|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2026/3230 |
2.7.2026 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Strateġija battery booster
(C(2025) 8950 final)
(C/2026/3230)
Relatur:
Jason DEGUARA (MT-II)Korelatur:
Marco MENSINK (NL-Kat. 1)|
Konsulenti |
Stefanie HÜRTGEN (konsulenta għar-relatur, Grupp II) George KAPANTAIDAKIS (konsulent għall-korelatur, Kat.1) |
|
Konsultazzjoni |
Kummissjoni Ewropea, 24.2.2026 C(2025) 8950 final |
|
Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja |
22.10.2025 |
|
Bażi legali |
Artikolu 52(2) tar-Regoli ta’ Proċedura |
|
Bażi legali |
Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea |
|
Sezzjoni kompetenti |
Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali |
|
Adozzjoni fis-sezzjoni |
10.3.2026 |
|
Adozzjoni fis-sessjoni plenarja |
18.3.2026 |
|
Sessjoni plenarja Nru |
604 |
|
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
196/0/0 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
|
1.1. |
Il-KESE jappoġġja l-isforzi biex jissaħħaħ l-argument għall-vijabbiltà għall-produzzjoni tal-batteriji Ewropej u tinbena katina tal-valur tal-batteriji magħmula kompletament fl-Ewropa, u l-Istrateġija battery booster ġiet ippreżentata fi żmien kritiku. Il-Kumitat jemmen li dan jirrikjedi pjan ta’ finanzjament aktar kredibbli u fit-tul, prijoritizzazzjoni aktar ċara, enfasi aktar qawwija fuq it-tipi ta’ batteriji lil hinn mill-vetturi elettriċi, għodod ta’ implimentazzjoni aktar b’saħħithom u approċċ aktar olistiku. |
|
1.2. |
Il-KESE jenfasizza li t-tikketta “Magħmul fl-Ewropa” trid tkun sinonima ma’ prodotti ta’ kwalità għolja, u standards soċjali u ambjentali b’saħħithom. Iridu jiġu żviluppati miżuri speċifiċi biex din tiġi implimentata fis-settur tal-batteriji mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, inklużi l-imsieħba soċjali. |
|
1.3. |
Huwa jilqa’ l-enfasi b’saħħitha fuq il-mobilizzazzjoni tal-appoġġ finanzjarju biex tissaħħaħ l-ekosistema Ewropea tal-manifattura tal-batteriji u jenfasizza li biex jinkisbu effetti reali ta’ spinta, l-Istrateġija trid tkun appoġġjata minn finanzjament tal-UE ferm aktar b’saħħtu u mmirat aħjar. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom isaħħu l-finanzjament tal-Istrateġija battery booster, anke permezz tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss. |
|
1.4. |
Il-KESE jenfasizza li l-Istrateġija trid tgħaqqad il-finanzjament f’waqtu, il-kundizzjonalitajiet proporzjonati u prattiċi, u t-trattament indaqs u l-miżuri ta’ nfurzar għall-prodotti u l-komponenti tal-UE u dawk mhux tal-UE impoġġija fis-suq tal-UE. L-allinjament tal-finanzjament, tal-permessi u tal-għodod ta’ aċċess għas-suq, kif ukoll l-implimentazzjoni, ser jgħinu jikkonvertu proġetti f’output kompetittiv fuq skala ta’ gigafabbriki, isaħħu l-awtonomija strateġika u jappoġġjaw impjiegi industrijali ta’ kwalità għolja. |
|
1.5. |
Il-KESE jenfasizza l-importanza li jiġu appoġġjati l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, il-fornituri u l-operaturi tar-riċiklaġġ, kif ukoll il-faċilitajiet ta’ produzzjoni fuq skala kbira, biex tissaħħaħ l-integrazzjoni tagħhom fl-ekosistema tal-batteriji tal-UE. Approċċ inklużiv bħal dan jista’ jsaħħaħ l-ekosistemi industrijali, irawwem l-innovazzjoni u jżid l-opportunitajiet ta’ impjieg. |
|
1.6. |
