KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
RICHARD DE LA TOUR
ippreżentati fit‑18 ta’ Ġunju 2024 ( 1 )
Kawża C‑240/23
Herbaria Kräuterparadies GmbH
vs
Freistaat Bayern
(Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Agrikoltura u sajd – Produzzjoni organika u ttikkettjar tal-prodotti organiċi – Regolament (UE) 2018/848 – Regoli dwar il-produzzjoni organika – Artikolu 16 – Artikolu 33 – Ittikkettjar – Logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea – Kundizzjonijiet għall-użu – Artikoli 45 u 48 – Importazzjoni ta’ prodotti organiċi ekwivalenti li joriġinaw minn pajjiż terz irrikonoxxut fis-suq tal-Unjoni – Indikazzjoni li tagħmel riferiment għall-produzzjoni organika – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 20 – Ugwaljanza fit-trattament”
I. Introduzzjoni
|
1. |
Herbaria Kräuterparadies GmbH (iktar ’il quddiem “Herbaria”) ilha sa mis-sena 2012 tikkontesta d-deċiżjoni tal-Freistaat Bayern (il-Land ta’ Bayern, il-Ġermanja) li tipprojbixxiha milli tuża l-indikazzjoni marbuta mal-mod ta’ produzzjoni organika fl-ittikkettjar, fir-reklamar u fil-kummerċjalizzazzjoni ta’ taħlita ta’ meraq tal-frott u ta’ estratti ta’ ħwawar li tinkludi fiha, minbarra prodotti organiċi, vitamini mhux veġetali u l-glukonat ferruż li ma joriġinawx minn agrikoltura organika. |
|
2. |
L-ewwel sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja marbuta ma’ dan il-każ ikkonfermat l-interpretazzjoni tal-Land ta’ Bayern dwar l-impossibbiltà li jintuża l-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni kif ukoll kull indikazzjoni ta’ produzzjoni organika f’każ bħal dan ( 2 ). Herbaria laqgħet din id-deċiżjoni u invokat ksur tal-ugwaljanza bejn il-prodott tagħha u prodott Amerikan simili li fih huma miżjuda vitamini mhux veġetali u l-glukonat ferruż li ma humiex organiċi, iżda li huwa rrikonoxxut bħala li joriġina mill-produzzjoni organika fl-Istati Uniti tal-Amerika u li, fuq il-bażi ta’ dan, jista’ jiġi kkummerċjalizzat fit-territorju tal-Unjoni bil-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni minħabba r-rikonoxximent tal-Istati Uniti bħala pajjiż terz li r-regoli dwar il-produzzjoni u dwar il-kontroll tiegħu huma ekwivalenti. |
|
3. |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni, minn naħa, tal-Artikolu 16(1), tal-Artikolu 30(1), tal-Artikolu 33(1), tal-Artikolu 45(1) u tal-Artikolu 48(1), kif ukoll tal-punt 2.2.2.(f) tal-Parti IV tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2018 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 ( 3 ), kif ukoll, min-naħa l-oħra, tal-Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ( 4 ). |
|
4. |
Din it-talba sejra tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tispeċifika liema użu għandu jsir mil-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni f’każ ta’ importazzjoni ta’ prodotti li joriġinaw mill-agrikoltura organika. Jiena nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta fis-sens li l-prodotti importati skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 tat‑28 ta’ Ġunju 2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 2092/91 ( 5 ) u tar-Regolament 2018/848 jista’ jitwaħħal fuqhom dan il-logo, akkumpanjat, fl-istess kamp viżiv, minn indikazzjonijiet obbligatorji dwar l-oriġini tal-materji primi u dwar il-pajjiż ta’ oriġini tal-kontroll tal-konformità, mingħajr ma dan jippreġudika l-prinċipju ta’ ugwaljanza protett mill-Artikolu 20 tal-Karta. |
II. Il‑kuntest ġuridiku
A. Ir‑Regolament (KE) Nru 834/2007
|
5. |
Il-premessi 1 u 33 tar-Regolament Nru 834/2007 kienu jipprovdu:
[…]
|
|
6. |
L-Artikolu 19 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Regoli ġenerali dwar il-produzzjoni ta’ l-ikel ipproċessat”, fil-paragrafu 2(b) tiegħu, kien jipprovdi: “Il-kondizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw għall-kompożizzjoni ta’ ikel organiku pproċessat: […]
|
|
7. |
L-Artikolu 23 tal-imsemmi regolament, intitolat “Użu ta’ termini li jirreferu għall-produzzjoni organika”, fil-paragrafu 1 tiegħu, kien jipprovdi: “Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament prodott għandu jitqies li jinkludi termini li jirreferu għall-metodu ta’ produzzjoni organika fejn, fit-tikkettar, fil-materjal tar-riklamar jew f’dokumenti kummerċjali, tali prodott, l-ingredjenti jew il-materjali ta’ l-għalf tiegħu huma mfissra f’termini li jissuġġerixxu lix-xerrej li l-prodott, l-ingredjenti jew il-materjali ta’ l-għalf tiegħu nkisbu skond ir-regoli stabbiliti f’dan ir-Regolament. B’mod partikolari, it-termini elenkati fl-Anness, id-derivati jew id-diminuttivi tagħhom, bħal ‘bijo’ u ‘eko’, weħidhom jew b’mod kombinat, jistgħu jintużaw [fl-Unjoni] kollha u fi kwalunkwe lingwa tal-[Unjoni] għat-tikkettar u r-reklamar ta’ prodott li jissodisfa l-ħtiġiet stabbiliti fi jew skond dan ir-Regolament. Fit-tikkettar u r-reklamar ta’ prodotti agrikoli ħajjin jew mhux ipproċessati jistgħu jintużaw termini li jirreferu għall-metodu ta’ produzzjoni organika fil-każ biss fejn flimkien ma’ dan l-ingredjenti kollha ta’ dak il-prodott ikunu wkoll ġew prodotti skond il-ħtiġiet stabbiliti f’dan ir-Regolament.” |
|
8. |
L-Artikolu 24 tal-istess regolament, intitolat “Indikazzjonijiet obbligatorji”, kien redatt kif ġej: “1. Fejn jintużaw termini kif imsemmija fl-Artikolu 23(1):
[…] L-użu tal-logo Komunitarju kif imsemmi fl-Artikolu 25(1) u l-indikazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom ikunu fakultattivi għall-prodotti importati minn pajjiżi terzi. Madankollu, fejn il-logo Komunitarju kif imsemmi fl-Artikolu 25(1) jidher fit-tikkettar, l-indikazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tidher ukoll fit-tikkettar. 2. L-indikazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu mmarkati f’post li jispikka b’tali mod li jkunu faċilment viżibbli, jistgħu jinqraw b’mod ċar u ma jitħassrux. […]” |
|
9. |
L-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 834/2007, intitolat “Logo ta’ produzzjoni organika”, kien jipprovdi: “1. Il-logo Komunitarju ta’ produzzjoni organika jista’ jintuża fit-tikkettar, il-preżentazzjoni u r-reklamar ta’ prodotti li jissodisfaw il-ħtiġiet imniżżla f’dan ir-Regolament. […] 2. Logos nazzjonali u privati jistgħu jintużaw fit-tikkettar, il-preżentazzjoni u r-reklamar ta’ prodotti li jissodisfaw il-ħtiġiet imniżżla f’dan ir-Regolament […]” |
|
10. |
L-Artikolu 32 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Importazzjoni ta’ prodotti konformi”, kien jistabbilixxi fil-paragrafu 1 tiegħu: “Prodott importat minn pajjiż terz jista’ jitqiegħed fuq is-suq [tal-Unjoni] bħala organiku bil-kondizzjoni li:
|
|
11. |
L-Artikolu 33 tal-imsemmi regolament, intitolat “Importazzjoni ta’ prodotti li jipprovdu garanziji ekwivalenti”, kien redatt kif ġej: “1. Prodott importat minn pajjiż terz jista’ wkoll jitqiegħed fis-suq [tal-Unjoni] bħala organiku bil-kondizzjoni li:
[…] 2. Il-Kummissjoni [Ewropea] tista’ skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 31(2) tirrikonoxxi l-pajjiżi terzi li s-sistema ta’ produzzjoni tagħhom hi konformi ma’ prinċipji u regoli ta’ produzzjoni ekwivalenti għal dawk stabbiliti fit-Titoli II, III u IV u li l-miżuri ta’ kontroll tagħhom huma ta’ effettività ekwivalenti għal dawk stabbiliti fit-Titolu V, u tistabbilixxi lista ta’ dawn il-pajjiżi. L-evalwazzjoni ta’ ekwivalenza għandha tqis il-linji gwida CAC/GL 32 tal-Codex Alimentarius. […]” |
B. Ir‑Regolament (KE) Nru 889/2008
|
12. |
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 889/2008 tal‑5 ta’ Settembru 2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi fir-rigward tal-produzzjoni, it-tikkettar u l-kontroll organiku ( 6 ), kien jinkludi fih l-Artikolu 27, intitolat “L-użu ta’ ċerti prodotti u sustanzi fl-ipproċessar ta’ l-ikel”, li l-paragrafu 1 tiegħu kien jipprovdi: “Għall-finijiet tal-Artikolu 19(2)(b) tar-Regolament [Nru 834/2007], is-sustanzi li ġejjin biss jistgħu jintużaw fl-ipproċessar tal-ikel organiku, bl-eċċezzjoni tal-prodotti tas-settur tal-inbid, li għalih japplikaw id-dispożizzjonijiet fil-Kapitolu 3a: […]
|
C. Ir‑Regolament (KE) Nru 1235/2008
|
13. |
L-Artikolu 7(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1235/2008 tat‑8 ta’ Diċembru 2008 li jistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 dwar l-arranġamenti għall-importazzjonijiet ta’ prodotti organiċi minn pajjiżi terzi ( 7 ), kien jipprovdi: “Il-Kummissjoni se tistabbilixxi lista ta’ pajjiżi terzi rikonoxxuti skond l-Artikolu 33(2) tar-Regolament [Nru 834/2007]. Il-lista ta’ pajjiżi rikonoxxuti hija stabbilita fl-Anness III għal dan ir-regolament […]” |
