KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA
ippreżentati fil‑15 ta’ April 2021 ( 1 )
Kawża C‑927/19
UAB Klaipėdos regiono atliekų tvarkymo centras
bl-intervent ta’:
UAB Ecoservice Klaipėda,
UAB Klaipėdos autobusų parkas,
UAB Parsekas,
UAB Klaipėdos transportas
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il‑Qorti Suprema tal-Litwanja))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kuntratti pubbliċi — Direttiva 2014/24/UE — Artikoli 21, 50 u 55 — Kunfidenzjalità — Kompetenza tal-awtorità kontraenti — Direttiva (UE) 2016/943 — Applikabbiltà — Direttiva 89/665/KEE — Artikoli 1 u 2 — Effetti tat-talba għal reviżjoni mressqa kontra d‑dikjarazzjoni ta’ kunfidenzjalità — Motivazzjoni — Talba għal reviżjoni awtonoma quddiem l-awtorità kontraenti — Stħarriġ ġudizzjarju — Portata tas-setgħat tal-qorti”
|
1. |
Id-dokumentazzjoni li tiġi pprovduta lill-awtoritajiet kontraenti fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi tista’ tinkludi sigrieti kummerċjali u informazzjoni kunfidenzjali oħra, li l-iżvelar tagħhom ikun dannuż għad-detenturi tagħhom. |
|
2. |
F’dan il-qasam jikkonverġu żewġ interessi opposti:
|
|
3. |
Il-kunflitt bejn dawn l-interessi jinsab fil-bażi ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, li fih il-qorti tar-rinviju qiegħda titlob l-interpretazzjoni tad-Direttivi 89/665/KEE ( 2 ), 2014/24/UE ( 3 ) u (UE) 2016/943 ( 4 ). |
I. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni
1. Id-Direttiva 2014/24
|
4. |
L-Artikolu 18 (“Prinċipji tal-akkwist”) jipprovdi li: “L-awtoritajiet kontraenti għandhom jittrattaw lill-operaturi ekonomiċi bl-istess mod u mingħajr diskriminazzjoni u għandhom jaġixxu b’mod trasparenti u proporzjonat. […]”. |
|
5. |
L-Artikolu 21 (“Kunfidenzjalità”) jipprovdi li: “1. Sakemm ma jiġix stipulat mod ieħor f’din id-Direttiva jew fil-liġi nazzjonali li għaliha l-awtorità kontraenti tkun soġġetta, b’mod partikolari leġislazzjoni li tikkonċerna l-aċċess għal informazzjoni, u mingħajr ħasara għall-obbligi relatati mar-reklamar ta’ kuntratti mogħtija u mal-informazzjoni għal kandidati u offerenti stabbiliti fl-Artikoli 50 u 55, l-awtorità kontraenti ma għandhiex tiddivulga informazzjoni mgħoddija lilha minn operaturi ekonomiċi li hija mniżżla bħala kunfidenzjali, inklużi, iżda mhux limitati għal, sigrieti tekniċi jew kummerċjali u l-aspetti kunfidenzjali tal-offerti. 2. L-awtoritajiet kontraenti jistgħu jimponu rekwiżiti fuq l-operaturi ekonomiċi bil-għan li tiġi mħarsa n-natura kunfidenzjali tal-informazzjonli li l-awtoritajiet kontraenti jqiegħdu għad-dispożizzjoni matul il-proċedura kollha ta’ akkwist.” |
|
6. |
L-Artikolu 50 (“Avviżi dwar l-għoti ta’ kuntratt”) jipprevedi li: “[…] Ċerta informazzjoni dwar l-għoti ta’ kuntratt jew il-konklużjoni tal-ftehim qafas tista’ ma titħalliex tiġi ppubblikata fejn il-pubblikazzjoni tkun ta’ xkiel għall-infurzar tal-liġi jew inkella tmur kontra l-interess pubbliku, tkun ta’ ħsara għall-interessi kummerċjali leġittimi ta’ operatur ekonomiku, pubbliku jew privat partikolari, jew fejn din tista’ tippreġudika l-kompetizzjoni leali bejn l-operaturi ekonomiċi.” |
|
7. |
L-Artikolu 55 (“L-informar ta’ kandidati u offerenti”) jgħid: “3. L-awtoritajiet kontraenti jistgħu jiddeċiedu li jżommu mistura ċerta informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2, rigward l-għoti ta’ kuntratt, il-konklużjoni ta’ ftehim qafas jew ammissjoni għal sistema dinamika ta’ xiri, fejn l-għoti ta’ din l-informazzjoni xxekkel l-infurzar tal-liġi, jew inkella tmur kontra l-interess pubbliku, tkun tippreġudika l-interessi kummerċjali leġittimi ta’ operatur ekonomiku, pubbliku jew privat partikolari, jew tkun tista’ tippreġudika l-kompetizzjoni ġusta bejn l-operaturi ekonomiċi”. |
2. Id-Direttiva 89/665
|
8. |
Skont l-Artikolu 1 (“Kamp ta’ applikazzjoni u proċeduri ta’ reviżjoni”) ( 5 ): “1. Din id-Direttiva tapplika għal kuntratti msemmija fid-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, sakemm tali kuntratti ma jkunx esklużi skont l-Artikoli 7, 8, 9, 10, 11, 12, 15, 16, 17 u 37 ta’ dik id-Direttiva. […] L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw illi, rigward kuntratti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24/UE jew id-Direttiva 2014/23/UE, id-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kontraenti jistgħu jiġu riveduti b’mod effettiv u, b’mod partikolari, malajr kemm jista’ jkun f’konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 2 sa 2f ta’ din id-Direttiva, għar-raġuni li dawn id-deċiżjonijiet ikunu kisru l-liġi tal-Unjoni fil-qasam tal-akkwist pubbliku jew ir-regoli nazzjonali li jittrasponu dik il-liġi. […] 3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri ta’ reviżjoni jkunu disponibbli, taħt regoli dettaljati li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu, lil kwalunkwe persuna li jkollha jew kellha interess tikseb kuntratt partikolari u li jkun sarilha jew tkun tinsab fir-riskju li jsirilha dannu minħabba ksur allegat. 4. L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li l-persuna li tkun tixtieq tagħmel użu mill-proċedura ta’ reviżjoni tkun innotifikat lill-awtorità kontraenti dwar il-ksur allegat u bl-intenzjoni li tagħmel appell, sakemm dan ma jaffettwax il-perijodu sospensiv skond l-Artikolu 2a(2) jew kwalunkwe skadenza oħra għall-applikazzjoni għal reviżjoni skond l-Artikolu 2ċ. 5. L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li l-persuna kkonċernata l-ewwel titlob reviżjoni mill-awtorità kontraenti. F’dak il-każ, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-talba għal reviżjoni tirriżulta fis-sospensjoni immedjata tal-possibbiltà ta’ konklużjoni tal-kuntratt. […]”. |
|
9. |