Il-KESE jemmen li l-Istrateġija tista’ tiġġenera impjiegi sostanzjali tul il-katina tal-valur tal-batteriji, inklużi l-manifattura, ir-riċerka, ir-riċiklaġġ u s-servizzi assoċjati. Is-suċċess tagħha ser jiddependi mill-kapaċità tal-Ewropa li ssarraf l-innovazzjoni f’implimentazzjoni industrijali li tkun ekonomikament vijabbli, soċjalment responsabbli u sikura għall-ħaddiema. L-appoġġ finanzjarju pubbliku kollu jrid ikun kundizzjonali fuq impjiegi ta’ kwalità, konformità sħiħa mal-istandards tal-UE u allinjament mal-objettivi tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. |
|
1.7. |
Il-KESE jenfasizza li l-UE jeħtiġilha tiżviluppa oqfsa rilevanti — inkluż li torbot l-kundizzjonijiet tat-trasferiment tat-teknoloġija u tal-kontenut lokali mal-għajnuna mill-Istat, l-akkwist u s-sussidji — biex tiggarantixxi tali trasferimenti u tibni għarfien espert lokali. |
|
1.8. |
Il-KESE jenfasizza li ż-żieda fil-produzzjoni tal-batteriji trid tkopri l-ħtieġa urġenti għal kapaċitajiet imtejba ta’ żmantellar u riċiklaġġ biex jiġu ttrattati l-flussi futuri tal-iskart u jiġu prodotti materjali sekondarji ta’ kwalità għolja. Dan jirrikjedi investiment biex tiżdied l-infrastruttura tar-riċiklaġġ b’finanzjament immirat fit-teknoloġiji tar-riċiklaġġ tal-ġenerazzjoni li jmiss, it-tisħiħ u l-infurzar tas-sistemi tal-ġbir, inkluża l-armonizzazzjoni madwar l-Istati Membri, u miżuri biex ir-riċiklaġġ isir ekonomikament attraenti. |
|
1.9. |
L-ipprogrammar tar-riċerka u l-innovazzjoni (Batt4EU, Pjan SET, Orizzont Ewropa) għandu jipprijoritizza linji pilota/tal-ewwel tip għas-sustanzi kimiċi kritiċi tal-batteriji (sinteżi/kisi tal-prekursuri, produzzjoni tal-elettroliti/irkupru tas-solventi, kimika tar-riċiklaġġ) u makkinarju magħmul fl-UE. Il-batteriji tas-sodju għandhom jiġu inklużi wkoll fil-Pilastru V, u l-finanzjament tal-faċilità battery booster għandu jiġi estiż biex jinkludi proċessi kimiki mhux tal-litju. |
|
1.10. |
Il-KESE jirrakkomanda flussi ta’ ħidma speċifika dwar is-sikurezza tal-materjali tal-batteriji, bħal propagazzjoni fil-livell tal-pakketti u testijiet tal-fjammabbiltà tal-elettroliti, biex jiġu stabbiliti standards ċari tal-akkwist u tal-konformità. Il-kollaborazzjoni mal-industrija, inklużi l-imsieħba soċjali, u l-allinjament mar-regoli tal-UE u dawk internazzjonali jtejbu s-sikurezza, inaqqsu l-frammentazzjoni tas-suq u jappoġġjaw il-manifattura effiċjenti. |
|
1.11. |
Il-KESE jemmen li ż-żieda rapida fil-produzzjoni tal-batteriji prevista taħt l-Istrateġija żżid il-ħtieġa għal sistemi robusti ta’ ġestjoni tas-saħħa u s-sigurtà. L-espansjoni tal-kapaċità tal-produzzjoni trid tkun akkumpanjata minn biżżejjed persunal, taħriġ u investiment f’miżuri preventivi. Għandhom jitqiesu b’mod speċjali l-ħaddiema migranti u mobbli. Manwali u informazzjoni adegwati dwar materjali perikolużi huma essenzjali biex jiżdied l-għarfien u jiġu evitati l-inċidenti, flimkien ma’ spezzjonijiet tax-xogħol adegwati biex tiġi żgurata l-konformità. |
|
1.12. |
Il-KESE jenfasizza r-rwol essenzjali tal-ħaddiema u tar-rappreżentanti tagħhom fil-prevenzjoni tar-riskji okkupazzjonali. Id-djalogu soċjali u l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema huma kruċjali biex jiġu identifikati l-perikli, b’mod partikolari meta jiġu introdotti teknoloġiji, materjali u metodi ta’ produzzjoni ġodda. |
2. Kummenti ġenerali
|
2.1. |