D. Ir‑Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 126/2012
|
14. |
L-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 126/2012 tal‑14 ta’ Frar 2012 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 889/2008 fir-rigward ta’ evidenza dokumentata u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1235/2008 rigward l-arranġamenti għall-importazzjoni ta’ prodotti organiċi mill-Istati Uniti tal-Amerika ( 8 ), inkluda lill-Istati Uniti fil-lista tal-pajjiżi terzi li tinsab fl-Anness III tar-Regolament Nru 1235/2008. |
E. Ir‑Regolament 2018/848
|
15. |
Il-premessi 1, 3, 6, 9, 15, 17, 73, 77 sa 79, 93, 96 u 123 tar-Regolament 2018/848 jistabbilixxu:
[…]
[…]
[…]
[…]
[…]
[…]
[…]
[…]
[…]
[…]
|
|
16. |
L-Artikolu 16 tar-Regolament 2018/848, intitolat “Regoli tal-produzzjoni għall-ikel ipproċessat”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-operaturi li jipproduċu ikel ipproċessat għandhom jikkonformaw, b’mod partikolari, mar-regoli dettaljati dwar il-produzzjoni li jinsabu fil-Parti IV tal-Anness II u fi kwalunkwe att ta’ implimentazzjoni msemmi fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.” |
|
17. |
Skont l-Artikolu 30 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Użu ta’ termini li jirreferu għall-produzzjoni organika”: “1. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, prodott għandu jitqies li jinkludi t-termini li jirreferu għall-produzzjoni organika fejn, fuq it-tikketta, fil-materjal tar-reklamar jew f’dokumenti kummerċjali, tali prodott, l-ingredjenti tiegħu jew il-materjali tal-għalf użati fil-produzzjoni tiegħu jiġu deskritti f’termini li jissuġġerixxu lix-xerrej li l-prodott, l-ingredjenti jew il-materjali tal-għalf ikunu ġew prodotti f’konformità ma’ dan ir-Regolament. B’mod partikolari, it-termini elenkati fl-Anness IV u d-derivattivi u d-diminuttivi tagħhom, bħal ‘bio’, u ‘eko’, kemm jekk waħidhom kif ukoll jekk ikkombinati, jistgħu jintużaw fl-Unjoni kollha u bi kwalunkwe lingwa elenkata f’dak l-Anness għat-tikkettar u r-reklamar ta’ prodotti msemmija fl-Artikolu 2(1) li jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament. […] 5. Għal ikel ipproċessat, it-termini msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jintużaw:
[…]” |
|
18. |
L-Artikolu 32 tal-imsemmi regolament, intitolat “Indikazzjonijiet obbligatorji”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Fejn prodotti jkollhom termini kif imsemmija fl-Artikolu 30(1), inkluż prodotti ttikkettati bħala prodotti fil-fażi ta’ konverżjoni f’konformità mal-Artikolu 30(3): […]
|
|
19. |
Skont l-Artikolu 33 tar-Regolament 2018/848, intitolat “Logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea”: “1. Il-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea jista’ jintuża fit-tikkettar, fil-preżentazzjoni u fir-reklamar ta’ prodotti li jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament. Il-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea jista’ jintuża wkoll għal skopijiet ta’ informazzjoni u edukattivi marbutin mal-eżistenza u r-reklamar tal-logo nnifsu, dment li tali użu ma jkunx jista’ jwassal biex iqarraq bil-konsumatur b’rabta mal-produzzjoni organika ta’ prodotti speċifiċi, u dment li l-logo jiġi riprodott skont ir-regoli stabbiliti fl-Anness V […] […] 3. L-użu tal-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea għandu jkun fakultattiv għall-prodotti importati minn pajjiżi terzi. Fejn dak il-logo jidher fuq it-tikketta ta’ tali prodotti, l-indikazzjoni msemmija fl-Artikolu 32(2) għandha tidher ukoll fuq it-tikketta. […] 5. Jistgħu jintużaw logos nazzjonali u logos privati fit-tikkettar, fil-preżentazzjoni u fir-reklamar ta’ prodotti li jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament. […]” |
|
20. |
L-Artikolu 42 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Regoli addizzjonali dwar miżuri fil-każ ta’ nonkonformità”, huwa redatt kif ġej: “1. F’każ ta’ nonkonformità li taffettwa l-integrità ta’ prodotti organiċi jew fil-fażi ta’ konverżjoni matul kwalunkwe stadju ta’ produzzjoni, preparazzjoni u distribuzzjoni, pereżempju b’riżultat tal-użu ta’ prodotti, sustanzi jew tekniki mhux awtorizzati, jew it-taħlit ma’ prodotti mhux organiċi, l-awtoritajiet kompetenti, u kif adatt, l-awtoritajiet ta’ kontroll u l-korpi ta’ kontroll, għandhom jiżguraw, […] li ma ssir ebda referenza għall-produzzjoni organika fit-tikkettar u r-reklamar tal-lott kollu kemm hu jew it-tiratura kkonċernata. […]” |
|
21. |
L-Artikolu 44 tal-imsemmi regolament, intitolat “Esportazzjoni ta’ prodotti organiċi”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Prodott jista’ jiġi esportat mill-Unjoni bħala prodott organiku u jista’ jkollu fuqu l-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea, jekk jikkonforma mar-regoli għall-produzzjoni organika skont dan ir-Regolament.” |
|
22. |
L-Artikolu 45 tar-Regolament 2018/848, intitolat “Importazzjoni ta’ prodotti organiċi u dawk fil-fażi ta’ konverżjoni”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu: “Prodott jista’ jiġi importat minn pajjiż terz għall-finijiet tat-tqegħid ta’ dak il-prodott fis-suq fl-Unjoni bħala prodott organiku jew bħala prodott fil-fażi ta’ konverżjoni, dment li t-tliet kondizzjonijiet li ġejjin jiġu ssodisfati:
|
|
23. |
L-Artikolu 48 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Ekwivalenza skont ir-Regolament [Nru 834/2007]”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu: “Pajjiż terz rikonoxxut kif imsemmi fil-punt (b)(iii) tal-Artikolu 45(1) huwa pajjiż terz li ġie rikonoxxut għall-fini tal-ekwivalenza skont l-Artikolu 33(2) tar-Regolament [Nru 834/2007], inkluż dawk rikonoxxuti skont il-miżuri transitorji previsti fl-Artikolu 58 ta’ dan ir-Regolament. Dak ir-rikonoxximent għandu jiskadi fil‑31 ta’ Diċembru 2025.” |
|
24. |
Skont l-ewwel u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 56 tal-imsemmi regolament: “Ir-Regolament [Nru 834/2007] huwa rrevokat. Madankollu, dak ir-Regolament għandu jibqa’ japplika għall-finijiet tat-tlestija tal-analiżi tal-applikazzjonijiet pendenti minn pajjiżi terzi, kif stipulat fl-Artikolu 58 ta’ dan ir-Regolament.” |
|
25. |
L-Artikolu 58(1) tar-Regolament 2018/848 jistabbilixxi: “Il-Kummissjoni għandha tlesti l-analiżi tal-applikazzjonijiet minn pajjiżi terzi li jkunu ġew ippreżentati skont l-Artikolu 33(2) tar-Regolament Nru 834/2007 u li jkunu pendenti fis-17 ta’ Ġunju 2018. Dak ir-Regolament għandu japplika għall-analiżi ta’ dawn l-applikazzjonijiet.” |
|
26. |
Il-punt 2.2.2.(f) tal-Parti IV tal-Anness II tal-imsemmi regolament jipprovdi, fir-rigward tar-rekwiżiti ddettaljati applikabbli għall-produzzjoni ta’ ikel ipproċessat: “Fl-ipproċessar tal-ikel, jistgħu jintużaw il-prodotti u sustanzi li ġejjin: […]
|
F. Ir‑Regolament (UE) 2020/1693
|
27. |
Il-premessa 7 tar-Regolament (UE) 2020/1693 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Novembru 2020 li jemenda r-Regolament (UE) 2018/848 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi fir-rigward tad-data tal-applikazzjoni tiegħu u ta’ ċerti dati oħrajn imsemmija f’dak ir-Regolament ( 12 ), tipprovdi: “Il-pandemija tal-COVID-19 u l-kriżi relatata tas-saħħa pubblika jippreżentaw […] sfida bla preċedent għall-pajjiżi terzi u għall-operaturi bbażati f’pajjiżi terzi. Konsegwentement, għal pajjiżi terzi li ġew rikonoxxuti bħala ekwivalenti skont l-Artikolu 33(2) tar-Regolament [Nru 834/2007], huwa xieraq li d-data ta’ skadenza tar-rikonoxximent tagħhom tiġi estiża b’sena, jiġifieri sal‑31 ta’ Diċembru 2026, sabiex pajjiżi terzi bħal dawn ikollhom biżżejjed żmien biex jibdlu l-istatus tagħhom, billi jikkonkludu ftehim kummerċjali mal-Unjoni jew permezz ta’ konformità sħiħa mill-operaturi tagħhom mar-Regolament [2018/848], mingħajr ma jinħoloq xkiel żejjed fil-kummerċ tal-prodotti organiċi.” |
|
28. |
Il-punt 2 tal-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi: “Ir-Regolament [2018/848] huwa emendat kif ġej:
|
G. Ir‑Regolament Delegat (UE) 2021/1342
|
29. |
Il-premessa 3 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/1342 tas‑27 ta’ Mejju 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’regoli dwar l-informazzjoni li għandha tintbagħat mill-pajjiżi terzi u mill-awtoritajiet ta’ kontroll u mill-korpi ta’ kontroll għall-finijiet tas-superviżjoni tar-rikonoxximent tagħhom skont l-Artikolu 33(2) u (3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 għall-prodotti organiċi importati u l-miżuri li għandhom jittieħdu fl-eżerċizzju ta’ dik is-superviżjoni ( 13 ), tipprovdi: “Meta jitqiegħdu fis-suq tal-Unjoni sa tmiem dawk il-perjodi tranżitorji, il-prodotti organiċi importati fl-Unjoni skont dawk l-iskemi ta’ importazzjoni iridu jiġu prodotti f’konformità mar-regoli ta’ produzzjoni u soġġetti għall-arranġamenti ta’ kontroll li huma ekwivalenti għal dawk stabbiliti fir-Regolament [Nru 834/2007] kif ukoll mar-regoli ta’ implimentazzjoni assoċjati miegħu stabbiliti fir-Regolamenti tal-Kummissjoni [Nru 889/2008] u [Nru 1235/2008].” |
