29.8.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 231/11


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 849/2008

tat-28 ta' Awwissu 2008

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 3199/93 dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ proċeduri għall-iżnaturar komplet [denaturazzjoni totali] tal-alkoħol għall-iskopijiet ta' eżenzjoni mit-taxxa tas-sisa

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 92/83/KEE tad-19 ta' Ottubru 1992 dwar l-armonizzazzjoni tal-istrutturi tat-taxxi tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 27(4) tagħha,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 3199/93 (2) jistipula li d-denaturanti li jintużaw f'kull Stat Membru biex l-alkoħol jiġi denaturat kompletament skond l-Artikolu 27(1)(a) tad-Direttiva 92/83/KEE jridu jiġu deskritti fl-Anness ta’ dak ir-Regolament.

(2)

Skond l-Artikolu 27(1)(a) tad-Direttiva 92/83/KEE, l-Istati Membri għandhom jeżentaw mit-taxxa tas-sisa l-alkoħol li jkun ġie denaturat kompletament skond il-ħtiġijiet ta' kwalunkwe Stat Membru, dejjem jekk dawn il-ħtiġijiet ikunu ġew debitament innotifikati u aċċettati skond il-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafi 3 u 4 ta' dak l-Artikolu.

(3)

Fil-11 ta’ Settembru 2007, il-Greċja nnotifikat xi tibdiliet fil-proċessi tagħha tal-iżnaturar, awtorizzati mir-Regolament (KE) Nru 3199/93.

(4)

Il-Kummissjoni bagħtet in-notifika msemmija lill-Istati Membri l-oħra fis-27 ta' Settembru 2007.

(5)

Billi la l-Kummissjoni u lanqas xi Stat Membru ieħor ma talbu li l-kwistjoni titressaq fil-Kunsill fil-perjodu taż-żmien stipulat, skond l-Artikolu 27(4) tad-Direttiva 92/83/KEE, jitqies li l-Kunsill awtorizza t-tibdiliet imsemmija fil-proċessi tad-denaturazzjoni innotifikati mill-Greċja, b'seħħ mis-27 ta’ Novembru 2007.

(6)

Għaldaqstant, ir-Regolament (KE) Nru 3199/93 għandu jiġi emendat bix-xieraq.

(7)

Il-miżuri pprovduti f'dan ir-Regolament huma skond il-fehma tal-Kumitat tat-Taxxi tas-Sisa,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-paragrafu li jikkonċerna lill-Greċja fl-Anness għar-Regolament (KE) Nru 3199/93 jinbidel b'li ġej:

“Il-Greċja

Alkoħol etiliku ta' kwalità baxxa (id-distillat miksub fil-bidu u fi tmiem il-proċess tad-distillazzjoni), b'saħħa alkoħolika ta' mill-inqas 93 % vol u li ma jaqbiżx 96 % vol, li miegħu jiżdiedu s-sustanzi li ġejjin għal kull ettolitru ta' alkoħol idratat ta' 93 % vol:

—

Metanol: 2 litri

—

Spirtu tat-terpentina: litru

—

Pitrolju tal-lampi: 0,5 litru

—

Metilina blu: 0,40 gramma

F'temperatura ta' 20 °C, il-prodott aħħari, fil-forma mhux mibdula tiegħu, għandu jilħaq 93 % vol.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 28 ta’ Awwissu 2008.

Għall-Kummissjoni

László KOVÁCS

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 316, 31.10.1992, p. 21. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bl-Att tal-Adeżjoni tal-2005.

(2)   ĠU L 288, 23.11.1993, p. 12. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 67/2008 (ĠU L 23, 26.1.2008, p. 13).