L-Istrateġija battery booster (“l-Istrateġija”) tal-Kummissjoni Ewropea, ippreżentata fil-Pjan ta’ Azzjoni għas-settur awtomobilistiku, għandha l-għan li ssaħħaħ il-kompetittività, ir-reżiljenza u s-sostenibbiltà tal-katina tal-valur Ewropea tal-batteriji, bħala element ewlieni tal-awtonomija strateġika tal-Ewropa u l-produzzjoni “Magħmul fl-Ewropa”. L-Istrateġija tibbaża fuq sitt pilastri interkonnessi li jiffurmaw qafas komprensiv biex tissaħħaħ l-ekosistema tal-batteriji tal-Ewropa billi torbot l-investiment, ir-reżiljenza tal-katina tal-provvista, l-innovazzjoni u l-ħolqien tad-domanda bil-għan li jiġi appoġġjat l-iżvilupp industrijali sostenibbli. |
|
2.2. |
L-Istrateġija tindirizza l-intensifikazzjoni tal-kompetizzjoni globali, iż-żieda fil-kostijiet tal-produzzjoni u d-dipendenzi strateġiċi persistenti, waqt li tappoġġja t-tranżizzjoni lejn mobbiltà nadifa u l-kisba tan-newtralità klimatika. Hija ppjanata faċilità speċifika battery booster b’EUR 1,5 biljun allokati mill-Fond għall-Innovazzjoni biex jiġu appoġġjati l-produtturi Ewropej taċ-ċelloli tal-batteriji matul il-fażi kritika ta’ rrankar, issupplimentata bi EUR 300 miljun biex tiżdied il-produzzjoni tal-materja prima kritika biex tingħata spinta lill-katina tal-provvista. |
|
2.3. |
Waqt li jappoġġja l-intenzjoni tal-Kummissjoni li ssaħħaħ il-katina tal-valur tal-batteriji tal-UE, il-KESE jappella għal pjan ta’ finanzjament aktar kredibbli u aktar fit-tul, prijoritizzazzjoni aktar ċara, għodod ta’ implimentazzjoni aktar b’saħħithom u approċċ aktar olistiku. Hemm bżonn ta’ enfasi aktar qawwija fuq it-tipi ta’ batteriji lil hinn mill-vetturi elettriċi: pereżempju, sistema għall-ħażna tal-enerġija f’batteriji stazzjonarji hija segment tad-domanda li qed tikber b’mod rapidu u li hija strateġika għas-sigurtà tal-enerġija u l-istabbiltà tal-grilja hekk kif tiżdied il-kapaċità tal-enerġija rinnovabli, u għandha tkun parti mill-Istrateġija. |
|
2.4. |
L-Istrateġija ġiet ippreżentata fi żmien kritiku. L-industrija Ewropea tal-batteriji hija ċentrali għall-isforzi tal-UE biex tilħaq l-għanijiet industrijali u klimatiċi tagħha u tagħti spinta lir-reżiljenza ekonomika, is-sigurtà tal-enerġija u l-preparatezza tagħha. Fi żmien meta l-ordni globali ġeopolitiku u ekonomiku bbażat fuq ir-regoli qed jiġi kkkontestat dejjem aktar u l-kummerċ qed jintuża bħala arma, l-UE jeħtiġilha tnaqqas id-dipendenzi esterni u tagħti spinta lill-kapaċitajiet ta’ produzzjoni tagħha stess. |
|
2.5. |
L-isforzi tal-UE lejn awtonomija strateġika akbar fil-produzzjoni tal-batteriji mhux biss se jżidu s-sigurtà ġenerali tagħha, iżda huma mistennija wkoll li jipproduċu benefiċċji ekonomiċi permezz ta’ investimenti ġodda greenfield li jistgħu jiġġeneraw impjiegi ta’ kwalità, waqt li jiġi żgurat li l-produzzjoni taderixxi mal-istandards ambjentali stretti tagħha. |
3. Appoġġ finanzjarju, impjiegi ekoloġiċi u investiment
|
3.1. |
L-Istrateġija tagħmel enfasi qawwija fuq il-mobilizzazzjoni tal-appoġġ finanzjarju biex tissaħħaħ l-ekosistema Ewropea tal-manifattura tal-batteriji. Il-Kumitat jemmen li biex jinkisbu effetti ta’ spinta ġenwina, dan irid jiġi appoġġjat minn finanzjament tal-UE ferm aktar b’saħħtu u mmirat aħjar. |
|
3.2. |
Il-pakkett attwali ta’ EUR 1,5 biljun — ipprovdut prinċipalment bħala self mingħajr imgħax — għadu modest meta mqabbel mal-investiment bil-quddiem fuq skala kbira meħtieġ biex titħaffef l-implimentazzjoni tal-gigafabbriki, jitqassar iż-żmien għas-suq u jitneħħew id-diskrepanzi fil-kostijiet mal-kompetituri globali. Spinta ġenwina teħtieġ programmi tal-UE li kapaċi jappoġġjaw investimenti industrijali kbar malajr u b’mod prevedibbli, li joħolqu sinjali affidabbli tad-domanda tul il-katina tal-valur sħiħa tal-batteriji, inklużi l-materja prima, il-komponenti kimiċi, iċ-ċelloli u r-riċiklaġġ. Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jsaħħu l-finanzjament tal-Istrateġija battery booster, anke permezz tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss. |