|
30. |
L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament delegat jistabbilixxi: “1. Ir-rapport annwali li għandu jintbagħat lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artiklu 48(2) tar-Regolament [2018/848], sal‑31 ta’ Marzu ta’ kull sena, minn pajjiż terz imsemmi fl-Artikolu 48(1) tar-Regolament u inkluż fil-lista stabbilita permezz ta’ Regolament ta’ Implimentazzjoni li jrid jiġi adottat skont l-Artikolu 48(3) tar-Regolament [2018/848] […] għandu jinkludi: […]
[…] 6. Il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz meta tirċievi notifika minn Stat Membru li jinfurmaha b’suspett sostanzjat ta’ irregolarità jew ksur, fir-rigward tal-konformità tal-prodotti organiċi importati, mar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament [Nru 834/2007] u mal-istandards tal-produzzjoni u mal-miżuri ta’ kontroll aċċettati bħala ekwivalenti abbażi tal-valutazzjoni li saret. Dik l-awtorità kompetenti għandha tinvestiga l-oriġini tal-irregolarità jew tal-ksur suspettat u għandha, fi żmien 30 jum kalendarju min-notifika tal-Kummissjoni, tinforma lill-Kummissjoni u lill-Istat Membru kkonċernat bir-riżultat tal-investigazzjoni u tal-azzjoni li tkun ittieħdet.” |
III. Il‑fatti tal‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
|
31. |
Herbaria tipproduċi l-prodott “Blutquick”, li huwa taħlita ta’ meraq tal-frott u ta’ estratti ta’ ħwawar minn produzzjoni organika. Ma’ din ix-xarba li tiġi kkummerċjalizzata bħala suppliment tal-ikel jiġu miżjuda vitamini mhux veġetali u l-glukonat ferruż. Fuq l-imballaġġ hemm inkluż il-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni, l-ekotikketta nazzjonali kif ukoll riferiment għall-fatt li l-ingredjenti joriġinaw minn “agrikoltura organika kkontrollata”. |
|
32. |
B’deċiżjoni tat‑18 ta’ Jannar 2012, il-Bayerische Landesanstalt für Landwirtschaft (l-Istitut tal-Agrikoltura tal-Land ta’ Bayern, il-Ġermanja), inter alia, ordna lil Herbaria tħassar, qabel l‑1 ta’ Diċembru 2012, ir-riferiment għall-produzzjoni organika, protetta skont l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 834/2007 preżenti fl-ittikkettjar, fir-reklamar u fil-kummerċjalizzazzjoni ta’ “Blutquick”, għar-raġuni li, skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament u tal-Artikolu 27(1)(f) tar-Regolament Nru 889/2008, ma kienx permess li jiġu miżjuda vitamini u minerali fil-prodotti pproċessati li fuqhom ikun hemm il-kelma “organiku” dment li l-użu tagħhom ma jkunx meħtieġ mil-liġi. Skont l-Istitut tal-Agrikoltura tal-Land ta’ Bayern, dan ma kienx il-każ fir-rigward ta’ “Blutquick”. |
|
33. |
Herbaria ppreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Verwaltungsgericht München (il-Qorti Amministrattiva ta’ München, il-Ġermanja), li għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja domandi preliminari li jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta’ dan l-Artikolu 27(1)(f). |
|
34. |
Wara li kisbet ir-risposta għal dawn id-domandi permezz tas-sentenza Herbaria I, il-Verwaltungsgericht München (il-Qorti Amministrattiva ta’ München) ċaħdet ir-rikors ta’ Herbaria. |
|
35. |
L-appell ippreżentat kontra dik id-deċiżjoni ġie miċħud bis-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2021, li kontriha Herbaria ppreżentat rikors għal reviżjoni quddiem il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja), attwalment il-qorti tar-rinviju. Din tal-aħħar tqis li r-Regolament Nru 834/2007 ma għadux applikabbli ratione temporis, ġaladarba ġie ssostitwit bir-Regolament 2018/848. |
|
36. |
Herbaria ma għadhiex tikkontesta l-fatt li, minħabba ż-żieda ta’ vitamini u tal-glukonat ferruż, ir-Regolament 2018/848 jipprojbixxi r-riferiment għall-produzzjoni organika fil-mument tat-tqegħid fis-suq ta’ “Blutquick”. Madankollu, skont l-interpretazzjoni tagħha ta’ dan ir-regolament, l-istess projbizzjoni ma tapplikax għal prodott importat mill-Istati Uniti u li għandu l-istess karatteristiċi. |
|
37. |
Fil-fatt, skont Herbaria, wara l-konklużjoni ta’ ftehim ta’ ekwivalenza milħuq bejn l-Unjoni u l-Istati Uniti, prodotti kompetituri ta’ “Blutquick” u li joriġinaw mill-Istati Uniti setgħu jiġu kkummerċjalizzati fl-Unjoni bħala prodotti organiċi, bil-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni, ġaladarba dawn sempliċement josservaw ir-regoli dwar il-produzzjoni organika fis-seħħ fl-Istati Uniti u, għaldaqstant, anki meta dawn ma josservawx ir-regoli kollha dwar il-produzzjoni organika meħtieġa mid-dritt tal-Unjoni. Dan jikkostitwixxi inugwaljanza fit-trattament bi ksur tal-Artikolu 20 tal-Karta. |
|
38. |
Il-Land ta’ Bayern iqis li l-interpretazzjoni tar-Regolament 2018/848 segwit minn Herbaria hija żbaljata u li, fir-realtà, prodott li joriġina mill-Istati Uniti jista’ jkollu fuqu l-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni biss jekk dan jissodisfa r-regoli dwar il-produzzjoni previsti minn dan ir-regolament. Għaldaqstant ma teżisti l-ebda differenza fit-trattament. |
|
39. |
Il-qorti tar-rinviju għandha dubji, qabelxejn, fuq il-kwistjoni dwar jekk, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, prodott importat mill-Istati Uniti jistax ikollu fuqu l-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni, anki jekk dan ma jkunx totalment konformi mar-rekwiżiti stabbiliti bir-Regolament 2018/848. |
|
40. |
Sussegwentement, jekk dan kellu jkun effettivament minnu, hija tistaqsi jekk dan il-fatt jikkostitwixxix inugwaljanza fit-trattament ipprojbita mill-Artikolu 20 tal-Karta u, jekk applikabbli, jekk tali inugwaljanza fit-trattament tistax tkun iġġustifikata fid-dawl tar-rikonoxximent tan-natura ekwivalenti tal-prodotti inkwistjoni jew tal-aġevolazzjoni tal-kummerċ. |
|
41. |
Fl-aħħar, il-qorti tar-rinviju tqis li tqum bl-istess mod il-kwistjoni fir-rigward tar-riferiment għall-produzzjoni organika previst fl-Artikolu 30(1) tar-Regolament 2018/848, li Herbaria wkoll ġiet ipprojbita milli tużah. |
|
42. |
Fil-fatt, skont il-qorti tar-rinviju, meta żewġ impriżi jipproduċu l-istess prodott tal-ikel ipproċessat li jissodisfa regoli ekwivalenti fil-qasam tal-produzzjoni u tal-kontroll ta’ pajjiż terz irrikonoxxut konformement mal-Artikolu 48(1) tar-Regolament 2018/848, iżda li ma jissodisfax, minħabba ż-żieda ta’ ċerti ingredjenti, il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 16(1) ta’ dan ir-regolament, moqri flimkien mal-punt 2.2.2.(f) tal-Parti IV tal-Anness II tal-imsemmi regolament, u meta dawn iż-żewġ impriżi jkollhom ix-xewqa li jikkummerċjalizzaw fl-Unjoni l-prodotti rispettivi bl-indikazzjoni tal-produzzjoni organika, teżisti f’dan ir-rigward, jekk jitqies li s-sitwazzjonijiet huma fil-prinċipju paragunabbli, inugwaljanza fit-trattament fis-sens tal-Artikolu 20 tal-Karta. Filwaqt li l-impriża li tipproduċi fl-Unjoni ma tistax, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 30(1) tar-Regolament 2018/848, twaħħal fuq il-prodott tagħha, fil-mument tal-kummerċjalizzazzjoni fl-Unjoni, l-indikazzjoni tal-produzzjoni organika, l-impriża stabbilita f’pajjiż terz irrikonoxxut konformement mal-Artikolu 48 ta’ dan ir-regolament tista’ twaħħal din l-indikazzjoni fuq il-prodott tagħha. Dan kollu jirriżulta mill-fatt li, skont l-Artikolu 45(1)(b)(iii) tar-Regolament 2018/848, prodott previst minn dan ir-regolament jista’ jiġi importat minn pajjiż terz sabiex jitqiegħed fis-suq fl-Unjoni bħala prodott organiku jekk, fost kundizzjonijiet oħrajn, ikun joriġina minn pajjiż terz irrikonoxxut konformement mal-Artikolu 48 tal-imsemmi regolament u jekk jissodisfa r-regoli ekwivalenti ta’ dan il-pajjiż terz fil-qasam tal-produzzjoni u tal-kontroll, sitwazzjoni li jaqa’ taħtha prodott ekwivalenti għal “Blutquick” li jista’ jiġi kkummerċjalizzat fl-Istati Uniti taħt id-denominazzjoni “organic”, minkejja li jkunu ġew miżjuda miegħu vitamini u minerali nutrittivi. |
|
43. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
|
44. |
Herbaria, il-Land ta’ Bayern u l-Kummissjoni ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Dawn tal-aħħar ipparteċipaw, flimkien mal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u mal-Parlament Ewropew fis-seduta li nżammet fit‑18 ta’ Marzu 2024, li matulha wieġbu għall-mistoqsijiet għal risposta orali li sarulhom mill-Qorti tal-Ġustizzja. |