L-Artikolu 2 (“Ħtiġijiet għall-proċeduri ta’ reviżjoni”) jistipula li: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżuri meħuda fir-rigward tal-proċeduri ta’ reviżjoni speċifikati fl-Artikolu 1 ikunu jinkludu dispożizzjoni għas-setgħat li:: […]
[…]”. |
3. Id-Direttiva 2016/943
|
10. |
Il-premessa 18 tiddikjara li: “[…] B’mod partikolari, din id-Direttiva m’għandhiex teżenta lill-awtoritajiet pubbliċi mill-obbligi ta’ kunfidenzjalità li huma soġġetti għalihom f’dak li għandu x’jaqsam ma’ informazzjoni mgħoddija mid-detenturi ta’ sigrieti kummerċjali, irrispettivament minn jekk dawn l-obbligi humiex stabbiliti fil-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali. Tali obbligi ta’ kunfidenzjalità jinkludu, fost l-oħrajn, l-obbligi rigward informazzjoni mgħoddija lill-awtoritajiet kontraenti fil-kuntest tal-proċeduri ta’ akkwist, kif stabbiliti, pereżempju, […] fid-Direttiva 2014/24/UE […]”. |
|
11. |
L-Artikolu 1 (“Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni”) jispeċifika li: “2. Din id-Direttiva m’għandhiex taffettwa: […]
[…]”. |
B. Id-dritt Litwan
1. Il-Lietuvos Respublikos viešųjų pirkimų įstatymas (il-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi tar-Repubblika tal-Litwanja, iktar ’il quddiem il-“LKP”)
|
12. |
L-Artikolu 20 jistabbilixxi li: “1. L-awtorità kontraenti, il-bord tal-għoti, il-membri u l-esperti tagħhom u kwalunkwe persuna oħra huma pprojbiti milli jiżvelaw informazzjoni lil terzi li l-fornituri jkunu pprovdew b’mod kunfidenzjali. 2. L-offerta kollha jew it-talba għall-parteċipazzjoni tal-fornitur ma tistax tiġi kklassifikata bħala kunfidenzjali, iżda l-fornitur jista’ jindika li ċerta informazzjoni ppreżentata fl-offerta tiegħu hija kunfidenzjali. L-informazzjoni kunfidenzjali tista’ tinkludi, inter alia, sigrieti kummerċjali (ta’ manifattura) u aspetti kunfidenzjali tal-offerta. L-informazzjoni ma tistax tiġi kklassifikata bħala kunfidenzjali:
3. Meta l-awtorità kontraenti jkollha dubji dwar in-natura kunfidenzjali tal-informazzjoni li tinsab fl-offerta tal-fornitur, hija għandha titolbu juri għaliex l-informazzjoni inkwistjoni hija kunfidenzjali. [...] 4. F’perijodu massimu ta’ sitt xhur wara d-data tal-konklużjoni tal-kuntratt, l-offerenti kkonċernati jistgħu jitolbu lill-awtorità kontraenti li tagħtihom aċċess għall-offerta jew għat-talba tal-offerent rebbieħ (il-kandidati, għat-talbiet ta’ fornituri oħra li kienu ġew mistiedna jippreżentaw offerta jew li jipparteċipaw fi djalogu), iżda ma tkunx tista’ tiġi żvelata l-informazzjoni li l-kandidati jew l-offerenti jkunu kklassifikaw bħala kunfidenzjali mingħajr ma jinkiser il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu.” |
|
13. |
L-Artikolu 58 jispeċifika: “3. Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-artikolu, l-awtorità kontraenti ma tistax tipprovdi informazzjoni li l-iżvelar tagħha jikser ir-regoli dwar l-informazzjoni u l-protezzjoni tad-data jew imur kontra l-interess ġenerali, jippreġudika l-interessi kummerċjali leġittimi ta’ fornitur partikolari jew jaffettwa l-kompetizzjoni bejn il-fornituri”. |
2. Il-Lietuvos Respublikos civilinio proceso kodeksas (il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili tar-Repubblika tal-Litwanja)
|
14. |
L-Artikolu 10 jipprevedi: “2. Meta jkun hemm raġunijiet sabiex jitqies li sigriet kummerċjali jista’ jiġi żvelat, il-qorti, fuq talba debitament motivata tal-partijiet jew ex officio, permezz ta’ digriet motivat għandha taħtar lill-persuni li jkunu jistgħu:
[…] 4. Fl-applikazzjoni tar-restrizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, il-qorti għandha tikkunsidra n-neċessità li jiġi żgurat id-dritt għall-protezzjoni ġudizzjarja kif ukoll id-dritt għal smigħ xieraq, l-interessi leġittimi tal-partijiet u tal-persuni l-oħra li jipparteċipaw fil-proċedura u d-dannu li jista’ jirriżulta mill-applikazzjoni jew min-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ dawn ir-restrizzjonijiet.” |
II. Il-fatti, it-tilwima u d-domandi preliminari
|
15. |
Fis‑27 ta’ Settembru 2018, UAB Klaipėdos regiono atliekų tvarkymo centras (iktar ’il quddiem l-“awtorità kontraenti”) ħabbret l-avviż ta’ sejħa għal offerti għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku għall-provvista ta’ servizzi relatati mal-ġbir tal-iskart muniċipali mill-muniċipju ta’ Neringa (il-Litwanja) u t-trasport tiegħu lejn installazzjonijiet ta’ trattament tar-reġjun ta’ Klaipėda (il-Litwanja) ( 6 ). |
|
16. |
Fid‑29 ta’ Novembru 2018, il-kuntratt ingħata lill-grupp ta’ operaturi ekonomiċi kompost minn UAB Klaipėdos autobusų parkas, UAB Parsekas u UAB Klaipėdos transportas (iktar ’il quddiem il-“Grupp”). UAB Ecoservice Klaipėda (iktar ’il quddiem “Ecoservice”) ikklassifikat fit-tieni post. |
|
17. |
Fl‑4 ta’ Diċembru 2018, Ecoservice talbet lill-awtorità kontraenti sabiex tingħata aċċess għad-data li tinsab fl-offerta tal-Grupp. Fis‑6 ta’ Diċembru 2018, ġiet ipprovduta lilha l-informazzjoni mhux kunfidenzjali ta’ din l-offerta. |
|
18. |
Fl‑10 ta’ Diċembru 2018, Ecoservice ressqet talba għal reviżjoni quddiem l-awtorità kontraenti, fejn ikkontestat ir-riżultat finali tal-proċedura minħabba li qieset li l-Grupp ma ssodisfax dak li kien meħtieġ fis-sejħa għal offerti ( 7 ). L-awtorità kontraenti ċaħdet l-ilment fis‑17 ta’ Diċembru 2018. |
|
19. |
Fis‑27 ta’ Diċembru 2018, Ecoservice ppreżentat rikors kontra d-deċiżjoni tal-awtorità kontraenti quddiem il-Klaipėdos apygardos teismas (il-Qorti Reġjonali ta’ Klaipėda, il-Litwanja). Ir-rikors kien akkumpanjat minn talba sabiex tiġi pprovduta l-informazzjoni kollha li kienet tinsab fl-offerta tal-Grupp, kif ukoll il-korrispondenza skambjata bejnu u bejn l-awtorità kontraenti. |
|
20. |