|
3.3. |
Sabiex tinkiseb indipendeza strateġika u jinqabad il-valur miżjud fl-Ewropa, l-UE għandha tipprijoritizza l-istatus tal-proġett strateġiku tal-Att Ewropew dwar il-Materja Prima Kritika u l-finanzjament RESourceEU għar-raffinar kimiku u l-impjanti tal-prekursuri rilevanti għall-materjali tal-batteriji (il-litju, in-nikil, il-kobalt, il-manganiż, il-grafit). Il-Mekkaniżmu tal-Materja Prima għandu jaggrega d-domanda u jnaqqas ir-riskju tax-xiri bil-quddiem mhux biss għal inputs estratti mill-minjieri iżda wkoll għal sustanzi intermedji. B’mod parallel, il-pubblikazzjoni ta’ gwida dwar il-kontabbiltà tal-bilanċ tal-massa għall-materjali tal-batteriji sat-tieni kwart tal-2026 tiftaħ settur tal-kimika ċirkolari investibbli (inkluż l-irkupru tas-solventi, ir-riġenerazzjoni tal-melħ u l-użu mill-ġdid tal-prekursuri) u tallinja l-implimentazzjoni tar-Regolament dwar il-Batteriji mal-Att dwar l-Ekonomija Ċirkolari li jmiss. Dawn l-azzjonijiet ser jaċċelleraw l-espansjoni sostenibbli fl-UE kollha u jiżguraw applikazzjoni konsistenti u proporzjonata għall-prodotti u l-komponenti importati. |
|
3.4. |
Sabiex jerġa’ jkun hemm il-kompetittività fil-prodotti kimiċi kritiċi għall-batteriji u tiġi żgurata l-koerenza tul il-ktajjen tal-valur, l-UE għandha tindirizza b’mod urġenti l-kostijiet għoljin ħafna tal-enerġija li jħallu impatt fuq l-industrija tal-UE, tinkludi mill-ġdid in-NACE 20.14 u, fejn rilevanti, in-NACE 20.16 fil-kumpens tal-kostijiet indiretti tal-ETS u ttejjeb l-aċċess għall-ftehimiet dwar ix-xiri tal-enerġija/il-kuntratti għad-differenza għall-impjanti kimiċi intensivi fl-enerġija. L-appoġġ immirat u proporzjonat — allinjat ma’ kompetizzjoni ġusta u rekwiżiti ekwivalenti għall-importazzjonijiet mhux tal-UE — għandu jestendi wkoll għall-komponenti kimiċi tal-batteriji upstream, bħall-proċessi kimiċi tal-prekursuri tal-materjal attiv tal-katodu /materjal attiv tal-anodu, l-elettroliti, l-irkupru tas-solventi, il-leganti, is-separaturi, l-imlieħ u r-raffinar tal-massa sewda. |
|
3.5. |
Il-KESE jenfasizza l-importanza ta’ qafas ta’ politika li jiżgura l-benefiċċji lokali u jsaħħaħ l-għarfien espert Ewropew, li jirrikjedi investiment barrani fil-manifattura strateġika tal-batteriji — inklużi l-faċilitajiet kimiċi — biex jiġu segwiti miżuri dwar il-governanza, il-kondiviżjoni tat-teknoloġija, il-ħiliet tal-forza tax-xogħol u l-integrazzjoni tal-katina tal-provvista. Il-Kummissjoni għandha ssaħħaħ ir-Regolament dwar is-Sussidji Barranin u l-istrumenti relatati biex jiġu indirizzati d-distorsjonijiet, u fl-istess ħin tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta fis-suq uniku kollu u trattament ekwivalenti għall-operaturi tal-UE u mhux tal-UE. L-għodod ta’ finanzjament speċifiċi tal-UE, inkluż il-Fond għall-Innovazzjoni, għandhom jintużaw biex ineħħu r-riskju tal-investiment fil-manifattura taċ-ċelloli tal-batteriji u tal-komponenti. |
|
3.6. |
Il-KESE jenfasizza li l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju — li jikkostitwixxu parti sinifikanti mis-settur u primarjament iservu bħala fornituri kritiċi ta’ makkinarju, robotika, komponenti u soluzzjonijiet ta’ riċiklaġġ — jeħtiġilhom jirċievu appoġġ immirat biex isaħħu l-integrazzjoni tagħhom fl-ekosistema tal-batteriji tal-UE, waqt li jiżguraw reżiljenza tul il-katina tal-valur kollha lil hinn mill-manifattura taċ-ċelloli fuq skala kbira. Approċċ inklużiv bħal dan jista’ jsaħħaħ l-ekosistemi industrijali, irawwem l-innovazzjoni u jżid l-opportunitajiet ta’ impjieg. |