IV. Analiżi
|
45. |
Qabel ma nagħti risposta għad-domandi tal-qorti tar-rinviju, nixtieq infakkar li ma huwiex ikkontestat minn Herbaria li l-“Blutquick” ma jistax jitwaħħal fuqu l-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. |
|
46. |
Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza Herbaria I, stabbilixxiet li “l-Artikolu 27(1)(f) tar-Regolament Nru 889/2008 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-użu ta’ sustanza msemmija f’din id-dispożizzjoni jkun legalment meħtieġ biss meta dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jew dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tkun konformi mad-dritt tal-Unjoni timponi direttament iż-żieda tal-imsemmija sustanza f’oġġett tal-ikel sabiex dan tal-aħħar ikun jista’ jiġi kkummerċjalizzat b’mod ġenerali”. Hija żżid li “[l]-użu ta’ tali sustanza ma huwiex legalment meħtieġ, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, meta oġġett tal-ikel jiġi kkummerċjalizzat bħala suppliment tal-ikel, b’indikazzjoni dwar in-nutrizzjoni jew is-saħħa, jew bħala oġġett tal-ikel għal użu nutrittiv partikolari, minkejja li dan jimplika li, sabiex jiġu rrispettati d-dispożizzjonijiet dwar l-inklużjoni ta’ sustanzi fl-oġġetti tal-ikel, li jinsabu” f’ċerti testi tad-dritt tal-Unjoni, “dan l-oġġett tal-ikel għandu jinkludi kwantità speċifika tas-sustanza inkwistjoni” ( 14 ). |
|
47. |
Minkejja li ngħatat meta kien għadu viġenti r-Regolament Nru 834/2007, is-sentenza Herbaria I tibqa’ xorta waħda rilevanti wara l-adozzjoni tar-Regolament 2018/848 sa fejn l-Artikolu 16(1) u l-punt 2.2.2.(f)(i) tal-Parti IV tal-Anness II ta’ dan ir-regolament jipprojbixxi ż-żieda ta’ minerali, vitamini, aminoaċidi u mikronutrijenti ġaladarba l-użu tagħhom fi prodotti tal-ikel ma jkunx espressament meħtieġ bħala rekwiżit legali stabbilit mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni jew mid-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, anki skont l-imsemmi regolament, Herbaria ma tistax, bħal qabel, twaħħal il-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni fuq il-“Blutquick”, li jinkludi fih vitamini mhux veġetali u l-glukonat ferruż li ma joriġinawx minn agrikoltura organika. |
|
48. |
Fil-kuntest tal-proċedura li wasslet għas-sentenza Herbaria I, Herbaria, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, kienet diġà qajmet ir-riskju ta’ ksur tal-ugwaljanza bejn il-“Blutquick” u prodott kompetitur li joriġina mill-Istati Uniti li seta’, fl-opinjoni tagħha, jibbenefika mil-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni. Fil-konklużjonijiet tagħha, l-Avukata Ġenerali Sharpston kienet ikkunsidrat li l-Qorti tal-Ġustizzja ma kellhiex tagħti risposta fir-rigward ta’ dan il-punt, peress ma kinitx saret domanda f’dan is-sens mill-qorti tar-rinviju ( 15 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet segwiet l-istess raġunament u ma kinitx tat risposta għal din il-problema li ma kinitx tqajmet mill-qorti tar-rinviju ( 16 ). |
|
49. |
Sabiex tikseb id-dritt li tuża l-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni filwaqt li ma tosservax il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni marbuta mal-produzzjoni organika, Herbaria allegat, mill-ġdid, quddiem il-qorti tar-rinviju, inugwaljanza fit-trattament bejn il-“Blutquick” u prodott importat minn pajjiż terz (l-Istati Uniti) irrikonoxxut, konformement mal-Artikolu 48 tar-Regolament 2018/848, għall-finijiet tal-ekwivalenza abbażi tal-Artikolu 33(2) tar-Regolament Nru 834/2007, li jista’ jibbenefika mil-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni. |
|
50. |
Fi kliem ieħor, Herbaria tibbaża l-argument tagħha fuq iċ-ċertezza li dan il-logo jista’ jintuża għal tali prodott Amerikan u li “Blutquick” huwa suġġett għal inugwaljanza fit-trattament, peress li ma jistax jitwaħħal fuqu l-imsemmi logo, minkejja li josserva l-istandards Amerikani li jikkonċernaw il-produzzjoni organika. |
A. Fuq l‑ewwel domanda preliminari
|
51. |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja fuq il-punt dwar jekk il-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni jistax jitwaħħal fuq prodott importat skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 45(1) tar-Regolament 2018/848, iżda li ma jissodisfax il-preskrizzjonijiet tal-Artikolu 16(1) ta’ dan ir-regolament, moqri flimkien mal-punt 2.2.2.(f) tal-Parti IV tal-Anness II tal-imsemmi regolament. |
|
52. |
Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, jeħtieġ li jiġi ddeterminat, minn naħa, liema hija s-sistema ta’ importazzjoni applikabbli u, min-naħa l-oħra, liema huwa r-regolament applikabbli għal dan it-tip ta’ prodott importat. |
|
53. |
Fir-rigward, fl-ewwel lok, tas-sistema ta’ importazzjoni applikabbli, l-Artikolu 45(1) tar-Regolament 2018/848, li fuq il-bażi tiegħu qegħdin isiru d-domandi, jipprovdi għal tliet modalitajiet ta’ importazzjoni li huma ddettaljati fil-paragrafu 1(b) ta’ dan l-artikolu. L-ewwel waħda tikkonċerna l-prodotti konformi mal-kapitoli ta’ dan ir-regolament marbuta mal-għanijiet u mal-prinċipji tal-produzzjoni organika, mar-regoli dwar il-produzzjoni u mal-ittikkettjar (konformità tal-prodott) ( 17 ). It-tieni waħda tikkonċerna l-prodotti li joriġinaw minn pajjiż terz li fir-rigward tiegħu l-Unjoni rrikonoxxiet, abbażi ta’ ftehim kummerċjali, li s-sistema ta’ produzzjoni tiegħu tissodisfa l-istess għanijiet u prinċipji bl-applikazzjoni ta’ regoli li jiggarantixxu l-istess livell ta’ assigurazzjoni tal-konformità bħal dawk tal-Unjoni (ekwivalenza abbażi ta’ ftehim kummerċjali) ( 18 ). It-tielet waħda tikkonċerna l-prodotti li jissodisfaw ir-regoli ekwivalenti tal-pajjiż terz irrikonoxxut b’mod unilaterali mill-Kummissjoni konformement mal-Artikolu 48 tal-imsemmi regolament, fil-qasam tal-produzzjoni u tal-kontroll ( 19 ). Din l-aħħar modalità tikkorrispondi għal dik stabbilita bl-Artikolu 33(2) tar-Regolament Nru 834/2007 (ekwivalenza unilaterali abbażi tar-Regolament Nru 834/2007). |
|
54. |
Herbaria tiddikjara li l-importazzjoni tal-prodotti Amerikani hija rregolata minn ftehim kummerċjali u għaldaqstant taqa’ taħt l-Artikolu 45(1)(b)(ii) tar-Regolament 2018/848. |
|
55. |
Għalkemm huwa minnu li jeżisti skambju ta’ ittri bejn il-United States Department of Agriculture (il-Ministeru għall-Agrikoltura tal-Istati Uniti) u l-Kummissjoni, dan l-iskambju sar fil-kuntest tal-pubblikazzjoni, fil‑15 ta’ Frar 2012, f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 126/2012 li emenda r-Regolament tal-Kummissjoni Nru 1235/2008 sabiex jiżdied il-pajjiż tal-Istati Uniti fil-lista li tinsab fl-Anness III ta’ dan ir-regolament bħala pajjiż terz li s-sistema ta’ produzzjoni tiegħu tissodisfa prinċipji u regoli ekwivalenti għal dawk previsti fit-Titoli II, III u IV tar-Regolament Nru 834/2007 u li l-miżuri ta’ kontroll tiegħu huma effikaċi daqs dawk previsti fit-Titolu V ta’ dan ir-regolament. Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 126/2012 daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Ġunju 2012. |
|
56. |
Għaldaqstant, fir-realtà, l-awtorizzazzjoni tal-importazzjoni ta’ prodotti organiċi li joriġinaw mill-Istati Uniti bħala li joriġinaw minn pajjiż terz li r-regoli dwar il-produzzjoni u dwar il-kontroll tiegħu huma ekwivalenti ngħatat skont l-Artikolu 33(2) tar-Regolament Nru 834/2007, jiġifieri bis-saħħa ta’ ekwivalenza rrikonoxxuta b’mod unilaterali mill-Kummissjoni. Dan ġie kkonfermat mill-Kummissjoni fir-rapport tagħha stabbilit skont l-Artikolu 49 tar-Regolament 2018/848 ( 20 ). |
|
57. |
Fir-rigward, fit-tieni lok, tas-sistema legali applikabbli għall-prodott importat, minkejja li ma hemm l-ebda dubju dwar il-fatt li r-Regolament 2018/848 japplika minn issa ’l quddiem għall-prodotti tal-Unjoni u li, sabiex jibbenefika mil-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni, il-“Blutquick” għandu jkun konformi mal-preskrizzjonijiet ta’ dan ir-regolament, ir-risposta hija inqas ċara fir-rigward tal-prodotti importati li joriġinaw minn pajjiżi terzi li r-regoli dwar il-produzzjoni u dwar il-kontroll tagħhom huma rrikonoxxuti bħala ekwivalenti. |
|
58. |
Fil-fatt, ir-Regolament Nru 834/2007, minkejja li ġie mħassar bir-Regolament 2018/848, jibqa’ japplika għall-finijiet tat-tlestija tal-eżami tal-applikazzjonijiet pendenti li ġew ippreżentati minn pajjiżi terzi ( 21 ). L-Artikolu 58 ta’ dan ir-regolament jikkonferma li r-Regolament Nru 834/2007 li ġie mħassar għandu japplika għall-eżami tal-applikazzjonijiet ippreżentati minn pajjiżi terzi abbażi tal-Artikolu 33(2) ta’ dan ir-regolament u li jkunu għadhom pendenti fis‑17 ta’ Ġunju 2018. |