Wara li nstemgħet l-awtorità kontraenti, li opponiet it-talba ta’ Ecoservice, fil‑15 ta’ Jannar 2019, il-qorti tal-ewwel istanza talbitha li tippreżenta d-dokumenti mitluba kollha ħlief il-korrispondenza mal-Grupp. |
|
21. |
Fil‑25 ta’ Jannar 2019, l-awtorità kontraenti pprovdiet l-informazzjoni, kemm dik kunfidenzjali kif ukoll dik mhux kunfidenzjali, li kienet tinsab fl-offerta tal-Grupp. Hija talbet li Ecoservice tiġi prekluża milli ssir taf l-informazzjoni kunfidenzjali u l-qorti tal-ewwel istanza aċċettat dan. |
|
22. |
Permezz ta’ talbiet sussegwenti, Ecoservice talbet lil dik il-qorti l-aċċess: a) għall-informazzjoni tal-offerta li hija kklassifikata bħala kunfidenzjali; u b) għad-data tal-kuntratti ta’ ġestjoni tal-iskart konklużi minn waħda mill-entitajiet li jikkostitwixxu l-Grupp. Il-qorti tal-ewwel istanza ċaħdet iż-żewġ talbiet permezz ta’ żewġ deċiżjonijiet distinti li ma jistgħux jiġu kkontestati. |
|
23. |
Permezz ta’ sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2019, il-qorti tal-ewwel istanza ddikjarat li l-Grupp kien jissodisfa r-rekwiżiti relatati mal-kwalifikazzjoni tal-fornituri u ċaħdet it-talba ta’ Ecoservice. |
|
24. |
Ecoservice appellat mis-sentenza tal-ewwel istanza quddiem il-Lietuvos apeliacinis teismas (il-Qorti tal-Appell tal-Litwanja) li, fit‑30 ta’ Mejju 2019, annullat dik is-sentenza, kif ukoll id-deċiżjoni tal-awtorità kontraenti, u ordnat li l-offerti jiġu evalwati mill-ġdid. |
|
25. |
L-awtorità kontraenti ppreżentat appell ta’ kassazzjoni quddiem il-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il-Qorti Suprema tal-Litwanja) li kien limitat sabiex jikkontesta l-evalwazzjoni tal-qorti tal-appell relatata man-(nuqqas ta’) kapaċità teknika tal-Grupp ( 8 ). |
|
26. |
Fis‑26 ta’ Lulju 2019, qabel ma kkontestat l-appell ta’ kassazzjoni, Ecoservice talbet li tingħata aċċess għad-dokumenti kunfidenzjali ppreżentati mill-Grupp lill-qorti tal-ewwel istanza “li kellhom informazzjoni realment delikata għal finijiet kummerċjali li kienet ġiet moħbija”. |
|
27. |
F’dan il-kuntest, il-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il-Qorti Suprema tal-Litwanja) qiegħda tagħmel, inter alia, id-domandi preliminari li ġejjin:
|
III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
|
28. |
It-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet irreġistrata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit‑18 ta’ Diċembru 2019. |
|
29. |
Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn Klaipėdos autobusų parkas ( 9 ), minn Ecoservice, mir-Repubblika tal-Awstrija, mir-Repubblika tal-Litwanja u mill-Kummissjoni Ewropea. |
|
30. |
Il-partijiet ippreżentaw tweġibiet bil-miktub għall-mistoqsijiet li l-Qorti tal-Ġustizzja għamlitilhom, bħala sostituzzjoni tas-seduta. |
IV. Evalwazzjoni
A. Osservazzjonijiet preliminari
|
31. |
Fuq talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, ser nillimita ruħi għal analiżi tar-raba’ sad-disa’ domanda preliminari. Minħabba s-suġġett tagħhom, huma jistgħu jinġabru fi tlieta:
|
|
32. |
Fl-ewwel lok ser nindirizza l-interpretazzjoni tad-Direttivi 2014/24 u 2016/943, dwar l-ipproċessar ta’ informazzjoni kunfidenzjali. Sussegwentement, ser nispjega r-risposta tiegħi għad-domandi preliminari, li ser tinkludi riferimenti għad-Direttiva 89/665. |
B. Il-protezzjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali pprovduta fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi
|
33. |
Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “[l]-għan prinċipali tal-liġijiet Komunitarji dwar kuntratti pubbliċi jinkludi l-ftuħ għall-kompetizzjoni mingħajr distorsjoni fl-Istati Membri kollha. […] Sabiex jintlaħaq dan il-għan, huwa importanti li l-awtoritajiet kontraenti ma jikxfux informazzjoni relatata ma’ proċeduri ta’ l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi li l-kontenut tagħhom ikun jista’ jiġi użat għad-distorsjoni tal-kompetizzjoni” ( 10 ). |
|
34. |
Id-Direttiva 2014/24 tiġbor flimkien diversi regoli ddedikati għall-pubblikazzjoni tal-informazzjoni f’idejn l-awtorità kontraenti. Fosthom ( 11 ) hemm l-Artikolu 21 li jipprojbixxi, fil-prinċipju ( 12 ), l-iżvelar tal-“informazzjoni mgħoddija lilha minn operaturi ekonomiċi li hija mniżżla bħala kunfidenzjali, inklużi, iżda mhux limitati għal, sigrieti tekniċi jew kummerċjali u l-aspetti kunfidenzjali tal-offerti”. |
|
35. |
Fid-dawl tal-allegazzjonijiet tal-partijiet, huwa neċessarju li jiġi ddeterminat x’tip ta’ informazzjoni kunfidenzjali għandha tipproteġi l-awtorità kontraenti (u l-korpi li jirrevedu d-deċiżjonijiet tagħha), skont id-Direttiva 2014/24. Iktar tard, ser nevalwa l-effett tad-Direttiva 2016/943 fil-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi. |
1. Informazzjoni kunfidenzjali skont id-Direttiva 2014/24
|
36. |
Minn interpretazzjoni letterali u iżolata tal-Artikolu 21 tad-Direttiva 2014/24 jiġi dedott li l-informazzjoni kunfidenzjali hija sempliċement dik li operatur ekonomiku jikklassifika bħala tali. Għaldaqstant, informazzjoni protetta għandha tinftiehem, fi kwalunkwe każ, bħala dik li l-operaturi ekonomiċi “hija mniżżla [niżżlu] bħala kunfidenzjali”. |
|
37. |
Jekk jiġi segwit dan il-kriterju ermenewtiku, kwalunkwe ( 13 ) informazzjoni li ma jkollhiex l-awtorizzazzjoni tal-operatur li pprovdieha lill-awtorità kontraenti, ikun xi jkun il-kontenut tagħha, tibqa’ awtomatikament imblokkata, jiġifieri, ma tkunx tista’ tiġi żvelata. |
|
38. |
Din l-interpretazzjoni massimalista ma tistax tintlaqa’. Fil-fatt, l-Artikolu 21 tad-Direttiva 2014/24, bħala eżempji ta’ informazzjoni li tista’ tiġi kklassifikata bħala kunfidenzjali jagħti “sigrieti tekniċi jew kummerċjali u l-aspetti kunfidenzjali tal-offerti”. Għaldaqstant jindika li tali klassifikazzjoni tiddependi fuq bażi oġġettiva u mhux biss fuq ir-rieda suġġettiva ta’ min jipprovdi l-informazzjoni. |
