41994D0015



Official Journal L 239 , 22/09/2000 P. 0165 - 0165


Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv

tal-21 ta' Novembru 1994

li tintroduċi proċedura kompjuterizzata biex ikunu kkonsultati l-awtoritajiet ċentrali msemmija fl-Artikolu 17(2) tal-Konvenzjoni.

(SCH/Kum-eż (94)15 rev.)

IL-KUMITAT EŻEKUTTIV,

Wara li kkunsidra l-Artikolu 132 tal-Konvenzjoni li jimplimenta l-Ftehim ta' Schengen,

Wara li kkunsidra l-Artikolu 17(2) tal-Konvenzjoni hawn fuq imsemmija,

IDDEĊIEDA DAN LI ĠEJ:

1. Fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-ħruġ ta' viżi, il-proċedura kompjuterizzata għall-konsultazzjoni ma' l-awtoritajiet ċentrali tal-Partijiet Kontraenti l-oħra meta joħorġu viżi għandha tkun applikata skond il-prinċipji stabbiliti fid-Dizzjunarju tad-Data anness hawnhekk (SCH/II- VIŻJONI (93) 20 rev. 3 [1] b'effett mid-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen. Jekk ċerti Partijiet Kontraenti ma jissodisfawx il-ħtiġijiet tekniċi biex tiġi applikata l-proċedura kompjuterizzata wara li l-Konvenzjoni dwar l-Implimentazzjoni tkun daħlet fis-seħħ, id-data ta' konsultazzjoni ta' dawn il-Partijiet Kontraenti għandha tkun trasmessa b'metodi konvenzjonali skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Istruzzjoni Konsulari Komuni.

2. Il-Kumitat Eżekuttiv isejjaħ lill-Partijiet Kontraenti biex jikkreaw il-kondizzjonijiet tekniċi neċessarji għall-applikazzjoni tal-proċedura kompjuterizzata kemm jista' jkun malajr.

3. Sakemm in-network Sirene (Fażi II) ippjanat għat-trasmissjoni ta' data għall-konsultazzjoni ma jkunx disponibbli meta l-prinċipji proċedurali msemmija hawn fuq jibdew japplikaw, il-Partijiet Kontraenti kkonċernati għandhom jieħdu l-passi neċessarji biex jassiguraw li d-data tista' tiġi trasmessa tramite l-linji pubbliċi. Il-Partijiet Kontraenti għandhom jiggarantixxu livell xieraq ta' sigurtà meta jittrasmettu l-informazzjoni.

4. Kull Parti Kontraenti għandha ġġorr l-ispejjeż kollha li jinqalgħu għall-istallazzjoni meħtieġa tal-proċedura ta' konsultazzjoni kompjuterizzata fil-pajjiż tagħha. Tnax-il xahar wara li s-sistema tkun bdiet topera, il-Partijiet Kontraenti għandhom jikkonsultaw dwar kull ħlas ta' kumpens għat-trasmissjoni ta' data, fil-waqt li jikkunsidraw il-prinċipju li min ħoloq l-ispejjeż għandu jħallashom. Marbut ma' dan l-Istati Kontraenti għandhom jikkunsidraw li fil-proċedura ta' konsultazzjoni, l-Istat ikkonsultat ukoll għandu jissalvagwardja l-interessi ta' sigurtà leġittimi ta' l-Istat konsulent.

Il-Partijiet Kontraenti għandhom iniżżlu l-ispejjeż li jinqalgħu minħabba t-tħaddim tal-proċedura ta' konsultazzjoni mid-data minn meta s-sitema bdiet topera u għandhom jagħtu rendikont sempliċi ta' dawn l-ispejjeż mhux aktar tard minn tnax-il xahar.

Heidelberg, fil-21 ta' Novembru 1994.

Il-President

Bernd Schmidbauer

[1] Dokument kunfidenzali.

--------------------------------------------------