|
59. |
Il-premessa 3 tar-Regolament Delegat 2021/1342 tagħmel riferiment espliċitu għan-neċessità fir-rigward tal-prodotti organiċi importati, fil-kuntest tas-sistema ta’ importazzjoni prevista fl-Artikolu 48(1) tar-Regolament 2018/848, sat-tmiem tal-perijodu tranżitorju, li dawn jiġu prodotti konformement mar-regoli ta’ produzzjoni u jiġu suġġetti għal sistemi ta’ kontroll ekwivalenti għal dawk previsti fir-Regolament Nru 834/2007. Bl-istess mod, l-Artikolu 1(1)(d) u (e) ta’ dan ir-regolament delegat jagħmel riferiment għall-ekwivalenza mar-regoli dwar il-produzzjoni u dwar il-kontroll stabbiliti permezz tar-Regolament Nru 834/2007. |
|
60. |
In-nuqqas ta’ ċertezza jista’, fir-realtà, jirriżulta mid-differenza fit-tfassil bejn l-Artikolu 33(2) tar-Regolament Nru 834/2007, li joħloq dan il-mekkaniżmu ta’ ekwivalenza unilaterali għal pajjiżi terzi, u l-Artikolu 45(1)(b)(iii) tar-Regolament 2018/848, li jirriproduċi dan il-mekkaniżmu. |
|
61. |
Fil-fatt, filwaqt li l-Artikolu 33(2) tar-Regolament Nru 834/2007 jistabbilixxi li “l-Kummissjoni tista’ […] tirrikonoxxi l-pajjiżi terzi li s-sistema ta’ produzzjoni tagħhom hi konformi ma’ prinċipji u regoli ta’ produzzjoni ekwivalenti għal dawk stabbiliti fit-Titoli II [ ( 22 )], III [ ( 23 )] u IV [ ( 24 )] u li l-miżuri ta’ kontroll tagħhom huma ta’ effettività ekwivalenti għal dawk stabbiliti fit-Titolu V [ ( 25 )] u tistabbilixxi lista ta’ dawn il-pajjiżi”, l-Artikolu 45(1)(b)(iii) tar-Regolament 2018/848 jindika li “l-prodott […] jikkonforma mal-produzzjoni u r-regoli ta’ kontroll ekwivalenti ta’ dak il-pajjiż terz [mar-regoli ekwivalenti ta’ dak il-pajjiż terz fil-qasam tal-produzzjoni u tal-kontroll]”. |
|
62. |
Qabelxejn, il-kamp tal-ekwivalenza mfittxija ma jidhirx li jikkorrispondi bejn dawn iż-żewġ artikoli, peress li l-Artikolu 45 tar-Regolament 2018/848 ma jagħmel ebda riferiment espliċitu għar-regoli dwar l-ittikkettjar. |
|
63. |
Madankollu, din id-differenza fit-tfassil, li tista’ tiġi spjegata mill-fatt li din il-parti tal-Artikolu 45(1)(b)(iii) tar-Regolament 2018/848 tirriżulta minn emenda tal-Parlament ( 26 ), ma għandhiex twassal sabiex dawn iż-żewġ artikoli jiġu interpretati b’mod differenti f’dak li għandu x’jaqsam mal-ekwivalenza. Fil-fatt, fl-ewwel tfassil, ir-regoli dwar l-ittikkettjar huma inklużi fil-prinċipji u fir-regoli dwar il-produzzjoni. Konsegwentement, sa fejn huma kkonċernati r-regoli fil-qasam tal-produzzjoni fl-Artikolu 45(1)(b)(iii) tar-Regolament 2018/848, ir-regoli dwar l-ittikkettjar huma inklużi, għall-kuntrarju ta’ dak li tiddikjara l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha. |
|
64. |
Sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda preliminari, jidhirli li jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn l-ipoteżi ta’ konformità tal-prodott mal-preskrizzjonijiet tar-Regolament 2018/848 ( 27 ) u ż-żewġ ipoteżijiet l-oħrajn ta’ importazzjoni li jirrikjedu mekkaniżmu ta’ ekwivalenza fuq il-bażi ta’ ftehim kummerċjali ( 28 ) jew tar-Regolament Nru 834/2007 ( 29 ). |
|
65. |
Fir-rigward tal-prodotti konformi mal-preskrizzjonijiet tar-Regolament 2018/848, ma hemm xejn li jipprekludi l-użu tal-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni, sa fejn l-Artikolu 33(1) ta’ dan ir-regolament jindika li jista’ jintuża għall-ittikkettjar, il-preżentazzjoni u r-reklamar li jikkonċernaw il-prodotti konformi mal-imsemmi regolament. |
|
66. |
Fir-rigward tal-prodotti importati bis-saħħa tal-ekwivalenza abbażi ta’ ftehim kummerċjali jew abbażi tar-Regolament Nru 834/2007, minkejja li l-użu tal-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni jaqa’, għal dawk tal-ewwel kategorija, taħt l-Artikolu 33(1) tar-Regolament 2018/848 u, għal dawk tat-tieni waħda, taħt l-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 834/2007 ( 30 ), billi t-tfassil ta’ dawn iż-żewġ artikoli jagħmel riferiment għall-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fir-regolament applikabbli, nipproponi li l-kwistjoni tal-interpretazzjoni tal-imsemmija żewġ artikoli għandha tiġi ttrattata b’mod konġunt. Dan huwa iktar u iktar iġġustifikat peress li, għalkemm is-sistema ta’ ekwivalenza unilaterali abbażi tar-Regolament Nru 834/2007 għandha tiġi fi tmiemha fil‑31 ta’ Diċembru 2026 ( 31 ), din hija maħsuba li tiġi ssostitwita bis-sistema ta’ ekwivalenza l-ġdida bbażata fuq ftehim kummerċjali peress li l-Kunsill ħareġ id-direttivi tiegħu lill-Kummissjoni bil-ħsieb li jiġu konklużi dawn il-ftehimiet ( 32 ) u peress li l-interpretazzjoni mogħtija lill-ewwel artikolu tapplika wkoll għall-ieħor minħabba l-identiċità tat-termini użati. |
|
67. |
Ġaladarba l-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni jista’ jintuża biss għall-ittikkettjar, il-preżentazzjoni u r-reklamar tal-prodotti konformi mar-regolament applikabbli, l-interpretazzjoni letterali tal-kliem tal-Artikolu 33(1) tar-Regolament 2018/848 u tal-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 834/2007 twassal sabiex l-użu ta’ dan il-logo ikun rriżervat għall-prodotti konformi (u mhux possibbli fil-każ ta’ prodotti ekwivalenti). |
|
68. |
Jekk tipprevalixxi din l-interpretazzjoni, l-imsemmi logo jitqies bħall-marka CE jew l-ekotikketta tal-Unjoni, pereżempju, li huma marki li juru li ġew osservati r-regoli ta’ armonizzazzjoni tal-Unjoni, ibbażati fuq il-konformità tal-prodott ma’ dawn ir-regoli. |
|
69. |
Fil-fatt, il-marka CE hija l-unika marka li tikkonferma l-konformità tal-prodott mar-rekwiżiti applikabbli tal-leġiżlazzjoni ta’ armonizzazzjoni rilevanti tal-Unjoni li tipprovdi għall-użu tagħha ( 33 ). Billi jwaħħal jew billi jqabbad lil min iwaħħal il-marka CE, il-manifattur jindika li huwa qiegħed jassumi r-responsabbiltà tal-konformità tal-prodott mar-rekwiżiti applikabbli kollha ddefiniti fil-leġiżlazzjoni ta’ armonizzazzjoni rilevanti tal-Unjoni li tipprovdi għat-twaħħil tagħha ( 34 ). Il-prodotti li joriġinaw minn pajjiż terz li jidħlu fis-suq tal-Unjoni għandhom ikunu konformi mar-rekwiżiti applikabbli kollha ta’ din tal-aħħar ( 35 ). |
|
70. |
Fir-rigward tal-ekotikketta tal-Unjoni ( 36 ), minkejja li fakultattiva, din tista’ tintuża biss fir-rigward tal-prodotti li jissodisfaw il-kriterji tal-ekotikketta tal-Unjoni applikabbli għall-prodotti kkonċernati u li kienu rċevew l-ekotikketta tal-Unjoni ( 37 ). Meta prodott joriġina minn barra l-Unjoni, l-applikazzjoni għall-għoti ta’ din it-tikketta għandha tiġi ppreżentata quddiem wieħed mill-korpi kompetenti f’wieħed mill-Istati Membri li fih il-prodott għandu jitqiegħed jew ikun tqiegħed fis-suq ( 38 ). Ma jeżistux kriterji differenti għall-għoti tal-imsemmija tikketta għall-prodotti importati fl-Unjoni. |
|
71. |
L-interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 33(1) tar-Regolament 2018/848 u tal-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 834/2007 li tirriżerva l-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni biss għall-prodotti konformi mar-regolament applikabbli tista’ tkun iġġustifikata, anki jekk jeżistu prodotti importati mhux konformi, iżda li josservaw il-leġiżlazzjoni organika tal-pajjiż ta’ oriġini. |
|
72. |
Fil-fatt, l-Artikolu 25(2) tar-Regolament Nru 834/2007 u l-Artikolu 33(5) tar-Regolament 2018/848 jipprovdu li logos nazzjonali u privati jistgħu jintużaw għall-ittikkettjar, għall-preżentazzjoni u għar-reklamar tal-prodotti konformi mar-regolament applikabbli, u li l-użu tal-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni huwa fakultattiv għall-prodotti importati minn pajjiż terz ( 39 ). Għaldaqstant jista’ jkun previst li, f’każ ta’ importazzjoni bis-saħħa ta’ ekwivalenza, dawn il-logos nazzjonali jew privati li jiċċertifikaw li r-regoli nazzjonali jew privati li l-prodotti importati għandhom ikunu konformi magħhom fil-pajjiż ta’ oriġini kienu ġew osservati jiġu aċċettati fi ħdan l-Unjoni fuq il-bażi ta’ rikonoxximent reċiproku, iżda li l-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni jkun irriżervat għall-prodotti konformi mal-preskrizzjonijiet tar-regolament applikabbli, għal għanijiet ta’ armonizzazzjoni u ta’ ċarezza għall-konsumatur li jinsab fit-territorju tal-Unjoni. |
|
73. |
Barra minn hekk, dan ir-rikonoxximent reċiproku marbut mal-użu tal-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni rriżervat għall-prodotti konformi ma jmurx kontra d-dispożizzjonijiet tal-ftehim dwar l-ostakoli tekniċi għall-kummerċ ( 40 ), peress li huma pprojbiti biss ir-regolamenti tekniċi ( 41 ), l-istandards ( 42 ) u l-proċeduri ta’ evalwazzjoni tal-konformità ( 43 ) li jiżguraw trattament inqas favorevoli għall-prodotti importati meta mqabbla mal-prodotti nazzjonali. Madankollu, f’dan il-każ, ma huwiex l-importatur li qiegħed jilmenta dwar trattament inqas favorevoli, iżda huwa l-produttur tal-Unjoni li qiegħed jilmenta dwar trattament iktar favorevoli mogħti lil prodott importat. |