|
3.7. |
Waqt li jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni biex issaħħaħ l-argument għall-vijabbiltà għall-produzzjoni tal-batteriji fl-Ewropa u tibni katina tal-valur tal-batteriji fl-UE, il-KESE jenfasizza li t-tikketta “Magħmul fl-Ewropa” trid tkun sinonima ma’ prodotti ta’ kwalità għolja, u standards soċjali u ambjentali b’saħħithom. Irid jiġi żviluppat pjan mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, inklużi l-imsieħba soċjali, biex it-tikketta “Magħmul fl-Ewropa” tiġi implimentata fis-settur tal-batteriji. L-isforzi biex jitnaqqsu l-kostijiet tal-produzzjoni u l-piżijiet amministrattivi ma jridux idgħajfu l-istandards tax-xogħol, soċjali jew tas-sigurtà, u mekkaniżmi robusti ta’ infurzar u monitoraġġ iridu jakkumpanjaw kwalunkwe miżura ta’ semplifikazzjoni. |
|
3.8. |
L-Istrateġija tista’ tiġġenera impjiegi sostanzjali tul il-katina tal-valur tal-batteriji, inklużi l-manifattura, ir-riċerka, ir-riċiklaġġ u s-servizzi assoċjati. L-appoġġ finanzjarju pubbliku kollu jrid ikun kundizzjonali fuq impjiegi ta’ kwalità, konformità sħiħa mal-istandards tal-UE u allinjament mal-objettivi tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-KESE jappella għal monitoraġġ trasparenti tal-impatti soċjali u fuq l-impjiegi tal-miżuri ta’ appoġġ finanzjarju, inklużi l-effetti tagħhom fuq il-kwalità tal-impjiegi, ir-rekwiżiti tal-ħiliet u l-kundizzjonijiet tax-xogħol. |
|
3.9. |
L-Istrateġija toffri wkoll opportunitajiet biex jiġu appoġġjati l-impjiegi ekoloġiċi marbuta mar-riċiklaġġ, l-applikazzjonijiet fit-tieni ħajja u s-soluzzjonijiet tal-ekonomija ċirkolari, u attivitajiet li jistgħu jnaqqsu d-dipendenzi strateġiċi waqt li jinħolqu impjiegi b’ħiliet fis-segmenti downstream tal-katina tal-valur. |
|
3.10. |
L-investiment pubbliku għandu jikkontribwixxi wkoll biex tiġi salvagwardjata it-tmexxija industrijali tal-Ewropa u jiżgura żvilupp industrijali sostenibbli u koeżjoni reġjonali. Il-KESE jappella għal distribuzzjoni ġeografika bbilanċjata ta’ proġetti appoġġjati li tiżgura li l-benefiċċji jiġu kondiviżi bejn l-Istati Membri u r-reġjuni u li jissaħħu l-ekosistemi industrijali eżistenti, fil-qafas ta’ politika industrijali Ewropea komprensiva. |
4. Innovazzjoni u teknoloġija
|
4.1. |
Il-KESE jirrikonoxxi l-innovazzjoni bħala pedament tal-Istrateġija u xprun ewlieni tal-kompetittività fis-settur Ewropew tal-batteriji. Progress teknoloġiku kontinwu huwa essenzjali biex jittejbu l-prestazzjoni, is-sostenibbiltà u l-kosteffiċjenza tal-batteriji. |
|
4.2. |
L-ipprogrammar tar-riċerka u l-innovazzjoni (Batt4EU, Pjan SET, Orizzont Ewropa) għandu jipprijoritizza linji pilota/tal-ewwel tip għas-sustanzi kimiċi kritiċi tal-batteriji (sinteżi/kisi tal-prekursuri, produzzjoni tal-elettroliti/irkupru tas-solventi, proċessi kimiċi tar-riċiklaġġ) u makkinarju magħmul fl-UE. Ir-riċerka u l-innovazzjoni dwar is-sigurtà u s-sostenibbiltà fil-livell tal-materjali (pereżempju, polimeri u formulazzjonijiet tal-elettroliti li jiggarantixxu prestazzjoni għolja fir-rigward tar-reżistenza għan-nirien u riċiklabbiltà), appoġġjati minn standardizzazzjoni u gwida prattika u taħriġ proporzjonat dwar is-sigurtà tal-proċessi permezz ta’ Akkademji tal-Industrija b’Emissjonijiet Żero Netti, ser jippermettu espansjoni sikura u effiċjenti madwar l-Ewropa. |
