|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2026/1824 |
29.7.2026 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/1824
tat-28 ta’ Lulju 2026
li jagħmel l-importazzjonijiet tal-liżina li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina soġġetti għar-reġistrazzjoni bil-ħsieb li jippermetti l-imposta ta’ dazji anti-dumping fuq l-importazzjonijiet soġġetti għar-reġistrazzjoni
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(5) tiegħu u b’rabta mal-Artikolu 12(5) tiegħu,
Wara li informat lill-Istati Membri,
Billi:
|
(1) |
Fit-30 ta’ April 2026, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) ħabbret, permezz ta’ avviż ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2), il-ftuħ mill-ġdid ta’ proċediment anti-dumping fir-rigward tal-importazzjonijiet fl-Unjoni tal-liżina li toriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. |
|
(2) |
Dan il-bidu segwa talba mressqa fl-20 ta’ Marzu 2026 minn produttur tal-Unjoni li jirrappreżenta aktar minn 25 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni tal-liżina. |
|
(3) |
L-investigazzjoni tal-assorbiment għandha l-għan li tistabbilixxi jekk il-miżuri anti-dumping imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/1330 (3) fuq l-importazzjonijiet tal-liżina li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, kellhomx effett fuq il-prezzijiet tal-esportazzjoni, il-prezzijiet tal-bejgħ mill-ġdid jew il-prezzijiet tal-bejgħ sussegwenti fl-Unjoni. |
1. PRODOTT SOĠĠETT GĦAR-REĠISTRAZZJONI
|
(4) |
Il-prodott soġġett għar-reġistrazzjoni (“il-prodott ikkonċernat”) huwa l-liżina u l-esteri tagħha, l-imluħa tagħha, u l-addittivi tal-għalf, li jikkonsistu f’bażi ta’ piż xott ta’ 68 % jew aktar, iżda mhux aktar minn 80 % ta’ sulfat tal-L-liżina, u mhux aktar minn 32 % ta’ komponenti oħra bħal karboidrati u aċidi amminiċi oħra li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. In-numru tar-reġistru tal-Chemical Abstracts Service (CAS) għall-idroklorur tal-L-liżina huwa 657-27-2, għas-soluzzjoni milwiema tal-liżina 56-87-1, u għas-sulfat tal-liżina 60343-69-3 u 94195-18-3 |
2. REĠISTRAZZJONI
|
(5) |
Skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku, b’rabta mal-Artikolu 12(5) tar-Regolament bażiku, l-importazzjonijiet tal-prodott konċernat jistgħu jsiru soġġetti għal reġistrazzjoni, fejn investigazzjoni mill-ġdid ta’ assorbiment tinvolvi eżami mill-ġdid tal-valuri normali. Wieħed mill-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun fl-investigazzjoni msemmija hawn fuq, fil-15 ta’ Ġunju 2026, issottometta talba għall-kalkolu mill-ġdid tal-valur normali sostanzjata kif xieraq minn evidenza. |
|
(6) |
L-iskop tar-reġistrazzjoni huwa li jiġi żgurat li d-dazji anti-dumping, jekk ikun hemm, ikunu jistgħu jiġu imposti b’mod retroattiv fuq l-importazzjonijiet soġġetti għar-reġistrazzjoni f’konformità mad-dispożizzjonijiet legali applikabbli jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet meħtieġa. |
|
(7) |
Il-Kummissjoni ddeċidiet li tagħmel l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat soġġetti għar-reġistrazzjoni fuq inizjattiva tagħha stess skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku. Il-kundizzjonijiet għall-ġbir retroattiv tad-dazji se jiġu vvalutati fir-regolament li jikkonkludi l-investigazzjoni tal-assorbiment. |
|
(8) |
Kwalunkwe obbligazzjoni futura tiġi mis-sejbiet tal-investigazzjoni tal-assorbiment. |
|
(9) |
Il-kalkoli pprovduti fit-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-investigazzjoni anti-dumping jistmaw li l-marġnijiet tad-dumping żdiedu minn 53,1 % fil-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali (mill-1 ta’ Jannar 2023 sal-31 ta’ Diċembru 2023) għal 88,4 % fil-perjodu ta’ investigazzjoni ta’ assorbiment mill-1 ta’ April 2025 sal-31 ta’ Marzu 2026. Skont l-Artikolu 12(3) tar-Regolament bażiku, l-ammont tad-dazju anti-dumping impost bħala rtiżultat tal-investigazzjoni tal-assorbiment ma għandux jaqbeż id-doppju tal-ammont tad-dazju impost inizjalment. |
|
(10) |
Madankollu, f’dan l-istadju, il-Kummissjoni mhijiex f’pożizzjoni li tagħti stima tal-ammont ta’ obbligazzjoni futura possibbli. B’hekk, l-ammonti msemmija fit-talba huma biss għal skopijiet ta’ informazzjoni u ma jistgħux joħolqu aspettattivi dwar il-livell attwali ta’ obbligazzjoni li se jiġi stabbilit b’riżultat tal-investigazzjoni. |
3. IPPROĊESSAR TA’ DATA PERSONALI
|
(11) |
Kwalunkwe data personali miġbura fil-kuntest ta’ din ir-reġistrazzjoni tiġi ttrattata f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
1. L-awtoritajiet doganali huma b’dan ordnati, skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament (UE) 2016/1036, biex jieħdu l-passi xierqa biex jirreġistraw l-importazzjonijiet fl-Unjoni tal-liżina u l-esteri tagħha, l-imlieħ tagħha, u l-addittivi tal-għalf, li jikkonsistu f’bażi ta’ piż xott ta’ 68 % jew aktar, iżda mhux aktar minn 80 % tas-sulfat tal-L-liżina, u mhux aktar minn 32 % ta’ komponenti oħra bħall-karboidrati u aċidi amminiċi oħra, li normalment jaqgħu taħt in-numru tar-reġistrazzjoni tal-Chemical Abstracts Service (CAS) 657-27-2 għall-idroklorur tal-L-liżina, 56-87-1 għal soluzzjoni milwiema tal-liżina, u 60343-69-3 u 94195-18-3 għas-sulfat tal-liżina, li bħalissa huma kklassifikati taħt il-kodiċijiet NM 2309 90 31 , ex 2309 90 96 , u 2922 41 00 (kodiċijiet TARIC: 2309 90 31 51, 2309 90 31 59, 2309 90 31 61, 2309 90 31 69, 2309 90 96 51, 2309 90 96 59, 2309 90 96 61, 2309 90 96 69), u li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.
2. Ir-reġistrazzjoni għandha tiskadi seba’ xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Lulju 2026.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21, http://data.europa.eu/eli/reg/2016/1036/oj.
(2) ĠU C, C/2026/2557, 30.4.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/2557/oj.
(3) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/1330 tal-10 ta’ Lulju 2025 li jimponi dazju anti-dumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjonijiet tal-liżina li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L, 2025/1330, 11.7.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/1330/oj).
(4) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj.
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2026/1824/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)