|
74. |
L-interpretazzjoni teleoloġika tista’ twassal ukoll sabiex l-użu tal-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni jiġi rriżervat biss għall-prodotti konformi mar-regolament applikabbli. Fil-fatt, kemm ir-Regolament Nru 834/2007 kif ukoll ir-Regolament 2018/848 jinvokaw in-neċessità tal-fiduċja tal-konsumatur fir-rigward tal-produzzjoni organika, fil-qasam ta’ ttikkettjar u ta’ trasparenza ( 44 ). |
|
75. |
Minkejja li attraenti, dawn l-interpretazzjonijiet letterali u teleoloġiċi jmorru kontra l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni li hija rrilevata b’mod ċar f’diversi dokumenti u b’mod partikolari fix-xogħol preparatorju tar-Regolament 2018/848. |
|
76. |
Fil-fatt, mis-sena 2004, ġie previst, fir-Regolament (KE) Nru 392/2004 ( 45 ), li l-logo li jindika li prodotti jaqgħu taħt is-sistema ta’ kontroll prevista mil-leġiżlazzjoni Komunitarja ta’ dak iż-żmien seta’ jitwaħħal fuq il-prodotti importati minn pajjiżi terzi ( 46 ). Fl-istess sena, fil-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għall-Ikel u l-Biedja Organiċi ( 47 ), il-Kummissjoni, fl-azzjoni 19, intiża li timmultiplika l-isforzi sabiex jiġu inklużi pajjiżi terzi fil-lista ta’ ekwivalenza, inkluż fir-rigward tal-evalwazzjonijiet fil-post, kienet ipprevediet li tagħti lill-prodotti kollha importati fuq il-bażi ta’ ekwivalenza l-aċċess għal-logo Komunitarju. Hija kkonfermat din il-pożizzjoni fl-anness ta’ dan il-pjan ta’ azzjoni billi indikat li, l-azzjoni 19 kienet tipprovdi għal użu iktar wiesa’ tal-logo fuq il-prodotti importati ( 48 ). |
|
77. |
Matul is-sena 2014, fl-istudju dwar l-impatt tal-abbozz għal regolament li sar ir-Regolament 2018/848, il-Kummissjoni ħabbret, wara li ddettaljat is-sistemi differenti ta’ importazzjoni fuq il-bażi tal-konformità jew tal-ekwivalenza, li l-prodotti importati kollha jista’ jitwaħħal fuqhom il-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni ( 49 ). |
|
78. |
Għaldaqstant, jidher b’mod ċar li jeżistu jew eżistew diversi sistemi ta’ importazzjoni, waħda bbażata fuq il-konformità, l-oħrajn fuq l-ekwivalenza, iżda li kollha huma jew kienu maħsuba li jippermettu l-użu tal-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni. |
|
79. |
F’dan is-sens, il-konformità hija meqjusa mhux biss bħala l-konformità mar-regoli tal-Unjoni, iżda wkoll bħala l-konformità mar-regoli tal-ftehim kummerċjali, tal-pajjiż terz jew tal-organu tal-kontroll ikkonċernati li ġew ikkunsidrati bħala ekwivalenti. Konsegwentement, l-Artikolu 25(1) tar-Regolament Nru 834/2007 u l-Artikolu 33(1) tar-Regolament 2018/848, meta jsemmu l-konformità mar-rekwiżiti tar-regolament applikabbli, għandhom jinftiehmu bħala li jirrikjedu konformità mar-regoli fil-qasam tal-produzzjoni u tal-kontroll ikkunsidrati bħala ekwivalenti għal dawk tar-regolament applikabbli. |
|
80. |
L-informazzjoni lill-konsumatur hija parti mir-raġuni għall-għażla li saret mil-leġiżlatur tal-Unjoni. |
|
81. |
Fil-fatt, għalkemm il-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni huwa l-istess għall-prodotti organiċi kollha importati jew le, l-indikazzjonijiet li jakkumpanjawh b’mod obbligatorju jvarjaw skont l-oriġini tal-materja prima u skont il-post tal-kontroll tal-osservanza tal-istandards organiċi. |
|
82. |
Għaldaqstant, l-Artikolu 24(1)(c) tar-Regolament Nru 834/2007 u l-Artikolu 32(2) tar-Regolament 2018/848 jistabbilixxu li, meta jintuża l-logo, għandha tidher, fl-istess kamp viżiv, indikazzjoni tal-post li fih ġew prodotti l-materji primi, fejn xieraq, f’waħda mill-forom li ġejjin: “Agrikoltura tal-UE”, “Agrikoltura mhux tal-UE” jew “Agrikoltura tal-UE/mhux tal-UE”. |
|
83. |
Bl-istess mod, kemm il-punt 1 tal-Parti B tal-Anness XI tar-Regolament Nru 889/2008 (kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 271/2010 tal‑24 ta’ Marzu 2010 ( 50 )), regolament li jimplimenta r-Regolament Nru 834/2007, kif ukoll il-punt 2(a) tal-Anness V tar-Regolament 2018/848 jipprovdu li l-logo għandu jkun akkumpanjat minn numri tal-kodiċi li l-ewwel żewġ ittri tiegħu jikkorrispondu għall-kodiċi ISO tal-pajjiż li fih saru l-kontrolli tal-konformità. |
|
84. |
Għaldaqstant, l-eżami tal-logo u tal-indikazzjonijiet obbligatorji jippermetti li jiġi mifhum, minn naħa, li l-materji primi tal-prodotti li fuqhom jitwaħħal il-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni bl-indikazzjoni “Agrikoltura UE” ġew ikkultivati b’osservanza tal-istandards tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li r-regoli dwar il-produzzjoni organika tal-pajjiż indikat fil-kodiċi tal-pajjiż ġew ikkontrollati, billi jiġi speċifikat li l-awtorità jew l-organu ta’ kontroll kompetenti huma dawk li għalihom huwa suġġett l-operatur li wettaq l-aħħar produzzjoni jew preparazzjoni ( 51 ). |
|
85. |
Għaldaqstant, il-prodott kompetitur ta’ “Blutquick” għandu fuqu l-indikazzjonijiet obbligatorji li ġejjin: “US” u “Agrikoltura mhux tal-UE”. Il-“Blutquick”, kieku kien awtorizzat li jkollu fuqu l-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni, kien ikollu fuqu l-logo bl-indikazzjonijiet “DE” u “Agrikoltura tal-UE”. |
|
86. |
Waqt is-seduta, Herbaria invokat il-każ ta’ prodott ikkostitwit minn materji primi prodotti fl-Unjoni li jiġu ttrasportati lejn l-Istati Uniti sabiex jiġu pproċessati f’dak il-pajjiż. Tali prodott ipproċessat, jekk ikun josserva r-regoli Amerikani dwar il-produzzjoni organika, ikun jista’ jikseb il-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni meta jiġi importat fl-Unjoni. Madankollu, dan tal-aħħar ikun akkumpanjat mill-indikazzjonijiet “US” u “Agrikoltura tal-UE”. |
|
87. |
Jidhirli li huwa proprju f’dan l-istadju tar-raġunament li jeħtieġ li tiġi studjata l-kwistjoni dwar il-validità tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni. Din il-kwistjoni tqajmet waqt is-seduta wara li saret mistoqsija għal risposta orali mill-Imħallef Relatur dwar l-Artikolu 45(1)(b)(iii) tar-Regolament 2018/848 u wasslet għall-intervent tal-Parlament u tal-Kunsill fil-kawża. |
|
88. |
Jeħtieġ li jitfakkar li l-leġiżlatur tal-Unjoni għandu fil-qasam tal-PAK setgħa diskrezzjonali wiesgħa li tikkorrispondi mar-responsabbiltajiet politiċi attribwiti lilu mill-Artikolu 40 u mill-Artikolu 43 TFUE u li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diversi drabi, li hija biss in-natura manifestament mhux xierqa ta’ miżura adottata f’dan il-qasam, fid-dawl tal-għan segwit mill-istituzzjoni kompetenti, li tista’ taffettwa l-legalità ta’ tali miżura ( 52 ). |
|
89. |
Huwa stabbilit li l-leġiżlazzjoni applikabbli f’dan il-qasam taqa’ taħt il-PAK. L-għan iddikjarat ta’ din il-leġiżlazzjoni favur il-produzzjoni organika huwa doppju, jiġifieri, li tipprovdi għal suq speċifiku li jirreaġixxi għad-domanda tal-konsumaturi għal prodotti organiċi u min-naħa l-oħra, tipprovdi prodotti disponibbli pubblikament li jikkontribwixxu għall-protezzjoni tal-ambjent u tal-benesseri tal-annimali, kif ukoll għall-iżvilupp rurali ( 53 ). Għaldaqstant, l-importazzjoni ta’ prodotti organiċi taqdi dan l-għan doppju. L-importazzjoni skont sistema ta’ ekwivalenza tippermetti wkoll li jiġi żviluppat is-suq tal-prodotti organiċi u li tkun inkoraġġuta agrikoltura li tirrispetta iktar l-ambjent barra l-Unjoni. |
|
90. |
Ir-Regolamenti Nru 834/2007 u 2018/848 jiddikjaraw ukoll bħala għanijiet il-fiduċja tal-konsumaturi ( 54 ) u l-kompetizzjoni leali ( 55 ). Anki jekk l-għan huwa li jintlaħqu dawn l-għanijiet, jiena tal-opinjoni, bl-istess mod bħall-Kunsill u bħall-Parlament, li l-għażla tal-leġiżlatur tal-Unjoni li tippermetti li l-prodotti organiċi, importati skont ċerti modalitajiet, ikollhom fuqhom il-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni, flimkien ma’ indikazzjonijiet obbligatorji dwar l-oriġini tal-materji primi u dwar il-pajjiż ta’ oriġini tal-kontroll ta’ konformità, tippermetti li tiġi żgurata informazzjoni korretta tal-konsumatur u livell ta’ kompetizzjoni suffiċjentement leali. |
|
91. |
Fil-fatt, fir-rigward tal-kompetizzjoni leali, ix-xogħol preparatorju tar-Regolament Nru 834/2007 ( 56 ) juri b’mod partikolari li r-riskju ta’ kompetizzjoni żleali kien perfettament magħruf mil-leġiżlatur tal-Unjoni, peress li ċertu numru ta’ delegazzjonijiet kienu kkritikaw l-għażla favur is-sistema tal-ekwivalenza fil-limiti tad-direttivi tal-Codex Alimentarius ( 57 ) u esprimew tħassib rigward it-telf tal-fiduċja tal-konsumaturi u rigward it-tnaqqis tal-protezzjoni ta’ dawn tal-aħħar. |