|
4.3. |
Il-KESE enfasizza l-benefiċċji li jiġi żviluppat settur tal-manifattura tal-batteriji tas-sodju bħala komplement strateġiku għall-batteriji tal-litju (1). Il-batteriji tas-sodju għandhom jiġu inklużi fil-Pilastru V, u l-finanzjament għall-faċilità battery booster għandu jiġi estiż biex jinkludi proċessi kimiċi mhux tal-litju. |
|
4.4. |
Id-diġitalizzazzjoni u t-teknoloġiji avvanzati tal-manifattura joffru opportunitajiet sinifikanti biex jiġu ottimizzati l-effiċjenza u l-kwalità tal-produzzjoni. Il-Kumitat jenfasizza li l-introduzzjoni tagħhom trid tkun akkumpanjata minn taħriġ adegwat u aġġustamenti għall-organizzazzjoni tax-xogħol. |
|
4.5. |
L-iżvilupp tal-ħiliet huwa faċilitatur ewlieni tal-innovazzjoni. Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa għal taħriġ u taħriġ mill-ġdid kontinwi biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti teknoloġiċi li qed jevolvu u biex jiġi żgurat l-operat sikur ta’ proċessi u tagħmir ġodda. |
|
4.6. |
Il-politiki tal-innovazzjoni għandhom jippromovu l-kooperazzjoni bejn l-industrija, l-istituzzjonijiet tar-riċerka u l-fornituri tat-taħriġ billi jrawmu t-trasferiment tal-għarfien u jaċċelleraw l-użu fuq skala industrijali ta’ teknoloġiji ġodda. |
|
4.7. |
L-istandardizzazzjoni u l-armonizzazzjoni tal-kriterji ta’ sostenibbiltà u prestazzjoni jistgħu jappoġġjaw aktar l-innovazzjoni billi joħolqu kundizzjonijiet tas-suq prevedibbli u jinkoraġġixxu l-investiment f’teknoloġiji ta’ kwalità għolja. Il-KESE jirrakkomanda flussi ta’ ħidma speċifika dwar is-sikurezza tal-materjali tal-batteriji, bħal propagazzjoni fil-livell tal-pakketti u testijiet tal-fjammabbiltà tal-elettroliti, biex jiġu stabbiliti standards ċari tal-akkwist u tal-konformità. Il-kollaborazzjoni mal-industrija, inklużi l-imsieħba soċjali, u l-allinjament mar-regoli tal-UE u dawk internazzjonali jtejbu s-sikurezza, inaqqsu l-frammentazzjoni tas-suq u jappoġġjaw il-manifattura effiċjenti. |
|
4.8. |
Il-KESE jinnota li, b’kuntrast maċ-Ċina u l-Istati Uniti fejn jeżistu kundizzjonijiet stretti dwar it-trasferiment tal-proprjetà intellettwali, ir-riċerka u l-iżvilupp lokali u l-iżvilupp tal-forza tax-xogħol, l-UE bħalissa ma għandha l-ebda regola jew rekwiżit għat-trasferiment tat-teknoloġija, il-kontenut lokali, jew l-iżvilupp tal-ħiliet f’impriżi konġunti jew investimenti barranin. L-UE jeħtiġilha tiżviluppa oqfsa rilevanti, li jkopru t-trasferiment tat-teknoloġija u l-kundizzjonijiet tal-kontenut lokali għall-għajnuna mill-Istat, l-akkwist u s-sussidji, biex tiggarantixxi tali trasferimenti u tibni għarfien espert lokali, sabiex jiġi evitat ir-riskju li ssir ċentru ta’ assemblaġġ aktar milli mexxejja tat-teknoloġija tal-batteriji. |
|
4.9. |
Il-KESE jenfasizza l-importanza ta’ innovazzjoni li ttejjeb l-eżiti tas-sostenibbiltà u s-sigurtà mingħajr ma żżid piż amministrattiv addizzjonali. L-innovazzjoni trid tkun allinjata ma’ objettivi industrijali u soċjali usa’ li jiżguraw li l-progress teknoloġiku jikkontribwixxi għal xogħol deċenti, protezzjoni ambjentali u kompetittività fit-tul. Huwa jenfasizza li l-finanzjament tal-innovazzjoni għandu jappoġġja proġetti li jintegraw kunsiderazzjonijiet tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, inklużi d-disinn ergonomiku tal-post tax-xogħol u t-tnaqqis tal-esponiment għal materjali perikolużi. |
|
4.10. |