|
39. |
Dispożizzjonijiet oħra tad-Direttiva 2014/24 (b’mod partikolari, l-Artikolu 50(4) u l-Artikolu 55(3)) jippermettu li tiġi kkorroborata din l-istess teżi mill-perspettiva sistematika. Skonthom, l-iżvelar tal-informazzjoni għandu jiġi rrifjutat meta dan l-iżvelar, fost ipoteżijiet oħra, jippreġudika “[l]-interessi kummerċjali leġittimi ta’ operatur ekonomiku, pubbliku jew privat partikolari”. Għal darba oħra, huma l-aspetti oġġettivi, u mhux dawk suġġettivi, li jipprevalu. |
|
40. |
Għaldaqstant nikkunsidra li l-Artikolu 21 tad-Direttiva 2014/24, moqri fil-kuntest tiegħu, ma jafdax b’mod esklużiv lill-operatur ekonomiku bil-funzjoni li jispeċifika, skont kif jidhirlu, liema informazzjoni għandha tiġi kkatalogata bħala kunfidenzjali. It-talba motivata tiegħu f’dan is-sens – indispensabbli, jekk ikun jixtieq jirrestrinġi l-pubblikazzjoni tad-data li huwa stess jipprovdi – hija suġġetta għad-deċiżjoni sussegwenti tal-awtorità kontraenti (u, eventwalment, għad-deċiżjoni tal-korp li jirrevedi d-deċiżjonijiet tagħha). |
|
41. |
L-iskop tad-dispożizzjoni jwassal għall-istess riżultat. Jekk permezz tagħha, kif ukoll permezz tal-bqija tad-Direttiva 2014/24, ikun mistenni li tiġi evitata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni ( 14 ), ikun loġiku li lill-awtorità kontraenti – u mhux unilateralment lill-operatur ikkonċernat – tingħata s-setgħa sabiex tiddetermina x’riskji jirriżultaw għall-kompetizzjoni minħabba l-iżvelar ta’ informazzjoni li suppost tkun kunfidenzjali. Id-dmir ta’ imparzjalità u ta’ oġġettività tagħha, fir-rigward tal-offerenti varji, jagħmel lill-awtorità kontraenti l-attur ideali sabiex tieħu din id-deċiżjoni. |
|
42. |
B’dan il-mod, barra minn hekk, l-awtorità kontraenti tista’ tiżgura t-trattament tal-operaturi ekonomiċi kollha “bl-istess mod u mingħajr diskriminazzjoni”, f’konformità mal-prinċipji prinċipali tal-kuntratti pubbliċi. |
2. L-applikabbiltà tad-Direttiva 2016/943
|
43. |
Il-qorti tar-rinviju titlob l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2016/943, relatat mal-premessa 18 tagħha peress li l-fattur konklużiv sabiex jingħata l-aċċess għal informazzjoni partikolari jkun jekk din tal-aħħar tikkostitwixxix, jew le, sigriet kummerċjali ( 15 ). |
|
44. |
Madankollu, infakkar li, skont l-Artikolu 21 tad-Direttiva 2014/24, il-protezzjoni ma hijiex limitata għas-“sigrieti kummerċjali”, iżda wkoll, inter alia, għall-“aspetti kunfidenzjali tal-offerti”. Għaldaqstant, taħt din id-dispożizzjoni tista’ taqa’ l-informazzjoni li ma tkunx suġġetta għall-klassifikazzjoni, b’mod strett, ta’ sigriet kummerċjali: iż-żewġ kunċetti ma humiex ekwivalenti. |
|
45. |
Fi kwalunkwe każ, id-Direttiva 2016/943, li l-iskop tagħha huwa l-protezzjoni ta’ “konoxxenza u ta’ informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali (sigrieti kummerċjali) kontra l-ksib, l-użu u l-iżvelar illegali tagħhom”, tikkontempla l-ipoteżi kuntrarja ta’ dak ittrattat f’din it-tilwima. F’din tal-aħħar hija ttrattata preċiżament l-assenza ta’ żvelar ta’ ċerta informazzjoni kunfidenzjali, li l-awtorità kontraenti tirrifjuta li tipprovdi lill-operatur li jitlobha. |
|
46. |
Għal din ir-raġuni, naqbel mal-Kummissjoni ( 16 ) li l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2016/943 ma huwiex applikabbli għal din il-kwistjoni, billi din id-dispożizzjoni tikkonċerna l-proċeduri ġudizzjarji relatati mal-ksib, mal-użu jew mal-iżvelar illegali ta’ sigriet kummerċjali ( 17 ). |
|
47. |
Barra minn hekk, id-Direttiva 2014/24 hija l-lex specialis li tirregola l-iżvelar tal-informazzjoni pprovduta mill-operaturi ekonomiċi fil-kuntest ta’ sejħa għal offerti pubblika. |
|
48. |
Il-premessa 18 tad-Direttiva 2016/943 tikkonferma dan meta tagħmel riferiment għall-obbligi tal-awtoritajiet pubbliċi li jżommu l-kunfidenzjalità “rigward informazzjoni mgħoddija lill-awtoritajiet kontraenti fil-kuntest tal-proċeduri ta’ akkwist, kif stabbiliti, pereżempju, fid-[…]Direttiva 2014/24/UE […]”. |
|
49. |
Għaldaqstant, hija d-Direttiva 2016/943 nnifisha li tirreferi t-trattament tar-regoli ta’ protezzjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali f’dan ir-rigward għas-sistema tad-Direttiva 2014/24. Jekk awtorità kontraenti, fl-eżerċizzju leġittimu tas-setgħat tagħha, tiżvela dan it-tip ta’ informazzjoni, b’awtorizzazzjoni mid-Direttiva 2014/24, iseħħ wieħed mill-każijiet ta’ nuqqas ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2016/943 previsti fl-Artikolu 1(2) u fl-Artikolu 3(2) tagħha. |
|
50. |
Ir-risposta għad-domandi tal-qorti tar-rinviju dwar il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità għandha tkun ibbażata, għaldaqstant, fuq l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2014/24. Id-Direttiva 2016/943, minħabba li tinsab f’kuntest simili, tista’ tintuża bħala riferiment awżiljarju, iżda mhux bħala test deċiżiv. |
C. Ir-raba’ domanda preliminari
|
51. |
B’din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf:
|
|
52. |
Il-qorti tar-rinviju tispjega li d-dritt nazzjonali jistabbilixxi “proċedura prekontenzjuża tar-riżoluzzjoni ta’ tilwim [ta’ natura vinkolanti]”, li tiddeċiedi l-awtorità kontraenti stess. |
1. Il-punt (a)
|
53. |
L-awtorità kontraenti, bħalma diġà osservajt, għandha tiċċara liema elementi mill-informazzjoni mgħoddija mill-offerent, fost dawk li huwa kklassifika bħala kunfidenzjali, huma realment ta’ din in-natura. Din l-istess setgħa tassisti lill-entità responsabbli sabiex, fil-fażi tat-talba għal reviżjoni, tirrevedi l-azzjoni tal-awtorità kontraenti. |
|
54. |