|
92. |
Madankollu, kif issemma preċedentement, l-informazzjoni tal-konsumatur hija żgurata bil-preżenza tal-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni akkumpanjat mill-indikazzjonijiet obbligatorji msemmija iktar ’il fuq. |
|
93. |
Ċertament, għalkemm setgħu ġew magħżula metodi oħrajn, il-metodu magħżul ma huwiex ta’ natura manifestament mhux xierqa li waħedha tista’ taffettwa l-legalità tar-regola. |
|
94. |
Barra minn hekk, ir-rikonoxximent tal-ekwivalenza għal pajjiżi terzi ma jitħalliex għad-deċiżjoni arbitrarja tal-Kummissjoni. Fil-fatt, il-marġni ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni hija suġġetta għall-Artikolu 33(2) tar-Regolament Nru 834/2007 ( 58 ) u għandha tieħu inkunsiderazzjoni d-Direttivi CAC/GL 32 tal-Codex Alimentarius. |
|
95. |
Fi kwalunkwe każ, ir-regola li l-legalità tagħha qiegħda tiġi kkontestata ma hijiex l-Artikolu 45(1)(b)(iii) tar-Regolament 2018/848, iżda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 126/2012 li żied l-Istati Uniti fil-lista tal-pajjiżi terzi li s-sistema tagħhom hija rrikonoxxuta bħala ekwivalenti, u unikament sa fejn dan ippermetta l-importazzjoni ta’ prodotti li magħhom jiġu miżjuda vitamini mhux veġetali u l-glukonat ferruż li ma joriġinawx minn agrikoltura organika. |
|
96. |
Għaldaqstant nipproponi li għandha tingħata risposta għall-ewwel domanda tal-qorti tar-rinviju, li tirrigwarda l-prodotti importati bis-saħħa tal-ekwivalenza fuq il-bażi tar-Regolament Nru 834/2007, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 45(1)(b)(iii) tar-Regolament 2018/848 kif ġej: l-Artikolu 25(1) tar-Regolament Nru 834/2007 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni, akkumpanjat mill-indikazzjonijiet obbligatorji previsti fl-Artikolu 24 ta’ dan ir-regolament, jista’ jitwaħħal fuq prodotti importati minn pajjiż terz abbażi tal-Artikolu 45(1)(b)(iii), tal-Artikolu 48(1), kif ukoll tal-Artikolu 58 tar-Regolament 2018/848 meta dawn il-prodotti jkunu konformi mar-regoli dwar il-produzzjoni u dwar il-kontroll ta’ dan il-pajjiż li jkun inkluż fil-lista li tinsab fl-Anness III tar-Regolament Nru 1235/2008. |
B. Fuq it‑tieni u t‑tielet domanda preliminari
|
97. |
Permezz tat-tieni u tat-tielet domanda tagħha, li jeħtieġ li jiġu ttrattati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi fuq il-punt dwar jekk l-Artikolu 20 tal-Karta jimplikax li l-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni jew kliem li jagħmlu riferiment għall-produzzjoni organika konformement mal-Artikolu 30(1) tar-Regolament 2018/848 jistgħu jintużaw għal prodott tal-ikel ipproċessat meta dan joriġina mill-Unjoni u jissodisfa r-regoli ekwivalenti fil-qasam tal-produzzjoni u tal-kontroll ta’ pajjiż terz irrikonoxxut konformement mal-Artikolu 48(1) ta’ dan ir-regolament, iżda ma jissodisfax il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 16(1) tal-imsemmi regolament, moqri flimkien mal-punt 2.2.2.(f) tal-Parti IV tal-Anness II tal-istess regolament. |
|
98. |
Infakkar li, fir-rigward ta’ “Blutquick”, dan għandu jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni l-ġdida, jiġifieri r-Regolament 2018/848, sabiex ikun jista’ jitwaħħal fuqu l-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni. |
|
99. |
Fir-rigward tal-użu ta’ kliem li jagħmel riferiment għall-produzzjoni organika, l-Artikolu 30(1) tar-Regolament 2018/848 jirriżervah għall-prodotti miksuba konformement ma’ dan ir-regolament. Il-konformità meħtieġa hija l-istess waħda meħtieġa mill-Artikolu 33(1) tal-imsemmi regolament għall-użu tal-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni. Għaldaqstant, l-analiżi għandha tkun l-istess fir-rigward tal-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza. |
|
100. |
Barra minn hekk, fir-rigward tal-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza, stabbilit fl-Artikolu 20 tal-Karta, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod konsistenti li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jistgħux jiġu ttrattati b’mod differenti u sitwazzjonijiet differenti ma jistgħux jiġu ttrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat ( 59 ). |
|
101. |
F’dan il-każ, minkejja d-dikjarazzjonijiet ta’ Herbaria, is-sitwazzjonijiet ma humiex paragunabbli u ma jirċevux l-istess trattament jekk dawn jiġu analizzati mill-perspettiva tas-suq upstream. Fi kwalunkwe każ, anki jekk jiġu analizzati mill-perspettiva tal-konsumatur, l-inugwaljanza fit-trattament tista’ tiġi ġġustifikata. |
|
102. |
Fil-fatt, jekk tiġi analizzata l-paragunabbiltà tas-sitwazzjonijiet upstream tal-aċċess għas-suq, il-“Blutquick” għandu jkun konformi mar-regoli tal-Unjoni, filwaqt li l-prodott Amerikan għandu josserva r-regoli Amerikani. Barra minn hekk, din il-konformità għandha tiġi vverifikata minn organu ta’ kontroll kompetenti għall-pajjiż ikkonċernat. L-aċċess għas-suq tal-Unjoni huwa awtomatiku għall-prodotti tal-Unjoni, filwaqt li l-prodotti Amerikani għandhom jiġu importati skont il-modalitajiet previsti fl-Artikolu 45 tar-Regolament 2018/848. It-twaħħil tal-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni huwa biss fakultattiv għall-prodott Amerikan. Għaldaqstant, is-sitwazzjonijiet ma humiex paragunabbli u jistgħu jiġu ttrattati b’mod differenti. |
|
103. |
Madankollu, jekk il-paragunabbiltà tiġi analizzata mill-perspettiva tal-konsumatur, għall-kuntrarju, iż-żewġ prodotti huma paragunabbli, peress li t-tnejn li huma fihom vitamini mhux veġetali u l-glukonat ferruż li ma joriġinawx minn agrikoltura organika. Madankollu, dawn ma humiex ittrattati bl-istess mod mil-leġiżlazzjoni, sa fejn il-prodott Amerikan għandu fuqu l-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni bl-indikazzjonijiet tal-pajjiż tal-kontroll tal-konformità “US” u “Agrikoltura mhux tal-UE”, filwaqt li l-“Blutquick” ma għandux fuqu dan il-logo, b’indikazzjonijiet differenti. Konsegwentement, mill-perspettiva tal-konsumatur, it-trattament huwa differenti. |
|
104. |
Madankollu, l-eventwali inugwaljanza fit-trattament hija ġġustifikata mill-elementi li ġejjin. |
|
105. |
Fl-ewwel lok, jekk tiġi allinjata l-kisba tal-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni, għal prodotti tal-Unjoni, fuq leġiżlazzjoni rrikonoxxuta bħala ekwivalenti, minkejja li hija differenti f’ċerti aspetti, dan ikun iwassal sabiex il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-agrikoltura organika tiġi mċaħħda minn kull effettività fit-territorju tal-Unjoni. |
|
106. |
Fit-tieni lok, din il-leġiżlazzjoni għandha effetti pożittivi mhux biss għall-konsumaturi li jistgħu jikkunsmaw ikel ta’ kwalità aħjar, iżda wkoll għall-uċuħ tar-raba’ u għall-ambjent tal-Unjoni li fir-rigward tagħhom il-produzzjoni organika hija iktar rispettuża, fatt li minnu jibbenefikaw ir-residenti kollha tal-Unjoni, anki dawk li ma jikkunsmawx prodotti li joriġinaw minn agrikoltura organika. Għaldaqstant, hija tiggarantixxi l-protezzjoni tal-konsumaturi u dik tal-ambjent, konformement mal-Artikoli 37 u 38 tal-Karta. |
|
107. |
Fit-tielet lok, li tiġi permessa l-importazzjoni ta’ prodotti organiċi, inkluż fuq il-bażi tal-ekwivalenza, hija prassi ta’ natura, minn naħa, li żżid il-provvista ta’ prodotti organiċi għall-konsumaturi, u min-naħa l-oħra, li tippromwovi metodi ta’ produzzjoni li jirrispettaw l-ambjent f’żoni ġeografiċi oħrajn. |
|
108. |
Konsegwentement, nipproponi li l-qorti tar-rinviju għandha tingħata r-risposta li l-Artikolu 20 tal-Karta ma jopponix il-fatt li l-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni previst fl-Artikolu 33(1) tar-Regolament 2018/848 jew kliem li jagħmel riferiment għall-produzzjoni organika skont l-Artikolu 30(1) ta’ dan ir-regolament ma jistgħux jintużaw għal prodott tal-ikel ipproċessat, meta dan ikun joriġina mill-Unjoni u jissodisfa r-regoli ekwivalenti fil-qasam tal-produzzjoni u tal-kontroll ta’ pajjiż terz irrikonoxxut konformement mal-Artikolu 48(1) tar-Regolament 2018/848, iżda ma jissodisfax il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 16(1) ta’ dan ir-regolament, moqri flimkien mal-punt 2.2.2.(f) tal-Parti IV tal-Anness II tal-imsemmi regolament. |
V. Konklużjoni
|
109. |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta għad-domandi preliminari magħmula mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja) kif ġej:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) Sentenza tal‑5 ta’ Novembru 2014, Herbaria Kräuterparadies (C‑137/13, iktar ’il quddiem is-“sentenza Herbaria I, EU:C:2014:2335).
