24, p. 183) jew ir-Regolament (KE) Nru 1889/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Diċembru 2006, dwar l-istabbiliment ta’ strument ta’ finanzjament għall-promozzjoni tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja (ĠU L 200M, p. 549).
(124) – L-Artikolu 6(1) TUE issa jagħti lid-drittijiet, libertajiet u prinċipji stabbiliti fil-Karta “l-istess valur legali bħat-Trattati”.
(125) – Bosphorus Hava Yollari Turizm ve Ticaret Anonim Şirketi vs L-Irlanda, KEDB 2005-VI.
(126) – Ara l-Artikolu 6(2) TFUE u l-Protokoll Nru 8 dwar l-Artikolu 6(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea dwar l-adeżjoni tal-Unjoni għall-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali.
(127) – Sentenzi tat-28 ta’ Ottubru 1975, Rutili (36/75, Ġabra p. 1219, punt 26); tal-15 ta’ Mejju 1986, (222/84, Ġabra p. 1651, punti 17 sa 19); u tal-15 ta’ Ottuburu 1987, Heylens et (222/86, Ġabra p. 4097, punti 14 u 15).
(128) – Ara, inter alia , is-sentenzi tal-25 ta’ Novembru 1986, Klensch (201/85 u 202/85, Ġabra p. 3477, punti 10 u 11); tat-13 ta’ Lulju 1989, Wachauf (5/88, Ġabra p. 2609, punt 22); tal-24 ta’ Marzu 1994, Bostock (C‑2/92, Ġabra I‑955, punt 16); u tal-10 ta’ Lulju 2003, Booker Aquaculture u Hydro Seafood (C‑20/00 u C‑64/00, Ġabra p. I‑7411, punt 68).
(129) – Ara, pereżempju, is-sentenza tal-11 ta’ Jannar 2000, Kreil (C‑285/98, Ġabra p. I‑69, punti 15 u 16).
(130) – Ara, inter alia , is-sentenzi tal-Bundesverfassungsgericht Ġermaniża tad-29 ta’ Mejju 1974, magħrufa bħala “Solange I” (2 BvL 52/71) u tat-22 ta’ Ottubru 1986, magħrufa bħala “Solange II” (2 BvR 197/83); is-sentenza tal-Corte Costituzionale Taljana tal-21 ta’ April 1989 (Nru 232, Fragd, f’Foro it., 1990, I, 1855); id-dikjarazzjoni tat-Tribunal Constitucional Spanjol tat-13 ta’ Diċembru 2004 (DTC 1/2004) u s-sentenza Bosphorua tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, ’iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 125 iktar ’il fuq.
(131) – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 128 iktar ’il fuq, punt 19.
(132) – Ara, inter alia , is-sentenzi tat-18 ta’ Ġunju 1991, ERT (C‑260/89, Ġabra p. I‑2925, punti 42 et seq ); tat-12 ta’ Ġunju 2003, Schmidberger (C‑112/00, Ġabra p. I‑5659, punt 75); u tal-14 ta’ Ottubru 2004, Omega (C‑36/02, Ġabra p. I‑9609, punti 30 u 31).
(133) – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20 iktar ’il fuq, punti 43 u 44.
(134) – Iċċitata iktar ’il fuq, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 52.
(135) – Sentenza tat-13 ta’ Ġunju 1996 (C‑144/95, Ġabra p. I‑2909).
(136) – Sentenza Maurin, punti 12 u 13.
(137) – Sentenza tad-29 ta’ Mejju 1997 (C‑299/95, Ġabra p. I‑2629, punt 15).
(138) – Sentenza Kremzow, punt 16.
(139) – Sentenza Kremzow, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 137 iktar ’il fuq, punti 17 u 18.
(140) – Ara s-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C‑176/03, Ġabra p. I‑7879).
(141) – Ara, inter alia , is-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2000, Il-Ġermanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑376/98, Ġabra p. I‑8419, punt 83); tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C‑402/05 P u C‑415/05 P, Ġabra p. I‑6351, punt 203; tat-30 ta’ April 2009, L-Italja vs Il‑Parlament (C‑393/07 u C‑9/08, Ġabra p. I‑3679, punt 67); u tal-1 ta’ Ottubru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (370/07, Ġabra I‑8917, punt 46).
(142) – Artikolu 2 TUE. Il-predeċessur tiegħu, l-Artikolu 6(1) UE, kien jipprovdi li “L-Unjoni hija stabbilita fuq il-prinċipji ta’ libertà, demokrazija, rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, u l-istat tad-dritt, prinċipji li huma komuni għall-Istati Membri”.
(143) – J. Locke, Two Treatises of Government, Cambridge University Press, Cambridge, 1988, Ktieb II, taqsima II.