Is-salvagwardja tal-informazzjoni kunfidenzjali u tas-sigrieti kummerċjali għandha tiġi implimentata filwaqt li tkun irrikonċiljata “mar-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġuridika effettiva u l-osservanza tad-drittijiet tad-difiża tal-partijiet fil-kawża […], b’mod li jiġi assigurat li l-proċedura tirrispetta, fit-totalità tagħha, id-dritt għal smigħ xieraq” ( 18 ). |
|
55. |
Iż-żamma ta’ dan il-bilanċ tippreżupponi, qabelxejn, li t-talba, jew it-talba għal reviżjoni mressqa quddiem l-awtorità kontraenti ma jimplikawx li hija għandha tipprovdi awtomatikament l-informazzjoni kollha inkluża fl-offerta tal-offerent rebbieħ ipproklamat lil min iressaq it-talba ( 19 ). Lanqas ma timplika li għandha tiġi miċħuda sistematikament ( 20 ). Fid-dawl tar-raġunijiet tat-talba – jew, fejn applikabbli, tat-talba għal reviżjoni – u tan-natura tal-informazzjoni mitluba, l-awtorità kontraenti għandha tadotta d-deċiżjoni tagħha. |
|
56. |
Is-setgħat tal-awtorità kontraenti jiġu skjerati, intenni, kemm jekk taġixxi bi tweġiba għal talba motivata għall-iżvelar ta’ informazzjoni kunfidenzjali, kif ukoll meta tiddeċiedi dwar talba għal reviżjoni (fis-sens tal-Artikolu 1(5) tad-Direttiva 89/665) ( 21 ) kontra d-deċiżjoni sabiex jiġi awtorizzat, jew ma jiġix awtorizzat, dan l-iżvelar, jew kontra d-deċiżjoni sabiex jingħata l-kuntratt wara l-evalwazzjoni tal-offerti. |
|
57. |
Il-punt (a) tar-raba’ domanda preliminari tal-qorti tar-rinviju jikkonċerna r-rwol tal-awtorità kontraenti fi “proċedura ta’ reviżjoni”. Issa, meta tiddeċiedi dwar it-talba għal reviżjoni, hija l-awtorità kontraenti li għandha tikseb il-bilanċ bejn il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità u d-dritt għal rimedju effettiv, fis-sens tad-Direttiva 89/665. |
|
58. |
Konsegwentement, l-awtorità kontraenti għandha tevalwa l-interess u r-raġunijiet ta’ min ikun qiegħed jitlob li jsir jaf l-informazzjoni kunfidenzjali (ipprovduta minn kompetitur fl-offerta), filwaqt li tqabbilhom man-neċessità li tiġi ssalvagwardata l-kunfidenzjalità ta’ din id-data. Fejn applikabbli, tista’ titlob lill-operatur ekonomiku kkonċernat sabiex jispjega għaliex għandha tinżamm il-klassifikazzjoni totali jew parzjali ta’ ċerta informazzjoni bħala kunfidenzjali. |
|
59. |
It-tweġiba tal-awtorità kontraenti għal din it-talba għal reviżjoni, inkluż meta tiġi kkontestata il-“legalità tal-evalwazzjoni tal-offerta”, għandha tinkorpora r-raġunijiet sabiex tispjega d-deċiżjoni tagħha. Intenni li din it-tweġiba ma għandhiex tkun bilfors li tipprovdi lil min iressaq it-talba bid-data “kollha” tal-offerta ta’ offerent ieħor. Għall-kuntrarju, hija għandha tiddependi fuq jekk l-awtorità kontraenti tarax, kompletament jew parzjalment, li ż-żamma tal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni li tqiegħdet għad-dispożizzjoni tagħha hija ġġustifikata. |
2. Il-punt (b)
|
60. |
Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk, meta tiċħad it-talba ta’ offerent li jikkontesta r-riżultat tal-evalwazzjoni, l-awtorità kontraenti għandhiex tagħti tweġiba “ċara, komprensiva u speċifika, irrispettivament mir-riskju li tiġi żvelata informazzjoni kunfidenzjali ta’ offerta fdata lilha”. |
|
61. |
It-tweġiba għal dan id-dubju tista’ tiġi dedotta minn dik mogħtija għall-punt (a) tal-istess domanda preliminari. |
|
62. |
Meta tagħti motivazzjoni għad-deċiżjoni li tiċħad talba għal reviżjoni mressqa quddiemha, l-awtorità kontraenti għandha tirrispetta d-drittijiet kemm ta’ min iressaq it-talba kif ukoll tal-parti l-oħra (l-offerent rebbieħ, li l-kompetitur tiegħu jfittex li jsir jaf l-informazzjoni tiegħu). Hija jkollha tesponi r-raġunijiet tal-azzjoni tagħha billi b’hekk tipprovdi r-reviżjoni addizzjonali tal-atti tagħha. |
|
63. |
Għalkemm id-deċiżjoni tal-awtorità kontraenti għandha tkun, fil-fatt, “ċara u speċifika”, hija ma għandhiex neċessarjament u awtomatikament tinkludi, madankollu, id-data kunfidenzjali kollha pprovduta fl-offerta. Dan ikun il-każ biss jekk, wara l-ibbilanċjar tal-interessi ( 22 ) li għandha twettaq, l-awtorità kontraenti tiddeċiedi li xi interessi jipprevalu fuq oħrajn. |
D. Il-ħames, is-sitt u s-seba’ domanda preliminari
|
64. |
Minn dawn it-tliet domandi preliminari, li għandhom jiġu indirizzati flimkien, il-ħames waħda tagħmel riferiment għal “kontestazzjoni separata” possibbli kontra d-deċiżjoni tal-awtorità kontraenti li ma tagħtix aċċess għall-informazzjoni kunfidenzjali. Is-sitt u s-seba’ domanda jidhru li huma bbażati fuq din l-istess preżunzjoni. |
|
65. |
Fil-verità, mid-deċiżjoni tar-rinviju ( 23 ) ma jirriżultax b’mod ċar li Ecoservice ifformulat din il-kontestazzjoni separata (jew awtonoma) meta l-awtorità kontraenti ddeċidiet li tgħaddilha biss l-informazzjoni mhux kunfidenzjali li tinsab fl-offerta tal-Grupp ( 24 ). |
|
66. |
Fid-deskrizzjoni tal-fatti stabbilita f’din id-deċiżjoni jirriżulta li l-azzjoni ta’ Ecoservice kkonsistiet fit-talba, kemm lill-awtorità kontraenti kif ukoll, sussegwentement, lill-qorti tal-ewwel istanza (f’dan il-każ, konġuntament mar-rikors tagħha), li jordnaw l-iżvelar sħiħ tal-informazzjoni pprovduta mill-Grupp. Għaldaqstant, huwa dubjuż li din it-talba tista’ tinftiehem bħala talba għal reviżjoni awtonoma fis-sens indikat iktar ’il fuq. |
|
67. |
Madankollu, din iċ-ċirkustanza ma għandhiex twassal għall-inammissibbiltà tal-ħames, tas-sitt u tas-seba’ domanda, liema domandi jibbenefikaw mill-preżunzjoni ta’ rilevanza li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lit-talbiet għal deċiżjoni preliminari. |
|
68. |
L-ammissibbiltà ta’ dawn id-domandi hija difensibbli jekk il-qorti tar-rinviju tinterpreta li Ecoservice, quddiem l-awtorità kontraenti u quddiem il-qorti tal-ewwel istanza, ikkontestat, setgħet tikkontesta, jew kellha tikkontesta, b’mod separat, id-deċiżjoni li ma tagħtihiex l-informazzjoni. |
