15.3.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 69/34


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/451

tal-14 ta' Marzu 2017

li tapprova, f'isem l-Unjoni Ewropea, ċerti emendi tal-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta' Sħubija fis-settur tas-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/870 tal-24 ta' Mejju 2016 dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta' Sħubija fis-settur tas-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania għal perjodu ta' erba' snin (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 3 tagħha,

Billi:

(1)

L-Artikolu 10 tal-Ftehim ta' Sħubija fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania, minn hawn 'il quddiem “il-Ftehim” (2), approvat permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1801/2006 (3), li jistabbilixxi Kumitat Konġunt responsabbli għall-monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-ftehim imsemmi, u b'mod partikolari għas-superviżjoni tal-implimentazzjoni, l-interpretazzjoni u l-funzjonament korrett, kif ukoll għar-rivalutazzjoni, fejn xieraq, tal-livell tal-opportunitajiet tas-sajd u, sussegwentement, tal-kontribuzzjoni finanzjarja,

(2)

L-Artikolu 1(1) tal-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta' Sħubija fis-settur tas-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-Protokoll”, approvat bid-Deċiżjoni (UE) 2016/870, jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd fil-qafas ta' dan il-ftehim għal perjodu ta' erba' snin li jibda mis-16 ta' Novembru 2015, u l-Artikolu 2(1) tal-Protokoll jistabbilixxi l-kontribuzzjoni finanzjarja annwali marbuta mal-aċċess tal-bastimenti tal-Unjoni Ewropea għaż-żona tas-sajd tal-Mauritania,

(3)

It-tabella msemmija fl-Artikolu 1(1) tal-Protokoll tippreċiża l-opportunitajiet tas-sajd u tipprevedi li, abbażi tal-pariri xjentifiċi disponibbli, iż-żewġ partijiet jistgħu jiftiehmu, fil-Kumitat Konġunt, dwar l-għoti ta' opportunitajiet tas-sajd għall-bastimenti tat-tkarkir mgħammra bi friża li jintużaw għas-sajd għall-ispeċijiet tal-ħut tal-qiegħ li għalihom ikun ġie identifikat ammont żejjed,

(4)

Ġie previst li l-Kumitat Konġunt jiltaqa' f'Nouakchott fil-15 u s-16 ta' Novembru 2016 f'laqgħa straordinarja biex jadotta l-emenda tal-opportunitajiet tas-sajd u l-kundizzjonijiet applikabbli għall-attività tas-sajd kif ukoll il-kontribuzzjoni finanzjarja, b'kont meħud tat-talba tal-Unjoni li tinħoloq kategorija ġdida tas-sajd għall-bastimenti tat-tkarkir mgħammra bi friża li jintużaw għas-sajd tal-merluzz l-iswed,

(5)

Qabel il-laqgħa tal-Kumitat Konġunt, il-Kummissjoni bagħtet dokument preparatorju lill-Kunsill fejn spjegat fid-dettall l-elementi speċifiċi tal-pożizzjoni prevista tal-Unjoni,

(6)

Il-pożizzjoni prevista tal-Unjoni ġiet approvata mill-Kunsill b'konformità mal-punt 3 tal-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/870/UE,

(7)

L-emendi adottati, jew l-introduzzjoni ta' kategorija ġdida tas-sajd għall-bastimenti tat-tkarkir mgħammra bi friża li jintużaw għas-sajd għall-merluzz l-iswed, il-kundizzjonijiet għall-attività tas-sajd li huma applikabbli għal din il-kategorija ġdida u ż-żieda tal-kontribuzzjoni finanzjarja marbuta mal-aċċess, iddaħħlu fl-Anness 5 tal-minuti tal-imsemmija laqgħa tal-Kumitat Konġunt tal-15 u s-16 ta' Novembru 2016,

(8)

Dawn l-emendi għandhom jiġu approvati f'isem l-Unjoni Ewropea,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-emendi tal-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta' Sħubija fis-settur tas-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania, adottati mill-Kumitat Konġunt stabbilit permezz tal-Artikolu 10 tal-imsemmi ftehim fil-laqgħa tiegħu tal-15 u s-16 ta' Novembru 2016 u li jirriżultaw mill-Anness 5 tal-minuti, huma approvati f'isem l-Unjoni.

It-test tal-Anness 5 tal-minuti tal-laqgħa tal-Kumitat Konġunt tal-15 u s-16 ta' Novembru 2016 huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Marzu 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 145, 2.6.2016, p. 1.

(2)   ĠU L 343, 8.12.2006, p. 4.

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1801/2006 tat-30 ta' Novembru 2006 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta' Sħubija fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania (ĠU L 343, 8.12.2006, p. 1).