Ir-riċiklaġġ huwa vitali għall-objettivi ambjentali tal-Ewropa u l-awtonomija strateġika tagħha. Il-KESE jinnota li l-UE la għandha biżżejjed faċilitajiet u lanqas m’għandha t-teknoloġija meħtieġa għar-riċiklaġġ tal-batteriji, b’mod partikolari fir-rigward tal-volumi tal-batteriji tal-vetturi elettriċi fi tmiem il-ħajja previsti għall-2030. Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri wissiet ukoll li l-maġġoranza tal-miri tar-riċiklaġġ tal-UE la jinċentivaw ir-riċiklaġġ ta’ materjali individwali u lanqas jinkoraġġixxu l-użu ta’ materjali riċiklati, u enfasizzat l-ostakli li jfixklu l-kompetittività tal-industrija tar-riċiklaġġ tal-UE (2). Il-KESE jappella għal approċċ olistiku biex tingħata spinta lill-produzzjoni tal-batteriji, u jirrikonoxxi wkoll il-ħtieġa urġenti ta’ rekwiżiti ta’ skalar biex jiġu ttrattati l-flussi futuri tal-iskart u jiġu prodotti materjali sekondarji ta’ kwalità għolja. |
|
4.11. |
Il-KESE jenfasizza li l-klassifikazzjoni tal-iskart ta’ batteriji tal-joni tal-litju u l-massa sewda bħala skart perikoluż minn Diċembru 2026, u l-projbizzjoni tal-esportazzjonijiet lejn pajjiżi mhux tal-OECD, ser ikunu effettivi biss jekk l-UE tiżgura li dawn il-flussi jkunu jistgħu jiġu mċaqilqa b’mod effiċjenti fis-suq uniku. Inkella, l-UE tirriskja li toħloq konġestjonijiet interni: kumulazzjoni ta’ riżervi, dewmien fit-trattament u inċentivi perversi, inklużi l-flussi illegali, minkejja l-projbizzjoni fuq l-esportazzjoni. |
|
4.12. |
Il-KESE jappella għal miżuri li jiffaċilitaw vjeġġi konformi intra-UE lejn faċilitajiet permessi, li jkopru l-katina sħiħa mill-ġbir u t-trasferiment ta’ batteriji li ma għadhomx jintużaw għal siti ta’ trattament minn qabel (żarmar, dijanjostika, ħżin sikur) u ċ-ċaqliq ulterjuri tal-massa sewda lejn impjanti ta’ raffinar u rkupru. |
|
4.13. |
Fl-aħħar mill-aħħar, il-KESE jqis li s-suċċess tal-Istrateġija ser jiddependi mill-kapaċità tal-Ewropa li ssarraf l-innovazzjoni f’implimentazzjoni industrijali li tkun ekonomikament vijabbli, soċjalment responsabbli u sikura għall-ħaddiema. |
5. Is-saħħa u s-sigurtà
|
5.1. |
Is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol iridu jkunu pilastru fundamentali tal-Istrateġija u biex tiġi żviluppata l-katina tal-valur Ewropea tal-batteriji. Waqt li l-attivitajiet relatati mal-batteriji inklużi l-manifattura, l-assemblaġġ, ir-riċiklaġġ u l-ipproċessar tal-materja prima huma soġġetti għal leġiżlazzjoni stabbilita sew dwar is-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, il-KESE jinnota li l-iskalar rapidu tal-gigafabbriki tal-batteriji wassal għal riskji sinifikanti fuq il-post tax-xogħol (3), inklużi inċidenti, f’xi Stati Membri. Huwa jenfasizza li ż-żieda rapida fil-produzzjoni tal-batteriji prevista taħt l-Istrateġija battery booster iżżid il-ħtieġa għal sistemi robusti ta’ ġestjoni tas-saħħa u s-sigurtà. L-espansjoni tal-kapaċità tal-produzzjoni trid għalhekk tkun akkumpanjata minn persunal adegwat, taħriġ u investiment f’miżuri preventivi, waqt li jitqiesu b’mod speċifiku l-ħaddiema mobbli u migranti u jiġu żgurati manwali u informazzjoni adegwati dwar materjali perikolużi biex jiżdied l-għarfien u jiġu evitati l-inċidenti. |
|
5.2. |
Il-Kumitat jenfasizza l-ħtieġa li jiġu applikati u infurzati b’mod konsistenti r-regolamenti tal-UE dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Huwa jenfasizza l-importanza li r-rekwiżiti jsiru ċari u li jiġi żgurat trattament ekwu għall-prodotti u l-operaturi kollha, inklużi l-batteriji u l-komponenti importati mibjugħa fl-UE, b’mod partikolari biex jiġi żgurat li jikkonformaw mal-istandards tal-UE. Sabiex tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-suq u tiġi promossa l-ekwità, matul l-implimentazzjoni għandha tingħata prijorità lil-linji gwida prattiċi u r-rikonoxximent reċiproku ta’ standards ekwivalenti. |