(144) – Is-sentenzi Singh, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 50 iktar ’il fuq, Cowan, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 72 iktar ’il fuq u Carpenter, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20 iktar ’il fuq, ilkoll jipprovdu eżempji ta’ ċirkustanzi fejn il-konnessjoni bejn il-moviment liberu u d-dritt fundamentali/il-protezzjoni addizzjonali mogħtija mid-dritt tal-Unjoni Ewropea ma kinitx partikolarment diretta. Jiena bl-ebda mod ma qed niddubita l-korrettezza, minn perspettiva ta’ protezzjoni ta’ drittijiet, tad-deċiżjoni li waslet għaliha l-Qorti tal-Ġustizzja f’dawk il-tliet kawżi. L-iskop tiegħi huwa biss li nenfasizza n-natura xi kultant debboli tal-konnessjoni li fuqha kienet ibbażata din il-protezzjoni.
(145) – Fis-sentenza Akrich, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24 iktar ’il fuq, il-koppja Akrich kienu ferm onesti, matul l-intervista tagħhom mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, dwar il-fatt li hija kienet marret lejn l-Irlanda biex issib xogħol temporanju hemmhekk sabiex tkun tista’ tmur lura lejn ir-Renju Unit ma’ żewġha u tasserixxi dritt ta’ dħul għalih ibbażat fuq id-dritt Komunitarju.
(146) – Ara s-sentenza Il-Gvern tal-Komunità Franċiża u Il-Gvern tal-Vallonja, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18 iktar ’il fuq.
(147) – Ara, fir-rigward tal-kompetenzi esklużivi u kondiviżi, is-sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 1976, Donckerwolcke u Schou (41/76, Ġabra p. 1921, punt 32); tat-18 ta’ Frar 1986, Bulk Oil (Zug) (174/94, Ġabra p. 559, punt 31), u tas-16 ta’ Marzu 1977, Il-Kummissjoni vs Franza (68/76, Ġabra p. 515, punt 23). Dwar l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli fir-rigward tal-kompetenza esterna tal-Unjoni Ewropea, ara, inter alia , is-sentenza tal-31 ta’ Marzu 1971, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (imsejħa “ERTA”, 22/70, Ġabra p. 263).
(148) – In-noti ta’ spjegazzjoni annessi mal-Karta huma ċari fuq dan il-punt (ĠU 2007, C 303, p. 17): “Id-drittijiet fundamentali kif iggarantiti fl-Unjoni ma għandhom l-ebda effett ħlief fil-kuntest tal-kompetenzi ddeterminati mit-Trattati. Konsegwentement, l-obbligu, […] ta’ l-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni li jippromwovu l-prinċipji stipulati fil-Karta, jista’ jeżisti biss fil-limiti ta’ dawn l-istess kompetenzi”. Madankollu, in-noti ta’ spjegazzjoni jgħidu wkoll li “Huwa għalhekk ovvju, skond din ir-regola, li r-referenza għall-Karta fl-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea ma tistax tiġi interpretata bħala li, bis-saħħa tagħha stess, testendi l-medda ta’ l-azzjonijiet ta’ l-Istati Membri li huma kkunsidrati bħala l-“implimentazzjoni tal-liġi ta’ l-Unjoni”. Kif nifhimhom jien, dawk ir-rimarki joħolqu konnessjoni inekwivoka bejn il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali taħt id-dritt tal-Unjoni Ewropea ma’ dak li jaqa’ taħt l-isfera ta’ kompetenza tal-Unjoni Ewropea. Meta jittieħdu flimkien, il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali taħt id-dritt tal-Unjoni Ewropea u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali taħt id-dritt nazzjonali għandhom madankollu jirriżultaw fi protezzjoni adegwata (ta’ mill-inqas għad-drittijiet fundamentali kollha li jistgħu jinstabu kemm fil-Karta kif ukoll fil-KEDB).
(149) – Ara l- ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 40 iktar ’il fuq.
(150) – 268 U.S. 652 (1925).
(151) – Dwar is-sentenza Gitlow vs New York u d-duttrina ta’ inkorporazzjoni, ara R. Cortner, The Supreme Court and the Second Bill of Rights: The Fourteenth Amendment and the Nationalization of Civil Liberties, Madison, University of Wisconsin Press, 1981; L. Henkin, “‘Selective Incorporation’ in the Fourteenth Amendment”, Yale Law Journal, 1963, p. 74 sa 88, u H.L. Pohlman, Justice Oliver Wendell Holmes: Free Speech & the Living Constitution, NYU Press, New York, 1991, p. 82 sa 87.
(152) – Opinjoni 2/94, tat-28 ta’ Marzu 1996, Ġabra p. I‑1759, punt 6.