ANNESS

Protokoll, l-Artikolu 2, il-paragrafi:

1.

Il-kontribuzzjoni finanzjarja annwali marbuta mal-aċċess tal-bastimenti tal-Unjoni Ewropea għaż-żona tas-sajd tal-Mauritania msemmija fl-Artikolu 7 tal-Ftehim hija stabbilita għal sebgħa u ħamsin miljun u ħames mitt elf (57 500 000) Euro. Dan il-paragrafu għandu japplika soġġett għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 5 sa 10 u 16 ta' dan il-Protokoll.

3.

Il-qabdiet totali permissibbli (il-kategoriji 1, 2, 2a, 3, 6, 7 u 8) u t-tunnellaġġ ta' referenza (il-kategoriji 4 u 5) huma ddefiniti fl-iskedi tekniċi mogħtija fl-Anness 1 ta' dan il-Protokoll. Dawn huma stabbiliti għal sena kalendarja, jiġifieri mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Diċembru tas-sena kkonċernata. Meta l-ewwel perjodu u l-aħħar perjodu ta' applikazzjoni tal-Protokoll ma jkunux jikkorrispondu ma' sena kalendarja, il-qabdiet totali permissibbli għandhom jiġu stabbiliti pro rata temporis filwaqt li jitqiesu, għal kull kategorija tas-sajd, ix-xejriet tat-tqassim tal-qabdiet matul is-sena.

7.

Għall-kategoriji tas-sajd 4 u 5, jekk il-qabdiet li jagħmlu l-bastimenti tas-sajd għat-tonn tal-Unjoni Ewropea fiż-żona tas-sajd tal-Mauritania jaqbżu t-tunnellaġġ ta' referenza previst għal kull waħda minn dawn il-kategoriji, l-ammont ta' sebgħa u ħamsin miljun u ħames mitt elf (57 500 000) Euro tal-kontribuzzjoni finanzjarja se jiżdied, għal kull tunnellata supplimentari maqbuda, bl-ammont tat-tariffa stabbilit fl-iskedi tekniċi korrispondenti għas-sena kkonċernata. Madankollu, l-ammont li l-Unjoni Ewropea jkollha tħallas meta jinqabżu dawn il-limiti ma jistax ikun iżjed mill-ammont li jikkorrispondi mal-ammont doppju tat-tunnellaġġ ta' referenza. Meta l-kwantitajiet maqbudin mill-bastimenti tal-Unjoni Ewropea jkunu iżjed mid-doppju tat-tunnellaġġ ta' referenza korrispondenti, l-ammont dovut għall-kwantità li taqbeż dan il-limitu għandu jitħallas is-sena ta' wara.

Tabella tal-kategoriji tas-sajd imsemmija fl-Artikolu 1(1):

Kategoriji tas-sajd

Il-qabdiet totali permissibbli u t-tunnellaġġ ta' referenza

1

Bastimenti tas-sajd li jistadu għall-krustaċji ħlief għall-awwista u l-granċ

5 000 tunnellata

2

Bastimenti tat-tkarkir (mingħajr friża) u bastimenti tas-sajd bil-konz tal-qiegħ għall-merluzz iswed

6 000 tunnellata

2(a)

Bastimenti tat-tkarkir (mgħammra bi friża) li jintużaw għas-sajd tal-merluzz iswed

merluzz iswed 3 500 tunnellata

klamar 1 450 tunnellata

siċċ 600 tunnellata

3

Bastimenti tas-sajd għall-ispeċijiet demersali ħlief il-merluzz iswed, b'irkaptu li ma jinvolvix xbieki tat-tkarkir

3 000 tunnellata

4

Bastimenti għas-sajd tat-tonn bit-tartaruni

12 500 tunnellata

(tunnellaġġ ta' referenza)

5

Bastimenti għas-sajd tat-tonn bil-qasab u x-xlief u bastimenti tas-sajd bil-konz tal-wiċċ

7 500 tunnellata

(tunnellaġġ ta' referenza)

6

Bastimenti tat-tkarkir użati għas-sajd tal-ħut pelaġiku li jkunu mgħammra bi friża

225 000 tunnellata (*1)

7

Bastimenti għas-sajd tal-ħut pelaġiku frisk

15 000 tunnellata (*2)

8

Ċefalopodi

[pm] tunnellati

Anness, l-Appendiċi 1 “Skedi tekniċi”, skeda ġdida 2a:

KATEGORIJA TAS-SAJD 2a:

BASTIMENTI TAT-TKARKIR (MGĦAMMRA BI FRIŻA) LI JINTUŻAW GĦAS-SAJD TAL-MERLUZZ ISWED

1.   