|
5.3. |
Il-valutazzjoni tar-riskju, inkluż fir-rigward tar-riskji emerġenti, hija pedament tal-prevenzjoni. Il-KESE jappoġġja prattiki ta’ valutazzjoni tar-riskju li jirriflettu l-progress teknoloġiku u l-materjali li qed jevolvu, waqt li jiġu evitati proċeduri duplikati. Il-gwida għandha tippromovi dokumentazzjoni u rikonoxximent effiċjenti ta’ approċċi ekwivalenti, waqt li jiġu żgurati ċ-ċertezza tal-konformità u l-kompetittività għall-manifatturi tal-UE, bl-istess aspettattivi għall-produtturi mhux tal-UE li l-oġġetti tagħhom jidħlu fis-suq uniku. |
|
5.4. |
Is-sigurtà kimika għadha qed tiġi indirizzata f’leġiżlazzjoni stabbilita tal-UE (eż. REACH/CLP u r-regoli dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema). L-implimentazzjoni għandha tibqa’ bbażata fuq ir-riskju u proporzjonata, b’enfasi fuq il-prattiki għall-immaniġġar sikur, speċjalment ta’ sustanzi kimiċi ta’ riskju, il-ħżin u l-monitoraġġ, kif ukoll l-inkoraġġiment tas-sostituzzjoni, fejn teknikament fattibbli u adegwata f’termini ta’ prestazzjoni. Il-KESE jirrakkomanda li l-finanzjament għall-innovazzjoni jintrabat ma’ proġetti li jinkludu d-disinn ergonomiku u t-tnaqqis fl-esponiment għal materjali perikolużi, kif ukoll li jiġi żviluppat l-użu ta’ għodod diġitali għall-monitoraġġ tar-riskju f’ħin reali u sistemi ta’ sigurtà predittivi. |
|
5.5. |
Il-KESE jenfasizza l-infurzar ugwali għall-parteċipanti kollha fis-suq, li jinkludi l-batteriji u l-komponenti importati, biex jiġu evitati distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u jinżammu standards għoljin mingħajr ma jiġu imposti piżijiet speċifiċi addizzjonali tal-UE. |
|
5.6. |
Il-KESE jenfasizza r-rwol essenzjali tal-ħaddiema u tar-rappreżentanti tagħhom fil-prevenzjoni tar-riskji okkupazzjonali. Id-djalogu soċjali, inkluż in-negozjar kollettiv, u l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema huma kruċjali biex jiġu identifikati l-perikli, b’mod partikolari meta jiġu introdotti teknoloġiji, materjali u metodi ta’ produzzjoni ġodda. Il-ħaddiema jeħtiġilhom jirċievu taħriġ inizjali u kontinwu adegwat imfassal għall-kompiti speċifiċi tagħhom. |
|
5.7. |
Il-KESE jenfasizza l-importanza tal-infurzar, bi spettorati tax-xogħol b’riżorsi adegwati u awtoritajiet kompetenti biex tiġi żgurata l-konformità mal-leġiżlazzjoni dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, b’mod partikolari f’setturi industrijali ġodda u li qed jespandu b’mod rapidu. |
Brussell, it-18 ta’ Marzu 2026.
Il-President
tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Séamus BOLAND
(1) Opinjoni tal-KESE dwar It-tisħiħ tal-awtonomija strateġika tal-UE u l-iżvilupp ta’ ekonomija aktar ekoloġika u blu: il-potenzjal tas-settur tal-manifattura tal-batteriji tas-sodju (ĠU C, C/2026/2542, 22.5.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/2542/oj).
(2) Rapport speċjali 04/2026: Materja prima kritika għat-tranżizzjoni tal-enerġija – Il-politika mhijiex waħda soda.
(3) Pereżempju, l-esponiment kimiku (eż. NMP), it-trab, id-dħaħen, il-perikli elettriċi, ir-riskji ta’ nirien u kompiti fiżikament eżiġenti.
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/3230/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)