|
69. |
Bl-istabbiliment ta’ tali premessa, minn dawn id-domandi:
|
|
70. |
Is-soluzzjoni għal dawn il-kwistjonijiet għandha tibda mill-klawżola ġenerali tal-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665. L-istħarriġ li jagħmel riferiment għalih ikopri d-deċiżjonijiet kollha tal-awtorità kontraenti li japplikaw id-dritt tal-Unjoni f’dan ir-rigward ( 25 ). |
|
71. |
Fost dawn id-deċiżjonijiet tal-awtorità kontraenti suġġetti għal reviżjoni jinsabu, loġikament, dawk li jiddeċiedu l-għoti ta’ kuntratt bl-għażla ta’ waħda mill-offerti, iżda wkoll oħrajn ta’ natura distinta (pereżempju, dawk li jadottaw jew li jirrifjutaw miżuri provviżorji) li għandhom effett fuq is-sitwazzjoni legali tal-persuni kkonċernati ( 26 ). |
|
72. |
Waħda mid-deċiżjonijiet li bihom l-awtorità kontraenti tapplika d-dritt tal-Unjoni (b’mod partikolari, l-Artikolu 21 tad-Direttiva 2014/24), li jistgħu jiġu eventwalment ikkontestati, hija dik li tikkunsidra ċerta informazzjoni bħala kunfidenzjali u li ma tippermettix l-iżvelar, totalment jew parzjalment tagħha, jew li tawtorizza dan. |
|
73. |
Id-Direttiva 89/665 ma “pprevedietx formalment il-mument li minnu hija miftuħa l-possibbiltà ta’ reviżjoni prevista fl-Artikolu 1(1) tagħha” ( 27 ). Li qiegħda tipproponi l-Qorti tal-Ġustizzja huwa li jiġi ggarantit li d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kontraenti jkunu jistgħu jiġu kkontestati b’mod effikaċi u, b’mod partikolari, mill-iktar fis possibbli. |
|
74. |
Il-leġiżlatur tal-Unjoni inkariga lill-Istati Membri bil-funzjoni li jiddeterminaw ir-“regoli dettaljati” tal-proċeduri ta’ reviżjoni kontra d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kontraenti (Artikolu 1(3) tad-Direttiva 89/665) ( 28 ). |
|
75. |
L-Istati Membru għandhom ukoll l-għażla, fil-marġni skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 89/665, li jafdaw dawn ir-reviżjonijiet lil qrati, fis-sens strett, jew lil korpi ta’ natura oħra ( 29 ). Madankollu, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fil-Litwanja, it-talbiet għal reviżjoni tad-deċiżjonijiet tal-awtorità kontraenti, inkluża dik li hija tadotta fil-qafas ta’ proċedura amministrattiva prekontenzjuża ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim, għandhom jitressqu quddiem il-qrati. |
|
76. |
L-Istati Membri jistgħu, għaldaqstant, fil-prinċipju, jirregolaw it-talbiet għal reviżjoni mressqa kontra d-deċiżjonijiet tal-awtorità kontraenti billi jipprevedu il-preżentata tagħhom kemm b’mod ikkonċentrat kif ukoll b’mod separat (mill-kontestazzjoni prinċipali). Id-Direttiva 89/665 la timponi u lanqas teskludi xi wieħed miż-żewġ mekkaniżmi. |
|
77. |
Jekk l-Istati Membri, bl-użu tal-awtonomija proċedurali tagħhom, jippreferu jużaw il-kontestazzjoni kkonċentrata, għandhom iwettquha mingħajr ma jiksru l-għanijiet tad-Direttiva 89/665 fir-rigward tal-effikaċja u tar-rapidità essenzjali. Barra minn hekk, huma għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni:
|
|
78. |
L-għanijiet ta’ rapidità u ta’ effikaċja jistgħu jintlaħqu b’mod ħafna iktar faċli permezz tal-mekkaniżmi ta’ “kontestazzjoni b’mod separat” li tirreferi għalihom il-qorti tar-rinviju. Talba għal reviżjoni ta’ din in-natura, apparti li għandha tissodisfa r-rekwiżit ta’ rapidità, tista’ torbot lil dak ta’ effikaċja, meta tippermetti li l-kontestazzjoni (prinċipali) ippreżentata kontra d-deċiżjoni fil-mertu (jiġifieri, kontra l-għoti) titwettaq wara li tingħata l-informazzjoni neċessarja għad-difiża effettiva tad-dritt tal-persuna kkonċernata ( 32 ). |
|
79. |
Jista’ jitqajjem l-argument li t-talbiet għal reviżjoni awtonomi jkunu f’riskju li jdewmu l-konklużjoni tal-proċess tal-għażla tal-imprenditur. Għall-Qorti tal-Ġustizzja, dan l-argument jiġi indirizzat billi tiġi rrilevata “[…] il-ġustifikazzjoni tat-termini raġonevoli ta’ dekadenza tar-rikorsi kontra d-deċiżjonijiet li jistgħu jiġu kkontestati u mhux l-esklużjoni ta’ rikors awtonomu” ( 33 ). |
|
80. |
Għaldaqstant, fil-prinċipju, peress li l-kontestazzjoni awtonoma tkun konformi mad-Direttiva 89/665, xejn ma jwaqqaf lid-dispożizzjoni legali nazzjonali milli tikkunsidraha bħala ammissibbli. |
|
81. |
Jekk, għall-kuntrarju, id-dritt nazzjonali jeżiġi li d-deċiżjoni dwar il-kunfidenzjalità tiġi kkontestata flimkien ma’ dik tal-għoti tal-kuntratt, il-qorti għandha tevalwa jekk din l-eżiġenza tippreżervax sal-istess punt l-effett utli tad-Direttiva 89/665, fir-rigward tar-rapidità u tal-effikaċja ta’ tali mekkaniżmu ta’ kontestazzjoni. |
|
82. |
L-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri tiġi estiża wkoll għat-tressiq – fakultattiv – ta’ talba għal reviżjoni preliminari quddiem l-awtorità kontraenti. L-Artikolu 1(5) tad-Direttiva 89/665 ma jipprekludix dispożizzjoni legali nazzjonali milli tistipula “li l-persuna kkonċernata l-ewwel titlob reviżjoni mill-awtorità kontraenti”. |
|
83. |
L-Artikolu 2 tad-Direttiva 89/665 ifassal ir-rekwiżiti tal-proċeduri ta’ reviżjoni tal-Artikolu 1, kemm jekk huma proċeduri li inizjalment jitressqu quddiem l-awtorità kontraenti, kif ukoll dak, sussegwentement, jitressqu quddiem korp ta’ reviżjoni (f’dan il-każ, qorti). |
|
84. |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, jidhirli li d-Direttiva 89/665 ma timpedixxix:
|
E. It-tmien u d-disa’ domanda preliminari
|
85. |
Dawn id-domandi jirrigwardaw l-interpretazzjoni tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 2016/943. Madankollu nifhem, bħalma indikajt iktar ’il fuq, li d-Direttiva 2016/943 ma hijiex direttament applikabbli f’din il-kawża. |
|
86. |