Żona tas-sajd

(a)

Fit-Tramuntana tal-latitudni 19° 15′ 60″N: fil-Punent tal-linja li tgħaqqad il-punti li ġejjin:

20° 46′ 30″N

17° 03′ 00″W

20° 36′ 00″N

17° 11′ 00″W

20° 36′ 00″N

17° 36′ 00″W

20° 03′ 00″N

17° 36′ 00″W

19° 45′ 70″N

17° 03′ 00″W

19° 29′ 00″N

16° 51′ 50″W

19° 15′ 60″N

16° 51′ 50″W

19° 15′ 60″N

16° 49′ 60″W

(b)

Fin-Nofsinhar tal-latitudni 19° 15′ 60″N u sal-latitudni 17° 50′ 00″N: fil-Punent tal-linja tat-18-il mil nawtiku mkejla mill-marka tal-ilma baxx.

(c)

Fin-Nofsinhar tal-latitudni 17° 50′ 00″N: fil-Punent tal-linja tat-12-il mil nawtiku mkejla mill-marka tal-ilma baxx.

Għaż-żoni kkalkulati mill-marka tal-ilma baxx, il-Kumitat Konġunt jista' jissostitwixxi l-linji ta' demarkazzjoni taż-żoni b'serje ta' koordinati ġeografiċi.

Irkaptu awtorizzat

—

Xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ għall-merluzz.

—

L-irduppjar tal-manka tax-xibka tat-tkarkir huwa pprojbit.

—

L-irduppjar tal-ħbula li jikkostitwixxu l-manka tax-xibka tat-tkarkir huwa pprojbit.

Daqs minimu tal-malji awtorizzat

70 mm (xibka tat-tkarkir)

Daqsijiet minimi

Għall-ħut, id-daqs minimu għandu jitkejjel mill-ponta ta' quddiem sa tarf id-denb (it-tul totali) (ara l-Appendiċi 7).

Il-Kumitat Konġunt jista' jistabbilixxi daqs minimu għall-ispeċijiet li mhumiex imsemmija hawn fuq.

Qabdiet aċċessorji

Awtorizzati

Mhux awtorizzati

25 % ta' ħut demersali (ħlief il-merluzz iswed)

Ċefalopodi (ħlief il-klamari u s-siċċ) u krustaċji

Il-Kumitat Konġunt jista' jistabbilixxi rata ta' qabdiet aċċessorji għall-ispeċijiet li mhumiex imsemmija hawn fuq.

Opportunitajiet tas-sajd/Tariffi

Perjodu

Sena

Qabdiet totali permissibbli (f'tunnellati)

3 500

merluzz iswed (speċi fil-mira prinċipali)

1 450

klamar (speċifil-mira sekondarja)

600

siċċ (speċifil-mira sekondarja)

Tariffa

70 EUR/t għall-merluzz iswed

575 EUR/t għall-klamar

250 EUR/t għas-siċċ

90 EUR/t għall-qabdiet aċċessorji

 

It-tariffa tiġi kkalkulata fi tmiem kull perjodu ta' tliet xhur li għalih il-bastiment ikun ingħata awtorizzazzjoni tas-sajd, filwaqt li jitqiesu l-qabdiet li jkunu saru matul dan il-perjodu.

Il-liċenzja tingħata biss jekk isir ħlas bil-quddiem ta' EUR 1 000 għal kull bastiment, li għandu jitnaqqas mill-ammont totali tat-tariffa u li għandu jitħallas fil-bidu ta' kull perjodu ta' tliet xhur li għalih il-bastiment ikun ingħata awtorizzazzjoni tas-sajd.

L-għadd ta' bastimenti awtorizzati fl-istess ħin huwa limitat għal 6.

Perjodu ta' waqfien mis-sajd għal raġunijiet bijoloġiċi

Jekk ikun meħtieġ, il-Kumitat Konġunt għandu jadotta perjodu ta' waqfien mis-sajd għal raġunijiet bijoloġiċi abbażi tal-parir xjentifiku tal-Kumitat Xjentifiku Konġunt.

Osservaturi Xjentifiċi

B'deroga mir-regola stabbilita fil-punt 2 tal-Kapitolu X tal-Anness, il-bastimenti għandhom itellgħu abbord osservatur xjentifiku mill-Mauritania għal kull vjaġġ.

Kummenti

It-tariffi huma stabbiliti għall-perjodu kollu tal-applikazzjoni tal-Protokoll.


(*1)  Dan l-ammont jista' jinqabeż b'10 % mingħajr konsegwenzi għall-kontribuzzjoni finanzjarja mħallsa mill-Unjoni Ewropea b'rabta mal-aċċess.

(*2)  Jekk jintużaw dawn l-opportunitajiet tas-sajd, dawn għandhom jitnaqqsu mill-qabda totali permissibbli prevista għall-kategorija 6.