( 3 ) ĠU 2018, L 150, p. 1 u rettifiki fil-ĠU 2018, L 260, p. 25; fil-ĠU 2018, L 262, p. 90; fil-ĠU 2018, L 270, p. 37; fil-ĠU 2019, L 305, p. 59; fil-ĠU 2021, L 7, p. 53; fil-ĠU 2021, L 204, p. 47; fil-ĠU 2021, L 318, p. 5; u fil-ĠU 2022, L 321, p. 74.
( 4 ) Iktar ’il quddiem il-“Karta”.
( 5 ) ĠU 2007, L 189, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2013, L 68, p. 61 u fil-ĠU 2014, L 300, p. 72.
( 6 ) ĠU 2008, L 250, p. 1.
( 7 ) ĠU 2008, L 334, p. 25.
( 8 ) ĠU 2012, L 41, p. 5.
( 9 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004 (ĠU 2011, L 304, p. 18, rettifiki fil-ĠU 2014 L 331, p. 40, fil-ĠU 2016, L 266, p. 7, fil-ĠU 2022, L 35, p. 26, fil-ĠU 2023 L 142, p. 41 u fil-ĠU 2023, L 214, p. 229).
( 10 ) Regolament (UE) Nru 609/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Ġunju 2013 dwar ikel maħsub għat-trabi u t-tfal żgħar, ikel għal skopijiet mediċi speċjali, u bħala sostitut tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 92/52/KEE, id-Direttivi tal-Kummissjoni 96/8/KE, 1999/21/KE, 2006/125/KE u 2006/141/KE, id-Direttiva 2009/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 41/2009 u (KE) Nru 953/2009 (ĠU 2013, L 181, p. 35, rettifika fil-ĠU 2017, L 320, p. 31).
( 11 ) Direttiva tal-Kummissjoni tal‑5 ta’ Diċembru 2006 dwar ikel ipproċessat ibbażat fuq iċ-ċereali u ikel tat-trabi għat-trabi u għat-tfal żgħar (ĠU 2008, L 338M, p. 766, rettifika fl‑2009, L 76M, p. 422).
( 12 ) ĠU 2020, L 381, p. 1.
( 13 ) ĠU 2021, L 292, p. 20.
( 14 ) Ara s-sentenza Herbaria I (punt 51).
( 15 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Sharpston fil-kawża Herbaria Kräuterparadies (C‑137/13, EU:C:2014:318, punti 57 sa 66).
( 16 ) Ara s-sentenza Herbaria I (punti 49 u 50).
( 17 ) Ara l-Artikolu 45(1)(b)(i) tar-Regolament 2018/848.
( 18 ) Ara l-Artikolu 45(1)(b)(ii) u l-Artikolu 47 tar-Regolament 2018/848.
( 19 ) Ara l-Artikolu 45(1)(b)(iii) tar-Regolament 2018/848.
( 20 ) Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar ir-rikonoxximent ta’ pajjiżi terzi għall-finijiet tal-ekwivalenza marbuta mal-prodotti organiċi (COM(2022) 728 final), punt 3.
( 21 ) Ara l-Artikoli 56 u 58 tar-Regolament 2018/848.
( 22 ) Titolu II, intitolat “Objettivi u Prinċipji għal Produzzjoni Organika”.
( 23 ) Titolu III, intitolat “Regoli ta’ Produzzjoni”.
( 24 ) Titolu IV, intitolat “Tikkettar”.
( 25 ) Titolu V, intitolat “Kontrolli”.
( 26 ) Ara n-Nota ta’ Informazzjoni tas‑27 ta’ April 2018 tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill lill-Kumitat Speċjali Agrikoltura/Kunsill dwar Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi, li jemenda r-Regolament (UE) Nru XXX/XXX tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali] u li jirrevoka r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 – Riżultat tal-ewwel qari tal-Parlament Ewropew (Strasbourg, 16 sa 19 ta’ April 2018) (dokument 8060/1/18), p. 168.
( 27 ) Ara l-Artikolu 45(1)(b)(i) tar-Regolament 2018/848.
( 28 ) Ara l-Artikolu 45(1)(b)(ii) tar-Regolament 2018/848.
( 29 ) Ara l-Artikolu 45(1)(b)(iii) tar-Regolament 2018/848.
( 30 ) Fir-rigward tal-“logo Komunitajru ta’ produzzjoni organika”, li ġie mogħti l-isem il-ġdid “Logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea” wara t-Trattat ta’ Lisbona, ara l-premessa 4 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 271/2010 tal‑24 ta’ Marzu 2010 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 889/2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007, f’dak li għandu x’jaqsam mal-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2010, L 84, p. 19).
( 31 ) Ara l-punt (2) tal-Artikolu 1 tar-Regolament 2020/1693.
( 32 ) Ara n-nota tal‑24 ta’ Ġunju 2021 tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill lid-delegazzjonijiet dwar l-anness tar-rakkomandazzjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati bil-ħsieb li jiġu konklużi l-ftehimiet dwar il-kummerċ ta’ prodotti organiċi bejn l-Unjoni Ewropea u l-Arġentina, l-Awstralja, il-Kanada, il-Kosta Rika, l-Indja, l-Iżrael, il-Ġappun, in-New Zealand, ir-Repubblika tal-Korea, it-Tuneżija u l-Istati Uniti tal-Amerika.
( 33 ) Ara l-Artikolu 30(4), tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 339/93 (ĠU 2008, L 218, p. 30).
( 34 ) Ara l-Artikolu 30(3) tar-Regolament Nru 765/2008.
( 35 ) Ara l-premessa 22 tad-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Lulju 2008 dwar qafas komuni għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti u li tħassar id-Deċiżjoni 93/465/KEE (ĠU 2008, L 218, p. 82).
( 36 ) Il-forma ta’ din it-tikketta tinsab fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 66/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2009 dwar skema ta’ Ekotikketta tal-UE (ĠU 2010, L 27, p. 1).
( 37 ) Ara t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 66/2010.
( 38 ) Ara l-Artikolu 9(1)(c) tar-Regolament Nru 66/2010.
( 39 ) Ara l-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 24(1) tar-Regolament Nru 834/2007 u l-Artikolu 33(3) tar-Regolament 2018/848.
( 40 ) Ftehim inkluż fl-Anness 1A tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE tat‑22 ta’ Diċembru 1994 dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986‑1994) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 80) (iktar ’il quddiem il-“Ftehim dwar l-OTK”).
( 41 ) Ara l-Artikolu 2.1 tal-Ftehim dwar l-OTK.
( 42 ) Ara l-paragrafu D tal-Anness 3 tal-Ftehim dwar l-OTK, intitolat “Dispożizzjonijiet sustantivi”.
( 43 ) Ara l-Artikoli 5.1 u 5.1.1 tal-Ftehim dwar l-OTK.
( 44 ) Ara l-premessi 3, 5 u 22, kif ukoll fl-Artikolu 1(1) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 834/2007 u l-premessi 6, 15, 17, 67, 121 u 123, kif ukoll it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 30(2) u l-Artikolu 46(9) tar-Regolament 2018/848.
( 45 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 392/2004 tal‑24 ta’ Frar 2004 li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2092/91 dwar il-produzzjoni organika ta’ prodotti agrikoli u indikazzjonijiet li jirreferu għaliha fi prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 8, p. 189).
( 46 ) Ara l-premessa 6 tar-Regolament Nru 392/2004.
( 47 ) Ara l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew, intitolata “Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għall-Ikel u għall-Biedja Organiċi” (COM(2004) 415 final).
( 48 ) Ara n-Nota ta’ Trażmissjoni tal‑14 ta’ Ġunju 2004, għas-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea, minn Patricia Bugnot, Direttriċi, lil Javier Solana, Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli dwar id-dokument tax-xogħol tad-dipartimenti tal-Kummissjoni – Anness tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għall-Ikel u l-Biedja Organiċi” (id-dokument 10436/04), p. 13 u 31.
( 49 ) Ara n-Nota ta’ Trażmissjoni tas‑26 ta’ Marzu 2014, għas-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea, minn Jordi Ayet Puigarnau, Direttur, lil Uwe Corsepius, Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar ir-Rapport ta’ Analiżi tal-Impatt li Jakkumpanja l-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Produzzjoni Organika u dwar l-Ittikkettjar tal-Prodotti Organiċi, li jemenda r-Regolament (UE) Nru XXX/XXX tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali] u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 – parti 3/3, p. 52.
( 50 ) ĠU 2010, L 84, p. 19.
( 51 ) Ara l-Artikolu 24(1)(a) tar-Regolament Nru 834/2007 u l-Artikolu 32(1)(a) tar-Regolament 2018/848.
( 52 ) Ara s-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2012, Association Kokopelli (C‑59/11, EU:C:2012:447, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 53 ) Ara l-premessa 1 tar-Regolament Nru 834/2007 u tar-Regolament 2018/848.
( 54 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 55 ) Ara l-premessi 3 u 23, kif ukoll l-Artikolu 1(1), u l-Artikolu 41(2)(ċ) tar-Regolament Nru 834/2007 u l-premessi 6, 17, 73, 85, 99, 121 u 123, kif ukoll l-Artikolu 46(9) tar-Regolament 2018/848.
( 56 ) Ara d-dokument tal-Kunsill 8136/06 tas‑6 ta’ April 2006 dwar ir-riżultat tax-xogħol imwettaq mill-grupp “Kwalità tal-ikel” (Agrikoltura organika) waqt il-laqgħa tat‑30 u tal‑31 ta’ Marzu 2006, punt 17.
( 57 ) Direttivi CAC/GL 32 tal-Codex Alimentarius li jikkonċernaw il-produzzjoni, l-ipproċessar, l-ittikkettjar u l-kummerċjalizzazzjoni tal-ikel li joriġina minn agrikoltura organika żviluppati taħt l-awspiċi tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ikel u għall-Agrikoltura u tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa.
( 58 ) Dan l-artikolu jipprovdi li “[il]-Kummissjoni tista’ […] tirrikonoxxi l-pajjiżi terzi li s-sistema ta’ produzzjoni tagħhom hi konformi ma’ prinċipji u regoli dwar il-produzzjoni ekwivalenti għal dawk stabbiliti fit-Titoli II, III u IV u li l-miżuri ta’ kontroll tagħhom huma ta’ effettività ekwivalenti għal dawk stabbiliti fit-Titolu V, u tistabbilixxi lista ta’ dawn il-pajjiżi”.
( 59 ) Ara s-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2022, Ametic (C‑263/21, EU:C:2022:644, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).