Iżda, id-Direttiva 89/665 tagħmilha possibbli li tiġi pprovduta risposta utli lill-qorti tar-rinviju. |
|
87. |
Iż-żewġ domandi jikkonċernaw l-imġiba li għandha ssegwi l-qorti adita sabiex tiddeċiedi dwar it-tilwima, fir-rigward ta’: a) it-“teħid inkunsiderazzjoni” tal-azzjoni preċedenti tal-awtorità kontraenti (it-tmien domanda); u b) l-evalwazzjoni ex officio tad-data li l-iżvelar tagħha hija mitluba (id-disa’ domanda) ( 34 ). |
|
88. |
L-awtorità kontraenti għandha tiddeċiedi jekk hemmx lok li tiġi żvelata l-informazzjoni kunfidenzjali mgħoddija minn offerent fl-offerta tiegħu. Din id-deċiżjoni (jew dik ulterjuri li permezz tagħha hija stess tikkonferma lil dik ta’ qabilha, meta tiddeċiedi dwar talba għal reviżjoni prevista fid-dritt nazzjonali) tista’ tiġi riveduta fit-termini tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 89/665. |
|
89. |
Jekk, bħalma qiegħed iseħħ hawnhekk, l-istħarriġ isir minn qorti, hija għandha tkun fil-pożizzjoni li tkun tista’ tistħarreġ id-deċiżjonijiet tal-awtorità kontraenti fl-intier tagħhom. Hija għandha tkun tista’ tannullahom kompletament jew parzjalment meta tqis li ma jikkonformawx mal-legalità. |
|
90. |
Meta waħda minn dawn id-deċiżjonijiet tal-awtorità kontraenti, li fuqhom għandha twettaq l-istħarriġ ġudizzjarju, tkun iċ-ċaħda li tiġi żvelata informazzjoni partikolari li takkumpanja offerta, il-qorti adita tista’ tiddikjara tali ċaħda bħala ġġustifikata jew inkella bħala mhux xierqa. |
|
91. |
Qabel ma tagħti l-ġudizzju tagħha, fi kwalunkwe waħda mit-tifsiriet possibbli, dik il-qorti għandha “tieħu inkunsiderazzjoni l-azzjonijiet tal-awtorità kontraenti matul il-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi jew ta’ reviżjoni”, sabiex nuża t-termini tad-deċiżjoni tar-rinviju. |
|
92. |
Loġikament, dan ma jfissirx li l-qorti adita tinsab marbuta bl-azzjoni tal-awtorità kontraenti, li qiegħda tagħti ġudizzju fuq il-legalità tagħha. Li l-qorti tiġi miċħuda mis-setgħa li tikkorreġi u, fejn applikabbli, tannulla d-deċiżjonijiet tal-awtorità kontraenti jfisser li atti sempliċement amministrattivi ta’ din tal-aħħar igawdu saħħa ekwivalenti għal dik ta’ res judicata, għad-detriment tad-dritt għall-protezzjoni ġudizzjarja u tas-sistema ta’ garanziji tad-Direttiva 89/665. |
|
93. |
Iċ-ċaħda li tiġi pprovduta l-informazzjoni mitluba, minħabba deċiżjoni li din ma tistax tiġi żvelata, madankollu, ma timpedixxix li l-qorti adita tanalizza “l-importanza tad-data li qiegħed jintalab l-iżvelar tagħha”. |
|
94. |
Din l-analiżi tippermettilha taċċedi għall-fajl sħiħ, kif ukoll għall-informazzjoni kunfidenzjali. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddikjarat, f’dan is-sens, li “[l]-qorti kompetenti għall-proċedura ta’ reviżjoni għandha neċessarjament tkun tista’ tiddisponi mill-informazzjoni meħtieġa sabiex tkun tista’ tagħti deċiżjoni abbażi tal-fatti kollha tal-każ, inkluża l-informazzjoni kunfidenzjali u s-sigrieti kummerċjali” ( 35 ). |
|
95. |
Jekk ikun possibbli li din l-analiżi ssir ex officio jew inkella biss fuq it-talba ta’ parti, dan ikun, għal darba oħra, xi ħaġa li ser tiddependi mis-setgħat mogħtija mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, fil-qafas tal-proċeduri ta’ stħarriġ ġudizzjarju, lil kull waħda mill-istanzi kompetenti. |
F. Konklużjoni
|
96. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi li r-raba’ sad-disa’ domanda preliminari tal-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il-Qorti Suprema tal-Litwanja) jingħataw risposti f’dawn it-termini:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.
( 2 ) Direttiva tal-Kunsill tal‑21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal provvisti u għal xogħlijiet] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 246, rettifika fil-ĠU 2016, L 63, p. 44).
( 3 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65, rettifika fil-ĠU 2015, L 275, p. 68).
( 4 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2016, dwar il-protezzjoni ta’ konoxxenza u ta’ informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali (sigrieti kummerċjali) kontra l-ksib, l-użu u l-iżvelar illegali tagħhom (ĠU 2016, L 157, p. 1).
( 5 ) Kif ifformulat fl-Artikolu 46 tad-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni (ĠU 2014, L 94, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2015, L 114, p. 24, u fil-ĠU 2018, L 82, p. 17).
( 6 ) Skont il-punt 3 tad-deċiżjoni tar-rinviju, fl-avviż tal-offerta huwa ċar li l-ammont provviżorju tal-kuntratt jaqbeż EUR 750000 (mingħajr VAT).
( 7 ) B’mod speċifiku hija argumentat: i) li l-kuntratti ta’ ġbir u ta’ trasport ta’ skart muniċipali mħallat, indikati mill-Grupp sabiex juru l-kapaċità ekonomika u finanzjarja tagħhom, ma kinux ser jiġu mwettqa direttament mill-entitajiet li jikkostitwixxu dan il-Grupp; u ii) li l-vetturi inklużi fid-dokumenti ppreżentati mill-Grupp ma jissodisfawx l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stabbiliti fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt.
( 8 ) Fid-deċiżjoni tar-rinviju (punti 36 u 37) huwa enfasizzat li l-appell ta’ kassazzjoni ma ġiex ippreżentat minn Ecoservice iżda mill-awtorità kontraenti, li għalih, fil-prinċipju, il-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il-Qorti Suprema tal-Litwanja) kellha tiddeċiedi biss jekk l-offerent rebbieħ kellux il-kapaċità teknika adegwata, u din kienet l-unika kwistjoni mqajma mill-appellant. Madankollu, il-qorti ddeċidiet, ex officio, li taqbeż il-limiti tal-appell ta’ kassazzjoni u li tiddeċiedi fuq aspetti oħra tat-tilwima.
( 9 ) Waħda mill-entitajiet li jikkostitwixxu l-Grupp.
( 10 ) Sentenza tal‑14 ta’ Frar 2008, Varec (C‑450/06, EU:C:2008:91, iktar ’il quddiem is-“sentenza Varec”), punti 34 u 35.
( 11 ) Hemm dispożizzjonijiet oħra fid-Direttiva 2014/24 għall-protezzjoni tal-kunfidenzjalità, li għalihom ser nagħmel riferiment iktar tard, relatati mal-avviżi ta’ għoti tal-kuntratti (Artikolu 50(4)) u mal-informazzjoni pprovduta lill-kandidati u lill-offerenti (Artikolu 55). It-tnejn li huma jistabbilixxu li l-informazzjoni ma għandhiex tiġi ppubblikata meta “l-għoti ta’ din l-informazzjoni xxekkel l-infurzar tal-liġi, jew inkella tmur kontra l-interess pubbliku, tkun tippreġudika l-interessi kummerċjali leġittimi ta’ operatur ekonomiku, pubbliku jew privat partikolari, jew tkun tista’ tippreġudika l-kompetizzjoni ġusta bejn l-operaturi ekonomiċi”.
( 12 ) Sakemm ma jiġix stabbilit mod ieħor fid-Direttiva nnifisha jew fid-dritt nazzjonali. Mill-Artikolu 20 tal-LKP ma jidhirx li hemm regola nazzjonali li tmur kontra dan.
( 13 ) Dan ma huwiex il-każ tad-dritt Litwan, peress li jipprojbixxi l-komunikazzjoni kunfidenzjali ta’ totalità ta’ offerta.
( 14 ) Ara l-punt 33 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 15 ) Punti 64 et seq. tad-deċiżjoni tar-rinviju.
( 16 ) Punti 70 sa 75 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha.
( 17 ) Dan jirriżulta wkoll mill-premessi 13 u 24 tad-Direttiva 2016/943.
( 18 ) Sentenza Varec, punt 52.
( 19 ) Ibidem, punt 40: “[I]s-sempliċi preżentazzjoni ta’ talba għal reviżjoni tagħti aċċess għal informazzjoni li tista’ tintuża għad-distorsjoni tal-kompetizzjoni jew sabiex tikkaġuna ħsara lill-interessi leġittimi ta’ operaturi ekonomiċi li jkunu pparteċipaw fil-proċedura ta’ l-għoti ta’ kuntratt pubbliku in kwistjoni. Tali possibbiltà tista’ wkoll tħeġġeġ lil operaturi ekonomiċi sabiex iressqu talbiet għar-reviżjoni bl-uniku skop li jkollhom aċċess għas-sigrieti kummerċjali tal-kompetituri tagħhom”.
( 20 ) Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, fil-Litwanja, il-prattika komuni “fil-qasam ta’ kuntratti pubbliċi, li l-qorti tal-appell tipprova tillimita ripetutament”, hija li tiċħad l-aċċess tal-appellanti għall-informazzjoni mgħoddija mill-offerenti.
( 21 ) L-Artikolu 1(5) tad-Direttiva 89/665 jawtorizza d-dritt nazzjonali ta’ Stat sabiex jistabbilixxi dan it-tip ta’ reviżjoni li, fir-realtà, hija proċedura ta’ eżami mill-ġdid imwettqa mill-awtorità kontraenti nnifisha. Id-deċiżjoni tar-rinviju tagħti x’jifhem li, fil-Litwanja, tali reviżjoni hija ta’ natura amministrattiva.
( 22 ) Il-bilanċ bejn il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni u l-protezzjoni ġudizzjarja huma msemmija b’mod ugwali fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 2016/943.
( 23 ) Fil-punti 64 sa 76 ta’ id-deċiżjoni, il-qorti tar-rinviju tispjega r-raġunijiet tagħha għaliex qajmet ir-raba’ sad-disa’ domanda. Li huwa minnu huwa li tali raġunijiet mhux dejjem jikkorrispondu bl-eżatt mal-mertu tad-domandi relatati.
( 24 ) Dan huwa enfasizzat minn Klaipėdos autobusų parkas fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, punti 81 u 82.
( 25 ) Sentenza tal‑5 ta’ April 2017, Marina del Mediterráneo et (C‑391/15, EU:C:2017:268), punt 26: “[i]l-formulazzjoni tal-Artikolu 1(1) tal-imsemmija direttiva tippreżupponi, bl-użu tal-kliem ‘fir-rigward ta’ kuntratti [proċeduri]’, li kull deċiżjoni ta’ awtorità kontraenti li taqa’ taħt ir-regoli li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi u li għandha mnejn tiksirhom hija suġġetta għall-istħarriġ ġudizzjarju previst fl-Artikolu 2(1)(a) u (b) tal-istess direttiva.”
( 26 ) Ibidem, punt 27. Il-Qorti tal-Ġustizzja ssostni, għaldaqstant, “sens wiesa’ tal-kunċett ta’ ‘deċiżjoni’ ta’ awtorità kontraenti [li] huwa kkonfermat mill-fatt li d-dispożizzjoni tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665 ma tipprevedi l-ebda restrizzjoni f’dak li jirrigwarda n-natura u l-kontenut tad-deċiżjonijiet li hemm riferiment għalihom.”
( 27 ) Ibidem, punt 31.
( 28 ) Ibidem, punt 32: “Fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni li tistabbilixxi l-mument li minnu għandha tkun miftuħa l-possibbiltà ta’ rikors, huwa, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dritt nazzjonali li għandu jirregola l-modalitajiet tal-proċedura ġudizzjarja intiża sabiex tiżgura s-salvagwardja tad-drittijiet li l-individwi għandhom taħt id-dritt tal-Unjoni”, bil-limitazzjonijiet inerenti fil-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza.
( 29 ) L-Artikolu 9(2) jipprevedi l-possibbiltà li l-korpi responsabbli mill-proċeduri ta’ reviżjoni ma jkunux ta’ natura ġudizzjarja u li jinħolqu “korpi indipendenti” magħmula minn membri bi status simili, f’xi każijiet, għal dak tal-qrati.
( 30 ) Sentenza tal‑5 ta’ April 2017, Marina del Mediterráneo et (C‑391/15, EU:C:2017:268), punt 31.
( 31 ) Ibidem, punt 34.
( 32 ) Ecoservice talbet l-aċċess għall-informazzjoni fl‑4 ta’ Diċembru 2018 sabiex tipprepara t-talba tagħha għar-reviżjoni kontra d-deċiżjoni tal-għoti ta’ kuntratt.
( 33 ) Sentenza tal‑5 ta’ April 2017Marina del Mediterráneo et (C‑391/15, EU:C:2017:268), punt 35.
( 34 ) Il-qorti tar-rinviju tirrikonoxxi li, bħala “qorti ta’ kassazzjoni għandha tiddeċiedi biss fuq il-kwistjonijiet ippreżentati mill-appellanti fl-appell ta’ kassazzjoni tagħha, b’mod konkret, jekk l-offerent B jissodisfa r-rekwiżit relatat mal-kapaċità teknika”. Madankollu, hija “tipprevedi l-possibbiltà li tmur, ex officio, lil hinn mil-limiti tal-appell ta’ kassazzjoni u tiddeċiedi fuq aspetti oħra tal-kunflitt bejn il-partijiet, […] mhux biss billi tibbaża ruħha fuq il-protezzjoni tal-interess pubbliku, iżda wkoll b’kunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni speċifika li tqajmet fil-każ tad-deċiżjonijiet, fejn l-appellanti ġiet miċħuda, essenzjalment, l-informazzjoni kollha li għaliha talbet aċċess fil-fażi prekontenzjuża u fil-proċedura” (punti 36 u 37 tad-deċiżjoni tar-rinviju).
( 35 ) Sentenza Varec, punt 53.